30.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 316/201


P8_TA(2015)0042

Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni – applikazzjoni EGF/2014/014 DE/Aleo Solar – Ġermanja

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2014/014 DE/Aleo Solar ippreżentata mill-Ġermanja) (COM(2014)0726 – C8-0012/2015 – 2015/2018(BUD))

(2016/C 316/26)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0726 – C8-0012/2015),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 (1) (Ir-Regolament dwar il-FEG),

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikulari l-punt 13 tiegħu,

wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu stipulata fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0030/2015),

A.

billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tipprovdi appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tgħinhom jerġgħu jintegraw fis-suq tax-xogħol;

B.

billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C.

billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozji proprji;

D.

billi l-Ġermanja ressqet l-applikazzjoni EGF/2014/014 DE/Aleo Solar għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għal 657 sensja, 390 minn Aleo Solar AG, kumpanija li topera fis-settur NACE 2 Diviżjoni 26 “Manifattura ta' prodotti tal-kompjuter, elettroniċi u ottiċi”, u 267 minn żewġ sussidjarji tagħha, b'476 persuna mistennija jipparteċipaw fil-miżuri, matul u wara l-perjodu ta' referenza bejn is-7 ta' Marzu 2014 u s-7 ta' Lulju 2014, marbuta ma' tnaqqis fis-sehem mis-suq tal-Unjoni fil-kumpaniji tal-moduli solari;

E.

billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eliġibilità stabbiliti fir-Regolament dwar il-FEG;

1.

Jinnota li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, jaqbel mal-Kummissjoni li l-Ġermanja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.

Jinnota li l-awtoritajiet Ġermaniżi ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fid-29 ta' Lulju 2014, issupplementata b'informazzjoni addizzjonali sat-23 ta' Settembru 2014, u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli mill-Kummissjoni fis-16 ta' Diċembru 2014;

3.

Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Ġermaniżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fil-11 ta' April 2014, ferm qabel id-deċiżjoni u saħansitra l-applikazzjoni dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

4.

Iqis li s-sensji f'Aleo Solar AG huma marbuta ma' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni, bis-sehem tad-dħul taċ-Ċina jiżdied minn 11 % għal 45 %, filwaqt li dak tal-Ġermanja jinoqos minn 64 % għal 21 % bejn l-2005 u l-2011; jinnota li minħabba produzzjoni żejda enormi min-naħa taċ-Ċina fil-moduli solari, li la l-konsumaturi tagħhom stess u lanqas is-suq dinji ma jistgħu jassorbu, il-prezzijiet fl-UE niżlu b'40 % fl-2011 meta mqabbla ma' dawk fl-2010, u għaldaqstant kienu taħt l-ispejjeż ta' produzzjoni ta' Aleo Solar AG; jinnota li fl-2013, l-UE approvat dazji addizzjonali fuq moduli solari li joriġinaw miċ-Ċina, u prezz minimu li, madankollu, għadu taħt l-ispejjeż tal-produzzjoni tal-produtturi Ġermaniżi;

5.

Jinnota li fl-2010 Aleo Solar AG kellha fatturat ta' EUR 550 miljun u profitt ta' EUR 43 miljun u li dan naqas b'mod mgħaġġel mill-2011 u sal-2013 kien laħaq telf ta' EUR 92 miljun; jisħaq fuq il-fatt li saru diversi sforzi għar-ristrutturar u t-titjib fl-effiċjenza, iżda li, sfortunatament, ma rnexxielhiex terġa' tibda tagħmel profitt;

6.

Jinnota li din hi t-tieni applikazzjoni tal-FEG fir-rigward tal-manifattura tal-moduli solari u se jkun hemm aktar fil-ġejjieni;

7.

Jinnota li s-sensji f'Aleo Solar AG mistennija li jkollhom impatt negattiv fuq ir-reġjun ta' Prenzlau/Brandenburg, fejn id-dħul ras għal ras huwa sew taħt il-medja nazzjonali u r-rata tal-qgħad hija l-ogħla fil-Ġermanja bi 15,5 % u 16,4 % rispettivament; jenfasizza li l-inklużjoni tas-sensji minn Aleo Solar AG iżżid din ir-rata b'0,9 %; jiddispjaċih li ma hemm l-ebda prospett immedjat li l-ħaddiema li ngħataw is-sensja jsibu impjiegi ġodda ekwivalenti minħabba densità relattivament baxxa tal-popolazzjoni u n-nuqqas ta' impjegaturi potenzjali: iż-żona għandha l-iktar intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, u 10 intrapriżi biss (0,3 %) għandhom aktar minn 249 ħaddiem (Aleo Solar AG kienet waħda minn dawn l-impjeguri ewlenin);

8.

Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li se jiġi kofinanzjat jinkludi l-miżuri li ġejjin għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-476 ħaddiem li ngħataw is-sensja: taħriġ vokazzjonali, gwida u pariri dwar il-karrieri, gruppi ta' pari/workshops, pariri dwar l-intraprenditorija, pariri interreġjonali għall-mobbiltà, tiftix ta' impjieg minn professjonist tat-tfittxija tal-impjiegi, gwida ta' segwitu għall-ħaddiema li jkunu sabu xogħol ġdid iżda li jistgħu jeħtieġu parir sabiex iżommu dan l-impjieg jew minħabba li dan ikun jinvolvi t-trasferiment f'post ieħor, benefiċċju għat-taħriġ ta' 60 % tad-dħul nett preċedenti tal-ħaddiem, f'konformità mal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG;

9.

Jinnota li l-awtoritajiet jippjanaw li jużaw il-massimu permess ta' 35 % tal-ispejjeż kollha għall-benefiċċji u l-inċentivi fil-forma ta' benefiċċji għal taħriġ (Transferkurzarbeitergeld) li jikkostitwixxi 60 % jew 67 % tad-dħul nett preċedenti ta' ħaddiem – li jiddependi mis-sitwazzjoni tal-familja tal-benefiċjarju – li huwa konformi mal-prattika fejn ħaddiema jisfgħu qiegħda fil-Ġermanja; jinnota li l-benefiċċju għat-taħriġ ma jissostitwixxix miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali, u huwa marbut ma' kundizzjonijiet stretti li wieħed jieħu sehem fit-taħriġ u attivitajiet oħra li ġew organizzati;

10.

Jilqa' l-fatt li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-benefiċjarji fil-mira, filwaqt li tqies il-potenzjal taż-żona u tal-ambjent tan-negozju;

11.

Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;

12.

Jinnota li 164 ħaddiem minn Aleo Solar AG li ngħataw is-sensja f'Prenzlau reġgħu ngħataw ix-xogħol b'mod temporanju minn konsorzju Asjatiku, li xtara l-impjant mil-likwidatur; jinnota li r-raġunament tal-awtoritajiet Ġermaniżi li jippermettu lil dawn il-ħaddiema jibbenefikaw mill-miżuri li għandhom jiġu ffinanzjati mill-FEG huwa li s-sigurtà fl-impjieg ġdid tagħhom ma kienitx ċerta dak iż-żmien;

13.

Jinnota li l-104 ħaddiema li ngħataw is-sensja fiċ-ċentru amministrattiv ta' Oldenburg m'humiex inklużi fil-miżuri li għandhom jiġu ffinanzjati mill-FEG; jinnota li s-sitwazzjoni tal-impjiegi f'dan ir-reġjun hija ferm iktar promettenti;

14.

Jiddispjaċih li r-riskju ta' qgħad fuq perjodu ta' żmien twil għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja huwa għoli u għalhekk jenfasizza l-importanza ta' miżuri li jħeġġu l-ħaddiema biex iħarsu lil hinn miż-żona immedjata u jaċċettaw offerti ta' xogħol li jistgħu jinsabu f'reġjuni oħra;

15.

Iqis li l-ħaddiema fil-gruppi ta' età ta' 55-64 u 15-29 qegħdin f'riskju ogħla ta' qgħad u esklużjoni fit-tul mis-suq tax-xogħol; għaldaqstant iqis li dawn il-ħaddiema għandhom bżonnijiet speċifiċi meta jkunu pprovduti approċċ personalizzat;

16.

Ifakkar li, b'mod konformi mal-Artikolu 7 tar-Regolament FEG, id-disinn tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jantiċipa l-perspettivi tas-suq tax-xogħol għall-ġejjieni u l-ħiliet rikjesti u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi u li tkun sostenibbli;

17.

Jenfasizza li l-assistenza mill-FEG tista' tikkofinanzja biss miżuri attivi fis-suq tax-xogħol li jwasslu għal impjieg dewwiemi u fit-tul; itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandha tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont id-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

18.

Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

19.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jagħmel l-arranġamenti għall-publikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

20.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni EGF/2014/014 DE/Aleo Solar, ippreżentata mill-Ġermanja)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2015/473.)