IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.5.2015
COM(2015) 199 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
It-tielet rapport ta' progress dwar l-implimentazjoni mill-Georgia tal-pjan ta' azzjoni dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża
{SWD(2015) 103 final}
1. INTRODUZZJONI
F’Ġunju 2012, l-Unjoni Ewropea varat djalogu ta’ liberalizzazzjoni tal-viża mal-Georgia. Fi Frar 2013, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat lill-Gvern tal-Georgia Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża (PALV). Dan stabbilixxa l-parametri referenzjarji li l-Georgia teħtieġ tilħaq qabel iċ-ċittadini tal-Georgia li għandhom passaporti bijometriċi jkunu jistgħu jidħlu fiż-żona Schengen għal soġġorni qosra mingħajr il-bżonn ta' viża.
F’Novembru 2013, il-Kummissjoni adottat l-ewwel rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-Georgia tal-PALV u għamlet bosta rakkomandazzjonijiet għat-tkomplija tal-implimentazzjoni tal-ewwel fażi (aspett leġiżlattiv u ppjanar) tal-parametri referenzjarji tal-PALV. F’Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat it-tieni rapport ta’ progress tagħha, li kkonkluda li l-Georgia ssodisfat il-parametri referenzjarji tal-ewwel fażi tal-PALV u kienet lesta biex tiġi vvalutata fuq jekk kinitx qed tilħaq il-parametri referenzjarji tat-tieni fażi. Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-17 ta’ Novembru 2014, il-Kunsill qabel mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni.
F’Diċembru 2014, il-Georgia ppreżentat rapport ta’ progress aġġornat. Il-missjonijiet ta’ evalwazzjoni taħt it-tmexxija tal-Kummissjoni dwar l-erba’ blokok tal-PALV seħħew minn Diċembru 2014 sa Marzu 2015, bl-involviment ta’ esperti mill-Istati Membri tal-UE, assistiti mill-Kummissjoni, mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u mid-Delegazzjoni tal-UE għall-Georgia.
Dan huwa l-ewwel rapport ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tal-Georgia tat-tieni fażi tal-PALV. Huwa jippreżenta l-progress miksub sa issa, jispjega kif il-parametri referenzjarji tat-tieni fażi ġew indirizzati u jirrakkomanda miżuri li l-Georgia għandha tieħu biex timplimenta il-bqija tal-parametri referenzjarji tat-tieni fażi b’mod effikaċi u sostenibbli.
Ir-rapport huwa akkumpanjat minn dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni, li jagħti ħarsa aktar mill-qrib lejn l-iżviluppi deskritti hawnhekk. Fl-anness tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal, kif meħtieġ skont il-metodoloġija tal-PALV, il-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni bbażata fuq analiżi fattwali u statistika dwar l-impatti migratorji u ta’ sigurtà mistennija mil-liberalizzazzjoni futura tal-viża. Id-dejta u l-informazzjoni disponibbli jagħtu x-xejriet ewlenin prospettivi fl-oqsma tal-migrazzjoni u tas-sigurtà, u juru li l-UE hija destinazzjoni attraenti għal migranti minn Georgia filwaqt li l-isfidi potenzjali ta’ sigurtà għandhom jiġu mmonitorjati.
2. VALUTAZZJONI TAL-MIŻURI SKONT L-ERBA' BLOKOK TAL-PJAN TA' AZZJONI DWAR IL-LIBERALIZZAZZJONI TAL-VIŻA
2.1. Blokk 1: Is-sigurtà tad-dokumenti, inkluża l-bijometrika
L-Aġenzija tal-Iżvilupp tas-Servizz Pubbliku (PSDA) twettaq il-funzjonijiet ta’ reġistru ċivili, toħroġ dokumenti ta’ identità u twettaq proċeduri relatati maċ-ċittadinanza. Hija awtorità ġestita tajjeb u b’amministrazzjoni xierqa u infurmata ħafna li għandha
rwoli u responsabbiltajiet definiti b’mod ċar. Il-proċess ta’ reklutaġġ huwa sod, bħalma hu l-approċċ meħud biex jiġi żgurat li l-persunal ikollu t-taħriġ meħtieġ, inkluż taħriġ kontinwu, biex iwettaq ir-rwoli tiegħu b’mod effettiv u effiċjenti.
Is-sistema tal-Georgia rigward l-applikazzjoni u l-ħruġ hija effiċjenti u sigura, u tiżgura li jkun hemm separazzjoni fir-rwoli bejn dawk li jirċievu l-applikazzjonijiet, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet u dawk li joħorġu d-dokumenti. L-introduzzjoni, fil-pajjiż kif ukoll barra, ta’ passaporti bijometriċi li jikkonformaw ma’ rekwiżiti tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali irnexxiet.
Huwa meqjus li l-parametru referenzjarju tas-sigurtà tad-dokumenti ntlaħaq.
2.2. Blokk 2: Il-ġestjoni integrata tal-fruntieri, il-ġestjoni tal-migrazzjoni, u l-ażil
2.2.1.
Il-ġestjoni integrata tal-fruntieri
Il-progress ġenerali biex jiġi żviluppat il-qafas legali matul dawn l-aħħar 10 snin, flimkien mal-implimentazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni, ġabu tal-ġestjoni integrata tal-fruntiera tal-Georgia f’konformità mal-istandards Ewropej. L-awtoritajiet Georgjani qed juru impenn ċar biex jiżviluppaw iktar is-sigurtà tal-fruntieri tal-Istat. L-istrateġija integrata għall-ġestjoni tal-fruntieri ġie aġġornata u fehim komuni dwar it-titjib fil-ġestjoni tal-fruntieri jieħu preċedenza fost il-partijiet rilevanti kollha. Il-Pjan ta’ Azzjoni jagħmel l-istrateġija effettiva permezz ta’ azzjonijiet konkreti, responsabbiltajiet u skedi.
L-għadd ta’ irregolaritajiet fil-fruntieri huwa baxx u reati tat-traffiku transfruntieri huma limitati meta mqabbla mal-volum tat-traffiku. Verifiki konfinali fil-punti tal-qsim fuq l-art, bil-baħar u bl-ajru huma organizzati b’mod armonizzat. Kooperazzjoni bejn il-Pulizija tal-Pattulji u s-Servizz tad-Dħul hija eżemplari. Il-faċilitajiet fil-punti ta’ qsim konfinali biex jikkontrollaw il-fluss tat-traffiku transfruntier huma moderni u prattiċi.
Huwa kkunsidrat li l-parametru referenzjarju tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri ntlaħaq.
2.2.2.
Il-ġestjoni tal-migrazzjoni
Il-Liġi dwar l-Istatus Legali tal-Barranin u l-Persuni Apolidi qed jaħdem sew u ġew adottati l-liġijiet amministrattivi kollha meħtieġa. L-Istrateġija tal-Georgia dwar il-migrazzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-2013-2015 huma l-miżuri ewlenin għall-ġestjoni tal-migrazzjoni. L-implimentazzjoni tal-attivitajiet sejra tajjeb. Il-Kummissjoni Statali dwar il-Kwistjonijiet tal-Migrazzjoni, korp li jagħti konsulenza lill-Gvern, tikkoordina b’mod effiċjenti l-attivitajiet u r-rwoli tal-ministeri rilevanti, l-aġenziji tal-istat, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi u l-organizzazzjonijiet internazzjonali dwar kwistjonijiet ta’ migrazzjoni. Il-kapaċità u l-ġestjoni tar-riżorsi umani tal-amministrazzjoni tal-Georgia huma ġeneralment suffiċjenti u effikaċi. Qed jitwettaq livell xieraq ta’ taħriġ tal-persunal fl-oqsma relevanti u fil-ministeri kollha. Il-proċeduri tar-riammissjoni u s-sistema elettronika ta’ ġestjoni tal-każijiet ta’ riammissjoni huma fis-seħħ u qed jiffunzjonaw tajjeb.
L-implimentazzjoni ta’ partijiet ta’ Liġi dwar l-Istatus Legali tal-Barranin u l-Persuni Apolidi li jirrigwardaw id-detenzjoni u r-ritorn ġiet posposta sal-1 ta’ Lulju 2015. L-awtoritajiet stabbilixxew il-mekkaniżmi u l-għodod kollha meħtieġa. Għandha ssir analiżi bir-reqqa biex jiġu identifikati dawk in-nuqqasijiet u kwistjonijiet legali li jista' jkun hemm bżonn li jiġu indirizzati.
Il-parametru referenzjarju tal-ġestjoni tal-migrazzjoni huwa meqjus li kważi ntlaħaq. Huwa rakkomandat li l-awtoritajiet tal-Georgia:
Jespandu l-kunċett tal-analiżi tar-riskju stabbilit fil-Ministeru tal-Intern biex ikun jinkludi l-oqsma rilevanti kollha tal-politika dwar il-migrazzjoni, inkluża l-politika dwar l-ażil, il-politika dwar il-migrazzjoni legali u l-integrazzjoni u kwistjonijiet ta’ reintegrazzjoni.
Jqiegħdu l-attivitajiet ta’ reintegrazzjoni taħt struttura ta’ ġestjoni waħda u sabiex ikunu amministrati strateġikament b'direzzjonijiet ta’ politika ċari. L-awtoritajiet għandhom ikomplu jipprovdu ċ-ċentri ta’ mobilità b'finanzjament u riżorsi umani sostenibbli, u jiżidu l-kapaċità tagħhom f’konformità mar-riżultati ta’ analiżi tar-riskju. Għandha tinħoloq sistema ta' rappurtar analitiku biex jiġi stmat in-numru globali ta’ ċittadini tal-Georgia li jirritornaw lejn il-Georgia (volontarjament, minħabba d-deportazzjoni jew permezz ta’ riammissjoni).
Jintensifikaw il-kampanji ta’ informazzjoni fil-livell reġjonali, lokali u l-livelli l-oħrajn kollha dwar id-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini tal-Georgia taħt reġim futur mingħajr viża.
2.2.3.
Il-politika dwar l-ażil
Il-Georgia adottat qafas leġiżlattiv sod għall-ażil f’perjodu ta’ żmien relattivament qasir. Il-Liġi dwar ir-Refuġjati u l-Istatus Umanitarju tipprovdi l-qafas istituzzjonali meħtieġ, il-proċeduri u l-prinċipji legali, u hija fil-biċċa l-kbira konformi mal-istandards internazzjonali u Ewropej. Il-liġi hija ġeneralment implimentata b’mod sodisfaċenti. Il-kwalità tal-proċedura għad-determinazzjoni tal-istatus ta’ refuġjat hija ġeneralment suffiċjenti.
Ġiet introdotta karta tal-identità temporanja u mill-15 ta’ Novembru 2014 bdiet tingaħta lil dawk kollha li jfittxu l-ażil. Ġiet stabbilita l-Unità għall-Pajjiż ta’ Oriġini (Country of Origin - COI) u qed tiffunzjona tajjeb. Sar progress konsiderevoli rigward l-integrazzjoni ta’ ċittadini barranin, pereżempju billi jipi ggarantit lilhom l-istess trattament bħaċ-ċittadini tal-Georgia fil-kura tas-saħħa u l-impjiegi.
Il-parametru referenzjarju tal-ażil huwa meqjus li ntlaħaq parzjalment, bi prospetti tajba għal aktar progress. Huwa rakkomandat li l-awtoritajiet tal-Georgia:
Ikomplu jiżviluppaw il-proċeduri għall-ħruġ ta’ viżi għal raġunijiet umanitarji.
Joħolqu sistema għall-monitoraġġ tal-kwalità tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għall-ażil, ibbażata fuq indikaturi ċari u ta’ kwalità.
Jiżviluppaw strateġija biex timmaniġġja l-każijiet pendenti akkumulati u sistema ta’ ppjanar f’każ ta’ kontinġenza għal influssi għal għarrieda. Għandhom ikunu disponibbli riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti.
Jiggarantixxu, fil-liġi u fil-prattika, il-kapaċità li l-Ministeru għall-Persuni Spostati Internament mit-Territorji Okkupati, l-Akkomodazzjoni u r-Refuġjati jieħu deċiżjonijiet motivati dwar il-każijiet b’mod indipendenti, u strettament fuq il-mertu individwali. Jagħtu lill-applikanti miċħuda jew lir-rappreżentanti legali tagħhom mill-inqas aċċess minimu għall-informazzjoni tal-Ministeru tal-Intern li abbażi tagħha ingħata l-pariri ta’ sigurtà negattivi, sabiex tkun tista’ tiġi kkontestata fil-qorti permezz ta’ proċess ġust.
Jiżviluppaw programm ta’ taħriġ standard nazzjonali ugwalment għal persunal ġdid u b’esperjenza.
Jintroduċu bażi tad-dejta u rapporti tas-COI li jkunu aċċessibbli għal dawk kollha li jkunu qed jaħdmu fuq il-każijiet. Dawk li jaħdmu fuq il-każijiet jingħataw taħriġ fil-prinċipji bażiċi tas-COI. Jintroduċu distinzjoni ċara bejn COI u prodotti ta’ politika. Jistabbilixxu arranġamenti ta’ ħidma mal-unitajiet tas-COI f’pajjiżi oħra.
Jieħdu passi biex jevalwaw kif jista' jitqassar iż-żmien tal-ipproċessar fil-fażi ta’ appell u jintroduċu limitu ta’ żmien aktar raġonevoli biex jitressaq appell fil-qorti, minħabba li dak attwali ta’ għaxart ijiem huwa qasir wisq.
Għall-proċeduri ta’ appell jistabbilixxu sistema ssussidjata mill-Istat ta’ għajnuna legali bla ħlas li tkun aċċessibbli faċilment, indipendenti u ta’ kwalità għolja.
Ikomplu jaħdmu biex jiggarantixxu li r-refuġjati li jkunu jixtiequ jsiru ċittadini tal-Georgia jkollhom fil-prattika aċċess għall-proċedura ta’ naturalizzazzjoni.
Minbarra l-progress miksub, jiżviluppaw strateġija lokali ta’ integrazzjoni bi pjan ta' azzjoni ċar pass pass. Jipprovdu biżżejjed fondi tal-istat u mekkaniżmu effiċjenti ta’ koordinazzjoni.
2.3. Blokk 3: L-ordni pubblika u s-sigurtà
2.3.1.
Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu u l-korruzzjoni
2.3.1.1. Il-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontriha
L-emendi leġiżlattivi, ir-riformi organizzattivi u l-azzjonijiet li ttieħdu biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, u l-kooperazzjoni u koordinazzjoni bejniethom, ippermettew li tittieħed azzjoni effettiva kontra l-kriminalità organizzata. Il-leġiżlazzjoni moderna dwar il-kriminalità organizzata u l-ħasil tal-flus, inkluż il-qbid ta’ rikavat mill-kriminalità, għamlitha possibbli li jiġu ttrattati l-aktar gruppi prominenti tal-kriminalità organizzata. Il-programm ta’ sensibilizzazzjoni pubblika dwar il-kriminalità organizzata dawwar l-opinjoni pubblika kontra tagħha.
Il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji hija tajba u qed tiffunzjona tajjeb. Dan qed isir, fost mezzi oħra, permezz tal-Kunsill ta’ Koordinazzjoni Interaġenziji għall-Ġlieda Kontra l-Kriminalità Organizzata, li huwa forum effettiv għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni u r-responsabbiltajiet. Il-Kunsill jiżgura wkoll li l-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni nazzjonali għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata jiġi implimentat kif suppost. Il-kapaċità li l-Georgia tkun stabbiliet għall-ġbir u l-analiżi tal-informazzjoni dwar il-kriminalità tippermetti biex it-theddid jiġi evalwat bir-reqqa.
Il-parametru referenzjarju tal-kriminalità organizzata huwa meqjus li ntlaħaq.
2.3.1.2. It-traffikar tal-bnedmin
Il-Georgia għamlet progress sinifikanti fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Il-leġiżlazzjoni hija waħda komprensiva u l-infrastruttura li tlaqqa’ flimkien partijiet ewlenin u li jipprovdu fondi sinifikanti hija stabbilita. Hemm impenn biex jingħata taħriġ kontinwu lill-professjonisti u jitwettaq programm estensiv għas-sensibilizzazzjoni tal-pubblika madwar il-pajjiż kollu. Madankollu, hemm nuqqasijiet sinifikanti rigward l-indirizzar tal-ħtiġijiet ta’ vittmi vulnerabbli, b’mod partikolari t-tfal. In-nuqqas ta’ sistema ta’ spezzjoni tax-xogħol b’setgħat statutorji tillimita l-ambitu biex jiġi indirizzat it-traffikar tal-bnedmin għal finijiet ta’ xogħol furzat. L-għadd ta' każijiet żgħir iżda dejjem jikber iqajjem tħassib, bħalma huwa n-nuqqas li tiġi applikata leġiżlazzjoni li tkopri lill-utenti ta’ servizzi disponibbli għall-vittmi tat-traffikar.
Il-parametru referenzjarju tat-traffikar tal-bnedmin huwa meqjus li ntlaħaq parzjalment, bi prospetti tajba għal aktar progress. Huwa rakkomandat li l-awtoritajiet tal-Georgia:
Jagħmlu rieżami tal-forniment tas-servizzi, b’mod partikolari l-organizzazzjoni u l-operazzjoni tax-xelters eżistenti, lill-vittmi tat-traffikar biex jiżguraw li l-ħtiġijiet ta’ dawk bi tfal magħhom ikunu adegwatament issodisfati.
Jagħmlu rieżami tal-forniment tal-appoġġ psikoloġiku, mediku u legali sabiex jimmassimizzaw l-aċċess għal dawk kollha identifikati li huma, jew suspettati li huma vittmi.
Jagħmlu rieżami tal-istatus, il-mandat u s-setgħat tad-Dipartiment tal-Ispezzjoni tax-Xogħol biex jiġi żgurat li dan ikollu l-kapaċità li jidentifika u jwieġeb għall-isfruttament tal-ħaddiema u x-xogħol furzat.
Jieħdu passi għat-tisħiħ tal-investigazzjonijiet proattivi u bbażati fuq intelligence għall-forom kollha ta’ sfruttament.
Jiżviluppaw approċċ sod li jindirizza lil dawk li jixtru n-nisa għal skopijiet ta' sfruttament kummerċjali, sesswali kif ukoll tax-xogħol, bl-għanijiet konġunti li tinkiseb ix-xhieda tagħhom kif ukoll tiġi indirizzata d-domanda għal servizzi bħal dawn.
Jagħmlu rieżami u jtejbu l-ġbir u l-analiżi ta’ dejta madwar l-organizzazzjonijiet li joperaw f’dan il-qasam fil-pajjiż sabiex tkun tirrifletti b’mod aktar preċiż in-numri, is-sess, l-età, l-etniċità u t-tip ta’ sfruttament.
Jagħmlu rieżami tad-diversi hotlines sabiex jiġi massimizzat ir-rappurtar mill-pubbliku u l-vittmi.
Iżidu l-kuntatt u s-sħubija ma’ pajjiżi identifikati mill-Europol bħala d-destinazzjonijiet u s-sorsi ewlenin, bħat-Turkija, kif ukoll l-Azerbajġan, il-Kirgistan, l-Użbekistan u l-Armenja.
2.3.1.3. Il-prevenzjoni tal-korruzzjoni u u l-ġlieda kontriha
Ġie adottat għadd sinifikanti ta’ miżuri mmirati lejn it-tisħiħ tal-qafas istituzzjonali u leġiżlattiv għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni jew huma pendenti l-adozzjoni. F'Novembru 2014 il-gvern adotta pjan għar-riforma tas-servizz pubbliku. Fi Frar 2015, il-Georgia adottat l-istrateġija nazzjonali ta’ kontra l-korruzzjoni u l-pjan ta’ azzjoni għall-2015-2016. Unità speċjalizzata kontra l-korruzzjoni fl-uffiċċju tal-Kap Prosekutur ġiet stabbilita f’Jannar 2015. L-unità għandha l-mandat li tinvestiga u tipproċessa l-każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli. Il-ħatra u t-tkeċċija tal-Kap Prosekutur teħtieġ li tittieħed b’mod miftuħ, abbażi ta' meritu, oġġettiv u trasparenti, ħielsa minn influwenza politika żejda. Tkompli tiġi segwita l-implimentazzjoni kurrenti ta' salvagwardji mtejba kontra l-użu ħażin potenzjali ta’ ftehimiet fuq sentenzi fuq talba tal-partijiet iffirmati minn persuni taħt arrest, partikolarment fid-dawl ta’ abbużi ta’ qabel l-2012. Il-kwistjoni dwar il-proċeduri ta' ħatra mill-ġdid għall-imħallfin li bħalissa qed iservu u li l-10 snin tal-mandat tagħhom se jiskadu jeħtieġ li tiġi sorveljata mill-qrib peress li jista’ jkollha implikazzjonijiet usa’ rigward kif taħdem il-ġustizzja. Tali ħatra mill-ġdid għandha sseħħ sakemm ma jkunx hemm raġunijiet fattwali li jiġġustifikaw it-tneħħija mill-kariga ta’ imħallef fis-servizz.
Il-parametru referenzjarju kontra l-korruzzjoni huwa meqjus li ntlaħaq parzjalment, bi prospetti tajba għal aktar progress. Huwa rakkomandat li l-awtoritajiet tal-Georgia:
Isegwu r-riforma tas-servizz pubbliku bl-adozzjoni ta' Liġi dwar is-Servizz Pubbliku f’konformità mal-prassi internazzjonali li tistabbilixxi l-ambitu u l-istandards ta’ Servizz Pubbliku professjonali u ħieles minn indħil politiku. Salvagwardji addizzjonali li jkopru t-tkeċċija tal-kap tal-Bureau tas-Servizz Pubbliku għandhom jiġu inklużi fil-liġi.
Jistabbilixxu verifika sistematika tal-formoli tad-dikjarazzjoni tal-assi, appoġġata minn sistema ta’ penali li tiskoraġġixxi l-arrikkiment mhux spjegabbli, il-kunflitti ta’ interess u l-inkompatibilitajiet. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida li tirregola l-verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-assi għandha tinkludi proċeduri ta’ verifika dettaljati li jippermettu li jiġu identifikati l-ġid mhux ġustifikat, il-kunflitti ta’ interess u l-inkompatibbiltajiet. Għandhom jiġu inklużi sanzjonijiet deterrenti xierqa. Huwa importanti li tiġi stabbilita aġenzija sabiex tikkontrolla l-verifiki, jew li tiġi nnominata waħda eżistenti biex tagħmel dan.
Jiżguraw li r-regoli li jistabbilixxu l-kriterji dwar kif jiġi assenjat il-proċess tas-sejħa għall-offerti ta' kuntratti ta’ akkwist pubbliku ikunu jiddefinixxu b’mod ċar iċ-ċirkustanzi preċiżi li taħthom dan jista’ jsir u l-proċeduri li għandhom jiġu segwiti. Dawn il-proċeduri għandhom jirrikjedu avviż pubbliku u d-dritt għal smigh ta' dawk li joġġezzjonaw. Id-deċiżjoni li tiġi assenjata sejħa għall-offerti għandha tirrikjedi l-approvazzjoni indipendenti mill-Aġenzija tal-Akkwist Pubbliku tal-Istat.
Isaħħu aktar il-protezzjoni fil-prattika tal-informaturi bl-introduzzjoni ta’ regoli u proċeduri li jiżguraw rappurtar sikur biex tkompli tiżdied is-sensibilizzazzjoni fost l-impjegati taċ-ċivil dwar il-prattika tal-iżvelar.
Ikomplu jaħdmu fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kollha li saru mill-Grupp ta’ Stati tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-korruzzjoni.
2.3.1.4. Il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu
Il-Georgia għamlet progress konsiderevoli matul is-sena li għaddiet. Il-qafas legali issa huwa fil-biċċa l-kbira konformi mal-istandards tal-UE u dawk internazzjonali u l-qafas istituzzjonali, il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u l-kapaċità amministrattiva huma fil-parti l-kbira fis-seħħ. L-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu għandha titkompla kif ippjanat. L-esperjenza prattika tal-finanzjament tat-terroriżmu għadha limitata iżda l-awtoritajiet tal-Georgia jidhru lesti li jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet jekk ikun meħtieġ. L-użu mifrux ta’ sentenza fuq talba tal-partijiet jinvolvi riskju li l-kriminali jistgħu jsibu modi kif jevitaw il-konfiska ta’ assi illeċiti.
Il-parametru referenzjarju tal-ħasil tal-flus huwa meqjus li kważi ntlaħaq. Huwa rakkomandat li l-awtoritajiet tal-Georgia:
Isaħħu l-qafas leġiżlattiv għall-movimenti transfruntieri ta’ flus kontanti u jtejbu l-implimentazzjoni tiegħu.
Jagħmlu użu aħjar mill-qafas legali eżistenti dwar il-konfiska tal-assi kriminali.
Jimlew postijiet vakanti li għad fadal fis-Servizz ta’ Monitoraġġ Finanzjarju.
Jiżguraw li l-Unità tal-Metodoloġija u l-Ispezzjoni Barra mill-Post fil-Bank Nazzjonali tal-Georgia tibda l-operazzjonijiet tagħha b’persunal komplet, u jiżguraw li tiġi stabbilita unità ta' monitoraġġ barra mis-sit separata fis-Servizz ta' Superviżjoni tal-Istat.
Jagħmlu aktar biex jilħqu u jissensibilizzaw l-entitajiet ta’ rappurtar li ma jipproduċux rapporti jew jipproduċu ftit ħafna.
2.3.1.5. Drogi
Inkiseb progress sostanzjali fl-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali kontra d-droga u l-pjan ta’ azzjoni adottati mill-Kunsill ta’ Koordinazzjoni Interaġenziji dwar il-Ġlieda Kontra l-Abbuż tad-Droga. Sar progress b’mod partikolari fit-tnaqqis tad-domanda għad-drogi u l-ħsara li jikkawżaw, u fit-trattament u rijabilitazzjoni. Diversi proġetti u programmi żiedu s-sensibilizzazzjoni taż-żgħażagħ dwar il-ħsara li jagħmlu d-drogi u l-perikli li joħolqu. Sabiex tonqos il-provvista tad-drogi, saru sforzi sostanzjali mifruxa fuq azzjonijiet ta’ infurzar tal-liġi u dwar it-titjib tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji. Inkiseb progress kbir, l-aktar billi ġew stabbiliti arranġamenti ta’ ħidma, proċessi u bażijiet tad-dejta tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u billi ingħataw it-tagħmir u t-taħriġ meħtieġ.
Minkejja dan il-progress, madankollu, li politika nazzjonali dwar id-droga tibqa’ bbażata aktar fuq ir-retribuzzjoni milli fuq azzjoni ta’ riabilitazzjoni.
Il-parametru referenzjarju tad-drogi huwa meqjus li ntlaħaq parzjalment, bi prospetti tajba għal aktar progress. Huwa rakkomandat li l-awtoritajiet tal-Georgia:
Ikomplu jsaħħu dik il-parti li tirrigwarda t-tnaqqis tal-provvista fil-politika nazzjonali dwar id-droga, inkluż billi jitlestew l-emendi leġiżlattivi maħsuba biex jintroduċu distinzjoni fil-qafas legali bejn il-pussess ta’ droga għall-użu personali u l-bejgħ lil oħrajn.
Jikkunsidraw li jintroduċu kontroll ġudizzjarju fuq testijiet tad-droga mhux ippjanati mwettqa mill-pulizija.
2.3.2.
Kooperazzjoni ġudizzjarja fi kwistjonijiet kriminali
L-implimentazzjoni tal-qafas legali u istituzzjonali tal-Georgia hija b’saħħitha biżżejjed biex tagħmilha sieħeb stabbli u affidabbli fil-kooperazzjoni legali internazzjonali f’materji kriminali. L-istrumenti legali — kemm domestiċi kif ukoll internazzjonali — ta’ dan il-qafas huma aġġornati u applikati b’mod li jippermetti wkoll għal kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra reati serji. It-tħejjijiet għall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni operattiva mal-Eurojust waslu fi stadju avvanzat.
Il-parametru referenzjarju dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali huwa meqjus li ntlaħaq.
2.3.3.
Koperazzjoni fl-infurzar tal-liġi
L-aġenziji tal-infurzar tal-liġi jaħdmu flimkien fil-ġlieda kontra l-kriminalità u jwettqu dan il-kompitu b’mod inklużiv u multidixxiplinari (permezz tal-Kunsill, il-kumitati u l-koordinazzjoni bejn l-aġenziji). Hemm interazzjoni tajba bejn l-investigaturi u l-prosekuturi u ġiet iggarantita kooperazzjoni adegwata bejn l-aġenziji. L-awtoritajiet tal-Georgia għandhom tagħmir sofistikat għad-disposizzjoni tagħhom biex jappoġġaw l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet. Id-Dipartiment Prinċipali tal-Forensika fil-Ministeru għall-Intern u l-Bureau Nazzjonali tal-Forensika għandhom kapaċitajiet forensiċi sinifikanti. Il-kooperazzjoni internazzjonali bilaterali mal-UE qed tikber permezz tal-iffirmar ta’ ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-Istati Membri.
Il-parametru referenzjarju dwar il-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi huwa meqjus li kważi ntlaħaq. Huwa rakkomandat li l-awtoritajiet tal-Georgia:
Jibdew jipproduċu regolarment rapport ta’ valutazzjoni komprensiv dwar it-theddid globali, inklużi tendenzi futuri u theddid emerġenti, ibbażati fuq attività tal-pulizija bbażata fuq l-intelligence u evalwazzjoni kontinwa.
Iwettqu programm ta’ sensibilizzazzjoni fil-pulizija u l-Uffiċċju tal-Kap Prosekutur, inkluż fir-reġjuni, dwar l-ambitu għal kooperazzjoni internazzjonali fil-livell operattiv.
2.3.4.
Protezzjoni tad-data
Il-Georgia qed timplimenta b’mod sodisfaċenti l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta personali fis-setturi pubbliċi u privati billi tiżgura li l-awtorità superviżorja indipendenti għall-protezzjoni tad-dejta tiffunzjona b’mod effettiv. Il-pajjiż alloka r-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa, għamel programmi ta’ taħriġ u ġġenera sensibilizzazzjoni dwar il-protezzjoni tad-dejta. It-tħejjijiet għall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni operattiva mal-Eurojust waslu fi stadju avvanzat.
Il-parametru referenzjarju dwar il-protezzjoni tad-dejta personali huwa meqjus li ntlaħaq.
2.4. Blokk 4: Relazzjonijiet esterni u drittijiet fundamentali
Il-Georgia għamlet progress tajjeb f’dan il-qasam f'qasir żmien. Il-qafas legali meħtieġ fuq iċ-ċittadinanza, il-libertà tal-moviment (il-migrazzjoni) u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni ġie adottat fl- 2014.
2.4.1.
Il-moviment liberu fil-Georgia
fl-2014 ġie adottat qafas legali ġdid li introduċa bidliet kbar fl-istatus tal-barranin u l-persuni apolidi. Il-bidliet leġiżlattivi jagħtu liċ-ċittadini barranin li jgħixu fil-Georgia l-possibbiltà li jibqgħu legalment fil-pajjiż. Il-moviment liberu fil-Georgia għaċ-ċittadini tiegħu, il-barranin li joqogħdu legalment u l-persuni apolidi huwa kkunsidrat iggarantit u suġġett la għal restrizzjonijiet mhux ġustifikati u lanqas għal miżuri ta’ natura diskriminatorja.
Il-parametru referenzjarju tal-libertà ta’ moviment huwa meqjus li ntlaħaq.
2.4.2.
Il-kondizzjonijiet u l-proċeduri għall-ħruġ ta’ dokumenti ta’ vjaġġar u ta’ identità
Aċċess sħiħ u effettiv għad-dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-identità huwa disponibbli għaċ-ċittadini kollha tal-Georgia, inklużi n-nisa, it-tfal, il-persuni b’diżabbiltà, il-persuni spostati internament, il-persuni li jappartjenu għall-minoranzi u gruppi vulnerabbli oħra.
Il-parametru referenzjarju dwar il-ħruġ ta’ dokumenti tal-ivvjaġġar u tal-identità huwa meqjus li ntlaħaq.
2.4.3.
Id-drittijiet taċ-ċittadini inkluża l-protezzjoni tal-minoranzi
L-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni u l-politiki kontra d-diskriminazzjoni, qiegħda kull ma jmur tinbena permezz tal-każistika u l-preċedenti, anke jekk hemm ftit litigazzjoni kontra d-diskriminazzjoni għaddejja bħalissa. Dawn l-iżviluppi jsegwu d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Kontra d-Diskriminazzjoni, li tipprovdi qafas legali biex tkun żgurata l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, u ta’ miżuri biex jimplimentawha, fejn l-Uffiċċju tad-Difensur Pubbliku għandu rwol kruċjali.
Fir-rigward ta' ċerti dispożizzjonijiet fil-liġi kontra d-diskriminazzjoni, tali viġilanza hija meħtieġa biex ikun żgurat li tingħata fil-prattika protezzjoni adegwata u effettiva kontra d-diskriminazzjoni u li kwalunkwe deroga tiġi applikata skont il-prinċipji ta’ neċessità u proporzjonalità u f’konformità ma’ standards internazzjonali u Ewropej.
Rigward l-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, is-Segretarjat għad-Drittijiet tal-Bniedem fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru għandu l-persunal kollu meħtieġ u l-attivitajiet kollha ppjanati għall-2014 ġew implimentati. Inkiseb ukoll progress sinifikanti matul dawn l-aħħar snin fil-protezzjoni tal-minoranzi etniċi u fil-promozzjoni tal-integrazzjoni ċivika tagħhom.
Il-Georgia bdiet ħidma preparatorja biex tiffirma l-Karta Ewropea għal-Lingwi Reġjonali jew Minoritarji u għall-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Georgia, f’konformità mad-dispożizzjoni tal-Karta. Barra minn hekk, jinsabu għaddejjin tħejjijiet għall-adozzjoni ta’ liġi dwar il-lingwa tal-Istat.
Il-parametru referenzjarju dwar id-drittijiet taċ-ċittadini huwa meqjus kważi milħuq. Huwa rakkomandat li l-awtoritajiet tal-Georgia:
Iżidu u jsostnu l-isforzi biex titqajjem kuxjenza fost ir-rappreżentanti tal-Istat u s-soċjetà inġenerali dwar l-ugwaljanza, it-tolleranza u kwistjonijiet ta’ diversità; jintensifikaw l-isforzi biex tiżdied il-kuxjenza tal-komunitajiet minoritarji dwar id-drittijiet taċ-ċittadini u s-servizzi u l-benefiċċji tal-Istat li hemm disponibbli; jadottaw strateġija u pjan ta’ azzjoni ġodda għall-promozzjoni tat-tolleranza u l-integrazzjoni ċivika filwaqt li jittieħed kont sħiħ tal-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni preċedenti, u billi jkun previst finanzjament adegwat għall-implimentazzjoni effettiva tagħha u billi jiġu stabbiliti mekkaniżmi effettivi ta’ monitoraġġ b’parametri referenzjarji u indikaturi.
Ikomplu bit-taħriġ tal-professjonisti legali f’kooperazzjoni mill-qrib mas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjonali u d-donaturi u b’kunsiderazzjoni xierqa għall-proposti leġiżlattivi mressqa mid-Difensur Pubbliku.
3. IL-VALUTAZZJONI ĠENERALI U L-PASSI LI JMISS
Il-Kummissjoni vvalutat l-implimentazzjoni tal-Georgia tal-parametri referenzjarji tat-tieni fażi tal-PALV skont metodoloġija stabbilita u abbażi ta’ missjonijiet ta’ evalwazzjoni u ta’ dejta u dokumenti li l-Georgia pprovdiet.
L-UE kompliet tissorvelja l-progress tal-Georgia f’żoni relatati mal-PALV fil-Kumitat Konġunt UE-Georgia għall-Faċilitazzjoni tal-Viża, fil-Kumitat Konġunt UE-Georgia tar-Riammissjoni, fis-Sottokumitat UE-Georgia dwar il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà, u d-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, kif ukoll fid-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. F’kull wieħed minn dawn il-kumitati, id-djalogu u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Georgia huwa kkunsidrat avvanzat ħafna.
Il-progress tal-Georgia taħt l-erba’ blokok tal-PALV kien sinifikanti. Dan juri l-impenn qawwi tal-pajjiż u l-importanza tal-isforzi li għamel. L-implimentazzjoni u r-riżultati tar-riformi li l-Georgia introduċiet ġew analizzati bir-reqqa. Dan stabbilixxa li l-funzjonament tal-qafas leġiżlattiv u ta’ politika, u l-integrità tal-prinċipji u l-proċeduri istituzzjonali u organizzattivi u l-proċeduri fuq l-erba’ blokok, ġeneralment jikkonformaw mal-aħjar standards Ewropej u internazzjonali. Għalhekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Georgia hija ġeneralment konformi mal-parametri referenzjarji tat-tieni fażi tal-VLAP.
Fid-dawl tal-progress sinifkanti li l-Georgia għamlet f’dawn l-aħħar ftit xhur, il-Kummissjoni hija lesta li tressaq it-tempistika tar-rapport li jmiss sakemm ikompli jsir il-progress rapidu abbażi tal-parametri referenzjarji u s-sitwazzjoni attwali, kif spjegat aktar f’dan ir-rapport u fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal. Madankollu, il-Georgia għad għandha bżonn tagħmel aktar sforzi f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rapport. Huwa essenzjali wkoll li tkompli torganizza kampanji ta’ informazzjoni ffukati li jistabbilixxu d-drittijiet u l-obbligi ta’ vjaġġar mingħajr viża, u dwar ir-regoli rigward l-aċċess għas-suq tax-xogħol fl-UE.
Jekk twettaq l-azzjonijiet meħtieġa f’dan ir-rapport il-Georgia tkun tista' ttemm l-implimentazzjoni tal-parametri referenzjarji tat-tieni fażi tal-PALV. Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja u tagħmel l-almu tagħha biex tappoġġa lill-Georgia u se tirrapporta dwar il-progress sa tmiem l-2015.