52015DC0117

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Eżenzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri skont ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferrovija /* COM/2015/0117 final */


Applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferrovija: eżenzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri skont l-Artikolu 2 tar-Regolament

Introduzzjoni

Ir-Regolament (KE) Nru 1371/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-passiġġieri tal-ferroviji[1] ("ir-Regolament") daħal fis-seħħ fit-3 ta' Diċembru 2009. L-għan tar-Regolament huwa li jħares id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ferrovija fl-UE, b'mod partikolari meta jkun hemm xi tfixkil waqt l-ivjaġġar, u li jtejjeb il-kwalità u l-effettività tas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri.

Fil-prinċipju, ir-Regolament japplika għas-servizzi ferrovjarji kollha tal-passiġġieri fl-UE, iżda biex dan jidħol fis-seħħ gradwalment, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jagħtu eżenzjonijiet għas-servizzi ferrovjarji domestiċi fuq distanza twila tal-passiġġieri. Fid-dawl tal-karattru speċifiku tas-servizzi ferrovjarji urbani, suburbani u reġjonali tal-passiġġieri, ir-Regolament jippermetti li l-Istati Membri jeżentaw dawn is-servizzi mill-applikazzjoni tar-Regolament.

Għalhekk, l-Artikolu 2 tar-Regolament jippermetti li l-Istati Membri jeżentaw ċerti servizzi mill-applikazzjoni sħiħa tar-Regolament:

1. L-Artikolu 2(4): is-servizzi ferrovjarji domestiċi tal-passiġġieri għal perjodu massimu ta' ħames snin, li jiġġedded darbtejn, (bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament);

2. L-Artikolu 2(5): is-servizzi ferrovjarji urbani, suburbani u reġjonali tal-passiġġieri (bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament);

3. L-Artikolu 2(6): is-servizzi jew il-vjaġġi ferrovjarji tal-passiġġieri li parti konsiderevoli minnhom titħaddem barra mill-UE għal mhux aktar minn ħames snin. Din l-eżenzjoni tista' tiġġedded.  

L-Artikolu 2(7) jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-eżenzjonijiet mogħtija mill-Istati Membri skont il-paragrafi 4, 5 u 6 tal-Artikolu 2.

I. Status quo tal-eżenzjonijiet

Mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament fit-3 ta' Diċembru 2009, sa tmiem l-ewwel perjodu ta' ħames snin, jiġifieri t-2 ta' Diċembru 2014

Dwar l-istat ġenerali tal-applikazzjoni tar-Regolament, wieħed jista' jinnota li bħalissa erba' Stati Membri qed japplikawh bis-sħiħ, filwaqt li 22 Stat Membru taw tipi differenti ta' eżenzjonijiet. Ir-rapport se jħares fid-dettall lejn is-sitwazzjoni tas-servizzi ferrovjarji differenti tal-passiġġieri li jeżistu fl-Istati Membri.

1. Servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri mħaddma fil-livell nazzjonali (is-servizzi domestiċi, urbani, suburbani u reġjonali)

Dwar kif ingħataw l-eżenzjonijiet fl-Istati Membri matul l-ewwel perjodu ta' ħames snin, jistgħu jsiru d-distinzjonijiet li ġejjin[2]:

1) Applikazzjoni sħiħa tar-Regolament mingħajr eżenzjonijiet

Erba' Stati Membri biss iddeċidew li japplikaw bis-sħiħ ir-Regolament mingħajr ma jitolbu l-ebda eżenzjoni: id-Danimarka, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi u s-Slovenja.

2) Eżenzjoni tas-servizzi kollha (domestiċi, urbani, suburbani u reġjonali)

Ħames Stati Membri ddeċidew li jadottaw eżenzjonijiet sħaħ biex japplikaw biss id-dispożizzjonijiet obbligatorji msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament[3]: il-Bulgarija, Franza, l-Irlanda, il-Latvja u r-Rumanija.

3) Eżenzjoni parzjali

· Eżenzjonijiet mogħtija skont it-tip ta' servizz (domestiku jew urban, suburban u reġjonali)

o Eżenzjoni tas-servizzi domestiċi iżda mhux ta' dawk urbani, suburbani u reġjonali

Tliet Stati Membri taw eżenzjonijiet għas-servizzi domestiċi fuq distanza twila tagħhom, iżda mhux għas-servizzi urbani, suburbani jew reġjonali tagħhom: il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka u l-Litwanja.

o Eżenzjoni tas-servizzi urbani, suburbani u reġjonali iżda mhux ta' dawk domestiċi

Ħames Stati Membri ma applikaw l-ebda eżenzjoni għas-servizzi domestiċi (fuq distanza twila), iżda applikawhom biss għas-servizzi urbani, suburbani u reġjonali: l-Awstrija, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Lussemburgu u l-Isvezja.

· Eżenzjonijiet mogħtija skont it-tip ta' rekwiżit (jiġifieri skont l-Artikolu)

o Eżenzjonijiet mogħtija għal ċerti Artikoli dwar ċerti servizzi

Il-Belġju eżenta biss is-servizzi nazzjonali tiegħu fuq distanza twila mid-dritt ta' informazzjoni matul il-vjaġġ skont il-Parti II tal-Anness II tar-Regolament. Spanja eżentat biss is-servizzi domestiċi tagħha fuq distanza twila mill-Artikolu 27 dwar it-trattament tal-ilmenti.

o Eżenzjonijiet mogħtija għal għadd ta' Artikoli dwar is-servizzi nazzjonali kollha

Disa' Stati Membri taw eżenzjonijiet dwar Artikoli speċifiċi: il-Kroazja[4], l-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Polonja, il-Portugall, Spanja, is-Slovakkja u r-Renju Unit.

2. Servizzi transfruntiera ma' pajjiżi terzi

Għaxar Stati Membri taw eżenzjoni sħiħa jew parzjali skont l-Artikolu 2(6) lis-servizzi jew lill-vjaġġi ferrovjarji tal-passiġġieri li parti konsiderevoli minnhom issir barra mill-UE: il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Estonja, il-Finlandja, il-Greċja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Polonja u r-Rumanija. Dan ifisser li dawk il-pajjiżi kollha li għandhom servizzi transfruntiera ma' pajjiżi terzi eżentaw dawn is-servizzi mill-applikazzjoni tar-Regolament fit-territorju tagħhom.

Elementi addizzjonali

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri li eżentaw is-servizzi domestiċi fuq distanza twila tagħhom taw eżenzjonijiet skont l-Artikoli 8, 10, 13, 15, 17 u 18. Min-naħa l-oħra, il-maġġoranza tal-Istati Membri li eżentaw is-servizzi ferrovjarji urbani, suburbani u reġjonali tal-passiġġieri taw eżenzjonijiet skont l-Artikoli 8, 10, 15, 16, 17 u 18. L-Istati Membri ma jridux jipprovdu ġustifikazzjoni speċifika għall-adozzjoni tal-eżenzjonijiet, iżda jridu jagħmlu dan b'mod trasparenti u mhux diskriminatorju. Jidher biċ-ċar li l-eżenzjonijiet ingħataw l-aktar għal dawk l-Artikoli li jitiqiesu l-aktar għalja, jiġifieri dawk relatati mal-ħlasijiet bil-quddiem f'każ ta' inċidenti (l-Artikolu 13) u dawk relatati mar-responsabbiltà f'każ ta' dewmien, konnessjonijiet mitlufa u tħassir u għalhekk li joffru rimborż, kumpens u assistenza (l-Artikoli 15, 16, 17 u 18). Barra minn hekk, l-Artikoli 8 (dwar l-informazzjoni) u 10 (dwar l-informazzjoni u s-sistemi ta' riservazzjoni) jistgħu jitqiesu li huma ta' piż żejjed jew għalja żżejjed jekk jinħtieġu vetturi ferrovjarji jew sistemi kompjuterizzati ġodda jew rinnovati biex jikkonformaw mal-obbligi previsti f'dawn l-Artikoli.

Is-sommarju ta' hawn fuq juri li l-użu ta' eżenzjonijiet, partikolarment għas-servizzi domestiċi, wassal għal geġwiġija ta' drittijiet differenti għall-passiġġieri ferrovjarji fl-UE, minħabba li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti japplikaw fin-nuqqas ta' sett uniku ta' drittijiet tal-passiġġieri tal-UE. Fil-konklużjonijiet tar-rapport tagħha tal-14 ta' Awwissu 2013 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tar-Regolament[5], il-Kummissjoni diġà kienet qieset "l-użu estensiv ta' eżenzjonijiet bħala ostaklu serju biex jitwettqu l-objettivi tar-Regolament", jiġifieri t-titjib tal-kwalità u l-effettività tas-servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri. L-eżenzjonijiet fl-Istati Membri jipprevjenu l-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi għall-impriżi ferrovjarji fl-UE. Barra minn hekk, dawn iċaħħdu lill-passiġġieri ferrovjarji miċ-ċertezza legali u mit-tgawdija tad-drittijiet tagħhom.

Fl-aħħar ta' dan ir-Rapport[6] hemm tabella ta' sommarju li turi s-sitwazzjoni tal-eżenzjonijiet minn Novembru 2014.

II. PREVIŻJONIJIET GĦAL WARA T-3 TA' DIĊEMBRU 2014

Ir-Rapport qed iqis ukoll is-sitwazzjoni fil-ġejjieni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament u partikolarment it-tiġdid potenzjali tal-eżenzjonijiet mill-Istati Membri. Skont l-informazzjoni li waslet mingħand l-Istati Membri, is-sitwazzjoni mhux se tinbidel b'mod sinifikanti wara t-3 ta' Diċembru 2014, b'potenzjalment ħames Stati Membri biss li se japplikaw ir-Regolament bis-sħiħ u 21 li se jkomplu jagħtu tipi differenti ta' eżenzjonijiet 

L-Istati Membri jistgħu jġeddu l-eżenzjonijiet skont l-Artikolu 2(4) u (6) tar-Regolament iżda jridu jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar kull estensjoni wara t-3 ta' Diċembru 2014. L-istess japplika għad-disa' Stati Membri li għażlu l-perjodu ta' ħames snin ta' eżenzjonijiet għas-servizzi urbani, suburbani u reġjonali skont l-Artikolu 2(5) bil-possibbiltà ta' tiġdid[7].

F'dan il-kuntest, l-Istati Membri ġew mistoqsija dwar l-intenzjonijiet tagħhom fil-kuntest tat-tnaqqis jew it-tiġdid tal-eżenzjonijiet[8].

Mill-informazzjoni riċevuta, jidher li erba' Stati Membri beħsiebhom inaqqsu n-numru ta' Artikoli li ngħataw eżenzjonijiet skonthom matul il-perjodu ta' ħames snin li jmiss: il-Belġju, il-Bulgarija, l-Estonja u l-Polonja. Fil-każ tal-Belġju, dan se jwassal għall-applikazzjoni sħiħa tar-Regolament għas-servizzi ferrovjarji kollha tal-passiġġieri.

12-il Stat Membru beħsiebhom iżommu l-istatus quo tal-eżenzjonijiet tagħhom għal perjodu ieħor ta' ħames snin: l-Awstrija, Franza, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Kroazja, l-Ungerija, il-Litwanja, il-Latvja, ir-Rumanija, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja. Ir-Renju Unit avża li se jestendi l-eżenzjonijiet eżistenti fuq bażi provviżorja u li matul l-2015 se jwettaq konsultazzjonijiet u reviżjoni qabel ma jiddeċiedi jekk iġeddidx jew le l-eżenzjonijiet jew inkella jneħħihomx kompletament jew parzjalment. Id-Danimarka, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi u s-Slovenja diġà japplikaw bis-sħiħ ir-Regolament.

L-Isvezja li qabel ma kinitx speċifikat l-eżenzjonijiet li se tapplika għas-servizzi urbani, suburbani jew reġjonali, issa informat lill-Kummissjoni bil-pjanijiet tagħha li teżenta dawn is-servizzi minn ċerti Artikoli tar-Regolament.

Filwaqt li xi Stati Membri għadhom ma nnotifikawx uffiċjalment it-tiġdid jew it-tneħħija tal-eżenzjonijiet skont l-Artikolu 2(7) tar-Regolament, jista' jiġi stmat li s-sitwazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-Regolament għas-servizzi ferrovjarji domestiċi tal-passiġġieri mhux se tinbidel b'mod sostanzjali wara l-ewwel perjodu ta' ħames snin. Dan ifisser li l-protezzjoni tal-passiġġieri skont ir-Regolament se titjieb biss b'mod moderat għal dawn is-servizzi, jew xejn affattu. L-istess sitwazzjoni tapplika għas-servizzi u l-vjaġġi internazzjonali fejn parti importanti ssir barra mill-UE.

Bħala konklużjoni, jista' jingħad li l-Istati Membri taw eżenzjonijiet estensivi matul l-ewwel ħames snin tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1371/2007 u fil-futur wieħed jista' jistenna biss xi titjib żgħir ħafna. Għalhekk, għad fadal ħafna biex jinkisbu kundizzjonijiet ekwi għall-impriżi ferrovjarji u livell għoli ta' protezzjoni għall-passiġġieri fl-UE.

[1]       ĠU L 315, 3.12.2007, p. 14.

[2]       Malta u Ċipru ma għandhomx servizzi ferrovjarji tal-passiġġieri.

[3]       Skont l-Artikolu 2(3), l-Artikoli 9, 11, 12, 19, 20(1) u 26 japplikaw għas-servizzi ferrovjarji kollha tal-passiġġieri fl-UE.

[4]       L-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE saret fl-1 ta' Lulju 2013. Il-Kroazja adottat eżenzjonijiet dwar id-dħul fis-seħħ tar-Regolament, mid-data tal-adeżjoni tagħha sa tmiem l-ewwel perjodu ta' ħames snin, jiġifieri sat-2 ta' Diċembru 2014.

[5]       COM(2013) 587 final, 14.8.2013.

[6]       Il-lista ta' eżenzjonijiet hija bbażata fuq l-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.

[7]       Il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Estonja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Irlanda, il-Latvja, il-Portugall u Spanja.

[8]       Mhux qed jitniżżlu l-Istati Membri li għadhom ma weġbux l-istħarriġ informali.