RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar l-evalwazzjoni ex-post tal-Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni Ċivili u l-Istrument Finanzjarju tal-Protezzjoni Ċivili għall-perjodu 2007-2013 /* COM/2015/061 final */
RAPPORT
TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Dwar
l-evalwazzjoni ex-post tal-Mekkaniżmu Komunitarju tal-Protezzjoni
Ċivili u l-Istrument Finanzjarju tal-Protezzjoni Ċivili
għall-perjodu 2007-2013
1.
L-AMBITU U L-GĦAN TAR-RAPPORT
Il-Mekkaniżmu
Ewropew tal-Protezzjoni Ċivili (minn hawn ’il quddiem il-Mekkaniżmu)
kien stabbilit fl-2001[1]
biex jiffaċilita l-kooperazzjoni rinforzata fl-interventi ta’ assistenza
tal-protezzjoni ċivili. F’Jannar 2006, il-Kummissjoni pproponiet li
tirrevedi l-Mekkaniżmu fuq il-bażi tal-esperjenza tal-passat u
tipprovdi bażi legali adatta għal azzjonijiet futuri.
Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/779/KE, Euratom[2] (minn
hawn ’il quddiem id-Deċiżjoni tal-Mekkaniżmu), ġiet
imfassla biex tittratta ż-żieda fil-frekwenza u s-serjetà
tad-diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem. Barra minn hekk,
id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/162/KE, Euratom[3] (minn
hawn ’il quddiem id-Deċiżjoni tas-CPFI) ippermettiet il-finanzjament
ta’ attivitajiet immirati għall-prevenzjoni, it-tħejjija u
l-azzjonijiet ta' rispons aktar effettivi, b’mod partikolari dawk meħuda
permezz tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u mwettqa taħt
il-Mekkaniżmu. L-ammont totali għall-azzjonijiet u l-miżuri li
għandu jiġi ffinanzjat mid-Deċiżjoni tas-CPFI ġie
stabbilit għal EUR 189.8 miljun għall-perjodu
mill-1 ta’ Jannar 2007
sal-31 ta’ Diċembru 2013. Id-Deċiżjoni
tal-Mekkaniżmu u d-Deċiżjoni tas-CPFI ġew imħassra
hekk kif daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014
id-Deċiżjoni dwar il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni
Ċivili[4]
(minn hawn ’il quddiem id-Deċiżjoni tal-2013). L-Artikolu 15(2)(d)
tad-Deċiżjoni tas-CPFI jesiġi li l-Kummissjoni tressaq quddiem
il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rapport ta’ evalwazzjoni ex-post ta’
azzjonijiet tal-Mekkaniżmu fil-qasam tal-protezzjoni ċivili li
rċevew għajnuna finanzjarja fil-perjodu 2007-2013. Barra minn
hekk, l-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni tal-Mekkaniżmu jitlob li
l-Kummissjoni tevalwa l-applikazzjoni tagħha u tibgħat il-konklużjonijiet
lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kummissjoni diġà wettqet
evalwazzjoni interim tal-azzjonijiet tal-Mekkaniżmu li kopriet il-perjodu
2007-2009, li r-riżultati tagħha ntbagħtu lill-Parlament Ewropew
u l-Kunsill fi tmiem l-2011, abbażi ta’ Rapport mill-Kummissjoni[5],
akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni[6]
(flimkien minn hawn ’il quddiem ir-rapport ta’ evalwazzjoni Interim). Dan
ir-rapport jippreżenta s-sejbiet prinċipali tal-evalwazzjoni ex-post
ta’ kull azzjoni tal-Mekkaniżmu matul il-perjodu kollu
mill-1 ta’ Jannar 2007
sal-31 ta’ Diċembru 2013. Ġiet ikkummissjonata
konsulenza esterna biex tevalwa b’mod indipendenti l-azzjonijiet
tal-Mekkaniżmu, billi tibbaża ruħha fuq analiżi
tad-dokumenti estensiva u komprensiva, osservazzjoni tal-azzjonijiet, studji
tal-każijiet u konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet konċernati
(Stati Parteċipanti, is-sħab internazzjonali, is-servizzi
tal-Kummissjoni) permezz ta’ intervisti u stħarriġ onlajn. B’mod
ġenerali, it-tfassil tal-evalwazzjoni esterna kien tajjeb u uża
approċċ metodoloġiku tajjeb. L-evalwazzjoni iddependiet fuq
kwantità kbira ta’ dejta estrapolata minn sorsi affidabbli; Madankollu
l-użu ta’ dejta kwantitattiva seta' kien aktar estensiv. B’mod
ġenerali, il-kombinazzjoni ta’ evidenza pprovduta permezz ta’ għodod
metodoloġiċi differenti kienet bilanċjata. L-osservazzjonijiet
tal-partijiet ikkonċernati oħra għajr l-Istati
Parteċipanti, li huma kapaċi jqabblu l-Mekkaniżmu ma' sistemi
internazzjonali simili oħra (pereżempju s-sħab internazzjonali,
xi servizzi tal-Kummissjoni) huma rappreżentati sew, u dan iżid
il-kredibbiltà tas-sejbiet. F’xi każijiet speċifiċi,
l-evalwazzjoni primarjament ibbażat ruħha fuq ir-riżultati
tal-istħarriġ u l-intervisti, li rriżultat f’sentenzi li jidhru
xi ftit jew wisq soġġettivi. Madankollu u fil-limiti tad-dejta u
l-analiżi, is-sejbiet huma kredibbli u l-konklużjonijiet huma
konsegwenzi loġiċi, bbilanċjati tajjeb tas-sejbiet u marbuta
mal-fatti u d-dejta. L-evalwazzjoni esterna sħiħa, b’evidenza
kwalitattiva u kwantitattiva, tista’ tinkiseb fuq http://ec.europa.eu/echo/en/funding-evaluations/evaluations/thematic-evaluations. Dan
ir-rapport jippreżenta l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar
il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-evalwazzjoni
esterna. Il-Kapitoli li ġejjin jiddeskrivu fil-qosor ir-riżultati
prinċipali tal-evalwazzjoni vvalutati f’termini ta’ rilevanza, koerenza,
effettività, effiċjenza u valur miżjud tal-UE tal-azzjonijiet
tal-Mekkaniżmu matul il-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u
l-31 ta’ Diċembru 2013, segwiti mill-konklużjonijiet
tal-Kummissjoni.
2.
SFOND GĦALL-AZZJONIJIET
TAL-MEKKANIŻMU FIL-PERJODU 2007-2013
2.1.
Bidliet
istituzzjonali tal-UE Qabel
id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona fl-2009, l-azzjonijiet
u l-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni ċivili tal-UE, inklużi
d-Deċiżjonijiet tal-Mekkaniżmu u tas-CPFI, kienu bbażati
fuq id-dispożizzjoni li tkopri kollox tal-Artikolu 308 tat-Trattat
tal-KE, li tawtorizza lill-Kunsill jaġixxi (b’unanimità) fejn
meħtieġ biex jikseb għan tat-Trattat f’oqsma fejn it-Trattat
tal-KE ma pprovda l-ebda bażi legali oħra. Meta l-Artikolu 196
ġdid dwar il-protezzjoni ċivili ġie introdott fit-Trattat ta’
Lisbona, il-protezzjoni ċivili ġiet formalment rikonoxxuta bħala
politika separata. Sal-bidu
tal-2010, il-protezzjoni ċivili kienet taqa’ taħt ir-responsabbiltà
tal-Kummissarju responsabbli għall-Ambjent. Imbagħad ġiet
trasferita lejn id-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni
għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (minn issa 'l
quddiem DĠ ECHO) biex jiġu sfruttati aħjar is-sinerġiji u
tissaħħaħ il-koerenza tal-operazzjonijiet ta’ rispons tal-UE. 2.2.
Ħarsa
ġenerali lejn il-Mekkaniżmu Il-Mekkaniżmu
jappoġġja l-mobilizzazzjoni ta’ għajnuna ta’ emerġenza
fil-każ ta’ diżastri kbar - kull tip, naturali jew ikkaġunati
mill-bniedem - ġewwa u barra mill-UE. Fi tmiem l-2013, 32 pajjiż
ipparteċipaw fil-Mekkaniżmu: it-28 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea
kollha flimkien ma’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja,
l-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja (minn hawn ’il quddiem flimkien
l-Istati Parteċipanti). Ir-responsabbiltà
primarja biex jiġu trattati l-effetti immedjati ta’ diżastru hija
f’idejn l-Istat Parteċipanti jew il-pajjiż fejn iseħħ id-diżastru.
Madankollu, meta l-iskala tal-emerġenza telgħeb il-kapaċitajiet
nazzjonali ta’ rispons, il-pajjiż milqut minn diżastru jista' jitlob
u jibbenefika mill-mezzi u t-timijiet tal-protezzjoni ċivili tal-Istati
Parteċipanti. Billi jiġbor flimkien il-kapaċitajiet
tal-protezzjoni ċivili tal-Istati Parteċipanti, il-Mekkaniżmu
jista’ jiżgura protezzjoni aħjar, primarjament tan-nies, iżda
wkoll tal-ambjent u l-proprjetà, inkluż il-wirt kulturali. Għan
prinċipali ieħor tal-Mekkaniżmu kien li jappoġġa u
jikkumplimenta l-isforzi ta’ tħejjija tal-Istati Parteċipanti. Dan
jinkludi firxa wiesgħa ta’ attivitajiet ta’ tħejjija, bħal
korsijiet ta’ taħriġ, skambji ta’ esperti, eżerċizzji ta’
simulazzjoni u tipi differenti ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni. Fil-perjodu
2007-2013 kien hemm ukoll żieda f’attivitajiet ta’ prevenzjoni. 2.3.
L-azzjonijiet
prinċipali tal-Mekkaniżmu Fil-perjodu
2007-2013 il-Mekkaniżmu kien jikkonsisti f’għadd ta’ elementi,
deskritti hawn taħt, maħsuba biex jiffaċilitaw il-prevenzjoni u
t-tħejjija adegwati kif ukoll ir-rispons effettiv għad-diżastri
fil-livell tal-UE. Il-parti l-kbira ta’ dawn kienu ffinanzjati permezz
tad-Deċiżjon tas-CPFI. Xi wħud kienu ffinanzjati permezz ta’
fondi addizzjonali mogħtija mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill[7] jew
strumenti oħra tal-UE, bħal pereżempju l-Istrument Ewropew ta’
Viċinat u Sħubija. Iċ-Ċentru
ta’ Monitoraġġ u Informazzjoni (minn issa 'l quddiem MIC (Monitoring
and Information Centre)) kien il-mutur operattiv tal-Mekkaniżmu u
kellu tliet rwoli prinċipali: i) il-monitoraġġ (l-iskambju ta’
allerti u informazzjoni ta' twissija bikrija ta’ diżastri imminenti,
iffaċilitati mis-Sistemi ta’ Twissija Bikrija[8] (minn
hawn’ il quddiem EWS (Early Warning Systems)); ii) informazzjoni
pprovduta lill-pubbliku ġenerali u lill-Istati Parteċipanti permezz
tas-Sistema Komuni ta’ Emerġenza ta’ Komunikazzjoni u Informazzjoni (minn
hawn 'il quddiem CECIS (Common Emergency Communication and Information
System)); u iii) il-koordinazzjoni tal-assistenza pprovduta permezz
tal-Mekkaniżmu[9].
Mill-15 ta’ Mejju 2013, il-MIC ġie sostitwit
biċ-Ċentru għall-Koordinazzjoni tar-Rispons ta’ Emerġenza
(minn hawn ’il quddiem ERCC (Emergency Response Coordination Centre)),
li minn dak iż-żmien ilu jiżgura monitoraġġ u
reazzjoni immedjati 24/7 għal diżastri madwar id-dinja kollha. Matul
il-perjodu 2007-2013, il-MIC/ERCC mexxa 223 attivazzjoni tal-Mekkaniżmu,
li minnhom 132 darba barra l-Istati Parteċipanti f’total ta’ 69
pajjiż. Dan ikkoordina wkoll total ta’ 72 missjoni u skjera 246 espert u
64 uffiċjal ta’ kollegament MIC/ERCC matul dawn il-missjonijiet. Il-programm
ta' taħriġ, li jinkludi korsijiet ta' taħriġ, eżerċizzji
ta' simulazzjoni u sistema ta' skambju ta' esperti, kien maħsub
biex jistabbilixxi fehim komuni tal-kooperazzjoni fl-interventi ta' protezzjoni
ċivili u biex iħaffef ir-rispons għall-emerġenzi
maġġuri. Fil-perjodu 2007-2013, 4 657 espert attendew korsijiet
ta’ taħriġ, 882 espert minn 29 Stat Parteċipant ħadu sehem
fil-programm ta’ skambju ta’ esperti u ntgħażlu 31
eżerċizzju ta’ simulazzjoni mit-58 proposta li waslu wara
s-sejħiet għall-proposti tal-2007-2013. Timijiet
u Moduli ta' Sostenn u Assistenza Teknika (minn hawn 'il quddiem TAST (Modules
and Technical Assistance and Support Teams)) kienu unitajiet ta’ rispons
għall-emerġenza definiti minn qabel, speċifiċi u
interoperabbli li jistgħu jiġu skjerati malajr. Fi tmiem l-2013,
l-Istati Parteċipanti rreġistrwi 150 modulu u 10 TAST fis-CECIS.
Kienu ffinanzjati wkoll eżerċizzji speċifiċi tal-moduli,
immirati lejn il-moduli ta’ taħriġ li x’aktarx iseħħu
f’emerġenza reali. Proġetti
ta’ prevenzjoni u tħejjija kienu mmirati li jqajmu kuxjenza u
jwasslu għal kooperazzjoni aktar mill-qrib tal-Istati Parteċipanti
fil-qasam tal-protezzjoni ċivili. Fil-perjodu 2007-2013, il-prijoritajiet
għal proġetti ta’ prevenzjoni u tħejjija ġew definiti u
l-għanijiet tas-sejħa għall-proposti stabbiliti fuq bażi
annwali (ħlief fl-2007 meta ma kienx hemm sejħa għal
tħejjija iżda biss għal proġetti ta’ prevenzjoni). Total
ta’ 76 proġetti ta’ prevenzjoni u tħejjija ntgħażlu mit-371
proposta li waslet wara s-sejħiet għall-proposti tal-2007-2013. Ġie
żviluppat qafas ta’ politika ta’ prevenzjoni biex jikkumplimenta
l-politiki tal-UE fl-oqsma tar-rispons u t-tħejjija
għad-diżastri. Diversi attivitajiet ta’ prevenzjoni ġew mibdija
u implimentati biex jindirizzaw l-azzjonijiet stipulati fil-Komunikazzjoni
tal-Kummissjoni tal-2009 dwar approċċ Komunitarju dwar il-prevenzjoni
ta’ diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem. L-Istati
parteċipanti stegħu jitolbu appoġġ u kofinanzjament
għat-trasport tal-għajnuna tal-protezzjoni ċivili
għal pajjiż affettwat minn emerġenza. Il-Kummissjoni kienet
responsabbli għall-appoġġ tal-Istati Parteċipanti: i)
fil-qsim jew il-ġbir flimkien ta' assi ta' trasport li ġew
magħmula disponibbli fuq bażi volontarja; ii) fl-identifikazzjoni ta’
assi ta’ trasport disponibbli fuq is-suq kummerċjali jew minn sorsi
oħra (kuntrattur tat-trasport); u iii) fl-użu ta’ fondi mill-UE
(għotjiet jew kuntratturi tat-trasport) biex jitħallsu l-assi
tat-trasport meħtieġa. Ingħataw total ta’ 122 għotja
għat-trasport fil-perjodu 2007-2013, li rriżultaw f’kontribuzzjoni
netta totali tal-Kummissjoni ta’ madwar EUR 10.9 miljun. Is-sensar
tat-trasport intuża 12-il darba matul l-istess perjodu: disa’ darbiet
bħala soluzzjoni indipendenti u tliet darbiet flimkien ma’ għotja. Attivitajiet
relatati mat-tniġġis tal-baħar kienu wkoll parti
importanti tal-azzjonijiet globali tal-Mekkaniżmu. F’dan il-qasam
il-Kummissjoni kkooperat mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà
Marittima (minn hawn 'il quddiem l-EMSA (European Maritime Safety Agency)).
Matul il-perjodu 2007-2013, il-MIC/ERCC ġie attivat disa’ darbiet
għat-tniġġis tal-baħar, b’erba’ attivazzjonijiet li wasslu
għall-iskjerament ta’ total ta’ 13-il espert u tliet uffiċjali ta’
kollegament tal-MIC/ERCC; ħames proġetti ta’ tħejjija u tnejn
ta' prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar ġew kofinanzjati,
flimkien ma’ eżerċizzju ta’ simulazzjoni tat-tniġġis
tal-baħar wieħed. Programmi
ta' Proġetti Pilota u Azzjonijiet ta' Tħejjija
seħħu matul l-2008-2010 u kienu ffinanzjati permezz ta’ fondi
addizzjonali mogħtija mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. L-Azzjoni ta’
Tħejjija ġiet stabbilita sabiex jiġu ttestjati metodi ġodda
għat-titjib tal-kapaċità ta’ rispons tal-UE għad-diżastri:
għas-sejħa għall-proposti tal-2008 waslu 15-il proposta
għall-proġetti u ntgħażlu ħamsa, b’kofinanzjament
totali ta’ madwar EUR 3.1 miljun; is-sejħa għall-proposti
tal-2009 wasslet għal 15-il proposta, li minnhom seba’ proġetti
ġew approvati u rċevew madwar EUR 6 miljun; is-sejħa
għall-proposti tal-2010 rriżultat f'14-il proposta, li minnhom
ħames proġetti ġew approvati u rċevew finanzjament totali
ta’ madwar EUR 7 miljun. Il-Proġett Pilota — Ir-Riserva Tattika
tal-UE għal Kontra n-Nirien tal-Foresti (minn hawn ’il quddiem EUFFTR (EU
Forest Fire Tactical reserve)) kien jikkonsisti f’żewġ ajruplani
ta’ kontra n-nar — riżorsa supplimentari maħsuba biex
issaħħaħ il-kapaċità ġenerali tal-UE għat-tifi
tan-nar — u intervjenu f’sitta mit-total ta’ disa’ emerġenzi ta’ nirien
fil-foresti fl-2009. L-azzjonijiet
ma’ pajjiżi terzi ġew imfassla biex jiżguraw li
l-azzjonijiet bejn l-Istati Parteċipanti u l-pajjiżi terzi kienu
kkoordinati aħjar għall-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons
għal diżastri. B’mod partikolari dawn kienu jinkludu: i) azzjonijiet
mal-pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali, jiġifieri
l-Programm tal-Kooperazzjoni tal-Protezzjoni Ċivili tal-IPA I, li dam
għaddej minn Diċembru 2010 sa Novembru 2012 u kien jikkonsisti
f’taħriġ, skambju ta’ esperti, eżerċizzji u workshops; ii)
azzjonijiet mal-pajjiżi tal-Viċinat Ewropew, li fihom l-UE kkooperat
ma’ dawn il-pajjiżi permezz tal-Prevenzjoni, it-Tħejjija u r-Rispons
għal Diżastri Naturali u Kkaġunati mill-Bniedem (PPRD
tan-Nofsinhar u PPRD tal-Lvant); u iii) azzjonijiet ma’ pajjiżi terzi
oħra bħal dawk li magħhom ġie ffirmat ftehim ta’
kooperazzjoni, kif ukoll l-ASEAN u ċ-Ċina.
3.
IR-RILEVANZA TAL-AZZJONIJIET
TAL-MEKKANIŻMU FL-2007-2013
L-evalwazzjoni
esterna indipendenti indikat b’mod partikolari l-punti li ġejjin rigward
ir-rilevanza tal-azzjonijiet individwali mekkaniżmu:
Il-partijiet
ikkonċernati kollha kkonsultati fl-evalwazzjoni esterna qiesu li
l-MIC/ERCC u għodod assoċjati (CECIS u EWS) huma rilevanti, u
kienu sodisfatti bil-monitoraġġ, bl-immaniġġjar
tal-informazzjoni u bil-koordinazzjoni pprovduti. L-Istati
Parteċipanti kkunsidraw l-MIC/ERCC bħala kruċjali biex
jiġi żgurat: rispons ta’ emerġenza mgħaġġel,
effettiv u effiċjenti fil-każ ta’ diżastri; l-użu
effettiv tat-Timijiet tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE; u
l-komplementarjetà tal-interventi tal-UE f’diżastri b’rispons
tal-Istati Membri u internazzjonali. Wieħed min-nuqqasijiet ewlenin
tal-MIC — in-nuqqas ta’ kopertura 24/7 — enfasizzat ukoll fl-evalwazzjoni
interim, ġie indirizzat bit-tranżizzjoni mill-MIC
għall-ERCC.
Il-maġġoranza
tal-Istati Parteċipanti kkunsidraw il-korsijiet ta’
taħriġ bħala rilevanti għall-ħtiġijiet
tal-awtoritajiet tal-protezzjoni ċivili nazzjonali tagħhom.
Ir-rati ta’ okkupazzjoni tal-korsijiet ta’ taħriġ kienu
għoljin matul il-perjodu 2007-2013, b’medja ta’ 88.6 %
tal-ispazji disponibbli kollha meħuda. Madankollu, l-evalwazzjoni
esterna indikat ukoll li ma kien hemm l-ebda valutazzjoni dwar
l-aħjar numru ta’ esperti meħtieġa biex jiġu mħarrġa
biex ilaħħqu mal-volum ta’ skjeramenti fil-qafas
tal-Mekkaniżmu. Il-perċentwal ta’ esperti mħarrġa
użat fil-fatt kien stmat għal ftit iktar minn 10 %.
L-eżerċizzji
ta’ simulazzjoni koprew varjetà wiesgħa ta’ xenarji li kienu
rilevanti ħafna għall-Istati Parteċipanti.
Il-maġġoranza (kollha ħlief erbgħa) tal-Istati
Parteċipanti ħadu sehem fl-eżerċizzji — 18 bħala
l-organizzatur ewlieni — li wriet iktar biċ-ċar ir-rilevanza
tagħhom. Madankollu, matul il-perjodu 2007-2013, in-numru ta’ proposti
rċevuti u l-eżerċizzji ta’ simulazzjoni kofinanzjati varja
u bħala xejra naqas: L-2008 ra numru rekord ta’ 18-il proposta
ppreżentati, meta mqabbel mal-ħamsa fl-2013 (tmiem il-perjodu
ta’ evalwazzjoni); bl-istess mod tmien eżerċizzji ta’
simulazzjoni ġew kofinanzjati taħt is-sejħiet
għall-offerti tal-2007 u tal-2008, meta mqabbla ma’ tnejn fl-2013.
Ir-riżultati
tal-istħarriġ onlajn tal-parteċipanti fil-programm ta’ skambju
ta’ esperti urew li 99 % ta’ dawk li ħadu sehem
fl-istħarriġ kienu tal-fehma li l-kompetenzi u l-ħiliet
tagħhom tjiebu minħabba l-iskambju. Maġġoranza kbira
tal-parteċipanti u l-ospiti ddeskrivu l-amministrazzjoni
tal-programmi bħala ta’ għajnuna, ċara u kompetenti biex
tikkomunika dettalji relatati mal-organizzazzjoni tal-skambji. Xi
partijiet ikkonċernati qiesu l-volum tal-iskambji bħala limitat
wisq u huma tal-ħsieb li l-programm għandu jkollu
l-kapaċità li jiffinanzja skambji addizzjonali. Barra minn hekk, kien
hemm żbilanċ qawwi fil-parteċipazzjoni tal-Istati
Parteċipanti fil-programm.
Il-moduli
u t-TAST intużaw f’għadd ta’ diżastri ġewwa u barra
l-UE, bi 12-il modulu skjerati fl-2013 biss. Filwaqt li l-biċċa
l-kbira l-Istati Parteċipanti qablu li l-linji gwida relevanti u
l-Proċeduri Operattivi Standard għall-moduli kienu
żviluppati u implimentati matul il-perjodu 2007-2013, konsultazzjoni
ma’ partijiet ikkonċernati oħra u l-istudju tal-każ urew
ħtieġa għal aktar linji gwida u standards
għall-istabbiliment internazzjonali u unifikati, it-tħaddim u
l-proċeduri komuni tal-moduli. L-eżerċizzji tal-moduli
kienu meqjusa minn ħafna partijiet ikkonċernati bħala
essenzjali u rilevanti sabiex jidentifikaw u jindirizzaw lakuni
fit-tħaddim tal-moduli, b’hekk jiżdied il-livell ta’
kooperazzjoni ma’ moduli oħrajn u titjieb il-koordinazzjoni
tal-assistenza.
Il-proġetti
ta' prevenzjoni u tħejjija magħżula fis-sejħiet
għall-proposti tal-2007-2013 kienu konformi mal-għanijiet
speċifiċi ddefiniti fis-sejħiet għall-proposti u
tqiesu bħala rilevanti għall-għanijiet globali
tal-Mekkaniżmu. Il-proċess ta’ għażla kien meqjus
bħala xieraq, għalkemm ġie nnutat li t-tul ta’ żmien
tiegħu jista' jitnaqqas. Fl-aħħar nett, il-proċess ta’
monitoraġġ tal-proġetti kien meqjus trasparenti u
sempliċi.
L-Istati
Parteċipanti, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill kemm-il darba
sejħu għal azzjoni fuq il-prevenzjoni, għalhekk il-bosta
attivitajiet meħudin għall-iżvilupp ta’ qafas ta’ politika
ta’ prevenzjoni wieġbu b’mod ċar għall-bżonnijiet
tal-partijiet ikkonċenrati. Ir-rapport interim stipula li l-qafas
tal-politika ta’ prevenzjoni tal-UE għandu jkun jista’ jindirizza
l-aspetti varji tal-prevenzjoni f’oqsma differenti tal-politika tal-UE u
jiffaċilita kooperazzjoni ulterjuri fost l-Istati Parteċipanti.
L-evidenza miġbura ssuġġeriet li l-protezzjoni ċivili
sadanittant ġiet integrata mat-13-il politika oħra tal-UE u li
l-kooperazzjoni kienet mgħejjuna permezz ta’ numru ta’ laqgħat
tal-esperti li wasslu biex isir skambju ta’ prattiki tajbin.
Ir-rakkomandazzjonijiet għalhekk ġew segwiti. Madankollu,
il-prevenzjoni baqgħet prijorità kbira għall-partijiet
ikkonċernati, peress li l-iżvilupp ta’ qafas ta’ politika ta’
prevenzjoni kien reċenti u għalhekk kien jeħtieġ aktar
żmien biex jimmatura.
L-iżvilupp
ta’ qafas legali li jippermetti l-appoġġ tat-trasport
kien rilevanti ħafna, billi indirizza ħtieġa li kienet
ġiet identifikata qabel. Għalkemm l-adozzjoni saret bil-mod
fil-bidu tal-perjodu ta’ evalwazzjoni, l-użu akbar ta’ assistenza
tat-trasport matul il-perjodu ta’ evalwazzjoni wera li sa tmiem il-perjodu
ta’ evalwazzjoni kien sar azzjoni stabbilita sew. Wera wkoll li l-Kummissjoni
aċċettat ir-rakkomandazzjoni tal-evalwazzjoni interim biex
tagħmel il-proċeduri u r-rekwiżiti ta’ dokumentazzjoni
inqas ta' piż. L-evidenza ssuġġeriet li l-assistenza
tat-trasport ikkontribwixxiet b’mod pożittiv lejn id-deċiżjoni
li tiġi pprovduta l-assistenza tal-protezzjoni ċivili.
L-involviment
tal-Mekkaniżmu fit-tniġġis tal-baħar kienet
teħtieġ kooperazzjoni mill-qrib mal-EMSA. L-attivitajiet
tat-tniġġis tal-baħar instabu mill-evalwazzjoni esterna li
kkontribwixxew għal tliet objettivi ewlenin tal-Mekkaniżmu:
l-MIC/ERCC kkoordina r-risponsi tal-UE għat-tniġġis
tal-baħar disa’ darbiet bejn l-2007 u l-2013; l-MIC/l-ERCC
iffaċilita wkoll l-appoġġ lejn il-pajjiżi affettwati,
ħafna drabi f’kooperazzjoni mal-EMSA, li pprovdiet għarfien
espert u appoġġ loġistiku; dawn l-operazzjonijiet
ikkontribwixxew għall-protezzjoni tal-persuni u tal-ambjent.
Il-proġett
pilota u l-proġetti ta' azzjoni ta' tħejjija
kkontribwixxew għall-kapaċità ta’ rispons tal-UE
msaħħa, billi jirrispondu għal bżonnijiet kritiċi
li jinqalgħu f'dizastri kbar. Il-partijiet ikkonċernati
kkonsultati rrappurtaw li d-disponibbiltà u l-prontezza tal-inġenji
tal-ajru tal-Canadair li kienu parti mill-proġett pilota kien
verament ta’ valur fil-ġlieda kontra n-nirien forestali. Bl-istess
mod, l-azzjonijiet ta' tħejjija ppermettu li jiġu ttestjati
arranġamenti innovattivi u l-iżvilupp ta’ moduli ġodda li
sussegwentement ġew użati taħt il-Mekkaniżmu.
L-azzjonijiet
f’pajjiżi terzi kienu jikkorrispondu
għall-ħtiġijiet ta' kemm il-pajjiżi terzi
benefiċjarji kif ukoll l-Istati Parteċipanti.
Għall-pajjiżi terzi, l-azzjonijiet ikkontribwixxew biex itejbu
l-kapaċità tagħhom biex jirreaġixxu għad-diżastri
u għal fehim aħjar tal-Mekkaniżmu u l-kapaċitajiet tiegħu.
Għall-Istati Parteċipanti, il-bini tal-kapaċità f’pajjiżi
terzi, b’mod partikolari l-pajjiżi ġirien, seta' kkontribwixxa
biex tonqos il-ħtieġa għall-assistenza tal-Mekkaniżmu
fil-futur, billi jiġi evitat li ċerti tipi ta’ diżastri
jinxterdu (b'mod transfruntieri), jew billi tiżdied il-veloċità
tar-rispons f’każijiet ta’ diżastri.
B’mod
ġenerali, b’kont meħud tal-esperjenza operattiva kollettivi
tagħha mal-Mekkaniżmu u l-evoluzzjoni pożittiva tiegħu,
il-Kummissjoni taqbel mar-riżultati tal-evalwazzjoni indipendenti li kull
azzjoni tal-Mekkaniżmu kienet element rilevanti għal politika
ġenerali li tikkontribwixxi għat-titjib tas-sistemi nazzjonali
għall-protezzjoni ċivili tal-ġestjoni tad-diżastri
fl-Ewropa u lil hinn. Dawn il-konklużjonijiet huma appoġġati
aktar minn dejta kwantitattiva[10]
li tikkonferma, pereżempju, iż-żieda fin-numru ta’
attivazzjonijiet tal-Mekkaniżmu, talbiet ta’ kofinanzjament tat-trasport,
skjeramenti tal-moduli u livelli għoljin ta’ parteċipazzjoni
fl-eżerċizzji, sessjonijiet ta’ taħriġ u skambji ta’
esperti.
4.
IL-KOERENZA TAL-AZZJONIJIET TAL-MEKKANIŻMU
FL-2007-2013
L-evalwazzjoni
esterna indipendenti indikat b’mod partikolari l-punti li ġejjin:
94 %
tal-Istati Parteċipanti li rrispondew fl-istħarriġ onlajn
qiesu li l-MIC/ERCC tejjeb il-koordinazzjoni bejn l-UE u l-Istati
Membri fir-rigward tal-assistenza għall-protezzjoni ċivili waqt
l-interventi. Dan huwa sinjal ċar li l-Kummissjoni segwiet
ir-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni interim li jkun mixtieq titjib
fil-koordinazzjoni bejn l-MIC/ERCC u l-Istati Parteċipanti u
s-sħab internazzjonali. Fil-livell tal-UE, l-MIC/ERCC kien involut
fil-koordinazzjoni ta’ kull tip ta’ rispons għal diżastru u
żgurat koerenza sħiħa bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u
istituzzjonijiet oħra tal-UE f’każ ta’ diżastri (pereżempju
l-kooperazzjoni mad-DĠ SANCO f’Ħaiti, DĠ ENER
fil-Ġappun, is-SEAE fil-Pakistan, u l-EMSA fl-Istati Uniti
tal-Amerika). Is-sħab internazzjonali kollha intervistati qiesu
l-MIC/ERCC bħala sieħea affidabbli u li jista' jipprovdi
informazzjoni u jagħti appoġġ. L-MIC/ERCC kkollabora
estensivament ma’ servizzi oħra tal-Kummissjoni u mas-sħab
internazzjonali: aktar minn 60 darba matul il-perjodu 2007-2013.
Ir-rabtiet
bejn il-korsijiet ta’ taħriġ kienu ddisinjati biex ikunu
koerenti, billi l-korsijiet koprew suġġetti ta' introduzzjoni,
operazzjonali u maniġerjali u kienu interkonnessi ma’ xulxin. Ftit
kummenti minuri kkonċernaw oqsma speċifiċi (pereżempju
l-ġestjoni tal-midja) li jistgħu jiġu introdotti b’mod
koerenti tul il-korsijiet differenti.
L-eżerċizzji
ta’ simulazzjoni kienu koerenti mal-azzjonijiet l-oħra
tal-Mekkaniżmu, b’mod partikolari l-korsijiet ta’ taħriġ u
l-eżerċizzji tal-moduli, fejn il-konċentrazzjoni u l-modus
operandi kienu differenti u ġġeneraw riżultati
kumplimentari. Skont ix-xenarju tal-eżerċizzju, għadd ta’
eżerċizzji ta’ simulazzjoni ppermettew ukoll l-integrazzjoni ta’
ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li saħħet aktar
il-koerenza esterna tal-Mekkaniżmu. Madankollu, intqal diġà
fl-evalwazzjoni interim li l-koerenza tal-eżerċizzji ta’ simulazzjoni
tista’ tittejjeb jekk tiġi stabbilita strateġija globali jew
qafas għall-programm ta’ eżerċizzji ta’ simulazzjoni. Din
ir-rakkomandazzjoni hija attwalment implimentata bħala riżultat
ta’ rekwiżiti introdotti fid-Deċiżjoni tal-2013.
Il-programm
tal-iskambju ta’ esperti kien kultant meqjus mill-Istati Parteċipanti
bħala alternattiva għall-korsijiet ta’ taħriġ minflok
azzjoni li tikkumplimenta u forum ta’ skambju tal-għarfien u ta’
prattiki tajbin. Il-programm kien madankollu meqjus bħala li
joħloq opportunitajiet għal aktar tagħlim dwar ir-rwol
tal-Mekkaniżmu u li jipprovdi opportunitajiet ta’ netwerking li
jistgħu jirriżultaw bħala essenzjali f’każ ta’
diżastru.
Il-moduli
interoperabbli u definiti minn qabel irrappreżentaw kapaċitajiet
addizzjonali li jistgħu jiġu skjerati rapidament u b’hekk kienu
importanti għall-kisba tal-għan tal-Mekkaniżmu biex
jiffaċilitaw il-kooperazzjoni fil-qasam tal-protezzjoni ċivili.
L-eżerċizzji tal-modulu kienu koerenti sa fejn ipprovdew
taħriġ essenzjali u ttestjar ta’ kapaċitajiet u
proċeduri b’xenarji ta’ emerġenza realistiċi ħafna.
Il-Proġetti
ta’ prevenzjoni u tħejjija magħżula kienu konformi
mal-prijoritajiet stabbiliti kull sena fis-sejħa għall-proposti.
Azzjonijiet implimentati mill-proġetti magħżula kienu wkoll
koerenti ma’ dawk iffinanzjati permezz ta’ strumenti oħra tal-UE.
Madankollu, ġie ssuġġerit li l-prijoritajiet għal
proġetti ta’ prevenzjoni u tħejjija definiti fis-sejħa
għal proposti kienu pjuttost wiesgħa: id-definizzjoni aktar
preċiża tal-prijoritajiet tista' tikkontribwixxi b’mod aktar
effettiv għall-Mekkaniżmu u biex jiġi evitat kwalunkwe
riskju potenzjali ta’ duplikazzjoni tal-isforzi ma’ strumenti ta’
finanzjament relatati tal-UE.
Il-qafas
ta’ politika ta’ prevenzjoni kompla jiġi integrat f’politiki
oħra tal-UE u kien ukoll koerenti mal-politiki u aġendi ta’
ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri internazzjonali. Minbarra
l-isforzi eżistenti, ġie ssuġġerit li jistgħu
jiġu previsti azzjonijiet ulterjuri biex jintegraw aktar
l-attivitajiet ta’ prevenzjoni fil-politiki nazzjonali tal-protezzjoni
ċivili, u jgħaqqdu l-prevenzjoni mat-tħejjija u r-rispons.
Il-komponenti
differenti fil-proċess ta’ assistenza tat-trasport
(jiġifieri l-fażi tal-ġbir flimkien; l-identifikazzjoni ta’
għażliet ta’ trasport fis-suq kummerċjali; u
l-kofinanzjament) direttament ikkontribwixxa għall-għanijiet
ewlenin tal-Mekkaniżmu, li kellhom jikkoordinaw il-forniment ta’
assistenza u l-iskjerament ta’ din l-assistenza meta tkun
meħtieġa.
Fir-rigward
tat-tniġġis tal-baħar, serje ta’ għanijiet
komuni ġew stabbiliti għall-kooperazzjoni bejn l-EMSA u
l-Kummissjoni (DĠ ECHO) u ġew stabbiliti mekkaniżmi
differenti biex jiżguraw diviżjoni ċara tal-kompiti u
koordinazzjoni tajba. Il-Kummissjoni kkooperat attivament ukoll ma’ erba’
ftehimiet reġjonali żviluppati fil-baċiri tal-baħar
tal-UE, kollaborazzjoni li kienet ivvalutata bħala
b’saħħitha ħafna u organizzata tajjeb mill-evalwazzjoni
esterna. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħadet sehem f’Laqgħa
Inter-Secretarjali bejn il-ftehimiet reġjonali, il-Kummissjoni u
l-EMSA. Dawn is-sejbiet jikkonfermaw ukoll li l-Kummissjoni kienet ta’
suċċess u ħadet passi xierqa biex timplimenta
r-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-evalwazzjoni interim,
jiġifieri li titjib fil-koordinazzjoni mal-EMSA kien
meħtieġ.
Wieħed
mill-għanijiet ewlenin tal-proġetti ta’ azzjonijiet ta’
tħejjija kien li t-tagħmir u r-riżorsi oħra jsiru
magħmula disponibbli biex jiġu mmobilizzati biex jirrispondu
għad-diżastri, li kien il-każ f’numru ta’ sitwazzjonijiet
(pereżempju t-terremot fil-Ħaiti). Għall-proġett
pilota, ikkontribwixxiet għat-tisħiħ tal-kapaċità
globali tal-UE għat-tifi tan-nar. Ir-riżultati miksuba permezz
tal-proġett pilota u l-azzjonijiet ta' tħejjija ġew
għalhekk ikkunsidrati mill-evalwazzjoni esterna bħala konformi
mal-objettivi tagħhom, jiġifieri li jimlew lakuni eżistenti
b’mod koerenti.
Ir-riċerka
sekondarja u l-intervisti mal-partijiet ikkonċernati li saru
fil-qafas tal-evalwazzjoni esterna ta’ azzjonijiet ma’ pajjiżi
terzi kkonkludew li l-implimentazzjoni b’suċċess ta’
attivitajiet taħt il-programmi tal-IPA, il-PPRD tan-Nofsinhar u
tal-Lvant ikkontribwixxiet għal aktar kooperazzjoni bejn
il-pajjiżi kandidati u l-pajjiżi kandidati potenzjali kif ukoll
il-pajjiżi ġirien u l-UE, u b’hekk trawmet kollaborazzjoni aktar
koerenti fl-azzjonijiet ta' prevenzjoni, tħejjija u rispons.
L-esperjenza
tal-Kummissjoni mal-operazzjonijiet tal-Mekkaniżmu u
l-konklużjonijiet tas-sessjonijiet ta' feedback u informazzjoni
mal-partijiet relevanti kollha wara
l-operazzjonijiet/eżerċizzji/taħriġ, jappoġġaw ir-riżultati
tal-evalwazzjoni esterna, li sabet li l-azzjonijiet tal-Mekkaniżmu kienu
kumplementari għal xulxin u għal azzjonijiet oħra fil-livell
nazzjonali, tal-UE u dak internazzjonali. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li
hemm aktar lok għal ftehim aktar komprensiv fit-tfassil ta’ kull azzjoni
tal-Mekkaniżmu u għat-tisħiħ tal-opportunitajiet
għat-tagħlim bejn l-azzjonijiet u se timmira li tindirizza dan billi
tistabbilixxi qafas strateġiku ġenerali għat-taħriġ,
l-eżerċizzji u t-tagħlimiet meħuda. Ir-riżultati
tal-kordinazzjoni interna tal-Kummissjoni, li tinsab għaddejja bejn
servizzi differenti, kif ukoll il-kuntatti mal-partijiet ikkonċernati
esterni rilevanti, jappoġġaw il-konklużjoni tal-evalwazzjoni
esterna li l-implimentazzjoni ġenerali tal-Mekkaniżmu kienet
konsistenti ma’ azzjonijiet u programmi relatati tal-UE u internazzjonali.
5.
L-EFFETTIVITÀ TAL-AZZJONIJIET
TAL-MEKKANIŻMU FL-2007-2013
L-evalwazzjoni
esterna indipendenti indikat b’mod partikolari l-punti li ġejjin:
L-MIC/ERCC
tqies bħala pjattaforma effettiva bil-karatteristiċi xierqa u r-riżorsi
adegwati biex jilħaq l-għanijiet tiegħu u biex iwettaq
il-funzjonijiet tiegħu. L-Istati Parteċipanti kollha li
wieġbu fl-istħarriġ onlajn qiesu li l-MIC/ERCC irnexxielu
jiżgura l-komunikazzjoni bejn il-livell tal-UE u l-Istati
Parteċipanti u kważi kollha kienu tal-fehma li l-MIC/ERCC kien
aċċessibbli u kapaċi jirreaġixxi immedjatament 24/7.
Diversi partijiet ikkonċernati qalu li ż-żmien
meħtieġ mill-MIC/ERCC biex jikkoordina u jorganizza l-assistenza
tal-UE naqas matul is-snin. Kien hemm xi kritika minn grupp
iżgħar ta’ Stati Parteċipanti u partijiet ikkonċernati
oħra rigward: i) l-għażla ta’ esperti nazzjonali li
għandhom jintużaw fl-emerġenzi (il-fehma kienet li
l-MIC/l-ERCC għandu jkollu rwol ikbar fl-għażla tal-esperti
sabiex ikun hemm allinjament aħjar tal-kompetenzi
mal-ħtieġijiet fil-post); u ii) in-nuqqas ta’ esperjenza
fil-qasam tal-persunal tal-MIC/ERCC.
Il-korsijiet
ta’ taħriġ laħqu l-objettivi tagħhom li jtejbu
l-ħiliet individwali u l-kompetenzi tal-esperti u li jistabbilixxu
fehim komuni għall-kooperazzjoni f’interventi ta’ protezzjoni
ċivili. L-evalwazzjoni tissuġġerixxi li r-rabta bejn
il-ħiliet meħtieġa fuq il-post u t-tagħlimiet
meħuda mill-iskjeramenti u l-korsijiet ta’ taħriġ tista'
tissaħħaħ u li dan il-proċess jista’ jsir aktar sistematiku.
L-eżerċizzji
ta’ simulazzjoni laħqu ferm sew l-objettivi tagħhom, b’mod
partikolari l-promozzjoni ta' koordinazzjoni aħjar u rispons aktar
veloċi, u kkontribwixxew għall-Mekkaniżmu globali.
Għadd ta’ għanijiet usa’ inkisbu wkoll mill-eżerċizzji
ta’ simulazzjoni, bħall-esplorazzjoni tal-possibbiltajiet ta’
kollaborazzjoni bejn l-UNDAC u t-Timijiet għall-Protezzjoni
Ċivili tal-UE u l-iżvilupp ulterjuri tas-sistema ta’
kollaborazzjoni operattiva u strateġika bejn l-għajnuna
umanitarja u l-protezzjoni ċivili fuq livell nazzjonali u tal-UE.
Il-programm
ta' skambju ta’ esperti ġie kkunsidrat effettiv sa fejn dan
laħaq l-għanijiet tal-parteċipanti. Bosta esperti
rrapportaw li huma żviluppaw ħiliet speċjalizzati
direttament applikabbli. Madankollu, l-istennija tagħhom li jiġu
skjerati f’Timijiet tal-Protezzjoni Ċivili tal-UE wara l-iskambju ma
ġietx sodisfatta għal ħafna minnhom. Filwaqt li l-programm
kien ġeneralment apprezzat ħafna mill-parteċipanti u l-organizzazzjonijiet
ospitanti, il-proċess ta' rispons jista’ jitjieb peress li huwa
vitali biex ikejjel l-effettività tiegħu.
L-evalwazzjoni
interim irrakkomandat li l-kunċett tal-moduli għandu
jiġi żviluppat iktar, inkluż permezz ta’
eżerċizzji speċjalizzati u l-iżvilupp ta’
proċeduri operattivi standard. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew
implimentati bis-sħiħ. L-għadd ta’ moduli u TAST
irreġistrati fil-bażi tad-dejta tas-CECIS żdied matul
il-perjodu 2007-2013, b’hekk laħaq total ta’ 150 modulu fi tmiem
l-2013. 16-il tip differenti ta’ modulu kienu rreġistrati, minn 17-il
wieħed definit. Sabiex tiżdied l-effettività tal-moduli
rreġistrati, il-partijiet ikkonċernati ssuġġerew li
jiġu żviluppati aktar ir-rekwiżiti minimi u l-linji gwida
għall-moduli. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Parteċipanti
mistħarrġa kkunsidraw li l-eżerċizzji tal-modulu
laħqu l-objettivi tagħhom sa fejn ħeġġu
l-persunal tal-protezzjoni ċivili sabiex iqisu l-lezzjonijiet li
tgħallmu u jintroduċu titjib għall-operazzjoni tal-moduli.
Madankollu, ġie ssuġġerit li aktar opportunitajiet
frekwenti biex jiġu eżerċitati l-moduli, anke fuq skala
iżgħar u b’eżerċizzji inqas kumplessi, jikkontribwixxi
għas-sostenibbiltà tagħhom f’termini ta’ ħiliet miksuba.
Ir-riżultati
tal-proġetti ta’ prevenzjoni u tħejjija laħqu
l-objettivi ffissati fil-programmi ta’ ħidma annwali u rriżultaw
f’azzjonijiet konkreti, bħall-appoġġ
għall-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ prevenzjoni
tad-diżastri u t-tqajjim ta' kuxjenza dwar kwistjonijiet
speċifiċi. Madankollu, l-impatt u s-sostenibbiltà ta’
proġetti ta’ prevenzjoni u tħejjija baqa’ limitat wisq: b’mod
partikolari, l-implimentazzjoni tar-riżultati fil-livell nazzjonali
kienet daqsxejn nieqsa, ir-riżultati ma kinux promossi
sistematikament u magħmula viżibbli, u t-trasferiment lejn Stati
Parteċipanti oħra waqa' lura meta mqabbel mal-aspettattivi.
Id-diversi
attivitajiet ta’ prevenzjoni żviluppati u implimentati
kkontribwixxew biex jintlaħqu l-għanijiet stipulati
fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-2009 u l-Konklużjonijiet
tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni. B’mod partikolari l-attivitajiet
ikkontribwixxew għal politiki għall-prevenzjoni
tad-diżastri aktar ibbażati fuq l-għarfien,
għall-konnessjoni bejn l-atturi u l-politiki ta’ prevenzjoni
mal-atturi rilevanti tat-tħejjija u r-rispons, u għall-integrazzjoni
tal-kunsiderazzjonijiet ta' prevenzjoni tad-diżastri fl-istrumenti
finanzjarji u leġislattivi eżistenti tal-UE.
77 %
tal-Istati Parteċipanti li ħadu sehem fl-istħarriġ
iqisu li l-għoti ta’ appoġġ tat-trasport permezz ta’
għotjiet ikkontribwixxa b’mod effettiv għat-titjib tar-rispons
għall-emerġenzi. Għadd ta’ partijiet ikkonċernati
sostnew li s-sensar tat-trasport ġie adattat għal
sitwazzjonijiet li jeħtieġu livelli għolja ta’ flessibbiltà
u li hemm potenzjal għal titjib kunsiderevoli fl-użu
tiegħu. Fl-aħħar nett, l-esperjenza minn ċerti
diżastri ssuġġeriet li l-kofinanzjament tal-UE limitat
għal 50 % naqqas b’mod sinifikanti l-effettività tal-istrument.
Dan jidwi waħda mir-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni interim, li
kienet li tinvestiga l-potenzjal għal livelli differenti ta’
kofinanzjament. Minn dak iż-żmien ’l hawn, il-Kummissjoni
għamlet progress f’dak ir-rigward, bl-introduzzjoni ta’ rati
ġodda, ogħla ta’ kofinanzjament fid-Deċiżjoni
tal-2013.
L-effettività
ta’ azzjonijiet tat-tniġġis tal-baħar tiddependi
direttament fuq il-kooperazzjoni tajba tal-EMSA. Fl-operazzjonijiet kollha
li jinvolvu l-EMSA din il-kooperazzjoni kienet ikkunsidrata bħala
effettiva. Bl-istess mod, il-prevenzjoni tat-tniġġis
tal-baħar u proġetti ta’ tħejjija tqiesu bħala
effikaċi ħafna, u kisbet riżultati li b’xi mod ieħor
ma kinux ikunu possibbli mingħajr l-appoġġ finanzjarju
tal-Kummissjoni (DĠ ECHO). L-evalwazzjoni tal-eżerċizzju
ta’ simulazzjoni dwar it-tniġġis tal-baħar kienet
inkonklużiva, kif il-Kummissjoni u l-EMSA kellhom perspettivi
differenti dwar l-effettività tagħha.
Ħafna
Stati Parteċipanti li ħadu sehem fl-istħarriġ iqisu li
l-proġett pilota u l-azzjonijiet ta’ tħejjija taw
kontribuzzjoni għal rispons għad-diżastri iktar effettiv
billi kkumplimentaw il-kapaċitajiet eżistenti minflok ma dduplikaw
l-isforzi u r-riżultati preċedenti. Pereżempju, meta
mqabbla mas-soluzzjonijiet individwali tal-Istati Parteċipanti,
il-proġett pilota offra għajnuna kruċjali fl-avvenimenti
rari iżda serji f'għadd ta’ nirien kbar fil-foresti li
seħħu fl-istess ħin. L-effettività ta’ proġetti ta'
azzjoni ta’ tħejjija kienet limitata sal-punt li t-tixrid
tar-riżultati seta' kien usa’.
B’mod
ġenerali, l-evidenza miġbura indikat li l-għanijiet tal-azzjonijiet
ma’ pajjiżi terzi, jiġifieri l-programm IPA u l-programmi PPRD
tan-Nofsinhar u l-Lvant, inkisbu. Xi partijiet ikkonċernati
enfasizzaw il-ħtieġa li jkun hemm aktar konċentrazzjoni fuq
l-azzjonijiet ta' prevenzjoni fil-futur, skont l-iżviluppi
tal-Mekkaniżmu.
L-opinjoni
tal-Kummissjoni hija li, kif muri mill-esperjenza operazzjonali tal-Kummissjoni
u mir-rispons estensiv fit-twettiq ta' ħafna azzjonijiet ta’ prevenzjoni
ta' suċċess, attivitajiet ta' tħejjija bħal
eżerċizzji, u operazzjonijiet ta' rispons imwettqa fil-perjodu 2007-2013,
l-objettiv politiku ġenerali tal-Mekkaniżmu kollu, jiġifieri li
jiffaċilita l-kooperazzjoni aktar mill-qrib, intlaħaq b’mod
sħiħ. Is-suċċess ta’ dawn l-azzjonijiet huwa f’xi
każijiet immedjatament viżibbli, bħal pereżempju fil-każ
tal-proġett pilota li setgħa jappoġġa lill-Istati
Parteċipanti fil-ġlieda kontra n-nirien forestali fin-nuqqas ta’
kapaċitajiet ta’ rispons disponibbli oħra, filwaqt li drabi
oħra, ir-riżultati huma anqas tanġibbli immedjatament, u
jikkonsistu pereżempju, f’timijiet li jitgħallmu jaħdmu ma’
xulxin bil-ħsieb ta’ kooperazzjoni possibbli f’emerġenza
fil-ħajja reali. L-opinjoni tal-Kummissjoni hija appoġġata
mir-riżultati tal-evalwazzjoni esterna, li kkonkludiet li
l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet tal-Mekkaniżmu kienet effettiva sa fejn
l-azzjonijiet individwali tal-Mekkaniżmu kollha kisbu l-għanijiet
speċifiċi ta’ politika tagħhom.
6.
L-EFFIĊJENZA TAL-AZZJONIJIET
TAL-MEKKANIŻMU FL-2007-2013
L-evalwazzjoni
esterna indipendenti indikat b’mod partikolari l-punti li ġejjin: 1. Total
ta’ madwar EUR 20 miljun ġie allokat fil-programmi ta’ ħidma
annwali tal-2007-2013 biex jiffinanzja l-funzjonijiet differenti tal-MIC/ERCC,
inkluż il-manutenzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-MIC/ERCC, is-CECIS
u l-EWS u l-iskjeramenti. L-evalwazzjoni nnutat li l-MIC/ERCC kien
partikolarment effiċjenti biex jiffaċilita l-għoti
tal-assistenza b’mod koordinat li ppermetta l-użu effiċjenti
tar-riżorsi. Il-bidla mill-MIC għall-ERCC, li kellha l-persunal u
għalhekk kienet aktar aċċessibbli 24/7, kienet fattur importanti
ieħor ta’ kisbiet fl-effiċjenza, speċjalment fir-rigward
tal-ippjanar u r-rispons imħaffef għall-emerġenzi. Waħda
mill-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni interim kienet li kien hemm lok
għal titjib operazzjonali fl-EWS. Minn dak iż-żmien 'lhawn, kien
hemm investiment kunsiderevoli fl-EWS. Il-baġit allokat għall-EWS
żdied minn EUR 0.7 miljun fl-2009 għal EUR 1.6 miljun
fl-2013 u intuża biex tiġi żviluppata kopertura sħiħa
kontra l-bosta perikoli kważi f’ħin reali tal-EWS. 2. Total
ta’ madwar EUR 29 miljun ġew allokati għall-korsijiet ta’
taħriġ fil-programmi ta’ ħidma annwali tal-2007-2013. Bejn
l-2009 u l-2010, l-għadd ta’ korsijiet ta’ taħriġ offruti
rdoppja minn sitta għal tnax. Bejn l-2010 u l-2013, kien hemm żieda
kostanti ta’ parteċipanti fil-korsijiet ta’ taħriġ, filwaqt li
l-ammont ta’ riżorsi finanzjarji investiti baqa’ kostanti.
Il-parteċipanti tat-taħriġ ikkonfermaw li l-parteċipazzjoni
fit-taħriġ ħolqot fehim komuni tal-Mekkaniżmu, li
mbagħad iġġenera effiċjenzi billi pprovda rispons
ikkoordinat u b’hekk aktar effettiv. 3. Id-daqs
ġenerali tal-baġit allokat għall-eżerċizzji ta’
simulazzjoni fil-programmi ta’ ħidma annwali tal-2007-2013 kien ta’ 'l
fuq minn EUR 20 miljun. Skont l-ambitu u l-kumplessità tax-xenarju,
il-baġits individwali varjaw ħafna. Minħabba
l-karatteristiċi speċifiċi ta’ kull xenarju, paragun ta'
effiċjenza bejn l-eżerċizzji ta’ simulazzjoni kien
diffiċli. Madankollu, skont rapporti finanzjarji u tal-verifika minn
partijiet terzi li ġew eżaminati matul l-evalwazzjoni esterna,
il-baġit ta’ kull eżerċizzju ta’ simulazzjoni kien meqjus xieraq
u proporzjonat mal-għanijiet individwali tagħhom. 4. L-ammont
totali ddedikat għall-programm ta’ skambju ta’ esperti
fil-programmi ta’ ħidma annwali tal-2007-2013 kien jammonta għal
EUR 1.75 miljun. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni esterna juru li xi
Stati Parteċipanti qiesu l-kapaċità ġenerali tal-programm
bħala limitata, u kkummentaw dwar il-ħinijiet ta’ stennija twal biex
l-esperti jiġu assenjati għall-iskambji. L-amministrazzjoni attwali
tal-iskambji kienet deskritta mill-esperti bħala tajba u l-proċess
ta’ għażla kien xieraq u wassal sabiex jinkisbu l-għanijiet
tal-programm. 5. Il-programmi
ta’ ħidma annwali tal-2007-2013 allokaw total ta’ aktar minn
EUR 13-il miljun għall-eżerċizzji tal-moduli. Skont
l-evalwazzjoni esterna, waqt li l-eżerċizzji tal-moduli kienu
ġeneralment ipperċepiti b’mod pożittiv ħafna, xi partijiet
ikkonċernati ma kinux ċerti jekk l-investiment fil-preparazzjoni ta’
numru daqshekk sinifikanti ta’ moduli kienx effiċjenti meta s-sehem ta' moduli
li ntużaw fil-fatt taħt il-Mekkaniżmu baqa' relattivament
żgħir f’dawn l-aħħar snin. Barra minn hekk,
l-eżerċizzji tal-moduli kienu maħsuba li ma nkludewx bl-istess
mod it-tipi kollha ta’ moduli, iżda fil-biċċa l-kbira ffukaw fuq
ftit. 6. Il-baġit
globali disponibbli għal proġetti ta’ prevenzjoni kien ta’
madwar EUR 14-il miljun u għal proġetti ta’ tħejjija
madwar EUR 10.5 miljun fil-perjodu 2007-2013. Il-maġġoranza
tal-Istati Parteċipanti li ħadu sehem fl-istħarriġ qiesu li
d-daqs tal-baġit kien xieraq u proporzjonat għal dak li
l-proġetti kienu maħsuba li jilħqu. Il-biċċa l-kbira
tal-baġits tal-proġetti li tlestew kienu proporzjonati fir-rigward
tar-rizultati konkreti prodotti. 7. Il-kunsens
fost l-Istati Parteċipanti kien li l-prevenzjoni hija mod
kosteffettiv u leġittimu biex jitnaqqsu l-ispejjeż umani u
ekonomiċi tad-diżastri. Madankollu, ġie nnutat li ma kienx
ċar jekk l-attivitajiet ta’ prevenzjoni kkontribwixxewx kompletament
sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tal-immaniġġjar
tad-diżastri fil-livell tal-UE, u kif l-attivitajiet ta’ prevenzjoni
kellhom interazzjoni ma’ azzjonijiet oħra tal-Mekkaniżmu. 8. Il-programmi
ta’ ħidma annwali tal-2007-2013 allokaw total ta’ EUR 62.9 miljun
għall-assistenza tat-trasport, li rriżulta f’kontribuzzjoni
netta tal-Kummissjoni għall-assistenza tat-trasport ta’ madwar
EUR 11-il miljun matul dan il-perjodu. Ħarġu żewġ
osservazzjonijiet ewlenin fl-evalwazzjoni esterna: il-fażi tal-ġbir
flimkien tat-trasport mandata mill-qafas legali kienet maħsuba li
tiżgura l-ġbir flimkien effiċjenti u l-operazzjonijiet ta’
trasport kombinati, madankollu, fid-dawl limitat tar-riżultati attwali
tal-ġbir flimkien, il-ħtieġa tal-fażi tal-ġbir
flimkien ma kinitx ċerta; u għalkemm l-użu tas-sensar
tat-trasport kien imfassal b’mod li jiżgura l-kosteffettività, l-użu
tiegħu kien madankollu minimu. 9. Il-programmi
ta’ ħidma annwali tal-2007-2013 m'allokawx finanzjamenti separat
għall-azzjonijiet tat-tniġġis tal-baħar. Billi
t-tniġġis aċċidentali tal-baħar ġie integrat
permezz tal-azzjonijiet differenti tal-Mekkaniżmu, dan iddaħħal
fil-linji baġitarji differenti u vvalutat bħala parti minnhom. 10. L-Awtorità
Baġitarja tal-UE allokat total ta’ EUR 22.5 miljun għall-proġett
pilota u l-azzjonijiet ta’ tħejjija għall-perjodu
2008-2010. L-evalwazzjoni esterna nnutat li l-baġit disponibbli ma kienx
adegwat biex jikseb l-attivitajiet ippjanati u li ntuża biex jagħti
riżultati konkreti, inkluż it-tisħiħ tal-kapaċità ta’
rispons, id-disinn tal-eżerċizzji u/jew il-moduli, il-programmi ta’
taħriġ u l-attivitajiet ta’ komunikazzjoni. 11. L-azzjonijiet
ma’ pajjiżi terzi kienu ffinanzjati permezz ta’ strumenti finanzjarji
differenti. Il-Programm ta’ Kooperazzjoni għall-Protezzjoni Ċivili
tal-IPA I kien iffinanzjat taħt l-Istrument għall-Assistenza ta’
Qabel l-Adeżjoni (IPA) għall-perjodu 2010-2012. Il-PPRD tan-Nofsinhar
kien fis-seħħ bejn l-2009 u l-2012 b’baġit ta’ EUR 5
miljun, billi l-PPRD tal-Lvant kopra l-perjodu 2010-2014 b’baġit ta’
EUR 6 miljun. Barra minn hekk, il-proġett ta’ Ġestjoni
tar-Riskju ta’ Diżastri bejn l-UE u ċ-Ċina li tnieda fl-2012 u
kien iffinanzjat permezz tal-Istrument tal-Kooperazzjoni
għall-Iżvilupp, b’baġit totali li jammonta għal EUR 6
miljun. L-evalwazzjoni esterna nnutat li minħabba d-diversità
tal-azzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u l-mekkaniżmu differenti ta’
finanzjament, l-effiċjenza globali tal-azzjonijiet ma’ pajjiżi terzi
kienet potenzjalment imnaqqsa minħabba n-nuqqas ta’ qafas globali
għal dawn l-azzjonijiet. B’mod
ġenerali, il-Kummissjoni taqbel mar-riżultati tal-evalwazzjoni
esterna li l-azzjonijiet tal-Mekkaniżmu ġew imfassla biex ikunu
kost-effettivi (pereżempju fil-każ ta’ korsijiet ta’
taħriġ, il-baġit baqa’ stabbli bejn l-2010 u l-2013 madankollu
l-għadd ta’ parteċipanti li jibbenefikaw mit-taħriġ
żdied) u kienu ġeneralment implimentati b’mod effiċjenti. Lil
hinn mill-eżami estern tad-dejta kwantitattiva u kwalitattiva,
l-esperjenza operazzjonali tal-Kummissjoni mal-Mekkaniżmu tpinġi
stampa kemxejn differenti. Pereżempju, l-investiment li żdied fl-EWS
kien relattivament żgħir meta mqabbel mal-baġit allokat
għal azzjonijiet oħra tal-Mekkaniżmu, iżda wassal għal
benefiċċju operattiv sinifikanti għall-Mekkaniżmu.
Bl-istess mod, l-investimenti fit-taħriġ wasslu għal għadd
kbir ta’ esperti mħarrġa iżda mhux neċessarjament
użati fuq operazzjonijiet tal-Mekkaniżmu; din il-konstatazzjoni tissottovaluta
l-benefiċċju sinifikanti li jkun hemm esperti mħarrġa
fil-Mekkaniżmu fl-operazzjonijiet nazzjonali u l-potenzjal tagħhom li
jferrxu l-għarfien.
7.
IL-VALUR MIŻJUD TAL-UE
TAL-AZZJONIJIET TAL-MEKKANIŻMU FL-2007-2013
L-evalwazzjoni
esterna indipendenti indikat b’mod partikolari l-punti li ġejjin:
Il-valur
miżjud tal-MIC/ERCC kien differenti ħafna. Għall-Istati
Parteċipanti, l-MIC/ERCC irappreżenta servizz komplut
għar-rispons għad-diżastri, b’valur miżjud ċar
fuq ir-rispons bilaterali. Is-CECIS tqies mill-partijiet ikkonċernati
kollha bħala pjattaforma ċentralizzata utli
għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni b’valur miżjud
ċar tal-UE. Għall-pajjiżi terzi u s-sħab
internazzjonali, l-MIC/ERCC ippermettilhom li jitolbu assistenza permezz
ta’ pjattaforma unika, b'hekk il-kooperazzjoni tkun aktar faċli.
L-EWS ippermettiet li l-Istati Parteċipanti jkollhom aċċess
għal sistemi ta’ twissija avvanzati li jkopru l-firxa sħiħa
ta’ perikli, kif ukoll interfaċċa operattiva/tax-xjenza aktar
b’saħħitha biex tippermetti l-innovazzjoni.
Il-korsijiet
ta’ taħriġ urew valur miżjud qawwi tal-UE, li
rriżulta fil-parteċipanti mhux biss jiksbu ħiliet u
għarfien dwar il-Mekkaniżmu iżda wkoll fit-tisħiħ
tan-netwerk ta’ professjonist tal-protezzjoni ċivili. Kien argumentat
mill-evalwazzjoni esterna li dan l-effett ta’ netwerking għamel
il-kooperazzjoni u l-interventi aktar faċli.
Abbażi
tal-intervisti, f’mill-inqas ħamsa minn sitt każijiet, l-eżerċizzji
ta’ simulazzjoni ma kinux iseħħu mingħajr
il-kofinanzjament tal-UE. L-iskambju ta’ esperjenzi u tagħlim
mill-aqwa prattiki kien wieħed mir-riżultati ewlenin u pprovda
wkoll valur miżjud qawwi tal-UE. Barra minn hekk,
l-eżerċizzji ppermettew il-ħolqien mill-ġdid ta’
xenarji ta’ emerġenza u tqiesu mill-partijiet ikkonċernati
bħala komplementari għall-korsijiet ta’ taħriġ.
L-iskambju
ta’ esperjenzi u tagħlim mill-aqwa prattiki kien wieħed
mir-riżultati ewlenin tal-programm tal-iskambju ta’ esperti.
Il-programm irriżulta f’rabtiet b’saħħithom li ġew
imrawma fuq livell nazzjonali u Ewropew, li għamel il-kooperazzjoni
ħafna eħfef. Mingħajr l-assistenza finanzjarja tal-UE,
tqies li ma kienx probabbli li dawn l-iskambji kienu jsiru.
Il-valur
miżjud tal-UE minn moduli u eżerċizzji tal-moduli
huwa ovvju sa fejn dawn direttament appoġġaw ir-rispons
nazzjonali għad-diżastri f’pajjiżi affettwati. L-ittestjar
tal-ħiliet u l-proċeduri matul l-eżerċizzju tal-modulu
ħoloq fehim komuni għal assistenza koordinata.
Il-proġetti
ta' prevenzjoni u tħejjija kisbu riżultati li ma
setgħux jilħqu l-Istati parteċipanti b’mod individwali.
Il-biċċa l-kbira tal-proġetti involvu diversi sħab
minn Stati Parteċipanti differenti, u b’hekk tejbu l-għarfien
reċiproku u kkontribwixxu għall-bini tal-fiduċja fost
l-Istati Parteċipanti.
L-attivitajiet
ta' prevenzjoni urew il-valur miżjud tal-UE: qabel
l-iżvilupp ta’ politika ta’ prevenzjoni fil-livell tal-UE, mhux
l-Istati parteċipanti kollha kellhom politiki żviluppati sew
immirati lejn il-prevenzjoni tad-diżastri — l-attivitajiet li twettqu
fil-livell tal-UE taw inċentivi lil dawk l-Istati Parteċipanti
biex jagħmlu sforzi addizzjonali biex jiżviluppaw politiki
bħal dawn. L-Istati Parteċipanti bbenefikaw ukoll mill-iskambju
ta’ prattiki u laqgħat ta’ esperti fil-livell tal-UE.
L-assistenza
tat-trasport proposta mill-Mekkaniżmu ġabet valur
miżjud tal-UE billi direttament appoġġat l-implimentazzjoni
tal-għajnuna ta’ appoġġ għad-diżastri
fil-pajjiżi affettwati. Eżempji konkreti jinkludu l-iffrankar
tal-ispejjeż fil-livell tal-Istat Parteċipanti u tal-UE
bl-appoġġ għall-ġbir flimkien tal-assi ta’ trasport u
l-flessibbiltà meta ġġustifikati mis-sitwazzjoni f’dan il-qasam.
Il-Mekkaniżmu
nstab li wassal valur miżjud tal-UE fit-tniġġis
tal-baħar, primarjament billi qarreb il-komunitajiet
tat-tniġġis tal-baħar u tal-protezzjoni ċivili aktar
lejn xulxin u bl-appoġġ għall-kooperazzjoni u
l-kollaborazzjoni fejn meħtieġ. Il-proġetti ta' prevenzjoni
u tħejjija tat-tniġġis tal-baħar ġew enfasizzati
bħala inizjattiva ta’ valur miżjud ewlenija.
Il-proġett
pilota u l-azzjonijiet ta' tħejjija kkontribwixxew
għall-iżvilupp/disponibbiltà ta’ kapaċitajiet addizzjonali
li kieku ma kinux jiġu żviluppati/magħmula disponibbli
mill-Istati Parteċipanti b’mod individwali. Barra minn hekk,
il-kooperazzjoni bejn l-Istati Parteċipanti ssaħħet. F’xi
każijiet, ir-riżultati tal-azzjonijiet ta' tħejjija wasslu
għal valutazzjoni ġenerali tal-ħtiġijiet ta’
kapaċità u għall-użu ta’ proċeduri standard.
Il-partijiet
ikkonċernati kollha kkonfermaw il-valur miżjud tal-UE
tal-azzjonijiet ma’ pajjiżi terzi. L-aktar riżultat irrappurtat
importanti kien it-tnaqqis tal-impatt tad-diżastri billi tjiebu
l-kapaċitajiet tal-protezzjoni ċivili. Il-parteċipazzjoni
f’azzjonijiet ta’ pajjiżi terzi kienet ukoll maħsuba li
għandha impatt pożittiv fuq il-politiki nazzjonali. Ħafna
mill-partijiet ikkonċernati minn pajjiżi terzi intervistati
kellhom ukoll esperjenza personali mal-attivazzjonijiet
tal-Mekkaniżmu u rrikonoxxew il-valur miżjud tal-UE tagħhom
f’pajjiżi terzi.
Il-Kummissjoni
tikkonkludi, abbażi tar-riżultati tal-evalwazzjoni esterna,
il-lezzjonijiet meħuda minn għadd kbir ta’ operazzjonijiet
tal-Mekkaniżmu fl-Ewropa u lil hinn minnha, u l-feedback minn pajjiżi
li talbu l-għajnuna tal-Mekkaniżmu, li l-Mekkaniżmu wera’ valur
miżjud tal-UE fuq diversi livelli, inkluż billi saħħaħ
il-kooperazzjoni bejn l-Istati Parteċipanti, indirizza l-ħtieġa
għal attivitajiet ta’ prevenzjoni xierqa, iffaċilita l-iskjerament
ta’ timijiet u assistenza u offra “pakkett” wieħed ta’ appoġġ,
inklużi l-esperti, il-moduli u t-TAST tal-protezzjoni ċivili. B’mod ġenerali,
il-Mekkaniżmu jikkostitwixxi qasam ta’ politika tal-UE ta’
suċċess b’domanda dejjem tikber mingħand l-Istati Membri u
partijiet ikkonċernati oħra.
8.
KONKLUŻJONIJIET
B'kont
meħud tal-konklużjonijiet tar-rapport ta’ evalwazzjoni esterna u
tal-esperjenza operazzjonali u t-tagħlimiet meħuda tagħha stess,
kif ukoll il-valutazzjoni tagħha tal-provi u d-dejta kwalitattivi u
kwantitattivi, il-konklużjoni ġenerali tal-Kummissjoni hija li
l-azzjonijiet tal-Mekkaniżmu li rċevew għajnuna finanzjarja
fil-perjodu 2007-2013 kellhom prestazzjoni sodisfaċenti ħafna u
laħqu l-objettivi tagħhom. L-evalwazzjoni ġenerali
tal-implimentazzjoni tal-Mekkaniżmu osservat ġeneralment
riżultati tajbin ħafna u wriet b’mod ċar ir-rilevanza,
il-koerenza, l-effettività, l-effiċjenza u l-valur miżjud tal-UE
tal-Mekkaniżmu kollu kemm hu u tal-azzjonijiet individwali tiegħu.
L-azzjonijiet tal-Mekkaniżmu kienu ta’ suċċess f’ħafna
aspetti, mhux inqas fit-titjib tal-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni u fit-tisħieħ
tal-kapaċitajiet ta’ rispons u tħejjija tal-Istati Parteċipanti;
b'hekk jiġi pprovdut rispons għall-emerġenzi effiċjenti,
rapidu u effettiv; u jiġi pprovdut aċċess għar-riżorsi
tat-trasport li jiżguraw rispons rapidu. Il-Kummissjoni
tinnota l-progress sinifikanti li għamel il-Mekkaniżmu bejn l-2007 u
l-2013, mhux b'inqas il-bidla mill-MIC għall-ERCC, l-attenzjoni ikbar fuq
il-politika u l-azzjonijiet ta’ prevenzjoni, u ż-żieda
fil-kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi. Ħafna mill-ideat li kienu qed
jitwieldu fil-bidu tal-perjodu tal-evalwazzjoni issa huma azzjonijiet
komprensivi tal-Mekkaniżmu li jwasslu benefiċċji sinifikanti
lill-Istati Parteċipanti bħalma huma l-assistenza tat-trasport u
l-kunċett tal-moduli. Il-Kummissjoni tenfasizza wkoll il-progress sostanzjali
magħmul mill-Mekkaniżmu mindu sar ir-rapport ta’ evalwazzjoni Interim
fir-rigward tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu, li kollha ġew
ikkunsidrati sa tmiem il-perjodu ta’ evalwazzjoni u ġew implimentati jew
qegħdin fil-proċess li jiġu implimentati, inkluż bħala
riżultat tad-Deċiżjoni tal-2013. Fid-dawl
ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-kooperazzjoni u
l-koordinazzjoni Ewropej fil-qasam tal-protezzjoni ċivili għamlu
progress sostanzjali mill-2007 u stabbilixxew bażi tajba biex jitkomplew
dawn l-iżviluppi pożittivi. L-evalwazzjoni esterna toffri għadd
ta’ eżempji pożittivi li juru l-estent sa fejn il-Mekkaniżmu u
l-koordinazzjoni tar-rispons tal-UE għad-diżastri evolvew u saru
aħjar biex jilħqu l-għanijiet. Il-finanzjament tas-CPFI
użat għal dan l-għan iġġenera valur miżjud tal-UE
sostanzjali. L-evalwazzjoni
esterna, minkejja l-valutazzjoni pożittiva tagħha tal-prestazzjoni
tal-Mekkaniżmu u l-azzjonijiet kollha tiegħu, enfasizzat ukoll xi
potenzjal għal aktar titjib. L-aktar rakkomandazzjonijiet sinifikanti
inkludew il-ħolqien ta' qafas aktar koerenti għall-azzjonijiet ta’
tħejjija tal-Mekkaniżmu, inklużi eżerċizzji,
taħriġ, proġetti, skambji ta’ esperti, u ppjanar aħjar, kif
ukoll proċeduri ta’ rispons aktar simplifikati u rati ogħla ta’
kofinanzjament tat-trasport mill-UE. Il-Kummissjoni taqbel li f’għadd ta’
oqsma għad hemm lok biex jissaħħaħ u jiġi
żviluppat aktar il-mekkaniżmu u tilqa’ r-rakkomandazzjonijiet
tal-evalwazzjoni esterna. Id-Deċiżjoni
tal-2013 tipprovdi l-bażi legali għal aktar progress sinifikanti
fil-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons, u speċifikament tindirizza
ħafna mill-kwistjonijiet identifikati fl-evalwazzjoni esterna
(pereżempju d-Deċiżjoni tal-2013 teħtieġ qafas
strateġiku għall-eżerċizzji ta’ simulazzjoni).
Il-Kummissjoni għalhekk se timmira li tieħu kont tal-biċċa
l-kbira ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet fl-implimentazzjoni li diġà
għaddejja tad-Deċiżjoni tal-2013. Ir-rakkomandazzjonijiet
relatati mal-operazzjonijiet għandhom jiġu kkunsidrati fil-kuntest
tal-ħidma kontinwa dwar it-titjib tal-proċeduri (pereżempju
s-sejħiet għall-proposti) jew it-tmexxija ta’ programmi. Il-Kummissjoni
tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jieħdu nota ta' dawn
ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet. [1] Id-Deċiżjoni
tal-Kunsill 2001/792/KE, Euratom tat-23 ta' Ottubru 2001 li
tistabbilixxi mekkaniżmu Komunitarju li jiffaċilita l-kooperazzjoni
msaħħa fl-interventi ta' assistenza tal-protezzjoni ċivili (link) [2] Id-Deċiżjoni
tal-Kunsill 2007/779/KE, Euratom tat-8 ta’ Novembru 2007 li
tistabbilixxi Mekkaniżmu Komunitarju għall-Protezzjoni Ċivili
(imfassla mill-ġdid) (link) [3] Id-Deċiżjoni
tal-Kunsill 2007/162/KE, Euratom tal-5 ta' Marzu 2007 li
tistabbilixxi Strument Finanzjarju għall-Protezzjoni Ċivili (Civil
Protection Financial Instrument, CPFI) (link) [4]
Id-Deċiżjoni 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni
għall-Protezzjoni Ċivili (link) [5] COM(2011) 696 finali (link) [6] SEC(2011) 1311 finali (link) [7] Proġetti pilota u
azzjonijiet ta' tħejjija f’konformità mal-Artikolu 49(6) (a) u (b)
tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ir-Regolament Finanzjarju);
Il-linja baġitarja tal-UE għall-2008 07 04 04 u
07 04 05; Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008)1740;
Il-linja baġitarja tal-UE għall-2009 07 04 05;
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009)3356; Il-linja baġitarja
tal-UE għall-2010 07 04 05; Id-Deċiżjoni
tal-Kummissjoni C(2010)1206 [8] L-EWS żviluppata
miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka (Joint Research Centre,
JRC) tinkludi s-Sistema Globali ta' Twissijiet u l-Koordinazzjoni
għad-Diżastri (Global Disaster Alerts and Coordination System,
GDACS), is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni dwar in-Nirien fil-Foresti (European
Forest Fire Information System, EFFIS) u s-sistema Ewropea ta’ Twissija
għall-Għargħar (European Flood Alert System, EFAS) [9] Il-MIC/ERCC jiżgura
wkoll koordinazzjoni operattiva tas-Servizz tal-Ġestjoni
tal-Emerġenzi ta’ Copernicus, li nbeda fl-2012, inkluż il-komponent
tiegħu ta' evalwazzjoni u l-interazzjoni ma’ utenti awtorizzati [10] Statistika
uffiċjali tal-MIC/ERCC; ara wkoll ir-rapport ta’ evalwazzjoni esterna,
paġni 32-34, 53-56; 69-71, 77-78, 114-116