|
3.3.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 82/22 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Inwasslu Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija”
[COM(2015) 339 final]
(2016/C 082/04)
|
Relatur: |
is-Sur Lutz RIBBE |
Nhar l-14 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Inwasslu Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija”
[COM(2015) 339 final].
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-7 ta’ Jannar 2016.
Matul il-513 sessjoni plenarja tiegħu li saret fl-20 u l-21 ta’ Jannar (seduta tal-20 ta’ Jannar), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’209 vot favur, 4 voti kontra u 6 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-KESE jilqa’ l-analiżi tal-Kummissjoni, u jappoġġja l-proposti tagħha. Il-konsumaturi jmisshom ilhom li tqiegħdu fil-qalba tal-politika Ewropea dwar l-enerġija, biex jingħataw il-possibbiltà li jipparteċipaw b’mod sħiħ u attiv. |
|
1.2. |
L-ostakli msemmija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, li ma jħallux lill-“konsumaturi … jiġġeneraw l-elettriku u jikkunsmawh huma stess” għalhekk joħolqu problema li għandha tiġi solvuta b’mod urġenti. Sfortunatament, id-dokument ma jsemmix biżżejjed fejn u kif dawn l-ostakoli joriġinaw fil-prattika u x’jeħtieġ li jsir biex dawn jingħelbu. Il-Kummissjoni tista’ tfassal dokument separat għal dan il-għan. |
|
1.3. |
Il-KESE jqis li l-approċċ tal-Kummissjoni – biex jiġu rikonoxxuti u jingħataw aktar attenzjoni l-kundizzjonijiet lokali, kif ukoll biex l-involviment tal-atturi tas-suq lokali jiġi promoss – huwa ġust. |
|
1.4. |
Il-kwistjoni ta’ kif għandhom jitfasslu sistemi tal-enerġija hija ta’ importanza strateġika. Jeħtieġ li ssir kompetizzjoni għad-disinn tal-aktar sistema effiċjenti globalment. Dan imur lil hinn mill-produzzjoni u mill-kummerċjalizzazzjoni tradizzjonali. |
|
1.5. |
Ir-reazzjoni għad-domanda ser ikollha rwol ċentrali. Għal dan l-għan, il-kundizzjonijiet tekniċi (“miters intelliġenti”, “netwerks intelliġenti”), l-ewwel għandhom jiġu stabbiliti mil-lat tal-konsumatur u għandhom jinfiehmu u jiġu ffinanzjati bħala parti mill-iżvilupp tan-netwerk. |
|
1.6. |
Is-sistemi ta’ ġestjoni tar-reazzjoni għad-domanda jistgħu jintużaw mill-konsumaturi mhux biss biex jadattaw il-konsum tal-enerġija tagħhom, u b’hekk ikunu jistgħu jiffrankaw il-flus. Il-Kummissjoni ġustament semmiet li “Il-kombinazzjoni ta’ ġenerazzjoni deċentralizzata u għażliet ta’ ħżin ma’ flessibbiltà min-naħa tad-domanda tista’ tgħin lill-konsumaturi biex isiru fornituri tagħhom infushom u jimmaniġġjaw (parti mill-) il-bżonnijiet tal-enerġija tagħhom, isiru produtturi u konsumaturi u jnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom” (1) (l-hekk imsejħa “prosumaturi”). |
|
1.7. |
Għandhom jiġu żviluppati skemi ta’ inċentivi ġodda li jippremjaw l-isforzi għat-tfassil tal-awtokonsum, il-provvista diretta, il-ħżin ta’ enerġija żejda u d-disponibbiltà tar-regolazzjoni tal-enerġija, kif ukoll il-ġestjoni attiva tal-piż tal-atturi kollha tas-suq, b’tali mod li jkun ta’ benefiċċju għas-sistema. |
|
1.8. |
Il-vantaġġi deskritti mill-Kummissjoni tal-approċċ il-ġdid tal-prosumaturi juru li dawn huma aktar minn sempliċiment komplement għas-“sorsi ta’ ġenerazzjoni ċentralizzati”. Dan jittratta dwar il-libertà tal-għażla tal-utent – jiġifieri l-intraprendituri, iċ-ċittadini, il-ħaddiema taċ-ċivil eċċ. – li jista’ jkollhom rwol attiv fis-sistema tal-enerġija tal-futur permezz ta’ produzzjoni attiva, l-awtokonsum, il-ħżin u l-awtokummerċjalizzazzjoni. |
|
1.9. |
Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ma tagħtix definizzjoni adegwata tal-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum. L-eżempji juru li għandha fehim limitat tal-approċċ tal-prosumatur. Fil-fehma tal-KESE l-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum għandhom jiġu interpretati b’mod usa’ minn sempliċi elettriku awtoġenerat u awtokonsmat minn ġeneratur privat li jitwaħħal wara l-miter. |
|
1.10. |
Qed jitfaċċjaw strutturi usa’ tal-prosumaturi fil-komunità, iżda dawn qed jiġu mfixkla sew. L-implimentazzjoni ta’ mudelli kummerċjali innovattivi ttejjeb ir-rwol il-ġdid attiv tal-konsumaturi u tiftaħ opportunitajiet ta’ valur kompletament ġodda. Huwa kruċjali li dawn jitqiesu fil-“Patt Ġdid għall-konsumaturi tal-enerġija”. |
|
1.11. |
Forom oħra ta’ awtoġenerazzjoni u awtoprovvista definiti b’mod iktar ġenerali, li jużaw in-netwerk pubbliku – bi ħlas, naturalment – jagħmluha possibbli wkoll li l-kerrejja, l-intrapriżi ż-żgħar jew il-membri ta’ kooperattivi jaqdu rwol attiv u reponsabbli fis-suq tal-enerġija u jaqilgħu u/jew jiffrankaw il-flus. Definizzjoni stretta tal-kunċett tal-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum hija għalhekk soċjopolitikament inġusta u diskriminatorja mil-lat tal-politika ekonomika. |
|
1.12. |
Is-sistema deċentralizzata tal-enerġija tal-Kummissjoni teħtieġ ukoll approċċi deċentralizzati (2). Il-konsumatur m’għandux biss ikun ħieles li jagħżel lid-distributuri, iżda anke l-produtturi tal-enerġija. |
2. Introduzzjoni (kontenut tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni)
|
2.1. |
L-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija “hija waħda ta’ Unjoni tal-Enerġija biċ-ċittadini fil-qofol tagħha, fejn iċ-ċittadini jieħdu s-sjieda tat-tranżizzjoni tal-enerġija, jibbenefikaw minn teknoloġiji ġodda biex jitnaqqsu l-kontijiet tagħhom, jipparteċipaw b’mod attiv fis-suq, u fejn il-konsumaturi vulnerabbli jkunu protetti” (3). |
|
2.2. |
Filwaqt li s-settur tal-enerġija fl-Ewropa f’dawn l-aħħar snin inbidel radikalment, il-konsumaturi, jiġifieri l-unitajiet domestiċi privati, in-negozji u l-industrija – kienu u għadhom imċaħħda milli jisfruttaw il-benefiċċji sħaħ tat-transizzjoni attwali fis-settur tal-enerġija, jiġifieri li jikkontrollaw il-konsum tal-enerġija tagħhom u jnaqqsu l-ispejjeż tal-enerġija tagħhom. Il-fatturi li qed jikkawżaw dan huma:
|
|
2.3. |
Ir-ristrutturar tas-suq tal-elettriku (4), l-użu ta’ teknoloġiji ġodda, kif ukoll il-kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija ġodda u innovattivi għandhom jagħmluha possibbli li l-konsumaturi kollha jipparteċipaw bis-sħiħ fit-transizzjoni fil-qasam tal-enerġija, bil-ħsieb li l-konsum tagħhom jiġi ġestit aħjar permezz ta’ soluzzjonijiet effiċjenti fl-użu tal-enerġija u biex jiġu ffrankati l-flus billi jitnaqqas il-konsum tal-enerġija b’mod ġenerali. |
|
2.4. |
Fl-istess ħin ir-rwol tal-utenti ser jinbidel: l-offerta u s-servizzi tal-enerġija mhux biss ser ikunu jistgħu jirreaġixxu aħjar u b’hekk ikunu iktar flessibbli iżda jkunu jistgħu anke jieħdu rwol attiv bħala produtturi tal-enerġija. |
|
2.5. |
Il-Kummissjoni titkellem dwar strateġija ta’ “tliet pilastri”, li tirriżulta minn
u li għandha tiġi implimentata bi pjan ta’ 10 miżuri. |
3. Kummenti ġenerali
|
3.1. |
Il-KESE jilqa’ l-analiżi tal-Kummissjoni, u jappoġġja bil-qawwa l-proposti li għamlet. Il-konsumaturi jmisshom ilhom li tqiegħdu fil-qalba tal-politika tal-enerġija Ewropea u dik tal-Istati Membri, peress li progress sinifikanti fuq ħafna oġġettivi fit-triq lejn provvista tal-enerġija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi jista’ jiġi aċċettat u jinkiseb biss jekk il-konsumaturi minn kull qasam tas-soċjetà jkunu jistgħu jaqdu rwol attiv u responsabbli bis-sħiħ fir-rigward tal-għanijiet ġenerali tal-enerġija u l-ambjent. |
|
3.2. |
Il-KESE jinnota li f’ħafna sistemi tal-enerġija tal-Istati Membri, l-importanza strutturali u strateġika tal-konsumaturi huma limitati ħafna minħabba qafas regolatorju insuffiċjenti. Dan il-qafas jirrifletti nuqqas ta’ fehim politiku dwar ir-rwol attiv tal-konsumaturi. F’dan il-kuntest, il-proposti jidhru li huma adatti għall-implementazzjoni tal-għanijiet stabbiliti (inkluż it-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija permezz ta’ iktar effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija, il-bidla mill-produzzjoni tal-enerġija għal sorsi ta’ enerġija nodfa, l-adattament aħjar tal-konsum għal varjazzjonijiet akbar fl-output tal-enerġija fil-futur, it-tnaqqis tal-piż fuq in-netwerk u ż-żieda fl-effiċjenza tan-netwerk permezz tal-ġestjoni tad-domanda, żieda fid-diversità tal-atturi) b’mod trasparenti u kosteffettiv għall-konsumatur. |
|
3.3. |
Madankollu, l-għoti ta’ aktar drittijiet u opportunitajiet lill-konsumaturi jfisser ukoll li jiġu spjegati li dawn jerfgħu wkoll ir-responsabbiltà u jridu jaċċettaw il-ħtieġa għal adattament. Dan huwa kunċett ġdid għal ħafna nies. |
|
3.4. |
Din ir-responsabbiltà ma tistax tiġi imposta, trid tiġi mgħallma u żviluppata fil-prattika mill-partijiet interessati kollha (inklużi dawk li jfasslu l-politika). Għalhekk, hemm bżonn urġenti li l-parteċipazzjoni tal-konsumaturi tiġi estiża fid-deċiżjonijiet rigward l-enerġija, u fl-investiment fil-kapaċità ta’ ġenerazzjoni, fin-netwerks tal-enerġija (inklużi l-applikazzjonijiet tan-netwerks intelliġenti) u fil-ħżin u l-ġestjoni tagħhom. |
|
3.5. |
L-ispejjeż tal-enerġija għall-konsumaturi għandhom ikunu kemm affordabbli (il-problema tal-kompettitività u l-faqar enerġetiku) kif ukoll ġusti (għal distribuzzjoni ġusta tal-ispejjeż u l-benefiċċji). Il-prezzijiet u t-teknoloġiji tal-enerġija fil-passat spiss kienu jiffavorixxu dawk b’għarfien u kompetenzi speċifiċi, ħiliet u riżorsi finanzjarji u tekniċi u bil-ħila li japplikawhom. Sistema li ma tipprovax tindirizza dan l-iżbilanċ iddgħajjef il-fiduċja tal-konsumaturi fis-suq. |
|
3.6. |
Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-faqar enerġetiku – problema soċjali li qed tikber – l-aħjar tiġi indirizzata direttament minn miżuri soċjopolitiċi. Madankollu, huwa importanti li l-Patt il-Ġdid għall-konsumaturi tal-enerġija jkollu l-għan ukoll li jelimina l-iżbilanċi u l-inugwaljanzi fis-suq. |
|
3.7. |
Il-Komunikazzjoni tiddeskrivi ġustament b’mod ċar ħafna li – apparti l-aċċess għall-informazzjoni, il-fattur determinanti għad-deċiżjoni tal-utent huwa l-prezz finali (gross). Anki jekk fost ħafna ċittadini hemm aktar kuxjenza dwar it-tibdil fil-klima, kif ukoll attitudni pożittiva lejn l-enerġija rinnovabbli, huwa primarjament il-prezz li jiddetermina jekk l-enerġija tiġix iffrankata jew le, jekk il-miżuri tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija jiġux implimentati u jekk jintużawx sorsi ta’ enerġija favur l-ambjent. Jeħtieġ li jiġi żgurat li l-konsumaturi partikolarment vulnerabbli ma jkunux esposti għal qabżiet estremi fil-prezzijiet, iżda li jiġu stabbiliti mekkaniżmi (tekniċi) li jgħaddulhom il-benefiċċji mixtieqa kważi awtomatikament. |
|
3.8. |
Hemm żvilupp ġdid, fejn il-konsumaturi mhux biss qed jitolbu prodotti agrikoli reġjonali, iżda wkoll elettriku reġjonali mill-faċilitajiet tal-enerġija rinnovabbli. Ir-reġim regolatorju kważi b’mod ġenerali qed iżomm lil din iż-żieda fid-domanda milli tiġi sodisfatta mill-kumpaniji tal-enerġija – speċjalment dawk li jippermettu lill-konsumaturi jkollhom impatt dirett fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali, bħall-kumpaniji tal-enerġija tal-komunità jew ċerti servizzi tal-gvern lokali. |
|
3.9. |
Dan mhuwiex sodisfaċenti għal żewġ raġunijiet. Minn naħa waħda, ir-riżultat tas-suq huwa ineffiċjenti peress li l-preferenzi u l-ħtiġiet tal-konsumaturi mhumiex koperti. Min-naħa l-oħra l-offerti tal-enerġija ekoloġika reġjonali jtejbu l-perċezzjoni tal-enerġija b’mod ġenerali u jħeġġu lill-utenti tal-enerġija biex jiffrankaw u jkunu iktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija u jużaw għażliet flessibbli biex jikkumpensaw għall-fluttwazzjonijiet fil-produzzjoni tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli. |
|
3.10. |
Il-KESE jqis li l-approċċ tal-Kummissjoni – li l-kundizzjonijiet lokali jinfiehmu, jitqiesu iktar u jingħataw aktar attenzjoni, u li l-involviment tal-atturi lokali jiġi appoġġjat b’mod iktar intensiv, parzjalment biex ikunu jistgħu jiġu offruti prezzijiet reali determinati fl-istadju tal-konsum, minflok l-istadju tal-produzzjoni – huwa importanti. |
|
3.11. |
Il-kwistjoni ta’ kif għandhom jitfasslu sistemi tal-enerġija hija ta’ importanza strateġika. Ikun utli li ssir kompetizzjoni għad-disinn tal-aktar sistema effiċjenti. Dan imur lil hinn mill-produzzjoni u mill-kummerċjalizzazzjoni tradizzjonali. Għalhekk, id-deċiżjonijiet unilaterali għal ċerti konfigurazzjonijiet tas-suq jew is-sistema, kif jagħmlu Stati Membri individwali, ħafna drabi jkunu prematuri. B’mod partikolari, huwa importanti li nitbiegħdu mit-tendenza li nqisu l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni separatament, kif ukoll mid-diviżjoni settorjali bejn l-elettriku, it-tisħin u t-trasport. |
|
3.12. |
Is-sistemi tal-enerġija għandhom jiġu evalwati sa liema punt huma konformi ma’ dawk ir-rekwiżiti. Fir-rigward tat-tisħin u t-trasport – b’kuntrast mal-konsum tal-elettriku – il-konsumaturi minn dejjem kienu aktar integrati fil-proċessi reġjonali korrispondenti. Għaldaqstant, il-progress lejn l-għanijiet tal-enerġija u l-ambjent ser jinkiseb aħjar jekk ikun hemm ir-rieda li s-sistemi tal-enerġija jiġu konfigurati abbażi tal-integrazzjoni tal-konsumaturi u l-parteċipazzjoni u l-konverġenza tas-setturi tal-elettriku, it-tisħin u t-trasport. F’dan il-kuntest hemm ħafna punti vantaġġużi tas-sistemi ta’ enerġija deċentralizzati. Il-KESE jirreferi għall-Opinjoni tiegħu dwar It-tnedija tal-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar disinn ġdid tas-suq tal-enerġija (5). |
|
3.13. |
Għandha ssir enfasi qawwija fuq il-funzjonament tas-sistemi l-ġodda; iridu jkunu sempliċi u trasparenti u m’għandhomx ikunu ta’ piż fuq il-konsumatur. Ir-riżorsi tekniċi huma disponibbli biex jiżguraw dan. |
|
3.14. |
L-ewwel nett, madankollu, jeħtieġ li fl-Ewropa jiġi stabbilit qafas komuni li permezz tiegħu l-ispejjeż kollha assoċjati mal-produzzjoni tal-enerġija, inklużi l-ispejjeż esterni, jiġu integrati b’mod sħiħ fil-prezz tal-enerġija. Huwa rakkomandat (6) li jkun hemm trasparenza assoluta fil-prezzijiet. Il-konsumatur irid jifhem il-prezzijiet tal-bejgħ faċilment u b’mod affidabbli. Ir-regolazzjoni tas-suq, tkun kemm tkun trasparenti, flessibbli u miftuħa, ma tistax tikkumpensa għas-sinjali tal-prezzijiet ħżiena li jirriżultaw mis-sussidji diretti jew indiretti għal sorsi ta’ enerġija partikolari. |
4. Pilastru 1: Kooperazzjoni attiva tal-konsumaturi
4.1. Kummenti ġenerali
|
4.1.1. |
Ir-rwol tal-konsumatur fis-settur tal-enerġija jista’ jinbidel b’mod radikali fis-snin li ġejjin, jekk ikun hemm ir-rieda politika. Għaldaqstant, huwa xieraq li din it-taqsima tingħata l-akbar prijorità fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Dan ma jittrattax biss kwistjonijiet tekniċi u kummerċjali, iżda l-bidliet strutturali fundamentali li jwasslu għal proċessi tal-enerġija iktar demokratiċi. |
|
4.1.2. |
Sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jimmaniġġjaw aħjar il-konsum tagħhom flimkien ma’ informazzjoni aħjar jeħtieġ l-ewwel nett li jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet tekniċi u ekonomiċi. Fejn il-konsum individwali s’issa jkun għadu mhux determinat (u b’hekk fatturat) is-sitwazzjoni trid tissolva malajr kemm jista’ jkun. Fejn jeħtieġ li jiġu installati miters ġodda dawn għandhom ikunu awtomatikament “miters intelliġenti”. |
|
4.1.3. |
L-istatistika dwar il-konsum għandha tittejjeb malajr, b’konformità mal-ideat tal-Kummissjoni, li jeħtieġu wkoll li t-28 % ta’ konsumaturi li x’aktarx mhux ser ikollhom aċċess għall-“miters intelliġenti” wara l-2020, jingħataw id-dritt li japplikaw għal wieħed. Il-kundizzjonijiet ekonomiċi ser jiġu stabbiliti biss jekk l-iffrankar potenzjali jibqa’ kompletament għall-konsumatur finali u ma jiġix ikkumpensat minn imposti ġodda b’rata fissa. |
|
4.1.4. |
Sabiex ikun hemm penetrazzjoni rapida ta’ miters intelliġenti, din għandha tkun newtrali mil-lat tal-ispejjeż għall-konsumatur. L-ispejjeż tal-installazzjoni għandhom jiġu inklużi fl-ispejjeż tan-netwerk. Għandhom jiġu stabbiliti oqfsa armonizzati u stretti għall-produtturi dwar il-protezzjoni tad-data u l-protokolli ta’ trasmissjoni. |
|
4.1.5. |
Madankollu, in-newtralità fl-ispejjeż hija biss kriterju essenzjali u meħtieġ biex l-utenti jaċċettaw il-miters intelliġenti. Għandu jkun hemm ukoll livell għoli ta’ fiduċja fl-operaturi tan-netwerk, il-fornituri u d-distributuri li jiġbru u janalizzaw id-data. Iktar ma l-konsumaturi jkunu mbiegħda minn dawn il-kumpaniji, iktar ser ikun diffiċli li jistabblixxu din il-fiduċja. Għall-KESE, huwa ċar li għandu jkun hemm l-ogħla livell ta’ protezzjoni tad-data għall-konsumaturi, li fost affarijiet oħra tfisser li d-data tkun kompletament aċċessibbli għalihom. |
|
4.1.6. |
Il-konsumaturi diġà għandhom għadd ta’ għażliet fis-swieq eżistenti għal offerti aktar favorevoli. Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li “l-bidla jeħtieġ li tkun teknikament faċli, rapida u affidabbli” għandha tkun ovvja f’Ewropa li nħolqot sabiex tippromovi l-moviment ħieles tal-prodotti. Għal din ir-raġuni, l-abolizzjoni ta’ ħlasijiet u penali fil-każ ta’ bidla m’għandhiex “titqies” (7) iżda tiġi implimentata! |
|
4.1.7. |
Il-possibbiltà ta’ għażla tal-fornituri u n-negozjar tat-termini tal-kuntratti huma elementi prinċipali tal-kompetizzjoni fis-suq. Wieħed mill-indikaturi f’dan ir-rigward huwa l-frekwenza ta’ tibdil. It-tibdil isir frekwenti, iżda f’ħafna Stati Membri r-rati ta’ tibdil huma baxxi ħafna (8). Din hija konsegwenza ta’ informazzjoni inadegwata għall-konsumaturi u ostakli oħra tas-suq. |
|
4.1.8. |
Għalkemm it-tibdil tal-fornitur huwa għodda importanti għall-konsumaturi, ma jistax jiġi determinat kemm il-kompetizzjoni qed tiffunzjona biss abbażi tar-rati tat-tibdil u l-prezzijiet. Is-sodisfazzjon tal-klijent, ir-rabtiet lokali u l-involviment soċjali tal-fornituri tal-unitajiet lokali diġà jaqdu rwol dejjem akbar fl-għażla ta’ provveditur, kif ukoll il-preżenza lokali tar-rappreżentant tal-fornitur. Kulma jmur l-utenti mhumiex biss interessati kif l-elettriku huwa prodott, iżda wkoll fejn u minn min. Għalhekk huwa importanti li l-konsumaturi mhux biss ikunu jistgħu jagħżlu lid-distributuri b’mod ħieles iżda wkoll il-produtturi. |
|
4.1.9. |
Għalhekk, ser ikun hemm kompetizzjoni tal-prezz u tal-kwalità. Jekk l-ispejjeż tan-netwerk u l-ispejjeż tal-produzzjoni jkunu trasparenti, l-elettriku li kien marġinalment ogħla biex jiġi prodott, iżda li għandu spejjeż tat-trasport iktar baxxi, fl-aħħar mill-aħħar jista’ jkun irħas. Iżda dan jeħtieġ prezzar skont id-distanza fil-komponent tal-ispiża tan-netwerk, kif ukoll il-possibbiltà ta’ kummerċjalizzazzjoni immedjata u personali tal-elettriku awtoġenerat minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli b’kundizzjonijiet kompetittivi ġusti. |
|
4.1.10. |
Il-Kumitat jaqbel mal-Kummissjoni li l-għanijiet soċjali, strutturali u tal-politika reġjonali ma jistgħux jinkisbu minn prezzijiet tal-enerġija kontrollati jew regolati mill-Istat. |
|
4.1.11. |
Il-KESE jemmen li l-istqarrijiet dwar ir-“rispons għad-domanda”, dwar “l-awtoġenerazzjoni u awtokonsum” u “żieda fil-parteċipazzjoni tal-konsumaturi permezz ta’ intermedjazzjoni u skemi kollettivi”, huma kruċjali minħabba li dawn jiftħu żviluppi kompletament ġodda. |
4.2. Ir-rispons għad-domanda
|
4.2.1. |
Ir-riżultati deskritti fid-dokument tal-Kummissjoni dwar is-suċċess tar-rispons għad-domanda eżistenti, fost oħrajn permezz tal-ipprezzar dinamiku (fil-kuntratti għall-provvista tal-elettriku) u sistema flessibbli awtomatizzata għar-rispons għad-domanda, huma eżempji tajba tad-dikjarazzjoni li “l-effiċjenza tal-enerġija u rispons tad-domanda ta’ spiss huma għażliet aħjar sabiex jiġu bbilanċjati l-provvista u d-domanda milli huma l-bini jew it-tħaddim ta’ aktar impjanti tal-enerġija jew linji tan-netwerk.” (9). |
|
4.2.2. |
Iżda ser ikun hemm parteċipazzjoni attiva mill-konsumaturi finali biss jekk il-benefiċċji tat-tariffi flessibbli jikkumpensaw l-ispejjeż tal-investiment meħtieġ fi żmien raġonevoli. Għalhekk, is-sinjali tal-prezzijiet iridu jkunu korretti, jiġifieri l-perjodi ta’ provvista ta’ enerġija għolja u domanda iktar baxxa (pereżempju matul perjodu ta’ riħ jew ta’ xemx) jew ta’ domanda għolja u provvista ridotta jridu jkunu riflessi fil-prezzijiet li jistgħu jintgħażlu mill-konsumatur aħħari. |
|
4.2.3. |
Is-sinjali tal-prezzijiet – kemm jista’ jkun awtomatizzati – għandhom ikunu komunikati lill-konsumatur biex ikun jista’ jagħmel użu minnhom. Jeħtieġ li kemm jista’ jkun is-sistemi jkunu awtoregolati. Inkella jibbenefikaw biss il-klijenti b’għarfien tekniku. Id-deċiżjoni dwar kemm il-konsumatur jixtieq jieħu sehem f’dawn is-swieq għandha titħalla f’idejh. |
|
4.2.4. |
Għandu jiġi mistenni li l-konsumaturi attivi l-ġodda jieħdu sehem b’mod iktar intensiv fir-rispons għad-domanda iktar ma jkunu involuti direttament fit-teħid tad-deċiżjonijiet rigward il-miżuri ta’ infrastruttura u f’investimenti u l-ġestjoni tas-sistemi ta’ ġenerazzjoni, netwerks u ħżin. Għal din ir-raġuni, kull forma ta’ parteċipazzjoni ċivika jew enerġija ċivika jew strutturi oħra ta’ prosumaturi organizzati soċjalment huma elementi iktar rilevanti fis-suq tal-elettriku. Iżda dawn il-kwistjonijiet ma ġewx indirizzati biżżejjed fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. |
4.3. L-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum – Il-prosumaturi fix-xena tal-enerġija tal-futur
|
4.3.1. |
Il-konsumaturi jistgħu jagħmlu iktar milli sempliċiment jadattaw il-konsum tal-enerġija tagħhom. Il-Kummissjoni ġustament semmiet li “Il-kombinazzjoni ta’ ġenerazzjoni deċentralizzata u għażliet ta’ ħżin ma’ flessibbiltà min-naħa tad-domanda tista’ tgħin lill-konsumaturi biex isiru fornituri tagħhom infushom u jimmaniġġjaw (parti mill-) il-bżonnijiet tal-enerġija tagħhom, isiru produtturi u konsumaturi u jnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija tagħhom” (10). |
|
4.3.2. |
Madankollu, dan ser ikun possibbli biss jekk ikun hemm disinn ġenwinament ġdid tas-suq adattat għall-għanijiet formali u ma jsir l-ebda tentattiv biex is-sistema eżistenti tiġi trasformata sabiex enerġiji ġodda jkunu jistgħu jiġu inkorporati fiha (11). |
|
4.3.3. |
Għandhom jiġu żviluppati skemi ta’ inċentivi ġodda li jippremjaw l-isforzi għat-tfassil tal-awtokonsum, il-provvista diretta, il-ħżin ta’ enerġija żejda u d-disponibbiltà tar-regolazzjoni tal-elettriku b’mod li jkun ta’ benefiċċju għas-sistema. Dan jirrikjedi mhux biss li l-kriterji jiġu definiti mill-ġdid iżda li jitfassal kunċett ġdid ta’ x’tista’ tkun sistema tal-enerġija tal-futur f’kuntest ta’ enerġija dejjem iktar deċentralizzata. Fi kwalunkwe każ mhuwiex aċċettabbli li nintrabtu ma’ kunċett ta’ sistema li ntirtet minn żmien meta l-impjanti konvenzjonali nukleari u tal-faħam kienu jipprovdu karga bażika fuq bażi permanenti. |
|
4.3.4. |
Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni tippreżenta vantaġġi oħra ta’ ġenerazzjoni deċentralizzata tal-enerġija rinnovabbli, inkluż il-kapaċità li jitnaqqas it-telf tan-netwerks u l-konġestjoni, u b’hekk jistgħu jiġu ffrankati l-flus fuq medda twila ta’ żmien. Il-KESE jaqbel ma’ din l-idea, iżda dawn il-benefiċċji fl-Istati Membri s’issa għadhom ma ġewx identifikati u kkunsidrati biżżejjed. |
|
4.3.5. |
Id-deskrizzjoni dettaljata tal-benefiċċji ta’ dan l-approċċ il-ġdid f’dokument ta’ ħidma (12) mehmuż mal-Komunikazzjoni turi li dan l-approċċ ta’ prosumatur huwa iktar minn sempliċiment komplement utli għas-sorsi ta’ ġenerazzjoni ċentralizzati. Dan jittratta l-libertà tal-għażla tal-konsumatur li jagħżel li jaqdi rwol attiv fis-sistema tal-enerġija tal-futur permezz ta’ awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum, il-ħżin u l-awtokummerċjalizzazzjoni. |
|
4.3.6. |
Iżda fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni ma tatx definizzjoni adegwata tal-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum. Id-dokument ta’ ħidma mehmuż mal-Komunikazzjoni jelenka ħafna eżempji (13) li juru, madankollu, li għandha fehim limitat tal-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum. Fil-fehma tal-KESE dawn għandhom jiġu interpretati b’mod usa’ minn sempliċiment elettriku awtoġenerat minn ġeneratur privat imwaħħal wara l-miter, bħal pereżempju elettriku PV minn sistema tal-bejt tad-dar; jiġifieri elettriku ġenerat mingħajr l-użu tan-netwerk pubbliku jew it-trażmissjoni minnu. L-identifikazzjoni tal-operatur tas-sistema mal-utent aħħari għandha tiġi abbandunata, peress li din tkopri biss forma partikolari ta’ awtoprovvista. |
|
4.3.7. |
Qed jiġu żviluppati strutturi ta’ prosumaturi definiti b’mod usa’, iżda dawn bħalissa qed jiġu mfixkla sew. Dan jinkludi pereżempju l-mudell tan-negozju fejn il-kooperattivi tal-enerġija jirreklamaw l-elettriku tagħhom direttament mal-membri jew fejn il-kumpaniji tal-enerġija tal-komunità jipprovdu l-elettriku tagħhom lill-konsumaturi fiż-żona lokali, mingħajr ma jgħaddu mis-suq jew id-distributuri tal-enerġija. L-implimentazzjoni ta’ tali mudelli tavvanza sew ir-rwol attiv il-ġdid tal-konsumatur u tiftaħ mudelli tan-negozju kompletament ġodda meqjusa f’“Patt Ġdid” għall-konsumaturi tal-enerġija. |
|
4.3.8. |
It-twessigħ tad-definizzjoni tal-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum huwa importanti wkoll peress li l-interpretazzjoni limitata użata s’issa (ibbażata fuq l-identità tal-operaturi u l-konsumaturi finali) hija mmirata biss lejn gruppi partikolari ta’ konsumaturi attivi. Fil-fatt, l-uniċi konsumaturi li jistgħu jwettqu l-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum huma dawk b’kapital biżżejjed biex jinvestu f’faċilitajiet ta’ ġenerazzjoni, jew, iktar importanti, b’biżżejjed spazju (pereżempju ġol-bini jew fuqu) biex jinstallawhom. Mil-lat prattiku, il-kerrejja, pereżempju, ikunu esklużi; l-istess problema tapplika għall-konsumaturi industrijali, l-iktar għall-intrapriżi ż-żgħar u dawk li m’għandhomx sit kbir. |
|
4.3.9. |
Mill-banda l-oħra, il-forom ta’ awtoġenerazzjoni u awtoprovvista definiti b’mod usa’, li jużaw in-netwerk pubbliku – bi ħlas, naturalment – jikkostitwixxu mudelli li bis-saħħa tagħhom, il-kerrejja, l-intrapriżi ż-żgħar, il-membri ta’ kooperattivi eċċ., jaqdu rwol attiv u reponsabbli bħala prosumaturi fis-suq tal-enerġija u jaqilgħu u/jew jiffrankaw il-flus. Definizzjoni stretta tal-kunċett tal-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum hija għalhekk inġusta mil-lat tal-politika soċjali u diskriminatorja mil-lat tal-politika ekonomika. |
4.4. Il-parteċipazzjoni tal-konsumaturi permezz ta’ intermedjazzjoni u skemi kollettivi
|
4.4.1. |
Il-Kummissjoni ssemmi wkoll li “Qed joħorġu dejjem aktar skemi kollettivi u inizjattivi Komunitarji f’għadd ta’ Stati Membri. Aktar u aktar konsumaturi jinvolvu rwieħhom fi skemi kollettivi ta’ awtoġenerazzjoni u ta’ kooperazzjoni biex jimmaniġġjaw aħjar il-konsum tal-enerġija tagħhom. Din l-innovazzjoni mill -konsumaturi qed tirriżulta wkoll f’innovazzjoni għall- konsumaturi u toħloq mudelli ġodda ta’ negozju. Kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija, aggregaturi, sensara, kumpaniji ta’ ġestjoni tad-dejta, kumpaniji intermedjarji oħra u, ta’ spiss, organizzazzjonijiet tal-konsumatur, qegħdin ifeġġu biex jgħinu lill-konsumaturi jiksbu l-aqwa kundizzjonijiet fis-suq tal-enerġija filwaqt li jeħilsuhom minn proċeduri amministrattivi kumplessi u riċerka żejda. Dan jiftaħ ukoll opportunitajiet ġodda għal komunitajiet lokali u l-awtoritajiet regjonali li l-inizjattivi tal-enerġija lokali tagħhom jistgħu jipprovdu rabta pożittiva bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, iċ-ċittadini u l-innovaturi fil-livell lokali” (14). |
|
4.4.2. |
L-istudju mwettaq mill-KESE dwar l-enerġija ċivika (15) jagħmilha ċara li hemm għadd ta’ benefiċċji oħra li jistgħu jiġu elenkati (eż. aċċettazzjoni ikbar mill-pubbliku għal faċilitajiet ġodda, opportunitajiet għall-iżvilupp tal-ekonomiji reġjonali u l-finanzjament tal-investiment). Fl-Istati Membri kollha li nżaru, il-KESE identifika livell għoli ta’ rieda min-naħa tas-soċjetà ċivili biex tappoġġja lis-settur privat u/jew mudelli tal-komunità u/jew li timplimentahom hi stess. Madankollu, dawn spiss ifallu minħabba rekwiżiti legali, burokratiċi jew oħrajn, b’riżultat ta’ diskriminazzjoni konxja jew mhux konxja. |
|
4.4.3. |
Pereżempju: ċittadini li joperaw turbina tar-riħ kollettivament, ta’ spiss ma jkunux jistgħu jaċċessawha direttament u jużaw l-elettriku tagħhom stess. Minflok iridu jbiegħu lid-distributuri u jixtruh mingħandhom. Dan mhuwiex dak li l-KESE jifhem b’parteċipazzjoni attiva fis-suq. |
|
4.4.4. |
Fil-parti introduttorja tal-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tgħid li l-ostakli li minħabba fihom “il-konsumaturi ma jitħallewx jiġġeneraw l-elettriku u jikkunsmawh huma stess” huma problema li trid tiġi indirizzata, iżda mingħajr ma jissemma b’mod konkret kif u min joħloq dawn l-ostakli u xi jrid isir biex jitneħħew. L-esperjenza minn ħafna Stati Membri turi li l-korpi regolatorji nazzjonali ħafna drabi effettivament jipprevjenu l-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum, l-awtoprovvista jew il-provvista diretta, jew tal-inqas joħolqu ostakli ekonomiċi jew burokratiċi; pereżempju nistgħu nsemmu Spanja u l-Ġermanja. Għalhekk il-Kumitat jappella lill-Kummissjoni biex tfassal karta speċifika biex tiddaħħal fil-proċess ta’ konsultazzjoni u tibni fuq id-Dokument ta’ Ħidma (16) li jakkumpanja l-Komunikazzjoni li tiddeskrivi liema żvantaġġi ppjanati jew mhux ippjanati jiltaqgħu magħhom l-approċċi tal-prosumaturi, liema ostakli burokratiċi jeżistu u kif id-diskriminazzjoni eżistenti għandha tiġi eliminata. |
Dan ifisser ukoll li l-Kummissjoni għandha twettaq analiżi awtokritika tagħhom dwar jekk ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat humiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni. Diġà jista’ jiġi nnutat li fil-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u s-sussidji tal-enerġija (17) għall-awtokonsum, l-awtoprovvediment u l-forniment dirett ma ġewx valutati biżżejjed.
|
4.4.5. |
Id-diskussjoni dwar l-indipendenza tan-negozjanti l-kbar għandha tinkludi wkoll ir-rwol tal-intermedjarji. Sabiex dan jiġi ppreservat, ikun utli li ssir diskussjoni ulterjuri tal-mudelli ta’ negozju tal-intermedjarji u l-kwistjoni dwar min huma l-klijenti tagħhom! |
5. Pilastru 2: Djar u netwerks intelliġenti
|
5.1. |
L-istrateġija l-ġdida dwar l-enerġija qed tikber minn isfel għal fuq. It-tagħmir imqabbad ma’ netwerk isir djar intelliġenti, li jsiru bini intelliġenti, u dawn min-naħa tagħhom isiru elementi attivi tan-netwerk. Id-djar intelliġenti huma kważi l-bażi tas-sistemi tal-enerġija l-ġodda; u anke sors ta’ tagħlim u esperjenza għall-konsumaturi l-ġodda attivi. Jeħtieġ li jkunu infurmati aħjar dwar l-opportunitajiet eżistenti. |
6. Pilastru 3: il-ġestjoni u l-protezzjoni tad-data
|
6.1. |
Id-direttivi dwar il-protezzjoni ta’ data konsistenti u affidabbli huma l-bażi u l-kundizzjoni tat-tifrix rapidu u li jqis il-ġejjieni tas-sistemi moderni ta’ komunikazzjoni. Dawn il-punti li ġejjin għandhom jiġu speċifikati:
|
|
6.2. |
Għall-KESE, huwa essenzjali li l-konsumatur ikun u jibqa’ s-sid tad-data tiegħu u li jibqa’ jkollu kontroll u aċċess sħiħ għad-data b’tali mod li jkun jista’ jivverifikaha, jikkoreġiha u jħassarha, u li jkun jista’ jittrasferiha f’każ li jbiddel il-provveditur. |
Brussell, l-20 ta’ Jannar 2016.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) COM(2015) 339 final.
(2) TEN/577: “It-tnedija tal-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar disinn ġdid tas-suq tal-enerġija” – ara paġna 13 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.
(3) COM(2015) 80 final, p. 2.
(4) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.
(5) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.
(6) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.
(7) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.
(8) Ara ACER/CEER: Annual Report on the Results of Monitoring the Internal Electricity and Natural Gas Markets in 2013, Ottubru 2014, p. 69.
(9) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.
(10) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.
(11) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.
(12) SWD(2015) 141 final, 15.7.2015.
(13) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.
(14) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 1.
(15) KESE: Inbiddlu l-futur tal-enerġija: is-soċjetà ċivili bħala l-attur prinċipali fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinovabbli (EESC-2014-04780-00-04-TCD-TRA(EN)).
(16) SWD(2015) 141 final, 15.7.2015.
(17) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12.