|
24.2.2016 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 71/57 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex ittejjeb it-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u investimenti b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju”
[COM(2015) 337 final – 2015/0148 (COD)]
(2016/C 071/10)
|
Relatur: |
is-Sur PEZZINI |
Nhar is-7 ta’ Settembru 2015 u nhar il-21 ta’ Settembru 2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b’konformità mal-Artikoli 192 u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jikkonsultaw lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE biex ittejjeb it-tnaqqis kosteffettiv tal-emissjonijiet u investimenti b’emissjonijiet baxxi ta’ karbonju”
[COM(2015) 337 final – 2015/0148 (COD)].
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar it-18 ta’ Novembru 2015.
Matul il-512-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Diċembru 2015 (seduta tad-9 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’138 vot favur, vot wieħed kontra (1) u astensjoni waħda (1).
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1. |
Il-Kumitat huwa konvint li hija ta’ importanza ċentrali għall-Ewropa r-reindustrijalizzazzjoni sostenibbli bi tkabbir kompetittiv u li tiġġenera impjiegi ġodda u aħjar, u li l-iskema għall-iskambju ta’ kwoti tas-CO2 tal-UE għandha titqies f’dan il-kuntest bħala strument ewlieni tal-politika tal-UE għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u għall-proċess tad-dekarbonizzazzjoni tal-ekonomija globali. |
|
1.2. |
Il-Kumitat jemmen li l-iskema tal-iskambju tal-emissjonijiet tal-UE (ETS UE) bħala strument għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-UE għandha tagħti sinjal tal-prezz tal-karbonju iżda wkoll taffettwa b’mod pożittiv l-investiment sostenibbli f’teknoloġiji ġodda b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju. |
|
1.3. |
Skont il-KESE jeħtieġ li s-suq tal-karbonju jsir iżjed stabbli, flessibbli u miftuħ għall-partijiet interessati kbar kollha fil-livell dinji, f’qafas iddettaljat u kkoordinat sabiex jintlaħaq l-objettiv ta’ sistema industrijali tal-manifattura kompetittiva u sostenibbli. |
|
1.4. |
Il-Kumitat isostni li l-Kummissjoni għandha ssegwi strettament il-mandat definit mill-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030 maqbul mill-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ottubru 2014, b’mod partikolari fl-indikazzjonijiet ċari tagħha dwar id-dispożizzjonijiet ta’ rilokazzjoni tal-karbonju li għandhom jiġu żviluppati fl-iskema ETS UE. |
|
1.5. |
Skont il-Kumitat, għandhom jiġu żgurati mekkaniżmi xierqa ta’ tranżizzjoni għas-salvagwardja tal-kompetittività tal-industriji Ewropej u biex jiġu evitati riskji ta’ ħarbiet ta’ investimenti u l-espożizzjoni tal-industriji Ewropej għall-kompetizzjoni inġusta minn pajjiżi mingħajr strumenti ta’ regolamentazzjoni dwar il-klima li huma komparabbli. |
|
1.6. |
Il-KESE jirrakkomanda li jiġi żgurat qafas adegwat ta’ regoli – speċjalment dwar il-livell ta’ allokazzjoni ħielsa, l-ammissibilità ta’ rilokazzjoni tal-karbonju, ir-reviżjoni ta’ parametri ta’ valutazzjonijiet komparattivi, il-kumpens għall-ispejjeż ikkaġunati mill-prezzijiet tal-enerġija elettrika – biex tiġi żgurata b’mod komplet l-allokazzjoni mingħajr ħlas u kumpens sħiħ tal-ispejjeż indiretti fl-Istati Membri kollha f’livell ta’ 10 % tal-impjanti l-aktar effiċjenti f’oqsma esposti għal riskji għolja ta’ rilokazzjoni tal-karbonju. |
|
1.7. |
Il-KESE jirrakkomanda l-punti li ġejjin fost dawk li jikkwalifikaw fl-iskema:
|
|
1.8. |
Il-Kumitat jirrakkomanda, fl-aħħar nett, l-ikbar koerenza possibbli, sinerġija sħiħa, il-livell minimu ta’ duplikazzjoni ta’ rekwiżiti u l-eliminazzjoni tal-burokrazija żejda bejn il-leġislazzjoni l-ġdida għar-reviżjoni tas-sistema tal-UE ta’ skambju tal-kwoti tal-emissjonijiet u n-normi paralleli u komplimentari li jinteraġixxu magħhom. |
|
1.9. |
Il-KESE jemmen li għandu jiġi żgurat qafas għall-iskambju ta’ krediti internazzjonali li għandu jkollhom rwol x’jaqdu fl-ilħuq tal-objettivi usa’ dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet fl-Ewropa, bl-appoġġ ta’ ftehimiet internazzjonali multilaterali u bilaterali. |
|
1.10. |
Għaldaqstant, il-KESE jqis importanti li titħejja opinjoni fuq inizjattiva proprja wara l-konklużjoni tal-Konferenza ta’ Pariġi fi tmiem l-2015. |
2. Introduzzjoni
|
2.1. |
L-iskema għall-iskambju tal-emissjonijiet tal-UE (ETS UE) bdiet topera fl-1 ta’ Jannar 2005 u hija waħda mill-aktar strumenti importanti tal-politika għall-klima tal-UE minħabba l-kapaċità tagħha li tiġġieled kontra l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. |
|
2.2. |
Mill-bidu nett li ġiet stabbilita l-iskema ETS UE kellha l-għan li sservi ta’ punt ta’ referenza għall-karbonju, li jippermetti li jitnaqqsu l-emissjonijiet mis-setturi kollha tal-ekonomija Ewropea responsabbli għal madwar nofs l-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. |
|
2.3. |
Il-KESE dejjem ikkunsidra l-ETS UE bħala strument ewlieni tal-politika għall-klima u l-enerġija tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet industrijali tal-UE u sejjaħ għal riforma ġenwina biex jintlaħqu l-objettivi tal-UE dwar il-klima għall-2030, filwaqt li tiġi salvagwardjata l-kompetittività industrijali tal-Unjoni u tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-investimenti. |
|
2.4. |
Il-Kunsill Ewropew tal-21 ta’ Marzu 2014 talab għal miżuri għall-kumpens sħiħ tal-ispejjeż diretti u indiretti li jinħolqu mill-politiki għall-klima tal-UE, għas-setturi esposti għal kompetizzjoni globali, sakemm ma jintlaħaqx ftehim internazzjonali dwar il-klima li jistabbilixxi kundizzjonijiet indaqs fil-livell dinji. |
|
2.4.1. |
Madankollu l-KESE jikkondividi l-osservazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li hemm nuqqasijiet sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-ETS UE u tagħmel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet biex jitjiebu l-integrità u l-implimentazzjoni ta’ din is-sistema, u ssaħħaħ il-kunċett ta’ effiċjenza industrijali li tiżgura l-kompetittività sħiħa tal-ekonomija tal-UE. |
|
2.5. |
Fit-23 u l-24 ta’ Ottubru 2014, il-Kunsill Ewropew stabbilixxa l-qafas ta’ politika għall-klima u l-enerġija għall-2030. Huwa adotta wkoll konklużjonijiet, u b’mod partikolari approva xi objettivi importanti:
|
|
2.5.1. |
L-objettiv tal-UE biex jitnaqqsu l-emissjonijiet domestiċi ta’ gassijiet b’effett ta’ serra tal-anqas b’40 %, approvat formalment fis-sessjoni tal-Kunsill “Ambjent” tas-6 ta’ Marzu 2015, huwa l-bażi tal-kontribut tal-UE għan-negozjati għall-ftehim globali ġdid dwar it-tibdil fil-klima. |
|
2.5.2. |
Dawn l-elementi kollha tal-qafas se jiġu rieżaminati perjodikament mill-Kunsill, li se jkompli jipprovdi politika ta’ gwida, kemm fuq is-setturi koperti mill-ETS kif ukoll fuq dawk li mhumiex koperti u dwar l-interkonnessjonijiet u l-effiċjenza tal-enerġija. |
|
2.5.3. |
L-istrumenti u l-miżuri għandhom ikunu mmirati biex b’mod komprensiv u teknoloġikament newtrali jippromovu t-tnaqqis tal-emissjonijiet kif ukoll l-effiċjenza tal-enerġija. |
|
2.6. |
Fit-13 ta’ Mejju 2015 intlaħaq ftehim bejn il-Kunsill u l-Parlament dwar l-ETS tal-UE b’deċiżjoni dwar riżerva tal-istabilità tas-suq:
|
|
2.7. |
Fil-qafas tal-istrateġija tal-Unjoni dwar l-enerġija u fid-dawl tal-Konferenza dwar il-klima f’Pariġi, il-Kummissjoni pproponiet pakkett ta’ miżuri biex, fost oħrajn, tirrevedi l-iskema tal-UE għan-negozjar tal-emissjonijiet skont l-istruzzjonijiet maħruġa mill-Kunsill, filwaqt li jitħarsu l-prijoritajiet ta’ riindustrijalizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea u l-kompetittività internazzjonali tas-setturi industrijali l-aktar esposti għar-riskju ta’ rilokazzjoni tal-produzzjoni. |
|
2.8. |
Il-miżuri ta’ reviżjoni tal-iskema tal-UE għan-negozjar tal- emissjonijiet jinvolvu, minbarra l-politika għall-enerġija, ħafna politiki oħra tal-Komunità. |
|
2.9. |
Il-KESE nieda studju dwar l-impatt ta’ miżuri ffinanzjati permezz tal-użu ta’ strumenti tal-UE għall-ħarsien tal-ambjent (2) fejn jenfasizza l-importanza tal-użu effikaċi ta’ dħul iġġenerat minn strumenti bbażati fuq is-suq għal titjib ambjentali skont il-promozzjoni ta’ ekonomija ekoloġika u dħul iġġenerat mill-iskema għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-UE, li jikkostitwixxu opportunità importanti b’mod partikolari biex jiġi ffinanzjat dan it-titjib u t-tranżizzjoni industrijali u ta’ impjieg lejn ekonomija mingħajr karbonju. |
3. Il-proposti tal-Kummissjoni
|
3.1. |
L-inizjattiva tal-Kummissjoni li temenda d-Direttiva ETS UE 2003/87/KE hija intiża, permezz ta’ sett komprensiv ta’ proposti, biex taċċentwa l-livell tat-tnaqqis annwali ta’ emissjonijiet permessi sabiex il-livell ta’ kwoti maħruġa kull sena fiż-ŻEE sa mill-2021 jonqos b’fattur lineari ogħla minn 2,2 % biex jilħaq it-tnaqqis b’43 % fl-2030 meta mqabbel mal-livell tal-2005. |
|
3.2. |
Il-proposta tipprovdi għal numru ta’ mekkaniżmi ta’ finanzjament biex jiġu appoġġati l-operaturi ekonomiċi li jridu jiġġieldu kontra r-rilokazzjoni tal-karbonju u jaffrontaw l-isfidi l-kbar ġejjin mill-innovazzjoni u mill-investiment neċessarji sabiex jiġu modernizzati l-impjanti tagħhom u sabiex tintlaħaq l-effiċjenza enerġetika għal kontribut lejn it-tnaqqis tal-emissjonijiet. |
4. L-iskemi ta’ skambju tal-emissjonijiet fil-livell dinji
|
4.1. |
L-iskemi ta’ skambju tal-emissjonijiet qed jiżdiedu madwar id-dinja lil hinn mill-UE, bi skemi nazzjonali jew subnazzjonali li diġà qed joperaw f’diversi pajjiżi. |
|
4.2. |
Fl-Istati Uniti, il-President Obama ħabbar ir-regoli għall-Pjan ta’ Clean Power – CPP li se jindikaw l-istandards individwali għal kull Stat biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju mill-impjanti tal-enerġija – prinċipalment mill-faħam u mill-gass – sal-2030. |
|
4.2.1. |
F’Kalifornja hemm programm “cap-and-trade”, imniedi fl-2012. F’Connecticut, Delaware, Maine, Maryland, Massachusetts, New Hampshire, New York, Rhode Island, Vermont hemm fis-seħħ ir-Regional Greenhouse Gas Initiative-RGGI. |
|
4.3. |
Fl-Awstralja qed titħaddem skema ta’ skambju tal-emissjonijiet li se tingħaqad ma’ dik Ewropea sal-2018, skont ftehim mal-Kummissjoni Ewropea fl-2012. |
|
4.4. |
Fil-Kanada l-Cap-and-Trade System for Greenhouse Gas Emissions ta’ Québec ġiet introdotta fl-2012 u ilha mill-2013 tkopri 85 % tal-emissjonijiet ta’ Québec. |
|
4.5. |
Fi New Zealand fl-2008 tnediet skema ta’ skambju ta’ emissjonijiet NZ ETS, bl-inklużjoni tal-foresti u l-agrikoltura, il-karburanti fossili likwidi, l-impjanti tal-enerġija u l-proċessi industrijali. |
|
4.6. |
L-UE u ċ-Ċina laħqu ftehim fis-summit bilaterali fl-aħħar ta’ Ġunju 2015 dwar il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. |
|
4.7. |
Fil-Korea t’Isfel minn Jannar 2015 hemm fis-seħħ il-programm KETS, l-ewwel programm fl-Asja li jaħdem fil-livell nazzjonali u t-tieni wara l-ETS UE fil-livell dinji. |
|
4.8. |
Fil-Ġappun, it-Tokyo Cap-and-Trade Program – TMG ETS huwa l-ewwel skema ta’ skambju obbligatorja, imnedija f’April 2010. |
|
4.9. |
Fl-Iżvizzera, l-ETS-CH beda fl-2008 b’ħames snin fuq bażi volontarja bħala għażla alternattiva għat-taxxa fuq is-CO2 fuq il-karburanti fossili: mill-2013 l-iskema saret obbligatorja għall-industriji l-kbar li jużaw ħafna enerġija. |
5. Kummenti ġenerali
|
5.1. |
Il-Kumitat jemmen li l-ETS UE tirrappreżenta strument ewlieni effiċjenti bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta’ enerġija tal-UE, jekk l-iskema ssegwi l-loġika tas-suq, u li għandha tibgħat sinjal tal-prezz tal-karbonju f’konformità mal-ambizzjonijiet, iżda anke li jkollha effett pożittiv fuq l-investiment f’teknoloġiji b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju u fuq l-iżvilupp ta’ enerġija rinnovabbli u fuq iż-żieda fl-effiċjenza tal-enerġija. |
|
5.1.1. |
Il-KESE huwa mħasseb dwar aċċellerazzjoni eventwali tal-proċess ta’ rilokazzjoni tal-investiment bħala forma speċifika ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju f’setturi vulnerabbli. Dan il-proċess jista’ jnaqqas aktar il-kompetittività ta’ dawn is-setturi u l-kapaċità tagħhom li jieħdu l-miżuri meħtieġa għal ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, skont il-linji espressi f’opinjonijiet reċenti (3). |
|
5.2. |
Il-KESE jinsab konvint dwar il-ħtieġa li s-suq tal-karbonju jsir iżjed stabbli, flessibbli u miftuħ għall-partijiet interessati kollha, fil-livell dinji. |
|
5.3. |
Il-qafas għall-politiki tal-enerġija u tal-klima u l-enerġija f’perspettiva sal-2030, maqbul mill-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta’ Ottubru 2014, jistabbilixxi miri ambizzjużi ta’ tnaqqis unilaterali, iżda pprovda wkoll linji gwida ċari dwar id-dispożizzjonijiet tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju li għandhom jiġu żviluppati fir-riforma tal-ETS UE. |
|
5.3.1. |
Il-KESE jaħseb ukoll li r-riforma tal-ETS UE għandha tirrappreżenta qafas koordinat ta’ politika, flimkien mar-riforma tas-setturi mhux ETS (Deċiżjonijiet dwar il-Kondiviżjoni tal-Isforzi – ESD) u l-politiki dwar l-enerġija rinnovabbli (RED) u l-effiċjenza enerġetika (EED u EPBD). |
|
5.4. |
Il-KESE jemmen li fost il-punti ewlenin tar-riforma għandu jkun hemm:
|
|
5.4.1. |
Għall-kumpaniji li qed jaffaċċjaw ir-riskju tar-rilokazzjoni għandha tiġi allokata bla ħlas kwantità ta’ permessi ta’ emissjonijiet. |
|
5.5. |
Skont il-Kumitat, għandhom jiġu żgurati mekkaniżmi xierqa ta’ tranżizzjoni lejn tnaqqis bilanċjat tal-kwoti ħielsa tal-emissjonijiet tas-CO2 għas-salvagwardja tal-kompetittività tal-industriji Ewropej u biex jiġu evitati riskji ta’ ħarbiet ta’ investimenti u l-espożizzjoni tal-industriji Ewropej u setturi ta’ impjieg Ewropej għall-kompetizzjoni inġusta minn pajjiżi mingħajr oqfsa ta’ regolamenti li huma komparabbli. |
|
5.5.1. |
B’mod partikolari, għandu jiġi żgurat qafas ta’ regoli adegwati dwar il-livelli ta’ allokazzjoni ħielsa, dwar l-ammissibilità tar-rilokazzjoni tal-karbonju, dwar ir-reviżjoni ta’ parametri ta’ valutazzjonijiet komparattivi, dwar il-kumpens għall-ispejjeż ikkaġunati mill-prezzijiet tal-enerġija elettrika – biex tiġi żgurata b’mod komplet l-allokazzjoni mingħajr ħlas u l-kumpens sħiħ tal-ispejjeż indiretti fl-Istati Membri kollha f’livell ta’ 10 % tal-impjanti l-aktar effiċjenti f’oqsma esposti għal riskji għolja ta’ rilokazzjoni tal-karbonju. |
|
5.5.2. |
Għandha tiġi studjata wkoll il-possibilità tal-estensjoni ta’ mekkaniżmi fejn jiġu ppremjati dawk bl-aħjar rendiment għas-soċjetà ċivili, sabiex jiġi assigurat bonus tal-ETS lill-familji, il-komunitajiet u l-amministrazzjonijiet pubbliċi li jnaqqsu b’mod konsiderevoli l-konsum tal-enerġija tagħhom li jiġġeneraw is-CO2 jew jikkumpensaw għall-emissjonijiet b’ investimenti ekoloġiċi . |
|
5.6. |
Il-KESE jaħseb li l-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (CDM) għandu jinżamm, jittejjeb u jiġi estiż, u li għandhom jingħataw appoġġ adatt ir-rabtiet bejn l-ETS tal-UE u skemi ġodda li qed jispontaw f’partijiet oħra tad-dinja. |
|
5.7. |
It-tibdil fil-klima jeħtieġ soluzzjoni globali permezz ta’ ftehim b’objettivi definiti b’mod ċar u ċerti għall-ekonomiji kollha ewlenin tad-dinja. |
6. Kummenti speċifiċi
|
6.1. |
Il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu riveduti l-proċeduri għat-tqassim tal-kwoti, biex jiġi garantit perċentwal adegwat mingħajr ħlas biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-ħaddiema li huma intitolati għalihom. Id-definizzjoni tas-setturi f’riskju ta’ rilokazzjoni mill-2020 tinsab f’riskju ta’ tnaqqis sinifikanti b’limitu ta’ 0,18 bħala prerekwiżit għall-eliġibilità. |
|
6.2. |
Il-KESE huwa mħasseb dwar l-issikkar tal-punti ta’ riferiment li jippenalizza aktar il-kumpaniji li jħabbtu wiċċhom ma’ sitwazzjonijiet diffiċli: it-tnaqqis trażversali tal-punt ta’ riferiment permezz ta’ fattur wieħed lineari ta’ korrezzjoni, stabbilit bejn minimu ta’ 0,5 % u massimu ta’ 1,5 % fuq bażi annwali, ma jqisx il-ħajja tat-tagħmir u s-sitwazzjoni teknoloġika reali f’setturi differenti ħafna. |
|
6.3. |
Il-KESE jqis li l-parametri ta’ valutazzjoni komparattiva għar-rilokazzjoni tal-karbonju għandhom ikunu teknikament u ekonomikament fattibbli biex jirriflettu l-avvanzi fit-teknoloġija reali u jirrakkomanda li l-metodoloġija biex titnaqqas il-lista tas-setturi fil-Lista tar-rilaxx ta’ karbonju minn 177 settur għal 52 għall-2021-2030 tiġi maqsuma mill-imsieħba soċjali u tiġi akkumpanjata minn miżuri għall-eliminazzjoni gradwali. |
|
6.4. |
Il-KESE jemmen ukoll li l-fattur ta’ korrezzjoni intersettorjali għandu jitneħħa. Fattur ta’ korrezzjoni kkalkolat b’mod mhux xieraq joħloq inċertezzi fl-allokazzjoni mingħajr ħlas u jesponi lill-impjanti l-aktar fir-riskju għal spejjeż żejda. |
|
6.5. |
Il-KESE jemmen li għandu jkun hemm mekkaniżmu ta’ kumpens għal spejjeż indiretti armonizzati fuq livell Ewropew u pprovduti fuq il-bażi tal-parametri diġà stabbiliti (4), biex jiġu evitati d-distorsjonijiet attwali tas-suq intern, b’hekk l-iskema attwali bbażata fuq għajnuna mill-Istat issir obbligatorja u l-Istati Membri jintrabtu biex jallokaw mill-inqas porzjon tad-dħul mill-irkantijiet għal kumpens suffiċjenti għall-ispejjeż indiretti mġarrba f’termini ta’ “dawk bl-aħjar prestazzjoni” ambjentali fis-setturi esposti. |
|
6.6. |
Il-KESE jitlob li l-allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas aktar flessibbli u dinamiċi tkun ibbażata fuq livelli tal-produzzjoni effettivi u aġġornati, filwaqt li tappoġġja l-unitajiet li jtejbu l-effiċjenza waqt li tinżamm l-istess allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas. |
|
6.7. |
Huwa meħtieġ li l-kriterju ta’ definizzjoni tar-riskju ta’ Rilokazzjoni tal-Karbonju jsir aktar flessibbli biex jirrifletti aħjar l-impatt tal-prezz tal-karbonju fuq il-kompetittività tas-setturi varji, speċjalment għall-SMEs, skont il-kriterji kwalitattivi, kif definiti fl-2008. |
|
6.8. |
Il-KESE jemmen li l-fondi tal-ETS UE – Fond ta’ Riżerva tal-Istabilità, il-Fond għall-innovazzjoni, il-Fond għall-immodernizzar – għandhom jitqiesu f’qafas sinottiku, sabiex jiġu żgurati operazzjonijiet xierqa u skemi adegwati ta’ ġestjoni/kontroll, biex tiġi evitata d-duplikazzjoni. |
|
6.9. |
Skont il-KESE:
|
|
6.10. |
Il-Kumitat jittama li l-miżuri previsti għall-impjanti żgħar b’emissjonijiet ta’ inqas minn 25 000 t CO2 jiġu estiżi għall-impjanti b’emissjonijiet ta’ inqas minn 50 000 t CO2, u li fl-Ewropa jammontaw għal madwar 75 % tal-impjanti fl-ETS, iżda jirrappreżentaw 5 % biss tal-emissjonijiet totali. |
|
6.11. |
Fir-rigward tal-emissjonijiet mill-proċess mineraloġiku, il-potenzjal tagħhom għat-tnaqqis mill-operaturi huwa essenzjalment żero u għandhom jibbenefikaw minn allokazzjoni totali tal-kwoti mingħajr ħlas. |
|
6.12. |
Billi l-miżuri ta’ reviżjoni tal-iskema tal-UE għan-negozjar ta’ emissjonijiet jinvolvu, flimkien mal-politika għall-enerġija, ħafna politiki Komunitarji oħrajn, il-Kumitat jirrakkomanda l-akbar konsistenza u l-eliminazzjoni ta’ burokrazija żejda bejn ir-regolamenti l-ġodda u r-regolamenti li jinteraġixxu magħhom. |
Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2015.
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Georges DASSIS
(1) Ara Il-Modernizzazzjoni tal-għajnuna mill-Istati għal suq tal-enerġija integrat tal-UE – Joaquín Almunia, Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea responsabbli għall-Politika tal-Kompetizzjoni, Brussell, 2 ta’ Diċembru 2013 – Enerġija: is-settur fejn jeħtieġ “iżjed Ewropa”. L-iżvilupp ta’ prinċipji komuni għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat. Sabiex l-għajnuna tkun kompatibbli, jeħtieġ li ssir kontribuzzjoni għal objettiv komuni tal-UE, jiġi korrett falliment tas-suq ippruvat/jiġi indirizzat tħassib ta’ ekwità, tkun strument adatt, jiġi żgurat effett ta’ inċentiv, tkun proporzjonata u limitata għall-minimu, jiġu evitati distorsjonijiet bla bżonn tal-kompetizzjoni u l-kummerċ. Ara wkoll “Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020” (ĠU C 200, 28.6.2014 p. 1).
(2) www.eesc.europa.eu/envistud.
(3) Strumenti bbażati fuq is-suq – Ekonomija tal-UE b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju (ĠU C 226, 16.7.2014 p. 1), Qafas ta’ politika għall-Klima u l-Enerġija 2020-2030 (ĠU C 424, 26.11.2014 p. 39) u l-Protokoll ta’ Pariġi (ĠU C 383, 17.11.2015, p. 74).
(4) Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020 (ĠU C 200, 28.6.2014 p. 1).