18.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 177/16


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bank Ċentrali Ewropew – Pjan ta’ direzzjoni lejn rappreżentanza esterna aktar konsistenti taż-Żona tal-Euro f’fora internazzjonali”

(COM(2015) 602 final)

u dwar

“Il-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi miżuri bl-għan li tiġi stabbilita progressivament rappreżentanza unifikata taż-Żona tal-Euro fil-Fond Monetarju Internazzjonali”

(COM(2015) 603 final – 2015/0250 (NLE))

(2016/C 177/03)

Relatur:

is-Sur Petr ZAHRADNÍK

Nhar il-11 ta’ Novembru 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Bank Ċentrali Ewropew – Pjan ta’ direzzjoni lejn rappreżentanza esterna aktar konsistenti taż-Żona tal-Euro f’fora internazzjonali

(COM(2015) 602 final)

u dwar

Proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi miżuri bl-għan li tiġi stabbilita progressivament rappreżentanza unifikata taż-Żona tal-Euro fil-Fond Monetarju Internazzjonali

(COM(2015) 603 final – 2015/0250 (NLE)).

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-3 ta’ Marzu 2016.

Matul il-515-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fis-16 u s-17 ta’ Marzu 2016 (seduta tas-17 ta’ Marzu 2016), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’204 voti favur, 5 voti kontra u 3 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet (proposti)

1.1.

Il-konklużjoni ġenerali prinċipali hija li jekk iż-żona tal-euro trid tkun aktar attiva, effettiva u viżibbli fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, jeħtieġ li hija żżid ir-rappreżentanza esterna tagħha. Dan imbagħad għandu jsaħħaħ il-piż relattiv tagħha fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u jagħtiha pożizzjoni aktar prominenti fis-swieq finanzjarji internazzjonali. Il-KESE esprima l-fehmiet tiegħu dwar dan is-suġġett anke qabel ma l-Kummissjoni Ewropea ppubblikat dawn id-dokumenti (1).

1.2.

Il-KESE japprova r-raġunament li jirfed iż-żewġ dokumenti diskussi hawn, jiġifieri li, wara tisħiħ notevoli tal-governanza interna taż-żona tal-euro (speċjalment bejn l-2009 u l-2014), issa jagħmel sens li dan jiġi bbilanċjat permezz tat-titjib tar-rappreżentanza taż-żona fl-ekonomija globali. Dan juri tisħiħ tal-pilastru politiku li jiggarantixxi bilanċ u armonija xerqin bejn il-koeżjoni interna u dak li ż-żona tal-euro teħtieġ biex topera esternament, u jwassal ukoll għal konverġenza fil-mudelli ta’ politika ekonomika tal-pajjiżi fiha.

1.3.

Il-KESE jaqbel ukoll mal-prijoritizzazzjoni tat-tisħiħ tar-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro fil-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI). Hemm għadd ta’ raġunijiet għal dan, ewlenija fosthom ir-rwol dominanti tal-FMI fil-governanza ekonomika globali u fil-politika ekonomika, kif ukoll l-involviment tabilħaqq reali tiegħu fil-pakketti ta’ salvataġġ għal numru ta’ Stati Membri tal-UE fis-snin riċenti.

1.4.

Fl-istess ħin, madankollu, il-KESE jaħseb li r-rappreżentanza esterna mtejba proposta tal-UE jew taż-żona tal-euro hija l-ewwel pass fi proċess sħiħ li ser ikun segwit minn xenarju daqstant dettaljat b’rabta mal-istituzzjonijiet rilevanti l-oħrajn – bħall-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI) jew l-OECD – li għandhom rwol fl-estensjoni tal-miri ta’ Unjoni Bankarja u Unjoni tas-Swieq Kapitali. Il-KESE jipproponi li l-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li żżomm mal-prijorità li ssaħħaħ ir-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro fil-FMI, għandha tfassal ukoll xenarji sabiex tagħmel ir-rabtiet ma’ korpi internazzjonali rilevanti oħrajn aktar b’saħħithom u aktar effettivi, b’attenzjoni partikolari għar-responsabbiltajiet tagħhom.

1.5.

Il-KESE jaqbel bis-sħiħ mal-għan aħħari ta’ siġġu wieħed fil-FMI sal-2025, kif stabbilit fil-proposta għal rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro, kif ukoll max-xenarju sabiex jintlaħaq dan il-għan. Huwa jappoġġja wkoll it-talba tal-Kummissjoni sabiex il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jilħqu kunsens li jagħti ċ-ċans lil dan tal-aħħar jadotta deċiżjoni ġeneralment vantaġġuża dwar l-approċċ propost.

1.6.

Dwar dan il-punt il-KESE jirrakkomanda wkoll li b’mod ċar u espliċitu jiġu ddefiniti, minn naħa, ir-rwoli tar-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro u, min-naħa l-oħra, ir-rabtiet tagħhom ma’ dawk tal-UE kollha kemm hi, bil-ħsieb li tinżamm l-integrità tas-suq uniku. Il-KESE jaħseb li r-rappreżentanza proposta taż-żona tal-euro fil-FMI tinvolvi materji li, fir-realtà u fis-sustanza, mhumiex ristretti biss għaż-żona nnifisha, iżda huma estremament rilevanti wkoll għall-UE kollha kemm hi u għall-Istati Membri kollha tagħha. Fl-istess ħin, il-KESE jappoġġja l-idea li t-tkabbir futur taż-żona tal-euro jiġi kkunsidrat fil-proċess tar-rappreżentanza esterna tagħha. Koordinazzjoni bħal din tista’ tikkostitwixxi raġuni u ġustifikazzjoni addizzjonali fil-valutazzjoni ta’ deċiżjonijiet dwar jekk Stat Membru jkunx imħejji biżżejjed biex jingħaqad maż-żona tal-euro.

1.7.

Il-KESE jaqbel mal-elementi ewlenin tax-xenarju bi tliet fażijiet biex jinkiseb siġġu waħdieni fil-FMI sal-2025 u l-istadji transizzjonali li jwasslu għal dan. Madankollu, il-pressjoni politika korrispondenti għandha tiġi diretta lejn l-iżgurar tal-ħarsien f’waqtu tal-obbligi u l-impenji li jirriżultaw minn dan għall-Istati Membri.

1.8.

Il-Kumitat japprova wkoll il-proposta sabiex tinħoloq struttura li twassal għall-pożizzjoni ta’ rappreżentant responsabbli għall-interessi taż-żona tal-euro – primarjament fil-FMI, iżda wkoll fl-istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti l-oħrajn kollha fi Brussell (li tagħmel l-SCIMF sottokumitat komprensiv tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju). Għandu jkun hemm ukoll entità li tirrappreżenta l-interess komuni taż-żona tal-euro f’Washington, fejn tiġi stabbilita wkoll koordinazzjoni reali u espliċita fir-rigward tal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro.

1.9.

Il-KESE jantiċipa li l-proċedura proposta ser tirriżulta f’koordinazzjoni aktar effiċjenti u aktar b’saħħitha bejn l-Istati Membri fil-qasam tal-politika ekonomika u d-dimensjoni esterna tagħha u qed jistenna li jkun hemm koordinazzjoni korrispondenti f’dan ir-rigward bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi rilevanti tal-UE, u li tiġi żgurata wkoll trasparenza sħiħa.

1.10.

Fil-fehma tal-KESE, iż-żewġ dokumenti fil-biċċa l-kbira tagħhom jikkonċentraw fuq l-aspetti ta’ proċedura u organizzattivi jew leġiżlattivi/ġuridiċi tal-kwistjoni. Il-KESE jirrakkomanda li tiġi inkluża analiżi ekonomika u spjegazzjoni qasira tal-benefiċċji u l-effetti mistennija wara l-implimentazzjoni tagħha.

1.11.

Il-KESE jaqbel ma’ u jappoġġja l-prattika proposta li jiġu sottomessi rapporti regolari, li jibdew l-aktar kmieni mir-rebbiegħa 2017, dwar il-progress li jkun sar fit-tisħiħ tar-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro.

2.   Il-proposti tal-Kummissjoni: is-sustanza u l-analiżi

2.1.

Din l-opinjoni tiġbor fil-qosor l-osservazzjonijiet dwar żewġ dokumenti li ġew ippubblikati fil-21 ta’ Ottubru 2015 bħala parti minn pakkett ta’ miżuri għall-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea (UEM). It-tnejn jittrattaw waħda mill-prijoritajiet tal-pakkett imsemmi – jiġifieri r-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro. Il-pakkett huwa ddisinjat bħala sistema ta’ passi kontinġenti u relatati ma’ xulxin, li kollha huma essenzjali sabiex ikun jista’ jintlaħaq l-għan mixtieq fl-2025.

2.2.

L-idea sottostanti tibni fuq il-proposti eżistenti għat-twaqqif ta’ UEM profonda u ġenwina (Novembru 2012) u kienet enfasizzata aktar fir-rapport tal-Ħames Presidenti ta’ Ġunju 2015.

2.3.

Id-dokumenti li qegħdin jiġu diskussi jeħduha bħala xi ħaġa ovvja li l-FMI huwa l-istituzzjoni ewlenija li fir-rigward tagħha għandha tissaħħaħ ir-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro.

2.4.

Żona tal-euro li jkollha siġġu wieħed tkun tista’ wkoll titkellem mal-FMI b’vuċi waħda dwar kwistjonijiet fejn il-politiki tal-UE huma fil-biċċa l-kbira tagħhom ikkoordinati, jiġifieri l-politika ekonomika u baġitarja, is-sorveljanza makroekonomika, il-politiki dwar ir-rati tal-kambju u l-istabbiltà finanzjarja.

2.5.

Il-proposta b’reazzjoni għal din is-sitwazzjoni hija għal rappreżentanza esterna aktar konsistenti u effettiva taż-żona tal-euro fil-FMI abbażi ta’ strateġija sabiex jintlaħaq qbil kemm jista’ jkun malajr fuq xenarju li għandu jiġi implimentat pass wara pass. Huma proposti tliet stadji.

2.6.

Il-kunċett għat-tisħiħ tar-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro għandu jiġi implimentat b’mod trasparenti u s-sezzjonijiet rilevanti tal-pubbliku għandhom jiġu infurmati permezz ta’ rapporti tal-progress regolari.

2.7.

Ir-rappreżentanza unika taż-żona tal-euro fil-FMI, kif finalment prevista fl-2025, hija speċifikata kif ġej fid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-proposta għal deċiżjoni, COM(2015) 603 final:

Il-Bord tal-Gvernaturi: preżentazzjoni tal-perspettivi taż-żona tal-euro; irrappreżentat mill-President tal-Grupp tal-Euro;

Il-Kumitat Monetarju u Finanzjarju Internazzjonali (IMFC): il-President tal-Grupp tal-Euro jirrappreżenta liż-żona tal-euro;

Il-Bord Eżekuttiv tal-FMI: rappreżentanza diretta taż-żona tal-euro mid-Direttur Eżekuttiv ta’ kostitwenza fiż-żona tal-euro, wara l-istabbiliment ta’ kostitwenza waħda jew diversi kostitwenzi magħmula biss minn Stati Membri fiż-żona tal-euro (elezzjoni tad-Direttur Eżekuttiv fuq proposta tal-President tal-Grupp tal-Euro; koordinazzjoni sħiħa tad-dikjarazzjonijiet bil-fomm u bil-miktub).

2.8.

Fil-każ tal-espansjoni taż-żona tal-euro, il-bidliet neċessarji ser isiru b’koordinazzjoni mal-Istati mhux membri taż-żona tal-euro u ser jittieħdu miżuri sabiex ir-rappreżentanza unifikata tiġi adattata kif xieraq.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

L-ewwel dokument li qed jiġi diskuss jiffoka primarjament fuq materji proċedurali u organizzazzjonali, bit-tieni wieħed jifformula s-sustanza tiegħu f’abbozz ta’ liġi. It-tnejn li huma jikkostitwixxu kontribut integrali għall-ħolqien tal-pilastru politiku taż-żona tal-euro u għall-iżgurar ta’ bilanċ bejn l-istrumenti interni u esterni taż-żona. Il-fatt li r-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro jkollha vuċi waħdanija ser isaħħaħ il-koordinazzjoni u l-koeżjoni tagħha u ser jgħin biex titrawwem il-konverġenza ta’ sensiela sħiħa ta’ politiki ekonomiċi bejn kull wieħed mid-diversi membri tagħha. Biex din il-viżjoni titwettaq u ssir realtà, huwa meħtieġ li tittieħed aktar responsabbiltà fil-forma ta’ integrazzjoni aktar mill-qrib u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet.

3.2.

Matul il-perjodu bejn l-2009 u l-2014 saret l-adozzjoni ta’ għadd mingħajr preċedent ta’ miżuri bil-għan tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi tal-UE. (Dawn jinkludu l-introduzzjoni tal-proċess ċikliku tas-Semestru Ewropew, bidliet fir-regoli tal-Patt tal-Istabbiltà u t-Tkabbir, l-adozzjoni tas-“six-pack” u tat-“two-pack”, it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (il-Patt Fiskali), il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES), l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali). Dawn il-miżuri fil-biċċa l-kbira tagħhom kellhom l-għan li jneħħu l-lakuni fl-elementi li jikkostitwixxu ż-żona tal-euro jew li jadottaw azzjonijiet ta’ salvataġġ fuq medda qasira ta’ żmien bi tweġiba għall-ħtiġijiet urġenti ta’ politika ekonomika u baġitarja. Il-pakkett ta’ miżuri ppubblikat fil-21 ta’ Ottubru 2015, li jibni fuq ir-rapport tal-ħames presidenti, jikkostitwixxi, wara tul konsiderevoli ta’ żmien, kunċett ambizzjuż, li jħares lejn il-ġejjieni u għandu l-għan li jiżviluppa u jtejjeb l-ambjent istituzzjonali u s-sett ta’ strumenti taż-żona tal-euro, kif ukoll l-istruttura tagħha, li t-twettiq tal-miżuri msemmijin għandu jwassal biex jittejbu u jiġu integrati b’mod aktar sħiħ.

3.3.

Il-miżuri meħuda matul il-perjodu 2009-2014 primarjament iffokaw fuq it-tisħiħ tal-ħidmiet interni taż-żona tal-euro. Dan wassal għal arranġamenti għar-rappreżentanza esterna korrispondenti li naqset milli żżomm il-pass mal-importanza miżjuda tagħha u mal-bidla li qiegħda ssir fl-armonizzazzjoni tal-politiki ekonomiċi. Il-pożizzjoni taż-żona tal-euro fl-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u, fl-aħħar mill-aħħar, fis-swieq finanzjarji internazzjonali, jew iddgħajfet f’termini relattivi jew inkella naqset milli tilħaq il-potenzjal tagħha. Jirriżulta li l-prestazzjoni esterna mtejba taż-żona tal-euro għandha tinħass fid-dinja ta’ barra u għandha tkun aktar koerenti u unifikata fis-sistema finanzjarja globali.

3.4.

Ir-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro għandha tiġi kkunsidrata fil-kuntest politiku usa’ li kien il-motivazzjoni għar-Rapport tal-Ħames Presidenti. Wieħed jista’ jasal għall-konklużjoni li:

(a)

l-istruttura eżistenti tal-UEM hija inadegwata sabiex tiggarantixxi l-issodisfar tal-kontribuzzjonijiet mistennija miż-żona tal-euro;

(b)

il-miżuri mmirati għall-affarijiet interni taż-żona tal-euro ma jistgħux ikunu effettivi fir-rigward tar-rwol li għandha l-euro fl-ekonomija globali mingħajr rappreżentanza esterna korrispondenti.

3.5.

Wieħed jista’ jargumenta li jekk ma tiġix stabbilita rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro, dan jista’ jwassal biex il-potenzjal ta’ din iż-żona għat-tfassil tal-politika ekonomika u monetarja dinjija ma jiġix sfruttat u biex l-attrazzjoni tal-euro għat-tranżazzjonijiet, għall-investiment u għall-valuta ta’ riżerva fil-kuntest globali tkun ristretta.

3.6.

Il-ħtieġa li wieħed jiffoka fuq il-FMI ġejja mill-kumplementarjetà qawwija bejn il-politiki ekonomiċi tal-UE u tal-FMI u l-istrumenti tagħhom, issa li dawn ġew sostanzjalment imsaħħa u kkoordinati fl-UE u speċjalment fiż-żona tal-euro (2). Il-FMI huwa l-istituzzjoni ewlenija fil-governanza ekonomika globali u kellu wkoll rwol importanti, b’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea u mal-Bank Ċentrali Ewropew, fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-programmi ta’ salvataġġ għall-Istati Membri milquta mill-kriżi ekonomika u mill-kriżi tad-dejn sovran. Ir-rwol tal-FMI mistenni li jkompli jikber u l-ħtieġa għal kollaborazzjoni bejnu u ż-żona tal-euro issa ser tiġi kkunsidrata minn angolu ferm usa’ u aktar komprensiv mill-perspettiva iżolata ta’ Stati Membri individwali. Fl-istess waqt, madankollu, il-KESE jsostni li kieku ż-żona tal-euro kellha mill-bidu nett fond monetarju Ewropew tagħha stess, kif kienu jipprevedu l-proposti oriġinali li saru qabel il-ħolqien tas-sistema monetarja Ewropea fi tmiem is-snin sebgħin, waqt il-kriżi dan kien ikun jista’ jkollu preċiżament ir-rwol li fl-aħħar mill-aħħar qeda l-FMI.

3.7.

Rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro aktar b’saħħitha u aktar effettiva hija mxekkla minn sensiela ta’ ostakli li ġew identifikati u evalwati b’mod korrett:

frammentazzjoni fost l-Istati Membri (id-19-il Stat Membru fiż-żona tal-euro fuq il-Bord Eżekuttiv tal-FMI huma mifruxa fuq sitt kostitwenzi, b’żewġ pajjiżi għandhom is-siġġijiet tagħhom, arranġament li ta’ spiss ifixkel lill-pajjiżi fiż-żona tal-euro milli jesprimu pożizzjoni komuni);

rappreżentanza inadegwata taż-żona tal-euro kollha kemm hi (ebda rappreżentant waħdieni taż-żona tal-euro b’mandat uffiċjali fuq il-Bord Eżekuttiv tal-FMI – dan ir-rwol bħalissa qed jitwettaq mill-president tal-EURIMF); il-FMI lanqas ma għandu msieħeb ideali għal materji li huma komuni għaż-żona tal-euro (meta wieħed iżomm f’moħħu l-miżuri meħuda riċentament għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi); il-Bank Ċentrali Ewropew għandu status ta’ osservatur fuq il-Bord Eżekuttiv tal-FMI;

koordinazzjoni inadegwata fiż-żona tal-euro (in-nuqqas ta’ implimentazzjoni b’mod sħiħ tal-ftehim tal-Kunsill Ewropew minn Vjenna lura fl-1998); il-koordinazzjoni fil-livell tal-UE permezz tas-Sottokumitat dwar l-FMI u Kwistjonijiet Relatati (SCIMF) tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju fir-realtà tikkonċerna lil kull Stat Membru li jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu.

3.8.

Parzjalment fid-dawl ta’ dan kollu, miż-żewġ dokumenti li qed jiġu diskussi jistgħu jinsiltu xi punti fundamentali: l-implimentazzjoni taż-żewġ dokumenti titlob livell għoli ta’ koordinazzjoni f’għadd ta’ aspetti, bejn l-istrumenti interni u dawk esterni li għandha ż-żona tal-euro għat-titjib tal-istruttura tagħha u ta’ kif taħdem, għall-armonizzazzjoni tal-politiki ekonomiċi, u għall-koeżjoni u l-konverġenza; bejn l-Istati li huma membri taż-żona tal-euro u dawk l-Istati Membri li mhumiex (inkluża proċedura mħejjija fil-każ tal-espansjoni taż-żona tal-euro); bejn l-għamliet differenti ta’ rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro (kwistjonijiet monetarji, il-politika strutturali, is-settur bankarju u s-suq finanzjarju, u l-politika ekonomika). Il-prinċipji li jirfdu l-koordinazzjoni huma msejsa fuq l-idea tal-euro bħala l-unità monetarja tal-UE.

3.9.

Punt ġenerali ieħor huwa l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ bejn l-ideat proċedurali, amministrattivi u leġiżlattivi fid-dokumenti u l-argumenti ekonomiċi korrispondenti.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

F’konformità mal-osservazzjonijiet ġenerali ta’ hawn fuq, ikun xieraq li titfassal tabella skematika sempliċi li turi r-rabta bejn il-governanza ekonomika ġdida tal-UE u l-politiki tal-FMI kif ukoll, skont il-każ, ta’ istituzzjonijiet oħrajn. Din għandha tkun simili għal, pereżempju, l-iskeda ta’ żmien u l-programm tal-implimentazzjoni u tat-twettiq tas-Semestru Ewropew u tgħin biex id-diskussjoni dwar din il-kwistjoni tkun aktar trasparenti u aċċessibbli.

4.2.

Jista’ jiġi rrakkomandat ukoll li jitfassal xenarju għall-koordinazzjoni interna tal-ħidma tal-istituzzjonijiet u l-korpi kkonċernati tal-UE, bil-ħsieb li jinkisbu sinerġiji effettivi bejniethom, f’termini tal-flessibbiltà tar-regoli u tal-proċeduri, partikolarment fil-fażi ta’ tħejjija u l-fażijiet tranżizzjonali tat-twettiq ta’ dan il-proġett u meta ż-żona tal-euro tikber. Sabiex tiġi żgurata l-akbar trasparenza u responsabbiltà demokratika, kif jintalab fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni, il-Parlament Ewropew għandu jkollu rwol f’dawn il-kwistjonijiet b’mod konsistenti mal-metodu komunitarju tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

4.3.

Il-proposta għall-estensjoni tar-rappreżentanza esterna taż-żona tal-euro hija parti minn pakkett li jirriformula s-Semestru Ewropew u jintroduċi l-Kunsilli Nazzjonali tal-Kompetittività u Bord Fiskali Ewropew. Dawn il-passi, b’mod partikolari, jirrikjedu li l-UE u ż-żona tal-euro jkunu rrappreżentati f’fora rilevanti oħrajn. F’dan ir-rigward, jidher li hu utli li jissaħħu s-sinerġiji mal-OECD, il-G7, il-G20, il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI) u l-Bank Dinji. Dawn il-passi huma relatati ma’ kwistjonijiet marbutin mal-ħolqien tal-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapiali, jiġifieri t-twettiq u l-koordinazzjoni ta’ politiki makroekonomiċi, tar-riforma tar-regolamentazzjoni finanzjarja u tat-trasparenza fiskali (fejn l-UE u ż-żona tal-euro huma rrappreżentati mill-presidenti tal-Kunsill Ewropew, tal-Kummissjoni Ewropea, u tal-Grupp tal-Euro, il-persunal tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Bank Ċentrali Ewropew, u l-Ministri tal-pajjiżi membri fil-G7 u l-G20). Jista’ jkun hemm ukoll opportunitajiet oħrajn, bħall-Bank Asjatiku tal-Investiment fl-Infrastruttura (AIIB), fejn ħafna mill-Istati Membri tal-UE huma rrappreżentati.

4.4.

Il-kwistjonijiet li tqajmu hawn fuq jissuġġerixxu li l-ħtieġa li r-rappreżentanza taż-żona tal-euro ssir aktar effettiva hija l-ewwel pass u pass essenzjali sabiex jissaħħu l-influwenza, l-importanza u l-pożizzjoni tal-unità monetarja tal-UE fl-ekonomija dinjija; dan il-pass għandu jittieħed fil-kuntest tal-proġett tal-ikkompletar tal-UEM, u s-suċċess tiegħu ser jiddependi ħafna mill-prestazzjoni ekonomika reali taż-żona tal-euro u mill-kwalità tat-twettiq tal-politiki ekonomiċi kollha marbutin miegħu.

Brussell, is-17 ta’ Marzu 2016.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Opinjoni tal-KESE fuq inizjattiva proprja dwar L-Ikkompletar tal-UEM: Il-pilastru politiku (ĠU C 332, 8.10.2015, p. 8).

(2)  Opinjoni tal-KESE fuq inizjattiva proprja dwar L-implikazzjonijiet tal-kriżi tad-dejn sovran għall-governanza tal-UE (ĠU C 51, 17.2.2011, p. 15).