30.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 316/220


P8_TA(2015)0049

Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni – applikazzjoni EGF/2013/011 BE/Saint-Gobain Sekurit – Belġju

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/011 BE/Saint-Gobain Sekurit, ippreżentata mill-Belġju) (COM(2015)0009 – C8-0011/2015 – 2015/2017(BUD))

(2016/C 316/33)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0009 – C8-0011/2015),

wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba (3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0034/2015),

A.

billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija, aggravati ħafna mill-kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali, u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol;

B.

billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun adegwata u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, skont id-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C.

billi din hija l-aħħar applikazzjoni li se tiġi trattata skont ir-Regolament tal-2006;

D.

jilqa' b'sodisfazzjon it-twessigħ tal-objettivi u tal-kriterji tar-Regolament dwar il-FEG introdott f'Diċembru 2013, sabiex jiġu integrati u ffaċilitati l-applikazzjonijiet minn reġjuni u pajjiżi b'anqas densità demografika;

E.

jilqa' ż-żieda fl-effiċjenza għat-trattament ta' applikazzjonijiet tal-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u l-approvazzjoni, jiżdiedu l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli billi jiġu introdotti persuni li jaħdmu għal rashom u żgħażagħ, u jiġu ffinanzjati inċentivi għat-twaqqif ta' negozji proprji;

F.

billi l-Belġju ppreżenta l-applikazzjoni EGF/2013/011 BE/Saint-Gobain Sekurit għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għall-257 sensja marbuta mal-għeluq tal-impjant ta' Saint-Gobain Sekurit (SGS), li jinsab f'Auvelais, li kien jipproduċi ħġieġ ta' sikurezza għall-industrija tal-karozzi; billi s-sensji seħħew matul u wara l-perjodu ta' referenza bejn il-31 ta' Awwissu 2013 u l-31 ta' Diċembru 2013 u huma marbuta ma' tnaqqis fil-produzzjoni ta' ħġieġ ta' sikurezza tal-karozzi fl-Unjoni;

G.

billi l-kontribuzzjoni finanzjarja mitluba mill-FEG tammonta għal EUR 1 339 928 (50 % tal-baġit totali);

H.

billi, minkejja l-fatt li l-applikazzjoni ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti fl-Artikoli 2(a) u 2(b) tar-Regolament FEG, taqa' taħt il-kategorija ta' ċirkostanzi eċċezzjonali li madankollu jippermettu l-mobilizzazzjoni tal-FEG;

1.

Jaqbel mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fid-19 ta' Diċembru 2013 ippreżentata mill-Belġju hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont l-Artikolu 2(c), li jitlob li jkun hemm provi ta' ċirkostanzi eċċezzjonali, minkejja l-fatt li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 2(a) u 2(b) tar-Regolament tal-FEG ma jintlaħqux; jissottolinja madankollu li l-invokazzjoni tal-Artikolu 2(c) għandha tiġi vvalutata fuq bażi ta' każ b'każ u m'għandhiex issir metodu ġenerali għall-mobilizzazzjoni tal-FEG meta l-kundizzjonijiet bażiċi ma jintlaħqux;

2.

Jenfasizza li l-FEG huwa strument speċjali li jippermetti lill-Unjoni tirreaġixxi għal ċirkostanzi speċifiċi mhux previsti u li għandu jżomm l-għan ewlieni tiegħu, li huwa li jipprovdi appoġġ f'każ fejn, matul perijodu ta' referenza, għadd kbir ta' ħaddiema (minimu 500) jingħataw is-sensja b'riżultat ta' bidliet strutturali maġġuri fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni u kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi globali; jenfasizza li l-FEG m'għandux isir sostitut għal Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej oħrajn, bħalma huma l-Fond Soċjali Ewropew, u jrid jintuża biex jikkomplementa dawn il-fondi; jenfasizza li ċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li jippermettu l-mobilizzazzjoni tal-FEG m'għandhomx jiddevjaw mill-kamp ta' applikazzjoni msemmi hawn fuq;

3.

Jinnota li l-awtoritajiet Belġjani fid-19 ta' Diċembru 2013 ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG taħt ir-Regolament dwar il-FEG, li ma jillimitax iż-żmien għall-istruzzjoni, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fil-21 ta' Jannar 2014; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' informazzjoni mogħtija fir-rigward taċ-ċirkostanzi eċċezzjonali invokati; jissottolinja li tali ċirkostanzi eċċezzjonali jridu jiġu vvalutati kif jixraq sabiex tinkiseb deroga mill-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 2 (a) u 2 (b) tar-Regolament dwar il-FEG;

4.

Jesprimi tħassib dwar it-tul tal-proċedura mid-data tal-ewwel sensji sal-valutazzjoni tal-applikazzjoni; ifakkar li l-għan tal-FEG huwa li joffri għajnuna lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja mill-aktar fis possibbli;

5.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet kollha involuti biex jagħmlu l-isforzi meħtieġa ħalli jtejbu l-arranġamenti proċedurali u baġitarji bil-għan li jħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG; jinnota, f'dan is-sens, il-proċedura mtejba li l-Kummissjoni implimentat, wara t-talba tal-Parlament biex tħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, bil-għan li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibilità ta' applikazzjoni għall-FEG tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill flimkien mal-proposta biex jiġi mobilizzat il-FEG, u jieħu nota tal-adozzjoni tar-Regolament il-ġdid tal-FEG (ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013) li jippermetti aktar effiċjenza, trasparenza, responsabilità u viżibilità tal-FEG;

6.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jibbenefikaw mill-possibilitajiet ta' skambju tal-aħjar prattiki u jitgħallmu b'mod partikolari minn dawk l-Istati Membri u minn dawk l-awtoritajiet lokali u reġjonali li diġà stabbilew netwerks nazzjonali ta' informazzjoni dwar il-FEG bil-parteċipazzjoni tas-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati fil-livell lokali u reġjonali bil-għan li jkollhom f'postha struttura tajba għall-għajnuna fil-każ li tinqala' sitwazzjoni li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-FEG;

7.

Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Belġjani ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fil-31 ta' Awwissu 2013, ferm qabel id-deċiżjoni u saħansitra l-applikazzjoni dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

8.

Jinnota li s-settur tal-manifattura tal-ħġieġ ta' sikurezza għall-industrija tal-karozzi għadda minn taqlib ekonomiku serju minħabba diversi fatturi, bħal tnaqqis fil-produzzjoni ta' ħġieġ ta' sikurezza tal-karozzi fl-Unjoni, żieda fis-sehem tas-suq ta' kompetituri minn pajjiżi li mhumiex fl-UE u żieda fl-importazzjoni ta' dawn il-prodotti fl-Unjoni; jinnota li l-attivitajiet ta' SGS Benelux kienu marbuta mill-qrib ma' xejriet ta' produzzjoni fl-industrija tal-karozzi, li rat il-produzzjoni ta' karozzi tal-passiġġieri tonqos minn 21,9 miljun unità għal 19,5 miljun unità bejn l-2007 u l-2012, filwaqt li, fil-bqija tad-dinja, din żdiedet minn 47,5 miljun unità għal 60,6 miljun unità matul l-istess perjodu; josserva, barra minn hekk, li kien hemm tendenza ġenerali li l-produtturi u l-fornituri fl-industrija tal-karozzi jittrasferixxu l-produzzjoni fi ħdan l-Unjoni, mill-Ewropa tal-Punent (b'mod partikolari, min Franza, il-Belġju u Spanja) lejn l-Ewropa tal-Lvant;

9.

Jinnota li, filwaqt li ma kien hemm ebda applikazzjoni oħra tal-FEG relatata b'mod speċifiku mas-settur tal-ħġieġ tal-karozzi (4), kien hemm sensiela ta' applikazzjonijiet relatati ma' produtturi ta' vetturi bil-mutur jew fornituri ta' tagħmir għall-vetturi (5);

10.

Jinnota li s-sensji f'SGS jikkonċernaw prinċipalment il-ħaddiema tal-linja ta' produzzjoni (83 % tal-ħaddiema ikkonċernati għandhom status ta' 'ouvrier'); iqis li, fil-kuntest tas-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol fir-reġjun milqut, il-ħaddiema li ngħataw is-sensja se jkun jeħtiġilhom jitħarrġu mill-ġdid biex isibu impjieg f'xogħlijiet oħra u/jew setturi oħra;

11.

Jiddeplora l-fatt li, minħabba s-sitwazzjoni soċjoekonomika taż-żona kkonċernata u taż-żoni fil-viċinat tagħha (Charleroi, Namur), il-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn SGS Benelux għandhom possibilitajiet limitati ta' impjieg f'dawn iż-żoni, peress li aktarx ikunu f'kompetizzjoni ma' bosta ħaddiema oħra bi kwalifiki u esperjenza simili għal numru limitat ta' impjiegi fis-settur tal-ħġieġ; ifakkar li r-reġjun huwa karatterizzat minn livell relattivament għoli ta' qgħad strutturali, bi proporzjon relattivament għoli ta' qgħad fit-tul u livelli ta' kwalifiki u ħiliet baxxi; jenfasizza li s-sensji f'SGS Benelux jinsabu, għalhekk, f'kuntest soċjoekonomiku lokali diffiċli;

12.

Jinnota li s-servizzi personalizzati elenkati fl-applikazzjoni jikkonsistu f'diversi miżuri intiżi biex jippromwovu r-ritorn tal-ħaddiema għas-suq tax-xogħol u jgħinuhom fil-proċeduri amministrattivi, li l-biċċa l-kbira minnhom mistennija jappoġġjaw lill-ħaddiema kollha ssensjati;

13.

Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li se jiġu kofinanzjati jinkludi l-miżuri li ġejjin għall-integrazzjoni mill-ġdid fix-xogħol ta' 257 ħaddiem li ngħataw is-sensja (miġbura skont il-kategorija): (1) għajnuna individwali fit-tiftix ta' impjieg, servizzi ta' ġestjoni tal-każijiet u ta' informazzjoni ġenerali, (2) taħriġ u taħriġ mill-ġdid u (3) promozzjoni tal-intraprenditorija;

14.

Jilqa' l-fatt li d-diversi sħab soċjali u organizzazzjonijiet kienu involuti fil-koordinazzjoni ġenerali u fl-implimentazzjoni tal-miżuri, inklużi: it-trejdjunjins (FGTB, CSC), FOREM (is-servizz pubbliku tal-impjiegi u tat-taħriġ tar-Reġjun tal-Vallonja), iċ-ċentri ta' taħriġ vokazzjonali u teknoloġiku settorjali attivi fir-Reġjun tal-Vallonja, l-Aġenzija tal-Fond Soċjali Ewropew tal-Komunità Franċiża tal-Belġju u tal-Gvern tal-Vallonja; japprezza, barra minn hekk, li t-trejdjunjins huma involuti b'mod dirett fil-ġestjoni taż-żewġ Unitajiet ta' Riallokazzjoni stabbiliti speċifikament għal kull kumpanija separata;

15.

Jinsisti fuq il-ħtieġa li titħeġġeġ u tittejjeb l-għajnuna b'awtonomija u b'aċċess faċli fil-livell reġjonali sabiex jiġi implimentat spirtu ta' orjentazzjoni minn isfel 'il fuq, b'tali mod li jiffavorixxi soluzzjonijiet lokali fuq livell reġjonali fejn taf tokkorri kwalunkwe sitwazzjoni li taqa' fl-ambitu tal-FEG;

16.

Jieħu nota tal-miżuri proposti biex titjieb l-impjegabbiltà tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja; ifakkar li l-allowances mhumiex elenkati fost is-servizzi personalizzati li għandhom jiġu appoġġjati mill-FEG;

17.

Jinnota li l-miżuri li huma obbligatorji skont il-proċeduri ta' sensji kollettivi skont il-leġiżlazzjoni federali Belġjana u li jitwettqu bħala parti mill-attivitajiet standard tal-Unitajiet ta' Riallokazzjoni (eż. l-appoġġ għar-rikollokament, it-taħriġ, l-għajnuna fit-tiftix tax-xogħol, u pariri dwar il-karrieri, eċċ.) mhumiex inklużi f'din l-applikazzjoni tal-FEG;

18.

Ifakkar fl-importanza li l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha tittejjeb permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent tan-negozju nnifsu;

19.

Jilqa' l-fatt li l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll dak tan-nondiskriminazzjoni kienu u se jibqgħu jiġu applikati matul id-diversi stadji ta' implimentazzjoni tal-miżuri FEG u l-aċċess għalihom;

20.

Jilqa' l-fatt li s-sħab soċjali kienu involuti fit-tħejjija tal-pjan soċjali kif ukoll fl-implimentazzjoni tal-miżuri;

21.

Jisħaq fuq il-fatt li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg sostenibbli u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandha tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont id-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

22.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

23.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

24.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, inkluż l-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)  Ara l-bażi ta' data tal-FEG, disponibbli hawn: http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=582.

(5)  Ara l-abbozz ta' proposti tal-Kummissjoni dwar il-każijiet EGF/2007/001 FR/Fornituri tal-Peugeot (Deċiżjoni COM(2007)0415 final tat-12.7.2007), EGF/2007/010 PT/Lisboa-Alentejo (Deċiżjoni COM(2008)0094 final tal-20.2.2008), EGF/2008/002 ES/Delphi (Deċiżjoni COM(2008)0547 final tad-9.9.2008), EGF/2008/004 ES/Castilla y Léon/Aragón automoción (Deċiżjoni COM(2009)0150 final tal-20.3.2009), EGF/2009/007 SE/Volvo u EGF/2009/009 AT/Steiermark (Deċiżjoni COM(2009)0602 final tas-27.10.2009), EGF/2009/013 DE/Karmann (Deċiżjoni COM(2010)0007 final tat-22.1.2010), EGF/2009/019 FR/Renault (Deċiżjoni COM(2011)0420 final tal-11.7.2011), EGF/2010/002 ES/Cataluña automoción (Deċiżjoni COM(2010)0453 final tat-2.9.2010), EGF/2010/004 PL/Wielkopolskie Automotive (Deċiżjoni COM(2010)0616 final tad-29.10.2010), EGF/2010/031 BE/General Motors Belgium (Deċiżjoni COM(2011)0212 final tal-14.4.2011), EGF/2011/003 DE/Arnsberg u Düsseldorf automotive (Deċiżjoni COM(2011)0447 final tal-20.7.2011), EGF/2011/005 PT/Norte-Centro Automotive (Deċiżjoni COM(2011)0664 final tat-13.10.2011), EGF/2012/004 ES/Grupo Santana (Deċiżjoni COM(2014)0116 final tal-5.3.2014), EGF/2012/005 SE/Saab (Deċiżjoni COM(2012)0622 final tad-19.10.2012), EGF/2013/006 PL/Fiat Auto Poland (Deċiżjoni COM(2014)0699 final tal-10.11.2014), EGF/2013/012 BE/Ford Genk (Deċiżjoni COM(2014)0532 final tat-22.8.2014).


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-Punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/011 BE/Saint-Gobain Sekurit mill-Belġju)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2015/470.)