4.2.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 32/23


Sommarju Eżekuttiv tal-Opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (riformulazzjoni) u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja

(It-test sħiħ ta' din l-Opinjoni huwa disponibbli bl-EN, FR u DE fis-sit tal-KEPD http://www.edps.europa.eu)

2014/C 32/11

1.   Introduzzjoni

1.1.   Konsultazzjoni tal-KEPD

1.

Fis-27 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni adottat żewġ Proposti leġiżlattivi fil-qasam tat-trade marks: Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (riformulazzjoni) (1) u Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja (2) (minn hawn ’il quddiem flimkien imsejħa “il-Proposti”). Dawn il-Proposti ntbagħtu lill-KEPD fl-istess jum.

2.

Il-KEPD jinnota li l-għan ewlieni ta' dawn il-Proposti huwa li jarmonizza aktar l-aspetti kollha tal-liġi sostantiva tat-trade marks kif ukoll tar-regoli proċedurali fi ħdan l-UE. Għalkemm mal-ewwel daqqa t'għajn jista' jidher li dawn il-Proposti ma jħallu ebda konsegwenza sostanzjali għall-protezzjoni tad-dejta, huwa madankollu jinnota li ż-żewġ strumenti jistabbilixxu xi operazzjonijiet ta’ pproċessar, li jista’ jkollhom impatt fuq id-dritt tal-individwi għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta. Għalhekk, il-KEPD jiddispjaċih li ma ġiex ikkonsultat informalment qabel l-adozzjoni ta’ dawn il-Proposti.

3.

Skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001, il-KEPD jixtieq jenfasizza hawn taħt xi kwistjonijiet speċifiċi li l-Proposti jqajmu mill-perspettiva tal-protezzjoni tad-dejta. Il-KEPD jirrakkomanda li fil-preambolu tal-Proposti ssir referenza għall-konsultazzjoni tal-KEPD.

1.2.   Sfond ġenerali

4.

Id-Direttiva Proposta għandha l-għan li tarmonizza aktar ir-regoli sostantivi dwar it-trade marks fl-UE – inklużi kjarifiki dwar id-drittijiet mogħtija minn trade mark u r-regoli applikabbli għall-marki kollettivi – kif ukoll aspetti proċedurali bħal reġistrazzjoni, ħlasijiet, u proċeduri dwar oppożizzjoni, revoka jew dikjarazzjoni ta’ invalidità ta' trade mark. Tipproponi wkoll dispożizzjonijiet li jtejbu l-koperazzjoni amministrattiva ta’ uffiċċji ċentrali nazzjonali tal-proprjetà industrijali bejniethom u mal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Marki Kummerċjali u d-Disinji (l-Artikoli 52 u 53).

5.

Ir-Regolament propost jemenda l-qafas legali attwali applikabbli għal trade mark Komunitarja stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 207/2009. L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (UASI) ingħata l-isem ġdid “Aġenzija Ewropea għat-Trade Marks u d-Disinji” (“l-Aġenzija”). Ir-Regolament propost jikkjarifika r-regoli sostantivi u proċedurali li japplikaw għat-trade mark Ewropea. Dan jipprevedi l-ħolqien ta’ Reġistru u ta’ bażi elettronika ta’ dejta mill-Aġenzija (Artikolu 87). Huwa jikkjarifika wkoll ir-rwol u l-kompiti tal-Aġenzija, b'mod partikolari fir-rigward tal-koperazzjoni tagħha mal-uffiċċji ċentrali nazzjonali tal-proprjetà industrijali fl-UE (Artikolu 123).

3.   Konklużjonijiet

27.

Għalkemm dawn il-Proposti jittrattaw l-armonizzazzjoni tal-liġi sostantiva dwar it-trade marks kif ukoll regoli proċedurali fi ħdan l-UE u, mal-ewwel daqqa t’għajn, ma jidhirx li għandhom konsegwenzi sostanzjali għall-protezzjoni tad-dejta, madankollu huma jistabbilixxu xi operazzjonijiet ta' pproċessar li jista' jkollhom impatt fuq id-drittijiet tal-individwi għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta.

28.

Il-KEPD jenfasizza li l-ġbir u l-ipproċessar ta' dejta personali mill-uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali tal-Istati Membri u l-Aġenzija fl-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħhom għandhom jitwettqu f'konformità mal-liġi applikabbli għall-protezzjoni tad-dejta, b'mod partikolari mal-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE u r-Regolament (KE) Nru 45/2001.

29.

Dwar id-Direttiva proposta, il-KEPD jirrakkomanda li:

tiddaħħal dispożizzjoni sostantiva li tenfasizza l-ħtieġa għal kwalunkwe pproċessar ta' dejta personali mwettaq mill-uffiċċji nazzjonali tal-proprjetà industrijali li tirrispetta l-liġi applikabbli għall-protezzjoni tad-dejta, b'mod partikolari l-liġijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva 95/46/KE, u tiżdied referenza għar-Regolament Ġenerali għall-Protezzjoni tad-Dejta propost fi premessa;

jiġi enfasizzat f'dispożizzjoni sostantiva li kwalunkwe pproċessar ta' dejta personali mill-Aġenzija fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn l-uffiċċji nazzjonali u l-Aġenzija huwa soġġett għal konformità mar-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 45/2001;

jiġi kkjarifikat f'dispożizzjoni sostantiva jekk il-bażijiet ta’ dejta komuni jew konnessi u portali ppjanati taħt l-Artikolu 52 u l-premessa 37 jinvolvux l-ipproċessar ta' dejta personali kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni u l-għan(ijiet) tagħhom, b'mod partikolari jekk dawn iġibux għanijiet addizzjonali minn dawk oriġinali ta' kull bażi ta’ dejta u portal, u jekk iva, x'inhi l-bażi legali għal dawn l-għanijiet addizzjonali;

jiġu stabbiliti b'mod ċar f'dispożizzjoni sostantiva l-modalitajiet għall-iskambji ta' informazzjoni permezz ta’ bażijiet ta’ dejta komuni jew konnessi u portali, b'mod partikolari billi jiġu stabbiliti r-reċipjenti awtorizzati ta' dejta personali, it-tipi ta' dejta, l-għan ta' dawn l-iskambji, u t-tul ta' żmien taż-żamma tad-dejta f'dawk is-sistemi tal-IT.

30.

Dwar ir-Regolament Propost, il-KEPD jirrakkomanda li:

jiġu stabbiliti l-modalitajiet għall-ipproċessar ta’ dejta personali fir-Reġistru u l-bażi ta’ dejta elettronika f'dispożizzjoni sostantiva tal-Proposta u mhux f’atti ddelegati;

tiddaħħal dispożizzjoni sostantiva li tispeċifika t-tipi ta' dejta personali li għandhom jiġu pproċessati fir-Reġistru u fil-bażi ta’ dejta elettronika, l-għan tal-ipproċessar tagħhom, il-kategoriji ta' reċipjenti li huma awtorizzati jaċċessaw id-dejta (bl-ispeċifikazzjoni ta' liema dejta), il-limitu/i ta’ żmien għaż-żamma tad-dejta, u l-modalitajiet għall-informazzjoni u l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġetti tad-dejta;

jiġi kjarifikat fl-Artikolu 123c jekk l-iskambji ta' informazzjoni bejn l-Aġenzija u l-uffiċċji nazzjonali jkunux jinkludu jew le dejta personali, u jekk iva, liema. Għandu jiġi speċifikat ukoll (i) li l-iskambji ta' dejta personali bejn l-Aġenzija u l-uffiċċji nazzjonali għandhom jitwettqu f'konformità mal-liġi applikabbli għall-protezzjoni tad-dejta, b'mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar l-ipproċessar mill-Aġenzija u d-Direttiva 95/46/KE dwar l-ipproċessar mill-uffiċċji nazzjonali, (ii) l-għan ta' dawn l-iskambji, b'mod partikolari jekk dawn iġibux magħhom għanijiet addizzjonali minn dawk oriġinali ta' kull bażi ta’ dejta u portal, u jekk iva, x’inhi l-bażi legali għal dawn l-għanijiet addizzjonali, u (iii) it-tipi ta' dejta skambjati, ir-riċevituri awtorizzati tad-dejta, u t-tul ta’ żmien taż-żamma tad-dejta f'dawn is-sistemi tal-IT;

jiġu vvalutati l-ħtieġa u l-proporzjonalità ta' divulgazzjoni ta' dejta personali fil-kuntest tal-pubblikazzjoni ta' informazzjoni li tinsab fil-bażi ta’ dejta elettronika. Jekk hija l-intenzjoni tal-leġiżlaturi li jipprevedu l-pubblikazzjoni ta' dejta personali għal għanijiet ivvalutati b'attenzjoni, il-KEPD jirrakkomanda li fir-Regolament propost jiġu inklużi dispożizzjonijiet espliċiti f'dan ir-rigward. Bħala minimu, dispożizzjoni sostantiva għandha tikkjarifika x'tip ta' dejta personali tista' ssir pubblika u għal liema għan(ijiet);

jiġi kkjarifikat f'dispożizzjoni sostantiva jekk il-mezzi ta' kooperazzjoni jkunux jinkludu jew le l-pubblikazzjoni ta' deċiżjonijiet tal-qorti dwar it-trade marks. Jekk iva, din id-dispożizzjoni sostantiva għandha tiddefinixxi l-kondizzjonijiet skont liema tista’ sseħħ il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-qorti. F'dan ir-rigward, il-KEPD jirrakkomanda li l-pubblikazzjoni tas-sentenzi fuq l-internet mill-Aġenzija u/jew l-uffiċċji ċentrali nazzjonali tal-proprjetà industrijali għandha sseħħ bil-kondizzjoni li l-indiċjar tas-sentenzi (u d-dejta personali li tinsab fihom) fuq magni tat-tiftix tal-internet esterni jkun teknikament ipprojbit jew inkella li jiġi kkunsidrat jekk il-pubblikazzjoni għandhiex issir fuq bażi anonima.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Lulju 2013.

Giovanni BUTTARELLI

Assistent Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data


(1)  COM(2013) 162 finali.

(2)  COM(2013) 161 finali.