KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Il-Protokoll ta' Pariġi – Pjan ta' azzjoni għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali wara l-2020 /* COM/2015/081 final */
Werrej 1....... Sommarju Eżekuttiv. 3 2....... Il-Protokoll ta' Pariġi 5 3....... Niżguraw tnaqqis ambizzjuż
fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra. 6 3.1.... Il-mira tal-2030 tal-UE u
l-kontribut maħsub determinat fil-livell nazzjonali 6 3.2.... Jinqasmu l-isforzi globali 7 4....... Niżguraw id-dinamiżmu permezz ta'
reviżjoni regolari tal-miri 8 5....... Tisħiħ tat-trasparenza u
tar-responsabbiltà. 9 6....... Niksbu r-reżiljenza għat-tibdil
fil-klima bis-saħħa tal-adattament 9 7....... Promozzjoni tal-implimentazzjoni u
tal-kooperazzjoni 10 7.1.... Mobilizzazzjoni tal-finanzjament
pubbliku u privat tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. 10 7.2.... Tisħiħ tal-azzjoni ta'
kooperazzjoni internazzjonali 11 7.3.... Appoġġ
għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' teknoloġiji
għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima 11 7.4.... Il-bini tal-kapaċità. 12 8....... Mobilizzazzjoni ta' politiki oħra tal-UE.. 12 9....... Il-passi li jmiss. 14 1. Sommarju Eżekuttiv Skont l-aħħar sejbiet tal-Grupp
Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC), jekk ma
titteħidx azzjoni urġenti, it-tibdil fil-klima se jġib
miegħu impatti gravi, profondi u li ma jkunux jistgħu
jitreġġgħu lura fuq il-popolazzjoni u l-ekosistemi tad-dinja.
Sabiex nillimitaw iż-żieda perikoluża fit-temperatura medja
globali għal taħt iż-2°C meta mqabbla mal-livelli preindustrjali
(l-objettiv ta' taħt iż-2°C), jeħtieġ tnaqqis sostanzjali u
kontinwu fl-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra min-naħa
tal-pajjiżi kollha. Din it-tranżizzjoni dinjija lejn livelli
baxxi ta' emissjonijiet tista' tinkiseb mingħajr ma jintlaqtu
ħażin it-tkabbir u l-impjieg, u tista' tipprovdi opportunitajiet
sinifikanti biex tingħata saħħa ġdida lill-ekonomija
Ewropew u lil dik globali. L-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima tista' twassal
ukoll għal vantaġġi sinifikanti fejn jidħol il-benessri
pubbliku. Iżda jekk din it-tranżizzjoni tibqa' tiġi posposta, se
jiżdiedu l-ispejjeż ġenerali biex innaqqsu l-emissjonijiet b'mod
effettiv u nħejju għall-impatti tat-tibdil fil-klima, u fl-istess
ħin, l-opportunitajiet biex nagħmlu dan se jkomplu jonqsu. Jeħtieġ li l-pajjiżi kollha
jaġixxu b'urġenza u b'mod kollettiv. Sa mill-1994, il-Partijiet
għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima
(UNFCCC) iffukaw fuq din l-isfida, sal-punt li 'l fuq minn 90 pajjiż, kemm
żviluppati u kemm fil-fażi ta' żvilupp, intrabtu li jillimitaw
l-emissjonijiet tagħhom sal-2020. B'danakollu, dawn il-wegħdiet
mhumiex biżżejjed biex jinkiseb l-objettiv ta' taħt iż-2°C[1]. Għal dawn
ir-raġunijiet, fl-2012 il-Partijiet għall-UNFCCC fetħu negozjati
lejn ftehim ġdid legalment vinkolanti u applikabbli għall-Partijiet
kollha, bil-għan li d-dinja titqiegħed fit-triq lejn il-kisba
tal-objettiv ta' taħt iż-2°C. Il-Ftehim tal-2015 għandu
jiġi ffinalizzat f'Pariġi f'Diċembru 2015, u għandu
jiġi implimentat mill-2020 'il quddiem. Il-progress li sar fil-konferenza riċenti
dwar il-klima f'Lima qarreb il-possibbiltà tal-ilħiq ta' ftehim sod
f'Pariġi. L-iktar importanti, ġie deċiż kif il-pajjiżi
għandhom jifformulaw u jikkomunikaw il-miri proposti tagħhom ta'
tnaqqis tal-emissjonijiet, ħafna qabel ma ssir il-konferenza ta'
Pariġi. Tfassal ukoll l-ewwel abbozz sħiħ tal-Ftehim tal-2015,
li jirrifletti l-pożizzjonijiet tal-Partijiet kollha dwar l-elementi
kollha li qegħdin jiġu nnegozjati. Ħafna qabel il-konferenza ta' Lima, l-UE
kompliet turi tmexxija u determinazzjoni fil-ġlieda dinjija kontra
t-tibdil fil-klima. Fis-Summit Ewropew ta' Ottubru 2014, il-mexxejja Ewropej
qablu li l-UE għandha tkattar l-isforzi tagħha, u li sal-2030
għandha tnaqqas l-emissjonijiet nazzjonali b'tal-anqas 40% meta mqabbel
mal-livelli tal-1990. Dan il-ftehim ġie segwit minn stqarrijiet
min-naħa taċ-Ċina u tal-Istati Uniti. F'Lima, l-Istati Membri
tal-UE wegħdu madwar nofs il-kapitalizzazzjoni inizjali ta' US$ 10
biljun lill-Fond Ekoloġiku għall-Klima (GCF) biex jgħin
lill-pajjiżi f'fażi ta' żvilupp. Fl-UE ġie adottat pjan ta'
investiment ġdid, li se jillibera investimenti
pubbliċi u privati fl-ekonomija reali ta' mill-inqas EUR 315 biljun tul
it-tliet snin li ġejjin (2015-17). Dawn l-investimenti se jgħinu biex
l-ekonomija tal-UE tiġi mmodernizzata u tkompli tiġi dekarbonizzata. Din il-Komunikazzjoni hija risposta
għad-deċiżjonijiet li ttieħdu f'Lima, u hija element
ewlieni fl-implimentazzjoni tal-prijorità tal-Kummissjoni li tinbena Unjoni
tal-Enerġija soda u b'politika dwar it-tibdil fil-klima li tħares 'il
quddiem u li tkun konsistenti mal-linji gwida politiċi tal-President
tal-Kummissjoni. B'din il-Komunikazzjoni l-UE tħejji
għall-aħħar fażi tan-negozjati qabel il-konferenza ta'
Pariġi ta' Diċembru 2015. B'mod partikolari, din il-Komunikazzjoni:
issarraf id-deċiżjoni meħuda
waqt is-Summit Ewropew f'Ottubru 2014 fil-mira proposta tal-UE ta' tnaqqis
fl-emissjonijiet - jiġifieri, il-Kontribut Maħsub Determinat
Nazzjonalment (INDC) li għandu jitressaq sa tmiem l-ewwel kwart tal-2015;
tipproponi li l-Partijiet kollha
għall-UNFCCC jressqu l-INDCs tagħhom ħafna qabel
il-konferenza ta' Pariġi. Iċ-Ċina, l-Istati Uniti u
pajjiżi oħra tal-G20, kif ukoll pajjiżi b'introjtu
għoli u medju, għandhom ikunu f'qagħda li jagħmlu dan
sa tmiem l-ewwel kwart tal-2015. Għandha tingħata iktar
flessibbiltà lill-pajjiżi l-anqas żviluppati (LDCs);
tfassal viżjoni għal ftehim
legalment vinkolanti li jkun trasparenti u dinamiku, u li jinkludi impenji
ġusti u ambizzjużi min-naħa tal-Partijiet kollha,
abbażi tal-evoluzzjoni taċ-ċirkustanzi ekonomiċi u
ġeopolitiċi. B'mod aggregat, dawn l-impenji - imsejsa fuq
evidenza xjentifika - għandhom iqiegħdu d-dinja fit-triq
it-tajba lejn it-tnaqqis, sal-2050, tal-emissjonijiet globali b'tal-inqas
60% taħt il-livelli tal-2010. Jekk ikun hemm qabża bejn din
il-mira u l-livell ta' ambizzjoni li jiġi stabbilit f'Pariġi,
dan għandu jiġi indirizzat billi jitfassal programm ta'
ħidma, b'bidu mill-2016, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Fond
Ekoloġiku għall-Klima, sabiex tiġi identifikata azzjoni
addizzjonali għat-tnaqqis tal-emissjonijiet;
tipproproni li l-Ftehim tal-2015 għandu
jkollu l-forma ta' Protokoll fil-qafas tal-UNFCCC. L-ekonomiji l-kbar,
b'mod partikulari dawk tal-UE, iċ-Ċina u l-Istati Uniti,
għandhom juru tmexxija politika billi jingħaqdu mal-Protokoll
mill-iktar kmieni possibbli. Il-Ftehim għandu jidħol
fis-seħħ malli jkunu rratifikawh pajjiżi b'total kollettiv
ta' 80% tal-emissjonijiet globali attwali. Fil-qafas tal-Protokoll
il-ġdid, il-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima,
l-iżvilupp u t-trasferiment ta' teknoloġija, u l-bini ta'
kapaċità għandhom jippromwovu l-parteċipazzjoni universali,
u għandhom jiffaċilitaw l-implimentazzjoni effiċjenti u
effettiva ta' strateġiji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u
għall-adattament għall-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima;
tissottolinja li l-Organizzazzjoni
tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO), l-Organizzazzjoni
Marittima Internazzjonali (IMO) u l-Protokoll ta' Montreal għandhom
jaġixxu biex jirregolaw b'mod effettiv l-emissjonijiet min-naħa
tal-avjazzjoni u t-tbaħħir internazzjonali, kif ukoll
il-produzzjoni u l-konsum tal-gassijiet fluworinati sa tmiem l-2016;
tixħet dawl fuq kif politiki oħra
tal-UE, bħal dawk tal-kummerċ, ir-riċerka xjentifika,
l-innovazzjoni u l-kooperazzjoni teknoloġika, il-kooperazzjoni
ekonomika u ta' żvilupp, it-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri, u
l-ambjent, jistgħu jsaħħu l-politika internazzjonali tal-UE
dwar it-tibdil fil-klima; u
hija kkomplimentata minn pjan ta' azzjoni
ta' diplomazija klimatika, imfassal mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni
Esterna u mill-Kummissjoni. Il-pjan ta' azzjoni huwa maħsub li
jżid il-komunikazzjoni esterna tal-UE u li jibni alleanzi ma'
sħab internazzjonali ambizzjużi fit-tħejjijiet
għall-konferenza ta' Pariġi.
Ċerti aspetti ta' din il-Komunikazzjoni
jiġu spjegati f'aktar dettall fid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal
tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha. 2. Il-Protokoll ta' Pariġi Bil-għan li jħeġġeġ
azzjoni kollettiva konsistenti mas-sejbiet tal-IPCC, il-Protokoll ta'
Pariġi għandu jilħaq l-għanijiet li ġejjin:
jikseb impenji ambizzjużi ta' tnaqqis
fl-emissjonijiet, billi:
o
jispeċifika li l-mira fit-tul għandha
tkun li l-emissjonijiet dinjija jitnaqqsu b'tal-anqas 60% taħt il-livelli
tal-2010 sal-2050[2];
u o
jistipula, f'dak il-kuntest, impenji ta' mitigazzjoni
tat-tibdil fil-klima li jkunu legalment vinkolanti, ċari,
speċifiċi, ambizzjużi u ġusti, u li jqiegħdu d-dinja
fit-triq lejn il-kisba tal-objettiv ta' taħt iż-2°C. Dawn l-impenji
għandhom ikunu konsistenti mal-prinċipji tal-UNFCCC, applikati fid-dawl
tal-evoluzzjoni tar-responsabbiltajiet, kapaċitajiet u ċirkustanzi
nazzjonali differenti;
jiżgura d-dinamiżmu billi
jipprovdi għal reviżjoni globali, li ssir kull ħames snin,
sabiex tisseddaq l-ambizzjoni ta' dawn il-miri ta' mitigazzjoni b'mod konsistenti
mal-aħħar xjenza;
isaħħaħ it-trasparenza u
r-responsabbiltà, sabiex ikun jista' jiġi evalwat jekk intlaħqux
il-miri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet u impenji rilevanti.
Jeħtieġ li jitfassal sett ta' regoli u proċeduri
għar-rappurtar annwali, għall-verifika regolari, u għal
reviżjonijiet minn esperti internazzjonali tal-inventarji
tal-emissjonijiet;
iħeġġeġ l-iżvilupp
sostenibbli reżiljenti għat-tibdil fil-klima, billi jippromwovi
l-kooperazzjoni internazzjonali u jappoġġja l-politiki li
jnaqqsu l-vulnerabbiltà u jtejbu l-kapaċità tal-pajjiżi biex
jadattaw għall-impatti tat-tibdil fil-klima; u
jippromwovi l-implimentazzjoni u
l-kooperazzjoni effiċjenti u effettiv, billi
jħeġġeġ politiki li jimmobilizzaw investiment
sostanzjali, trasparenti u prevedibbli, mingħand is-settur pubbliku u
dak privat, fi żvilupp li jkun reżiljenti għat-tibdil
fil-klima u b'emissjonijiet baxxi tal-karbonju.
Dawn l-għanijiet għandhom jiġu
stipulati fil-Protokoll. Programm ta' ħidma teknika, li għandu
jitlesta sal-2017, għandu jfassal ir-regoli ddettaljati, il-proċessi
u l-istituzzjonijiet meħtieġa biex jinkisbu dawn l-għanijiet. Sabiex tissieħeb mal-Protokoll, Parti
kontraenti għandha tieħu impenn ta' mitigazzjoni. Il-Partijiet ikunu
jistgħu jieħdu sehem fit-teħid tad-deċiżjonijiet
fil-qafas tal-Protokoll, u jkollhom aċċess għal riżorsi
finanzjarji u oħrajn għall-appoġġ tal-implimentazzjoni
tal-Protokoll. L-impenji ta' mitigazzjoni fil-qafas tal-Protokoll għandhom
ikunu legalment vinkolanti fuq il-Partijiet kollha. Dan jagħti l-iktar sinjal ċar
lill-gvernijiet, lis-swieq u lill-pubbliku li l-Partijiet huma impenjati
fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, billi jipprovdu:
l-aqwa espressjoni ta' rieda politika
min-naħa ta' Parti kontraenti biex tikseb l-impenji tagħha;
il-prevedibbiltà u ċ-ċertezza
meħtieġa għall-atturi kollha pubbliċi u privati; u
id-durabbiltà fil-kuntest ta' bidliet
politiċi nazzonali.
Dawk il-pajjiżi li jsostnu li l-impenji
ta' mitigazzjoni ma għandhomx ikunu vinkolanti fuq livell internazzjonali
għandhom l-obbligu li juru kif dawn il-vantaġġi jistgħu
jinkisbu b'approċċ alternattiv. In-nazzjonijiet kollha tal-G20, li
jirrappreżentaw madwar 75% tal-emissjonijiet dinjija, kif ukoll
pajjiżi oħra b'introjtu għoli u medju, huma mistennija
jirratifikaw il-Protokoll mingħajr wisq dewmien, u jimplimentawh mill-2020
'il quddiem. L-UE, iċ-Ċina u l-Istati Uniti għandhom
jibagħtu sinjal importanti ta' tmexxija politika, billi jissieħbu
mal-Protokoll mill-iktar fis possibbli u b'hekk jistabbilixxu r-ritmu
meħtieġ. Il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ
malli jkunu ddepożitaw l-istrument ta' ratifika tagħhom ammont ta'
pajjiżi li jirrappreżentaw iktar minn 40 Gt ta' emissjonijiet ta'
ekwivalent tas-CO2 fl-2015. Dan jirrappreżenta madwar 80%
tal-emissjonijiet globali attwali. 3. Niżguraw tnaqqis ambizzjuż fl-emissjonijiet
tal-gassijiet serra 3.1. Il-mira tal-2030 tal-UE u l-kontribut maħsub determinat fil-livell nazzjonali L-isforzi tal-politika klimatika u
enerġetika tal-UE qegħdin jagħtu frott. L-emissjonijiet tal-UE
niżlu bi 19% bejn l-1990 u l-2013, filwaqt li l-PDG tal-UE kiber b'45%.
Il-qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija għall-2030, kif
miftiehem mill-mexxejja tal-UE f'Ottubru 2014, se jkompli
jsaħħaħ ix-xenarju ta' politika. Dan il-qafas jistipula mira ta'
tnaqqis vinkolanti u li tapplika għall-ekonomija kollha, billi tkopri
s-setturi kollha u s-sorsi kollha tal-emissjonijiet, fosthom l-agrikoltura,
il-forestrija u użi oħra tal-art. Din il-mira tikkostitwixxi tnaqqis
fl-emissjonijiet nazzjonali ta' mill-inqas 40% sal-2030 meta mqabbel
mal-livelli tal-1990. Hija mira ambizzjuża u ġusta, konsistenti ma'
rotta kosteffiċjenti li twassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet
domestiċi ta' mill-inqas 80% sal-2050[3].
L-UE diġà meddet passi sinifikanti biex issir l-iktar ekonomija effiċjenti
fid-dinja f'termini ta' emissjonijiet. Il-mira tal-2030 se tnaqqas l-intensità
tal-emissjonijiet tal-ekonomija tal-UE b'50% iktar. Il-pjan ta' investiment
tal-UE approvat dan l-aħħar se jillibera finanzi privati sostanzjali,
sabiex l-ekonomija tal-UE tiġi mmodernizzata u jkompli
d-dekarbonizzazzjoni tagħha. Bħalissa ma jkun hemm l-ebda ġid li
tiġi proposta mira b'kundizzjonijiet iktar stretti. Jekk ir-riżultat
tan-negozjati jagħti lok għal mira iktar ambjizzjuża, l-UE
għandha tkun miftuħa għall-użu ta' krediti internazzjonali
li jikkomplementaw l-impenji nazzjonali, dejjem jekk tiġi żgurata
bis-sħiħ l-integrità ambjentali u jiġi evitat l-għadd
doppju. 3.2. Jinqasmu l-isforzi globali L-UE tirrappreżenta
9% mill-emissjonijiet dinjija, u dan il-proporzjon qed jonqos. F'Novembru 2014,
l-akbar żewġ emittenti fid-dinja – iċ-Ċina (25%
mill-emissjonijiet dinjija) u l-Istati Uniti (11%) – segwew il-passi tal-UE
billi ħabbru l-miri indikattivi tagħhom għal wara l-2020. Meħudin
flimkien, dawn il-miri jkunu jkopru kważi nofs l-emissjonijiet dinjija.
Sabiex il-Protokoll ikun effettiv, u biex jintlaħaq xenarju globali
b'kundizzjonijiet indaqs, jeħtieġ li l-Protokoll jinkludi li
ġej: ·
Kopertura ġeografika wiesgħa. Biex
tinkiseb il-kopertura meħtieġa għat-tnaqqis tal-emissjonijiet
dinjija, jeħtieġ li l-Partijiet kollha, għajr il-pajjiżi
l-anqas żviluppati, iressqu l-INDCs tagħhom kmieni kemm jista' jkun
fl-2015. Il-pajjiżi kollha tal-G20, u dawk ta' introjtu għoli jew
medju, għandhom ikunu f'qagħda li jagħmlu dan sa tmiem l-ewwel
kwart tal-2015. Dawn l-INDCs għandhom jiġu kkomunikati skont
ir-rekwiżit ta' informazzjoni miftiehma f'Lima. It-Tabella 1 turi l-mira
ta' tnaqqis nazzjonali ta' mill-anqas 40%, kif miftiehma mill-mexxejja tal-UE
f'Ottubru 2014, fil-forma ta' INDC konsistenti mar-rekwiżit ta'
informazzjoni miftiehma f'Lima, bil-għan li l-miri jkunu trasparenti,
kwantifikabbli u paragunabbli. Din it-tabella tipprovdi mudell sempliċi li
jista' jservi ta' mudell possibbli għal dawk il-Partijiet li għadhom
qegħdin jifformulaw l-INDC tagħhom. Fuq bażi volontarja,
il-pajjiżi l-anqas żviluppati jistgħu jressqu INDCs li
jiġbru fil-qosor politiki u miżuri bi stima ta' tnaqqis
fl-emissjonijiet. Il-Partijiet kollha l-oħra għall-Protokoll
għandhom iżommu impenn ta' mitigazzjoni b'mod kontinwu. Dawn
l-impenji għandhom jidhru f'ordni alfabetika skont il-Parti f'Anness
mal-Protokoll. ·
Kopertura komprensiva ta' setturi u ta' tipi ta'
emissjonijiet. L-impenji tal-Partijiet għandhom joħolqu
inċentivi qawwija biex l-atturi kollha jkomplu jnaqqsu u jillimitaw
l-emissjonijiet dinjija. Il-Protokoll għandu jitlob tnaqqis
fl-emissjonijiet fis-setturi kollha, fosthom l-agrikoltura, il-forestrija u
użi oħra tal-art, l-avjazzjoni u t-tbaħħir internazzjonali,
u l-gassijiet fluworurati. L-ICAO, l-OMI u l-Protokoll ta' Montreal
għandhom jieħdu azzjoni biex sa tmiem l-2016 jirregolaw b'mod
effettiv, rispettivament, l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali,
l-emissjonijiet mit-tbaħħir internazzjonali, u l-produzzjoni u
l-konsum tal-gassijiet fluworurat. ·
L-ogħla livell possibbli ta' ambizzjoni.
Ħafna qabel il-konferenza ta' Pariġi, kull Parti għandha
tagħżel it-tip ta' impenn ta' mitigazzjoni tagħha, u
għandha tiddefinixxi l-livell ta' ambizzjoni u l-ambitu tagħha
fid-dawl tal-evoluzzjoni tar-responsabbiltajiet, tal-kapaċitajiet u
taċ-ċirkustanzi nazzjonali differenti. Il-pajjiżi bl-ogħla
responsabbiltajiet u kapaċitajiet jeħtieġ li jkollhom l-iktar
impenji ambizzjużi ta' mitigazzjoni. L-INDC ta' kull Parti għandu
jirrappreżenta progressjoni sinifikanti fil-livell ta' ambizzjoni ta'
mitigazzjoni u kopertura meta mqabbel mal-impenn attwali. Għandu juri
konverġenza f'livelli baxxi ta' emissjonijiet totali, kif ukoll ta'
emissjonijiet per capita, u f'titjib fejn jidħol it-tnaqqis tal-intensità
tal-emissjonijiet tul iż-żmien. ·
Impenji sodi ta' mitigazzjoni. L-iktar tipi ta'
impenn sod huma l-miri assoluti li jkopru l-ekonomija sħiħa, flimkien
mal-baġits ta' emissjonijiet. Dawn it-tipi ta' impenn fihom bosta
vantaġġi, fosthom iċ-ċertezza, it-trasparenza,
il-flessibbiltà, u jekk jintużaw b'mod wiesa', inaqqsu r-riskju ta'
rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' karbonju. Skont l-idea tal-progressjoni tul
iż-żmien, il-pajjiżi kollha li diġà għandhom tali miri
jridu jżommuhom u jżiduhom imqabbla ma' ta' sena bażi storika
jew perjodu ta' riferenza. Il-pajjiżi tal-G20 u pajjiżi oħra ta'
introjtu għoli li ma għandhomx miri assoluti fil-qafas tal-Protokoll
għal wara l-2020, għandhom jintrabtu li jistabbilixxu tali miri sa
mhux iktar tard mill-2025. Ekonomiji oħra emerġenti, u pajjiżi
oħra ta' introjtu medju, huma mħeġġa jintrabtu b'tali miri
kmieni kemm jista' jkun, u mhux wara l-2030. 4. Niżguraw
id-dinamiżmu permezz ta' reviżjoni regolari
tal-miri Il-Protokoll għandu jfassal proċess
li jkun applikabbli għall-Partijiet kollha, sabiex l-impenji ta'
mitigazzjoni jiġu rriveduti u msaħħa b'mod regolari, u b'mod
konsistenti mal-għan fit-tul tal-Protokoll. Jekk l-isforzi kollettivi
tal-Partijiet ma jilħqux il-livelli meħtieġa, il-proċess
għandu jħeġġeġ lill-Partijiet iżidu l-livell ta'
ambizzjoni tal-impenji eżistenti, u jifformulaw impenji ambizzjużi
biżżejjed f'perjodi ta' mira sussegwenti. Mill-2020 'il quddiem, ir-reviżjoni
għandha terġa' ssir kull ħames snin, u għandha
tiffaċilita t-trasparenza, iċ-ċarezza, u l-fehim tal-impenji ta'
mitigazzjoni fid-dawl tal-kontribut tagħhom għall-objettiv ta'
taħt iż-2°C. Ir-reviżjoni għandha tistieden lill-Partijiet
jispjegaw il-progress fl-impenji tagħhom ta' mitigazzjoni, u għala jaħsbu
li l-azzjonijiet tagħhom kienu ġusti u ambizzjużi. Il-proċess għandu jkun infurmat
mix-xjenza, għandu jibbaża fuq l-evidenza, u għandu jkun immexxi
minn kunsiderazzjonijiet tal-evoluzzjoni tar-responsabbiltajiet,
il-kapaċitajiet u ċ-ċirkustanzi nazzjonali differenti.
Għandu jkun proċess sempliċi u effiċjenti, li jevita
d-duplikazzjoni ta' proċessi oħra. L-arranġamenti
għaċ-ċiklu ta' reviżjoni għandhom jittejbu tul
iż-żmien, sabiex jibqgħu fit-triq it-tajba lejn l-objettiv ta'
taħt iż-2°C. Jeħtieġ li l-Protokoll u
d-deċiżjonijiet irrelatati tal-Konferenza tal-Partijiet (COP)
jipprovdu għall-mobilizzazzjoni dinamika tal-finanzjament tal-ġlieda
kontra t-tibdil fil-klima, għat-trasferiment tat-teknoloġija, u
għall-bini ta' kapaċità għall-Partijiet eliġibbli, b'mod
partikulari dawk bl-inqas kapaċitajiet. Dan se jinkludi proċessi li
jevalwaw b'mod regolari u jtejbu l-adegwatezza u l-effettività tal-mezzi ta'
implimentazzjoni mmobilizzati mill-Fond Ekoloġiku għall-Klima (GCF),
mill-Fond għall-Ambjent Dinji (GEF), u minn istituzzjonijiet rilevanti
oħra. Ikun jeħtieġ ukoll li f'Pariġi jiġi żgurat
appoġġ lill-Partijiet biex iwettqu reviżjonijiet regolari u
jsaħħu l-istrateġiji tagħhom għall-adattament tul
iż-żmien. 5. Tisħiħ
tat-trasparenza u tar-responsabbiltà Il-Protokoll għandu jistipula l-elementi
ewlenin ta' sistema komuni ta' trasparenza u responsabbiltà, li tkun
applikabbli għall-Partijiet kollha. Din is-sistema għandha tinkludi
regoli sodi dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar, il-verifika u
l-kontabbiltà, kif ukoll proċess li jiżgura r-responsabbiltà ta' kull
Parti biex tikseb l-impenji tagħha. Din is-sistema se tkun fondamentali
biex tipprovdi fiduċja f'li kull Parti timplimenta l-impenji tagħha u
tkun fit-triq it-tajba lejn l-ilħiq tal-mira tagħha. Is-sistema se
tkun kruċjali wkoll biex tinbena l-fiduċja, biex
titħeġġeġ l-ambizzjoni, u biex tipprovdi prevedibbiltà u
ċertezza legali. Min-naħa tagħhom, sa mhux aktar tard
mill-mument tar-ratifika, il-Partijiet għandhom iressqu l-iktar sett
riċenti ta' inventarji ta' emissjonijiet annwali li jkopru l-perjodu mill-2010
sal-2015. Din is-sistema għandha tibqa' xierqa
fit-tul. Is-sistema għandha tkun flessibbli biżżejjed biex taqdi
firxa wiesgħa ta' tipi ta' impenn, ta' kapaċitajiet u ta'
ċirkustanzi nazzjonali, iżda din il-flessibbiltà ma għandhiex
tolqot ħażin it-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-ambizzjoni.
Għandhom isiru reviżjonijiet regolari minn gruppi ta' esperti
indipendenti. Il-Protokoll il-ġdid għandu jirrikonoxxi
t-trasferimenti netti li jsiru bejn dawk il-pajjiżi li jkunu ddeċidew
li jikkollegaw s-swieq nazzjonali tal-karbonju tagħhom, u dan għandu
jiġi kkunsidrat fil-valutazzjoni tal-konformità. Fl-aħħar nett, il-Protokoll
għandu jistabbilixxi entità li tiffaċilita l-implimentazzjoni u
tindirizza kwistjonijiet li jistgħu jqumu rigward il-konformità fl-implimentazzjoni
tal-impenji ta' kull Parti. Din l-entità għandha tiffoka fuq l-impenji
marbutin mal-mitigazzjoni, inklużi l-monitoraġġ, ir-rappurtar,
il-verifika u l-kontabbiltà. L-entità għandha tkun iffurmata minn esperti
u għandha tkun ta' natura mhux politika, u l-mandat tagħha
għandu jiġi speċifikat fil-Protokoll. 6. Niksbu
r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima
bis-saħħa tal-adattament Filwaqt li azzjoni ambizzjuża ta'
mitigazzjoni hija fondamentali, daqstant ieħor se jkun ta' importanza li
jitħeġġew azzjonijiet individwali u kollaborattivi biex
inħejju għall-impatti avversi tat-tibdil fil-klima u nadattaw
għalihom. Ir-rwol tas-settur tal-użu tal-art fir-rigward
tar-reżiljenza tas-sigurtà tal-ikel, flimkien ma' vantaġġi
oħra ambjentali, soċjali u ekonomiċi, huma ta' importanza kbira
għal dawk l-azzjonijiet. L-istrateġija tal-UE għall-adattament,
li tikkomplementa l-istrateġiji tal-Istati Membri, għandha
l-għan li trawwem Ewropa iktar reżiljenti għat-tibdil fil-klima.
L-adattament abbażi tal-ekosistemi jista' jnaqqas ir-riskji
tal-għargħar u tal-erożjoni tal-ħamrija, u fl-istess
ħin jista' jtejjeb il-kwalità tal-ilma u tal-arja. Bil-għan li jinkiseb żvilupp
sostenibbli reżiljenti għat-tibdil fil-klima għall-Partijiet
kollha, il-Protokoll għandu jseddaq l-impenji tal-Partijiet kollha sabiex
ikomplu jifformulaw, jippjanaw u jimplimentaw miżuri li jiffaċilitaw
l-adattament, u sabiex jirrappurtaw dwar dawn il-miżuri permezz
tal-komunikazzjonijiet nazzjonali tagħhom. Il-Protokoll għandu
jissokta jipprovdi għajnuna lil dawk ir-reġjuni u pajjiżi li
huma partikolarment vulnerabbli għall-effetti avversi tat-tibdil fil-klima,
inkluż billi jipprovdi appoġġ finanzjarju u tekniku, kif ukoll
bini tal-kapaċitajiet. B'dan il-mod, il-Protokoll se jipprovdi aktar
viżibbiltà għall-azzjoni u l-appoġġ għall-adattament,
u se jsaħħaħ id-dispożizzjonijiet ta' monitoraġġ
u rappurtar fil-qafas tal-UNFCCC. Il-Protokoll se jippermetti wkoll fehim
aħjar tal-effettività tal-miżuri mwettqa biex jiffaċilitaw
l-adattament xieraq, billi jiġbor tagħrif mir-rapporti nazzjonali u
minn sorsi rilevanti oħra, bil-għan li jikkontribwixxi lejn it-tfassil
ta' azzjoni mtejba li għandha titwettaq mill-Partijiet. Bl-adozzjoni tal-Protokoll,
deċiżjonijiet sussegwenti tal-Konferenza tal-Partijiet għandhom
isaħħu l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet fil-Qafas ta'
Adattament ta' Cancún u fil-Programm ta' Ħidma ta' Nairobi. 7. Promozzjoni tal-implimentazzjoni u tal-kooperazzjoni 7.1. Mobilizzazzjoni tal-finanzjament
pubbliku u privat tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima It-trasformazzjoni lejn ekonomiji
reżiljenti għat-tibdil fil-klima u b'livelli baxxi ta' emissjonijiet
tista' tinkiseb biss billi jinkisbu bidliet kbar fix-xejriet tal-investimenti.
Il-Protokoll għandu jippromwovi investimenti fi programmi u politiki li
huma reżiljenti għat-tibdil fil-klima u għandhom livelli baxxi
ta' emissjonijiet. Il-pajjiżi kollha għandhom jintrabtu li jieħdu
passi biex itejbu l-ambjenti ta' investiment tagħhom b'mod li jiġbdu
investimenti favur il-klima. Bi qbil mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni
"Sħubija Globali għall-Qerda tal-Faqar u l-Iżvilupp
Sostenibbli wara l-2015", għandhom jintużaw b'mod effettiv ir-riżorsi
kollha sabiex jintlaħqu għadd ta' objettivi klimatiċi u ta'
żvilupp sostenibbli li jkunu miftiehma internazzjonalment. Il-pajjiżi
li jinsabu f'qagħda li jagħmlu dan għandhom jimmobilizzaw
appoġġ finanzjarju għall-Partijiet eliġibbli
għall-Protokoll. Jeħtieġ li l-bażi tal-appoġġ
finanzjarju titwessa' tul iż-żmien, hekk kif jevolvu
l-kapaċitajiet tal-Partijiet. Il-Partijiet kollha għandhom jipprovdu
wkoll ċarezza dwar l-impatti klimatiċi tal-flussi ta' finanzjament li
ma jaqgħux fil-mandat tal-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil
fil-klima. Il-finanzjament tal-azzjoni klimatika għandu jibqa' jirrifletti
l-impenji tal-gvernijiet nazzjonali, l-ambjenti u l-istrateġiji ta'
investiment għal wara l-2020. L-ammont ta' finanzjament klimatiku li
għandu jiġi mmobilizzat se jiddependi wkoll mill-ambizzjoni u
l-kwalità tal-INDCs proposti, mill-pjanijiet ta' investiment sussegwenti, u
mill-proċessi ta' ppjanar nazzjonali ta' adattament. F'dan l-istadju,
ġaladarba l-INDCs u l-proċessi ta' ppjanar nazzjonali ta' adattament
għadhom mhux magħrufin bis-sħiħ, għadu kmieni wisq
biex nelaboraw fuq l-iskala u t-tip ta' finanzjament klimatiku
meħtieġ għal wara l-2020. Il-finanzjament mis-settur pubbliku
għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima se jkompli jiżvolġi
rwol importanti fil-mobilizzazzjoni tar-riżorsi għal wara l-2020.
Il-Protokoll għandu jirrikonoxxi wkoll l-importanza tas-settur privat
bħala sors ewlieni ta' finanzjament klimatiku ta' livell għoli.
Il-Protokoll għandu jiċċara r-rwol tal-Fond għall-Ambjent
Dinji u tal-Fond Ekoloġiku għall-Klima fl-għoti ta'
appoġġ għall-implimentazzjoni. Għandu jipprovdi lill-ifqar
pajjiżi, u lil dawk il-pajjiżi l-aktar vulnerabbli għat-tibdil
fil-klima, garanziji li se jkomplu jirċievu appoġġ ta'
prijorità. Dan ikun jista' jinkiseb l-aħjar jekk il-qafas ta' finanzjament
tal-Protokoll ikun għalkollox konsistenti mal-proċess
"Finanzjament għall-Iżvilupp" u mal-Aġenda
tal-Iżvilupp għal wara l-2015. Il-Protokoll għandu jippromwovi
l-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' ambjenti tajbin
għall-investiment, u b'hekk għat-trasformazzjoni lejn ekonomiji
reżiljenti għat-tibdil fil-klima u b'livelli baxxi ta' emissjonijiet,
fost l-oħrajn bis-saħħa ta':
politiki nazzjonali ambizzjużi
għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;
governanza effettiva, inklużi oqfsa ta'
investiment, inċentivi tal-prezz u strumenti finanzjarji li
jiffavorixxu investimenti reżiljenti għat-tibdil fil-klima u
b'livelli baxxi ta' emissjonijiet; u
l-għoti ta' informazzjoni dwar kif
tista' tiġġieled it-tibdil fil-klima.
F'dan se jiżvolġu rwol ewlieni
l-ipprezzar tal-karbonju u l-politiki ta' investiment tal-banek ta'
żvilupp pubbliċi. Ir-razzjonalizzazzjoni tal-kunsiderazzjonijiet
klimatiċi f'kull politika, strateġija ta' żvilupp u investiment
se tkun essenzjali biex jittieħed l-ikbar vantaġġ
mis-sinerġiji bejn l-iżvilupp, il-mitigazzjoni u l-finanzjament
għall-adattament. 7.2. Tisħiħ
tal-azzjoni ta' kooperazzjoni internazzjonali Il-qsim ta' informazzjoni dwar esperjenzi
fid-disinn ta' politiki u fil-promozzjoni tal-prassi tajba se jħaffef u
jwessa' ferm l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima. F'dawn l-aħħar
snin, l-UE kienet proattiva f'inizjattivi bilaterali u multilaterali f'din
id-direzzjoni, pereżempju bi djalogi ta' politika bilaterali dwar
l-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet; bl-ivvarar ta' inizjattivi favur
l-enerġija sostenibbli li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta'
ekonomiji b'użu baxx tal-karbonju; jew bil-promozzjoni tal-iżvilupp u
l-implimentazzjoni prattika ta' politiki ta' adattament permezz tal-Alleanza
Globali Kontra t-Tibdil fil-Klima, li llum tħaddan lil 38 pajjiż
vulnerabbli fil-fażi ta' żvilupp kif ukoll tmien reġjuni
fl-Afrika, fl-Ażja, fil-Karibew u fil-Paċifiku. Il-Protokoll għandu
jħeġġeġ skambju aktar sistematiku tal-esperjenzi
fir-reġjuni ġeografiċi u fosthom, b'mod li jinġabar
l-għarfien tekniku espert, fost l-oħrajn minn organizzazzjonijiet
speċjalizzati, mis-settur privat, mill-akkademja, mir-reġjuni u
mill-muniċipalitajiet. Il-Protokoll għandu jipprovdi għar-rikonoxximent
ta' inizjattivi sinifikanti li jimplimentaw u jikkomplementaw l-isforzi
nazzjonali favur it-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-adattament għall-effetti
avversi tat-tibdil fil-klima. Fil-konferenza ta' Pariġi, għandu
jiġi deċiż ukoll li jitkompla l-programm ta' ħidma biex
tiġi identifikata azzjoni addizzjonali ta' mitigazzjoni fl-2016,
b'ħidma mill-qrib mal-Fond Ekoloġiku għall-Klima u ma'
istituzzjonijiet finanzjarji oħra. Dan se jkun ta' importanza partikulari
jekk ikun hemm qabża bejn il-livell aggregat ta' ambizzjoni tal-impenji
ta' mitigazzjoni u bejn it-tnaqqis fl-emissjonijiet meħtieġ biex
jintlaħaq l-objettiv ta' taħt iż-2°C. 7.3. Appoġġ
għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta'
teknoloġiji għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima L-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta'
teknoloġiji għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima
jiżvolġu rwol ewlieni fit-tiftix ta' objettivi klimatiċi, kif
ukoll fil-kontribuzzjoni lejn il-ħolqien tal-impjieg u t-tkabbir ekonomiku
sostenibbli. Il-kombinazzjoni tal-finanzjament tar-riċerka, miżuri
ta' kummerċjalizzazzjoni, programmi edukattivi, finanzjamenti u politiki
li jimponu prezz fuq l-emissjonijiet, toħloq ambjent tajjeb
għall-investiment favur firxa wiesgħa ta' teknoloġiji. Dawn
it-teknoloġiji huma maħsuba, fost l-oħrajn, biex jippromwovu
r-reżiljenza għall-impatti estremi tat-temp, servizzi klimatiċi
u sistemi għall-ġestjoni tal-ilma, kif ukoll il-produzzjoni
tal-enerġija, proċessi industrijali, it-trasport, l-agrikoltura, u
t-tnaqqis tad-deforestazzjoni. Il-pajjiżi jagħżlu l-iktar
teknoloġiji li jkunu xierqa għalihom, spiss bl-appoġġ ta'
valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet tekniċi u ċ-Ċentru u
Netwerk ta' Teknoloġija għall-Klima (CTCN). L-innovazzjoni,
inkluż l-aġġornament meħtieġ tat-trasferiment
tat-teknoloġija, tiddependi mill-kollaborazzjoni volontarja ma' atturi
tas-settur privat bil-għan li teknoloġija tiġi żviluppata,
iffinanzjata u implimentata. Huwa fondamentali li r-regoli eżistenti ta'
proprjetà intellettwali jinżammu kif inhuma. Il-Protokoll għandu jirrikonoxxi r-rwol
li diġà qegħdin jiżvolġu l-Kumitat Eżekuttiv
Teknoloġiku u s-CTCN, flimkien ma' proċess riformat ta' valutazzjoni
tal-ħtiġijiet tekniċi. 7.4. Il-bini tal-kapaċità Il-bini tal-kapaċità għandu jkun
element integrali tal-appoġġ għall-attivitajiet kollha marbutin
mal-Protokoll, fosthom l-ippjanar għall-adattament, l-obbligi ta'
rappurtar, l-inventarji tal-emissjonijiet, it-trasferiment
tat-teknoloġija, u l-proġetti ta' mitigazzjoni. Għaldaqstant,
il-bini tal-kapaċità għandu jiġi pprovdut permezz tal-istituzzjonijiet
responsabbli għall-appoġġ ta' attivitajiet fl-oqsma msemmija, u
għandu jkun adattat skont il-ħtiġijiet ta' kull pajjiż. L-arranġamenti eżistenti fil-qafas
tal-Konvenzjoni jistgħu jissaħħu, għalkemm il-Forum ta'
Durban dwar il-Bini tal-Kapaċità se jibqa' l-ispazju x-xieraq
għad-diskussjonijiet f'dan il-qasam. L-UE qiegħda tintegra attivament
il-bini tal-kapaċità fl-appoġġ tagħha għall-azzjoni
klimatika f'pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, inkluż b'rabta
mal-impenji ta' mitigazzjoni. Il-konferenza ta' Pariġi għandha
taqbel li tgħin lil dawk il-pajjiżi li jeħtieġu assistenza
biex joħolqu inventarji tal-emissjonijiet u sistemi ta'
monitoraġġ, rappurtar u verifika, kif ukoll biex jiżviluppaw
strateġiji ta' żvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima u
b'livelli baxxi ta' emissjonijiet, bis-saħħa ta' strutturi ta'
inċentivi xierqa. 8. Mobilizzazzjoni
ta' politiki oħra tal-UE Fix-xhur li ġejjin, l-UE se tintensifika
d-diplomazija klimatika tagħha qabel il-konferenza ta' Pariġi.
Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE approvaw Pjan ta' Azzjoni għad-Diplomazija
Klimatika, li tfassal b'mod konġunt mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni
Esterna u mill-Kummissjoni. Il-Pjan jinkludi l-azzjonjiet li ġejjin:
il-promozzjoni tal-ġlieda kontra
t-tibdil fil-klima bħala prijorità strateġika fid-djalogi
politiċi, inkluż fil-laqgħat tal-G7 u l-G20 u fl-Assemblea
Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti;
l-appoġġ għall-iżvilupp
reżiljenti għat-tibdil fil-klima u għad-diżastri
klimatiċi u b'livelli baxxi ta' emissjonijiet, permezz ta'
kooperazzjoni għall-iżvilupp min-naħa tal-UE; u
l-istabbiliment ta' rabtiet bejn it-tibdil
fil-klima u l-konsegwenzi possibbli tiegħu fit-tul, inklużi
sfidi ta' sigurtà.
Barra minn dan, politiki oħra tal-UE
jistgħu jappoġġjaw attivament l-għanijiet tal-UE
fil-proċess ta' negozjati internazzjonali u fl-implimentazzjoni
tal-Protokoll f'pajjiżi msieħba. Tali politiki jistgħu
jgħinu lill-pajjiżi msieħba fil-fażi ta' tħejjija
tal-Protokoll, kif ukoll aktar 'il quddiem meta jiġi implimentat. Dawn
il-politiki jinkludu:
Kooperazzjoni ekonomika u
għall-iżvilupp. L-UE u l-Istati Membri tagħha diġà
huma l-ikbar fornituri ta' għajnuna uffiċjali
għall-iżvilupp u ta' finanzjament tal-ġlieda kontra
t-tibdil fil-klima lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp.
Fl-2013, l-UE tat iktar minn EUR 9.5 biljun bħala finanzjament tal-ġlieda
kontra t-tibdil fil-klima. L-UE għandha tkompli tirrazzjonalizza
l-għanijiet klimatiċi fil-kooperazzjoni tagħha ekonomika u
għall-iżvilupp. Għal dan il-għan, diġà ġie
miftiehem li għall-perjodu 2014-20, mill-anqas 20% tal-għajnuna
tal-UE għall-iżvilupp ikollu jkun rilevanti
għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, jiġifieri madwar
EUR 14 biljun. L-Istati Membri wkoll għandhom jistipulaw
għanijiet ċari ta' razzjonalizzazzjoni. Barra minn hekk, l-UE u
l-Istati Membri għandhom jintensifikaw il-koordinazzjoni fil-qasam
tal-finanzjament globali tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, sabiex
jittejbu l-impatt u l-effiċjenza ta' dak il-finanzjament.
Riċerka xjentifika, żvilupp ta'
teknoloġiji, u politika ta' innovazzjoni. L-UE se tislet aktar
vantaġġ mill-fatt li l-programm ta' qafas tagħha ta'
riċerka u innovazzjoni, Orizzont 2020, huwa għalkollox
miftuħ għas-sehem ta' pajjiżi terzi, u jipprovdi
appoġġ finanzjarju lil pajjiżi inqas żviluppati. L-UE
se xxerred l-għarfien dwar l-impenn tagħha biex tinvesti, fil-qafas
ta' dan il-programm, tal-anqas EUR 28 biljun għal azzjonijiet
marbutin mal-klima. Proporzjon minn dan l-ammont se jagħti lok
għal kollaborazzjoni internazzjonali wiesgħa biex
it-teknoloġiji għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima
jiġu kkummerċjalizzati, biex jiġu mgħallma xjenzati u
intraprendituri, u biex issir kontribuzzjoni lejn l-għanijiet
tad-diplomazija klimatika.
Il-politika kummerċjali. Fil-ftehimiet
kummerċjali bilaterali tagħha, l-UE u s-sħab tagħha
ta' kummerċ ħieles jintrabtu li jippromwovu għanijiet
klimatiċi u li jimplimentaw b'mod effettiv l-UNFCCC, inkluż
permezz ta' djalogi strutturati regolari u kooperazzjoni fi kwistjonijiet
klimatiċi u kummerċjali. Fil-qafas tal-iskema GSP+, l-UE toffri
aċċess miżjud għas-suq lill-pajjiżi fil-fażi
tal-iżvilupp li jkunu rratifikaw u li jimplimentaw b'mod effettiv
konvenzjonijiet internazzjonali, inkluż dwar it-tibdil fil-klima.
L-UE qiegħda taħdem mas-sħab kummerċjali tagħha
fi ħdan id-WTO lejn il-konklużjoni ta' ftehim internazzjonali
sinifikanti dwar il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ f'oġġetti
u servizzi ambjentali sa tmiem 2015, bil-għan li jiżdiedu
t-tixrid u l-adozzjoni tat-teknoloġiji favur il-klima.
Il-politika ambjentali. L-implimentazzjoni
tal-impenji tal-UE fil-qafas tal-Pjan Strateġiku Globali
għall-Bijodiversità, kif approvat mill-istrateġija tal-UE
għall-bijodiversità, se tkun kruċjali fl-indirizzar tat-tibdil
fil-klima, filwaqt li jinħolqu vantaġġi soċjali,
ekonomiċi u kulturali.
Tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri.
Il-kooperazzjoni tal-UE fil-ġestjoni tar-riskji ta' diżastri -
li tinkludi l-iżvilupp ta' valutazzjonijiet nazzjonali tar-riskji li
jindirizzaw ukoll l-impatti klimatiċi u kapaċitajiet
imsaħħa ta' ġestjoni tar-riskji - tikkontribwixxi lejn it-tisħiħ
tal-adattament għat-tibdil fil-klima.[4]
9. Il-passi li jmiss Jeħtieġ li l-UE:
tressaq l-INDC proprju tagħha sa tmiem
l-ewwel kwart tal-2015;
tħeġġeġ lill-ekonomiji
ewlenin juru t-tmexxija tagħhom permezz ta' INDCs f'waqthom u
ambizzjużi, partikularment fil-kuntest tal-Forum tal-Ekonomiji Ewlenin,
il-G20 u l-G7;
tħeġġeġ u
tappoġġja, kif xieraq, it-tħejjija ta' INDCs
ambizzjużi min-naħa tal-akbar numru ta' Partijiet possibbli;
tippromwovi l-azzjoni klimatika globali
ambizzjuża bħala prijorità ewlenija tar-relazzjonijiet
diplomatiċi tagħha u tad-djalogu tagħha mal-pajjiżi
msieħba;
iġġib 'il quddiem, permezz
tal-UNFCCC u diskussjonijiet oħra multilaterali u bilaterali,
l-adozzjoni ta' Protokoll ambizzjuż, trasparenti u dinamiku, kif
deskritt hawn fuq;
turi u tiżgura l-istabbiltà u
l-prevedibbiltà tal-appoġġ finanzjarju pprovdut kollettivament
mill-UE lill-imsieħba internazzjonali tagħha, favur
l-iżvilupp reżiljenti għat-tibdil fil-klima u b'livelli
baxxi ta' emissjonijiet;
tagħmel pressjoni biex ma ddumx ma ssir
liberalizzazzjoni tal-kummerċ fl-oġġetti u servizzi
ambjentali, sa tmiem l-2015;
tiżgura li l-azzjoni klimatika tkun
konsistenti man-negozjati tan-NU dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp
Sostenibbli u dwar il-Finanzjament tal-Iżvilupp Sostenibbli għal
wara l-2015, kif ukoll mal-Qafas għat-Tnaqqis tar-Riskju ta'
Diżastri għal wara l-2015; u
tiżgura li t-tieni perjodu ta' impenji
tal-Protokoll ta' Kjoto jiġi rratifikat qabel tmiem l-2015 mill-UE u
mill-Istati Membri tagħha, kif ukoll mill-għadd ta' Partijiet
meħtieġ biex jiġi żgurat id-dħul fis-seħħ
tiegħu.
Il-Kummissjoni se torganizza konferenza
internazzjonali biex jittejjeb il-fehim reċiproku tal-firxa tal-INDCs u
tal-adegwatezza tal-ambizzjoni kollettiva tagħhom, kif ukoll biex
jiġi ffaċilitat skambju miftuħ ta' fehmiet qabel il-konferenza
ta' Pariġi. Din il-konferenza organizzata mill-Kummissjoni, li se ssir
f'Novembru 2015, ser ikollha l-għan li tlaqqa' flimkien il-pajjiżi
msieħba, esperti ewlenin mill-akkademja, gruppi ta' riflessjoni u
organizzazzjonijiet internazzjonali. Sa nofs l-2015, il-Kummissjoni se tibda
tressaq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill proposti leġiżlattivi
biex jimplimentaw il-Qafas ta' politika għall-klima u l-enerġija
għall-2030. Il-Kummissjoni se tkompli tirrazzjonalizza
l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima fil-kooperazzjoni tagħha ekonomika u
għall-iżvilupp; tieħu inizjattivi biex taħdem iktar
mill-qrib mal-Istati Membri fl-għoti ta' finanzjament
għall-iżvilupp marbut mal-klima; u se tisfrutta aħjar
l-orjentament tar-riċerka xjentifika u tal-programmi ta' innovazzjoni
tagħha lejn l-appoġġ lis-sħab internazzjonali tal-UE, billi
tgħinhom iħejju l-impenji tagħhom fil-qafas tal-Protokoll
il-ġdid. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament
Ewropew u lill-Kunsill japprovaw mill-iktar fis l-istrateġija proposta. Tabella 1: Il-Kontribut Maħsub Determinat Nazzjonalment (INDC) propost
mill-UE L-Impenn Tip || Tnaqqis assolut mill-emissjonijiet tas-sena bażi. Kopertura || L-ekonomija sħiħa. Ambitu || Il-gassijiet serra kollha li mhumiex ikkontrollati mill-Protokoll ta' Montreal: id-Dijossidu tal-Karbonju (CO2) · il-Metan (CH4) · l-Ossidu Nitruż (N2O) · l-Idrofluworokarburi (HFCs) · il-Perfluworokarburi (PFCs) · l-Eżafluworur tal-kubrit (SF6) · it-Trifluworur tan-nitroġenu (NF3) Sena Bażi || 1990. Perjodu || 2021-2030 inklussivi. Livell ta' Tnaqqis || Irid jinkiseb tnaqqis nazzjonali ta' mill-inqas 40% fl-emissjonijiet fl-2030. % tal-Emissjonijiet Koperti || 100%. Agrikoltura, forestrija u użi oħra tal-art inklużi || Iva. Kontribut Nett ta' Mekkaniżmi Bażati fuq is-Suq Internazzjonali || L-ebda kontribut minn krediti internazzjonali. Proċess ta’ ppjanar || Il-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014 li japprova l-Qafas ta' Politika għall-Klimatika u l-Enerġija għall-2030 (EUCO 169/14). Il-Kummissjoni Ewropea se tħejji proposti leġiżlattivi biex jimplimentaw il-qafas għall-2030 (il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2015), inkluż dwar l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija. Ġust u ambjizzjuż || Dan l-impenn huwa konsistenti ma' politiki tal-UE li jfittxu li jiksbu tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet, u li b'hekk tagħti lok għall-possibbiltà li jintlaħaq l-objettiv ta' taħt iż-2°C. Dan l-impenn iqiegħed l-UE f'rotta kosteffettiva lejn tnaqqis fit-tul fl-emissjonijiet nazzjonali ta' 80%, konsistenti mal-valutazzjoni mill-IPCC tat-tnaqqis meħtieġ min-naħa tal-pajjiżi żviluppati meħudin bħala grupp sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet bi 80%-95% meta mqabbel mal-livelli tal-1990 sal-2050. L-UE diġà rat il-quċċata tal-emissjonijiet tagħha. Skont il-bażi ta' dejta EDGAR, l-emissjonijiet tat-28 Stat Membru tal-UE laħqu l-quċċata tagħhom fl-1979, b'6.4 Gt f'ekwivalent tas-CO2. Suppożizzjonijiet Ewlenin Metrika Applikata || Potenzjal ta' Tisħin Dinji fuq skala ta' żmien ta' 100 sena, skont ir-Raba' Rapport ta' Valutazzjoni tal-IPCC. Metodoloġiji għall-Istima tal-Emissjonijiet || Linji Gwida tal-IPCC tal-2006. Approċċ lejn il-kontabbiltà għall-agrikoltura, il-forestrija u użi oħra tal-art || Approċċ komprensiv għal qafas ta' kontabbiltà abbażi tal-attività jew tal-art, għall-emissjonijiet u għat-tneħħija mill-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija, li jibni fuq: (i) regoli kif miftiehma skont 2/CMP.7, deċiżjonijiet applikabbli tal-Konferenza tal-Partijiet, u l-leġiżlazzjoni domestika tal-UE (id-Deċiżjoni 529/2013/UE); u (ii) il-livell attwali ta' integrità ambjentali. Kopertura Setturi / Kategorji tas-Sorsi || · Enerġija o Konsum ta’ fjuwil § Industriji tal-enerġija § Industriji ta' manifattura u kostruzzjoni § Trasport § Setturi oħra § Oħrajn o Emissjonijiet li jaħarbu mill-karburanti § Karburanti solidi § Żejt u gass naturali o Trasport u ħażna tas-CO2 · Proċessi industrijali u l-użu tal-prodotti o Industrija tal-minerali o Industrija kimika o Industrija tal-metalli o Prodotti mhux enerġetiċi mill-fjuwils u mill-użu ta' solventi o Industrija elettronika o Użu ta' prodotti bħala sostituti għall-ODS o Manifattura u użu ta' prodotti oħra o Oħrajn · Agrikoltura o Fermentazzjoni enterika o Ġestjoni tad-demel o Kultivazzjoni tar-ross o Ħamrija agrikola o Ħruq preskritt ta' savanni o Ħruq fl-għelieqi ta' fdalijiet agrikoli o Trattament tal-ġir o Applikazzjoni tal-urea o Fertilizzanti oħra li fihom il-karbonju o Oħrajn · Skart o Rimi tal-iskart solidu o Trattament bijoloġiku tal-iskart solidu o Inċinerazzjoni u ħruq fil-miftuħ tal-iskart o Trattament tal-ilma mormi u rimi o Oħrajn · Użu tal-art, tibdil fl-użu tal-art u forestrija, kif stipulat fid-Deċiżjoni 529/2013/UE o Afforestazzjoni, riforestazzjoni o Deforestazzjoni o Ġestjoni tal-foresti o Ġestjoni tar-raba' o Ġestjoni tal-imriegħi o Jew kontabbiltà ekwivalenti abbażi tal-art bl-użu tal-kategoriji ta' rappurtar tal-UNFCCC o Kategoriji / attivitajiet oħra magħżula mill-UE u l-Istati Membri tagħha bħala Partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto u l-Emenda ta' Doha. [1] Il-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent
(UNEP) - "The emissions gap report 2014. A UNEP synthesis report". [2] Dan huwa ekwivalenti għall-objettiv stabbilit tal-UE li
l-emissjonijiet globali jitnaqqsu bin-nofs sal-2050 meta mqabbla ma' tal-1990,
kif ġie mtenni mill-Kunsill Ambjent fil-konklużjonijiet tiegħu
tat-28 ta' Ottubru 2014. [3] COM(2011) 112 final: Pjan direzzjonali għal ekonomija
kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050 [traduzzjoni
mhux uffiċjali]. [4] L-Artikoli 5 u 6 tad-Deċiżjoni 1313/2013 tal-Parlament
Ewropew u tal-Kunsill dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili. Anness: Informazzjoni ta' sfond dwar
il-profili tal-emissjonijiet tal-UE u tal-ikbar emittenti globali L-UE - jonqsu l-emissjonijiet
tal-Gassijiet Serra filwaqt li tikber l-ekonomija Sors: EEA, DĠ
ECFIN (il-bażi ta' dejta Ameco), Eurostat