IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 13.5.2015
COM(2015) 263 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Latvja għall-2015
u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Latvja tal-2015
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Latvja għall-2015
u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Latvja tal-2015
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika, u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Fis-26 ta' Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, Ewropa 2020, ibbażata fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki tal-ekonomija, li se tiffoka fuq il-punti ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni sabiex jissaħħaħ il-potenzjal tal-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u kompetittività.
(2)Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri, li flimkien jiffurmaw "il-linji gwida integrati". L-Istati Membri ġew mistiedna jikkunsidraw dawn il-linji gwida integrati fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.
(3)Fit-8 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Latvja għall-2014 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta’ stabbiltà aġġornat tal-Latvja għall-2014.
(4)Fit-28 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew ta' koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2015. Fl-istess ġurnata, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih il-Latvja ma ġietx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq rieżami fil-fond.
(5)Fit-18 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet sabiex tingħata spinta lill-investiment, ikunu aċċelerati r-riformi strutturali u tkompliet it-triq lejn konsolidazzjoni fiskali responsabbli li tiffavorixxi t-tkabbir.
(6)Fis-26 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni ppubblikat ir-rapport tagħha tal-pajjiż tal-2015 għal-Latvja. Ir-rapport tal-pajjiż ivvaluta l-progress fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fit-8 ta’ Lulju 2014.
(7)Fis-17 ta' April 2015, il-Latvja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma għall-2015 tagħha u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2015 tagħha. Sabiex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.
(8)Il-Latvja bħalissa tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u tibbenefika mill-implimentazzjoni tal-klawżola ta’ riforma sistemika tal-pensjonijiet ikkonfermata mill-Eurostat. Fil-Programm ta' Stabbiltà tagħha l-Latvja talbet devjazzjoni temporanja mit-triq ta' aġġustament rikjest lejn l-objettiv ta' terminu medju, għaliex hija qed tkompli timplimenta riforma strutturali maġġuri fis-settur tas-saħħa. Il-kostijiet baġitarji tar-riforma fis-settur tas-saħħa jammontaw għal 0.2% tal-PDG fl-2016. Ir-riforma hija stmata li ser iżżid l-impjieg b' 0.6% u l-livell ta' PDG bi 2.2% sal-2023. L-impatt pożittiv fuq it-tkabbir u s-sostenibilità fit-tul tal-finanzi pubbliċi huwa vvalutat bħala plawżibbli. Madanakollu, skont il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2015 tal-Kummissjoni, id-defiċit strutturali previst ta' 2.2% tal-PDG fl-2016 jaqbeż il-marġni ta' sigurtà adatt fir-rigward tat-3% tal-valur referenzjarju tat-Trattat li għandu jiġi rispettat sabiex ikun eleġibbli għall-klawżola ta' riforma strtturali. Għalhekk, u filwaqt li jirrikonoxxi li r-riforma fis-settur tas-saħħa hija meħtieġa, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-Latvja ma tissodisfax ir-rekwiżiti biex tibbenefika mid-devjazzjoni temporanja mitluba fl-2016.
(9)Fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2015 tiegħu, il-gvern qed jippjana defiċit nominali ġeneralment stabbli ta' 1.4% tal-PDG fl-2016 u 1.3% fl-2017, li jitla' għal 1.7% fl-2018. Biex jikseb dawn ir-riżultati, il-gvern beħsiebu jilħaq defiċit strutturali ta' 1.8% tal-PDG fl-2016, u ta' 1.4% tal-PDG mill-2017. It-triq fil-Programm ta' Stabbiltà tinkorpora devjazzjoni bbażata fuq il-klawżola ta' riforma sturtturali, li l-Latvja ma tidhirx li hija eleġibbli għaliha, u tikklassifika li l-infiq addizzjonali ppjanat fuq id-difiża għal matul l-2016-2019 bħala operazzjonijiet ta' darba. Skont il-Programm ta' Stabbiltà, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern mistenni jonqos minn 37% tal-PDG fl-2015 għal 34% tal-PDG sal-2018 b'xi fluttwazzjonijiet annwali bejniethom minħabba l-akkumulu ta' assi likwidi għal skopijiet ta' immaniġjar tad-dejn. Ix-xenarju makroekonomiku sottostanti għal dawn il-proġettazzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Il-miżuri għall-2015 ġew implimentati fil-maġġor parti kif ibbaġitjati. Madanakollu, il-miżuri biex jappoġġjaw il-miri ppjanati għad-defiċit mill-2016 'il quddiem ma ġewx speċifikati biżżejjed. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2015 tal-Kummissjoni, il-Latvja tikkonforma mar-rekwiżit fl-2015, filwaqt li tqis l-applikazzjoni tal-klawżola tar-riforma tal-pensjonijiet. Għall-2016, hemm ir-riskju ta' devjazzjoni sinifikanti. Il-bilanċ strutturali huwa meħtieġ li jitjieb b'0.3% tal-PDG filwaqt li jqis il-provvediment għar-riforma tal-pensjonijiet. Skont il-previżjoni tal-Kummissjoni, dan imur lura b'0.3% tal-PDG, li huwa marbut ukoll mal-fatt li l-infiq fuq id-difiża ma jistax jiġi kklassifikat bħala miżuri ta' darba. Skont il-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta' Stabbiltà u filwaqt li jqis il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2015 tal-Kummissjoni, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li hemm riskju li l-Latvja ma tikkonformax mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.
(10)Qed titwaqqaf aġenzija tal-akkreditament indipendenti nazzjonali u qed jiġi żviluppat mudell ta' finanzjament bil-mira tal-kwalità għall-edukazzjoni għolja tal-Latvja. Minkejja li sar xi progress fir-riforma tas-sistema ta' riċerka u innovazzjoni, f'konformita mal-Qafas ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti, finanzjament pubbliku inadegwat f'sistema ta' riċerka u innovazzjoni frammentata qed iwassal għal eżiti xjentifiċi foqra. Il-Latvja investiet madwar 0.6% tal-PDG fir-R&Ż fl-2013 - it-tielet l-anqas livell fl-UE. L-intensita ta' R&Ż pubblika laħqet biss 0.43% tal-PDG fl-2013. Nuqqas ta' innovazzjoni u investiment privat f'valur miżjud ogħla u setturi b'għarfien intensiv ixekklu l-kompetittività.
(11)Minkejja l-progress li sar biex jiġi indirizzat il-qgħad, tinħtieġ aktar azzjoni biex tipprevjeni qgħad fost iż-żgħażagħ u l-konsegwenzi negattivi fit-tul tiegħu, minħabba li l-forza tax-xogħol li qed tonqos. Il-Latvja għamlet xi progress biex tirriforma l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-komponent ta' apprentistat tagħha; madanakollu, l-attraenza tagħha tibqa' sfida, minħabba l-impenn limitat tal-SMEs.
(12)Anke jekk sar ammont sinifikanti ta' xogħol analitiku u ta' ppjanar, ir-riformi tal-assistenza soċjali ma mxew 'il quddiem u mhumiex appoġġjati minn biżżejjed pjanijiet baġitarji. Il-kopertura u l-adegwatezza baxxi tal-benefiċċji tal-qgħad u dawk tal-assistenza soċjali jipprevjenu azzjoni effettivagħat-tnaqqis tal-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-grad għoli ta' inugwaljanza. F'dawn il-kundizzjonijiet, in-nefqa pubblika għandha ftit impatt fuq it-tnaqqis tal-faqar. Fl-2014, madwar 32.7% tal-popolazzjoni tal-Latvja kienet f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali u l-inugwaljanza fid-dħul għadha fost l-ogħla fl-UE. Il-finanzjament u l-kopertura ta' politiki attivi fis-suq tax-xogħol jibqgħu baxxi meta mqabbla ma' pajjiżi oħra tal-UE. Il-porzjon tat-taxxa għoli għal persuni bi dħul baxx jibqa' diżinċentiv għal impjieg formali u jnaqqas it-talba għal ħaddiema bi ftit kwalifiki; filwaqt li t-tassazzjoni ambjentali u effettiva fuq il-proprjetà għandha potenzjal sinifikanti li mhux sfruttat. Finanzjament baxx tal-kura tas-saħħa pubblika u ħlasijiet għolja mħallsa miċ-ċittadin innifsu, iffukar inadegwat fuq l-inċentivi ta' prestazzjoni u l-effiċjenza u nuqqas ta' koordinazzjoni tal-kura jirriżultaw f'aċċess imnaqqas għal parti kbira mill-popolazzjoni. Hemm biżżejjed lok biex jiżdiedu l-kosteffettività u l-kwalità tas-sistema u biex jintrabtu l-finanzjament tal-isptarijiet ma' mekkaniżmi bbażati fuq il-prestazzjoni
(13)Il-Latvja għamlet progress sinifikanti fir-riforma tas-sistema ġudizzjarja. Madanakollu, ir-rata ta' riżoluzzjoni ta' każijiet ċivili u kummerċjali tibqa' baxxa u toħloq piż addizzjonali lin-negozju u għandu jissaħħaħ ir-rwol tal-Kunsill Ġudizzjarju u l-president tal-qorti fl-implimentazzjoni ta' riformi ġudizzjarji. Il-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-ġbir ta' taxxa xieraq mhumiex biżżejjed u l-livell ta' evitar tat-taxxa għadu għoli. Filwaqt li l-liġi tal-insolvenza ġiet adottata, jibqa' sfidi dwar politika ta' insolvenza adegwata u dwar sistema ta' superviżjoni effettiva tal-amministratur tal-insolvenza. Il-klima tan-negozju u l-kwalità tas-servizzi pubbliċi jibbenefikaw minn miżuri aktar b'saħħithom kontra l-kunflitt tal-interess u l-korruzzjoni, speċjalment f'settur vulnerabbli bħall-akkwist pubbliku, il-kostruzzjoni u l-kura tas-saħħa. Ma sar l-ebda progress dwar il-proposti tal-Kunsill tal-Kompetizzjoni għal emendi għal-Liġi tal-Kompetizzjoni biex din tingħata indipendenza istituzzjonali u finanzjarja akbar biex tieħu azzjoni effettiva kontra korpi pubbliċi. Il-Liġi tas-Servizz Pubbliku ma ġietx adottata mill-Parlament. Ikun importanti li l-gvern lokali jiġi inkluż.
(14)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Latvja u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2015. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta' Stabbiltà u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil-Latvja fis-snin ta' qabel. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Latvja iżda wkoll il-konformita tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali tal-futur. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (4) hawn taħt.
(15)Fid-dawl ta' din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabiltà tal-Latvja, u l-opinjoni tiegħu hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt,
B'DAN JIRRAKKOMANDA li l-Latvja tieħu azzjoni fil-perjodu 2015-2016 biex:
1.Tiżgura li d-devjazzjoni mill-objettiv ta' terminu medju fl-2015 u l-2016 tkun limitata għall-provvediment marbut mar-riforma sistemika tal-pensjonijiet.
2.Ittejjeb l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, tħaffef ir-riforma kurrikulari u żżid l-offerta ta' apprendistati. Tiżgura li l-mudell ta' finanzjament il-ġdid tas-sistema ta' edukazzjoni għolja jiffavorixxi l-kwalità. Timmira b'mod aħjar il-finanzjament ta' riċerka u tinċentiva l-investiment privat fl-innovazzjoni fuq il-bażi tal-Qafas ta' Speċjalizzazzjoni Intelliġenti.
3.Tieħu passi konkreti biex tirriforma l-assistenza soċjali, tiżgura l-adegwatezza tal-benefiċċji, u tieħu miżuri biex tiżdied l-impjegabbiltà. Tnaqqas il-porzjon tat-taxxa għoli għal persuni bi dħul baxx billi titfa' l-piż tat-taxxa fuq sorsi oħra inqas detrimentali għat-tkabbir. Tieħu azzjoni biex ittejjeb l-aċċessibilità, il-kosteffettività u l-kwalità tas-sistema tal-kura tas-saħħa u torbot il-finanzjament tal-isptarijiet ma' mekkaniżmi bbażati fuq il-prestazzjoni.
4.Ittejjeb l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja, billi żżid il-kontabilità tal-partijiet kollha (inkluż l-amministraturi tal-insolvenza), billi tipprovdi mezzi xierqa għall-ġlieda tal-evazjoni tat-taxxa u billi ssaħħaħ ir-rwol tal-Kunsill Ġudizzjarju. Ittejjeb il-liġi dwar is-servizz pubbliku proposta biex issaħħaħ ir-reġim ta' kunflitt ta' interess u torbot ir-remunerazzjoni mar-responsabilitajiet.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President