KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika fuq l-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv /* COM/2015/0100 final */
Introduzzjoni L-istrateġija
Ewropa 2020 tnediet fl-2010 bħala l-istrateġija fit-tul integrata
tal-UE għall-impjiegi u t-tkabbir. Sabiex jintlaħaq l-objettiv
tagħha ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv
għall-Ewropa, l-istrateġija tibbaża fuq ħames miri ewlenin
marbuta mal-impjiegi, ir-riċerka u l-iżvilupp, il-klima u
l-enerġija, l-edukazzjoni u l-ġlieda kontra l-faqar u
l-esklużjoni soċjali, magħmula minn kull Stat Membru f'miri
nazzjonali. L-istrateġija hija implimentata u mmonitorjata bħala parti
mis-Semestru Ewropew. Barra minn hekk, kienet il-qafas ġenerali għal
firxa ta’ politiki fil-livell tal-UE u dak nazzjonali. B’mod partikolari,
l-istrateġija serviet bħala gwida għat-tfassil u l-ipprogrammar
tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej mill-2014 sal-2020. Wara l-ewwel snin
tal-implimentazzjoni tal-istrateġija, nofs triq lejn l-orizzont 2020
tagħha, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika biex tqis it-twettiq
tal-objettivi tal-istrateġija sa issa. Il-fatt li l-ewwel snin tal-istrateġija
Ewropa 2020 ħabtu ma’ kriżi finanzjarja u ekonomika serja ħalla
impatt kbir fuq il-progress lejn l-għanijiet tal-istrateġija. Din
kienet tfisser ukoll li l-kunsiderazzjonijiet ta’ politika għal żmien
qasir ta' spiss komplew b'mod inevitabbli f'approċċi aktar fit-tul.
Is-sejbiet minn l-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar
l-Istrateġija Ewropa 2020[1]
juru li, b’mod ġenerali, id-direzzjoni meħuda mill-UE b’reazzjoni
għall-kriżi hija appoġġjata miċ-ċittadini tal-UE
– minn dawk li wieġbu, kważi d-doppju jqisu li l-UE qiegħda
fit-triq it-tajba biex toħroġ mill-kriżi u tiffaċċja
l-isfidi tagħha meta mqabbel ma' dawk li ma jaqblux ma' dan. Din il-Komunikazzjoni tippreżenta r-riżultati
ewlenin tal-konsultazzjoni pubblika organizzata bejn Mejju u Ottubru 2014
biex jinġabru l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati dwar it-tfasil u
r-riżultati tal-istrateġija Ewropa 2020. Dan huwa akkumpanjat minn
rapport aġġornat dwar is-sitwazzjoni attwali rigward il-miri
tal-Ewropa 2020[2].
Sommarju
Eżekuttiv Il-konsultazzjoni
pubblika dwar l-istrateġija Ewropa 2020 saret bejn
il-5 ta’ Mejju 2014 u l-31 ta’ Ottubru 2014.
L-għan kien li tinkiseb l-esperjenza mill-partijiet ikkonċernati biex
jintużaw it-tagħlimiet miksuba matul l-ewwel snin ta’
implimentazzjoni tal-istrateġija u biex jiġu inklużi
fir-rieżami. B’kollox waslu
755 kontribuzzjoni minn 29 pajjiż. Is-sħab soċjali, il-gruppi
ta' interess u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi huma l-aktar kategorija
rappreżentata minn dawk li wieġbu, segwita mill-gvernijiet tal-Istati
Membri u l-awtoritajiet pubbliċi, iċ-ċittadini individwali, u
l-gruppi ta’ riflessjoni, l-akkademja, il-fondazzjonijiet u l-kumpaniji. L-eżiti ewlenin mill-konsultazzjoni pubblika
huma dawn li ġejjin: - l-Ewropa 2020 hija meqjusa bħala qafas
globali rilevanti li jippromwovi l-impjiegi u t-tkabbir fil-livell tal-UE u dak
nazzjonali. L-objettivi u l-prijoritajiet tagħha huma sinifikanti meta
jiġu kkunsidrati l-isfidi attwali u futuri. - Il-ħames miri ewlenin jirrappreżentaw
katalisti importanti għall-impjiegi u t-tkabbir u jgħinu biex
l-istrateġija tibqa' ffukata. - Il-biċċa l-kbira tal-inizjattivi
emblematiċi servew l-għan tagħhom, iżda l-viżibilità
tagħhom baqgħet dgħajfa. - Hemm skop u ħtieġa għal titjib
fit-twettiq tal-istrateġija permezz ta’ sjieda msaħħa u
involviment fuq il-post. 1. Il-kuntest tal-konsultazzjoni
pubblika dwar l-istrateġija Ewropa 2020 F’Marzu 2014, il-Kummissjoni Ewropea
ppubblikat Komunikazzjoni “Evalwazzjoni tal-istrateġija tal-Ewropa 2020
għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”[3] immirata biex tivvaluta fejn jinsabu l-UE u l-Istati Membri
tagħha fl-implimentazzjoni tal-istrateġija erba’ snin wara t-tnedija
tagħha, u biex twitti t-triq għal rieżami tal-istrateġija. Nofs triq lejn l-iskadenza tal-2020,
it-twettiq tal-objettivi tal-impjiegi u t-tkabbir huwa mħallat, b’mod
partikolari minħabba l-impatt tal-kriżi.
L-effetti tal-kriżi għadhom partikolarment gravi, b’mod partikolari
fis-swieq tax-xogħol bil-qgħad jibqa’ għoli ħafna
fil-livell tal-UE u s-sitwazzjonijiet li jvarjaw b’mod sinifikanti bejn
l-Istati Membri. Fost is-sorsi ewlenin ta’ tħassib, ir-rati tal-qgħad
fost iż-żgħażagħ għadhom għoljin f’diversi
Stati Membri u l-qgħad fit-tul qed jiżdied. Fil-qasam soċjali,
il-kriżi wasslet għal aktar skopertura għall-faqar u l-esklużjoni
soċjali u l-inugwaljanzi li qed jikbru. Is-sitwazzjoni hija partikolarment
diffiċli f’ċerti Stati Membri fejn kien hemm żidiet
fil-privazzjoni materjali severa u fl-għadd ta’ familji mingħajr
impjieg. Fl-eqqel tal-kriżi, il-ħtieġa li n-nefqa pubblika tkun
ikkontrollata, illimitat in-nefqa fir-riċerka u l-iżvilupp
f’għadd ta’ Stati Membri. Issa li l-punt fokali bil-mod il-mod qed jersaq
mill-emerġenzi tal-kriżi lejn il-bini ta’ pedamenti sodi
għat-tkabbir u l-impjiegi, huwa importanti li l-Istati Membri jagħtu
prijorità lin-nefqa li ssaħħaħ it-tkabbir bħall-investiment
fir-riċerka u l-iżvilupp. Numru ta’ tendenzi fit-tul ikomplu
jaffettwaw ukoll it-tkabbir, pereżempju l-iżviluppi demografiċi,
il-globalizzazzjoni u l-kompetizzjoni minn sħab internazzjonali, l-isfida
ta’ produttività u d-diġitalizzazzjoni kif ukoll il-pressjoni fuq
ir-riżorsi u l-kwistjonijiet ambjentali. Il-kriżi affettwat ukoll il-progress
lejn il-miri ewlenin tal-Ewropa 2020.
Il-kriżi kellha impatt negattiv ċar fuq l-impjiegi u l-livelli ta’
faqar u xekklet il-progress lejn uħud mill-miri l-oħra,
bl-eċċezzjoni tal-effett tagħha fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet
ta’ gassijiet serra. Minkejja l-kriżi kien hemm xejriet strutturali aktar
pożittivi, pereżempju fil-livelli tal-edukazzjoni, il-bini ta’
taħlita tal-enerġija aktar sostenibbli u t-tnaqqis fl-intensità
tal-karbonju tal-ekonomija. Għaldqastant, b'mod globali, l-UE tinsab fi
triqitha biex tilħaq jew toqrob lejn il-miri tagħha fir-rigward
tal-edukazzjoni, il-klima u l-enerġija. Dan mhuwiex il-każ
fir-rigward tal-impjiegi, ir-riċerka u l-iżvilupp u t-tnaqqis
tal-faqar fejn l-impatt tal-kriżi nħass l-aktar intensament. Fl-oqsma
kollha, l-isforzi jridu jiġu sostnuti sabiex jiġi kkonsolidat
il-progress u jsiru aktar avvanzi. Il-miri tal-Ewropa 2020 jikkostitwixxu
impenji politiċi[4]. In-natura politika tal-miri hija inerenti
fl-istrateġija u tirrifletti r-rwol primarju li l-gvernijiet nazzjonali
għandu jkollhom fl-istrateġija, f’konformità mal-prinċipju
tas-sussidjarjetà. Madankollu, għall-biċċa l-kbira tal-oqsma,
il-miri nazzjonali mhumiex ambizzjużi biżżejjed biex b’mod
kumulattiv jilħqu l-ambizzjoni fil-livell tal-UE. Pereżempju, li
kieku l-Istati Membri kollha laħqu l-miri nazzjonali individwali tagħhom,
l-investiment aggregat fir-riċerka u l-iżvilupp fil-livell tal-UE
jammonta għal 2,6 % tal-PDG sal-2020, li huwa inqas mill-mira ta’
3 % stabbilita mill-UE. Dawn il-livelli differenti ta’ impenn jidhru wkoll
fil-livell varjabbli ta’ reazzjoni u ambizzjoni politika madwar l-UE. Parti mill-progress imħallat tal-miri
Ewropa 2020 tista’ tiġi attribwita wkoll għad-dewmien li permezz
tiegħu r-riformi strutturali jħallu l-impatt sħiħ
tagħhom fuq l-ekonomiji. Għalkemm ir-ritmu u
l-kwalità tar-riformi strutturali varjaw bejn l-Istati Membri,
il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri taw bidu għal riformi
strutturali importanti fis-swieq tax-xogħol tagħhom, biex
jagħmluhom aktar reżiljenti fil-futur, fis-swieq tal-prodotti u
s-servizzi biex jitjieb il-funzjonament tagħhom u titrawwem allokazzjoni
effiċjenti tar-riżorsi, u fl-amministrazzjonijiet pubbliċi biex
tittejjeb l-effiċjenza tagħhom. Madankollu, dawn ir-riformi
jieħdu ż-żmien biex iħallu l-frott u jsiru viżibbli, u
dan jagħmel l-implimentazzjoni rapida u bir-reqqa tagħhom importanti
ħafna. Id-diverġenzi li qed jikbru madwar
l-Istati Membri u spiss fl-istess Stati Membri xekklu l-progress lejn il-miri
tal-Ewropa 2020. Il-kriżi wasslet għal
diskrepanza dejjem akbar bejn l-Istati Membri bl-aħjar prestazzjoni u dawk
bl-anqas, minflok il-konverġenza mixtieqa tal-ekonomiji tagħna. Kien
hemm ukoll differenza li qed tikber bejn ir-reġjuni fl-Istati Membri u
madwarhom. Bħala eżempju, fl-2013, id-differenza bejn l-ogħla u
l-anqas prestazzjoni fir-rigward tar-rata tal-impjiegi tal-popolazzjoni bl-età
ta’ bejn l-20 u l-64 kienet ta’ 26,9 punt perċentwali, bir-rati
tal-impjieg li varjaw minn 52,9 % fil-Greċja għal 79,8 %
fl-Iżvezja. Dan jista’ jitqabbel mas-sitwazzjoni fis-sena 2000, meta kien
hemm differenza ta' 22,7 punt perċentwali bejn l-ogħla
prestazzjoni u dik l-aktar baxxa, u r-rati tal-impjieg varjaw minn 55,3 %
fil-Bulgarija sa 78,0 % fid-Danimarka. IL-MIRI TAL-EWROPA 2020 FIL-LIVELL TAL-UE || L-AKTAR DEJTA RIĊENTI Tiżdied ir-rata tal-impjieg tal-popolazzjoni bl-età ta' bejn l-20 u l-64 għal mill-inqas 75 % || 68,4 % (2013) Jiżdied l-investiment fir-R&Ż għal 3 % tal-PDG || 2,02 % (2013) Jitnaqqsu l-gassijiet b’effett serra b’tal-anqas 20 % meta mqabbel mal-livelli tal-1990 || tnaqqis ta' 17,9 % (2012) Jiżdied is-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum tal-enerġija finali b'20 % || 14,1 % (2012) Nimxu lejn żieda ta’ 20 % fl-effiċjenza enerġetika (ikkalkulata f’termini ta’ konsum primarju tal-enerġija u konsum finali tal-enerġija) || Il-konsum tal-enerġija primarja: żieda ta' 11,9 % fl-effiċjenza enerġetika Konsum tal-enerġija finali: żieda ta' 12,8 % fl-effiċjenza enerġetika (2013) Titnaqqas ir-rata ta’ dawk li jħallu l-edukazzjoni u t-taħriġ kmieni għal inqas minn 10 % || 12,0 % (2013) Jiżdied is-sehem tal-popolazzjoni tal-età ta' bejn it-30 u l-34 li jkunu temmew l-edukazzjoni terzjarja għal mill-inqas 40 % || 36,9 % (2013) Jinħarġu mill-inqas 20 miljun persuna mir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali (ekwivalenti għal mira ta’ 96,6 miljun) || 121,6 miljun persuna f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali (2013)[5] Sors: Il-Kummissjoni Ewropea F’dan l-isfond, wieħed
mill-għanijiet tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija
Ewropa 2020 kien li jinkiseb għarfien aktar profond tat-twettiq
tal-istrateġija fuq il-post. F'dak li jirrigwarda
s-sħubija bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, is-suċċess
tal-istrateġija jiddependi b’mod kruċjali fuq l-impenn u
l-involviment tal-gvernijiet nazzjonali, il-parlamenti, l-awtoritajiet lokali u
reġjonali, is-sħab soċjali, partijiet ikkonċernati oħrajn
u s-soċjetà ċivili. Kien għalhekk importanti li jiġu
kkunsidrati l-fehmiet ta’ dawk kollha involuti fl-implimentazzjoni
tal-istrateġija, u jittieħdu t-tagħlimiet mill-esperjenza u
l-aħjar prattiki tagħhom. 2. Iċ-ċifri ewlenin
tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija Ewropa 2020 Il-konsultazzjoni pubblika dwar
l-istrateġija Ewropa 2020 saret bejn
il-5 ta’ Mejju 2014 u l-31 ta’ Ottubru 2014. Din
inbniet abbażi ta' għadd ta’ għodod biex tittejjeb
il-viżibbiltà tagħha u titrawwem il-parteċipazzjoni. Barra mill-komunikazzjoni tal-konsultazzjoni pubblika dwar Il-Vuċi
tiegħek fl-Ewropa, sit elettroniku[6]
apposta offra l-possibbiltà biex jimtela kwestjonarju jew jiġi
ppreżentat dokument ta’ pożizzjoni, u pprovda ħoloq
għad-dokumenti ewlenin marbuta mal-Istrateġija Ewropa 2020.
Il-Kummissjoni fasslet ukoll dan il-kwestjonarju biex jinġabru
l-opinjonijiet dwar l-ewwel snin tal-istrateġija kif ukoll ideat
għall-iżvilupp ulterjuri tagħha. Dan is-sit elettroniku jinkludi
wkoll sezzjoni ddedikata għall-pubblikazzjoni tal-kontributi li waslu[7]. 755 minn dawk li wieġbu ħadu
sehem fil-konsultazzjoni pubblika. Id-distribuzzjoni
tal-pajjiżi turi preponderanza ta’ tweġibiet mingħand
il-Belġju fejn huma bbażati l-gruppi ta’ interess fil-livell Ewropew.
Ir-rata ta’ parteċipazzjoni kienet baxxa ħafna fil-pajjiżi
tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant. Parteċipanti minn pajjiżi terzi
ġew min-Norveġja, l-Iżvizzera, il-Kanada u l-Istati Uniti.
Il-parteċipanti jirriflettu l-firxa wiesgħa ta’ partijiet
ikkonċernati tal-istrateġija Ewropa 2020. Is-sħab
soċjali, il-gruppi ta’ interess u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi
jiffurmaw l-aktar kategorija rappreżentata (41 %), segwita
mill-gvernijiet tal-Istati Membri u l-awtoritajiet pubbliċi, inklużi
l-awtoritajiet lokali u reġjonali (20 %), iċ-ċittadini
individwali (19 %) u l-gruppi ta' riflessjoni, l-akkademja u
l-fondazzjonijiet (14 %). Il-kumpaniji jirrappreżentaw 6 % ta'
dawk li wieġbu, rata pjuttost baxxa li hija kontrobilanċjata b’rata
ogħla ta’ gruppi ta’ interess li jirrappreżentawhom. Id-distribuzzjoni ta’ dawk li wieġbu skont il-kategorija
tal-partijiet ikkonċernati Sors:
Il-Kummissjoni Ewropea Id-distribuzzjoni bejn l-oqsma koperti turi
l-inklużività tal-istrateġija Ewropa 2020. Il-maġġoranza tal-parteċipanti koprew l-oqsma kollha
tal-istrateġija fit-tweġibiet tagħhom, inklużi l-affarijiet
ekonomiċi u finanzjarji, il-kompetittività, l-industrija, is-suq uniku,
l-impjiegi, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, l-ekonomija
diġitali, il-klima, l-enerġija u l-effiċjenza tar-riżorsi,
l-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-faqar u l-esklużjoni soċjali.
Id-distribuzzjoni bejn il-kontribuzzjonijiet iffukata fuq qasam speċifiku
wieħed hija ġeneralment ibbilanċjata. Barra mit-tweġibiet uffiċjali
għall-konsultazzjoni pubblika, l-UE u l-istituzzjonijiet nazzjonali
inkludew ukoll diskussjoni dwar ir-rieżami tal-istrateġija. Fuq l-inizjattiva tal-Presidenza Taljana tal-Kunsill, ir-rieżami
ġie diskuss fil-biċċa l-kbira tal-formazzjonijiet settorjali tal-Kunsill.
Filwaqt li kkunsidrat l-eżitu ta’ dawn id-diskussjonijiet,
f’Diċembru 2014 il-Presidenza ppreżentat sommarju fil-Kunsill
Affarijiet Ġenerali[8].
Il-Parlament Ewropew kellu rwol importanti mit-tnedija tal-istrateġija,
inkluż il-mobilizzazzjoni tal-Parlamenti nazzjonali biex jagħtu
s-sehem tagħhom. F’dawn l-aħħar xhur saru għadd ta’ skambji
tal-fehmiet mal-Parlamenti nazzjonali dwar l-istrateġija Ewropa 2020
u l-iżvilupp ulterjuri tagħha. Ir-riflessjonijiet dwar ir-rieżami
tal-istrateġija Ewropa 2020 ġġeneraw interess qawwi u
mmobilizzaw il-partijiet ikkonċernati involuti fl-implimentazzjoni
tal-istrateġija. Il-Kumitat tar-Reġjuni,
permezz tal-ħidma tal-pjattaforma ta’ monitoraġġ tiegħu, u
l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, kienu partikolarment attivi u
organizzaw skambji ta’ fehmiet u diskussjonijiet dwar is-suġġetti
tal-istrateġija Ewropa 2020. Bl-istess mod, ġew organizzati
firxa ta’ attivitajiet fl-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Uffiċjali
tas-Semestru Ewropew mill-Kummissjoni Ewropea, dwar l-istrateġija kollha
kemm hi jew uħud mill-karatteristiċi tagħha. Dawn l-attivitajiet
saħħew id-djalogu mal-atturi interessati kollha, bnew rabtiet bejn
id-diversi netwerks tal-partijiet ikkonċernati, u kisbu esperjenza u l-aħjar
prattiki mill-post biex jintużaw fir-rieżami tal-istrateġija. 3.
L-eżiti ewlenin tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-istrateġija
Ewropa 2020 3.1
L-ambitu u l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 għadhom
rilevanti Hemm appoġġ kbir
għall-istrateġija tal-UE favur l-impjiegi u t-tkabbir. Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu (86 %) iqisu
li l-Ewropa teħtieġ strateġija komprensiva u globali għal
perjodu ta’ żmien medju għall-impjiegi u t-tkabbir għas-snin li
ġejjin, filwaqt li ftit minnhom biss (14 %) għandhom
opinjonijiet imħalltin jew negattivi. Tal-aħħar,
prinċipalment ċittadini individwali, jikkunsidraw li l-UE
għandha tiffoka fuq l-implimentazzjoni ta’ strumenti eżistenti; jew
li l-iżvilupp soċjali, ekonomiku u ambjentali huwa aktar importanti
mit-tkabbir per se; jew li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet
għandhom iwarrbu l-idea ta’ tkabbir infinit. Il-biċċa l-kbira
tal-parteċipanti jassoċjaw l-istrateġija mal-qasam ta’ azzjoni
tagħhom u japprezzaw il-kapaċità globali tagħha. Ir-rilevanza
tat-tliet aspetti tat-“tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv”
hija aċċettata. L-Istrateġija Ewropa 2020 tindirizza
l-isfidi tal-lum u ta’ għada.
Il-kontribuzzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika juru l-korrelazzjoni
qawwija bejn l-oqsma identifikati mill-parteċipanti bħala
prijoritajiet u dawk koperti mill-istrateġija Ewropa 2020. 3.2 Il-ħames miri ewlenin attwali
huma rilevanti u jsaħħu lil xulxin Il-biċċa l-kbira ta' dawk li
wieġbu jaċċettaw il-miri bħala strument utli
għat-twettiq tal-istrateġija.
Il-biċċa l-kbira (87 %) jikkunsidraw il-miri bħala strument
utli għall-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġija
Ewropa 2020, billi jaġixxu bħala punti ta’ referenza li
jgħinu biex tingħata attenzjoni fuq għadd ta’ oqsma ewlenin. Xi
kontribuzzjonijiet (10 %) jindikaw metodi għal titjib, filwaqt li
jirrikonoxxu li l-miri huma strument importanti. Għadd ta’
kontribuzzjonijiet jenfasizzaw l-importanza li jiġu evitati ħafna
miri u b’hekk jinżamm approċċ iffukat. Il-miri jitqiesu li
mhumiex utli minn ftit biss minn dawk li wieġbu (3 %). Barra minn
hekk, xi wħud minn dawk li wieġbu jenfasizzaw l-importanza li
jikkomplimentaw kull valutazzjoni kwantitattiva tal-progress lejn il-miri
b’analiżi kwalitattiva. Il-Kummissjoni taqbel mal-importanza ta’
analiżiu evalwazzjoni u kwalitattivi u dawn jitwettqu b’mod partikolari
fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. Hemm appoġġ qawwi biex
il-ħames miri ewlenin attwali ma jinbidlux.
Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu (78 %) jikkunsidraw li
l-miri attwali huma biżżejjed. Xi wħud minn dawk li wieġbu
jipproponu li jiżdiedu miri ġodda filwaqt li oħrajn jikkontestaw
ir-rilevanza tal-mira relatata mal-edukazzjoni terzjarja, u jenfasizzaw
l-importanza li jiġu adattati l-ħiliet mal-ħtiġijiet
tas-suq tax-xogħol sabiex jiġu evitati d-diskrepanzi. Huwa importanti
li jitfakkar li l-miri ma jkunux maħsuba sabiex jirriflettu t-totalità
tal-politiki tal-UE jew l-ambizzjonijiet – iżda huma kejl
rappreżentattiv tat-tip ta’ bidliet irrakkomandati mill-istrateġija
Ewropa 2020. Xi wħud mill-miri issuġġeriti minn
kontributuri bħal miri indikattivi għall-effiċjenza
tar-riżorsi u s-sehem tal-industrija tal-PDG diġà huma integrati
f’politiki oħrajn tal-UE. Fl-aħħar nett, ma tirriżulta
l-ebda ġerarkija ċara bejn il-miri mill-konsultazzjoni pubblika.
Madwar nofs dawk li wieġbu huma tal-fehma li l-miri huma importanti
bl-istess mod u interdipendenti, li jsaħħu lil xulxin u li flimkien
jikkontribwixxu għall-impjiegi u t-tkabbir. 3.3 L-inizjattivi emblematiċi
laħqu l-iskop tagħhom L-inizjattivi emblematiċi
ġeneralment laħqu l-iskop tagħhom u l-azzjoni fl-oqsma
rispettivi tagħhom jeħtieġ li titwettaq permezz ta’ metodi
oħra. B’mod ġenerali, il-parteċipanti
jgħarfu l-iskop tal-inizjattivi emblematiċi bħala titjib
tal-prestazzjoni tal-UE biex jintlaħqu l-miri tal-Ewropa 2020.
Madankollu, għadd sinifikanti ta' parteċipanti (32%), inklużi
l-gvernijiet u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi, taw valutazzjoni
mħallta: deher li l-inizjattivi emblematiċi laħqu l-iskop
tagħhom billi taw spinta għal firxa ta’ azzjonijiet ta’ prijorità.
Madankollu, il-valur miżjud tagħhom kien mitfi minħabba nuqqas
ta’ għarfien u l-azzjonijiet ta’ politika ripetuti, li min-naħa
tagħhom għamluhom inutli. Xi wħud minn dawk li wieġbu
jindikaw li l-inizjattivi emblematiċi mhumiex marbutin mal-oqsma ta’
politika usa’ rispettivi tagħhom u oħrajn jaraw distorsjoni
minħabba x-xogħol doppju u n-nuqqas ta’ prijoritizzazzjoni
tal-inizjattivi emblematiċi. Għalhekk, dawk li wieġbu jsostnu li
dawn issa għandhom jiġu sostitwiti bi programmi ta’ politika
organizzati b'mod aktar koerenti u globali. 3.4 Titjib tat-twettiq u
l-implimentazzjoni tal-istrateġija jkun importanti u mixtieq Hemm lok għal titjib fit-twettiq
tal-istrateġija Ewropa 2020. Meta
ġew mistoqsija jekk l-Ewropa 2020 għamlitx differenza,
il-maġġoranza (60 %) ta’ dawk li wieġbu wieġbu b’mod
pożittiv, iżda ħafna (40 %) wieġbu fin-negattiv u
enfasizzaw diversi nuqqasijiet ta’ implimentazzjoni kif ukoll modi biex dawn
jiġu indirizzati. L-implimentazzjoni b’suċċess
tal-istrateġija ġiet affettwata minn dgħufijiet fir-rigward
tal-għarfien, l-involviment u l-infurzar. L-ewwel
nett, il-kontribuzzjonijiet għall-konsultazzjoni pubblika juru diskrepanza
ta' għarfien fir-rigward tal-istrateġija, jew b’mod espliċitu
meta dawk li wieġbu jindikaw li huma ma jistgħux iwieġbu
għal xi mistoqsijiet, jew b'mod impliċitu meta t-tweġibiet
jinterpretaw ħażin il-kontenut jew l-objettiv tal-istrateġija.
It-tieni, anqas minn nofs dawk li wieġbu (46 %) jsostnu li huma
involuti fl-istrateġija u tliet kwarti (77 %) jesprimu r-rieda li
jinvolvu ruħhom aktar fl-istrateġija. Mill-kontribuzzjonijiet
joħorġu wkoll xi prattiki xierqa, bħall-Kumitat tal-Partijiet
Ikkonċernati stabbilit mill-gvern Daniż, li jiġbor flimkien
madwar 30 organizzazzjoni, minn assoċjazzjonijiet tan-negozju u
trejdjunjins sa muniċipalitajiet u organizzazzjonijiet mhux governattivi.
Dawk li wieġbu jappoġġjaw qafas ta’ infurzar
imsaħħaħ biex jiġi żgurat li l-istrateġija
tagħti riżultati, permezz ta’ livell xieraq ta’ ambizzjoni u
l-għodod ta’ infurzar. Jekk aktar minn nofs ta’ dawk li wieġbu
(58 %) jikkunsidraw li l-miri nazzjonali huma importanti u xierqa,
kważi terz minnhom (28 %) jenfasizzaw li għandhom ikunu
ambizzjużi biżżejjed u li l-UE għandha żżid
l-impenn tal-Istati Membri billi ssaħħaħ il-proċess ta'
monitoraġġ tagħha. Dawk li wieġbu jenfasizzaw li hemm lok
għal titjib fit-twettiq tal-istrateġija Ewropa 2020. Komunikazzjoni u informazzjoni mmirati aħjar, aktar skambji ta’
esperjenza u l-aqwa prattiki madwar l-Istati Membri, l-involviment
tal-partijiet ikkonċernati fil-livelli rilevanti kollha, monitoraġġ
mill-qrib tal-progress u l-introduzzjoni ta’ inċentivi biex jitrawwem
l-impenn għall-objettivi tal-istrateġija huma l-għażliet
ewlenin preferuti mill-parteċipanti. 3.5 Sommarju tat-tagħlimiet ewlenin
meħuda Abbażi tal-kontribuzzjonijiet li waslu,
il-Kummissjoni tidentifika dawn il-punti ta' saħħa,
id-dgħufijiet, l-opportunitajiet u t-theddid għall-istrateġija
Ewropa 2020. PUNTI TA' SAĦĦA • Appoġġ kbir għal strateġija għall-impjiegi u t-tkabbir mifruxa mal-UE kollha • Konsistenza tal-oqsma koperti mill-Ewropa 2020 mal-isfidi li għandhom jiġu ttrattati • Miri rilevanti u li jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku • Xi progress tanġibbli li jeżisti diġà: l-UE tinsab fi triqitha biex tilħaq jew toqrob lejn il-miri tagħha fir-rigward tal-edukazzjoni, il-klima u l-enerġija. || DGĦUFIJIET • In-nuqqas ta’ viżibilità u l-inizjattivi emblematiċi • Jeħtieġ li jitjiebu t-twettiq u l-implimentazzjoni tal-istrateġija • Involviment mhux suffiċjenti tal-partijiet ikkonċernati rilevanti • Għad fadal biex jintlaħqu l-miri dwar l-impjiegi, ir-riċerka u l-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar OPPORTUNITAJIET • Atturi li huma lesti li jieħdu rwol attiv fl-istrateġija • Monitoraġġ mill-qrib tal-istrateġija permezz tas-Semestru Ewropew • L-allinjament tal-Ewropa 2020 mal-prijoritajiet tal-Kummissjoni (l-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment) || THEDDIDIET • Il-kriżi amplifikat id-diverġenzi madwar l-Istati Membri u fihom. • In-natura politika tal-miri u n-nuqqas ta’ ambizzjoni tal-Istati Membri Konklużjoni Il-Kummissjoni se tqis ir-riżultati
tal-konsultazzjoni pubblika f’riflessjonijiet ulterjuri dwar kif
l-istrateġija Ewropa 2020 għandha titmexxa ‘l quddiem. Barra
mir-riżultat tal-konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni se tqis ukoll
il-kontribuzzjonijiet li waslu mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill,
il-Parlamenti nazzjonali, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u
l-Kumitat tar-Reġjuni. Il-Kummissjoni se tiżgura wkoll li kull
proposta se tkun konsistenti b’mod sħiħ mal-ħidma li
għaddejja dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Skont il-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2015,
il-Kummissjoni se tippreżenta proposti għar-rieżami
tal-istrateġija Ewropa 2020 qabel tmiem is-sena. [1] L-Ewrobarometru Standard 81 tar-rebbiegħa 2014 – rapport Ewropa
2020 [2] "Smarter, greener, more inclusive? Indicators to support the
Europe 2020 strategy ", edizzjoni 2015, Eurostat. [3] COM(2014) 130 finali. [4] Bl-eċċezzjoni partikolarment tal-miri dwar it-tnaqqis
tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra u dwar l-użu ta’
enerġija rinnovabbli, li huma appoġġjati minn qafas vinkolanti
fil-livell tal-UE, inklużi l-valuri li għandhom jintlaħqu
fil-livell nazzjonali. [5] Il-mira tiġi kkalkulata għall-UE27 minħabba li ma hemm
l-ebda dejta disponibbli għall-Kroazja fl-2008, jiġifieri s-sena
bażi għall-kalkolu tal-mira. [6] http://ec.europa.eu/europe2020/public-consultation/index_mt.htm, li
tinsab fis-sit elettroniku ġenerali tal-Istrateġija Ewropa 2020 [7] http://ec.europa.eu/europe2020/public-consultation/contributions/index_mt.htm [8] http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-16559-2014-INIT/mt/pdf