1.12.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/49


RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

tas-27 ta' Ottubru 2015

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima II — Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima II — Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill,

wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Procedura tiegħu,

wara li kkunsidra t-tieni rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0269/2015),

A.

billi l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni għandhom ikunu trasparenti u jagħtu rendikont sħiħ liċ-ċittadini tal-Unjoni għall-fondi fdati lilhom bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni;

B.

billi l-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni, għandhom ikunu soġġetti għar-responsabbiltà demokratika fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni peress li huma benefiċjarji mill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

C.

billi l-Parlament huwa l-uniku korp elett direttament fost l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u għandu r-responsabbiltà li jagħti l-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

1.

Jenfasizza r-rwol tal-Parlament speċifikat fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) fir-rigward tal-kwittanza baġitarja;

2.

Jindika li, skont l-Artikolu 335 tat-TFUE, “[…] l-Unjoni għandha tkun rappreżentata minn kull waħda mill-istituzzjonijiet, bis-saħħa tal-awtonomija amministrattiva tagħhom, fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-operat rispettiv tagħhom”, u li, għaldaqstant, waqt li jitqies l-Artikolu 55 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ir-Regolament Finanzjarju), l-istituzzjonijiet huma responsabbli b'mod individwali għall-implimentazzjoni tal-baġits tagħhom;

3.

Jenfasizza r-rwol tal-Parlament u ta' istituzzjonijiet oħra fi ħdan il-proċedura ta' kwittanza hekk kif irregolat mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju, b'mod partikolari l-Artikoli 164, 165 u 166 tiegħu;

4.

Jinnota li, skont l-Artikolu 94 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, “id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta' għoti ta' kwittanza lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għandhom japplikaw bl-istess mod għall-proċedura ta' għoti ta' kwittanza […] lill-persuni responsabbli mill-implimentazzjoni tal-baġits ta' istituzzjonijiet u organi oħra tal-Unjoni Ewropea bħal ma huma l-Kunsill (f'dak li għandu x'jaqsam mal-attivitajiet tiegħu bħala eżekuttiv) […]”;

5.

Jiddispjaċih li l-Kunsill ma ta l-ebda spjegazzjoni dwar iż-żieda fis-sottoutilizzazzjoni u ta' riporti tal-impenji fil-baġit tagħhom tal-2013;

Kwistjonijiet pendenti

6.

Ifakkar lill-Kunsill bl-appell tal-Parlament għal rapporti ta' progress dwar proġetti ta' bini u analiżi dettaljata tal-ispejjeż li tħallsu s'issa;

7.

Iħeġġeġ lill-Kunsill jipprovdi spjegazzjoni bil-miktub u dettaljata dwar l-ammont totali ta' approprjazzjonijiet użati fix-xiri tal-bini “Residence Palace”, l-intestaturi baġitarji li minnhom ittieħdu dawn l-approprjazzjonijiet, il-pagamenti parzjali li tħallsu s'issa, u l-pagamenti parzjali li għad iridu jitħallsu;

8.

Itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill biex jipprovdi informazzjoni dwar il-proċess ta' modernizzazzjoni amministrattiva tiegħu, b'mod partikolari dwar il-miżuri konkreti ta' implimentazzjoni ta' dak il-proċess u l-impatt previst fuq il-baġit tal-Kunsill;

9.

Jiddispjaċih bid-diffikultajiet li tfaċċaw ripetutament fil-proċeduri ta' kwittanza sal-lum, li seħħew minħabba nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa tal-Kunsill; jirrimarka li l-Parlament ċaħad l-għoti ta' kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tas-snin finanzjarji 2009, 2010, 2011 u 2012 għar-raġunijiet stabbliti fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Mejju 2011 (1), tal-25 ta' Ottubru 2011 (2), tal-10 ta' Mejju 2012 (3), tat-23 ta' Ottubru 2012 (4), tas-17 ta' April 2013 (5), tad-9 ta' Ottubru 2013 (6), tat-3 ta' April 2014 (7) u tat-23 ta' Ottubru 2014 (8) u ppospona d-deċiżjoni tiegħu li jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tas-sena finanzjarja 2013 għar-raġunijiet stabbiliti fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 (9);

10.

Jinsisti li eżerċizzju ta' kontroll baġitarju effikaċi jeħtieġ kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill, kif stabbilit fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015; jikkonferma li l-Parlament mhuwiex fil-qagħda li jieħu deċiżjoni infurmata dwar l-għoti tal-kwittanza;

11.

Ifakkar lill-Kunsill bil-fehmiet tal-Kummissjoni, kif espressi fl-ittra tagħha tat-23 ta' Jannar 2014, li l-istituzzjonijiet kollha huma parti sħiħa mill-proċess ta' segwitu wara l-kummenti magħmula mill-Parlament fl-eżerċizzju ta' kwittanza u li l-istituzzjonijiet kollha għandhom jikkooperaw biex jiżguraw il-funzjonament mingħajr xkiel tal-proċedura ta' kwittanza;

12.

Jinnota li fl-ittra msemmija hawn fuq il-Kummissjoni sostniet li mhijiex se tissorvelja l-implimentazzjoni tal-baġits tal-istituzzjonijiet l-oħra u li l-fatt li tagħti risposta għal mistoqsijiet indirizzati lil istituzzjoni oħra jikser l-awtonomija ta' dik l-istituzzjoni li timplimenta t-taqsima tagħha stess tal-baġit;

13.

Jiddispjaċih li l-Kunsill għadu qiegħed jonqos milli jagħti tweġibiet għall-mistoqsijiet tal-Parlament; ifakkar il-konklużjonijiet tas-sessjoni ta' ħidma tal-Parlament tas-27 ta' Settembru 2012 dwar id-Dritt tal-Parlament li Jagħti Kwittanza lill-Kunsill, li matulha l-biċċa l-kbira tal-esperti ġuridiċi u akkademiċi qablu dwar id-dritt tal-Parlament għall-informazzjoni; jirreferi f'dan ir-rigward għall-Artikolu 15(3) tat-TFUE li jipprevedi li kull istituzzjoni, korp, jew organu għandu jassigura t-trasparenza tal-ħidma tiegħu;

14.

Jinsisti li n-nefqa tal-Kunsill għandha tgħaddi minn skrutinju bħal dik tal-istituzzjonijiet l-oħra u li l-elementi fundamentali ta' dan l-iskrutinju huma stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet ta' kwittanza tiegħu tas-snin li għaddew;

15.

Jenfasizza l-prerogattiva tal-Parlament li jagħti l-kwittanza skont l-Artikoli 316, 317 u 319 tat-TFUE, f'konformità mal-interpretazzjoni u l-prassi attwali, speċifikament li jagħti l-kwittanza għal kull intestatura tal-baġit b'mod individwali sabiex jinżammu t-trasparenza u l-obbligu demokratiku li jingħata rendikont lill-kontribwenti tal-Unjoni;

16.

Hu tal-fehma li n-nuqqas tal-Kunsill li jressaq id-dokumenti mitluba lill-Parlament jimmina għal kollox id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni għall-informazzjoni u t-trasparenza, u qiegħed isir għajn ta' tħassib, peress li joħloq ċertu defiċit demokratiku fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

17.

Jemmen li huwa meħtieġ li jitqiesu possibbiltajiet differenti sabiex jiġu aġġornati r-regoli dwar l-għoti ta' kwittanza kif stabbiliti fit-TFUE;

18.

Iqis li kooperazzjoni sodisfaċenti bejn il-Parlament, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill bħala riżultat ta' proċedura ta' djalogu miftuħ u formali, tista' tkun sinjal pożittiv li jingħata liċ-ċittadini tal-Unjoni.


(1)  ĠU L 250, 27.9.2011, p. 25.

(2)  ĠU L 313, 26.11.2011, p. 13.

(3)  ĠU L 286, 17.10.2012, p. 23.

(4)  ĠU L 350, 20.12.2012, p. 71.

(5)  ĠU L 308, 16.11.2013, p. 22.

(6)  ĠU L 328, 7.12.2013, p. 97.

(7)  ĠU L 266, 5.9.2014, p. 26.

(8)  ĠU L 334, 21.11.2014, p. 95.

(9)  ĠU L 255, 30.9.2015, p. 22.