52015DC0088

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar il-kwalità tad-dejta fiskali rrapportata mill-Istati Membri fl-2014 /* COM/2015/088 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar il-kwalità tad-dejta fiskali rrapportata mill-Istati Membri fl-2014

WERREJ

1.      Sfond.. 3

2.      Is-sejbiet ewlenin dwar ir-rapportar tal-2014 dwar il-livelli tad-defiċit u d-dejn tal-gvernijiet   3

2.1.       Puntwalità, affidabbiltà u kompletezza. 3

2.1.1.         Puntwalità. 3

2.1.2.         Affidabbiltà. 4

2.1.3.         Il-kompletezza tat-tabelli u tal-informazzjoni ta' sostenn. 5

2.1.4.         Tabelli supplimentari relatati mal-kriżi finanzjarja. 6

2.1.5.         Kwestjonarju dwar is-self intergovernattiv. 6

2.2.       Il-konformità mar-regoli tal-kontabilità u l-konsistenza tad-dejta tal-istatistika. 7

2.2.1.         Skambju ta' informazzjoni u kjarifiki 7

2.2.2.         Żjarat ta' djalogu u metodoloġija. 7

2.2.3.         Parir speċifiku minn Eurostat. 8

2.2.4.         It-tnedija ta' investigazzjoni kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro   8

2.2.5.         Kwistjonijiet metodoloġiċi riċenti 9

2.2.6.         Konsistenza mal-kontijiet korrispondenti tal-gvern. 9

2.3.       Pubblikazzjoni 10

2.3.1.         Il-pubblikazzjoni taċ-ċifri ewlenin u t-tabelli dettaljati ta' rapportar. 10

2.3.2.         Riżervi dwar il-kwalità tad-dejta. 10

2.3.3.         Emendi fid-dejta rrapportata. 11

2.3.4.         Il-pubblikazzjoni tal-metadejta (inventarji). 11

3.      Konklużjonijiet. 11

1. Sfond

L-Artikolu 8(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea[1], kif emendat jirrikjedi lill-Kummissjoni (l-Eurostat) (minn hawn 'il quddiem imsemmi bħala "l-Eurostat") li tirraporta b'mod regolari lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-kwalità tad-dejta reali rrapportata mill-Istati Membri. Dan ir-rapport annwali jipprovdi valutazzjoni kumplessiva tal-puntwalità, l-affidabbiltà, il-kompletezza u l-konformità mar-regoli tal-kontabilità u l-konsistenza tad-dejta. Ir-rapport preċedenti (dwar in-notifiki tal-2013) ġie adottat mill-Kummissjoni fis-7 ta’ Marzu 2014[2].

L-Eurostat jevalwa b'mod regolari l-kwalità tad-dejta reali rrapportata mill-Istati Membri u tal-kontijiet sottostanti tal-amministrazzjoni pubblika li nġabru għall-ewwel darba f'Ottubru 2014 skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 549/2013 tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (l-ESA 2010)[3]. Din il-ħidma tikkonċentra fuq il-fatturi li jispjegaw id-defiċit/il-bilanċ pożittiv tal-amministrazzjoni pubblika u l-bidla fid-dejn tal-amministrazzjoni pubblika. L-Istati Membri jibagħtu din l-informazzjoni lill-Eurostat darbtejn fis-sena bħala parti mit-“tabelli ta’ notifika tal-EDP” u tal-informazzjoni supplimentari inklużi fil-“Kwestjonarju relatat mat-tabelli tan-notifika tal-EDP”, it-“Tabella supplimentari għall-kriżi finanzjarja” u permezz ukoll ta' kjarifiki bilaterali pprovduti mill-Istati Membri. L-Eurostat iżomm ukoll djalogu permanenti mal-Istati Membri billi jwettaq żjarat ta’ djalogu regolari dwar il-EDP.

Dan ir-rapport issejjes fuq is-sejbiet u r-riżultati ewlenin tar-rapportar tal-EDP fl-2014, b'konċentrazzjoni fuq l-aktar eżerċizzju riċenti ta' Ottubru 2014. Fejn jixraq, isir tqabbil mar-rapportar ta’ April 2014, u anki mar-rapportar tal-2013.

2. Is-sejbiet ewlenin dwar ir-rapportar tal-2014 dwar il-livelli tad-defiċit u d-dejn tal-gvernijiet

2.1. Puntwalità, affidabbiltà u kompletezza 2.1.1. Puntwalità

L-Istati Membri għandhom jirrapportaw id-dejta reali u ppjanata tal-EDP lill-Eurostat darbtejn fis-sena, qabel l-1 ta’ April u fl-1 ta’ Ottubru[4]. Matul l-2014, ir-rapportar tal-EDP kopra s-snin mill-2010 sal-2014. Iċ-ċifri għall-2014 huma dawk ippjanati mill-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li ċ-ċifri mill-2010 sal-2013 huma dejta reali[5]. Skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009, l-Eurostat jevalwa d-dejta reali rrapportata mill-Istati Membri, iżda mhux id-dejta ppjanata.

Il-konformità mad-dati tal-iskadenza tar-rapportar hija tajba ħafna. Fl-2014, l-Istati Membri kollha rrapportaw id-dejta reali tagħhom b'rispett tal-iskadenza legali fiż-żewġ nofitiki tal-EDP. Fir-rigward tad-dejta ppjanata, xi pajjiżi taw id-dejta ppjanata għas-sena 2014 aktar tard mid-dejta reali.

2.1.2. Affidabbiltà

Ir-reviżjonijiet bejn in-notifiki ta’ April 2014 u ta' Ottubru 2014 kienu prinċipalment minħabba l-introduzzjoni tas-sistema l-ġdida tal-ESA 2010 u bidliet oħra tal-istatistika. Kuntrarjament għal dawn l-aħħar snin, il-proporzjon tad-dejn ġie rivedut aktar mill-proporzjon tad-defiċit, notevolment minħabba riklassifikazzjonijiet tal-unitajiet pubbliċi fis-settur tal-amministrazzjoni pubblika u minħabba żidiet sinifikanti fil-PGD.

L-ESA 2010 l-ġdida daħħlet tliet bidliet metodoloġiċi ewlenin:

· Bidla fil-kriterji użati biex jiġi ddeterminat il-kamp ta' applikazzjoni tas-settur tal-amministrazzjoni pubblika, li tista’ twassal għar-riklassifikazzjoni ta’ entitajiet fis-settur tal-amministrazzjoni pubblika jew barra minnu.

· Bidla fl-irreġistrar ta’ somom f’daqqa mħallsin lill-gvern fir-rigward tat-trasferiment tal-fondi tal-pensjonijiet.

· It-tneħħija ta’ aġġustament magħmul għal flussi ta' mgħax nett assoċjati ma’ swaps u ftehimiet fuq ir-rata forward.

Tabella dettaljata ngħatat flimkien mal-istqarrija għall-istampa ta' Ottubru b’informazzjoni dwar il-bidliet ewlenin skont l-Istati Membri u s-snin[6].

L-akbar reviżjonijiet pożittivi[7] tad-defiċit tal-2013 bħala perċentwal tal-PDG saru fl-Irlanda (+1,5 pp), il-Lussemburgu (+0,6 pp), Ċipru (+0,5 pp) u l-Greċja (+0,5 pp). L-akbar reviżjoni negattiva[8] fid-defiċit seħħet fil-Litwanja (-0,5 pp) u għal ħames Stati Membri din kienet ta' -0,3 pp. Normalment, ir-reviżjonijiet għall-PDG ma għandhomx impatt b’mod sinifikanti fuq il-proporzjonijiet tad-defiċit tal-gvern iżda, bħala riżultat tal-ESA 2010 u bidliet oħrajn (f’xi każijiet referenzjarji), bosta Stati Membri rrevedew b'mod sinifikanti l-PDG tagħhom (rivedut ġeneralment 'il fuq). Reviżjonijiet 'l fuq tal-PGD tejbu b’mod sinifikanti l-proporzjonijiet tad-defiċit tal-2013 ta’ Ċipru (+0,5 pp), l-Irlanda (b'+0,4 pp), is-Slovenja (+0,4 pp) u r-Renju Unit (+0,3 pp).

Fir-rigward tar-reviżjonijiet tad-defiċit tal-2013, minħabba l-introduzzjoni tal-ESA 2010, l-akbar reviżjoni pożittiva hija nnutata fl-Irlanda (+0,9 pp) u fil-Greċja (+0,3 pp) filwaqt li l-akbar reviżjonijiet negattivi ġew irreġistrati fil-Litwanja (-0,5 pp) u r-Renju Unit (-0,4 pp).

Reviżjonijiet kbar oħra tad-defiċit tal-2013 (mhux marbuta mal-introduzzjoni tal-ESA 2010 fil-kontijiet tal-gvern jew tibdil fil-PDG) ġew osservati fil-każ tal-Lussemburgu (+0,5 pp), is-Slovakkja (+0,3 pp), l-Estonja (-0,3 pp) u l-Belġju (-0,4 pp).

Għadd ta’ Stati Membri rrevedew il-proporzjonijiet tad-dejn tagħhom tal-2013 b’mod sinifikanti. L-effett tad-denominatur tar-reviżjonijiet tal-PDG huwa normalment ikbar fuq il-proporzjonijiet tad-dejn tal-gvern milli fuq il-proporzjonijiet tad-defiċit tal-gvern. Reviżjoni 'l fuq tal-PGD għandha l-effett li tbaxxi l-proporzjon tad-dejn b'mod sinifikanti (b’mod partikolari meta l-livell tad-dejn ikun għoli).

Disa’ Stati Membri rrevedew il-proporzjonijiet tad-dejn tagħhom tal-2013 b’2 punti perċentwali tal-PGD jew aktar: Ċipru (-9,5 pp), il-Pajjiżi l-Baxxi (-4,9 pp), l-Italja (-4,8 pp), ir-Renju Unit (-3,3 pp), Malta (-3,2 pp), l-Iżvezja (-2,0 pp), il-Belġju (+3,0 pp), l-Awstrija (+6,7 pp) u l-Kroazja (+8,6 pp).

L-impatt tal-bidliet għall-PDG fuq il-proporzjon tad-dejn kien partikolarment notevoli fl-Irlanda u Ċipru, għalkemm fl-Irlanda dan kien fil-biċċa l-kbira kkumpensat mill-impatt tal-ESA 2010 (dan kien ukoll il-każ fil-Portugall).

Ir-reviżjoni tad-dejn (numeratur) minħabba l-introduzzjoni tal-ESA 2010 kienet ċertament aktar prominenti mir-reviżjonijiet relatati ma’ raġunijiet oħra għall-pajjiżi kollha tal-UE ħlief għad-Danimarka. Madankollu dawn reviżjonijiet oħrajn kellhom impatt relattivament kbir fil-Belġju (+1,7 pp), id-Danimarka (+1,1 pp) u Franza (+0,9 pp).

2.1.3. Il-kompletezza tat-tabelli u tal-informazzjoni ta' sostenn

Il-kompletezza tat-tabelli tar-rapportar hija obbligu legali u hija essenzjali għall-valutazzjoni xierqa tal-kwalità tad-dejta mill-Eurostat. L-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009 kif emendat, jispeċifika li l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Eurostat l-informazzjoni statistika rilevanti, li “(...) b'mod partikolari (...) tfisser:

(a)       dejta minn kontijiet nazzjonali;

(b)       inventarji;

(c)       tabelli ta’ notifika tal-EDP;

(d)       kwestjonarji u kjarifika addizzjonali relatati man-notifiki.”

Hemm erba’ tabelli ewlenin tan-notifika tal-EDP. It-Tabella 1 tkopri r-rapportar tad-defiċit/eċċess u livelli ta’ dejn tal-gvern, it-Tabelli minn 2A sa 2D jipprovdu d-dejta li tispjega t-transizzjoni bejn id-definizzjonijiet nazzjonali ta’ bilanċ tal-gvern u d-defiċit/eċċess ta’ kull subsettur tal-gvern, it-Tabelli minn 3A sa 3D jipprovdu dejta li tispjega l-kontribuzzjonijiet tad-defiċit/eċċess tal-gvern u l-fatturi l-oħra rilevanti għall-varjazzjoni fil-livell tad-dejn tal-gvern u l-konsolidazzjoni tad-dejn. It-Tabella 4 tinkludi dejta prinċipalment fuq krediti u avvanzi Kummerċjali[9]. Il-kompletezza tat-tabelli tal-EDP minn 1 sa 3 hija obbligu legali. It-Tabelli 1 u 2A (gvern ċentrali) ikopru s-snin mill-2010 sal-2014 filwaqt li t-tabelli l-oħrajn ikopru s-snin mill-2010 sal-2013[10].

Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri lestew it-tabelli ta' notifika kollha tal-EDP[11]. Fir-rapportar ta’ Ottubru 2014, għat-Tabella 2 tal-EDP, l-Istati Membri kollha pprovdew dettalji dwar ir-rabta bejn il-bilanċ ta' ħidma u l-bilanċ pożittiv/id-defiċit tal-EDP għas-subsetturi kollha. Fir-Renju Unit, il-bilanċ ta’ ħidma huwa meqjus li huwa fuq bażi tal-ESA 2010. Għaldaqstant, ġew irrapportati ftit aġġustamenti biex jittrasformaw il-bilanċ ta' ħidma fid-defiċit/il-bilanċ pożittiv skont l-ESA. Xi pajjiżi oħra wkoll irrapportaw biss għadd limitat ta’ partiti ta’ tranżizzjoni.

Għat-Tabella 3 tal-EDP, mhux l-Istati Membri kollha pprovdew id-dettalji kollha. B'mod partikolari, id-dettalji għat-temi "self" u "ekwità" mhux dejjem ġew irrapportati.

Minkejja t-titjib miksub f’xi Stati Membri, il-kopertura ġenerali tat-Tabella 4 tal-EDP baqgħet inadegwata f’bosta każijiet. B’mod partikolari, għadd ta' pajjiżi mhux qed jipprovdu dejta kompluta għall-istokk ta' obbligazzjonijiet ta' krediti u avvanzi kummerċjali li tikkontribwixxi biex tingħata stampa aktar kompluta tal- obbligazzjonijiet tal-gvern.

Il-kompletezza tat-tabelli tal-EDP għad tista’ tittejjeb. Mandankollu, il-kwistjonijiet li fadal mistennija jkollhom impatt minimu fuq il-kwalità tad-dejta.

L-Istati Membri kollha ressqu risposti għall-"Kwestjonarju relatat man-notifiki tat-tabelli"[12]. Minkejja li l-kopertura u l-kwalità tat-tweġibiet baqgħu jitjiebu meta mqabbla mas-snin l-imgħoddija, għad hemm il-ħtieġa ta’ progress, peress li xi pajjiżi ma rrapportawx id-dettalji kollha mitluba fil-kwestjonarju. Dan japplika b'mod notevoli għad-dejta dwar il-pretensjonijiet tal-gvern ċentrali u l-kanċellazzjonijiet tad-dejn, id-dettalji ta' kontijiet oħra riċevibbli/pagabbli, id-dokumentazzjoni ta' garanziji tal-gvern (l-aktar il-kopertura tas-subsettur tal-gvern lokali) u d-dejta dwar l-injezzjonijiet kapitali.

2.1.4. Tabelli supplimentari relatati mal-kriżi finanzjarja

L-Eurostat ilu jiġbor sett ta' dejta dwar il-kriżi finanzjarja f’tabella supplimentari mill-15 ta' Lulju 2009. Id-dejta miġbura fl-2014 imsemmija fil-perjodu 2007-2013. Il-Membri Kollha għajr tmienja (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Kroazja, Malta, il-Polonja, ir-Rumanija u s-Slovakkja) irrapportaw għadd ta’ interventi meħuda mill-gvern fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja matul il-perjodu 2007-2013. L-Eurostat ippubblika nota biswit l-Istqarrijiet għall-Istampa dwar l-EDP li tanalizza din id-dejta[13].

2.1.5. Kwestjonarju dwar is-self intergovernattiv

L-Istati Membri pprovdew ukoll dejta dwar is-self intergovernattiv bilaterali, li normalment iseħħ fil-kuntest tal-programmi ta' assistenza finanzjarja. L-istqarrija għall-Istampa dwar l-EDP tinkludi din l-informazzjoni, kif ukoll informazzjoni dwar is-self intergovernmentali fil-kuntest tal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF). Id-dejta tal-2013 għandha x’taqsam l-aktar ma’ self lill-Greċja, lill-Irlanda u lill-Portugall.

Dan is-self intergovernattiv bilaterali u s-self intergovernattiv fil-kuntest tal-EFSF żdied sostanzjalment fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja. Jiġi mnaqqas fil-kalkolu tal-aggregati tal-UE 28 u taż-żona tal-euro għad-dejn tal-gvern ta’ Maastricht[14], peress li t-tnejn jingħataw fuq bażi konsolidata. Minħabba din il-konsolidazzjoni, l-aggregati taż-żona tal-euro u l-UE28 mhumiex ugwali għas-somma aritmetika tad-dejn tal-Istati Membri (jiġifieri s-self intergovernattiv imsemmi hawn fuq bejn il-gvernijiet mhux inkluż, biex jiġi evitat li jingħadd darbtejn).

Għalhekk, iċ-ċifri rrapportati għas-snin 2011, 2012 u 2013 għall-Istati Membri jinkludu l-ammonti fir-rigward tal-EFSF.

2.2. Il-konformità mar-regoli tal-kontabilità u l-konsistenza tad-dejta tal-istatistika 2.2.1. Skambju ta' informazzjoni u kjarifiki

Matul il-perjodu ta' notifika bejn l-iskadenza għar-rapportar tal-1 ta' Ottubru u l-pubblikazzjoni tad-dejta fil-It-Tlieta, 21 ta' Ottubru 2014, l-Eurostat ikkuntattja lill-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika f'kull Stat Membru biex jitlob iktar informazzjoni u jiċċara l-applikazzjoni tar-regoli tal-kontabilità għal tranżazzjonijiet speċifiċi. Dan il-proċess involva bosta sensiliet ta' korrispondenza bejn l-Eurostat u l-awtoritajiet nazzjonali. Intbagħtet l-ewwel sensiela ta’ talbiet għall-kjarifika lill-pajjiżi kollha qabel l-4 ta’ Ottubru. It-tieni sensiela ta' talbiet intbgħatet lil 21 pajjiż u t-tielet sensiela lil ħames pajjiżi. Ir-raba’ u l-ħames sensiliet ta’ kjarifiki ntbagħtu lil Stat Membru wieħed. Fil-każ ta’ xi pajjiżi, l-Eurostat talab tabelli ta’ notifika reveduti.

2.2.2. Żjarat ta' djalogu u metodoloġija

Ir-Regolament (KE) Nru 479/2009, kif emendat, jipprevedi ż-żjarat ta' djalogu u ta' metodoloġija. Iż-żjarat ta' djalogu fl-Istati Membri jsiru b'mod regolari bil-għan li tiġi eżaminata d-dejta rrapportata, biex jiġu eżaminati kwistjonijiet metodoloġiċi, biex jiġu diskussi l-għejun tal-istatistika u għall-evalwazzjoni tal-konformità mar-regoli rilevanti tal-kontabilità, pereżempju dwar id-delimitazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, il-ħin tar-reġistrazzjoni u l-klassifika tat-tranżazzjonijiet u l-passiv tal-gvern. Il-frekwenza ta’ żjarat ta’ djalogu regolari tal-EDP żdiedet f’dawn l-aħħar snin u hija deċiża fuq il-bażi ta’ proċedura ta’ valutazzjoni tar-riskju tal-pajjiż żviluppata mill-Eurostat.

Fil-każ li titqajjem kwistjoni importanti speċifika mal-Istat Membru, li ma tistax tiġi riżolta ħlief b’laqgħa fiżika mal-awtoritajiet ikkonċernati, tiġi organizzata laqgħa ad hoc bi proċedura mqassra fl-Istat Membru.

Sa Novembru tas-sena 2014, l-Eurostat wettaq dawn iż-żjajjar ta’ djalogu dwar l-EDP li ġejjin: Il-Bulgarija (22-23 ta’ Jannar), il-Belġju (3-5 ta’ Frar), il-Ġermanja (26-27 ta’ Frar), il-Greċja (20-21 ta’ Marzu), Malta (20-21 ta’ Mejju), l-Ungerija (10-11 ta’ Ġunju), Franza (25-26 ta’ Ġunju), l-Awstrija (7-8 ta’ Lulju), il-Greċja (22-23 ta’ Settembru), Ċipru (24-25 ta’ Settembru), id-Danimarka (24-25 ta’ Settembru), il-Portugall (10-11 ta’ Novembru), ir-Repubblika Ċeka (19-20 ta’ Novembru), l-Irlanda (26-28 ta’ Novembru). Barra minn hekk, twettqu żjarat ad hoc fil-Belġju (13-14 ta’ Frar), il-Polonja (2 ta’ Settembru), ir-Rumanija t-8 ta’ Settembru) u l-Lussemburgu (18 ta’ Settembru). L-Eurostat wettaq żjara teknika fil-Kroazja mit-2 sal-4 ta’ Ġunju, żjara ta' preadeżjoni fl-euro fil-Litwanja fil-5-6 ta’ Marzu u żjara ta’ taħriġ għall-Kroazja (8-9 ta’ Settembru).

Is-sejbiet finali f’kull żjara ta’ djalogu, inkluż deskrizzjoni tal-punti ta’ azzjoni maqbula, u s-sitwazzjoni attwali, jintbagħtu lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u jiġu ppubblikati fil-websajt tal-Eurostat. L-implimentazzjoni ta’ dawn il-punti ta' azzjoni twassal għal titjib fil-kwalità tad-dejta maż-żmien.

Iż-żjarat ta' metodoloġija jsiru biss f'każijiet fejn l-Eurostat jidentifika riskji jew problemi sinifikanti fil-kwalità tad-dejta, speċjalment fejn din tirrigwarda l-metodi, il-kunċetti jew il-klassifkazzjonijiet użati. Ma saru l-ebda żjajjar metodoloġiċi matul l-2014.

2.2.3. Parir speċifiku mill-Eurostat

L-Istati Membri jikkonsultaw regolarment mal-Eurostat biex jiċċaraw diversi kwistjonijiet tal-kontabilità nazzjonali b’rabta ma' operazzjonijiet fil-futur jew fil-passat. L-Eurostat jagħti l-pariri skont il-linji gwida eżistenti. Biex jikkonforma mad-dispożizzjoni ta' trasparenza fir-Regolament (KE) 479/2009, kif emendat, l-Eurostat jippubblika l-parir tiegħu[15], ħlief jekk l-Istat Membru kkonċernat iqajjem oġġezzjoni. L-Eurostat ippubblika 16-il parir ex-ante fl-2014:

2.2.4. It-tnedija ta' investigazzjoni kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro

Ir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tniedi investigazzjoni jekk ikun hemm suspetti ta’ manipulazzjoni tal-istatistika minħabba "rapportar ħażin intenzjonat” jew “negliġenza serja”. Ir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 idaħħal fis-seħħ proċeduri ta’ investigazzjoni u jippermetti sanzjonijiet finanzjarji (sa 0,2% tal-PDG) f’każ ta’ manipulazzjoni tal-istatistika.

Fil-11 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tniedi investigazzjoni formali rigward il-possibbiltà ta’ manipulazzjoni tal-istatistika fir-reġjun ta’ Valencia (Comunidad Valenciana), Spanja[16].

L-investigazzjoni se teżamina jekk rapportar ħażin intenzjonat jew serjament negliġenti tan-nefqa fir-reġjun ikkawżax rappreżentazzjoni ħażina tad-dejta tad-dejn u d-defiċit nazzjonali ta’ Spanja matul il-perjodu 1988-2011.

Din hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni qed tuża l-poteri l-ġodda tagħha skont il-leġiżlazzjoni “Six Pack” dwar il-governanza ekonomika biex jiġi investigat suspett ta’ manipulazzjoni tad-dejta dwar id-dejn u d-defiċit ta' Stat Membru. Jekk il-Kummissjoni tqis li l-investigazzjoni tikkonferma l-eżistenza ta’ ksur, hija tista’ tirrakkomanda li l-Kunsill jimponi multa fuq l-Istat Membru. L-investigazzjoni għadha għaddejja. Il-Kummissjoni mhix qed tikkontesta l-preċiżjoni attwali tal-istatistika tal-EDP fi Spanja.

2.2.5. Kwistjonijiet metodoloġiċi riċenti

Bħas-soltu, l-Eurostat ivvaluta l-applikazzjoni xierqa tar-regoli tal-ESA2010, b’mod partikolari fid-dawl tal-aħħar deċiżjonijiet tagħha skont l-Artikolu 10(2) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009. Dawn id-deċiżjonijiet kienu inklużi fil-Manwal dwar id-Defiċit u d-Dejn tal-Gvern (MGDD), li l-aħħar edizzjoni tiegħu kienet ippubblikata f'Awwissu 2014[17]. Il-verżjoni l-ġdida tikkonsisti minn tmien partijiet iżda kienu biss xi kapitoli li ħtieġu li jiġu aġġornati biex jinġiebu konformi mal-ESA 2010.

L-Eurostat jipprovdi dokumentazzjoni ta' gwida metodoloġika addizzjonali dwar ir-regoli tal-kontabilità għall-EDP u l-GFS li jikkumpl;imentaw ir-regoli ġenerali tal-ESA 2010. Noti ta’ gwida huma rilaxxati taħt ir-responsabbiltà tal-Eurostat, wara li konsultazzjoni mal-Istati Membri. Fl-2014 l-Eurostat ippubblika tliet noti ta’ gwida:

- Il-klassifikazzjoni ta’ Entitajiet Ċentrali ta’ Ħżin (CSEs) fl-ESA 2010

- L-Assi ta’ Taxxa Differita (DTAs) u r-reġistrazzjoni ta’ krediti ta’ taxxa relatati ma’ DTAs fl-ESA 2010.

- It-trattament ta’ klawżoli ta’ Rkupru f’bejgħ ta’ assi mill-gvern fil-kontijiet nazzjonali.

Minn Jannar 2013, l-Eurostat poġġa fuq il-websajt tiegħu l-“Inventarju tal-proċessi tal-EDP”. L-għan ta’ dan id-dokument huwa li jiddeskrivi l-proċeduri u l-prinċipji applikati fil-proċess ta’ verifika tad-dejta tal-EDP mill-Eurostat.

2.2.6. Konsistenza mal-kontijiet korrispondenti tal-gvern

L-iskadenzi għan-notifika tal-1 ta' April u l-1 ta' Ottubru stipulati mir-Regolament (KE) Nru 479/2009, kif emendat, ġew introdotti sabiex tkun żgurata l-konsistenza mal-kontijiet korrispondenti annwali u ta' kull tliet xhur tas-setturi tal-gvern, kif irrapportat f'bosta tabelli ta' trażmissjoni tal-ESA. L-Eurostat sistematikament janalizza l-konsistenza tan-notifiki tal-EDP mal-kontijiet settorjali korrispondenti tal-gvern. Pereżempju, it-totali tal-infiq u d-dħul tal-gvern għandhom ikunu konsistenti maċ-ċifri tad-defiċit irrapportati. Madankollu, fil-każ tal-kontijiet finanzjarji trimestrali tal-amministrazzjoni pubblika, l-iskadenza għall-pajjiżi taż-żona tal-euro biex jirrapportaw l-informazzjoni proviżorja hija stabbilita qabel in-notifika tal-EDP f’t+85 jum.

Il-konsistenza ġenerali tad-dejta tal-EDP mal-kontijiet tal-gvern tal-ESA 2010 irrapportati marret għall-aħjar f’dawn l-aħħar snin u għadha ġeneralment aħjar fil-każ tad-dejta mhux finanzjarja milli għal dik finanzjarja. Fir-rapportar ta’ Ottubru 2014, il-konsistenza bejn iċ-ċifri tal-EDP u l-aggregati ewlenin trimestrali u annwali tal-amministrazzjoni pubblika (it-tabelli tal-ESA 2 u 25) kienet kompleta fil-każ tad-dejta mhux finanzjarja u d-dejn tal-gvern ta’ kull tliet xhur. Madankollu, għad jinħtieġu sforzi mill-Istati Membri biex tiġi żgurata l-konsistenza bejn il-EDP u t-tabelli tal-ESA fir-rigward tad-dejta finanzjarja. Diskrepanzi notevoli bejn id-dejta tal-EDP u l-kontijiet finanzjarji trimestrali fir-rapportar ta’ Ottubru 2014 feġġet għal ħames Stati Membri (il-Belġju, il-Ġermanja, il-Greċja, il-Lussemburgu u l-Awstrija). Ġew osservati differenzi iżgħar għal erba’ pajjiżi.

2.3. Pubblikazzjoni 2.3.1. Il-pubblikazzjoni taċ-ċifri ewlenin u t-tabelli dettaljati ta' rapportar

L-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009, kif emendat, jgħid: "Il-Kummissjoni (l-Eurostat) għandha tipprovdi d-dejta attwali dwar l-iżbilanċ u d-dejn tal-gvern għall-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv, fi żmien tliet ġimgħat wara l-iskadenza tat-termini perentorji tar-rappurtar [...] Dik il-fornitura ta’ dejta għandha titwettaq permezz ta’ pubblikazzjoni.”

Id-dejta dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern ġiet ippubblikata fit-23 ta' April[18] u l-21 ta' Ottubru[19] 2014 flimkien mat-tabelli ta' rapportar kollha, kif notifikat mill-Istati Membri. Minn Frar 2012 'l hawn, l-Eurostat qed jippubblika regolarment stqarrija għall-istampa fuq id-dejn ta’ Maastricht ta’ kull kwart, f’madwar T+115 jum. Minn Frar 2014 'l hawn, l-Eurostat qed jippubblika wkoll stqarrija għall-istampa dwar id-defiċit trimestrali tal-amministrazzjoni pubblika.

Skont ir-Regolament (KE) Nru 479/2009, kif emendat, l-Istati Membri għandhom jagħmlu pubblika d-dejta reali tagħhom dwar id-defiċit u d-dejn. L-Istati Membri kollha jippubblikaw ċifri dwar id-defiċit u d-dejn fil-livell nazzjonali. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri rrapportaw lill-Eurostat il-prassi li jippubblikaw it-tabelli kollha tal-EDP tagħhom. Sitt Stati Membri (il-Bulgarija, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, il-Polonja u s-Slovakja) ippubblikaw biss xi tabelli tar-rapporti, u Stat Membru wieħed, Franza, ma ppubblika l-ebda tabelli tal-EDP fil-livell nazzjonali.

2.3.2. Riżervi dwar il-kwalità tad-dejta

L-Eurostat esprima riżerva dwar id-dejta rapportata fin-notifika tal-EDP ta’ April 2014 mill-Pajjiżi l-Baxxi minħabba l-inċertezzi dwar l-impatt statistiku ta’ interventi tal-gvern fir-rigward tan-nazzjonalizzazzjoni u r-ristrutturar ta’ SNS Reaal fl-2013. Il-kwistjoni ġiet iċċarata mad-delegazzjoni tal-awtoritajiet tal-istatistika tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Eurostat irtira r-riżerva fin-notifika tal-EDP ta’ Ottubru 2014.

L-Eurostat, f'April 2014, irtira wkoll riżerva dwar id-dejta rrapportata mill-Awstrija fin-notifika tal-EDP ta' Ottubru 2013 minħabba xi inċertezzi dwar l-impatt statistiku tal-konklużjonijiet tar-rapport tal-Uffiċċju Federali tal-Awditjar dwar il-Land ta' Salzburg. Wara l-investigazzjonijiet mill-imsemmija awtoritajiet tal-istatistika, ġew introdotti r-reviżjonijiet meħtieġa fiċ-ċifri rrapportati tad-defiċit u d-dejn.

2.3.3. Emendi fid-dejta rrapportata

L-Eurostat ma emendax id-dejta rapportata mill-Istati Membri fin-notifiki tal-EDP ta’ April u Ottubru 2014.

2.3.4. Il-pubblikazzjoni tal-metadejta (inventarji[20])

Ir-Regolament (KE) 479/2009, kif emendat, jispeċifika li l-inventarji tal-EDP huma fost l-informazzjoni tal-istatistika li għandha tingħata mill-Istati Membri biex tippermetti lill-Eurostat jivverifika l-konformità mar-regoli tal-ESA. Barra minn hekk, jistipula li l-pubblikazzjoni nazzjonali ta' dawn l-inventarji hija mandatorja. L-Eurostat daħħal format aġġornat għall-inventarji tal-EDP li kien jinvolvi tibdil strutturali u rikjesta ta' aktar informazzjoni dettaljata. L-inventarji tal-EDP aġġornati ġew ippubblikati fit-12 ta’ Diċembru 2013[21].

L-inventarji l-ġodda tal-EDP għal għoxrin Stat Membru huma disponibbli fil-websajt tal-Eurostat. Għall-bqija tal-Istati Membri: Il-Belġju, il-Kroazja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u r-Renju Unit, il-ħidma fuq l-inventarji l-ġodda għadha għaddejja. L-Eurostat jinsab fi djalogu kostanti mal-Istati Membri dwar il-pjanijiet ta’ implimentazzjoni tagħhom. Dan id-dewmien huwa spjegat minħabba l-prijorità mogħtija lill-implimentazzjoni tal-ESA 2010. Mudell ġdid tal-inventarju adattat għall-ESA 2010 ġie aċċettat u l-pubblikazzjoni tiegħu hi prevista lejn l-aħħar tal-2015.

3. Konklużjonijiet

L-Eurostat jagħraf li kien hemm titjib ġenerali fil-konsistenza u l-kompletezza tad-dejta rrapportata. Madankollu, għad baqa' xi kwistjonijiet, u l-Istati Membri għandhom jagħmlu sforzi akbar biex itejbu l-kopertura u l-kwalità tal-krediti kummerċjali rrapportati u jilħqu l-istess livelli ta' kwalità miksuba meta jikkalkulaw obbligazzjonijiet oħra tal-gvern. B’mod partikolari, dan hu l-każ għall-Belġju, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Greċja, Franza, il-Kroazja, l-Italja, Ċipru, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit.

Fl-2014, l-Eurostat esprima riżerva dwar id-dejta rrapportata fin-notifika tal-EDP ta’ April 2014 għall-Pajjiżi l-Baxxi. Ir-riżerva ġiet irtirata f’Ottubru 2014. Ma kienx hemm riżervi jew emendi oħra fid-dejta rrapportata fl-istqarrija għall-istampa tal-EDP ta’ Ottubru 2014, li kienet l-ewwel notifika tal-EDP skont l-ESA 2010. Ir-reviżjonijiet tad-dejta tal-passat dwar id-defiċit u d-dejn kienu kompletament ġustifikati permezz tal-implimentazzjoni tal-ESA 2010. Kollox ma’ kollox, l-Eurostat jikkonkludi li l-progress dwar il-kwalità tar-rapportar tad-dejta fiskali tkompla fl-2014. B'mod ġenerali, l-Istati Membri pprovdew informazzjoni aħjar, kemm fit-tabelli tan-notifika tal-EDP kif ukoll f'sottomissjonijiet ta' statistika relevanti oħrajn.

[1]               ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

[2]               COM(2014) 122 finali.

[3]               ĠU L 174, 26.6.2013, p.1-727.

[4]               L-Artikoli 3(1) u (3) tar-Regolament (KE) Nru 479/2009, kif emendat.

[5]               Dejta reali tista’ tkun finali, nofsha finalizzata jew stmata.

[6]               Ara http://ec.europa.eu/eurostat/documents/1015035/2022675/Revisions-gov-deficit-debt-2010-2013.pdf/e1fb4083-c18a-4f69-9dbc-138fb73ad9a5

[7]               Tnaqqis f’defiċit.

[8]               Żieda f’defiċit.

[9]               Ara l-istqarrijiet mal-minuti tal-Kunsill tat-22 ta' Novembru 1993: https://webgate.ec.europa.eu/fpfis/mwikis/gfs/images/e/e7/Statements_9817.en93.pdf 

[10]             L-għoti tad-dejta ppjanata fit-tabelli tal-EDP barra mit-tabelli 1 u 2A mhix espliċitament mitluba fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009, kif emendat.

[11]             It-tabelli ta' notifika tal-EDP irrapportati mill-Istati Membri jinsabu fil-websajt tal-Eurostat. Ara: http://ec.europa.eu/eurostat/web/government-finance-statistics/excessive-deficit-procedure/edp-notification-tables

[12]             Dan il-kwestjonarju jinkludi 13-il taqsima li jirrikjedu informazzjoni kwantitattiva u kultant kwalitattiva f'bosta oqsma bħalma huma t-tranżazzjonijiet fit-taxxi u l-kontribuzzjonijiet soċjali mal-UE, ix-xiri ta' tagħmir militari, il-garanziji tal-gvern, il-kanċellazzjonijiet tad-dejn, l-injezzjonijiet ta' kapital li jagħmel il-gvern f'korporazzjonijiet pubbliċi, Sħubijiet Pubbliċi Privati eċċ.

[13]             Ara:  http://ec.europa.eu/eurostat/documents/1015035/2022675/Background-note-fin-crisis-Oct-2014-final.pdf

[14]             Skont il-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattati, id-dejn tal-gvern huwa d-dejn gross konsolidat tas-settur tal-amministrazzjoni pubblika sħiħ li jkun pendenti fi tmiem is-sena (f’valur nominali). Skont ir-Regolament 479/2009, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 220/2014, dan jinkludi l-kategoriji li ġejjin: valuta u depożiti (AF.2), titoli tad-dejn (AF.3) u self (AF.4), kif definit fl-ESA 2010.

[15]             Ara: http://ec.europa.eu/eurostat/web/government-finance-statistics/methodology/advice-to-member-states

[16]             ĠU C(2014) 4856 finali.

[17]             Ara: http://ec.europa.eu/eurostat/web/products-manuals-and-guidelines/-/KS-GQ-14-010

[18]             Ara: http://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/5178982/2-23042014-AP-EN.PDF/83e13609-68f7-4cac-9dd7-0ccf92663564?version=1.0

[19]             Ara: http://ec.europa.eu/eurostat/documents/2995521/5182258/2-21102014-AP-EN.PDF/497e3b55-dca0-482f-93e0-d82f81bc92d7?version=1.0

[20]             Inventarji tal-metodi, il-proċeduri u l-għejun użati għall-ġbir tad-dejta reali dwar id-defiċit u d-dejn u l-kontijiet korrispondenti tal-gvern.

[21]             http://ec.europa.eu/eurostat/web/government-finance-statistics/excessive-deficit-procedure/edp-inventories