52015DC0074

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Valutazzjoni ex post tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura tal-2013 (Košice u Marseille-Provence) /* COM/2015/074 final */


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Valutazzjoni ex post tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura tal-2013 (Košice u Marseille-Provence)

1.           Introduzzjoni

Dan ir-rapport qed jiġi ppreżentat skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 2006 li tistabbilixxi azzjoni Komunitarja għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura mill-2007 sal-2019[1], li jirrikjedi li kull sena l-Kummissjoni tiżgura l-valutazzjoni esterna u indipendenti tar-riżultati tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura tas-sena ta' qabel u tirrapporta dwar dik il-valutazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

Dan ir-rapport jippreżenta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-konklużjonijiet ewlenin u r-rakkomandazzjonijiet tal-valutazzjoni esterna tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura 2013[2] u li tista’ tinkiseb permezz ta’ din il-ħolqa:

http://ec.europa.eu/programmes/creative-europe/actions/documents/ecoc-2013-full-report.pdf.

2.           Sfond għall-azzjoni

2.1.        L-azzjoni tal-UE għall-avveniment tal-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura (ECOC, European Capital of Culture)

L-iskema inizjali tal-“Belt Ewropea tal-Kultura” ġiet varata fil-livell intergovernattiv fl-1985[3]. Abbażi ta' din l-esperjenza, id-Deċiżjoni Nru 1419/1999/KE[4] stabbiliet azzjoni Komunitarja għall-avveniment tal-ECOC għas-snin 2005-2019.  L-Istati Membri kienu elenkati f'ordni kronoloġika ta' dritt biex jospitaw l-avveniment kull sena.

Id-Deċiżjoni 1419/1999/KE ġiet sostitwita bid-Deċiżjoni 1622/2006/KE li żammet il-prinċipju ta’ ordni kronoloġika tal-Istati Membri iżda rfinat aktar l-għanijiet tal-azzjoni u introduċiet arranġamenti ġodda għall-għażla u l-monitoraġġ.

2.2.        L-għażla u l-monitoraġġ tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura 2013

Skont id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE, Franza u s-Slovakkja kienu intitolati jospitaw l-ECOC fl-2013.

Il-bliet tal-ECOC 2013 huma l-ewwel bliet soġġetti bis-sħiħ għall-arranġamenti tal-għażla l-ġodda li introduċiet id-Deċiżjoni. Skont dawn l-arranġamenti, il-kompetizzjoni titmexxa mill-awtoritajiet relevanti tal-Istat Membru kkonċernat, normalment il-Ministru tal-Kultura. L-għażla ssir f'żewġ fażijiet: fażi ta' qabel l-għażla u l-għażla finali disa' xhur wara. Bord ta' tlettax-il membru - li sitta minnhom jinħatru mill-Istat Membru kkonċernat u s-seba' l-oħra mill-istituzzjonijiet Ewropej - eżamina l-offerti mill-bliet kandidati fuq il-bażi tal-kriterji stipulati fid-Deċiżjoni. Fis-Slovakkja daħlu disa' offerti li minnhom erbgħa tpoġġew fuq lista ristretta f'Diċembru 2007[5]. Il-bord imbagħad irrakkomanda li Košice tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura f'Settembru 2008. Fi Franza daħlu tmien applikazzjonijiet u erba' bliet tpoġġew fuq lista ristretta f'Jannar 2008. F'Settembru 2008, il-bord fl-aħħar irrakkomanda li Marseille-Provence tingħata t-titlu.

F'Mejju 2009, iż-żewġ bliet ġew maħtura formalment bħala l-Kapitali Ewropej tal-Kultura għall-2013 mill-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea.

L-arranġamenti ta' monitoraġġ ifissru li l-bliet magħżula ikollhom jattendu żewġ laqgħat formali ma' bord ta' monitoraġġ li jkun magħmul mis-seba' esperti maħtura mill-istituzzjonijiet tal-UE, sentejn u tmien xhur qabel is-sena tat-titlu, rispettivament. Il-proċess ta' monitoraġġ jispiċċa bir-rakkomandazzjoni tal-bord lill-Kummissjoni dwar l-għoti ta' EUR 1.5 miljun f'ġieħ Melina Mercouri lill-Kapitali Ewropej tal-Kultura, kemm-il darba l-bliet magħżula jissodisfaw il-kriterji stipulati fid-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE u jkunu implimentaw ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-bordijiet tal-għażla u tal-monitoraġġ. Iż-żewġ laqgħat ta' monitoraġġ ma' Košice u Marseille-Provence saru f'Diċembru 2010 u f'April 2012. Fir-rapport tiegħu tal-2012 il-bord ta' monitoraġġ irrakkomanda li l-Premju Melina Mercouri jingħata liż-żewġ bliet.

3.           VALUTAZZJONI ESTERNA

3.1.        It-termini tal-valutazzjoni

Il-valutazzjoni tesplora l-implimentazzjoni taż-żewġ ECOC 2013 tul il-perjodu kollu tagħhom u tqis l-impatt li kellu dan it-titlu fuq iż-żewġ bliet. Partikolarment, il-valutazzjoni tevalwa r-relevanza, l-effiċjenza, l-effettività u s-sostenibbiltà tagħhom, tislet konklużjonijiet minn dawn iż-żewġ ECOC u tqis l-implikazzjonijiet għall-azzjoni tal-ECOC kollha kemm hi.

3.2.        Metodoloġija

Din il-valutazzjoni u l-metodoloġija tagħha huma mfassla biex jissodisfaw ir-rekwiżit standard tal-bażi ġuridika. Għalkemm l-iskop ewlieni tagħha huwa li tivvaluta l-ECOC 2013 fil-konfront tal-objettivi u l-kriterji stipulati fid-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE (il-bażi ġuridika fis-seħħ meta l-bliet intagħżlu uffiċjalment), il-metodoloġija tqis ukoll il-kuntest politiku differenti għal din l-azzjoni tal-UE u l-bidliet lill-bażi ġuridika[6] kull fejn possibbli.

Sabiex ir-riżultati jkunu jistgħu jitqabblu mal-valutazzjonijiet li saru diġà, il-metodoloġija tieħu approċċ konsistenti fil-ġbir u l-analiżi tal-evidenza. Iż-żewġ bliet ġew ivvalutati individwalment, abbażi tad-dejta primarja miġbura fil-post jew inkella mogħtija minn kull ECOC, u wkoll bl-analiżi ta' firxa ta' għejun ta' dejta sekondarja.

Fost l-għejun tad-dejta sekondarja hemm l-intervisti li saru matul żewġ żjajjar lil kull belt jew bit-telefown, kif ukoll permezz ta' stħarriġ bl-internet. Dawn l-intervisti kellhom l-għan li jiksbu perspettivi differenti dwar kull ECOC, inkluż dawk tat-timijiet tal-maniġment, ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livelli lokali u nazzjonali, tal-operaturi kulturali ewlenin, kif ukoll dawk ta' firxa ta' sħab involuti fit-tħejjija tal-ECOC u ta' kampjun ta' organizzazzjonijiet li jew imexxu jew jieħdu sehem fil-proġetti ECOC.

L-għejun tad-dejta sekondarja jinkludu informazzjoni fl-applikazzjonijiet oriġinali tal-ECOC, l-istudji u r-rapporti prodotti jew ikkummissjonati mill-ECOC, il-programmi tal-avvenimenti, il-materjali promozzjonali u l-websajts, l-istatistika dwar il-kultura u t-turiżmu u d-dejta kwantitattiva mogħtija mill-ECOC dwar il-finanzi, l-attivitajiet u r-riżultati.

4.           Is-sejbiet tal-evalwatur

Il-valutazzjoni tikkonferma li ħafna mis-sejbiet tar-rapporti ta' qabel, speċjalment dawk marbuta mar-relevanza, l-effiċjenza u l-effettività ġenerali tal-azzjoni ECOC għadhom validi. Dawn is-sejbiet ġew aġġornati b'informazzjoni ġdida miġbura matul il-valutazzjoni tal-2013, kull fejn possibbli.

4.1.        Relevanza tal-azzjoni tal-ECOC

L-esperjenza tal-2013 ssaħħaħ dak li nstab mill-valutazzjonijiet ta' qabel, jiġifieri li l-ECOC għadha relevanti ħafna għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, partikolarment l-Artikolu 167, għaliex permezz tagħha l-kulturi tal-Istati Membri jiffjorixxu, il-wirt kulturali komuni u d-diversità kulturali jingħataw prominenza u l-kooperazzjoni kulturali bejn l-Istati Membri u lil hinn minnhom tiżdied.

4.2.        Ir-relevanza taż-żewġ ECOC 2013

Skont il-valutazzjoni, il-proċess tal-għażla li introduċiet id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE żgura li l-applikazzjonijiet taż-żewġ bliet li eventwalment ngħataw it-titlu ECOC kienu jinkludu objettivi u approċċi koerenti mal-bażi ġuridika. Il-valutazzjoni sabet li ż-żewġ ECOC implimentaw proġetti u attivitajiet kulturali konsistenti mal-essenza tal-applikazzjonijiet tagħhom u, għalhekk, kienu jikkonformaw mal-objettivi strateġiċi u operattivi tal-Azzjoni ECOC.

Qalet ukoll li l-kunċett tal-ECOC għadu relevanti għall-objettivi ta’ dawk li jfasslu l-politika u tal-partijiet interessati lokali. L-esperjenza tal-2013 turi li l-Azzjoni ECOC tat kontribut pożittiv biex tiġi żviluppata l-firxa u d-diversità tal-prodott kulturali tal-bliet; biex jissaħħaħ l-iżvilupp soċjali; biex jiġi promoss il-profil internazzjonali tal-bliet; u biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ekonomiku tagħhom (b’mod partikolari permezz ta’ appoġġ lit-turiżmu u lill-ekonomija kreattiva).

4.3.        L-effiċjenza tal-governanza u l-immaniġġjar u l-kapaċità li jinkisbu r-riżultati

L-evalwatur eżamina l-kapaċità tal-bliet li jagħtu r-riżultati mistennija minnhom u l-effiċjenza tat-tmexxija u l-immaniġġjar tal-ECOC, fosthom il-mudelli organizzattivi tagħhom, il-proċessi tal-għażla u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet u l-avvenimenti kulturali, il-komunikazzjonijiet u l-promozzjonijiet, u l-proċessi għall-ġbir tal-flus.

L-aġenzija responsabbli għal Košice 2013 (“Košice – Európske hlavné mesto kultúry 2013, n.o.”) kienet stabbilita relattivament kmieni fil-fażi tal-iżvilupp fl-għamla ta' assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ b’ċerta indipendenza mill-kunsill tal-belt. Din l-aġenzija kellha r-responsabbiltà ewlenija għall-programmazzjoni kulturali, filwaqt li l-belt kienet responsabbli waħidha għall-implimentazzjoni tal-proġetti ta’ infrastruttura.

Il-valutazzjoni tqis li l-appoġġ pożittiv mil-livelli kollha tal-gvern (nazzjonali, reġjonali u lokali), u mill-partiti politiċi kollha, kien fattur importanti għas-suċċess ta’ Košice 2013. Tirrimarka li r-raġuni wara dan l-appoġġ tista' tkun li dawn, abbażi tal-aħħar ECOC, ilkoll għarfu lil-programm seta' jġib miegħu viżibbiltà akbar u allura anke benefiċċji, u dan minħabba l-motivazzjoni li kien se jkun hemm bżonn,  (partikolarment fil-livell tal-belt), u anke minħabba kwistjonijiet ta’ kburija nazzjonali u ta' oħrajn marbuta mal-pożizzjoni tas-Slovakkja fl-Ewropa. Skont il-valutazzjoni, il-pajjiż kien qed jara s-suċċess tal-ECOC bħala prijorità politika nazzjonali fil-pajjiż, minkejja t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Dan inkoraġġixxa, pereżempju, lill-gvern nazzjonali biex jinvesti fondi nazzjonali sinifikanti u l-Fondi Strutturali tal-UE fl-ECOC u, minħabba f'hekk, il-gvern tal-belt kien sieħeb attiv biex il-proġetti ta’ infrastruttura jirnexxu f'perjodu ta' żmien qasir ħafna. Madankollu, għall-inqas parzjalment minħabba n-nuqqas ta’ kultura ta’ donazzjonijiet korporattivi u n-nuqqas ta' reġim fiskali ta’ appoġġ fis-Slovakkja, l-isforzi biex jiżdied l-isponsorjar privat ma rnexxewx għalkollox.

F’Marsilja, l-ECOC kienet implimentata permezz ta’ aġenzija indipendenti apposta, l-Assoċjazzjoni Marseille-Provence 2013. Billi Marseille-Provence 2013 kopriet wieħed mill-akbar territorji u wieħed mill-ogħla numru ta’ muniċipalitajiet li qatt kellha ECOC s’issa, l-istabbiliment ta’ arranġamenti effettivi ta’ governanza u ġestjoni dejjem kien se jkun ta’ sfida, speċjalment fi żmien ta’ limitazzjonijiet fil-baġits pubbliċi. Madankollu, skont il-valutazzjoni, minkejja l-għadd u d-diversità tal-imsieħba, fosthom l-awtoritajiet pubbliċi ta' xaqlibiet politiċi differenti, l-arranġamenti ta’ governanza kienu effettivi. Il-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha baqgħu involuti, il-finanzjament imwiegħed ingħata u l-indipendenza artistika fil-biċċa l-kbira ġiet irrispettata.

Barra minn hekk, Marseille-Provence 2013 kellha bżonn, u akkwistat, l-appoġġ ta' sponsors korporattivi ewlenin. Dan l-appoġġ inkiseb billi ġiet implimentata strateġija ċara u koerenti li fil-mira tagħha kellha daqsijiet u tipi differenti ta’ sponsors potenzjali, li kienu jvarjaw minn korporazzjonijiet multinazzjonali għal SMEs lokali. B'din l-istrateġija kien hemm fehim ċar tal-livell ta’ finanzjament li l-isponsors potenzjali seta' joffri u l-benefiċċji li kienu qed jistennew li jaraw. Minħabba f'hekk, inkisbu madwar EUR 16.5 miljun fi sponsorizzazzjoni korporattiva meta l-mira kienet biss ta’ EUR 14 miljun.

L-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni u komunikazzjoni ppreżentaw sfidi ta’ natura differenti għal kull belt, u dawn l-isfidi ġew ikkumplikati mill-fatt li l-baġits tal-bliet għall-kummerċjalizzazzjoni kienu limitati u mill-bżonn tagħhom li jużaw diversi korpi turistiċi u pubbliċi għall-komunikazzjoni.

Fil-livell Ewropew, l-azzjoni tal-ECOC għadha qed tkun kosteffettiva ħafna meta mqabbla ma’ strumenti u mekkaniżmi oħra tal-politika tal-UE u meta wieħed iqis li l-finanzjament tal-UE disponibbli mill-Premju Melina Mercouri huwa modest ħafna.

L-ECOC 2013 kienu l-ewwel bliet soġġetti formalment għall-proċess tal-għażla li ddaħħal bid-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE. Skont l-evalwatur, l-evidenza turi li l-proċess il-ġdid wassal biex jitressqu żewġ applikazzjonijiet ta’ kwalità għolja u biex jintagħżlu żewġ ECOC interessanti u innovattivi. Barra minn hekk, jidher li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tal-ġurija ta’ monitoraġġ affettwaw l-implimentazzjoni finali b’mod pożittiv. Għal Marseille-Provence dawn kienu jikkonċernaw id-dimensjoni Ewropea u l-iżvilupp tagħha fil-programm finali, filwaqt li Košice aċċetta r-rakkomandazzjonijiet dwar l-ippjanar tas-sostenibbiltà u dwar il-ħtieġa li jintlaħqu udjenzi ġodda.

4.4.        Ir-riżultati fejn jidħol l-iżvilupp ta' attivitajiet kulturali u l-kontenut kulturali u artistiku

Minkejja n-nuqqas ta’ dejta komprensiva dwar ir-riżultati u l-impatti, il-valutazzjoni tikkonkludi li l-ECOC 2013 ħolqot offerta kulturali aktar estensiva fiż-żewġ bliet matul is-sena tat-titlu.

Marseille-Provence implimentat firxa komprensiva ta’ attivitajiet u huwa stmat li ġibdet udjenza ta' iktar minn 11-il miljun, li possibbilment jagħmilha l-ECOC bl-aħjar attendenza s’issa. Minbarra volum ikbar ta’ attività mis-soltu, Marseille-Provence introduċiet b’suċċess ukoll ħafna approċċi ġodda għall-kultura. L-aktar wieħed importanti minnhom kien li ż-żona tax-xatt intużat b’mod ġdid, inkluż il-Vieux Port (fejn saru l-avvenimenti ewlenin fil-miftuħ) u ż-żona bejn il-Fort Saint-Jean u l-port attwali (fejn infetħu postijiet ġodda). Barra minn hekk, l-ECOC kienet l-ewwel darba li kien hemm kooperazzjoni fil-qasam tal-kultura f'din l-iskala fit-territorju sħiħ ta' Marseille-Provence. Din il-kooperazzjoni wittiet it-triq għal attivitajiet oħra fil-futur u wasslet biex jittieħdu lezzjonijiet importanti mill-esperjenza.

Ħafna mill-għanijiet ta' Košice kienu fit-tul u ta’ natura aspirazzjonali, u l-valutazzjoni dettaljata tal-effettività kienet aktar problematika minħabba n-nuqqas ta’ dejta disponibbli. Għalkemm kien jidher ċar li l-programm ta’ Košice kien iżgħar u mifrux fuq perjodu itwal ta’ żmien, madankollu kellu ambitu u kontenut innovattivi ħafna, b’forom ta’ arti sperimentali u rappreżentanza kbira tal-kreattività fis-sens wiesa’ tagħha. Il-programm ta' Košice ta kontribut lil ħafna mill-objettivi definiti fil-livell tal-UE għal ECOC, speċjalment fejn jidħol it-tisħiħ tal-kapaċità tas-setturi kulturali u kreattivi u l-konnettività tagħhom, kif ukoll l-aċċess u l-parteċipazzjoni fil-kultura minn kampjun wiesa’ ta’ residenti (fil-biċċa l-kbira bis-saħħa tal-investimenti fi SPOTS – programm li jinkludi r-riġenerazzjoni ta’ għadd ta’ stazzjonijiet ta’ skambjaturi tas-sħana li m’għadhomx jintużaw u avvenimenti kulturali fid-distretti ta' Kosice – u faċilitajiet kulturali oħra u l-għadd ta’ avvenimenti pubbliċi fuq skala kbira).

4.5.        Ir-riżultati fejn tidħol il-promozzjoni tad-dimensjoni Ewropea

Id-dimensjoni Ewropea ta’ Marseille-Provence 2013 enfasizzat b'mod partikolari li l-belt tagħti għall-kosta Mediterranja, skont it-tema ta’ “Naqsmu n-Nofsinhar”, li kienet l-assi tas-sena tat-titlu. F’dan ir-rigward, l-enfasi kienet fuq Marseille-Provence bħala post ta’ laqgħat u djalogu bejn il-kulturi Ewropej differenti u l-ġirien tagħhom tal-Mediterran. Il-valutazzjoni tinnota li xi 80 % tal-proġetti adottaw it-tema Ewro-Mediterranja f’xi forma jew oħra u li, minħabba f'hekk, id-dimensjoni Ewropea kienet parti integrali mill-programm ta' Marseille-Provence.

Skont il-fehma tal-assessur finali, il-programm finali ta' Košice poġġa inqas enfasi fuq id-dimensjoni Ewropea, li ġiet inkorporata f’għadd ta’ attivitajiet speċifiċi minflok ma ppermeat il-programm sħiħ. Fost l-aktar aspetti rilevanti kien hemm il-programm tal-Artisti Residenti ta' Košice u firxa ta’ attivitajiet ta’ netwerking u ta’ qsim ta’ prattiki tajba (b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-ekonomija kreattiva, l-iżvilupp tat-turiżmu u l-aspetti tal-iżvilupp komunità tal-programm SPOTs). Dan kien parti integrali mill-istrateġija usa' ta' Košice 2013 biex tgħolli l-profil tal-belt, tiddiversifika l-offerta kulturali tagħha u tistabbilixxi sħubijiet internazzjonali fit-tul bil-potenzjal li jappoġġjaw l-industriji kreattivi.

Kien hemm ukoll xi kollaborazzjoni bejn iż-żewġ bliet bit-titlu tal-ECOC, għalkemm din kienet żgħira u tirrifletti r-rabtiet limitati ħafna li jkun hemm normalment bejn dawn iż-żewġ postijiet.

4.6.        Ir-riżultati fejn jidħol l-involviment taċ-ċittadini u s-sensibilizzazzjoni

F’Košice, kien hemm enfasi fuq avvenimenti kulturali kbar ġodda (pereżempju, fl-ispazji pubbliċi) u infrastruttura li tippromwovu aktar użu tal-belt min-nies tal-lokal. Il-proġetti appoġġjati, l-aktar permezz tal-programm SPOTs, irnexxielhom jiddeċentralizzaw u jwessgħu l-aċċess għall-kultura barra miċ-ċentru tal-belt, filwaqt li jappoġġjaw l-iżvilupp tal-komunità, l-involviment taċ-ċittadini u l-interazzjonijiet ma’ gruppi ta’ minoranzi u gruppi marġinalizzati.

Il-valutazzjoni tqis li l-ECOC ta' Marseille-Provence kienet l-ewwel u qabel kollox avveniment kulturali li kien akkumpanjat minn żvilupp usa’ tal-infrastruttura kulturali tat-territorju, partikolarment f’Marsilja. Għalhekk, il-ħolqien ta’ impatt soċjali sostanzjali forsi ma kienx objettiv primarju, għalkemm kien hemm ċerti impatti soċjali. L-ECOC irnexxielha tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni usa’ fil-kultura permezz ta’ ħafna avvenimenti fil-beraħ fi spazji pubbliċi. Kien hemm ukoll avvenimenti speċifiċi għaż-żgħażagħ u proġetti bit-tir li jattiraw nies li normalment ma jattendux postijiet kulturali jew li jkunu residenti ta’ partijiet żvantaġġjati tat-territorju, pereżempju permezz tal-proġett Quartiers Créatifs (distretti kreattivi).

Skont il-valutazzjoni, l-esperjenza taż-żewġ ECOC turi li l-involviment effettiv ta’ udjenzi kulturali mhux tradizzjonali jew ta' komunitajiet żvantaġġati jeħtieġ ħidma preparatorja estensiva u/jew sħubija effettiva ma’ organizzazzjonijiet intermedjarji. Dawn l-organizzazzjonijiet spiss ikunu żgħar, bla esperjenza jew ta’ natura “dilettanta” u inqas ikun hemm ċans li japplikaw (b’suċċess) għall-finanzjament fi programmi ta’ dan id-daqs u sinifikat. L-esperjenza ta’ Marseille-Provence turi li jista’ jkun utli għall-aġenziji tat-twassil tal-ECOC li jikkunsidraw strumenti ta' finanzjament separati u ssimplifikati għal "operaturi aktar ġodda" fis-suq, operaturi kulturali iżgħar u gruppi bbażati fil-komunità, permezz ta' sejħiet ristretti jew immirati, ta' bini tal-kapaċità u ta' aktar appoġġ prattiku.

4.7.        Ir-riżultati fejn jidħlu l-impatti relatati mal-għanijiet ekonomiċi, turistiċi u tal-iżvilupp urban

Skont il-valutazzjoni, fejn jidħlu l-impatti ekonomiċi, iż-żewġ ECOC taw kontribut ċar lill-iżvilupp tal-ekonomija kreattiva u lill-offerta turistika fil-bliet rispettivi tagħhom. It-tnejn kellhom effett pożittiv fuq il-profili nazzjonali u internazzjonali tal-bliet u attiraw għadd sinifikanti ta’ viżitaturi addizzjonali. L-iljieli fil-lukandi u ż-żjarat turistiċi internazzjonali żdiedu b’9 u 17 % rispettivament fuq is-sena preċedenti f’Marsilja, filwaqt li l-iljieli fil-lukandi żdiedu b’10 % f’Košice, li kienet inkluża f'lista tal-aħjar għaxar destinazzjonijiet għall-2013 fi gwida turistika famuża. B’mod partikolari, Marseille-Provence ġibdet ħafna attenzjoni mill-midja u livelli għoljin ta’ sensibilizzazzjoni fost il-popolazzjoni ġenerali (97 % tar-residenti kienu semgħu bl-ECOC).  Hemm ukoll evidenza li turi li l-perċezzjonijiet negattivi ta’ Marsilja — fost ir-residenti tal-belt u fuq livell nazzjonali — ġew sfidati u, għall-ewwel darba, Marsilja qiegħda titqies bħala destinazzjoni kulturali.

F’Marseille-Provence, l-intenzjoni kienet dejjem li jiġi ġġenerat impatt fit-territorju subreġjonali aktar wiesa'. Filwaqt li dawn il-benefiċċji seħħew, inevitabbilment parti kbira tal-impatt kienet, u se tkun, ikkonċentrata fil-belt ta’ Marsilja stess, peress li l-maġġoranza tal-infrastruttura ġdida, l-iżviluppi u l-avvenimenti kulturali saru hemmhekk.

Košice 2013 kellha l-akbar impatt fuq il-belt innifisha, filwaqt li l-effetti reġjonali kienu aktar limitati u ffokaw prinċipalment fuq kooperazzjoni reġjonali mtejba. Fost l-oħrajn kien hemm it-titjib tal-faċilitajiet kulturali tal-belt amministrati fil-livell reġjonali, kif ukoll xi proġetti konġunti li jiffokaw prinċipalment fuq it-turiżmu u l-patrimonju kulturali.

4.8.        Sostenibbiltà

Skont id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE, il-programm tal-ECOC huwa maħsub li “ikun sostenibbli u jkun parti integrali mill-iżvilupp kulturali u soċjali tal-belt fuq medda twila ta’ żmien”. Il-valutazzjoni tinnota li hemm provi ta’ sostenibbiltà fiż-żewġ ECOC 2013 f’termini tal-faċilitajiet kulturali ġodda rinnovati, ta' kapaċità mtejba u ta' aktar għarfien espert fis-settur kulturali, kif ukoll ta' netwerking u kooperazzjoni aħjar fis-settur u r-rabtiet ma’ setturi oħra.

L-evidenza ta’ titjib fit-tul fid-dinamiżmu kulturali tal-bliet hija forsi l-aktar b’saħħitha fil-każ ta’ Košice, minħabba l-għadd ta’ proġetti li għadhom għaddejjin u l-istabbiliment ta’ skeda ġdida ta’ avvenimenti u festivals rikorrenti. Marseille-Provence 2013, madankollu, kellha impatt pożittiv fuq il-livell ta’ kollaborazzjoni u netwerking (internazzjonali) fost l-operaturi kulturali lokali.

Iż-żewġ bliet raw titjib sinifikanti tal-infrastruttura kulturali tagħhom, u dan huwa effett ewlieni li se jibqa' jinħass. Sa ċertu punt dan jidher l-aktar f’Košice, jekk wieħed iqis il-kuntest ta’ bosta snin fejn ftit li xejn kien hemm investiment.

Il-belt ta’ Marsilja kienet tgawdi minn investimenti kbar fl-infrastruttura kulturali tagħha qabel l-2013, u s-sena tat-titlu pprovdiet stimolu biex dawn jitlestew fil-ħin u opportunità għalihom biex jospitaw l-avvenimenti tal-ECOC u jibbenefikaw minn attivitajiet ta’ komunikazzjoni tal-ECOC. B’mod aktar partikolari, il-Mużew taċ-Ċiviltajiet mill-Ewropa u l-Mediterran (MuCEM) — li nfetaħ f’Ġunju 2013 – kif ukoll il-postijiet ġodda l-oħra, se jkomplu jattiraw il-viżitaturi u jżommu l-belt ħajja wara l-2013.

Għalkemm objettiv ewlieni ta’ Marseille-Provence 2013 kien li l-kollaborazzjoni fiż-żona kollha ta' Marseille-Provence tiġi approfondita, fin-nuqqas ta’ strutturi formali li jibqgħu jew ta' kompetenzi kulturali għal Marseille-Provence Métropole, fil-futur din x’aktarx li se ssir fuq bażi informali. Madankollu, huwa ċar li l-2013 swiet ħafna biex lill-partijiet kkonċernati lokali ttejbilhom l-għarfien dwar il-potenzjal li għandha l-kultura għall-iżvilupp usa’ tal-lokalitajiet tagħhom.

L-esperjenza tal-2013 turi li l-ippjanar tas-sostenibbiltà għandu jinvolvi firxa ta’ organizzazzjonijiet imsieħba, għandu jibda fi stadju aktar bikri u jkollu finanzjament xieraq, biex l-ECOC joħoloqu effetti fit-tul aktar sostenibbli.  Il-programm ta' Košice kien parti minn proċess fit-tul ta' żvilupp urban u, minħabba f'hekk, (appoġġjat mir-rakkomandazzjonijiet tal-Bord ta’ Monitoraġġ), l-ippjanar tas-sostenibbiltà f’Košice kien żviluppat sew sa tmiem l-2013. Dan inkluda l-istabbiliment ta’ tliet korpi patrimonjali (għall-politika kulturali, il-ġestjoni tal-infrastruttura kulturali u l-iżvilupp tat-turiżmu), l-adozzjoni ta’ strateġija ġdida ta’ żvilupp kulturali fit-tul u rieda mġedda min-naħa tal-aġenziji pubbliċi biex jappezzaw u jiffinanzjaw l-investimenti fil-kultura.

Il-partijiet interessati f’Košice kkummentaw ukoll li l-ECOC kellha impatt tajjeb fuq l-atmosfera fid-distretti tal-belt, u dan żied il-fiduċja tan-nies lokali u l-kapaċità ta’ organizzazzjonijiet lokali. L-ECOC kellha wkoll rwol fit-tiswir ta’ prattiki kulturali f’Košice, fil-promozzjoni tal-importanza tad-djalogu u s-sħubija, tal-ħidma mas-sħab, ta' mudelli ta’ finanzjament aktar “reżiljenti” (b’inqas dipendenza fuq il-finanzjament mill-Istat) u fiż-żieda tal-livell ta’ interazzjoni bejn l-operaturi kulturali, setturi oħra u ċ-ċittadini lokali.

5.           Rakkomandazzjonijiet prinċipali tal-valutazzjoni esterna u l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tqis li r-rapport ta’ valutazzjoni jagħti bażi raġonevolment solida li minnha wieħed jista’ jislet konklużjonijiet sodi dwar il-prestazzjoni tal-ECOC. Id-dejta oġġettiva tal-impatt tal-ECOC mhix disponibbli biex tappoġġja l-konklużjonijiet kollha, iżda d-dejta disponibbli hija sostnuta minn provi oħra, fosthom stħarriġ online u intervisti. Min-naħa l-oħra, il-biċċa l-kbira tal-evidenza kwalitattiva, f’forma ta’ stħarriġ onlajn u riżultati ta' intervista, hija limitata għal dawk involuti b’mod dirett fil-programm u li bbenefikaw minnu. Uħud mill-objettivi stabbiliti huma wkoll wiesgħa u mhux faċli biex jitkejlu u għadu kmieni wisq biex din il-valutazzjoni tkun tista' tivvaluta l-impatti aktar fit-tul. Minħabba f'hekk, il-biċċa l-kbira mill-evidenza tiffoka fuq ir-riżultati aktar milli l-impatti. Sabiex dawn l-impatti jiġu identifikati aħjar, ikun utli għaż-żewġ bliet li jkollhom valutazzjonijiet lonġitudinali, l-iktar biex jikkonfermaw l-effiċjenza tal-infiq pubbliku fl-ECOC mill-perspettiva soċjali u dik ekonomika, billi tintuża wkoll firxa usa’ ta’ dejta evalwattiva biex issostni l-konklużjonijiet.

Madankollu, il-Kummissjoni sabet bażi suffiċjenti fid-dejta u l-provi l-oħra li ssostni l-valutazzjoni u li tippermettilha li tasal għall-evalwazzjonijiet u l-konklużjonijiet ġenerali tal-valutazzjoni, li jitqiesu li jipprovdu stampa ġenerali vera u sħiħa taż-żewġ ECOC 2013, għalkemm ma hemmx dejta b’saħħitha u provi indipendenti oħra li jsostnu konklużjonijiet sodi ħafna dwar l-effiċjenza u l-impatti.

Mir-rapport ta’ valutazzjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li t-titlu tal-ECOC għadu ppreġjat ħafna minn dawk li jirċievu l-flus u jiġġenera programmi kulturali estensivi b’xi impatti pożittivi li, madankollu, ma jistgħux jiġu vvalutati kompletament.

Hija tikkonkludi wkoll li l-programmi implimentati miż-żewġ bliet li kellhom it-titlu fl-2013 kienu innovattivi u konsistenti mal-objettivi tal-azzjoni; li l-programmi rriflettew id-dimensjoni Ewropea tal-azzjoni tal-ECOC, involvew ħafna residenti, introduċew il-kultura lil udjenzi ġodda, qajmu l-interess taċ-ċittadini minn barra l-pajjiż u aktarx ikunu sostenibbli. Madankollu, biex jiġi kkonfermat l-impatt tal-programm se jkun hemm bżonn ta' valutazzjonijiet aktar profondi tal-benefiċċji li rriżultaw meta mqabbla mal-ispejjeż imġarrba.

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-evalwaturi huma bbażati fuq il-konsiderazzjonijiet tal-evalwaturi dwar l-ECOC 2013 iżda huma marbuta mal-implimentazzjoni tal-azzjoni tal-ECOC kollha kemm hi. Ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu l-promozzjoni ta’ għejun oħra ta’ finanzjament bħall-Fondi Strutturali tal-UE billi jiġu identifikati prattiki tajbin u billi jingħataw il-pariri rilevanti, id-djalogu politiku mal-Istati Membri biex jinċentivaw l-investiment tas-settur privat fil-qasam tal-arti u l-kultura, it-titjib fit-tixrid ta’ prattiki tajba mill-ECOC, b’mod partikolari fl-attivitajiet ta’ komunikazzjoni tal-Programm Ewropa Kreattiva u xi Forum Ewropew tal-Kultura li jista' jkun hemm fil-futur, l-istabbiliment ta' linji gwida u ta' indikaturi għall-valutazzjonijiet mill-bliet stess u l-pubblikazzjoni tar-rapporti ta’ valutazzjoni mill-bliet stess.

Tirrakkomanda wkoll li r-rakkomandazzjonijiet mill-bordijiet tal-għażla u tal-monitoraġġ ikunu relatati mal-kriterji fl-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE u li l-Istati Membri jiġu mħeġġa jindikaw il-finanzjament li se jagħtu lill-bliet kandidati potenzjali meta toħroġ is-sejħa għall-applikazzjonijiet.

Il-Kummissjoni taċċetta r-rakkomandazzjonijiet tal-valutazzjoni u, f’dan ir-rigward, tenfasizza b’mod partikolari li:

– Hija ppubblikat fuq il-websajt tagħha gwida riveduta għall-bliet li qed jippreparaw biex jagħmlu offerta[7], kif ukoll gwida dwar “How to strategically use the EU support programmes, including Structural Funds, to foster the potential of culture for local, regional and national development and the spill-over effects on the wider economy”[8], li t-tnejn li huma huma rilevanti ħafna għall-ECOC. Barra minn hekk, speċjalment fejn għandhom x’jaqsmu l-Fondi Strutturali, l-obbligu inkluż fid-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE biex l-ECOC tkun integrata iktar fl-iżvilupp fit-tul tal-bliet għandu jgħinhom jippjanaw is-sena tat-titlu tagħhom b’mod aktar strateġiku, u b’hekk jiffaċilitaw l-użu ta’ dawn il-fondi;

– Din ħarġet linji gwida għall-valutazzjonijiet mill-bliet infushom dwar is-sena tal-ECOC tagħhom[9], li fil-biċċa l-kbira huma bbażati fuq l-għarfien espert li ħareġ mill-evalwazzjonijiet esterni u indipendenti tal-ECOC li saru mill-2007 'l hawn u lill-bliet jipprovdulhomġabra ta’ indikaturi komuni kif ukoll linji gwida komuni fl-għamla ta’ lista ta’ mistoqsijiet li l-bliet għandhom jistaqsu lilhom infushom meta jiddeċiedu li jagħmlu offerta jew jippjanaw il-proċeduri ta’ valutazzjoni tagħhom. Il-linji gwida jħeġġu lill-bliet jagħmlu valutazzjonijiet lonġitudinali;

– Il-Kummissjoni se tkompli d-djalogu tagħha mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati dwar il-valur tal-investiment fl-arti u l-kultura bħala mezz biex jitħeġġeġ l-investiment fis-settur;

– Hija biħsiebha tuża l-okkażjoni tat-30 anniversarju tal-iskema tal-ECOC fl-2015 biex tkompli żżid il-viżibbiltà ta’ din l-azzjoni tal-UE, l-aktar bħala parti mill-Forum Ewropew tal-Kultura li jmiss fil-ħarifa tal-2015. Dan se jgħin biex jenfasizza u jxerred eżempji ta’ prattika tajba mill-ECOC, inkluż fejn jidħol l-użu tal-Fondi Strutturali tal-UE jew l-investiment mis-settur privat.

Il-Kummissjoni se tħejji wkoll pjan ta’ azzjoni intern dwar ir-rakkomandazzjonijiet fir-rapport ta’ valutazzjoni. Fl-2016 se jittieħdu miżuri ta' segwitu għal dan il-pjan ta’ azzjoni.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni biħsiebha tiżviluppa l-approċċ li jintuża fil-valutazzjoni tal-ECOC sabiex tiżgura aktar dejta ta' kwalità aħjar u biex jitkejlu aħjar l-effiċjenza u l-impatt ta’ din l-azzjoni tal-UE.

[1]               ĠU L 304, 3.11.2006, p. 1

[2]               Ex-post Evaluation of 2013 European Capitals of Culture, Final Report for the European Commission, li l-Kummissjoni, fl-2013, fdat lil ECORYS UK Ltd bil-kuntratt qafas ta' servizz Nru°EAC/50/2009 dwar il-valutazzjoni, is-servizzi marbuta mal-valutazzjoni u l-appoġġ għall-valutazzjoni tal-impatt.

[3]               Ir-Riżoluzzjoni tal-Ministri responsabbli għall-Affarijiet Kulturali li ltaqgħu filKunsill tat-13 ta’ Ġunju 1985 dwar l-avveniment annwali “Il-Belt Ewropea tal-Kultura” (85/C 153/02); http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:C:1985:153:0002:0003:EN:PDF

[4]               Id-Deċiżjoni 1419/1999/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal−25 ta’ Mejju 1999 li tistabbilixxi azzjoni tal-Komunità għall-avveniment tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura għas-snin 2005 sa 2019 (ĠU L 166, 1.7.1999, p.1. Din id-Deċiżjoni ġiet emendata bid-Deċiżjoni 649/2005/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 117, 4.5.2005, p. 20)

[5]               Ir-rapporti kollha għaż-żewġ kompetizzjonijiet tal-2013 jinsabu wkoll fis-sit li ġej:

http://ec.europa.eu/programmes/creative-europe/actions/capitals-culture_en.htm

[6]               Id-Deċiżjoni Nru 445/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tistabbilixxi azzjoni tal-Unjoni għall-Kapitali Ewropej tal-Kultura għas-snin 2020 sal-2033 u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 1622/2006/KE (ĠU L 132, 3.5.2014, p.1)

[7]               http://ec.europa.eu/programmes/creative-europe/actions/documents/ecoc-candidates-guide_en.pdf

[8]               http://ec.europa.eu/culture/policy/strategic-framework/documents/structural-funds-handbook_en.pdf

[9]               http://ec.europa.eu/programmes/creative-europe/actions/documents/ecoc/city-own-guide_en.pdf