13.8.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 264/4


Ir-Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Hutchison 3G UK/Telefónica Ireland

(M.6992)

2014/C 264/03

Introduzzjoni

1.

Fl-1 ta’ Ottubru 2013, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet (2) li permezz tagħha l-impriża Hutchison 3G UK Holdings Limited, ikkontrollata minn Hutchison Whampoa Limited (flimkien il-“Parti Notifikanti”), se tikseb skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, il-kontroll tal-impriża Telefónica Ireland Limited (“O2”) kollha, permezz tax-xiri ta’ ishma (it-“Tranżazzjoni Proposta”). Il-Parti Notifikanti u O2 flimkien se jkunu riferuti bħala “l-Partijiet”.

2.

Fis-6 ta’ Novembru 2013, il-Kummissjoni bdiet proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Il-Parti Notifikanti ssottomettiet kummenti bil-miktub fl-20 ta’ Novembru 2013 u kkomplementathom b’sottomissjoni dwar l-effiċjenzi fid-29 ta’ Novembru 2013.

Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet

3.

Fit-30 ta’ Jannar 2014, il-Kummissjoni adottat Dikjarazzjoni ta’ Oġġezzjonijiet (“DO”), fejn hija waslet għall-fehma preliminari li t-Tranżazzjoni Proposta tista’ timpedixxi b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva f’parti sostanzjali tas-suq intern fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

4.

Il-Partijiet kif ukoll il-kumpanija prinċipali ta’ O2, Telefónica S.A., ngħataw sat-13 ta’ Frar 2014 biex iwieġbu għad-DO. Id-DĠ Kompetizzjoni estenda l-iskadenza għat-tweġiba għad-DO u l-Parti Notifikanti wieġbet fit-18 ta’ Frar 2014. Fit-tweġiba tagħha, il-Parti Notifikanti talbet l-opportunità li tiżviluppa l-argumenti tagħha f’seduta formali.

Aċċess għall-fajl

5.

Il-Parti Notifikanti rċeviet aċċess għall-fajl permezz ta’ CD-ROM fil-31 ta’ Jannar 2014 u sussegwentement, fis-6 u l-21 ta’ Frar 2014, fit-28 u l-31 ta’ Marzu 2014, u fis-16 ta’ Mejju 2014.

6.

Fl-4 ta’ Frar 2014, il-Parti Notifikanti ssottomettiet talba lid-DĠ Kompetizzjoni għal aċċess ulterjuri għall-fajl, li hija estendiet għal dokumenti addizzjonali fis-6 ta’ Frar 2014. Id-DĠ Kompetizzjoni tratta din it-talba b’mod effettiv, billi ta lill-Parti Notifikanti aċċess ulterjuri għal ħafna mid-dokumenti mitluba.

7.

Jien ma rċevejt l-ebda ilment mingħand il-Partijiet dwar l-aċċess għall-fajl. Għalhekk, jien inqis li d-drittijiet proċedurali tagħhom f’dan ir-rigward ġew osservati.

Persuni terzi interessati

8.

Fuq talba tagħhom, jien segwejt lil Eircom, Vodafone, Liberty Global, BT u Tesco Ireland biex jinstemgħu bħala persuni terzi interessati fil-proċedimenti attwali. Ippermettejt ukoll, fuq talba tiegħu, lid-Dipartiment tal-Komunikazzjoni, l-Enerġija u r-Riżorsi Naturali tal-Irlanda (“DCENR”) sabiex jinstema’ bħala persuna terza interessata.

9.

Il-persuni terzi interessati kollha talbu l-opportunità li jipparteċipaw fis-seduta formali. Stedint lil Eircom, Vodafone, Liberty Global, BT u Tesco Ireland li jesprimu l-fehmiet tagħhom waqt is-seduta formali. Stedint ukoll lid-DCENR u lill-Kummissjoni Irlandiża għar-Regolamentazzjoni tal-Komunikazzjoni sabiex jattendu s-seduta formali bħala awtoritajiet kompetenti tal-Irlanda skont l-Artikolu 15(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Għaqdiet (3).

Seduta orali

10.

Is-seduta orali sar fil-25 ta’ Frar 2014. Il-Parti Notifikanti u O2 kull wieħed talbu u ngħataw sessjoni magħluqa għal partijiet mill-preżentazzjonijiet rispettivi tagħhom. Kemm il-Parti Notifikanti kif ukoll O2 qablu fuq il-preżenza ta’ konsulenti esterni tal-parti l-oħra matul is-sessjonijiet magħluqa rispettivi tagħhom.

Ittra tal-Fatti

11.

Fid-19 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni infurmat lill-Parti Notifikanti f’Ittra tal-Fatti dwar evidenza addizzjonali identifikata wara l-adozzjoni tad-DO li appoġġat il-konklużjonijiet preliminari milħuqa fid-DO u li jistgħu jiġu invokati fid-deċiżjoni finali. Il-Parti Notifikanti wieġbet għall-Ittra tal-Fatti fit-30 ta’ Marzu u fl-1 ta’ April 2014.

Rimedji

12.

Sabiex tindirizza t-tħassib dwar il-kompetizzjoni imqajjem mill-Kummissjoni fid-DO, il-Parti Notifikanti fit-3 ta’ Marzu 2014 issottomettiet l-ewwel sett ta’ impenji, u fis-17 u d-19 ta’ Marzu 2014 settijiet riveduti ta’ impenji, li l-Kummissjoni ttestjat fis-suq fid-19 ta’ Marzu 2014. Fit-8 ta’ April 2014, il-Parti Notifikanti ssottomettiet impenn rivedut, li l-Kummissjoni ttestjat fuq is-suq fl-istess data. Il-Parti Notifikanti ssottomettiet sett finali ta’ impenji fis-6 ta’ Mejju 2014.

Konklużjoni

13.

Skont l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, jien eżaminajt jekk l-abbozz tad-deċiżjoni jindirizzax biss l-oġġezzjonijiet rigward liema l-Partijiet ingħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom, u jien wasalt għal konklużjoni pożittiva.

14.

Kollox ma’ kollox, nikkonkludi li l-partijiet kollha setgħu jeżerċitaw effettivament id-drittijiet proċedurali tagħhom f’dan il-każ.

Brussell, it-23 ta’ Mejju 2014.

Wouter WILS


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni, (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE”), ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”), ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 802/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”) (ĠU L 133, 30.4.2004, p. 1).