24.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/65


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa”

[COM(2015) 192 final]

(2016/C 071/11)

Relatur:

is-Sur Raymond HENCKS

Korelatur:

is-Sur Thomas McDONOGH

Nhar it-12 ta’ Mejju 2015, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa”

[COM(2015) 192 final].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-24 ta’ Novembru 2015.

Matul il-512-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Diċembru 2015 (seduta tad-9 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’219-il vot favur, 2 voti kontra u 7 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jappoġġja l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali Ewropew. Madankollu, għadu mħasseb li għadha dgħajfa r-rieda politika ta’ parti mill-Istati Membri li jwittu t-triq biex tinħoloq unjoni diġitali kreattiva u innovattiva, u mhux biss waħda li tikkonsma.

1.2.

L-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali proposta mill-Kummissjoni ta’ Juncker hija estensjoni tal-istrateġiji u l-programmi diġitali eżistenti, u għandha l-għan li tagħti nifs ġdid lil politika diġitali tal-Unjoni Ewropea li qed tieħu ż-żmien biex tiġi implimentata. Fl-istess ħin, din hija wkoll enfasi ġdida fuq il-kummerċ u l-konsumaturi u l-miżuri meħtieġa sabiex jinħolqu aktar kummerċ, aktar konsumaturi u kundizzjonijiet u protezzjoni aħjar għall-konsumaturi.

1.3.

F’dan il-kuntest, l-ewwel prijorità tagħna hija li jingħalaq id-distakk fil-ħiliet. Din hija kwistjoni kemm ta’ matematika u litteriżmu kif ukoll ta’ ħiliet diġitali u l-użu responsabbli tagħhom. It-tieni, l-użu faċli tal-pjattaformi huwa meħtieġ sabiex jitmexxa s-suq, għalhekk l-operazzjonijiet tal-pjattaforma m’għandhomx ikunu ristretti. It-tielet, hemm bżonn ta’ applikazzjonijiet rilevanti, għalhekk l-enfasi fuq l-istandardizzazzjoni hija milqugħa. Żieda fil-gvern elettroniku se tgħin sabiex jiġu involuti aktar ċittadini fl-attività diġitali. Mill-perspettiva tal-konsumatur, il-KESE jilqa’ l-inizjattivi dwar l-aċċess aħjar għall-konsumaturi u n-negozji għal prodotti u servizzi diġitali fl-Ewropa kollha.

1.4.

Ftit mill-inizjattivi, iżda mhux kollha, dettaljati fit-Taqsima 4.2 (Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet tajba għal netwerks u servizzi diġitali biex jiffjorixxu) huma relatati mal-infrastruttura tan-netwerks u huma parti mill-aġenda diġitali. Dawn il-proposti huma importanti fid-dawl tal-kuntest tas-suq uniku u l-urġenza li bihom dawn jiġu indirizzati. Xi wħid mill-inizjattivi l-oħra f’din it-taqsima huma importanti għad-drittijiet tal-konsumatur.

1.5.

Il-KESE ma jistax ħlief jappoġġja lill-Kummissjoni fid-determinazzjoni tagħha li ttemm il-frammentazzjoni fi 28 strateġija u swieq diġitali nazzjonali u tlaqqagħhom fi ħdan approċċ Ewropew u b’hekk tiżgura pożizzjoni fuq quddiem nett fil-qasam tal-ekonomija diġitali dinjija, li sar id-dominju tal-pajjiżi terzi.

1.6.

Il-KESE jinsab konvint li l-Unjoni Ewropea, li għandha ħiliet eċċellenti u esperjenza wiesgħa f’ċerti oqsma diġitali, għadha tista’ tirremedja għad-dewmien tagħha f’dan il-qasam. F’dan il-kuntest, il-KESE jinsisti fuq l-iżvilupp ta’ ċentri ta’ riċerka multidixxiplinari u sinerġiji Ewropej fil-qafas tal-ispazju Ewropew tar-riċerka, f’oqsma bħall-cloud computing, in-nanoelettronika, il-ħażna u l-ipproċessar tal-big data, kull apparat li jista’ jsir tiftix għalih (searchable applications) jew li jista’ jiġi kkontrollat mill-bogħod (oġġetti konnessi) u s-servizzi intelliġenti.

1.7.

L-Unjoni tista’ terġa’ taqbad ir-ritmu jekk jirnexxielha, fuq perjodu qasir ta’ żmien, tlaqqa’ flimkien ir-riżorsi tagħha biex timmobilizza u tikkoordina l-isforzi pubbliċi u privati tat-28 Stat Membru, filwaqt li tinvolvi wkoll lill-partijiet interessanti fid-diskussjonijiet dwar l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali. Il-KESE japprova l-impenn li daħlet għalih il-Kummissjoni li tniedi konsultazzjoni pubblika għal kull waħda mill-azzjonijiet futuri tagħha fil-qafas tas-suq uniku diġitali.

1.8.

Il-KESE jiddispjaċih għan-nuqqas ta’ dimensjoni soċjali fl-istrateġija diġitali (minbarra kwistjonijiet dwar il-kompetenza diġitali), minkejja li l-iżvilupp tas-servizzi u l-mudelli intraprenditorjali jitlob tibdil profond fid-dinja tax-xogħol. Il-KESE jqis li flimkien mal-vantaġġi potenzjali, għandhom jiġu kkunsidrati r-riskji u l-isfidi multipli, partikolarment fil-qasam tas-sigurtà u l-organizzazzjoni tax-xogħol, u tas-sigurtà soċjali, bl-istess mod bħall-proċeduri previsti mit-trattat dwar id-djalogu soċjali kif ukoll il-klawżola soċjali orizzontali, li għandhom isibu posthom fl-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali Ewropew (1). Il-KESE jqis li d-dimensjoni soċjali, flimkien mal-konsegwenzi kollha tagħha għax-xogħol, għandha tkun ir-raba’ pilastru tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali Ewropew.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Bit-terminu “suq uniku diġitali”, il-KESE jifhem it-trasferiment lejn l-Internet tat-tranżazzjonijiet u L-attivitajiet mis-suq intern tal-UE eżistenti. Dan diġà seħħ parzjalment, iżda l-inizjattivi enfasizzati mill-Kummissjoni huma ddisinjati sabiex jinkiseb il-potenzjal diġitali sħiħ. L-attivitajiet u t-tranżazzjonijiet tas-suq jinvolvu l-produzzjoni ta’ prodotti u l-provvista ta’ servizzi segwiti minn intermedjazzjoni, distribuzzjoni u konsum. Tranżazzjonijiet bejn il-konsumatur (C), in-negozju (B) u l-awtoritajiet pubbliċi (G) jirriflettu kemm l-influwenza ta’ netwerks soċjali kif ukoll it-tendenza lejn soċjetà ta’ kondiviżjoni. Ir-rwol tal-awtoritajiet pubbliċi fis-Suq Uniku Diġitali huwa dak ta’ fornitur tas-servizzi.

2.2.

Il-benefiċċji tat-trasferiment ta’ proċessi kummerċjali huma magħrufa sew: aktar integrazzjoni fil-katina tal-valur, aċċelerazzjoni tal-proċessi mid-disinn għall-konsenja, interfaċċi tal-konsumatur imtejba (speċjalment fil-kuntest ta’ netwerks soċjali) u kompetittività akbar inġenerali. Hekk kif tkompli t-transizzjoni, din se tiftaħ it-triq għall-“Internet tal-oġġetti” u r-raba’ Rivoluzzjoni Industrijali.

2.3.

Il-karatteristika unika tas-suq intern hija li dan huwa transnazzjonali mid-disinn u li għalhekk huwa adattat sew fil-prinċipju li juża l-Internet. Madankollu, hemm problemi fi ħdan is-suq intern stess, bl-adattament ta’ regoli, liġijiet u regolamenti għall-ambjent diġitali, hemm nuqqasijiet fil-prontezza diġitali f’kull waħda mill-komunitajiet “B”, “G” u “C”, nuqqasijiet fl-infrastruttura teknoloġika tas-Suq Uniku Diġitali u kwistjonijiet potenzjali ta’ dominanza minn pjattaformi kbar.

2.4.

B’mod parallel mal-proġett tas-Suq Uniku Diġitali, il-Kummissjoni qed tmexxi l-Aġenda Diġitali tagħha. Din tindirizza tħassib varju dwar in-nuqqas ta’ preżenza tal-UE fl-industriji globali tal-ħardwer u s-softwer, iżda dan it-tħassib huwa periferali għas-Suq Uniku Diġitali. Skont il-Kummissjoni, il-premju għat-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali huwa kbir ħafna fit-termini tal-PDG u l-impjieg u kull mhu meħtieġ li jsir huwa fi ħdan il-kapaċità attwali tal-UE u l-Istati Membri.

2.5.

Il-falliment li jitlesta s-suq uniku għas-servizzi għandu implikazzjonijiet serji għall-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali. Is-settur tas-servizzi huwa s-settur dominanti fl-ekonomiji tal-Istati Membri. Il-provvista tas-servizzi hija motivata minn tranżazzjonijiet tal-Internet; il-progress fl-istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali jista’, minnu nnifsu, jiffaċilita s-suq uniku għas-servizzi.

2.6.

Ir-regoli, ir-regolamenti u l-liġijiet żviluppati għat-transazzjonijiet fuq il-karta u l-ewwel snin tal-kummerċ elettroniku saru ostakli għall-kisba tas-Suq Uniku Diġitali. Il-KESE jilqa’ l-programm leġislattiv propost u l-iskeda ambizzjuża li ġiet stabbilita:

proposti leġislattivi għal regoli kuntrattwali transkonfinali sempliċi u effettivi għall-konsumaturi u n-negozji;

rieżami tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur;

mżuri fil-qasam tal-konsenja tal-pakketti;

reżami estensiv għat-tħejjija ta’ proposti leġislattivi sabiex jittrattaw ostakli kkawżati minn imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat;

udaġni tas-settur tal-kompetizzjoni fil-kummerċ elettroniku, dwar il-kummerċ onlajn tal-oġġetti u l-forniment onlajn ta’ servizzi;

poposti leġislattivi għal riforma tar-reġim tad-drittijiet tal-awtur;

poposti leġislattivi biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji li jirriżulta minn reġimi differenti tal-VAT;

iizjattivi dwar is-sjieda tad-data, il-fluss liberu tad-data (eż. bejn fornituri tal-cloud) u fuq Cloud Ewropea;

reżami tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika.

2.7.

Filwaqt li l-programm leġislattiv enfasizzat fit-Taqsima 2.6 hawn fuq huwa ċar, l-azzjonijiet previsti sabiex jitjieb l-għarfien dwar l-Internet, il-kompetenza u l-prontezza fit-tliet komunitajiet – “B”, “G”, u “C” – huma anqas ċari:

il-ħiliet u l-kompetenza diġitali, partikolarment għal ħafna taqsimiet taċ-ċittadini tal-UE, mhumiex adegwati biżżejjed, l-istess kif mhumiex il-proposti tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Il-KESE jiddispjaċih li l-Kummissjoni mhux qed tagħti l-prijorità neċessarja lil dan il-fattur ta’ suċċess kritiku għas-Suq Uniku Diġitali u s-soċjetà tal-informazzjoni Ewropea;

l-adozzjoni ta’ Pjan ta’ Standards tal-ICT ta’ Prijorità li jistendi l-Qafas Ewropew tal-Interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi;

Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern Elettroniku ġdid, inkluża inizjattiva dwar il-prinċipju ta’ “darba biss” u inizjattiva dwar il-bini tal-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali.

Flimkien dawn l-inizjattivi se jaffettwaw liċ-ċittadini, l-SMEs, il-gvern u s-servizzi tas-settur privat u l-applikazzjonijiet settorjali li huma ċentrali għall-kisba tas-Suq Uniku Diġitali. Dawn il-proposti jidhru li mhumiex preċiżi jew urġenti biżżejjed. Il-KESE se jsegwi mill-qrib l-iżvilupp ta’ dawn l-inizjattivi li huma kollha taħt il-kontroll tal-UE u tal-Istati Membri.

2.8.

Numru ta’ inizjattivi vitali dwar l-infrastruttura huma proposti:

rieżami tad-Direttiva dwar is-Servizzi bil-Kejbil u bis-Satellita;

proposti leġislattivi biex jirriformaw ir-regoli attwali tat-telekomunikazzjonijiet;

Rieżami tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Medja Awdjoviżiva;

twaqqif ta’ Sħubija Pubblika Privata kuntrattwali ta’ Ċibersigurtà.

Is-sigurtà tat-telekomunikazzjoni u ċ-ċibersigurtà huma l-prijoritajiet evidenti iżda hija urġenti wkoll kjarifika tar-regoli ta’ provvista tal-awdjoviżiv għall-kejbil, is-satellita u l-broadband.

2.9.

Il-pjattaformi jmexxu s-Suq Uniku Diġitali. Il-maġġoranza tal-membri tal-komunitajiet “C”, “B” u “G” jużawhom kuljum. Dawn huma aċċessibbli, jintużaw faċilment, u spiss huma mingħajr ħlas. L-iżvilupp ulterjuri tagħhom huwa indispensabbli, iżda hemm tħassib:

dawn jiffaċilitaw applikazzjonijiet ta’ tfixkil li jisfidaw is-setturi u l-kumpaniji stabbiliti. Il-klijenti jibbenefikaw, iżda l-kumpaniji stabbiliti jiddubitaw il-legalità tagħhom.

ħafna pjattaformi għandhom pożizzjonijiet dominanti li jqajmu mistoqsijiet dwar l-abbuż potenzjali tad-dominanza.

il-biċċa l-kbira tal-pjattaformi l-kbar huma lokalizzati barra mill-UE, iżda teżisti industrija tal-pjattaformi tal-UE u teħtieġ kundizzjonijiet ekwi sabiex tibqa’ ħajja u tiffjorixxi.

Għal dawn ir-raġunijiet il-KESE jilqa’ l-Indaġni: Analiżi komprensiva tar-rwol tal-pjattaformi fis-suq inkluż kontenut illegali fuq l-Internet. Sabiex is-Suq Uniku Diġitali jkun ta’ suċċess, il-pjattaformi jridu jiffjorixxu u għalhekk l-infurzar tal-liġi ma għandux jillimita b’mod ieħor l-ispazju ta’ manuvra għall-pjattaformi.

2.10.

Minħabba l-analiżi ta’ hawn fuq, il-KESE jikkunsidra l-programmi komunitarji enfasizzati fit-Taqsima 2.7 hawn fuq bħala probabbilment il-punt dgħajjef tal-istrateġija u jesprimi “twissijiet” dwar il-pjattaformi.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Huwa inkontestabbli li s’issal-Unjoni Ewropea ma sfruttatx mill-aħjar il-possibilitajiet enormi provduti mit-teknoloġiji diġitali. Dan huwa l-aktar minħabba l-fatt li s-suq Ewropew għadu maqsum fi 28 suq nazzjonali.

3.2.

Madankollu, ċerti Stati Membri jippreferu evidentement iżommu u jiżviluppaw strateġija diġitali esklużivament nazzjonali, aktar milli jagħmlu spazju għal Unjoni Ewropea diġitali kreattiva u innovattiva. B’mod parallel, il-Ministri tal-Ekonomija tal-Ġermanja u ta’ Franza talbu l-ħolqien ta’ qafas komuni appoġġjat b’mod partikolari miż-żewġ pajjiżi tagħhom.

3.3.

Il-KESE josserva wkoll li l-Prim Ministri ta’ ċerti Stati Membri talbu lill-President tal-Kunsill sabiex jagħmlu parti mir-riservi tagħhom għall-implimentazzjoni tal-istrateġija. Dawn insistew fuq l-importanza li “jkun hemm regolamentazzjoni biss meta teżisti prova ċara tal-bżonn li jsir dan, billi jiġu sfruttati l-prinċipji ta’ regolamentazzjoni intelliġenti u jkun hemm valutazzjoni tal-impatt fil-fond. Huwa assolutament evidenti li s-Suq Uniku Diġitali se jkun suċċess biss jekk ma jillimitax l-innovazzjoni, l-investiment u l-intraprenditorija”. Il-KESE huwa tal-istess opinjoni sakemm l-interessi tal-konsumaturi u tal-ħaddiema jitqiesu wkoll bl-istess mod.

3.4.

Il-Kummissjoni tqis din l-Istrateġija ġdida tas-Suq Uniku Diġitali bħala estensjoni tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa tal-2010. Din kienet tipprevedi 101 azzjoni li, skont il-Kummissjoni, 72 minnhom irnexxew u 23 minnhom kellhom jitlestew fiż-żminijiet stabbiliti, mingħajr ma nkiseb is-Suq Uniku Diġitali stess, b’mod li parti minn dawn l-inizjattivi jinsabu fl-istrateġija ġdida inkwistjoni.

3.5.

Matul il-preżentazzjoni tal-linji gwida politiċi tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida, il-President Juncker qal li “billi noħolqu suq uniku diġitali konness, nistgħu niġġeneraw sa EUR 250 biljun fi tkabbir addizzjonali u b’hekk noħolqu mijiet ta’ eluf ta’ impjiegi ġodda”. Skont il-Komunikazzjoni inkwistjoni, jista’ jkun hemm “EUR 415-il biljun addizzjonali għall-PDG Ewropew”, filwaqt li ż-żewġ Kummissarji responsabbli għall-qasam diġitali jsemmu 3,8 biljun impjieg iġġenerati minn suq uniku diġitali.

3.6.

Il-KESE jqis li l-bumbardament taċ-ċittadini b’ċifri li jvarjaw sostanzjalment skont is-sors fi ħdan il-Kummissjoni, iżda li madankollu jiġu ppreżentati bħala fatti mhux konfutabbli meta fil-verità ftit li xejn ikunu kredibbli, huwa kontroproduttiv. Dikjarazzjonijiet bħal dawn jispiċċaw biex joħolqu nuqqas ta’ fiduċja fil-konfront ta’ dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet politiċi u jikkawżaw ċerta indifferenza fir-rigward tal-problemi reali.

3.7.

Sal-lum il-ġurnata, il-Kummissjoni qatt ma tat prova li t-tbassir tagħha tal-istess tip seħħ. Il-KESE jitlob li fl-aħħar tal-mandat tagħha, il-Kummissjoni attwali tiffoka u tqabbel dan l-eżami mal-previżjonijiet tagħha.

3.8.

Il-KESE jqis li mhuwiex realistiku li wieħed jemmen li se jinkiseb is-Suq Uniku Diġitali matul il-mandat attwali tal-Kummissjoni, dan ukoll minħabba li l-istudju tal-impatt jew ir-riċerka xjentifika relatati li jappoġġjaw tali dikjarazzjonijiet ma ġewx ippubblikati. Il-KESE jqis li l-istimi tal-Kummissjoni għandhom jitqabblu mal-istudji li jipprevedu telf sostanzjali ta’ xogħlijiet ikkawżat mit-trasformazzjonijiet diġitali (2).

3.9.

Skont il-Kummissjoni, il-ksib tas-suq diġitali konness tippermetti lill-Ewropa li żżomm pożizzjoni fuq quddiem nett fil-qasam tal-ekonomija diġitali fil-livell globali, filwaqt li tippermetti li n-negozji Ewropej jiżviluppaw ukoll barra mill-Unjoni.

3.10.

Il-KESE josserva li l-ambizzjoni tal-UE, li tinsab fl-Istrateġija ta’ Lisbona tal-2000, li ssir l-aktar ekonomija kompetittiva bbażata fuq l-għarfien u l-iktar dinamika fid-dinja b’kapaċità ta’ tkabbir ekonomiku u sostenibbli akkumpanjat minn titjib fil-kwantità u l-kwalità tax-xogħol u aktar koeżjoni soċjali, ġiet riveduta ‘l isfel b’mod sostanzjali.

3.11.

L-Unjoni Ewropea qiegħda lura.

L-ekonomija diġitali saret il-privileġġ tal-Istati Uniti u tal-Asja. Madwar ħamsin operatur kbir Ewropew tal-komunikazzjoni elettronika huma soġġetti għal 28 qafas regolatorju nazzjonali distinti, filwaqt li s-sitt operaturi l-kbar tas-suq Amerikan u t-tliet ġganti tas-suq Ċiniż huma kkontrollati minn qafas regolatorju uniku. Il-viżjoni tas-suq diġitali intra-Ewropew bħala fattur ta’ integrazzjoni m’għadhiex adegwata f’dinja diġitalizzata mingħajr fruntieri; barra minn hekk, din ma xekklitx il-pjattaformi l-kbar tal-pajjiżi terzi milli joħolqu monopolji jew oligopolji fil-maġġoranza tal-pajjiżi tal-UE.

3.12.

Il-KESE jibqa’ jittama li l-UE għadha tista’ tirrimedja għad-dewmien tagħha u li l-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali fl-Ewropa tista’ tagħti ħajja ġdida lis-settur, bil-kundizzjoni madankollu li tkun kreattiva u mhux biss utent tal-qasam diġitali, li tippromovi qabża kwalitattiva soċjetali lejn edukazzjoni bikrija tat-tfal biex jiżviluppaw ħiliet diġitali u jitħġġeġ l-użu responsabbli tagħhom, li tneħħi d-distakk diġitali, li tiggarantixxi l-aċċess għaċ-ċittadini kollha (inklużi l-persuni b’diżabbiltà) u li tiggarantixxi investiment pubbliku u privat adatt fit-tagħlim, it-taħriġ vokazzjonali u r-riċerka.

3.13.

Għal dan l-għan, l-UE għandha bżonn tlaqqa’ r-riżorsi tagħha flimkien sabiex timmobilizza u tikkoordina sforzi pubbliċi u privati fit-28 Stat Membru kollha. Dawn huwa indispensabbli jekk ma tixtieqx titlef it-tibdiliet li tgħaddi minnhom spiss l-ekonomija diġitali, pereżempju l-applikazzjonijiet mobbli li n-numru tagħhom sploda f’dawn l-aħħar snin, il-cloud computing, il-big data u l-isfidi strateġiċi li issa jinsabu fil-livell tal-pjattaformi tas-servizzi diġitali l-kbar, li saru mezzi inevitabbli ta’ aċċess għall-Internet. Id-diskussjoni dwar l-istrateġija għal suq uniku diġitali għandha tinvolvi l-partijiet interessati kollha u tikkunsidra l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, il-konsumaturi, il-ħaddiema u l-persuni b’diżabbiltà bil-għan li jkun hemm soċjetà inklużiva.

3.14.

Il-KESE ma jistax ħlief jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas totali ta’ dimensjoni soċjali fl-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali. L-effetti u l-isfidi tad-diġitalizzazzjoni fuq l-impjieg huma fil-biċċa l-kbira tagħhom injorati, filwaqt li l-iżvilupp kontinwu tas-servizzi u l-mudell kummerċjali jinvolvi tibdil profond fid-dinja tax-xogħol, b’riperkussjonijiet sostanzjali fuq in-natura tax-xogħol u l-istruttura tal-intrapriżi u r-riskju li jisfaw fix-xejn il-ftehimiet kollettivi. F’dan il-kuntest, il-proċeduri previsti mit-trattat li jikkonċernaw id-djalogu soċjali kif ukoll il-klawżola soċjali orizzontali għandhom jiġu integrati fl-istrateġija għal suq uniku diġitali. Fl-Opinjoni tiegħu dwar l-effetti tad-diġitalizzazzjoni fuq is-settur tas-servizzi u tal-impjiegi fil-qafas tat-tibdil industrijali (CCMI/136), il-KESE għamel sensiela ta’ rakkomandazzjonijiet bil-għan li jiġi evitat li l-iżvilupp tal-qasam diġitali jagħmel ħsara lill-effettività tas-sistemi eżistenti tat-tagħlim vokazzjonali, il-ħarsien tal-impjieg, is-sigurtà soċjali u t-tassazzjoni. Il-KESE jqis li d-dimensjoni soċjali, flimkien mal-konsegwenzi kollha tagħha għax-xogħol, għandha tkun ir-raba’ pilastru tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali Ewropew.

3.15.

Qasam ieħor li fih l-UE għandha l-okkażjoni li tagħti xhieda tal-pożizzjoni tagħha huwa dak tal-big data, li fih l-istandards tekniċi li se jorganizzaw il-ġbir u l-ipproċessar tad-data għad iridu jiġu vvintati. Sabiex iseħħ dan, ir-regolamenti nazzjonali differenti għandhom jiġu unifikati f’qafas Ewropew koerenti li, permezz ta’ politika intelliġenti fir-rigward tal-ipproċessar tad-data, ikun ikkaratterizzat minn struttura li tfittex kompromess bejn l-interessi ekonomiċi u l-protezzjoni tal-ħajja privata f’oqsma differenti bħas-settur mediku, is-saħħa pubblika, is-servizzi personali, il-qasam agroalimentari, eċċ.

3.16.

L-Unjoni Ewropea, li hija familjari mad-diskussjonijiet dwar l-istandards tekniċi bejn l-Istati Membri, tista’ tibbaża ruħha fuq l-esperjenza tagħha f’dan ir-rigward sabiex toħloq politika Ewropea dwar id-data, abbażi ta’ qafas legali ta’ kwalità, u sabiex iżżomm il-kontroll fuq l-istandards relatati mal-protezzjoni tad-data privata (ara SWIFT), sabiex jiġi evitat li dawn ma jiġux imposti minn atturi oħra.

3.17.

Il-KESE jindika wkoll li s-settur diġitali huwa kkaratterizzat ukoll minn żbilanċ sostanzjali fir-rappreżentanza taż-żewġ sessi u li l-professjonisti fil-qasam tal-ICT huma fil-biċċa l-kbira tagħhom irġiel. Meta jitqies in-numru kbir ta’ postijiet battala fis-settur tal-ICT, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom iniedu kampanja sabiex iħeġġu aktar kandidati nisa jinvolvu ruħhom f’karriera fis-settur diġitali.

3.18.

Fir-rapport tiegħu “Golden growth: Restoring the lustre of the European economic model”, il-Bank Dinji qasam l-Unjoni Ewropea f’6 blokok b’mod li jenfasizza, fuq il-bażi ta’ indikaturi diġitali, id-differenzi kbar bejn l-Istati Membri fl-użu tat-teknoloġiji, il-ħiliet u l-applikazzjonijiet diġitali u l-kummerċ elettroniku. Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra bis-sħiħ dawn id-differenzi meta tistabbilixxi l-azzjonijiet ta’ prijorità fil-pjan ta’ ħidma tagħha.

3.19.

Fl-aħħar nett, il-KESE jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li skontha – apparti l-fondi tal-UE ta’ madwar EUR 21,4 biljun – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi se jappoġġja firxa wiesgħa ta’ proġetti diġitali u josserva li l-Bank Ewropew tal-Investiment u l-Fond Ewropew tal-Investiment jipprovdu opportunitajiet sostanzjali ta’ finanzjament addizzjonali. Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni se taħdem mal-BEI, il-promoturi tal-proġetti u l-Istati Membri sabiex il-fondi disponibbli jintużaw b’mod sħiħ, iżda jistaqsi madankollu għaliex, b’mod wiesa’, il-fondi tal-UE li kienu ġew allokati lill-Istati Membri ma ntużawx biżżejjed. Il-KESE jitlob li ssir analiżi dwar din il-kwistjoni sabiex l-użu effettiv u effiċjenti jiġi garantit fil-ġejjieni.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.    Aċċess aħjar għall-konsumaturi u n-negozji għall-prodotti u s-servizzi diġitali madwar l-Ewropa

4.1.1.   Proposti leġislattivi għal regoli tal-kuntratt trankonfinali sempliċi u effettivi għall-konsumaturi u n-negozji

Din hija inizjattiva ambizzjuża, iżda milqugħa jekk tkun fattibbli. Minkejja dan, il-kummerċ transkonfinali, elettroniku jew ieħor, se jibqa’ sfida għall-SMEs u l-individwi privati minħabba kwistjonijiet ta’ lingwa u kultura. Test tal-kuntratt standard ġust u sempliċi fil-lingwi kollha tal-UE se jneħħi ostaklu importanti, iżda oħrajn se jibqgħu, bħat-tħassib dwar is-sigurtà tal-kummerċ elettroniku, transfuntier jew ieħor. F’dan il-kuntest, l-inizjattivi dwar iċ-ċibersigurtà huma milqugħa.

Il-KESE jistenna li, meta tiġi implimentata l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tal-Ewropa, il-proposti kollha jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni lill-konsumaturi u ma jwasslux għal tnaqqis fil-livell ta’ protezzjoni li attwalment jeżisti, fl-ebda Stat Membru.

Jibqa’ jeżisti tħassib fost is-sħab soċjali li l-kummerċ elettroniku transkonfinali jista’ jfixkel in-negozji nazzjonali eżistenti. Dan it-tħassib jenfasizza l-bżonn li tiġi inkluża d-dimensjoni soċjali fl-istrateġija.

4.1.2.   Rieżami tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur

Kooperazzjoni effettiva u ċara hija sine qua non għall-protezzjoni transkonfinali tal-konsumatur mingħajr xkiel. Proċeduri għal kumpens u rimedju fil-ħin huma probabbilment ewlenin sabiex jiġi aċċettat il-kummerċ elettroniku transkonfinalir.

Għandu jsir kull sforz sabiex jitnaqqas il-piż regolatorju fuq l-SMEs.

Il-KESE jaħseb li l-Kummissjoni għandha:

tiżgura li l-konsumaturi jista’ jkollhom aċċess għal kontenut disponibbli legalment dwar termini ġusti u raġonevoli bejn il-fruntieri.

teżamina sa liema punt il-konsumaturi jiġu ddiskriminati onlajn fuq il-bażi tal-pajjiż li jgħixu fih u l-konsegwenzi għall-ekonomija u l-konsumatur ta’ dan, u tipproponi l-passi neċessarji sabiex tiġi indirizzata kwalunkwe diskriminazzjoni;

teżamina l-implimentazzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-konsumatur, tistabbilixxi kif id-drittijiet tal-konsumatur japplikaw għall-prodotti diġitali u tiżgura li l-konsumaturi u n-negozji jifhmu d-drittijiet tagħhom u jkunu kunfidenti li dawn se jiġu infurzati.

4.1.3.   Miżuri fil-qasam tal-konsenja tal-pakketti

Il-konsenja rapida tal-pakketti hija l-muftieħ għas-sodisfazzjon tal-konsumatur fis-swieq tal-kummerċ elettroniku u domestiku u qed taħdem sew. Huwa loġiku li l-kummerċ elettroniku transfruntier għandu jiġi appoġġjat b’mod simili, għalkemm il-Kummissjoni tinnota li s-servizzi tal-pakketti internazzjonali prinċipali diġà joperaw fl-Ewropa.

4.1.4.   Rieżami estensiv għat-tħejjija ta’ proposti leġislattivi sabiex jittrattaw imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat  (3)

Dan japplika għas-servizzi tal-kummerċ elettroniku u dawk awdjoviżivi. Fil-kummerċ elettroniku, it-tfittxijiet għal oġġetti u servizzi rari jagħtu riżultati barra miż-żona ġeografika ta’ min qed ifittex. Min-naħa l-oħra, il-provvista ta’ riżultati fl-UE tista’ tkun wisq.

Fil-fatt, min qed ifittex jista’ jirranġa l-magni tat-tiftix għal kwalunkwe żona ġeogragika meħtieġa. Problema waħda hija li l-konsumaturi minn żona ġeografika differenti jistgħu jkunu soġġetti għal prezzijiet diskriminatorji, bħal ma wera l-każ reċenti ta’ Disneyland Paris. Il-KESE jappoġġja azzjonijiet li jiżguraw li l-kummerċ transfruntier jsir fuq kundizzjonijiet ekwi, sabiex il-konsumatur ikun protett. Problema oħra hija li f’ċerti każijiet, l-aċċess transkonfinali għas-siti web huwa sempliċement projbit.

L-imblukkar awdjoviżiv għandu żewġ dimensjonijiet: ir-restrizzjoni tal-aċċess estern minn ċittadini nazzjonali li qed jivvjaġġaw li għandhom dritt għall-aċċess tas-servizzi domestiċi, u r-restrizzjoni ta’ aċċess estern għal persuni mhux ċittadini li l-pretensjoni għall-aċċess tagħhom hija bbażata fuq iċ-ċittadinanza fl-UE. Fl-ewwel każ, il-KESE jirrakkomanda l-introduzzjoni ta’ identitajiet diġitali li jiffaċilitaw l-aċċess. Fl-aħħar każ, il-KESE jaf li l-biċċa l-kbira tal-imblukkar ġeografiku huwa kkawżat minn restrizzjonijiet tad-drittijiet jew tħassib kummerċjali. Qafas tad-drittijiet semplifikat jista’ jgħin iżda għandha tingħata attenzjoni sabiex il-mudelli kummerċjali marbutin mar-reklamar u l-aċċess għas-suq ma jiġux imfixkla.

4.1.5.   Indaġni tas-settur tal-kompetizzjoni fil-kummerċ elettroniku, dwar il-kummerċ onlajn tal-oġġetti u l-forniment onlajn ta’ servizzi

Il-KESE jilqa’ s-sorveljanza tas-suq mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni u reġim strett ta’ sanzjonijiet kontra l-abbuż ta’ pożizzjonijiet dominanti. Madankollu, fl-istess ħin, il-KESE jinnota li t-teknoloġija u l-ekonomija diġitali tmexxew minn kumpaniji kbar għall-benefiċċju tal-ekonomija u s-soċjetà inġenerali. Għalhekk il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li l-indaġnijiet previsti jkunu bbażati biss fuq il-prinċipji stabbiliti tal-liġi kummerċjali u tal-kompetizzjoni.

4.1.6.   Proposti leġislattivi għal riforma tar-reġim tad-drittijiet tal-awtur

Il-KESE jappoġġja dawn il-proposti sakemm il-mudelli kummerċjali differenti jibqgħu vijabbli u d-drittijiet tas-sidien tal-proprjetà intellettwali jiġu rrispettati.

4.1.7.   Rieżami tad-Direttiva dwar is-Servizzi bil-Kejbil u bis-Satellita

Din id-direttiva tikkonċerna l-koordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u r-regoli relatati mad-drittijiet tal-awtur applikabbli għax-xandir bis-satellita u t-trażmissjoni mill-ġdid bil-kejbil. Il-Kumitat jaqbel li jeħtieġ li tiġi rieżaminata d-Direttiva kemm fil-kuntest tal-proposti leġislattivi antiċipati fil-paragrafu 4.1.6 kif ukoll biex tirrifletti l-bidliet profondi li qed iseħħu f’dawn l-industriji.

4.1.8.   Proposti leġislattivi biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq in-negozji li jirriżulta minn reġimi differenti tal-VAT

It-tassazzjoni tat-teknoloġija diġitali hija fattur ewlieni għas-suċċess tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, għaliex huwa evidenti li l-liġijiet tat-taxxa Ewropej u nazzjonali mhumiex adegwati għar-realtajiet tal-ekonomija diġitali u jwasslu għal evażjoni tat-taxxa u kompetizzjoni inġusta. Il-KESE jaqbel mal-approċċ tal-Kummissjoni dwar il-VAT (jiġifieri li jkun hemm enfasi fuq il-post fejn il-konsumatur ikun ibbażat aktar milli l-post fejn ikun stabbilit il-fornitur tas-servizz) kif ukoll il-prinċipju ta’ tassazzjoni diretta, li tiżgura li l-profitt ikun intaxxat fil-post fejn jiġi ġġenerat il-valur. Il-KESE jappoġġa wkoll il-Kummissjoni fl-isforzi tagħha li tneħħi l-burokrazija żejda imposta fuq negozji b’riżultat ta’ disparitajiet bejn ir-reġimi tal-VAT. Fir-rigward tal-punt (iv), soluzzjoni aktar sempliċi tista’ tkun li tiġi estiża l-eżenzjoni għal tranżazzjonijiet fl-UE.

4.2.    Il-ħolqien tal-kundizzjonijiet tajba għal netwerks u servizzi diġitali biex jiffjorixxu

4.2.1.   Proposti leġislattivi biex jirriformaw ir-regoli attwali tat-telekomunikazzjonijiet

Id-differenza evidenti bejn l-Ewropa, l-Asja u l-Istati Uniti fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet hija l-frammentazzjoni tas-suq Ewropew. Sabiex jinħolqu organizzazzjonijiet bil-kapaċitajiet ta’ investiment u riċerka li jippermettulhom ikunu kompetittivi fil-livell dinji, kull analiżi għandha tikkunsidra wkoll il-kapaċitajiet tal-fornituti tas-servizzi tal-komunikazzjoni bl-Internet tal-Grad 1 u Grad 2 minħabba t-tkabbir esponenzjali tat-traffiku diġitali. Ir-rieżami għandu jfittex ukoll li tikseb soluzzjoni bbilanċjata għall-kwistjoni tan-newtralità tal-Internet. Sal-punt fejn il-medja awdjoviżiva qed u se tiġi pprovduta bl-Internet, l-operaturi tat-telekomunikazzjonijiet irid ikollhom il-libertà li jissodisfaw l-aspettattivi tal-utent fit-termini tal-kwalità u l-veloċità tal-provvista.

Fir-rigward tal-proposti tal-Kummissjoni, il-Kumitat jilqa’ l-enfasi kontinwa dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, flimkien mal-motivazzjoni li titnaqqas il-frammentazzjoni u tiżdied l-armonizzazzjoni.

4.2.2.   Rieżami tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Medja Awdjoviżiva

Jidher b’mod ċar li hemm disparitajiet kbar bejn ir-regolament tax-xandara bil-liċenzja u fornituri tas-servizzi mhux irregolati. Il-limiti huma inqas ċara minħabba t-trażmissjoni mill-ġdid ta’ xandir irregolat fuq broadband u l-varjetà ta’ siti web li jiddistribwixxu Video on Demand (VOD), il-folol ta’ bloggers fil-qasam tal-aħbarijiet u d-dimensjoni diġitali marbuta mal-gazzetti.

Madankollu, il-Kumitat jiddubita li huwa favorevoli li jiġu rregolati s-servizzi kollha fuq bażi uniformi. Ix-xandir lineari għandu jaderixxi ma’ standards minħabba obbligi ta’ servizzi pubbliċi u minħabba li l-għażla tal-ispettatur hija limitata. L-aċċess għal siti web tal-broadband huwa taħt il-kontroll tal-ispettatur, kif inhu l-kontroll mill-ġenituri. Minħabba l-veloċità tal-bidla fl-industrija, rieżami se jkun f’waqtu u se jkunu meħtieġa tibdiliet, iżda għandu jinkiseb bilanċ.

4.2.3.   Analiżi komprensiva tar-rwol tal-pjattaformi fis-suq inkluż kontenut illegali fuq l-Internet

Huwa ċar li l-aġenda diġitali tal-UE tiddependi ħafna – u hija mmexxija minn – pjattaformi, kif inhu l-każ għal reġjuni oħra fid-dinja. Is-suċċess tal-pjattaformi prinċipali tahom pożizzjoni dominanati, u dik il-pożizzjoni ma tridx tiġi abbużata. Madankollu, il-KESE javża lill-Kummissjoni li dan m’għandux ixekkel l-operazzjonijiet ta’ dawn il-kumpaniji biss għaliex huma kbar u jagħmlu suċċess. Jekk isir dan, hemm ir-riskju li jitqiegħdu ostakli fil-mod kif jiġi żviluppat is-Suq Uniku Diġitali fl-Ewropa.

Minkejja dan, il-ħames punti ta’ azzjoni proposti mill-Kummissjoni huma raġonevoli u jagħmlu sens. Dawn għandhom il-potenzjal li jtejbu l-utilità tal-pjattaformi fis-Suq Uniku Diġitali. Huwa essenzjali li l-Kummissjoni tadotta approċċ ibbilanċjat u ma tinjorax l-interessi kummerċjali leġittimi tal-pjattaformi.

4.2.4.   Rieżami tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika

Il-KESE jappoġġja dan l-approċċ għall-protezzjoni tad-data personali. Il-KESE mhuwiex konvint li l-istat preżenti tad-“dritt li jkun minsi” huwa vijabbli fit-tul għaliex din l-interpretazzjoni preżenti tal-UE hija estensiva wisq u huwa teknikament diffiċli li jinżamm dan id-dritt fi ħdan l-Internet globali. Il-Kumitat iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirfina dan id-“dritt” sabiex jipproteġġi lil persuni vulnerabbli u tiżgura l-aċċettazzjoni globali tiegħu.

4.2.5.   Twaqqif ta’ Sħubija Pubblika Privata kuntrattwali ta’ Ċibersigurtà

Fl-ekonomija diġitali, l-istadji varji tal-katina tal-valur m’għandhomx limitu u jmorru lil hinn mid-dimensjoni nazzjonali, li tikkontribwixxi għall-firxa taċ-ċiberkriminalità. Il-KESE jilqa’ l-fatt li l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali tipprovdi sħubija mal-industrija dwar iċ-ċibersigurtà, sal-limitu fejn kultura ta’ ġestjoni tar-riskju u fluss effiċjenti tal-informazzjoni, li ilhom jitfasslu għal żmien twil, fl-aħħar se jieħdu forma.

Hemm karatteristika waħda taċ-ċiberkriminalità li l-Kummissjoni ma indirizzatx: l-ICT toffri possibilitajiet għas-sorveljanza ċibernetika li jistgħu jiġu sfruttati sabiex jiġu kkontrollati data u komunikazzjoni personali għad-detriment tal-libertà individwali, jew jistgħu saħansitra jintużaw bħala mezzi ta’ spjunaġġ fuq l-istati u l-gvernijiet tagħhom. Fid-dawl ta’ dan kollu, il-KESE jqis li huwa neċessarju li jsiru arranġamenti biex tinġabar l-informazzjoni u jittejbu l-kapaċitajiet fil-qasam tad-detezzjoni u l-intervent fil-livell tal-UE.

Il-Kummissjoni ma tagħti l-ebda indikazzjoni dwar l-ambitu tal-isħubija proposta, ir-riżultati mistennija jew l-istruttura tas-sħubija (sieħeb wieħed jew ħafna). Il-Kumitat jenfasizza wkoll l-iskala ta’ investiment fis-suq fiċ-ċibersigurtà fil-preżent. Għal dawn iż-żewġ raġunijiet, il-Kumitat ma jistax jikkumenta fuq din il-proposta sakemm ikun hemm aktar informazzjoni.

4.3.

Massimizzar tal-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomija diġitali

4.3.1.   Inizjattivi dwar is-sjieda tad-data, il-fluss liberu tad-data (eż. bejn fornituri tal-cloud) u dwar Cloud Ewropea

Il-KESE huwa konxju mill-kunflitt fl-ambjent tal-big data bejn is-sigurtà tad-data personali u l-bżonn li tinġabar data personali f’analiżi kbar għal skopijiet ekonomiċi, soċjali u mediċi. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża r-rieżami ppjanat sabiex issolvi dan il-kunflitt.

4.3.2.   Adozzjoni ta’ Pjan ta’ Standards tal-ICT ta’ Prijorità li jestendi l-Qafas Ewropew tal-Interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi

Il-KESE jappoġġja din l-inizjattiva. Filwaqt li nkiseb grad ta’ standardizzazzjoni tal-ħardwer u tas-softwer tas-sistemi minn kumitati internazzjonali, hemm ċertament opportunità kbira ħafna għall-istandardizzazzjoni u l-interoperabilità fil-livell settorjali, tal-applikazzjoni u tal-app b’potenzjal kbir immens għaż-żieda tal-valur u r-rilevanza fis-Suq Uniku Diġitali.

4.3.3.   Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern Elettroniku ġdid, inkluża inizjattiva dwar il-prinċipju ta’ “darba biss” u inizjattiva dwar il-bini tal-interkonnessjoni tar-reġistri kummerċjali.

Ir-responsabbiltà għall-gvern elettroniku tinsab fi ħdan l-Istati Membri. Xi wħud jaqdu rwol mexxej waqt li oħrajn għadhom lura. Il-progress lejn gvern elettroniku li jiffunzjona sew huwa prerekwiżit indispensabbli għal Suq Uniku Diġitali.

4.3.4.   Ħiliet u kompetenza diġitali

Il-Kummissjoni ma tipprevedix programm leġislattiv għal ħiliet u kompetenza diġitali, u tħalli l-kwistjoni f’idejn l-Istati Membri. Il-KESE huwa diżappuntat li m’hemmx inizjattivi ġodda f’dan il-qasam. Bħala minimu, il-Kumitat jistenna Komunikazzjoni mill-Kummissjoni li tinkludi standards u prattika tajba. Barra minn hekk, għandu jkun hemm enfasi fuq il-matematika u l-litteriżmu billi dawn huma komponenti ewlenin għall-ħiliet diġitali.

Il-Komunikazzjoni prevista mill-KESE tipprovdi qafas adattat għall-istadji differenti tal-ħajja, flimkien ma’ proposti ġenerali għat-tagħlim tul il-ħajja. Il-qafas għandu jkollu erba’ komponenti: l-edukazzjoni, l-impjieg, l-irtirar u d-diżabilità.

A

EDUKAZZJONI

A1

Skejjel primarji – ħiliet bażiċi

A2

Skejjel sekondarji – huma previsti 2 flussi:

sett sħiħ ta’ ħiliet sabiex l-istudenti jkunu kapaċi jgħixu u jaħdmu b’mod kunfidenti fis-soċjetà tal-informazzjoni;

sett speċjali ta’ ħiliet diġitali għal studenti bil-potenzjal li jkunu prattikanti tal-ICT kapaċi li jimlew id-distakk fil-ħiliet industrijali. Huwa f’dan il-kuntest li għandhom isiru aktar sforzi sabiex jinkiseb bilanċ aħjar bejn is-sessi fit-teknoloġija informatika.

A1 & A2 Kemm fl-edukazzjoni primarja kif ukoll f’dik sekondarja huwa importanti li jiġi żviluppat l-użu responsabbli tal-ħiliet diġitali.

A3

Edukazzjoni terzjarja – huma previsti 2 flussi:

ħiliet relatati ma’ kull vokazzjoni, inklużi fit-tagħlim u l-eżamijiet fil-kurrikuli bħall-inġinerija, il-matematika u l-bijoteknoloġija;

edukazzjoni dwar teknoloġija avvanzata, li tikkwalifika lill-istudenti li jimlew postijiet battala fl-industriji tat-teknoloġija.

B

XOGĦOL

B1

Taħriġ relatat max-xogħol minn impjegaturi b’attenzjoni kontinwa fuq taħriġ mill-ġdid u żvilupp professjonali kontinwu sabiex jinżamm il-valur tal-ħiliet.

B2

Taħriġ fil-ħiliet għal nies qiegħda li għandu jiġi organizzat mill-awtoritajiet pubbliċi, permezz ta’ aġenziji adegwati.

C

IRTIRAR

C1

Ħiliet tas-soċjetà tal-informazzjoni li għandhom ikunu disponibbli b’mod universali għal dawk li l-ħajja u l-karriera tagħhom qabżu ż-żmien tas-soċjetà tal-informazzjoni

C2

Programmi speċjali li jgħinu lil dawk li għandhom diżabilità sabiex jibqgħu jagħmlu parti mis-soċjetà tal-informazzjoni.

D

DIŻABILITÀ

Appoġġ f’kull stadju li jintroduċi lil persuni b’diżabilità fis-soċjetà tal-informazzjoni u wara jżommhom hemm, anke meta d-diżabilità ssir aktar akuta.

Huwa ċar mid-data fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li hemm distakki fil-ħiliet f’kull età u reġjun. Il-Kumitat jemmen li programm strutturat u kontrollat biss f’kull Stat Membru jista’ jiżgura li ftit, jekk xejn, ċittadini jiġu esklużi mis-soċjetà tal-informazzjoni u s-Suq Uniku Diġitali. Il-KESE talab bosta drabi għal azzjoni determinata dwar il-ħiliet. Fil-kuntest tal-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, wasal iż-żmien li l-Kummissjoni tieħu azzjoni.

Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar “L-effetti tad-diġitalizzazzjoni fuq is-settur tas-servizzi u l-impjieg b’rabta mal-bidla industrijali” (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 161).

(2)  Ara nota 1 f’qiegħ il-paġna.

(3)  Id-Direttiva 2006/123/KE.