17.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 453/20


Ir-Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Faqqiegħ

(AT.39965)

(2014/C 453/10)

Fid-9 ta’ April 2013, il-Kummissjoni Ewropea bdiet proċedimenti skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (2) kontra Bonduelle SCA, Bonduelle SAS, Bonduelle Conserve International SAS (“Bonduelle”), Lutèce B.V., Lutèce Holding B.V., C 4C Holding B.V. (Lutèce), Prochamp B.V., Peffer Holding B.V. (“Prochamp”) u [impriża oħra].

Wara diskussjonijiet dwar riżolviment u sottomissjonijiet dwar riżolviment skont l-Artikolu 10a(2) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 (3), fil-15 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni Ewropea adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”) indirizzata lil Bonduelle, Lutèce u Prochamp (il-“partijiet li għażlu r-riżolviment”), li tiddikjara li kienu pparteċipaw fi ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

Il-ksur deskritt fid-DO indirizzata lill-Partijiet li għażlu r-Riżolviment kien relatata ma’ kartell mifrux maż-ŻEE fil-bejgħ ta’ tikketti privati (MDD, HD u MPP) (4) ta’ faqqiegħ tal-bott permezz ta’ proċeduri ta’ sejħa għall-offerti għal bejjiegħa bl-imnut u kanal ta’ servizz ta’ ikel. Dan kellu l-għan li jistabbilizza l-ishma tas-suq ta’ prodotti fil-kartell u li jwaqqaf it-tnaqqis fil-prezzijiet. Il-kartell dam mill-1 ta’ Settembru 2010 sat-22 ta’ Diċembru 2011 għal Lutèce u sat-28 ta’ Frar 2012 għal Bonduelle u Prochamp.

It-tweġibiet rispettivi tal-Partijiet li għażlu r-riżolviment għad-DO kkonfermaw li d-DO indirizzata lilhom kienet tirrifletti l-kontenut tas-sottomissjonijiet tagħhom għar-riżolviment.

Skont l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, jien eżaminajt jekk l-abbozz tad-deċiżjoni jindirizzax biss l-oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ liema l-Partijiet li għażlu r-Riżolviment ingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom, u jien wasalt għal konklużjoni pożittiva.

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, u waqt li nieħu inkonsiderazzjoni li l-Partijiet li għażlu r-Riżolviment ma bagħtuli l-ebda talba jew ilment (5), inqis li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-Partijiet li għażlu r-Riżolviment kollha f’dan il-każ ġew irrispettati.

Brussell, it-23 ta’ Ġunju 2014.

Wouter WILS


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE”) (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli minn 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18).

(4)  MDD tirrappreżenta “Marque des distributeurs”, “HD” tirrappreżenta “Hard Discounts” u MPP tirrappreżenta “Marque premier Prix”.

(5)  Skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, il-partijiet tal-proċedimenti f’każijiet ta’ kartell li jieħdu sehem f’diskussjonijiet ta’ riżolviment, skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 jistgħu jirrikorru għall-uffiċjal tas-seduta fi kwalunkwe stadju tal-proċedura ta’ riżolviment sabiex ikun żgurat il-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali tagħhom. Ara wkoll il-paragrafu 18 tal-Avviż tal-Kummissjoni 2008/C 167/01 dwar kif jitmexxew il-proċedimenti ta’ riżolviment bl-għan li jiġu adottati d-Deċiżjonijiet skont l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 għall-każijiet ta’ kartell (ĠU C 167, 2.7.2008, p. 1).