Brussell, 17.7.2015

COM(2015) 349 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

li jevalwa l-progress irrappurtat mill-Italja lill-Kummissjoni u l-Kunsill dwar l-irkupru tal-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi 1995/1996 sa 2001/2002

(skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE)


RAPPORT MILL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

li jevalwa l-progress irrappurtat mill-Italja lill-Kummissjoni u l-Kunsill dwar l-irkupru tal-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib għall-perjodi 1995/1996 sa 2001/2002

(skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE)

Dan ir-rapport ta’ valutazzjoni qed isir skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE tas-16 ta’ Lulju 2003 dwar il-kompatibbiltà mas-suq komuni tal-għajnuna li r-Repubblika Taljana beħsiebha tagħti lill-produtturi tal-ħalib tagħha (minn hawn 'il quddiem, "id-Deċiżjoni tal-Kunsill"), li skontha l-awtoritajiet kompetenti Taljani jirrappurtaw lill-Kummissjoni u lill-Kunsill kull sena dwar il-progress li jkunu għamlu fl-irkupru tal-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi għall-perjodu mill-1995/1996 sal-2001/2002.

Skont l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, l-għajnuna li r-Repubblika Taljana tagħti lill-produtturi tal-ħalib, billi hi stess tagħmel ħlas lill-baġit tal-Unjoni Ewropea tal-imposta addizzjonali fuq il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib dovuta minnhom lill-UE għall-perjodi mill-1995/1996 sal-2001/2002, u billi tippermetti li dawn il-produtturi jħallsu lura d-dejn tagħhom permezz ta' pagament diferit fuq għadd ta' snin mingħajr imgħax, hija meqjusa eċċezzjonalment kompatibbli mas-suq komuni, dejjem jekk:

il-produtturi jħallsu lura l-ammont kollu, f'pagamenti annwali tal-istess daqs, u

il-perjodu tal-ħlas lura, li jibda mill-1 ta' Jannar 2004, ma jaqbiżx l-erbatax-il sena.

Skont l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill, l-għajnuna tingħata biss jekk l-Italja tiddikjara l-imposta addizzjonali totali għall-perjodi kkonċernati lill-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), illum il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG), u tnaqqas id-dejn li jifdal permezz ta' tliet ħlasijiet annwali ndaqs min-nefqa ffinanzjata mill-FAEGG għal Novembru 2003, Novembru 2004 u Novembru 2005 rispettivament. Id-dikjarazzjoni tal-Italja tal-imposta addizzjonali totali għall-perjodi kkonċernati saret kif xieraq permezz ta' ittra tas-26 ta' Awwissu 2003. Id-dejn li jifdal tnaqqas kif xieraq min-nefqa ffinanzjata mill-FAEGG għax-xhur ta' Novembru 2003, 2004 u 2005.

L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill jitlob lill-awtoritajiet kompetenti Taljani biex kull sena jirrappurtaw lill-Kummissjoni u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fl-irkuprar tal-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi għall-perjodi mill-1995/1996 sal-2001/2002.

Skont din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet Taljani ppreżentaw l-għaxar rapport tagħhom dwar il-ħlas parzjali tal-2013 lill-Kummissjoni, permezz ta' ittra mill-AGEA (Agenzia per le Erogazioni in Agricoltura) fit-13 ta' Novembru 2014.

Ir-rapport preżenti jipprovdi l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-progress irrappurtat mill-awtoritajiet Taljani għas-sena 2013 fl-irkupru tal-imposta addizzjonali għall-perjodi koperti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill, kif ukoll dawk li mhumiex koperti minnha.

Ħlas ta' imposti skont il-faċilità tal-ħlas parzjali tal-2003

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Italja biex hi stess tħallas lill-baġit Komunitarju l-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi tal-ħalib tagħha kienet tikkonċerna 25 123 produttur fl-2005, id-data tal-ewwel rapport lill-Kunsill. Din iċ-ċifra naqset għal 21 819 għall-2013.

Mill-produtturi kollha fir-rapport li kienu soġġetti għall-imposta għas-seba' perjodi koperti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill, 15 431 għażlu li jħallsu bl-iskema tal-ħlasijiet parzjali tal-2003. Fl-2004, qabel ma sar l-ewwel ħlas parzjali annwali, il-15 431 produttur li għażlu l-iskema tal-ħlasijiet parzjali b'kollox kellhom jagħtu EUR 345 miljun bejniethom, jiġifieri madwar kwart tal-ammont totali li għad irid jitħallas mill-produtturi li rrifjutaw li jissieħbu mal-iskemi tal-ħlasijiet parzjali. B'hekk jidher li l-maġġoranza tal-produtturi responsabbli għal-livelli aktar baxxi ta' kunsinni individwali eċċessivi għażlu li jidħlu f'din l-iskema. Min-naħa l-oħra, il-produtturi b’livelli ogħla ta' produzzjoni eċċessiva (madwar 8 000 produttur li jridu jagħtu madwar EUR 1 biljun f'imposti dovuti fuq is-seba' perjodi), għażlu minflok li ma jidħlux fl-iskema tal-ħlasijiet parzjali. Madankollu, ta' min jippreċiża li, kull sena, l-awtoritajiet Taljani jirċievu applikazzjonijiet ġodda għal ħlasijiet parzjali. Fl-2013, tressqu 160 applikazzjoni ġdida, li jikkorrispondu għal total ta' madwar EUR 8,7 miljun. L-ammont totali koperti mill-iskema tal-ħlasijiet parzjali huwa ta' EUR 362,17 miljun.

L-għaxar ħlas parzjali kellu jsir minn 11 331 produttur, li b'kollox kellhom jagħtu EUR 26 165 096 sal-31 ta' Diċembru 2013. Il-verifiki li twettqu mill-awtoritajiet Taljani juru li matul l-2013, 11 132 produttur ħallsu total ta’ EUR 25 664 142  kif xieraq. Dan ifisser li għall-għaxar ħlas parzjali, 98,24 % tal-produtturi ħallsu 98,2 % tal-imposta fil-ħin. Id-disa' ħlasijiet parzjali preċedenti kienu saru fil-ħin għal 99,6 %, 97,9 %, 99,5 %, 99,7%, 96,4 %, 96,2 %, 90,5 %, 98,3 % u 96,9 % tal-ammonti dovuti rispettivament. Għalhekk, l-imposta totali miġbura fl-ewwel għaxar ħlasijiet parzjali tammonta għal madwar EUR 270 739 640 miljun (madwar 97.3 % tal-ammont totali dovut f'dawn il-ħlasijiet parzjali annwali).

Filwaqt li dawn il-livelli ċertament jindikaw l-impenn min-naħa tal-produtturi parteċipanti fl-iskema tal-ħlasijiet parzjali fit-twettiq tal-obbligi tagħhom, il-Kummissjoni tqis li l-azzjoni ta' segwitu meħuda f'dawk il-każijiet fejn il-ħlas ma sarx fil-limitu taż-żmien stipulat, huwa sinjal ċar tal-livell ta' impenn min-naħa tal-awtoritajiet Taljani sabiex jiżguraw li jitħarsu l-kundizzjonijiet tal-iskema kif suppost u li, fl-aħħar nett, tinġabar l-imposta kollha dovuta.

Fir-rigward tal-għaxar ħlas parzjali, ma hemmx informazzjoni disponibbli għall-ħlasijiet tal-199 produttur li fadal, li jirrappreżentaw valur ta' EUR 500 948.

Għad-disa' perjodu tal-ħlas parzjali, 285 produttur ma għamlux il-pagament tagħhom fl-aħħar tal-2002, jiġifieri EUR 786 682,83. Skont informazzjoni li waslet mill-awtoritajiet Taljani, dawn il-każijiet kollha ġew notifikati mill-awtoritajiet ċentrali lill-awtoritajiet reġjonali rilevanti sabiex jiġi infurzat il-pagament tal-ammont sħiħ dovut b'rata tal-imgħax 'il barra mill-iskema tal-pagament parzjali. Mill-285 produttur li għall-ewwel kienu maħsuba li ma ħallsux, wara ntwera li, fil-fatt, 191 minnhom kienu ħallsu. Min-naħa l-oħra, l-94 produttur li ma kinux ħallsu d-disa' ħlas parzjali tilfu l-intitolament tagħhom li jħallsu bin-nifs, u nbdew proċeduri ta' rkupru infurzat kontrihom.

Stabbilimenti li għalihom il-possibbiltà ta’ ħlas parzjali ġiet irrevokata

Jekk produttur jonqos milli jħallas xi wieħed mill-ħlasijiet parzjali fis-sena jiġi eskluż mill-iskema u, konsegwentement, jesponi lilu nnifsu għall-irkupru f'daqqa tal-ammont kollu dovut u tal-imgħax.

Għaxar snin wara t-tnedija tal-iskema għall-ħlas parzjali tal-2003, total ta’ 613 azjenda kellhom id-dritt li jħallsu bi ħlas parzjali irrevokat, għal dejn totali maqsum fi ħlasijiet parzjali ta’ EUR 22 817 190.

Madankollu, minn dan l-ammont, EUR 7 128 700 kienu tħallsu qabel ma ġie revokat dan id-dritt u EUR 4 297 074,81 ġew irkuprati wara r-revoka, li jfisser li d-dejn totali pendenti li jifdal huwa ta' EUR 11 391 415 u jikkonċerna 251 azjenda.

Dawn iċ-ċifri juru li d-diliġenza li wriet l-amministrazzjoni Taljana fil-ġbir tal-imposta mill-produtturi li ġew esklużi mill-iskema wara li naqsu milli jħallsu ħlas parzjali, ma hija sodisfaċenti xejn. Barra minn hekk, il-produtturi tal-ħalib kellhom jirtiraw l-azzjonijiet legali tagħhom quddiem il-qrati Taljani sabiex ikunu intitolati li jidħlu fl-iskema ta’ ħlas parzjali. Filwaqt li wieħed għandu jżomm f’moħħu dan il-fatt, in-nuqqas ta’ rkupru ma jidhirx li ġej mit-tul potenzjali tal-proċedimenti fil-qorti, iżda pjuttost jista’ jkun ibbażat fuq l-inkapaċità tal-amministrazzjoni Taljana biex tirkupra dawk l-ammonti b’mod effettiv.

Diferiment tal-ħlas b'sitt xhur u l-konsegwenzi tiegħu fuq l-għajnuna mill-Istat

Skont l-Artikolu 2(12)(k) tad-Digriet-Liġi Taljan Nru 225 tad-29 ta' Diċembru 2010, konvertit fil-Liġi Nru 10 tas-26 ta' Frar 2011, l-Italja awtorizzat id-diferiment sat-30 ta' Ġunju 2011, tal-ħlas parzjali tal-2010 li, fil-prinċipju, kien dovut sal-31 ta' Diċembr 2010 skont l-iskema tal-ħlasijiet parzjali tal-2003 approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/530/KE.

Skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 4046 finali tas-17 ta' Lulju 2013, il-Kummissjoni ddikjarat li d-diferiment tal-ħlas parzjali tal-imposta tal-ħalib dovut sal-31 ta' Diċembru 2010 kien jikkostitwixxi għajnuna mhux kompatibbli mas-suq intern. Barra minn hekk, hija kkunsidrat li din l-għajnuna kienet tfisser li l-kundizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE ma ġewx rispettati, u ħolqot, għal dawk li bbenefikaw minnha u li ħarġu għalhekk mill-qafas stabbilit mill-Kunsill, għajnuna tal-Istat ġdida. Din l-għajnuna hija kontra l-liġi skont it-tifsira tal-Artikolu 1(f) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, u lanqas mhi kompatibbli mas-suq intern.

Skont id-Deċiżjoni C(2013) 4046 finali, il-Kummissjoni ordnat lill-Italja biex iġġiegħel lill-benefiċjarji tad-diferiment tal-ħlas iħallsu lura l-ammont tal-għajnuna inkompatibbli, flimkien mal-imgħax.

L-awtoritajiet Taljani nedew il-proċeduri amministrattivi meħtieġa biex jirkupraw l-għajnuna. Madankollu, fit-8 ta' Novembru 2013, l-Italja fetħet każ kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali (il-Każ T-527/13). Fl-24 ta' Ġunju 2015, din ħarġet sentenza li annullat parzjalment id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni: is-sentenza kkonfermat l-approċċ tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna inerenti fid-diferiment tal-ħlas parzjali tal-imposta dovuta fil-31 ta' Diċembru 2010, iżda rrifjutat il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna l-ġdida maħluqa għal dawk li bbenefikaw minn dan id-diferiment, biex ħarġu għalhekk mill-qafas tad-deċiżjoni tal-Kunsill.

Imposta addizzjonali dovuta għall-perjodu 2002/2003

Għall-perjodi mill-1995 sal-2002, l-Italja stess ħallset lill-baġit tal-Unjoni Ewropea l-imposta addizzjonali dovuta mill-produtturi skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2003/530/KE.

Mill-2004, l-Istati Membri ħallsu l-imposta addizzjonali direttament lill-baġit tal-Unjoni, skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1788/2003 tad-29 ta' Settembru 2003.

Madankollu, il-perjodu 2002/2003 la huwa kopert mid-Deċiżjoni tal-Kunsill u lanqas mill-iskema l-ġdida stabbilita fl-2004. Jekk wieħed iqis li l-kwota nazzjonali attribwita għall-Italja nqabżet, il-produtturi tal-ħalib Taljani responsabbli għal dik il-qabża kellhom jagħtu EUR 227,77 miljun lill-baġit tal-UE għall-perjodu 2002/2003.

Minn dan l-ammont, EUR 56,58 miljun ġew irkuprati u mħallsa lill-baġit tal-Unjoni, filwaqt li EUR 40,68 miljun ġew annullati b'deċiżjoni ġudizzjarja. Għalhekk, fil-31 ta' Diċembru 2013, il-produtturi tal-ħalib kienu għadhom iridu jagħtu EUR 130,50 miljun lill-baġit tal-UE fir-rigward tal-imposta addizzjonali għall-perjodu 2002/2003. Minn dan l-ammont, EUR 9,35 miljun huma koperti mill-iskema tal-ħlasijiet parzjali tal-2009.

L-imposti dovuti li la huma koperti bl-iskema tal-ħlas parzjali tal-2003 u lanqas bis-sistema tar-rimbors tal-2009

Fir-rapporti preċedenti, diġà kienet inġibdet l-attenzjoni għall-fatt li l-iskema tal-ħlas parzjali tal-2003 u s-sistema ta’ rimbors tal-2009 (b’rata ta’ imgħax daqs rata ta’ referenza għall-Unjoni miżjuda b’bosta punti perċentwali) fir-realtà jkopru biss parti żgħira mill-ammont tal-imposta li jrid jiġi rkuprat.

Fil-fatt, l-ammont totali tal-imposta implikat għall-perjodi mill-1995/96 sa 2008/09, kif notifikat mill-Italja, huwa ta' EUR 2,305 biljun. Minn dan l-ammont, EUR 566,71 miljun kienu rkuprati mill-Italja bejn l-2003 u l-2013: EUR 270,74 miljun fl-iskema tal-ħlasijiet parzjali tal-2003, EUR 4,99 miljun fl-iskema ta' rimbors tal-2009 u EUR 290,98 miljun barra l-iskemi tal-ħlasijiet parzjali.

Mill-ammont li jifdal, jiġifieri, EUR 1,738 biljun:

- parti żgħira (EUR 199,88 miljun) hija koperta mill-iskemi tal-ħlasijiet parzjali stabbiliti mill-Italja fl-2003 u l-2009, kif għażlu xi produtturi tal-ħalib li għandhom iħallsu l-imposta;

- EUR 211.23 miljun ġew iddikjarati irrekoverabbli wara l-falliment tal-produttur jew annullament tal-imposta mill-qrati;

- għad hemm EUR 1,327 biljun dovuti mill-produtturi li rrifjutaw li jissieħbu mal-iskemi tal-ħlasijiet parzjali, li ħafna minnhom ikkontestaw l-imposta addizzjonali fil-qrati Taljani.

Għalhekk, madwar 87 % tal-ammonti totali li għadhom dovuti għall-imposta tal-perjodi mill-1995/96 sal-2008/09 (EUR 1,527 biljun) mhuma koperti minn ebda skema tal-ħlasijiet parzjali.

L-ammont totali miġbur barra l-iskemi tal-ħlasijiet parzjali s’issa jammonta biss għal EUR 290,98 miljun. Skont ir-rapport mibgħut mill-awtoritajiet Taljani, din ir-rata baxxa ħafna tista' tkun ir-riżultat tal-għadd kbir ta' kawżi li tressqu mill-produtturi li għandhom iħallsu l-imposta u li kisbu s-sospensjoni tal-proċess tal-irkupru.

Fir-rapporti ta' valutazzjoni preċedenti tagħha, li kienu ppreżentati lill-Kunsill, il-Kummissjoni kienet tal-opinjoni li r-rapporti annwali ppreżentati mill-Italja għandhom jiddeskrivu speċifikament is-sitwazzjoni tal-każijiet tal-qorti pendenti, u għandhom jipprovdu dettalji li jikkonfermaw il-ħlas min-naħa tal-produtturi li tilfu l-kawża tagħhom fil-qorti. Mingħajr tali indikazzjonijiet, il-Kummissjoni ma kinitx f'qagħda li tagħmel monitoraġġ korrett tal-progress fil-ġbir ta' dik il-parti tal-imposta li mhix koperta mill-iskema tal-ħlas parzjali.

Il-Kummissjoni laqgħet l-informazzjoni fir-rapport tal-awtoritajiet Taljani dwar l-għaxar ħlas parzjali fir-rigward tas-sitwazzjoni globali attwali tal-irkupru tal-imposti fl-iskema tal-ħlasijiet parzjali implimentata fl-2003.

Madankollu, iċ-ċifri mogħtija mill-amministrazzjoni Taljana juru li ftit li xejn sar progress fil-ġbir tal-ammonti li mhumiex inklużi fl-iskemi tal-ħlasijiet parzjali. Partikolarment, ftit li xejn sar progress fl-irkupru tal-ammonti infurzabbli li qatt ma ġew ikkontestati jew li ġew ikkontestati iżda kkonfermati mill-qorti relevanti, jew li għalihom il-każijiet għadhom għaddejjin iżda qatt ma nħarġu ordnijiet ta' sospensjoni.

Fil-31 ta' Diċembru 2013, EUR 240,92 miljun minn dawn l-ammonti infurzabbli kienu ġew tabilħaqq miġbura, u l-ammont infurzabbli li kien għad baqa' jinġabar kien ta’ EUR 827 miljun. Il-Kummissjoni tinnota wkoll li, mill-ammont ta' EUR 1,527 biljun li għadu dovut għall-perjodi 1995/96-2008/09, EUR 500 miljuni għadhom mhumiex infurzabbli billi huma s-suġġett ta' tilwima legali u nħarġet ordni mill-qorti biex l-irkuprar jiġi sospiż. Madankollu, dawn ikollhom jiġu rkuprati ladarba tinħareġ deċiżjoni ġudizzjarja favur l-ammnistrazzjoni.

F'dak li għandu x'jaqsam mal-ammonti li huma infurzabbli bħalissa u li huma dovuti għall-perjodi 1995/96-2008/09, 22,5 % biss tal-ammonti fil-fatt inġabru.

Fir-rigward tal-perjodi koperti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (1995/96 à 2001/2002), l-ammonti miġbura jikkorrispondu għal 26,6 % tal-ammonti attwalment infurzabbli. Fi ħdan l-ammonti infurzabbli, għandha ssir distinzjoni bejn:

- l-ammonti li ma ġewx ikkontestati: mill-EUR 172,12 miljun infurzabbli, EUR 109,65 miljun ġew irkuprati, jiġifieri rata ta' rkupru ta' 63 %;

- l-ammonti li kienu s-suġġett ta' kawża legali, iżda li għalihom ma nħarġitx ordni ta' sospensjoni tal-irkupru: mill-EUR 256,20 mijun infurzabbli, EUR 28,38 miljun biss (11 %) ġew irkuprati;

- l-ammonti li ġew ikkonfermati mill-qorti: mill-EUR 639,97 mijun infurzabbli, EUR 102,89 miljun (16.5 %) ġew irkuprati.

Il-Kummissjoni tenfasizza l-progress batut ħafna li sar fl-ikupru tal-aħħar żewġ kategoriji ta' ammonti. Bl-istess mod, mill-EUR 172,12 miljun li qatt ma kienu kkontestati u li, għalhekk, setgħu jinġabru minnufih, għad hemm EUR 62,48 million li jridu jiġu rkuprati. Fir-rigward tal-imposta dovuta għall-perjodi mill-1995/1996 sal-2001/2002, dan ifisser li EUR 19.54 miljun baqgħu ma ġewx irkuprati għal iktar minn għaxar snin.

Il-Kummissjoni tesprimi dispjaċir kbir li ma sarx biżżejjed progress fil-ġbir tal-parti tal-imposta li mhux koperta mill-iskema tal-ħlasijiet parzjali tal-2003 jew mis-sistema ta' rimbors tal-imposti tal-2009.

Il-Kummissjoni qed tkompli ssegwi mill-qrib il-proċess ta' rkupru fl-Italja, b’mod partikolari l-irkupru tal-imposta li mhijiex koperta mill-iskema tal-faċilità tal-ħlas parzjali. F'diversi okkażjonijiet, is-servizzi tal-Kummissjoni esprimew l-osservazzjonijiet tagħhom (inklużi rimarki negattivi) lill-awtoritajiet Taljani u talbu informazzjoni dettaljata dwar aspetti differenti li jikkonċernaw l-irkupru tal-imposta tal-ħalib.

Madankollu, minkejja t-talbiet numerużi ripetuti tal-Kummissjoni, il-maġġoranza tal-ammonti dovuti għadhom ma ġewx irkuprati mill-awtoritajiet Taljani. 

Fl-20 ta' Ġunju 2013, il-Kummissjoni Ewropea ordnat lill-Italja, skont l-Artikolu 258 tat-TFUE, biex tibgħat l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-miżuri insuffiċjenti meħuda biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati fl-irkupru tal-imposta addizzjonali għall-perjodu mill-1995 sal-2009. Madankollu, ir-risposta tal-Italja ma wrietx li qed isir xi progress sinifikanti fl-irkupru.

Fl-10 ta' Lulju 2014, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Italja talli ma ħaditx biżżejjed miżuri biex tiggarantixxi l-irkupru effettiv u effiċjenti tal-imposti eċċessivi mill-produtturi tal-ħalib li qabżu l-kwota individwali tagħhom matul is-snin li fihom l-Italja qabżet il-kwota nazzjonali tal-ħalib tagħha.

Konklużjoni

Il-Kummissjoni tqis li, safejn għandu x'jaqsam it-twettiq tal-kundizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-iskema tal-ħlasijiet parzjali approvata mill-Kunsil fl-2003, il-progress li għamlu l-awtoritajiet Taljani fl-irkupru tal-ammont dovut mill-produtturi li għażlu li jħallsu bl-iskema tal-ħlasijiet parzjali għall-perjodi tal-1995/1996 sal-2001/2002 juri li l-iskema ġiet ġestita b'mod sodisfaċenti.

Fir-rigward tal-ammonti mhux irkuprati mill-iskemi tal-ħlasijiet parzjali, il-Kummissjoni diġà qalet, fir-rapporti tal-valutazzjoni tagħha ppreżentati lill-Kunsill fl-2010, l-2011, l-2012 u l-2013, u mbagħad fl-ittra ta' avviż formali mibgħuta lill-Italja fl-Il-Ħamis 10 ta' Lulju 2014, li mhijiex sodisfatta bin-nuqqas ta' progress sinifikanti fl-irkuprar tal-imposta marbuta mal-kwoti tal-ħalib.

Skont l-informazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet Taljani fir-rapport tagħhom dwar l-għaxar ħlas parzjali, f'dan il-każ, ma hemmx żviluppi maġġuri ġodda x'jiġu rrappurtati fil-ġbir effettiv tal-imposta mhux koperta mill-iskemi tal-ħlas parzjali. Fid-dawl tad-daqs tal-imposta mhux imħallsa u tat-tul ta' żmien li ilha mhux miġbura, għandu jiġi konkluż li l-effiċjenza u l-effettività tal-liġi ta' UE la kienet u lanqas hija garantita. Minħabba l-ammont kbir tal-imposta mhux imħallsa u t-tul ta' żmien li baqgħet mhux irkuprata, għandu jiġi konkluż li l-effiċjenza u l-effettività tal-liġi tal-UE mhux qed jiġu u ma kinux qed jiġu żgurati mill-awtoritajiet Taljani. Dan wassal lill-Kummissjoni biex, fis-26 ta' Frar 2015, tniedi proċedimenti ta' ksur fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 258 tat-TFUE.