17.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 319/5


Ir-Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Kejbils tal-elettriku

(AT.39610)

2014/C 319/05

I.   INTRODUZZJONI

1.

Il-każ jikkonċerna kartell kważi dinji fis-swieq tal-kejbils tal-elettriku sottomarini (“SM”) kif ukoll ta’ taħt l-art (“UG”), li jinvolvu l-impriżi li ġejjin: Nexans (2); Prysmian u l-impriżi prinċipali preċedenti tagħha, Pirelli u Goldman Sachs (3); JPS u l-impriżi prinċipali konġunti tagħha, Hitachi u Sumitomo (4); Viscas u l-impriżi prinċipali konġunti tagħha, Furukawa u Fujikura (5); ABB (6); Brugg (7); Silec, l-impriża prinċipali attwali u General Cable il-predeċessur tagħha, ġenerali u l-impriża prinċipali preċedenti tagħha, Safran (8); EXSYM u l-impriżi prinċipali konġunti tagħha, Showa u Mitsubishi (9); LS Cable (10); Taihan (11); u NKT (12) (flimkien “id-destinatarji tad-deċiżjoni”).

II.   PROĊEDURA

1.   L-investigazzjoni

2.

L-investigazzjoni tnediet fuq il-bażi ta’ applikazzjoni għall-immunità mressqa minn ABB fis-17 ta’ Ottubru 2008 skont l-Avviż ta’ Klemenza (13). ABB rċeviet immunità kondizzjonali fit-22 ta’ Diċembru 2008. Il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet għall-għarrieda fl-istabbilimenti ta’ Nexans u Prysmian mit-28 ta’ Jannar sat-3 ta’ Frar 2009. Fit-2 ta’ Frar 2009 u l-20 ta’ April 2009, JPS (flimkien mal-impriżi prinċipali tagħha, Sumitomo u Hitachi) u Mitsubishi rispettivament applikaw għal tnaqqis tal-multi skont l-Avviż ta’ Klemenza. Fid-29 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni infurmat lil Mitsubishi li kienet waslet għall-konklużjoni preliminari li Mitsubishi ma kinitx ipproduċiet provi li kellhom valur miżjud sinifikattiv meta mqabbla mal-provi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni.

3.

Prysmian u Nexans ressqu applikazzjonijiet għall-annullament quddiem il-Qorti Ġenerali tad-deċiżjonijiet tal-ispezzjoni tal-Kummissjoni. Permezz tas-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2012 (14), il-Qorti Ġenerali sabet li, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, il-Kummissjoni kellha raġunijiet serji sabiex tordna spezzjoni li tkopri biss kejbils tal-elettriku SM u UG ta’ voltaġġ għoli u l-materjal relatat magħhom. Għalhekk, hija annullat id-deċiżjonijiet tal-ispezzjoni dwar Nexans u Prysmian sal-punt li dawn id-deċiżjonijiet kienu jikkonċernaw il-kejbils tal-elettriku barra l-kejbils tal-elettriku ta’ SM u UG ta’ voltaġġ għoli u l-materjal relatat magħhom. Fil-15 ta’ Marzu 2013, Nexans ressqet appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-135/09 (15). Fi żmien meta nkiteb dan id-dokument, dan l-appell kien għadu pendenti.

2.   Dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet

4.

Fit-30 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni ħarġet Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”) lid-destinatarji tad-deċiżjoni u lil parti waħda oħra (flimkien “id-destinatarji tad-DO”).

5.

Il-Kummissjoni allegat li mit-18 ta’ Frar 1999 sat-28 ta’ Jannar 2009 id-destinatarji tad-DO kienu involuti fi ftehimiet u prattiċi miftiehma bl-għan li jiġu allokati s-swieq u l-konsumaturi u li l-prezzijiet jinżammu ‘l fuq mil-livell kompetittiv għal proġetti ta’ kejbils tal-elettriku SM u UG. Skont is-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni, il-produtturi Ewropej u Asjatiċi qablu li ma jikkompetux fit-territorji domestiċi ta’ xulxin u l-fornituri Ewropej qablu dwar l-allokazzjoni ta’ territorji u ta’ konsumaturi għal proġetti fiż-ŻEE. Din l-imġiba tqieset bħala waħda li tammonta għal ksur uniku u kontinwu kumpless tal-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

3.   Aċċess għall-fajl/Kunfidenzjalità

6.

F’Lulju 2011, id-destinatarji tad-DO ingħataw aċċess għall-fajl permezz ta’ DVD ta’ aċċess għall-fajl (16) u għad-dikjarazzjonijiet korporattivi tal-applikanti għall-immunità u l-klemenza fl-istabbilimenti tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (“DĠ Kompetizzjoni”).

a.   Talbiet għal aċċess addizzjonali għall-fajl

7.

Id-DĠ Kompetizzjoni indirizza talbiet għal aktar aċċess għall-fajl minn LS Cable, Goldman Sachs, Nexans u nkt.

8.

Jiena rċevejt tliet talbiet għal aċċess addizzjonali għall-fajl minn Goldman Sachs li d-DĠ Kompetizzjoni rrifjuta. Dawn kienu jikkonċernaw partijiet mit-tweġiba ta’ Prysmian għat-talba tal-Kummissjoni għal informazzjoni tal-20 ta’ Ottubru 2009, u ċerti dokumenti annessi magħha. Jien aċċettajt kompletament tnejn minn dawn it-talbiet u talba waħda parzjalment. B’riżultat tal-aċċettazzjoni ta’ talba waħda, adottajt deċiżjoni skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE li tordna d-divulgazzjoni lil Goldman Sachs tat-tweġiba ta’ Prysmian għal mistoqsija waħda tat-talba għal informazzjoni tal-20 ta’ Ottubru 2009.

b.   Dokumenti miksuba mill-Kummissjoni Spanjola tal-Kompetizzjoni

9.

F’Ottubru 2011, irċevejt talba minn Nexans għal aċċess, fost affarijiet oħra, għad-dokumenti li l-Kummissjoni kienet kisbet mingħand il-Kummissjoni Spanjola tal-Kompetizzjoni (“CNC”) wara spezzjoni mwettqa mis-CNC fis-settur tal-kejbils tal-elettriku fi Spanja. Nexans kienet fil-pussess ta’ deċiżjoni mis-CNC li informatha li d-dokumenti sekwestrati kienu ġew trasferiti lill-Kummissjoni. Nexans ma kienet sabet l-ebda dokumenti minn dawn fil-fajl tal-Kummissjoni u għalhekk sostniet li l-fajl ma kienx komplut. Id-DĠ għall-Kompetizzjoni rrifjuta t-talba ta’ Nexans li tiddikjara li d-dokumenti miksuba minn CNC (“id-dokumenti Spanjoli”) ma kinux parti mill-fajl minħabba li ma kienx fihom informazzjoni rilevanti għall-investigazzjoni rigward il-Każ AT. 39610.

10.

Jien tal-fehma li d-dokumenti Spanjoli kienu parti mill-fajl tal-Kummissjoni fil-Kawża AT.39610 u għalhekk kellhom ikunu aċċessibbli għad-destinatarji tad-DO. Il-paragrafu 8 tal-Avviż dwar l-Aċċess għall-Fajl (17) jipprevedi li l-fajl tal-Kummissjoni jikkonsisti mid-dokumenti kollha“miksuba, prodotti u/jew miġbura mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni matul l-investigazzjoni”. Il-Kummissjoni kienet kisbet dokumenti Spanjoli skont talba lis-CNC skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (18) fil-kuntest tal-investigazzjoni fil-Kawża AT.39610.

11.

Id-DĠ Kompetizzjoni ddeċieda li, minħabba l-ammont imdaqqas tagħhom, dawn id-dokumenti jingħataw mhux editjati lill-avukati esterni tad-destinatarji tad-DO, biex l-avukati jkunu jistgħu jagħżlu evidenza rilevanti għad-difiża tal-klijenti tagħhom. Wara dan, verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dokumenti magħżula jingħataw lid-destinatarji tad-DO. Il-proċedura ta’ “l-avukati esterni biss” ħadet minn Novembru 2011 sa Jannar 2012 u ntagħżlu aktar minn 1 300 dokument bis-saħħa ta’ dan. Fi Frar 2012, id-destinatarji tad-DO irċevew verżjonijiet mhux kunfidenzjali tad-dokumenti magħżula, u fuq din il-bażi ssottomettew kummenti bil-miktub bejn Frar u April 2012.

12.

Xi destinatarji tad-DO għamlu talbiet għal aċċess addizzjonali għad-dokumenti Spanjoli. Id-DĠ Kompetizzjoni aċċettathom kważi kollha. Irċevejt talba waħda minn Prysmian, li jiena approvajt parzjalment.

13.

F’Lulju 2012, l-avukati esterni li kienu ngħataw aċċess għal verżjoni mhux editjata tad-dokumenti Spanjoli ntalbu jeqirdu jew jirritornaw lid-DĠ għall-Kompetizzjoni dawn id-dokumenti u kull kopja jew traskrizzjoni tagħhom. Dawn l-avukati ġew ukoll infurmati li d-dokumenti kellhom jibqgħu fil-fajl tal-Kummissjoni u li huma setgħu jitolbu analiżi ulterjuri fi stadju aktar tard jekk kemm-il darba jkunu tal-fehma li dan ikun ġustifikat għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ difiża tal-klijenti tagħhom.

c.   Aċċess għat-tweġibiet tal-partijiet l-oħra għad-DO qabel is-seduta orali

14.

Wara talba, id-DĠ għall-Kompetizzjoni ta lil ċerti impriżi prinċipali, sussidjarji u sħab tal-impriża konġunta aċċess għal partijiet mit-tweġibiet ta’ xulxin għad-DO (Prysmian u Pirelli, Prysmian u Goldman Sachs, Mitsubishi u Showa/EXSYM) dwar il-kwistjoni tar-responsabbiltà tal-impriżi prinċipali (19). Tahom ukoll l-opportunità li jippreżentaw kummenti bil-miktub.

15.

F’dan il-kuntest, irċevejt talba minn Goldman Sachs għall-aċċess għal tliet annessi għar-risposta ta’ Prysmian għad-DO, li fihom il-minuti tal-laqgħat tal-bord ta’ Prysmian. Wara reviżjoni tal-kontenut tagħhom, ikkonkludejt li tnejn mill-Annessi kien fihom siltiet li kienu potenzjalment jiskaġunaw lil Goldman Sachs. Madankollu, sabiex tkun żgurata interpretazzjoni korretta tas-siltiet li potenzjalment jiskaġunaw fil-kuntest tagħhom, iddeċidejt li l-kontenut kollu taż-żewġ annessi kellu jiġi ddivulgat lil Goldman Sachs, u b’hekk ippermettejt ukoll li potenzjalment il-Kummissjoni tużawhom fid-deċiżjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, billi Prysmian qajmet l-oġġezzjonijiet, adottajt deċiżjoni skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE li tordna d-divulgazzjoni tad-dokumenti lil Goldman Sachs.

16.

Barra minn hekk, irċevejt talbiet minn Nexans u mingħand nkt għad-divulgazzjoni tal-evidenza li tiskaġuna fir-risposti ta’ destinatarji oħra għad-DO. Wara li ddiskutejt il-kwistjoni mad-DĠ Kompetizzjoni, dan tal-aħħar żvela, fis-16 ta’ Mejju u fl-1 ta’ Ġunju 2012, provi li potenzjalment jiskaġunaw mir-risposti ta’ ABB, JPS/Sumitomo/Hitachi, LS Cable, EXSYM u ta’ Viscas lid-destinatarji tad-DO kkonċernati. Barra minn hekk, permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Ġunju 2012 d-DĠ Kompetizzjoni informa lid-destinatarji tad-DO b’ċerti ineżattezzi fattwali fid-DO li kien identifika wara l-eżaminazzjoni tat-tweġibiet, biex b’hekk jitneħħa l-bżonn li jingħata aċċess għas-siltiet minn dawn ir-risposti li kienu enfasizzaw l-ineżattezzi kkonċernati. Id-destinatarji tad-DO ingħataw l-opportunità li jikkummentaw jew b’mod orali matul is-seduta jew bil-miktub wara s-seduta.

4.   Limiti ta’ żmien għat-tweġibiet għad-DO

17.

Il-Kummissjoni stabbilixxiet perjodu ta’ żmien ta’ għaxar ġimgħat għat-tweġibiet għad-DO; dan il-perjodu kellu jiskadi f’Settembru 2011. Kważi d-destinatarji kollha tad-DO talbu estensjoni tad-data tal-għeluq. F’konformità mal-Artikolu 10 tad-Deċiżjoni 2001/462/KE (20) fis-seħħ dak iż-żmien, ittrattajt dawn it-talbiet direttament.

18.

Approvajt estensjoni ta’ tliet ġimgħat fid-dawl tal-impatt tal-perjodu tas-sajf fuq it-tħejjija tat-tweġibiet għad-DO. Huwa fil-fatt normali li jingħata żmien addizzjonali jekk il-perjodu għar-risposta għad-DO jinkludi x-xahar kollu ta’ Awwissu jew parti minnu (21).

19.

Approvajt estensjoni ta’ ġimgħa addizzjonali għal ċerti destinatarji Asjatiċi tad-DO minħabba r-raġuni li bħala tħejjija għad-difiża tagħhom huma kellhom bżonn jittraduċu dokumenti ewlenin u jinvolvu interpreti f’komunikazzjoni mal-avukati esterni tagħhom. Raġunijiet oħra li għalihom tajt estensjonijiet kienu: biex destinatarju tad-DO jitħalla jirrestawra u jirriċerka d-dejta storika wara s-sostituzzjoni tas-sistema tal-IT tiegħu; biex destinatarju tad-DO ikun jista’ jlaħħaq mat-tluq ta’ konsulent intern li qabel kien qed jieħu ħsieb il-każ; biex nagħmel tajjeb għad-dewmien ikkawżat lil ċerti destinatarji tad-DO minħabba sostituzzjoni teknika tad-DVD ta’ aċċess għall-fajl (22).

20.

Bħala riżultat tad-deċiżjonijiet tiegħi, il-limiti ta’ żmien għat-tweġibiet għad-DO skadew bejn l-aħħar ta’ Settembru 2011 u nofs Novembru 2011.

21.

Kif imsemmi hawn fuq (23) id-destinatarji tad-DO ingħataw l-opportunità li jissottomettu kummenti addizzjonali bil-miktub fi Frar u f’Marzu 2012, biex b’hekk jissupplimentaw jew jimmodifikaw l-ewwel risposti tagħhom għad-DO abbażi tal-aċċess tagħhom għal dokumenti Spanjoli.

22.

Ċerti destinatarji tal-SO talbu estensjoni tad-data tal-għeluq għat-tweġibiet għad-DO sakemm jitlesta l-eżami tagħhom tad-dokumenti Spanjoli (24). Jien irrifjutat dawn it-talbiet għal diversi raġunijiet. L-ewwel nett, fil-mument li saru dawn it-talbiet, ċerti destinatarji kienu diġà ppreżentaw it-tweġibiet tagħhom għald-DO; l-għoti ta’ estensjoni lil dawk destinatarji li kienu għadhom ma resqux it-tweġibiet tagħhom kien iqajjem tħassib ta’ trattament inugwali. It-tieni, kien diġà tard wisq meta Nexans ġibditli l-attenzjoni dwar id-dokumenti Spanjoli fil-perjodu ta’ żmien għat-tweġiba għad-DO (25). It-tielet, id-drittijiet tad-difiża kienu kompletament salvagwardjati billi, wara li kisbu l-aċċess għad-dokumenti Spanjoli, id-destinatarji tad-DO setgħu jippreżentaw kummenti addizzjonali, inkluża kwalunkwe modifika għall-ewwel tweġiba tagħhom għad-DO (26). Ir-raba’, dan l-approċċ kellu l-vantaġġ li jillimita d-dewmien proċedurali kkawżat mill-aċċess addizzjonali għall-fajl, billi dan ippermetta lit-tim li ħadem fuq il-każ biex jibda r-rieżami tiegħu għar-risposti tad-DO aktar kmieni. Barra minn hekk, id-dokumenti Spanjoli x’aktarx ma kinux se jwasslu għal bidla radikali tad-difiża tad-destinatarji; filfatt, il-kummenti addizzjonali kollha li waslu kienu f’konformità mal-argumenti magħmula mid-destinatarji tad-DO fl-ewwel r-risposti tagħhom għad-DO. Fl-aħħar nett, l-organizzazzjoni għall-aċċess għad-dokumenti Spanjoli kienet probabbli teħtieġ xi żmien, minħabba l-ammont imdaqqas ta’ dawn id-dokumenti.

5.   L-użu tal-ilsna

23.

Brugg, impriża stabbilita fil-Canton Svizzeru ta’ Aargau, fejn hija mitkellma l-lingwa Ġermaniża, staqsiet jekk setgħetx twieġeb bil-Ġermaniż għad-DO, li kienet irċeviet bl-Ingliż. Id-DĠ Kompetizzjoni aċċetta t-talba ta’ Brugg. F’dan il-kuntest, innutajt li l-Manwal ta’ Proċeduri tad-DĠ tal-Kompetizzjoni jipprevedi li l-impriżi allokati barra ż-ŻEE għandhom preferibbilment jiġu indirizzati f’lingwa tal-UE li jifhmu u li “għandha tingħata attenzjoni partikolari meta d-deċiżjonijiet jiġu nnotifikati lill-impriżi Svizzeri, billi tista’ tintuża waħda mit-tliet lingwi, skont f’liema Canton l-impriża tkun stabbilita.”  (27) Fid-dawl ta’ din is-silta speċifika fil-Manwal tal-Proċeduri, jien ġbidt l-attenzjoni tad-DĠ għall-Kompetizzjoni lejn il-fatt li kull deċiżjoni fil-ġejjieni għandha tiġi indirizzata lil Brugg bil-Ġermaniż.

6.   Seduta ta’ Smigħ Orali

24.

Is-seduta orali ħadet sitt (6) ijiem, mill-11 sat-18 ta’ Ġunju 2012. Id-destinatarji kollha tad-DO pparteċipaw, għajr Furukawa (28).

7.   Aċċess addizzjonali għall-fajl wara s-seduta ta’ smigħ orali

a.   Aċċess għar-risposti ta’ partijiet oħra għal talbiet għal informazzjoni

25.

Wara s-seduta orali, id-DĠ għall-Kompetizzjoni wettaq aktar tiftix tal-fatti fir-rigward ta’ kwistjonijiet dwar ir-responsabbiltà tal-impriżi prinċipali. F’dan il-kuntest huwa indirizza t-talbiet għall-informazzjoni lil: Prysmian u Goldman Sachs; Fujikura, Furukawa u Viscas; Mitsubishi, Showa u EXSYM. F’kull grupp ta’ entitajiet, id-DĠ għall-Kompetizzjoni ta lill-partijiet aċċess għat-tweġibiet ta’ xulxin għat-talbiet għall-informazzjoni kif ukoll il-possibbiltà li jressqu kummenti bil-miktub. F’dan il-kuntest, id-DĠ għall-Kompetizzjoni ta wkoll lil Goldman Sachs aċċess għas-sottomissjonijiet bil-miktub ta’ Prysmian u l-opportunità li jikkummentaw aktar dwarhom.

b.   Aċċess addizzjonali għat-tweġibiet għad-DO

26.

F’Mejju 2013, Nexans tenna t-talba preċedenti tiegħu għal aċċess għal provi li potenzjalment jiskaġunaw fit-tweġibiet tal-partijiet l-oħra tad-DO (29). Wara ċ-ċaħda tat-talba mid-DĠ għall-Kompetizzjoni, Nexans irreferiet il-kwistjoni lili. Wara l-intervent tiegħi, id-DĠ għall-Kompetizzjoni pprovda aċċess lil Nexans għall-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ anness għal risposta ta’ destinatarju ieħor għad-DO. Dan l-anness kien fih l-affidavit ta’ impjegat ta’ din il-kumpanija, fejn issemmiet referenza għal kuntatti ma’ Nexans. Wara dan l-aċċess, infurmajt lil Nexans li ma kelli l-ebda indikazzjoni li kien għad hemm xi informazzjoni oħra fit-tweġibiet għad-DO li kellha tiġi żvelata lilha skont il-każistika rilevanti (30).

27.

F’Mejju 2013, id-DĠ għall-Kompetizzjoni ta wkoll aċċess lil Goldman Sachs għall-kummenti supplimentari ta’ Prysmian f’Marzu 2012 wara aċċess għad-dokumenti Spanjoli (31).

8.   Ittra tal-Fatti

28.

F’Settembru 2013, id-DĠ għall-Kompetizzjoni bagħat Ittri ta’ Fatti lil Fujikura, Furukawa, Goldman Sachs, Mitsubishi u Showa li fihom infurmahom dwar tagħrif u provi li hu kellu l-intenzjoni li jserraħ fuqhom fid-deċiżjoni biex jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-impriżi prinċipali, u stabbilixxa data ta’ għeluq ta’ ġimgħatejn biex huma jressqu l-kummenti bil-miktub.

29.

Wara li ngħatat estensjoni ta’ tlitt ijiem mid-DĠ għall-Kompetizzjoni, Mitsubishi talbitni għal perjodu addizzjonali ta’ disgħat ijiem. Iddeċidejt li nestendi l-iskadenza b’jumejn biex jagħmlu tajjeb għall-perjodu ta’ żmien għat-tweġiba għall-Ittra ta’ Fatti li setgħat taħbat flimkien mad-data ta’ laqgħa dwar is-sitwazzjoni attwali ta’ Mitsubishi mal-Kummissjoni.

30.

Fit-tweġiba għall-Ittra tal-Fatti, Mitsubishi sostniet li ż-żmien mogħti liha biex twieġeb għall-Ittra tal-Fatti kien, minkejja l-estenzjonijiet mogħtija, insuffiċjenti għaliha biex teżerċita d-drittijiet tagħha ta’ difiża b’mod effettiv. Wara li rrieżaminajt ir-risposta ta’ Mitsubishi, ma nara l-ebda indikazzjoni li Mitsubishi ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita, b’mod effettiv, id-drittijiet tad-difiża tagħha. Għall-kuntrarju, ir-risposta għall-Ittra tal-Fatti ta’ Mitsubishi tidher li fiha analiżi dettaljata tal-prova mehmuża mal-Ittra tal-Fatti.

31.

Fit-tweġiba għall-Ittra tal-Fatti, Goldman Sachs sostniet li d-drittijiet ta’ difiża tagħha kienu nkisru minħabba li kien biss wara s-seduta ta’ smigħ orali, jiġifieri f’Mejju 2013, li l-Kummissjoni pprovdiet aċċess għall-kummenti supplimentari ta’ Prysmian ta’ Marzu 2012 dwar id-dokumenti Spanjoli (32). Ma jidhirlix li Goldman Sachs ma setgħetx effettivament teżerċita d-dritt tagħha li tiġi mismugħa minħabba fil-kisba għall-aċċess għall-kummenti ta’ Prysmian ta’ Marzu 2012 wara s-seduta ta’ smigħ orali. Goldman Sachs kellha opportunità biżżejjed biex tippreżenta kummenti bil-miktub dwar is-sottomissjonijiet ta’ Prysmian matul il-proċedimenti. B’mod partikolari, wara s-seduta ta’ smigħ orali Goldman Sachs għamel sottomissjonijiet bil-miktub f’Ġunju u f’Settembru 2013.

III.   L-ABBOZZ TAD-DEĊIŻJONI

32.

Wara li semgħet id-destinatarji tad-DO bil-miktub u bil-fomm, il-Kummissjoni ddeċidiet li twaqqa’ l-allegazzjonijiet kontra parti waħda (33). Fir-rigward ta’ tliet destinatarji tad-DO, hija naqset id-durata tal-ksur b’madwar sena (1) u 9 xhur, sena (1) u 10 xhur, u sentejn (2) rispettivament.

33.

Skont l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, jien eżaminajt jekk l-abbozz tad-deċiżjoni jindirizzax biss l-oġġezzjonijiet rigward liema partijiet ingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom, u jien wasalt għal konklużjoni pożittiva.

34.

Kollox ma’ kollox, nikkonkludi li l-partijieti kollha setgħu jeżerċitaw effettivament id-drittijiet proċedurali tagħhom f’dan il-każ.

Brussell, il-31 ta’ Marzu 2014.

Wouter WILS


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29) (id-Deċiżjoni 2011/695/UE).

(2)  Nexans SA u Nexans France SAS (flimkien “Nexans”).

(3)  Prysmian S.p.A. u Prysmian Cavi e Sistemi Energia S.r.l. (flimkien “Prysmian”); Pirelli & C. S.p.A.; The Goldman Sachs Group, Inc.

(4)  J-Power Systems Corporation; Hitachi Metals Ltd.; Sumitomo Electric Industries, Ltd.

(5)  VISCAS Corporation; Furukawa Electric Co. Ltd.; Fujikura Ltd.

(6)  ABB AB u ABB Ltd. (flimkien “ABB”).

(7)  Brugg Kabel AG u Kabelwerke Brugg AG Holding (flimkien “Brugg”).

(8)  Silec Cable, SAS u General Cable Corporation (flimkien “Silec”); Safran SA.

(9)  EXSYM Corporation; SWCC Showa Holdings Co. Ltd.; Mitsubishi Cable Industries, Ltd.

(10)  LS Cable & System Ltd.

(11)  Taihan Electric Wire Co., Ltd.

(12)  nkt cables GmbH u NKT Holding A/S (flimkien “NKT”).

(13)  Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU C 298, 8.12.2006, p. 17).

(14)  Il-Kawża T-135/09 Nexans France SAS u Nexans SA vs il-Kummissjoni Ewropea u l-Kawża T-140/09, Prysmian SpA u Prysmian Cavi e Systemi Energia Srl vs il-Kummissjoni Ewropea [2012] ECR, mhux irrappurtati.

(15)  Il-Kawża C-37/13P Nexans France SAS u Nexans SA vs. il-Kummissjoni Ewropea (ĠU C 101, 6.4.2013, p. 10).

(16)  Fid-dawl ta’ ċerti problemi tekniċi, id-DVD ta’ aċċess għall-fajl aktar tard ġie sostitwit b’DVD ġdid.

(17)  L-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-regoli għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni f’każijiet skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE, l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU C 325, 22.12.2005, p. 7).

(18)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1).

(19)  Ara l-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-aħjar prattiki għat-tmexxija tal-proċedimenti li jikkonċernaw l-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE (ĠU C 308, 20.10.2011, p. 6), il-paragrafu 103.

(20)  Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Mejju 2001 dwar it-termini ta’ referenza tal-uffiċjali tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU L 162, 19.6.2001, p. 21). Din id-Deċiżjoni tħassret bid-Deċiżjoni 2011/695/UE.

(21)  Ara t-XIII Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni (1993), il-punt 207.

(22)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16.

(23)  Ara l-punt 11.

(24)  Ara l-punti 9 u 10.

(25)  Nexans ġibditli l-attenzjoni fir-rigward tad-dokumenti Spanjoli kważi tliet (3) xhur wara li rċeviet l-aċċess għall-fajl.

(26)  Ara l-punt 11.

(27)  Ara l-Manwal tal-Proċeduri Antitrust, il-modulu 27, “L-użu tal-lingwi fil-proċedimenti dwar l-antitrust”, p. 3/7, disponibbli fuq http://ec.europa.eu/competition/antitrust/antitrust_manproc_3_2012_en.pdf

(28)  […].

(29)  Ara l-punt 16.

(30)  Ara pereżempju l-Każ T-133/07 Mitsubishi Electric Corp. vs il-Kummissjoni Ewropea [2011] ECR II- 04219, il-paragrafi 41-44.

(31)  Ara l-punt 11.

(32)  Ara l-punt 27 ta’ hawn fuq.

(33)  Ara l-punt 4 ta’ hawn fuq.