Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
fuq il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Ġermanja għall-2015
u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Ġermanja tal-2015
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika, u partikolarment l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tiġi mnedija strateġija ġdida għat-tkabbir u l-impjiegi, bl-isem ta’ Ewropa 2020, li tkun imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi. L-istrateġija tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn hija meħtieġa azzjoni biex il-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività jingħata spinta.
(2)Fit-13 ta' Lulju 2010, il-Kunsill, abbażi tal-proposti tal-Kummissjoni, adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u, fil-21 ta' Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki tal-impjiegi tal-Istati Membri. Flimkien dawn jiffurmaw il-'linji gwida integrati' li l-Istati Membri ġew mistiedna jikkunsidraw fil-politiki nazzjonali tagħhom dwar l-ekonomija u l-impjiegi.
(3)Fit-8 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni dwar il-programm nazzjonali ta’ riforma tal-Ġermanja għall-2014 u ta l-opinjoni tiegħu dwar il-programm ta’ stabbiltà aġġornat tal-Ġermanja għall-perjodu 2014. Fit-28 ta' Novembru 2014, skont ir-Regolament (UE) Nru 473/2013, il-Kummissjoni ppreżentat l-opinjoni tagħha dwar l-abbozz ta' pjan baġitarju tal-Ġermanja għall-2015.
(4)Fit-28 ta' Novembru 2014, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2015. Fl-istess ġurnata, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih identifikat lill-Ġermanja bħala wieħed mill-Istati Membri li għalihom se jsir rieżami fil-fond.
(5)Fit-18 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill Ewropew approva l-prijoritajiet sabiex tingħata spinta lill-investiment, biex b'hekk jiġu aċċellerati r-riformi strutturali u tkompliet it-triq lejn konsolidazzjoni fiskali responsabbli li tiffavorixxi t-tkabbir.
(6)Fis-26 ta’ Frar 2015, il-Kummissjoni ippubblikat ir-rapport tagħha tal-pajjiż 2015 għall-Ġermanja. Dan ivvaluta l-progress li għamlet il-Ġermanja biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati fit-8 ta’ Lulju 2014. Ir-rapport tal-pajjiż jinkludi wkoll ir-riżultati tar-rieżami fil-fond taħt l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li l-Ġermanja għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi li jeħtieġu azzjoni politika deċiżiva u monitoraġġ. Ir-riskji żdiedu fid-dawl tal-persistenza ta’ nuqqas ta’ investiment privat u pubbliku, li jirrappreżenta piż fuq it-tkabbir u jikkontribwixxi għall-bilanċ pożittiv għoli ħafna fil-kont kurrenti, li jibqa’ jesiġi attenzjoni mill-qrib. Il-ħtieġa għal azzjoni biex jitnaqqas ir-riskju tal-effetti negattivi fuq l-ekonomija Ġermaniża hija partikolarment kbira, minħabba d-daqs tiegħu, fuq l-unjoni ekonomika u monetarja b’mod aktar wiesa'.
(7)Fit-28 ta’ April 2015, il-Ġermanja ppreżentat il-Programm Nazzjonali tagħha ta’ Riforma tal-2015 u fis-16 ta’ April 2015 il-Programm ta' Stabbiltà tagħha tal-2015. Biex jiġu kkunsidrati l-konnessjonijiet ta' bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess żmien.
(8)Bħalissa, il-Ġermanja tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, u soġġetta għar-regola tad-dejn. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2015, il-gvern jippjana li jżomm bilanċ baġitarju pożittiv. L-objettiv ta’ terminu medju – defiċit strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG – jibqa' jiġi ssodisfat matul il-perjodu tal-programm. Huwa mistenni li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG tal-gvern jonqos gradwalment għal madwar 61.5 % tal-PDG fl-2019. Ix-xenarju makroekonomiku li jsostni dawn il-projezzjonijiet baġitarji, li għadu ma ġiex approvat minn korp indipendenti, juża suppożizzjonijiet ta’ tkabbir kawti. Ibbażat fuq it-tbassir tar-Rebbiegħa 2015 tal-Kummissjoni, huwa mistenni li l-bilanċ strutturali jibqa’ 'l fuq mill-objettiv ta’ terminu medju. Huwa previst li d-dejn gross jibqa’ nieżel 'l isfel lil hinn mir-rekwiżit tar-regola tad-dejn. Dan joħloq l-ispazju fiskali sabiex tingħata spinta lill-investiment. Abbażi tal-valutazzjoni tiegħu tal-Programm ta’ Stabbiltà u filwaqt li jitqies it-tbassir tar-Rebbiegħa 2015 tal-Kummissjoni, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-Ġermanja hija mistennija li tikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.
(9)Il-Gvern Federali żied in-nefqa fuq l-edukazzjoni u r-riċerka, iżda s-sehem tan-nefqa pubbliku fuq l-edukazzjoni bħala proporzjon tal-PDG huwa inqas mill-medja tal-UE u n-nefqa totali fuq l-edukazzjoni u r-riċerka tista’ ma tilħaqx il-mira nazzjonali ta’ 10 % tal-PDG sal-2015. Il-Ġermanja beħsiebha żżid l-investiment pubbliku sal-2018, inkluż ammonti addizzjonali ta’ EUR 10 biljuni għall-infrastruttura u EUR 5 biljuni biex tappoġġa l-investiment minn muniċipalitajiet finanzjarjament dgħajfa. Madankollu, dawn il-passi pożittivi jidhru li mhumiex biżżejjed biex jiġi indirizzat l-investiment globali pendenti. It-teħid tal-vantaġġ tal-ispazju fiskali tagħha ikun jippermetti lill-Ġermanja biex tinvesti fil-potenzjali tat-tkabbir futur fl-ekonomija u biex tindirizza l-investiment pubbliku b'lura, li huwa partikolarment evidenti fl-infrastruttura u fil-livell muniċipali. Il-Ġermanja ma għamlet l-ebda progress fit-titjib tal-effiċjenza tas-sistema tat-taxxa. B’mod ġenerali, l-ambitu biex it-taxxi jiġu trasferiti għal sorsi ta’ dħul li jiffavorixxu aktar it-tkabbir jidher li mhux qed jintuża biżżejjed. Id-dħul mit-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà għadu relattivament baxx (0.5 % tal-PDG fl-2012, vs. 1.5 % fl-UE-28) u l-valwazzjoni tal-proprjetà mhijiex aġġornata, u tmur lura għal valuri tas-suq tal-1963/64 fil-Länder tal-Punent u l-1935 fil-Länder tal-Lvant. Għalkemm riforma tat-taxxa muniċipali fuq il-proprjetà immobbli (Grundsteuer) kienet parti mill-ftehim ta’ koalizzjoni u tħabbret fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tal-2014 u l-2015, ma ttieħdet l-ebda azzjoni konkreta sa issa. Minflok ma ġie ffokat aktar fuq it-taxxi fuq il-proprjetà rikorrenti b'inqas distorsjoni, it-tendenza lejn żieda tat-taxxi fuq it-trasferiment tal-proprjetà immobbli kompliet. It-taxxa tal-kummerċ lokali (Gewerbesteuer) ma ġietx rieżaminata. L-ineffiċjenzi jinħolqu minħabba l-inklużjoni ta’ elementi mingħajr skop ta’ qligħ fil-bażi għat-taxxa. Il-piż amministrattiv ta’ tassazzjoni għall-kumpaniji u l-kost tal-ġbir tat-taxxa jibqgħu relattivament għolja fil-Ġermanja, filwaqt li il-preżentazzjoni elettronika hija inqas użata f’taxxa fuq id-dħul personali u dħul korporattiv mill-medja fl-UE. Ir-rieżami li għadu għaddej ta’ relazzjonijiet fiskali bejn il-federazzjoni, il-Länder u l-muniċipalitajiet jipprovdi l-opportunità li jissaħħaħ il-qafas għal politiki fiskali sostenibbli, inkluż li jiġi żgurat investiment pubbliku adegwat fil-livelli kollha tal-gvern. Ir-rieżami huwa wkoll opportunità biex tittejjeb l-allokazzjoni tal-kompetenzi tad-dħul u l-infiq kif ukoll l-effiċjenza tas-sistema ta’ ekwalizzazzjoni fiskali orizzontali u tal-amministrazzjoni tat-taxxa.
(10)L-ebda miżura ma ġiet speċifikata biex jiżdiedu l-inċentivi għal irtirar aktar tard, li jidhru indispensabbli minħabba t-tnaqqis sinifikanti mbassar tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol tal-Ġermanja u l-possibbiltà ta' nuqqas ta’ ħaddiema tas-sengħa f’terminu medju. Il-feles tat-taxxa għall-ħaddiema li jaqilgħu bejn 50 % u 67 % tal-paga medja baqa' fil-biċċa l-kbira l-istess mill-2001u għadu fost l-ogħla fl-UE. Ir-riformi riċenti tas-sistemi tal-assigurazzjoni soċjali x’aktarx li jinvolvu żieda oħra fir-rati tal-kontribuzzjonijiet u jżidu aktar il-feles tat-taxxa. Dan ikollu effetti potenzjalment negattivi fuq il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-introjtu disponibbli. L-impatt tal-pressjoni fiskali bħalissa qed jittaffa permezz ta’ inflazzjoni baxxa. Madankollu, b’żieda dinamika fil-pagi u rati kemxejn ogħla ta’ inflazzjoni fis-snin li ġejjin, il-pressjoni fiskali tista’ twassal għal żidiet sinifikanti tat-taxxa mhux diskrezzjonali. Dawn jistgħu, min-naħa l-oħra, jaffettwaw ukoll l-introjtu disponibbli. Sar progress limitat fit-titjib tal-kisbiet edukattivi tal-persuni żvantaġġati. Iż-żgħażagħ bi sfond ta’ migrazzjoni għandhom probabbiltà darbtejn aktar li jitilqu mill-iskola kmieni. Diżinċentivi fiskali x’aktarx ikunu fattur importanti biex jiskoraġġixxu dawk li jkollhom it-tieni sors ta' dħul milli jibdew impjieg jew li jaħdmu aktar sigħat. Dan jikkontribwixxi għan-numru baxx ta’ nisa li jaħdmu full-time u wieħed mill-inqas numru ta’ sigħat maħduma bħala medja min-nisa fl-UE. L-eżenzjoni ta' xogħlijiet żgħar mit-taxxa fuq id-dħul personali u f’ħafna każijiet mill-kontribuzzjonijiet soċjali tal-impjegati kollha wkoll jaqta’ qalb lill-ħaddiema milli jimpenjaw ruħhom f’impjieg bi qligħ ogħla mil-limitu tax-xogħlijiet żgħar ta’ EUR 450 fix-xahar.
(11)L-azzjoni politika sabiex tistimula l-kompetizzjoni fis-setturi tas-servizzi, speċjalment fis-servizzi professjonali, kienet limitata. Ir-rati ta’ tkabbir ta’ produttività tax-xogħol fis-servizzi professjonali fil-Ġermanja kien negattiv jew qrib iż-żero għal aktar minn għaxar snin. Il-Ġermanja hija wkoll fost l-Istati Membri tal-UE fejn ir-regolamentazzjoni hija l-inqas li twassal għall-kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi professjonali. Ir-restrizzjonijiet jinkludu r-rekwiżiti tal-kwalifiki professjonali, il-forma legali u r-rekwiżiti tal-parteċipazzjoni azzjonarja. Dwar dawn tal-aħħar, bidliet limitati huma għaddejjin f’xi Länder, iżda għad ma hemm l-ebda rieżami wiesa' ta’ restrizzjonijiet bħal dawn. Il-Ġermanja qed tipparteċipa f’eżerċizzju ta’ evalwazzjoni reċiproka prevista fid-Direttiva li temenda d-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali iżda għadha ma ħadet l-ebda miżura wara dan ir-rieżami. Mis-sena li għaddiet ma kien hemm l-ebda titjib sinifikanti fis-sitwazzjoni kompetittiva fis-swieq ferrovjarji Ġermaniżi. B’mod partikolari, fis-settur tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fuq distanza twila, l-ambjent kompetittiv diffiċli huwa skoraġġanti għal dawk li jidħlu ġodda. It-tariffi tal-aċċess għall-binarji għal trasport tal-passiġġieri fuq distanzi twal huma fost l-ogħla fl-UE. Is-sehem tas-suq ta' dawk li jidħlu ġodda fis-suq tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fuq distanza twila jibqa’ taħt il-1 % u qed jonqos.
(12)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Ġermanja u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż 2015. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà u l-Programm ta’ Riforma Nazzjonali u s-segwitu li ngħata għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Ġermanja fis-snin preċedenti. Hija qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Ġermanja iżda wkoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Ir-rakkomandazzjonijiet skont is-Semestru Ewropew huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn 1 sa 3 ta' hawn taħt.
(13)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-Ġermanja, u huwa tal-opinjoni li l-Ġermanja hija konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.
(14)Fid-dawl tar-rieżami fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programm ta’ Stabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn 1 sa 3 ta' hawn taħt.
(15)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew, il-Kummissjoni wettqet ukoll analiżi tal-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro kollha kemm hi. Fuq il-bażi ta' din l-analiżi, il-Kunsill ħareġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hi l-euro. Il-Ġermanja għandha tiżgura wkoll l-implimentazzjoni sħiħa u fil-ħin ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet,
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ġermanja tieħu azzjoni fl-2015 u fl-2016 biex:
1.Iżżid ulterjorment l-investiment pubbliku fl-infrastruttura, l-edukazzjoni u r-riċerka, inkluż billi tuża l-ispazju fiskali disponibbli. Trawwem l-investiment privat, tieħu miżuri biex ittejjeb l-effiċjenza tas-sistema tat-taxxa, b’mod partikolari billi tagħmel rieżami tat-taxxa tal-kummerċ lokali u tat-taxxa korporattiva u timmodernizza l-amministrazzjoni tat-taxxa. Tuża r-rieżami li għadu għaddej bħalissa biex ittejjeb it-tfassil tar-relazzjonijiet fiskali bejn il-federazzjoni, il-Länder u l-muniċipalitajiet, b’mod partikolari bil-ħsieb li tiżgura investiment pubbliku adegwat fil-livelli kollha tal-gvern.
2.Iżżid l-inċentivi għal irtirar aktar tard. Tieħu miżuri biex tnaqqas it-taxxi għoljin fuq ix-xogħol u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, speċjalment għal dawk li jaqilgħu paga baxxa, u tindirizza l-impatt tal-pressjoni fiskali. Tirrevedi t-trattament fiskali ta’ xogħlijiet żgħar biex tiffaċilita t-tranżizzjoni għal forom oħra ta’ impjieg.
3.Tieħu miżuri iktar ambizzjużi biex tistimula l-kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi, b’mod partikolari fis-servizzi professjonali, billi telimina r-restrizzjonijiet mhux ġustifikati bħalma huma l-forma legali u r-rekwiżiti tal-parteċipazzjoni azzjonarja u t-tariffi fissi. Għal dan l-għan, tikkonkludi r-rieżami domestiku li għadu għaddej ta’ dawn l-ostakli u tieħu miżuri ta’ segwitu. Tneħħi l-ostakli li baqa’ għall-kompetizzjoni fis-swieq ferrovjarji, b’mod partikolari tat-trasport ferrovjarju tal-passiġġieri fuq distanzi twal.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President