24.2.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/42


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Sistema tat-Taxxa Korporattiva Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea: Ħames Oqsma Ewlenin għal Azzjoni”

[COM(2015) 302 final]

(2016/C 071/07)

Relatur:

is-Sur Petru Sorin DANDEA

Korelatur:

is-Sur Paulo BARROSVALE

Nhar is-6 ta’ Lulju 2015, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

“il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Sistema tat-Taxxa Korporattiva Ġusta u Effiċjenti fl-Unjoni Ewropea: Ħames Oqsma Ewlenin għal Azzjoni”

[COM(2015) 302 final].

Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-26 ta’ Novembru 2015.

Matul il-512-il sessjoni plenarja tiegħu li saret fid-9 u l-10 ta’ Diċembru (seduta tad-9 ta’ Diċembru), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b’169 vot favur, 15-il vot kontra u 8 astensjonijiet.

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa kienet waħda mill-preokkupazzjonijiet ewlenin tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni Ewropea f’dawn l-aħħar snin. Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ tassazzjoni ġusta u effiċjenti tal-intrapriżi preżentata mill-Kummissjoni Ewropea hija pass importanti fl-isforz biex ireġġgħu lura dan il-fenomenu li qed jagħmel ħsara. Il-KESE jilqa’ l-preżentazzjoni ta’ dan il-Pjan u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-Kummissjoni fil-ġlieda kontra din is-sitwazzjoni li tikkontribwixxi biex jitherrew il-bażijiet tat-taxxa tal-Istati Membri u tinkoraġġixxi kompetizzjoni inġusta.

1.2.

Kif diġà qal fil-passat (1), il-KESE jappoġġja l-introduzzjoni ta’ bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (BKKTK) li hija obbligatorja għall-intrapriżi involuti f’attività transkonfinali. BKKTK fakultattiva tippreġudika l-effikaċja ta’ miżura bħal din peress li l-intrapriżi li jwettqu t-trasferiment tal-profitti biex iħallsu anqas taxxi jistgħu jirrifjutaw li jadottawha.

1.3.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-futur jipprevedu l-estensjoni tal-BKKTK għall-intrapriżi kollha biex tiġi evitata l-koeżistenza ta’ żewġ sistemi fiskali differenti. Qabel ma l-BKKTK tiġi estiża għall-kumpaniji kollha, għandha ssir valutazzjoni tal-impatt dettaljata, b’mod partikolari fir-rigward tal-impatt tagħha fuq il-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar li joperaw fil-livell lokali.

1.4.

Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex, hija u tħejji l-abbozz ta’ direttiva, tassigura ċ-ċarezza tad-definizzjonijiet u tal-kunċetti li għandhom jirregolaw il-bażi komuni. Fil-fatt, tali definizzjonijiet ċari ser ikunu kundizzjoni sine qua non biex tiġi żgurata l-kwalità tal-proċess ta’ traspożizzjoni u jiġi evitat li, fil-livell tal-Istati Membri, ikun hemm diskrepanzi sinifikanti li jistgħu jnaqqsu b’mod konsiderevoli l-effikaċja tat-test regolatorju.

1.5.

Il-KESE jemmen li l-mekkaniżmu ta’ kumpens transkonfinali għat-telf, li l-Kummissjoni tixtieq timplimenta sal-adozzjoni tal-iskema ta’ konsolidazzjoni, m’għandhux jaffettwa d-dritt tal-Istati Membri li jintaxxaw il-profitti minn attivitajiet imwettqa fit-territorju tagħhom.

1.6.

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni ppubblikat, f’anness ma’ din il-Komunikazzjoni, il-lista ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx fi kwistjonijiet ta’ taxxa. Huwa jfakkar ukoll li fil-proposta li għamel f’opinjonijiet preċedenti li l-leġislazzjoni tal-UE għandha tipprevedi sanzjonijiet għall-kumpaniji li jkomplu jamministraw in-negozji tagħhom minn rifuġji fiskali, biex b’hekk jevitaw li jħallsu t-taxxi applikabbli taħt is-sistemi ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri fejn iwettqu l-attivitajiet tagħhom.

1.7.

Il-KESE jirrakkomanda li wara l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-BKKTK u l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ konsolidazzjoni, il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi tal-impatt tar-regolamenti l-ġodda. Jekk minn din l-analiżi joħroġ fid-dieher li t-trasferiment tal-profitti lejn Stati Membri li japplikaw rati ta’ taxxi iktar baxxi ma naqasx, il-KESE jipproponi li jittieħdu miżuri addizzjonali adatti.

1.8.

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ reviżjoni tal-mandat tal-Pjattaforma għall-governanza fiskali tajba, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tikkunsidra wkoll li mal-kompożizzjoni tagħha ta’ rappreżentanti żżid imsieħba soċjali Ewropej, li jistgħu jagħtu kontribut importanti għall-ħidma tagħha.

2.   Il-proposta tal-Kummissjoni

2.1.

Fis-17 ta’ Ġunju 2015, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Komunikazzjoni (2) li tippreżenta Pjan ta’ Azzjoni għall-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ tassazzjoni ġusta u effiċjenti tal-kumpaniji fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Din issegwi l-pakkett ta’ miżuri dwar it-trasparenza fiskali ppreżentat mill-Kummissjoni Ewropea f’Marzu, li kien fih ukoll abbozz ta’ direttiva dwar l-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni dwar deċiżjonijiet tat-taxxa antiċipati.

2.2.

Il-pjan huwa msejjes fuq madwar erba’ objettivi, li għandhom l-għan li jippromovu approċċ ġdid għat-tassazzjoni tal-intrapriżi tal-UE: l-istabbiliment mill-ġdid tar-rabta bejn it-taxxa u l-post fejn titwettaq l-attività ekonomika, l-iżgurar li l-Istati Membri jkunu jistgħu jevalwaw b’mod korrett l-attivitajiet tal-intrapriżi fil-ġurisdizzjoni tagħhom, il-ħolqien ta’ ambjent fiskali kompetittiv u propizju għat-tkabbir għall-intrapriżi fi ħdan l-Unjoni, li jippermetti lill-intrapriżi jkunu aktar reżiljenti, b’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew, u fl-aħħar, il-protezzjoni tas-suq uniku u l-garanzija li l-Unjoni tadotta approċċ attiv fir-rigward tal-kwistjonijiet esterni marbuta mat-tassazzjoni tal-intrapriżi, inklużi l-miżuri bil-għan li jimplimentaw il-proġett tal-ġlieda kontra l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitti (BEPS) tal-OECD.

2.3.

Il-pjan ta’ azzjoni jippreżenta għadd ta’ miżuri li għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-ksib tal-objettivi, li jikkonċernaw l-istabbiliment ta’ bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (BKKTK), l-iżgurar ta’ tassazzjoni effettiva fejn isiru l-profitti, it-twaqqif ta’ miżuri addizzjonali biex jittejjeb l-ambjent fiskali tal-intrarpriżi, it-twettiq ta’ aktar progress fir-rigward tat-trasparenza fiskali, u biex isir użu aħjar tal-istrumenti Ewropej ta’ koordinazzjoni fi kwistjonijiet ta’ taxxa.

2.4.

Il-Kummissjoni tixtieq tindirizza wkoll il-kwistjoni tal-ħelsien mit-taxxa offrut mill-Istati Membri għall-privattivi. Beħsiebha tiżgura li dan ma joħloqx distorsjonijiet fis-suq intern u ser tiggwida wkoll lill-Istati Membri lejn approċċ ġdid. Sa fejn tkun tista’ tosserva li dawn ma japplikawx dan l-approċċ b’mod sistematiku, ser tistabbilixxi miżuri leġislattivi vinkolanti.

2.5.

Il-Kummissjoni qed tkompli l-kooperazzjoni tagħha mal-imsieħba internazzjonali l-oħra u tenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-BEPS tal-OECD, li għandu joħloq kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għat-tassazzjoni tal-intrapriżi multinazzjonali, inkluż fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-Pjan tal-Kummissjoni għandu l-għan li jiġġieled il-fenomenu li jagħmel ħsara tat-trasferiment tal-profitti, li huwa promoss mill-intrapriżi li jwettqu attivitajiet transkonfinali li jittrasferixxu l-profitti tagħhom f’pajjiżi jew entitajiet territorjali fejn ir-rati tat-taxxa huma baxxi ħafna jew ineżistenti u, għalhekk jikkontribwixxu għall-erożjoni tal-bażi tat-taxxa tal-Istati Membri u jġiegħluhom jgħollu taxxi oħra, f’approċċ li jwassal għal żieda fil-piż tat-taxxa għall-kontribwenti eżemplari, kemm persuni fiżiċi jew SMEs. Il-KESE jilqa’ l-preżentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni u jesprimi l-appoġġ tiegħu għall-Kummissjoni fil-ġlieda kontra dan il-fenomenu.

3.2.

Il-proposta prinċipali tal-Kummissjoni f’dan il-Pjan huwa li tiġi introdotta bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (BKKTK) li tkun vinkolanti. Fil-proposta għal Direttiva tal-2011, il-Kummissjoni kienet ipproponiet li l-BKKTK tkun fakultattiva. Dak iż-żmien, il-KESE ħareġ Opinjoni b’għadd ta’ proposti bażiċi dwar il-BKKTK (3), li għadu jiddefendi sal-lum il-ġurnata.

3.3.

Il-Kummissjoni tqis li huwa neċessarju li tagħmel il-BKKTK vinkolanti peress li l-intrapriżi transnazzjonali li jwettqu pjanar aggressiv tat-taxxa mhux ser jadottawha jekk tibqa’ fakultattiva. Il-KESE jaqbel mal-proposta li l-BKKTK tkun obbligatorja, u jirrakkomanda lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li fil-futur din tkun applikabbli għall-intrapriżi kollha sabiex jiġi evitat li l-Istati Membri jużaw żewġ bażijiet tat-taxxa differenti.

3.4.

Fid-dawl tal-konsultazzjonijiet mal-Istati Membri, il-Kummissjoni tipproponi li bħala l-ewwel pass jiġi kkunsidrat il-ħolqien ta’ bażi komuni u mbagħad, f’fażi ulterjuri, tiġi prevista l-konsolidazzjoni. Peress li l-ippjanar aggressiv tat-taxxa qed jikkomprometti serjament il-kompetizzjoni fis-suq uniku kollu kemm hu u qed iwassal għal telf konsiderevoli ta’ dħul għall-Istati Membri, il-KESE jirrakkomanda li titħaffef l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni.

3.5.

Jeħtieġ li l-proposta għal Direttiva tiġi ppreżentata s-sena d-dieħla. Il-KESE jirrakkomanda lill-Kummissjoni biex, hija u tħejji l-abbozz, tassigura ċ-ċarezza tad-definizzjonijiet u tal-kunċetti li għandhom jirregolaw il-bażi komuni. Fil-fatt, tali definizzjonijiet ċari ser ikunu kundizzjoni sine qua non biex tiġi żgurata l-kwalità tal-proċess ta’ traspożizzjoni u jiġi evitat li, fil-livell tal-Istati Membri, ikun hemm diskrepanzi sinifikanti li jistgħu jnaqqsu b’mod konsiderevoli l-effikaċja tat-test regolatorju.

3.6.

Il-Kummissjoni tipproponi li sal-istadju sussegwenti tal-konsolidazzjoni, l-abbozz ta’ Direttiva jkun jinkludi mekkaniżmu għall-kumpens transkonfinali tat-telf. Peress li l-konsolidazzjoni tirrappreżenta l-vantaġġ ekonomiku ewlieni tal-BKKTK, kien ikun aħjar kieku ġiet introdotta sa mill-bidu nett. Madankollu, fid-dawl tad-diffikultajiet biex jintlaħaq ftehim politiku dwar din il-kwistjoni, il-KESE jappoġġja l-mekkaniżmu propost. Fir-rigward tat-talbiet magħmula mill-Parlament Ewropew, iżda wkoll mill-Istati Membri, favur il-possibbiltà li l-profitti jiġu intaxxati fil-post fejn dawn jiġu ġġenerati, il-KESE jqis li dan il-mekkaniżmu ta’ kumpens m’għandux jolqot bla bżonn id-dritt tal-Istat Membri li jintaxxaw il-profitti li jirriżultaw minn attività mwettqa fit-territorju tagħhom.

3.7.

Mill-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni, jidher li jeżistu sitwazzjonijiet fejn l-intrapriżi li jwettqu attivitajiet transkonfinali jittrasferixxu l-profitti tagħhom lejn Stati Membri li japplikaw l-inqas rata tat-taxxa. Dan il-fenomenu huwa megħjun mid-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni fis-seħħ dwar l-intrapriżi (4). Il-KESE jemmen li jekk din il-prattika min-naħa tal-intrapriżi tibqa’ sseħħ fis-suq uniku anke wara l-introduzzjoni tal-konsolidazzjoni, għandhom jiġu introdotti wkoll miżuri legali adatti.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

L-ippjanar aggressiv tat-taxxa żviluppat mill-intrapriżi li jwettqu attivitajiet transkonfinali jikkawża telf baġitarju li jammonta għal mijiet ta’ biljuni ta’ euro fis-sena għall-Istati Membri. Il-KESE jaqbel mal-implimentazzjoni tal-BKKTK u jqis li għandha ssir standard ġenerali fil-qasam tat-tassazzjoni tal-profitti fl-UE. Dan jissimplifika s-sistema ta’ tassazzjoni korporattiva u jippermetti li tiġi evitata sitwazzjoni fejn l-Istati Membri jkollhom japplikaw il-BKKTK għall-intrapriżi li jwettqu attività transkonfinali u sistema differenti għall-oħrajn.

4.2.

Il-KESE jirrakkomanda li wara l-adozzjoni tad-Direttiva dwar il-BKKTK u l-introduzzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ konsolidazzjoni, il-Kummissjoni għandha twettaq analiżi tal-impatt tar-regolamenti l-ġodda. Jekk minn din l-analiżi joħroġ fid-dieher li t-trasferiment tal-profitti lejn Stati Membri li japplikaw rati ta’ taxxi iktar baxxi ma naqasx, il-KESE jipproponi li jittieħdu miżuri legali addizzjonali adatti biex jiskoraġġixxu lill-intrapriżi li jwettqu attività transkonfinali milli jkomplu jittrasferixxu l-profitti tagħhom lejn l-Istati Membri b’rati ta’ taxxa aktar baxxi.

4.3.

Il-Kummissjoni tipproponi li jiġi regolat aħjar il-kunċett ta’ “stabbiliment permanenti” ta’ intrapriża. Il-KESE huwa tal-fehma li t-tassazzjoni tal-profitti li jirriżultaw mill-attività mwettqa fit-territorju ta’ Stat Membru huwa l-uniku mod biex titneħħa kull possibbiltà kif, f’ċerti ċirkostanzi, l-intrapriżi jevitaw b’mod artifiċjali li jkollhom preżenza taxxabbli f’dak il-pajjiż. L-adozzjoni tal-proġett BEPS tal-OECD tista’ tnaqqas b’mod kunsiderevoli l-każijiet fejn l-intrapriżi jevitaw li jħallsu taxxa fuq id-dħul tal-kumpaniji billi jinvokaw id-dispożizzjonijiet tal-leġislazzjoni tal-UE fis-seħħ.

4.4.

Il-konsolidazzjoni hija l-operazzjoni li permezz tagħha l-profitti u t-telf ta’ intrapriża jistgħu jiġu kumulati għat-territorju kollu tal-UE. Il-KESE jirrikonoxxi li, ladarba tiġi adottata, ser tikkostitwixxi l-ass ewlieni tal-BKKTK fil-ġlieda kontra t-tattiki kumplessi tal-prezzijiet ta’ trasferiment li jirrikorru għalihom l-intrapriżi li jwettqu attivitajiet transkonfinali fl-UE biex iħallsu inqas taxxa. Jirrakkomanda, madankollu, li l-Kummissjoni tqis il-protezzjoni tad-dritt ta’ kull Stat Membru li jintaxxa l-profitti li jirriżultaw minn attivitajiet imwettqa minn intrapriżi fit-territorju tiegħu stess.

4.5.

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni telenka fl-anness lista ta’ pajjiżi u territorji nonkooperattivi fi kwistjonijiet ta’ tassazzjoni. Il-KESE jemmen li dan huwa biss l-ewwel pass tal-ġlieda kontra l-ġurisdizzjonijiet fiskali nonkooperattivi, magħrufa wkoll bħala rifuġji fiskali. Huwa jfakkar ukoll fil-proposta li għamel f’Opinjonijiet preċedenti (5) li l-leġislazzjoni tal-UE għandha tipprevedi sanzjonijiet għall-intrapriżi li jkomplu jamministraw in-negozji tagħhom minn rifuġji fiskali, biex b’hekk jevitaw li jħallsu t-taxxi applikabbli taħt is-sistemi ta’ tassazzjoni tal-Istati Membri fejn iwettqu l-attivitajiet tagħhom.

4.6.

Il-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol importanti tal-gruppi li żguraw il-kooperazzjoni mal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni. Dawn jinkludu b’mod partikolari l-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) u l-Pjattaforma għall-Governanza Fiskali Tajba. Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkunsidraw il-possibbiltà li d-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi jiġu inkorporati fil-leġislazzjoni Ewropea u b’hekk isiru obbligatorji.

4.7.

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ reviżjoni tal-mandat tal-Pjattaforma għall-governanza fiskali tajba, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex mhux biss testendih lil hinn mill-2016 iżda li tikkunsidra wkoll li mal-kompożizzjoni tagħha ta’ rappreżentanti żżid imsieħba soċjali Ewropej, li jistgħu jagħtu kontribut importanti għall-ħidma tagħha.

4.8.

Il-KESE jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jissoktaw bl-impenn tagħhom li jissemplifikaw u jarmonizzaw il-qafas ġuridiku eżistenti, sew fil-livell Ewropew u sew f’dak nazzjonali. Dan l-approċċ jista’ jkollu l-effett li jinkoraġġixxi l-investiment fil-livell Ewropew, billi jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal tkabbir sostenibbli u impjiegi ġodda.

Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2015.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Georges DASSIS


(1)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-koordinazzjoni tas-sistemi fiskali diretti, (ĠU C 10, 15.1.2008, p. 113), Opinjoni tal-KESE dwar “Creation of a common consolidated corporate tax base in the EU” (Il-ħolqien ta’ bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva fl-UE) (mhux disponibbli bil-Malti), (ĠU C 88, 11.4.2006, p. 48).

(2)  Sistema tat-taxxa korporattiva ġusta u effiċjenti fl-Unjoni Ewropea: ħames oqsma ewlenin għal azzjoni, COM(2015) 302 final.

(3)  Bażi għat-Taxxa Konsolidata Korporattiva Komuni (BTKKK) (ĠU C 24, 28.1.2012, p. 63).

(4)  Id-Direttiva dwar il-kumpaniji prinċipali u s-sussidjarji (Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE tat-30 ta’ Novembru 2011) u dik dwar l-imgħax u r-royalties (Direttiva tal-Kunsill 2003/49/KE tat-3 ta’ Ġunju 2003).

(5)  Opinjoni tal-KESE dwar Il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (ĠU C 198, 10.7.2013, p. 34), Opinjoni fuq inizjattiva proprja tal-KESE dwar Il-Metodu Komunitarju għal UEM demokratika u soċjali (ĠU C 13, 15.1.2016, p. 33).