17.10.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 349/91


P8_TA(2015)0333

Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2015/002 DE/Adam Opel – Ġermanja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Ottubru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2015/002 DE/Adam Opel, ippreżentata mill-Ġermanja) (COM(2015)0342 – C8-0249/2015 – 2015/2208(BUD))

(2017/C 349/21)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0342 – C8-0249/2015),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0273/2015),

A.

billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex toffri appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.

billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C.

billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.

billi l-Ġermanja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2015/002 DE/Adam Opel għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għall-2 881 sensja f'Adam Opel AG, li topera fid-diviżjoni 29 ta' NACE Rev. 2 (“Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers”) (4) u fornitur 1;

E.

billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eleġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;

1.

Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, il-Ġermanja għandha d-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 6 958 623 skont dan ir-Regolament;

2.

Jinnota li l-awtoritajiet Ġermaniżi ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fis-26 ta' Frar 2015, u li l-valutazzjoni tagħha tlestliet mill-Kummissjoni fl-14 ta' Lulju 2015 u notifikata lill-Parlament fl-1 ta' Settembru 2015; jilqa' pożittivament il-valutazzjoni rapida f'perjodu ta' inqas minn ħames xhur;

3.

Josserva li, fl-Ewropa tal-Punent, il-bejgħ ta' karozzi naqas drastikament u laħaq l-aktar punt baxx f'dawn l-aħħar 20 sena (5) u jenfasizza li n-numru ta' karozzi mibjugħa fl-Ewropa huwa fl-aktar livell baxx mill-1997; jikkonkludi li dawn il-ġrajjiet huma direttament marbutin mal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali ttrattata fir-Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6); jissottolinja wkoll il-fatt li l-manifatturi tal-vetturi żgħar u ta' daqs medju tal-faxxa tal-prezzijiet medja ntlaqtu b'mod partikolarment iebes u li Adam Opel AG, inkwantu wieħed mill-atturi ewlenin fil-faxxa tal-prezzijiet medja ta' vetturi żgħar u ta' daqs medju, intlaqtet b'mod partikolarment iebes mill-kriżi, filwaqt li l-bejgħ ta' karozzi ekonomiċi u dak ta' karozzi ta' faxxa għolja jew ta' lussu ma tantx intlaqtu mill-kriżi;

4.

Josserva li n-numru ta' karozzi rreġistrati ġodda fl-Istati Membri tal-UE u tal-EFTA niżel b'25 % bejn l-2007 u l-2013 (minn 'il fuq minn 16-il miljun karozza rreġistrata ġdida għal 12-il miljun, skont l-Assoċjazzjoni tal-Manifatturi Ewropej ta' Karozzi); jevidenzja f'dan ir-rigward li l-bejgħ ta' karozzi tal-marka Opel/Vauxhall fl-Ewropa niżel drastikament u waqa' b'39 % bejn l-2007 u l-2013;

5.

Josserva barra minn hekk li Adam Opel AG sofriet żvantaġġ min-naħa tal-impriża proprjetarja, General Motors, li ppermettiet lil Opel tbigħ esklużivament fl-Ewropa, b'hekk eskludiet lil Opel mis-swieq emerġenti f'kontinenti oħrajn; huwa tal-fehma li l-politiki ta' awsterità imposti fil-pajjiżi Ewropej ikkontribwew lit-tnaqqis drastiku fil-bejgħ min-naħa ta' Opel/Vauxhall;

6.

Josserva li dawn is-sensji se jħallu impatt negattiv notevoli fuq l-ekonomija lokali ta' Bochum; ifakkar li Bochum hija belt fiż-żona tar-Ruhr, li hija żona industrijali urbanizzata ħafna fl-Istat Federali tal-Ġermanja Nordrhein-Westfalen, li, bħar-reġjuni l-oħrajn tradizzjonalment speċjalizzati fl-estrazzjoni tal-faħam u fil-produzzjoni tal-azzar, ilha mis-snin Sittin tħabbat wiċċha ma' diffikultajiet strutturali kbar; jissottolinja li r-rata ta' qgħad fir-Ruhr diġà turi livelli ferm ogħla mill-medja tal-Ġermanja;

7.

Ifakkar li Bochum diġà tibbenefika mill-għajnuna tal-FEG wara li l-impriża Nokia waqfet il-produzzjoni tat-telefons ċellulari u ntilfu aktar minn 1 300 impjieg; jissottolinja li Outukumpu biħsiebha tissospendi l-produzzjoni tal-azzar inossidabbli f'Bochum fi tmiem l-2015, u dan se jsarraf f'aktar deżindustrijalizzazzjoni tal-belt u f'deterjorament tas-suq tax-xogħol fil-livelli lokali u reġjonali;

8.

Jinnota li, sal-lum, is-settur tad-diviżjoni 29 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta' vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers) kien is-suġġett ta' 21 applikazzjoni tal-FEG, li minnhom 11 kienu bbażati fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ u 10 fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali; ifakkar f'dan ir-rigward l-applikazzjoni EGF/2010/031 BE/Generals Motors Belgium li kienet il-konsegwenza tal-għeluq tal-impjant ta' produzzjoni tagħha ta' Opel f'Antwerp (il-Belġju);

9.

Jilqa' pożittivament il-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Ġermaniżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-1 ta' Jannar 2015, ferm qabel id-deċiżjoni dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost u saħansitra qabel l-applikazzjoni għal tali appoġġ;

10.

Jinnota li l-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja jistgħu jibbenefikaw minn firxa ta' miżuri intenzjonati biex jintegrawhom mill-ġdid fis-suq tax-xogħol; jikkunsidra li n-numru stmat ta' parteċipanti f'servizz ta' konsulenza biex jinbeda negozju huwa baxx, peress li hu stmat li l-benefiċjarji huma biss 25;

11.

Jilqa' l-fatt li l-ġestjoni u l-kontroll ta' din l-applikazzjoni se jiġu amministrati mill-istess korpi li jamministraw il-Fond Soċjali Ewropew fi ħdan il-Ministeru Federali għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali u li kienu jamministraw ukoll il-kontribuzzjonijiet preċedenti mill-FEG;

12.

Jinnota li l-Ġermanja qiegħda tippjana l-miżuri segwenti għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: miżuri ta' taħriġ vokazzjonali (Qualifizierungen), gwida dwar il-karriera (Berufsorientierung), gruppi ta' pari/gruppi ta' ħidma, servizz ta' konsulenza biex jinbeda negozju (Existenzgründerberatung), tfittxija ta' xogħol (Stellenakquise)/fieri tax-xogħol (Jobmessen), servizzi ta' mentoring u ta' konsulenza ta' segwitu (Nachbetreuung und – beratung) u benefiċċju għat-taħriġ (Transferkurzarbeitergeld);

13.

Josserva li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali permezz tal-ħolqien ta' kumpaniji tat-trasferiment;

14.

Jinnota li l-awtoritajiet qed jippjanaw li jutilizzaw il-limitu massimu permess ta' 35 % tal-ispejjeż totali għall-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati dwar benefiċċji u inċentivi fil-forma ta' benefiċċju għat-taħriġ (Transferkurzarbeitergeld) li jkun jikkostitwixxi 60 % jew 67 % tal-introjtu nett preċedenti tal-ħaddiem, skont is-sitwazzjoni familjari tal-benefiċjarju;

15.

Jenfasizza li jeħtieġ li l-finanzjament ipprovdut għall-benefiċċji għat-taħriġ (f'dan il-każ, it-Transferkurzarbeitergeld) ma jiħux post l-obbligu ġuridiku tal-Istat Membru jew l-impjegatur preċedenti; jappella kemm lill-Kummissjoni u kemm lill-Istati Membri biex jipprovdu tagħrif ċar u koerenti li jispeċifika sa liema punt it-Transferkurzarbeitergeld jikkostitwixxi obbligu ġuridiku ladarba jkun ġie stabbilit it-Transfergesellschaft; jitlob koerenza kemm fil-prattika ta' finanzjament u kemm fl-informazzjoni li tingħata lill-Parlament; jistenna għaldaqstant li l-Kummissjoni tipprovdi analiżi komprensiva u koerenti u d-dettalji tal-elementi li jmorru lil hinn mill-obbligi ġuridiċi tal-Istati Membri; itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-finanzjament mill-FEG għandu jintużaa għat-Transferkurzarbeitergeld sabiex il-kumpanija ta' trasferiment tkun tista' tmur oltre dak li tista' tagħmel normalment għall-ħaddiema, billi tipprovdi miżuri iktar personalizzati u fil-fond milli kieku jkun possibbli mingħajr l-appoġġ tal-FEG; jenfasizza li l-Parlament se jkompli jimmonitorja li l-FEG mhux qed jintuża biex jissostitwixxi l-obbligi minn Stat Membru jew kumpanija;

16.

Jappella lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi approċċ konsistenti fil-każ tal-applikazzjonijiet li jinkludu l-miżura “Transferkurzarbeitergeld”, billi tiddefiniha b'mod konsistenti f'kull applikazzjoni u billi tivverifika bir-reqqa u tikkwota l-evidenza li l-miżura speċifika hija tassew eleġibbli għal finanzjament mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG u bl-ebda mod ma tkun qed tissostitwixxi miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali, u li r-riskju ta' finanzjament doppju huwa eskluż;

17.

Jinnota li s-sħab soċjali qablu fuq il-ħolqien ta' tliet kumpaniji ta' trasferiment sabiex iwettqu l-miżuri għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, li hu konformi mal-prattika fil-Ġermanja; jilqa' l-fatt li l-ħaddiema li ngħataw is-sensja fil-kumpanija fornitriċi (Johnson Controls Objekt Bochum GmbHCo. KG) se jkunu jistgħu jipparteċipaw ukoll fil-miżuri mwettqa mill-kumpaniji ta' trasferiment;

18.

Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adatt u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali ta' ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;

19.

Ifakkar li, bi qbil mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jkun imfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet meħtieġa, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

20.

Jinnota li l-informazzjoni fornuta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Ġermaniżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eleġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx jista' jkun hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

21.

Japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni ta' ħin li jimplika l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-fajls;

22.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

23.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

24.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)  Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni ta' l-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).

(5)  Assoċjazzjoni tal-Manifatturi Ewropej ta' Karozzi (ACEA), The Automobile Industry Pocket Guide 2014-2015, p. 57f.

(6)  Regolament (KE) Nru 546/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ĠU L 167, 29.6.2009, p. 26).


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (Applikazzjoni GF/2015/002 DE/Adam Opel ippreżentata mill-Ġermanja)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2015/1871.)