IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 10.7.2015
COM(2015) 331 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta’ oġġetti b’użu doppju
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-tranżitu ta’ oġġetti b’użu doppju
1.
Introduzzjoni
L-Artikolu 23(3) tar-Regolament (KE) Nru 428/2009 isejjaħ lill-Kummissjoni biex tressaq rapport annwali lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet, l-eżaminazzjonijiet u l-konsultazzjonijiet tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar l-Użu Doppju (DUCG). Barra minn dan, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni (COM(2014)244) tagħraf li l-pubblikazzjoni ta' rapporti u informazzjoni ta' kontroll mhux sensittiva jistgħu jkunu passi kritiċi biex itejbu t-trasparenza u l-konformità tal-operaturi u l-kapaċità tagħhom li jimplimentaw il-kontrolli. Dan ir-rapport, imħejji mill-Kummissjoni u d-DUCG bil-kontribut ta' Stati Membri
, jipprovdi tagħrif dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament fl-2014, u jinkludi data ta' kontroll aggregata dwar l-esportazzjoni għall-2013.
2.
L-evoluzzjoni tal-politika u l-qafas regolatorju
2.1.
L-analiżi tal-politika tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-UE
L-2014 immarka stadju importanti fir-rieżami tal-politika tal-kontroll tal-esportazzjoni, bl-adozzjoni tal-Komunikazzjoni (COM(2014)244) tal-24 ta' April 2014, li għandha l-mira li timmappja d-direzzjoni għall-kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE, u tidentifika għażliet konkreti ta' politika għall-modernizazzjoni tagħhom u l-adattament tagħhom lejn ċirkostanzi teknoloġiċi, ekonomiċi u politiċi li qed jinbidlu malajr. Wara l-adozzjoni tal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni varat valutazzjoni tal-impatt bl-iskop li jiġu evalwati l-kosti u l-benefiċċji assoċjati mal-opzjonijiet differenti ta' rieżami, u li jiġu identifikati l-azzjonijiet regolatorji u nonregolatorji l-iktar xierqa (
http://ec.europa.eu/smart-regulation/impact/planned_ia/docs/2013_trade_015_duxc_en.pdf
).
Mal-pubblikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 599/2014 fit-12 ta' Ġunju 2014, inħarġet Dikjarazzjoni Konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar l-analiżi tas-sistema ta’ kontroll tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju
, li tirrikonoxxi li l-modernizzazzjoni u iktar konverġenza tas-sistema hija meħtieġa biex tlaħħaq ma' theddidiet ġodda u tibdil teknoloġiku rapidu, biex jitnaqqsu d-distorzjonijiet u biex tippromwovi kundizzjonijiet ekwi għall-esportaturi.
Barra minn hekk, il-Kunsill adotta, fil-21 ta' Novembru 2014, Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-analiżi tal-politika ta' kontroll tal-esportazzjoni (
http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/145903.pdf
), filwaqt li l-Parlament Ewropew għamel Mistoqsija Orali dwar is-suġġett (
http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+OQ+O-2014-000081+0+DOC+XML+V0//MT
).
2.2.
Emendi għar-Regolament (KE) Nru 428/2009
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 ġie emendat darbtejn matul il-perjodu ta' rapportar:
Ir-Regolament (UE) Nru 599/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 introduċa delegazzjoni ta' kompetenza lill-Kummissjoni biex taġġorna l-Lista ta' Kontroll tal-UE fl-Anness I ("atti delegati") u biex tneħħi destinazzjonijiet mill-ambitu tal-EUGEA fl-Anness II b'relazzjoni mal-embargi fuq l-armi;
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 1382/2014 tat-22 ta' Ottubru 2014 aġġorna l-Lista ta' Kontroll tal-UE fl-Anness I tar-Regolament, u inkorpora modifiki maqbula fir-reġimi ta' kontroll tal-esportazzjoni multilaterali fl-2011, l-2012 u l-2013. Dawn il-modifiki jinkludu d-dekontroll ta' ċerti oġġetti u emendi għad-deskrizzjonijiet u d-definizjonijiet ta' xi oġġetti, kif ukoll kontrolli ġodda, pereż. dwar is-sorveljanza tal-internet u software ta' intrużjoni. Il-lista ta’ kontroll tal-UE ġdida konsolidata u aġġornata saret applikabbli fil-31 ta' Diċembru 2014, u b’hekk tippermetti lill-UE taderixxi mal-impenji internazzjonali tagħha fir-rigward tal-kontrolli tal-esportazzjoni u tgħin lill-esportaturi tal-UE fejn il-parametri ta’ kontroll ġew rilassati.
L-evoluzzjoni ulterjuri tal-qafas regolatorju tibqa' miftuħa għall-eżaminazzjoni bħala parti mir-rieżami tal-politika ta' kontroll tal-esportazzjoni.
2.3.
Miżuri nazzjonali għall-implimentazzjoni
Ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha, iżda, madankollu, jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri fl-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet, u li l-informazzjoni dwar dawk il-miżuri għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Fl-2014, id-DUCG ġabar il-kontributi mill-Istati Membri biex jaġġorna l-avviż ippubblikat fis-6 ta' Marzu 2012
li jagħti stampa ġenerali ta' miżuri meħdua minn Stati Membri rigward pereż. l-estensjoni tal-kontrolli tas-senserija u t-tranżitu, l-estensjoni tal-kontrolli għal oġġetti mhux elenkati għal raġunijiet ta' sigurtà pubblika u konsiderazzjoni għad-drittijiet tal-bniedem, l-introduzzjoni ta' awtorizzazzjonijiet tal-esportazzjoni ġenerali nazzjonali, l-applikazzjoni ta' kontrolli ta' trasferiment intra-UE għal oġġetti mhux elenkati, kif ukoll tagħrif relatat mal-awtoritajiet tal-kontroll tal-esportazzjoni nazzjonali.
3.
Attivitajiet tal-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar l-Użu Doppju
L-Artikolu 23 tar-Regolament jistabbilixxi l-ħolqien ta’ Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar l-Użu Doppju (DUCG) li jgħaqqad flimkien esperti mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri sabiex jeżaminaw kwalunkwe kwistjoni rigward l-applikazzjoni ta’ kontrolli tal-esportazzjoni bil-għan li tittejjeb fil-prattika l-konsistenza u l-effettività tagħhom madwar l-UE.
3.1.
Konsultazzjonijiet dwar kwistjonijiet ta' implimentazzjoni
Matul il-perjodu ta' rapportar, id-DUCG ipprovda forum għall-konsultazzjonijiet dwar numru ta' kwistjonijiet topiċi rigward l-implimentazzjoni tar-Regolament. Id-DUCG kellu seba' laqgħat, u ddiskuta kwistjonijiet ta' kontroll speċifiċi, pereż. l-applikazzjoni tal-eżenzjoni għan-noti kriptografiċi, il-listi CBRN ta' sustanzi ta' riskju għoli u prekursuri għall-isplussivi, ftehimiet Euratom, u l-kontroll tal-grafit.
Id-DUCG wettaq skambju tekniku tal-informazzjoni rigward l-implimentazzjoni tal-miżuri nazzjonali, u ħejja aġġornament tal-pubblikazzjoni tal-Ġurnal Uffiċċjali dwar il-miżuri nazzjonali (ĠU C 67 tas-6 ta' Marzu 2012).
Id-DUCG irrieżamina l-metodoloġija u l-approċċ għall-iskambju ta' data, u wettaq eżerċizzju komprensiv ta' data ta' liċenzjar (abbażi ta' data tal-2013) sabiex iżid l-iskambju ta' informazzjoni bejn Stati Membri u t-trasparenza pubblika dwar il-kontrolli ta' esportazzjoni ta' prodotti b'użu doppju.
Id-DUCG waqqaf, konġuntament mal-amministrazzjonijiet doganali, sottogrupp tekniku biex jeżamina l-konverġenza potenzjali tal-programmi "Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati" doganali ma' "programmi ta' konformità interni" ta' kontrolli tal-esportazzjoni. Is-sottogrupp tekniku ffoka, fi stadju inizjali, fuq it-tħejjija ta' tabella komparattiva OEA-PKI.
Id-DUCG wettaq skambju ta' informazzjoni teknika rigward il-kontroll ta' oġġetti ta' monitoraġġ u interċettazzjoni tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni (ICT). Id-DUCG waqqaf "Grupp ta' esperti dwar it-teknoloġija tas-sorveljanza" sabiex jeżamina din il-kwistjoni fil-fond. Twaqqaf ukoll grupp espert tekniku ieħor dwar il-grafit ta' grad nukleari.
3.2.
Sostenn tekniku għat-tħejjija ta' aġġornamenti għal-lista ta' kontroll tal-UE
Id-DUCG ġie kkonsultat u appoġġja t-tħejjija ta' Regolament Delegat tal-Kummissjoni li jaġġorna l-Lista ta' Kontroll tal-UE. Esperti speċjali nazzjonali qasmu għarfien espert u taħriġ tekniku ma' awtoritajiet, u ssottolinjaw l-iktar tibdiliet importanti li saru fil-lista ta' kontroll fl-okkażjoni ta' sessjoni speċjali tad-DUCG.
3.3.
Gwida tal-UE dwar il-Kontrolli tal-Esportazzjoni ta’ Oġġetti b’Użu Doppju
Id-DUCG ħejja żieda għal-Linji Gwida tal-UE li ssostni l-iskambju tal-informazzjoni u l-konsultazzjonijiet bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-liċenzji globali. Dawn il-Linji Gwida riveduti ġew endorsjati, bħala strument mhux vinkolanti, mill-Grupp ta' Ħidma dwar Merkanzija ta' Użu Doppju tal-24 ta' Novembru 2014.
3.4.
L-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti
Id-DUCG jaħdem kontinwament fuq l-iżvilupp tas-Sistema Elettronika dwar l-Użu Doppju (DUeS), sistema elettronika żgura u kriptata ospitata mill-Kummissjoni, biex tippermetti l-iskambju effettiv tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' kontroll tal-esportazzjoni u l-Kummissjoni. Id-DUCG introduċa funzjonalitajiet u titjib ġdid fid-DUeS, billi pprovda għall-iskambju tal-informazzjoni rigward iċ-ċaħdiet dwar is-senserija u t-tranżitu ta' oġġetti ta' użu doppju, kif ukoll dwar esportaturi pprojbiti milli jużaw Awtorizzazzjonijiet Ġenerali ta' Esportazzjoni tal-UE.
Id-DUCG iffinalizza ukoll it-tħejjijiet rigward l-estensjoni tad-DUeS għal ċaħdiet ta’ esportazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra. Il-funzjonalità l-ġdida hija mistennija li tibda taħdem fl-ewwel kwart tal-2015. Informazzjoni teknika dwar id-DUeS ġiet ukoll trażmessa lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, biex issostni l-iskambju elettroniku tal-informazzjoni dwar iċ-ċaħdiet għall-esportazzjoni ta' armi.
3.5.
It-trasparenza u d-djalogu mal-industrija u mal-akkademja
Fid-dawl tal-Artikolu 23(2), il-Kummissjoni organizzat laqgħat regolari mal-partijiet ikkonċernati fl-industrija. B'mod partikolari, id-DUCG organizza "Forum DUCG-Industrija" fit-23 ta' Ottubru 2014 ġewwa Brussell ma' assoċjazzjonijiet industrijali u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex jiddiskutu opzjonijiet ta' analiżi identifikati fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni "L-analiżi tal-politika ta' kontroll tal-esportazzjoni: niżguraw sigurtà u kompetittività f'dinja li qed tinbidel"
(
http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2014/october/tradoc_152858.pdf
).
Id-DUCG ħejja wkoll dokumentazzjoni biex tkun ta' appoġġ għall-implimentazzjoni tar-regolamenti mill-esportaturi. B'mod partikolari, "in-Nota Komprensiva tal-Bidliet" ("Comprehensive Change Note") tiġbor fil-qosor, għall-finijiet informattivi, il-bidliet tat-test ta' kontroll fil-lista ta' kontrolli tal-UE introdotta skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni 1382/2014 (
http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2014/october/tradoc_152854.pdf
).
3.6.
Monitoraġġ u infurzar ta’ kontroll tal-esportazzjoni
Il-Kummissjoni tippromwovi l-monitoraġġ u l-infurzar effettiv tal-kontrolli tal-esportazzjoni ġewwa l-UE permezz ta' diversi azzjonijiet ta' appoġġ. Fl-2014, il-Kummissjoni ħarġet verżjoni ġdida tat-"tabella ta' korrelazzjoni" li tgħaqqad il-kodiċi doganali mal-klassifikazzjonijiet ta' użu doppju u kompliet l-inklużjoni tal-parametri ta' kontroll tal-esportazzjoni fil-bażi ta' data onlajn tat-tariffi doganali tal-UE (TARIC).
L-awtoritajiet nazzjonali huma primarjament responsabbli għall-infurzar tal-kontrolli fuq l-esportazzjoni. Tul il-perjodu ta' rapportar, ftit azzjonijiet ta' infurzar ġew rapportati u rriżultaw fl-impożizzjoni ta' sanzjonijiet amministrattivi.
3.7.
Grupp ta' Esperti
Fl-2014 il-Grupp ta' Esperti operat mill-JRC tal-Kummissjoni u esperti li xi Stati Membri għamlu disponibbli komplew jappoġġjaw lill-awtoritajiet tal-kontroll tal-esportazzjoni tal-UE li talbu xi parir relatat ma' każijiet konkreti ta' liċenzjar. B'kollox, disa' pariri ngħataw lil sitt awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.
3.8.
L-iżvilupp tal-ħiliet
Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni kompla s-serje ta' seminars tekniċi għall-awtoritajiet tal-liċenzjar b'kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Enerġija tal-Istati Uniti, li nbdiet fl-2007. Is-seba' seminar sar fis-6 u s-7 ta' Mejju ġewwa Ispra, l-Italja. B'kollox attendew għall-avvenimenti iktar minn 80 uffiċjal tal-liċenzjar tal-UE u espert tekniku ġejjin minn Stati Membri.
Id-DUCG ukoll ikkontribwixxa għat-tħejjija minn servizzi tal-Kummissjoni (JRC, TAXUD, TRADE) ta' eżerċizzju ta' simulazzjoni għall-uffiċjali inkarigati mil-liċenzji tal-kontroll tal-esportazzjoni u uffiċjali doganali, li għandu jiġi eżegwit fl-ewwel kwart tal-2015.
4.
Kontrolli tal-esportazzjoni tal-UE — Data prinċipali
Huwa diffiċli li tinkiseb informazzjoni affidabbli dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti b'użu doppju, għax ma jeżistix settur ekonomiku definit b'mod li jikkorrespondi għal dan. Madankollu, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jiġbru data li tippermetti stimi approssimattivi tal-esportazzjonijiet ta’ oġġetti b’użu doppju bbażata, min-naħa, fuq komoditajiet doganali identifikati mit-tabella ta’ korrelazzjoni li tinkludi merkanzija ta’ użu doppju bħala parti, u, min-naħa l-oħra, fuq data ta' liċenzjar speċifika miġbura mill-awtoritajiet kompetenti. Għandu jiġi nnutat li stimi ta’ esportazzjonijiet ippreżentati aktar ’il quddiem ma jkoprux servizzi u trasferimenti teknoloġiċi intanġibbli assoċjati mal-kummerċ f’oġġetti b’użu doppju. L-istimi ppreżentati hawn taħt huma derivati mid-data dwar l-esportazzjonijiet tal-2013.
4.1.
Il-kummerċ tal-UE tal-prodotti u t-teknoloġiji b’użu doppju: oġġetti u destinazzjonijiet
Ir-Regolament primarjament japplika għall-esportazzjoni ta’ madwar 1825 oġġett b’użu doppju elenkati fl-Anness I (il-Lista ta’ Kontroll tal-UE) u kklassifikati f’10 Kategoriji (Figura 1). Dawn l-oġġetti b’użu doppju huma relatati ma' madwar 1000 komodità doganali
, inklużi sustanzi kimiċi, metalli bażiċi u prodotti minerali mhux metalliċi, kompjuters, prodotti elettroniċi u ottiċi, tagħmir elettriku, makkinarju, vetturi u tagħmir tat-trasport eċċ. u tipikament jaqgħu fil-parti tat-teknoloġija avvanzata f'dan il-qasam ta' komoditajiet imħallta.
Figura 1: In-numru ta' oġġetti b'użu doppju elenkati fil-Kategoriji tal-Anness I wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1382/2014.
Permezz tal-korrelazzjoni bejn il-kodiċijiet doganali u l-klassifikazzjonijiet tal-użu doppju, huwa stmat li kontrolli japplikaw għal oġġetti inklużi f'"dominju tal-esportazzjoni" jirrappreżentaw madwar 20 % tal-esportazzjonijiet totali tal-UE (Figura 2).
Figura 2: Il-valur stmat tad-"dominju tal-oġġetti b'użu doppju" u l-esportazzjonijiet totali
Parti kbira mid-dominju tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju tikkonċerna l-kummerċ intra-UE jew esportazzjonijiet lejn “pajjiżi E001” li jibbenefikaw minn awtorizzazzjonijiet ġenerali tal-esportazzjoni. Dan jirrifletti l-istruttura tas-suq tal-esportazzjoni tal-UE fil-komoditajiet rilevanti kif ukoll il-faċilitazzjoni tal-kummerċ skont EUGEAs (Figura 3)
Figura 3: Pajjiżi u sottoreġjuni destinatarji għal dominju tal-esportazzjoni ta’ oġġetti b’użu doppju tal-UE fl-2013.
Figura 4: Pajjiżi destinatarji skont ir-reġjuni u s-sottoreġjuni dinjija 2013
Figura 5: L-ogħla 50 destinazzjoni extra-UE skont il-valur fid-dominju tal-oġġetti b'użu doppju għall-2013
.
4.2.
Applikazzjonijiet, liċenzji, ċaħdiet
Id-DUCG skambja informazzjoni u data miġbura dwar il-kummerċ ta’ oġġetti kkontrollati, sabiex jittejjeb il-fehim ta’ kontrolli fuq l-esportazzjoni u l-effett ekonomiku tagħhom. Xi data miġbura għall-perjodu ta’ rappurtar hija rrappurtata hawn taħt; madankollu, għandu jiġi nnutat li mhux l-Istati Membri kollha jiġbru d-data kollha. L-informazzjoni pprovduta hawn isfel għalhekk tirrappreżenta stimi approssimattivi ta’ kwantitajiet aggregati u l-valur fil-limiti tad-data magħmula disponibbli fiż-żmien tat-tħejjija ta’ dan ir-rapport.
Figura 6: Numru ta' awtorizzazzjonijiet u ċaħdiet (2010-2013)
Figura 7: Valur ta’ awtorizzazzjonijiet u ċaħdiet għal (2010-2013) (miljuni ta' EUR)
Figura 8: In-numru kumparattiv ta' awtorizzazzjonijiet għal kull kategorija (data tal-2013)
Figura 9: Il-valur kumparattiv ta' awtorizzazzjonijiet għal kull kategorija (data tal-2013)
B'kollox, l-istimi tad-data jippuntaw lejn żieda konsiderevoli fil-kummerċ ikkontrollat matul is-sena li għaddiet, bil-valur tal-applikazzjonijiet
jilħaq EUR 85 bn, u l-esportazzjonijiet ikkontrollati ta' oġġetti b'użu doppju b'hekk jirrappreżentaw 'il fuq minn 4.9 % tal-esportazzjonjiet extra-UE totali. Il-kummerċ awtorizzat ammonta għal EUR 48 bn, 3.1 % tal-esportazzjonijet extra-UE totali, bil-maġġoranza tat-tranżazzjonijiet awtorizzati b'liċenzji individwali (madwar 25 000 liċenzja individwali maħruġa fl-2013). B'kuntrast għal dan, kien porzjon żgħir biss tal-esportazzjonijiet li ġie miċħud: madwar 260 ċaħda nħarġet fl-2013, madwar 0,06 % tal-valur tal-esportazzjonijet ta' oġġetti b'użu doppju f'dik is-sena, u porzjon negliġibbli tal-esportazzjonijiet tal-UE totali
.