18.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 177/41


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro”

(COM(2015) 692 final)

(2016/C 177/07)

Relatur:

is-Sur Michael IKRATH

Korelatur:

is-Sinjura Anne DEMELENNE

Nhar it-22 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro

(COM(2015) 692 final).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, li kienet inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Marzu 2016.

Matul il-515-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Marzu 2016 (seduta tas-17 ta’ Marzu 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’201 vot favur, 3 voti kontra u 6 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Fil-prinċipju, il-KESE jilqa’ l-istabbiliment ta’ programmi ta’ prijorità ekonomika maħsuba biex jistimolaw it-tkabbir fil-pajjiżi taż-żona tal-euro fil-bidu tas-Semestru Ewropew. Madankollu, il-KESE jiddispjaċih li s-soċjetà ċivili u b’mod partikolari l-imsieħba soċjali ma ġewx ikkonsultati la fit-tfassil u lanqas fil-proċessi nazzjonali tas-Semestru Ewropew.

1.2.

Il-KESE jemmen li, permezz ta’ dawn ir-rakkomandazzjonijiet, id-distakk eżistenti bejn il-pajjiżi taż-żona tal-euro u l-Istati Membri l-oħrajn taħt l-ebda ċirkostanza ma għandu jiġi estiż, iżda għandu jitnaqqas. B’mod partikolari, l-għan huwa li nħarsu fit-tul sabiex niżviluppaw l-euro biex issir il-munita komuni tal-Istati Membri kollha.

1.3.

Il-KESE jagħraf l-importanza tad-dokument tal-Kummissjoni għall-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM). Kif innutat f’opinjonijiet preċedenti (1), il-Kumitat huwa ferm favur it-tisħiħ u l-ikkompletar tal-UEM. L-Istati Membri, permezz ta’ azzjoni individwali jew flimkien, għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw aktar konverġenza u integrazzjoni, speċjlament fil-qasam ekonomiku. Dan għandu jsir f’mod parallel ma’ progress biex jiġu stabbiliti unjoni fiskali għaż-żona tal-euro (inkluż baġit apposta), unjoni soċjali, u rappreżentanza esterna unifikata fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali

1.4.

Il-KESE jirrikonoxxi l-ħtieġa politika li ż-żona tal-euro tingħata bażi istituzzjonali u politika soda, ħaġa li sa issa ma saritx minn mindu ġiet stabbilita l-unjoni monetarja (2). Inizjattivi individwali, bħall-ħolqien ta’ unjoni bankarja jew Unjoni tas-Swieq Kapitali, għandhom jintlaqgħu b’sodifazzjoni, iżda ma għandhomx jieħdu post l-arkitettura robusta li hija meħtieġa.

1.5.

Jista’ jiġi nnotat ukoll li l-programmi ta’ investiment riċenti fl-inizjattivi qawwija favur l-impjiegi baqgħu ma laħqux l-għanijiet tagħhom biżżejjed. Għall-irkupru tat-tkabbir u tal-impjiegi, hija meħtieġa taħlita ta’ politiki finanzjarji, fiskali, baġitarji, ekonomiċi u soċjali. B’kuntrast għar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, l-enfasi tal-politika fiskali għandha titfassal sabiex tkun aktar ta’ espansjoni milli newtrali.

1.6.

Il-KESE jemmen li pożizzjoni fiskali newtrali, għalkemm hija ppreferuta minn awsterità fiskali kontinwa, mhijiex adatta fiċ-ċirkostanzi attwali. Fid-dawl tal-fatt li r-reċessjoni twassal għal potenzjal ta’ tkabbir aktar baxx, il-politiki fiskali fiż-żona tal-euro għandhom jagħmlu aktar mis-soltu sabiex jistimolaw l-ekonomija taż-żona tal-euro inġenerali. F’dan il-punt, ir-riskji minn tkabbir ekonomiku eċċessiv u mhux sostenibbli huma ferm aktar baxxi mir-riskji minn deflazzjoni jew inflazzjoni baxxa kontinwi. Għaldaqstant, il-KESE jirrakkomanda stimolu fiskali li jkun jiffoka fuq l-investiment pubbliku: dan joħloq domanda akbar fi żmien qasir, iżda jespandi wkoll il-potenzjal tat-tkabbir fit-tul.

1.7.

Barra dan, il-KESE jaqbel ma’ tnaqqis tat-taxxa fuq ix-xogħol sakemm il-vijabbiltà finanzjarja tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali, li diġà huma dgħajfa, ma tiġix mhedda. Il-Kumitat ifakkar li s-sistemi moderni ta’ protezzjoni soċjali għandhom jibbażaw fuq il-prinċipji tas-solidarjetà u tal-opportunitajiet indaqs, u mhux biss fuq il-promozzjoni tal-impjegabbiltà. Barra minn hekk, fil-livell baġitarju, għandha tittieħed kunsiderazzjoni tal-konsegwenzi tar-robotika u d-diġitalizzazzjoni, li joħolqu taqlib fis-suq tax-xogħol, aktarx b’impatt fuq id-dħul mit-taxxa.

1.8.

Il-KESE jinnota bi pjaċir li l-aspett tal-flessibbiltà ġie rieżaminat, iżda il-kuntratti temporanji għandhom idealment iwasslu għal kuntratti permanenti, u mhux għal impjieg prekarju. Għall-ġlieda kontra l-inugwaljanzi soċjali li qed jiżdiedu, hemm bżonn li jinħolqu l-impjiegi u li ssir enfasi fuq il-kwalità tax-xogħol. Fl-istess ħin, il-potenzjal tal-ekonomija kollaborattiva għandu jiġi sfruttat u mhux ipperikolat; għandhom jiġu introdotti forom ġodda ta’ impjieg u ta’ xogħol għall-benefiċċju tas-soċjetà, mingħajr ma jiddgħajfu d-drittijiet tal-ħaddiema u s-sistemi ta’ protezzjoni soċjali.

1.9.

Matul l-aħħar tmien snin, it-tkabbir fiż-żona tal-euro kien qed isofri minħabba domanda dgħajfa u mhux minħabba provvista baxxa. L-aġġustament tas-suq tax-xogħol kien żbilanċjat u asimmetriku, billi sar l-aktar permezz ta’ pagi reali u nominali aktar baxxi u kostijiet tal-unità lavorattiva fl-Istati Membri li l-agħar li ntlatu mill-kriżi. Għalhekk, il-KESE jikkonkludi li r-riformi strutturali waħedhom, li għandhom l-għan li jtejbu l-lat tal-provvista tal-ekonomiji u b’hekk jistimolaw l-investiment u t-tkabbir, ma jistgħux ikunu r-risposta għall-problema ta’ rkupru dgħajjef. Għall-inqas, għandhom jiġu prijoritizzati r-riformi strutturali li jista’ jkollhom effetti pożittivi fuq id-domanda fi żmien qasir u saħansitra taħt restrizzjonijiet ta’ kreditu għall-familji u l-intrapriżi.

1.10.

Il-KESE jappella wkoll għal sforz ikkoordinat sabiex jinħoloq ambjent li jiffavorixxi aktar in-negozju għal intrapriżi żgħar u medji (99 % tal-kumpaniji fl-UE u madwar 60 % tal-ħaddiema, jew madwar 65 miljun persuna) permezz ta’ regolamentazzjoni aħjar u tnaqqis konsistenti tal-burokrazija, u l-iżgurar ta’ finanzjament suffiċjenti u adatt (“Aċċess għall-Finanzi”) (3) kif ukoll faċilitazzjoni sistematika tal-esportazzjonijiet lejn swieq barra mill-Unjoni Ewropea. Dan jiġġenera interess kummerċjali għal investiment fit-tkabbir u fl-impjiegi.

1.11.

Il-KESE jilqa’ l-inizjattivi għall-iffinanzjar tal-SMEs fi ħdan l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Madankollu, hemm ħtieġa partikolari li jinfetħu opportunitajiet ta’ finanzjament ġodda għall-mikrointrapriżi u l-istart-ups, bħal kapital inizjali (seed capital), kapital ta’ riskju (venture capital), investiment u finanzjament kollettiv (crowd investing and financing) u forom innovattivi bħal ekwità privata. F’dan il-kuntest, il-KESE jenfasizza l-ħtieġa li jinħoloq fond ta’ kapital ta’ riskju tal-UE, skont pjan. Jeħtieġ li ssir evalwazzjoni urġenti sabiex niskopru l-opportunitajiet li jistgħu joffru il-mudelli ġodda tal-banek Iżlamiċi (4) għall-finanzjament korporattiv fl-UE.

2.   Kuntest

2.1.

Wara r-Rapport tal-Ħames Presidenti dwar l-Ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa, hemm approċċ imġedded fi ħdan is-Semestru Ewropew sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni bejn iż-żona tal-euro u l-livelli nazzjonali. Għall-ewwel darba, il-Kummissjoni qed tippubblika rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro f’Novembru, flimkien mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2016, għal integrazzjoni aħjar taż-żona tal-euro u d-dimensjonijiet nazzjonali tal-governanza ekonomika tal-UE.

2.2.

L-għan huwa li tingħata opportunità għal diskussjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar iż-żona tal-euro, qabel isiru d-diskussjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, sabiex b’hekk l-isfidi komuni jkunu riflessi b’mod sħiħ fl-azzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. Din hija bidla importanti miċ-ċikli tas-semestru preċedenti, meta r-rakkomandazzjonijiet dwar iż-żona tal-euro waslu lejn l-aħħar tas-semestru, fl-istess żmien tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

2.3.

Il-Kummissjoni ppreżentat erba’ rakkomandazzjonijiet dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro:

jiġu segwiti politiki li jappoġġjaw l-irkupru, irawmu l-konverġenza, jiffaċilitaw il-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi u jtejbu l-kapaċità tal-aġġustament,

jiġu implimentati riformi li jikkombinaw kuntratti tax-xogħol flessibbli u affidabbli, strateġiji komprensivi għat-tagħlim tul il-ħajja, politiki effettivi maħsuba biex jgħinu lill-persuni qiegħda jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol, sistemi moderni ta’ protezzjoni soċjali u swieq miftuħa u kompetittivi tal-prodotti u tas-servizzi. Jitnaqqas il-porzjon tat-taxxa fuq ix-xogħol, b’mod partikolari fuq dawk li jaqilgħu paga baxxa, b’mod newtrali fuq il-baġit, bil-għan li jitrawwem il-ħolqien tal-impjiegi,

tinżamm il-pożizzjoni fiskali ġeneralment newtrali ppjanata għall-2016. Bi tħejjija għall-2017, jitnaqqas id-dejn pubbliku sabiex jiġu stabbiliti mill-ġdid il-bafers fiskali filwaqt li tiġi evitata l-proċikliċità, b’rispett sħiħ lejn il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, u

jiġi ffaċilitat it-tnaqqis gradwali tas-self improduttiv tal-banek u jittejbu l-proċedimenti ta’ insolvenza għan-negozji u għall-familji.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Għall-ewwel darba, l-abbozz ta’ rakkomandazzjonijiet taż-żona tal-euro qed jiġu ppubblikati fil-bidu taċ-ċiklu tas-semestru Ewropew flimkien mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT), ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija (AMR) u l-abbozz ta’ Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi. Il-KESE jaqbel li dan il-proċess ġdid jista’ jgħin sabiex jitqiesu aħjar il-kunsiderazzjonijiet taż-żona tal-euro kollha fit-tfassil tal-politiki nazzjonali ppreżentati fil-Programmi ta’ Stabbiltà u fil-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali.

3.2.

Il-KESE jiddispjaċih li l-imsieħba soċjali u s-soċjetà ċivili fil-biċċa l-kbira ma ġewx ikkonsultati dwar it-tfassil tal-abbozz tar-rakkomandazzjonijiet ekonomiċi taż-żona tal-euro u li l-proċessi nazzjonali għadhom mhux aġġustati għal dan il-proċess ġdid tas-semestru. Fil-qafas tas-Semestru tal-UE, id-djalogu soċjali jista’ jkun il-forza li tixpruna riformi ekonomiċi, tal-impjieg u soċjali li jirnexxu, u jkunu sostenibbli u inklużivi. L-imsieħba soċjali fil-livelli kollha għandhom jaslu fi ftehom mal-awtoritajiet pubbliċi rilevanti dwar involviment reali, f’waqtu u rilevanti fis-Semestru Ewropew. Barra da, il-KESE jirrakkomanda bil-qawwi kooperazzjoni kontinwa u mill-qrib bejn is-Sezzjoni ECO tal-KESE u l-Kumitat ECON tal-PE fil-futur.

3.3.

Il-KESE jappoġġja l-enfasi fuq approċċ ikkoordinat mill-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro, iżda anke fil-politiki monetarji, fiskali u mil-lat strutturali/tal-provvista. Barra minn hekk, il-KESE jissuġġerixxi li l-enfasi tar-riformi strutturali għandha tkun fuq il-miżuri politiċi, sabiex b’hekk ikun jista’ jiġi appoġġjat l-irkupru ekonomiku fi żmien qasir. Rigward il-flessibbiltà tas-swieq tax-xogħol, din ma għandhiex tirriżulta, bħal fis-snin preċedenti, f’telf ta’ kapaċità tal-akkwist fil-forza tax-xogħol, u b’hekk ma tkun mhedda d-domanda domestika bħala xprun ewlieni tat-tkabbir. Dan ifisser li l-kompetizzjoni għandha titmexxa minn kwalità akbar u tkabbir tal-produttività permezz tal-innovazzjoni u mhux permezz ta’ prezzijiet u pagi baxxi.

3.4.

Għalkemm il-KESE jirrikonoxxi l-isfidi enormi tat-tisħiħ u l-iżvilupp ulterjuri tal-euro li huma meħtieġa f’dan iż-żmien u li ser ikunu meħtieġa fil-futur qrib sabiex jipprovdu protezzjoni dejjiema għall-euro u għaż-żona tal-euro, huwa jemmen li l-objettivi li ġejjin huma mixtieqa:

Tiġi stabbilita rappreżentanza esterna unifikata għaż-żona tal-euro fil-fora internazzjonali (Fond Monetarju Internazzjonali, OECDF, eċċ.). (5),

It-twaqqif ta’ unjoni fiskali tal-euro,

It-twaqqif ta’ unjoni soċjali, li jfisser li l-imsieħba soċjali għandhom jiġu inklużi saħansitra aktar mill-Kummissjoni, mill-Kunsill u mill-Parlament fl-inizjattivi leġislattivi kollha.

3.5.

Fid-dawl tar-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020 u fit-tħejjija tal-analiżi dwar il-QFP wara l-2020, il-KESE jissuġġerixxi li ż-żona tal-euro għandu jkollha baġit apposta li għandu: (1) jipprovdi trasferiment, temporanju iżda sinifikanti, ta’ riżorsi f’każ ta’ skossi reġjonali; (2) jimmitiga reċessjonijiet severi fiż-żona inġenerali; (3) jiżgura stabbiltà finanzjarja. Bl-istess argument, iż-żona tal-euro għandu jkollha – bħala l-ewwel pass lejn governanza ekonomika – il-Ministru tal-finanzi proprju tagħha b’riżorsi proprja apposta skont il-prinċipju tas-sempliċità, it-trasparenza, l-ekwità u l-kontabilità demokratika

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.    Żbilanċi makroekonomiċi

4.1.1.

Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li r-riformi strutturali fl-Istati Membri għandhom jissoktaw skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi għall-pajjiżi, sabiex titrawwem il-konverġenza u tiġi faċilitata l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Madankollu, għandu jkun hemm bilanċ bejn ir-riformi strutturali u l-investiment f’attivitajiet produttivi li jwasslu għall-ħolqien ta’ impjiegi.

4.1.2.

Il-KESE jilqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li l-Istati Membri b’eċċessi kbar fil-kontijiet kurrenti għandhom jimplimentaw, bħala prijorità, miżuri li jgħinu sabiex jidderieġu t-tfaddil eċċessiv lejn l-ekonomija domestika u b’hekk jagħtu spinta lill-investiment domestiku. Madankollu, dawn il-miżuri ma għandhomx ikunu limitati għan-naħa tal-provvista (pereżempju, ir-riformi fis-swieq tal-prodotti), iżda għandhom jinkludu wkoll inizjattivi governattivi aktar deċiżivi fuq l-aspett tal-investiment pubbliku, bħall-pjan attwali ta’ Juncker (6).

4.1.3.

Il-KESE jemmen li s-sussidji tal-Istat għandhom jiġu allinjati, b’mod partikolari, mal-SMEs innovattivi. Sabiex din il-kategorija ta’ intrapriża tiġi pprovduta b’aċċess aktar faċli għall-finanzi, hija r-responsabbiltà tal-Istat, fuq naħa waħda, li jagħti finanzjament li jipprovdi impuls u, fuq in-naħa l-oħra, li jipprovdi sistema ta’ garanziji pubbliċi. L-interazzjoni rilevanti bejn l-Istat, l-SMEs u l-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka hija element importanti tas-sistema ta’ investiment.

4.1.4.

Il-KESE jenfasizza l-fatt li l-esportazzjonijiet jirrappreżentaw xprun ta’ tkabbir ewlieni għall-SMEs fiż-żona tal-euro. Minbarra r-rata tal-kambju favorevoli bejn l-euro u d-dollaru kkawżata mill-politika monetarja tal-BĊE, il-Ftehimiet dwar il-Kummerċ Ħieles huma essenzjali sabiex jiżdiedu l-esportazzjonijiet. Għalkemm il-KESE jappoġġja l-enfasi attwali fuq in-negozjar tat-TTIP, bl-istess mod huwa jirrakkomanda wkoll li jiġi konkluż ftehim li jiffaċilita l-aċċess għas-suq tal-kumpaniji Ewropej fil-kummerċ tagħhom ma’ swieq emerġenti bi tkabbir għoli. Huwa importanti li jiġu garantit il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards tal-ILO, id-drittijiet tal-konsumaturi u l-istandards ambjentali fis-seħħ fi ħdan l-UE.

4.2.    Is-swieq tax-xogħol, tal-prodotti u tas-servizzi

4.2.1.

Il-KESE jinnota li għalkemm, kif tirrapporta l-Kummissjoni Ewropea, is-swieq tax-xogħol qed ikomplu jitjiebu b’mod gradwali, ma ssir ebda referenza għall-fatt li r-rata tal-impjieg fiż-żona tal-euro ta’ 68,9 % fl-2015 għadha ferm inqas mill-mira ewlenija ta’ 75 % tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-KESE jinnota li skont l-evidenza mogħtija mis-servizzi tal-Kummissjoni Ewropea (database ta’ LABREF), ma jidhirx li hemm relazzjoni pożittiva bejn l-għadd ta’ riformi fis-suq tax-xogħol implimentati fi kwalunkwe stadju (qabel jew wara l-kriżi) u l-prestazzjoni tal-Istati Membri fis-suq tax-xogħol (7).

4.2.2.

Ir-riformi strutturali fis-swieq tax-xogħol għandhom jiffavorixxu l-investiment soċjali, jiġifieri miżuri li jappoġġjaw it-taħriġ kontinwu tal-ħaddiema impjegati u dawk qiegħda, u jiżguraw li tiġi promossa s-sigurtà finanzjarja tagħhom, b’mod partikolari tal-persuni qiegħda. Barra dan, il-KESE jappoġġja t-tnaqqis tat-taxxa fuq ix-xogħol, sakemm jiġi kkumpensat minn sorsi oħra ta’ dħul pubbliku. Fiż-żmien medju, il-parteċipazzjoni ogħla fis-suq tax-xogħol tista’ tikkontribwixxi wkoll għal dan il-proċess.

4.2.3.

Bil-għan li tissolva l-problema tas-sostenibbiltà u tal-kompetittività Ewropea, il-KESE jirrakkomanda t-twaqqif ta’ Parteċipazzjoni Diġitali skont il-mudell tal-Grupp Airbus li rnexxa ħafna. Din il-kooperazzjoni multinazzjonali tinkludi diversi sussidjarji minn Stati Membri tal-UE differenti u hija attur ewlieni fl-ekonomija u l-industrija Ewropea.

4.2.4.

Id-dominanza diġitali tal-Istati Uniti diġà tirrappreżenta forma ġdida ta’ dominanza globali. Jistgħu jiġu osservati effetti partikolarment drammatiċi fis-settur finanzjarju, fejn il-banek Amerikani kbar tal-investiment diġà ħolqu l-aktar rabtiet kapitali b’saħħithom ma’ FinTechs (teknoloġiji finanzjarji) innovattivi, li min-naħa tagħhom huma ta’ theddida għall-mudell Ewropew tal-banek klassiċi għall-konsumaturi (l-hekk imsejħa “Boring Banks”) u jistgħu jikkompetulhom b’suċċess fil-funzjonijiet ewlenin tagħhom.

4.2.5.

Bil-għan li jiġu ddisinjati u żviluppati d-dettalji ta’ mudell komparabbli ta’ Parteċipazzjoni Diġitali Ewropea, il-KESE jissuġġerixxi l-ħolqien fi żmien qasir ta’ grupp tal-proġett interdixxiplinari. Dan il-grupp għandu jinkludi rappreżentanti tal-Kummissjoni (il-Kummissarju Oettinger) u l-Parlament tal-UE (il-Kumitat ITRE) u jitmexxa bl-involviment tal-KESE. Fir-rigward tal-kwistjoni tal-finanzjament, huwa importanti li mill-bidu nett tingħata attenzjoni lill-kompatibbiltà mal-Pjan ta’ Investiment ta’ Juncker. Permezz ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Unitajiet tal-Kompetenza tal-Parteċipazzjoni Diġitali u l-SMEs infushom ser jingħata impetu qawwi għat-tkabbir u għal impjiegi ġodda.

4.3.    Politiki fiskali

4.3.1.

Il-KESE jilqa’ l-enfasi tal-Kummissjoni Ewropea li tikkunsidra l-pożizzjoni fiskali għaż-żona tal-euro b’mod ġenerali meta tfassal linji gwida għall-politiki fiskali nazzjonali. Madankollu, il-KESE jinnota, mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tal-BĊE, in-nuqqas li jispikka ta’ analiżi tal-iżviluppi fil-politika monetarja fiż-żona tal-euro fil-valutazzjoni tal-adegwatezza ta’ pożizzjoni ta’ politika fiskali newtrali. Din hija sitwazzjoni stramba, meta wieħed iqis li l-membri tal-kunsill governattiv tal-BĊE kienu qegħdin jirreferu ripetutament u pubblikament għall-politiki fiskali taż-żona tal-euro (8).

4.3.2.

Din hija ommissjoni inkwetanti hekk kif iż-żona tal-euro bħalissa tinsab f’sitwazzjoni fejn il-kapaċità tal-politika monetarja biex tistimola d-domanda hija limitata ħafna. Id-domanda ilha dgħajfa għal tant żmien li l-inflazzjoni (anke meta ma jiġux ikkunsidrati l-prezzijiet taż-żejt) hija ferm taħt il-mira ta’ 2 % tal-BĊE, filwaqt li r-rati tal-imgħax tal-politika ewlenija tal-BĊE huma kważi żero, sabiex b’hekk ma jistax isir aktar tnaqqis sostanzjali. L-ekonomija taż-żona tal-euro tinsab fl-hekk imsejħa “nasba ta’ likwidità” u qiegħda f’riskju li tinqabad f’“nasba ta’ deflazzjoni” jekk l-inflazzjoni ma taqbadx ir-ritmu mill-aktar fis. Jekk dan iseħħ, mela allura l-ekonomija taż-żona tal-euro tibqa’ staġnata għal ħafna snin, sitwazzjoni li eventwalment tkun ta’ theddida għall-vijabbiltà politika tal-euro.

4.3.3.

Il-politika mhux konvenzjonali ta’ tnaqqis kwantitattiv segwita sew mill-BĊE mill-bidu tal-2015 ma tidhirx li għamlet differenza konsiderevoli (9) fl-istimolu tad-domanda. Taħt dawn iċ-ċirkostanzi u fid-dawl tal-preżenza tal-fenomeni ta’ “istereżi” msemmija fuq (fejn ir-reċessjoni twassal għal potenzjal ta’ tkabbir aktar baxx), il-politiki fiskali fiż-żona tal-euro għandhom jagħmlu aktar mis-soltu sabiex jistimolaw l-ekonomija inġenerali taż-żona tal-euro (10). Fid-dawl tal-limitazzjonijiet tal-politika fiskali fl-Istati Membri fin-nofsinhar taż-żona tal-Euro, il-politiki fiskali fl-Istati Membri b’inflazzjoni taħt il-mira, l-ispejjeż baxxi tat-teħid ta’ self pubbliku, il-proporzjonijiet komparattivament baxxi tad-dejn pubbliku/PDG u l-eċċessi fil-kontijiet kurrenti għandhom jespandu sabiex jimbottaw l-inflazzjoni ‘l fuq mill-mira ta’ 2 % tal-BĊE, sabiex b’hekk, bħala medja, l-inflazzjoni fiż-żona tal-euro tkun tista’ terġa’ taqbad pass mgħaġġel u tilħaq il-mira. F’dan il-punt, ir-riskji minn tkabbir ekonomiku eċċessiv u mhux sostenibbli huma ferm aktar baxxi mir-riskji minn deflazzjoni jew inflazzjoni baxxa kontinwi.

4.3.4.

Madankollu, minħabba t-tħassib dwar is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku, f’kuntest ta’ żviluppi demografiċi, il-politiki fiskali espansjonarji, speċjalment fl-Istati Membri b’eċċessi kbar fil-kontijiet kurrenti, jistgħu u għandhom jespandu billi tiżdied in-nefqa fuq l-investiment pubbliku. Stimolu fiskali li jiffoka fuq l-investiment pubbliku joħloq domanda akbar fi żmien qasir, iżda jespandi wkoll il-potenzjal tat-tkabbir fit-tul. Tali investiment pubbliku jista’ jiffoka mhux biss fuq l-infrastruttura iżda wkoll fuq il-politiki dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet (“investiment soċjali”).

4.4.    Is-settur finanzjarju

4.4.1.

Il-KESE jappella għall-ħolqien ta’ liġi Ewropea dwar l-insolvenza, minn naħa waħda, sabiex tinfetaħ il-possibbiltà ta’ ħelsien mid-dejn għall-familji u, min-naħa l-oħra, sabiex ikun aktar faċli għal startups f’każ ta’ falliment kummerċjali. B’dan il-mod, il-familji ser ikollhom kapaċità tal-akkwist akbar u ser jitħeġġu l-istartups.

4.4.2.

Problema serja li għadha ma ssolvietx hija l-fatt li bħalissa hemm madwar EUR 900 biljun ta’ self improduttiv fil-banek taż-żona tal-euro. Huwa biss permezz tat-tnaqqis ta’ tali self li l-banek ikunu jistgħu jespandu s-self tagħhom għan-negozji u għall-familji, sabiex b’hekk tiżdied l-effettività tal-politika monetarja laxka tal-BĊE bil-għan li jittejbu l-prospetti tat-tkabbir u tissaħħaħ il-fiduċja fis-suq. L-istituzzjonijiet politiċi u regolatorji rilevanti taż-żona tal-euro għandhom jintalbu jippreżentaw kunċetti rilevanti dwar dan is-suġġett.

4.4.3.

Bħala wieħed mill-għanijiet ċentrali b’konsegwenza tal-kriżijiet finanzjarji, kien hemm kunsens sabiex jitnaqqsu b’mod sinifikanti r-riskji sovrani fil-karti bilanċjali tal-banek Ewropej. Is-sitwazzjoni preżenti tal-biċċa l-kbira tal-banek turi li r-riskji sovrani żdiedu b’mod drammatiku. Il-KESE jenfasizza li l-ewwel prijorità għandha tkun li jitnaqqsu dawn ir-riskji sovrani fil-karti bilanċjali sabiex tiġi garantita l-istabbiltà futura tas-settur bankarju u finanzjarju, anke fid-dawl tal-proposta reċenti tal-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (11).

4.4.4.

Il-KESE jinnota li sabiex kwalunkwe effett pożittiv fuq id-domanda jimmaterjalizza, jeħtieġ li l-familji u n-negozji ma jkollhomx likwidità limitata. L-irkupru ta’ flussi ta’ kreditu pożittivi għandu jgħin sabiex titħeġġeġ id-domanda iżda wkoll biex tiżdied l-effettività tal-politika monetarja tal-BĊE fit-titjib tal-prospetti tat-tkabbir u t-tisħiħ tal-fiduċja fis-suq. L-istituzzjonijiet politiċi u regolatorji rilevanti taż-żona tal-euro għandhom jintalbu jippreżentaw kunċetti rilevanti dwar dan is-suġġett.

4.4.5.

Barra minn hekk, il-KESE jitlob li l-aġenda tar-riforma u l-korpi regolatorji jpoġġu aktar enfasi fuq trasparenza akbar u fuq is-superviżjoni ta’ entitajiet mhux bankarji sabiex jiggarantixxu b’mod sostenibbli l-istabbiltà tas-sistemi finanzjarji u jiksbu lura l-funzjoni tagħhom għall-ekonomija reali, b’mod partikolari fil-qasam tat-titolizzazzjoni (12). Għandu jiġi żgurat li t-titoli ma jintużawx bħala strumenti ta’ investiment spekulattiv mill-fondi spekulattivi u mill-istituzzjonijiet finanzjarji li l-għan tagħhom huwa li jimmassimizzaw ir-rendiment (fondi opportunistiċi).

4.4.6.

Peress li l-kriżi finanzjarja kienet fil-parti l-kbira tagħha kkawżata mill-attivitajiet spekulattivi tal-banek ta’ investiment, in-negozju bankarju spekulattiv għadu theddida latenti għall-istabbiltà tas-suq finanzjarju. Għadu ma ġiex eżaminat bir-reqqa kif jistgħu jseħħu l-attivitajiet ta’ kummerċ spekulattiv ħafna, bħal kummerċ ta’ frekwenza għolja, meta l-objettiv huwa li jkun hemm swieq aktar stabbli fid-dinja, u jeħtieġ li l-prattiki ta’ investiment b’riskju baxx u n-negozju tas-self ikunu strettament mifrudin mill-attivitajiet ta’ investiment bankarju b’riskju għoli. Għal dan il-għan, diġà hemm għadd ta’ mudelli bħall-mudell Vickers u r-Regola Volcker. Il-KESE jirrakkomanda t-twaqqif ta’ Att Glass-Steagall fl-Unjoni Ewropea, hekk kif swieq finanzjari oħrajn (bħall-Istati Uniti u l-pajjiżi BRICS) qed jiddiskutu li jerġgħu jintroduċuh sabiex itejbu l-istabbiltà tas-settur bankarju. Dan jevita r-riskji għal min ifaddal u min iħallas it-taxxa.

Brussell, is-17 ta’ Marzu 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Ara l-Opinjonijiet tal-KESE dwar “L-ikkompletar tal-UEM – il-leġislatura Ewropea li jmiss” (ĠU C 451, 16.12.2014, p. 10) u dwar “L-ikkompletar tal-UEM: il-pilastru politiku”(ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8).

(2)  Idem.

(3)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Pjan ta’ Azzjoni dwar Unjoni tas-Swieq Kapitali” (ĠU C 133, 14.4.2016, p. 17).

(4)  Ara pereżempju l-kummenti fl-opinjonijiet preċedenti tal-KESE dwar “Strutturi ta’ finanzjament għall-SMEs fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja attwali” (ĠU C 48, 15.2.2011, p. 33) u dwar “Pjan ta’ azzjoni għat-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs” (ĠU C 351,15.11.2012, p. 45) rigward il-finanzi Iżlamiċi.

(5)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Ir-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro” (ara l-paġna 16 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(6)  OFCE, ECLM, IMK, AK-Wien, INE-GSEE (2015), L-Istħarriġ Annwali Indipendenti dwar it-Tkabbir 2016, Pariġi.

(7)  ETUI/ETUC (2015), Benchmarking Working Europe 2015, Brussell, ETUI, p. 26.

(8)  L-aktar eżempju prominenti kien id-diskors “Unemployment in the Euro area” (“Il-qgħad fiż-żona tal-Euro”) mill-President Draghi f’Jackson Hole f’Awwissu 2014 (https://www.ecb.europa.eu/press/key/date/2014/html/sp140822.en.html)

(9)  http://epthinktank.eu/2015/12/10/the-ecbs-quantitative-easing-early-results-and-possible-risks/

(10)  Theodoropoulou S. (2015), How to avert the risk of deflation in Europe: rethinking the policy mix and European economic governance, Brussell ETUI.

(11)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti” (ara l-paġna 21 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

(12)  Ara l-opinjoni tal-KESE dwar “Qafas legali għat-titolizzazzjoni” (ĠU C 82, 3.3.2016, p. 1).