24.4.2015   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 134/52


Dikjarazzjoni tar-raġunijiet tal-Kunsill: Pożizzjoni (UE) Nru 6/2015 tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-għan tal-adozzjoni ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju mit-trasport marittimu, u li jemenda d-Direttiva 2009/16/KE

(2015/C 134/06)

I.   INTRODUZZJONI

1.

Fl-l ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni ppreżentat il-proposta msemmija hawn fuq (1) u l-Valutazzjoni tal-Impatt relatata tagħha lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew.

2.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali adotta l-opinjoni tiegħu fis-16 ta’ Ottubru 2013. (2)

Il-Parlament Ewropew adotta l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari fis-16 ta’ April 2014 (3), fejn adotta 85 emenda.

3.

Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew mexxew negozjati informali bil-għan li jiġi konkluż qbil fl-ewwel stadju tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (“qbil bikri fit-tieni qari”). Dawn in-negozjati ġew konklużi fit-18 ta’ Novembru 2014 bi qbil proviżorju.

4.

Fit-3 ta’ Diċembru 2014, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (ENVI) tal-Parlament Ewropew approva l-eżitu tan-negozjati ta’ trilogu informali. Fit-3 ta’ Diċembru 2014, il-President tal-Kumitat ENVI informa lill-President tal-Coreper I permezz ta’ ittra li, jekk il-Kunsill jibgħat formalment lill-Parlament Ewropew il-pożizzjoni tiegħu kif maqbul, soġġett għal verifika legali-lingwistika, huwa, flimkien mar-Relatur, ser jirrakkomanda lill-Plenarja li l-pożizzjoni tal-Kunsill tiġi aċċettata mingħajr emendi fit-tieni qari tal-Parlament.

5.

Abbażi ta’ dan, fis-17 ta’ Diċembru 2014, il-Kunsill ikkonferma l-qbil politiku tiegħu rigward it-test ta’ dan ir-Regolament (4), kif kien intlaħaq qbil dwaru miż-żewġ Istituzzjonijiet.

II.   OBJETTIV

L-objettiv prinċipali tar-Regolament propost hu li tiġi stabbilita sistema għall-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika (MRV) tal-emissjonijiet CO2 mit-trasport marittimu, bħala l-ewwel pass lejn sistema globali tal-MRV.

III.   ANALIŻI TAL-POŻIZZJONI TAL-KUNSILL FL-EWWEL QARI

A.   Ġenerali

Wara l-votazzjoni f’seduta plenarja, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill mexxew negozjati bil-għan li jikkonkludu qbil fit-tieni qari abbażi ta’ pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari li l-Parlament seta’ japprova bħala tali. It-test tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari jirrifletti b’mod sħiħ il-kompromess li ntlaħaq bejn il-koleġislaturi.

B.   Kwistjonijiet prinċipali

L-emendi li saru għall-proposta tal-Kummissjoni jirriflettu ġeneralment il-ħtieġa biex jinsab il-bilanċ korrett fl-istabbiliment tas-sistema ta’ monitoraġġ, rappurtar u verifika (MRV) li tibqa’ flessibbli, filwaqt li jiġu żgurati kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni minimi u jiġi minimizzat il-piż amministrattiv.

B’mod aktar speċifiku, il-kwistjonijiet prinċipali li ħtieġu modifiki mqabbla mal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni kienu:

(a)

il-lista ta’ definizzjonijiet, li espandiet, b’definizzjonijiet ġodda, miżjuda u oħrajn li qed jiġu speċifikati ulterjorment;

(b)

il-kontenut tal-proċedura u l-proċedura għall-modifiki għall-pjan ta’ monitoraġġ;

(c)

it-tipi ta’ monitoraġġ tal-emissjonijiet CO2, fejn ġiet introdotta eżenzjoni partikolari għal monitoraġġ abbażi ta’ kull vjaġġ; il-possibbiltà ta’ monitoraġġ u rappurtar fuq bażi volontarja, kemm ta’ kull sena u għal kull vjaġġ, punti ta’ informazzjoni addizzjonali, bħal dawk relatati mal-klassi tas-silġ tal-bastiment u n-navigazzjoni minn ġewwa s-silġ, ukoll ġew inklużi;

(d)

l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ta’ verifika bil-għan tal-kjarifika tas-sekwenzjar ta’ azzjonijiet u s-simplifikazzjoni tal-proċedura;

(e)

l-istruttura u l-kontenut tal-konformità u l-mekkaniżmi għall-penali, flimkien mar-rabtiet possibbli għad-Direttiva 2009/16/KE dwar il-kontroll tal-istat tal-port;

(f)

it-tħassir tar-rabta għar-Regolament (UE) Nru 525/2013 dwar mekkaniżmu għall-monitoraġġ u r-rappurtar ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra u għar-rappurtar ta’ informazzjoni oħra relatata mat-tibdil fil-klima fil-livelli nazzjonali u tal-Unjoni;

(g)

l-informazzjoni li għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni, ir-rikonoxximent ta’ eżenzjoni (limitata) minn dik il-pubbliċità, kif ukoll it-tipi differenti ta’ rapporti li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi skont ir-Regolament;

(h)

l-ambitu tal-Anness II, fejn ġiet introdotta distinzjoni possibbli bejn tipi differenti ta’ bastimenti u l-ispeċifikazzjoni ulterjuri ta’ parametri applikabbli għall-kalkolu ta’ merkanzija li tinġarr permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni; u,

(i)

l-ambitu tal-atti delegati previsti fir-Regolament.

IV.   KONKLUŻJONI

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti b’mod sħiħ il-kompromess milħuq fin-negozjati informali bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, bil-qbil tal-Kummissjoni.

Dan il-kompromess ġie kkonfermat permezz ta’ ittra mill-President tal-Kumitat ENVI tal-Parlament Ewropew indirizzata lill-Presidenza u bid-data tat-3 ta’ Diċembru 2014. Huwa ġie approvat sussegwentement mill-Kunsill (ENV) fis-17 ta’ Diċembru 2014 permezz tal-adozzjoni tal-qbil politiku.


(1)  11851/13.

(2)  CESE 5340/2013.

(3)  8671/14.

(4)  16238/14.