6.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 438/3


Abbozz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tilqim bħala għodda effettiva fis-saħħa pubblika

(2014/C 438/04)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

1.

IFAKKAR li skont l-Artikolu 168 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-azzjoni tal-Unjoni, li għandha tikkomplementa l-politika nazzjonali, għandha tkopri l-ġlieda kontra l-ikbar flaġelli tas-saħħa billi tippromwovi r-riċerka dwar il-kawżi tagħhom, it-trasmissjoni tagħhom u l-prevenzjoni tagħhom, kif ukoll l-informazzjoni dwar is-saħħa u l-edukazzjoni, u l-monitoraġġ, it-twissija bikrija ta’ u l-ġlieda kontra theddid serju transkonfinali għas-saħħa. L-Unjoni għandha tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk meħtieġ, tagħti appoġġ lill-azzjoni tagħhom. L-azzjoni tal-Unjoni għandha tirrispetta r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri għad-definizzjoni tal-politika tas-saħħa tagħhom u għall-organizzazzjoni u l-għoti ta’ servizzi tas-saħħa u tal-kura medika.

2.

IFAKKAR fir-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 li jistabbilixxi Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (1) (ECDC). L-ECDC jappoġġa l-attivitajiet għall-prevenzjoni u l-kontroll ta’ mard li jittieħed: sorveljanza epidemjoloġika, programmi ta’ taħriġ tal-valutazzjoni tar-riskju u twissija rapida u mekkaniżmi ta’ rispons, u għandu jimpenja ruħu f’attivitajiet biex jiżgura li l-Istati Membri regolarment jiskambjaw prattiki tajbin u esperjenzi dwar il-programmi ta’ tilqim.

3.

IFAKKAR fid-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2013, dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa u li tħassar id-Deċiżjoni Nru 2119/98/KE (2), li tipprevedi li l-Istati Membri għandhom jikkonsultaw lil xulxin f’kollaborazzjoni mal-Kummissjoni permezz tal-Kumitat tas-Sigurtà tas-Saħħa bil-għan li jikkoordinaw ir-rispons tagħhom għal theddid serju transkonfinali għas-saħħa, inkluż mard li jittieħed. Din tipprevedi wkoll possibbiltà ta’ involviment fl-akkwist konġunt ta’ kontromiżuri mediċi fuq bażi volontarja.

4.

IFAKKAR fit-tielet Programm għall-azzjoni tal-Unjoni fil-qasam tas-saħħa (2014-2020) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 282/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), bil-għan li jiġi appoġġat il-bini tal-kapaċitajiet kontra theddid transkonfinali kbir għas-saħħa u, li jiżviluppa t-tħejjija u l-ippjanar tar-rispons, b’kont meħud tal-komplementarjetà mal-programm ta’ ħidma tal-ECDC fil-ġlieda kontra l-mard li jittieħed.

5.

IFAKKAR fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 2009/1019/UE tat-22 ta’ Diċembru 2009 t-tilqim kontra l-influwenza staġjonali (4) li tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jadottaw u jimplimentaw pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali, reġjonali jew lokali jew politiki mmirati lejn it-titjib tal-kopertura tat-tilqim kontra l-influwenza staġjonali, bil-għan li jinkisbu 75 % kopertura fil-gruppi tar-riskju sal-2015.

6.

IFAKKAR fil-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-immunizzazzjoni tat-tfal (2011/C 202/02) (5), fejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni huma mistiedna, fost l-oħrajn, biex jaqsmu l-esperjenzi u l-aħjar prattiki biex itejbu l-kopertura tat-tilqim tat-tfal kontra mard li jista’ jiġi evitat permezz ta’ tilqim;

7.

JINDIKA li t-tilqimiet huma prodotti mediċinali soġġetti għar-regoli u l-proċeduri adottati fil-livell tal-Unjoni, awtorizzati mill-awtoritajiet nazzjonali jew mill-Kummissjoni fuq il-bażi ta’ valutazzjoni mwettqa mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini u soġġett għal sorveljanza wara t-tqegħid fis-suq.

8.

IFAKKAR fil-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tilqim tar-Reġjun Ewropew mill-2015 sal-2020 tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), li kien approvat bi tweġiba għad-Deċennju ta’ Tilqim, li jwitti t-triq permezz ta’ viżjoni reġjonali u miri għall-immunizzazzjoni u l-kontroll ta’ mard li jista’ jiġi evitat permezz ta’ tilqim mill-2015 sal-2020 u wara, billi jiddefinixxi oqsma ta’ azzjoni prijoritarja, indikaturi u miri, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet u l-isfidi speċifiċi tal-pajjiżi fir-reġjun Ewropew (6).

9.

JINDIKA li l-istudji wara t-tqegħid fis-suq inklużi dawk imwettqa mid-detenturi tal-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq huma importanti għall-evalwazzjoni tal-prodotti tat-tilqim u għandhom jitwettqu b’mod trasparenti. L-istudji dwar l-impatt ta’ programmi ta’ tilqim, li jitwettqu b’mod indipendenti minn interessi kummerċjali huma ugwalment importanti. Iż-żewġ tipi ta’ studji jistgħu jikkontribwixxu biex tiżdied il-fiduċja pubblika fl-immunizzazzjoni. L-Istati Membri huma mħeġġa biex jiffinanzjaw studji indipendenti.

10.

JIRRIKONOXXI li l-mard li jittieħed, inkluż ċertu mard li jerġa’ jitfaċċa, bħal Tuberkulożi, ħosba, pertussis u rubella, xorta jippreżenta sfida tas-saħħa pubblika u jista’ jikkawża numru għoli ta’ infezzjonijiet u mwiet, u li t-tfaċċar u t-tifqigħat reċenti ta’ mard li jittieħed, bħall-poljo, l-influwenza avjarja H5N1 u H7N9, is-sindrome respiratorja tal-Lvant Nofsani kkawżata minn koronavajrus (MERS) u l-marda tal-vajrus Ebola kkonfermaw li l-viġilanza trid tibqa’ għolja wkoll fir-rigward ta’ mard li bħalissa mhuwiex preżenti fit-territorju tal-Unjoni.

11.

JIRRIKONOXXI li filwaqt li l-programmi ta’ tilqim huma r-responsabbiltà ta’ Stati Membri individwali u li fl-UE jeżistu skemi ta’ tilqim varji, l-isforzi biex tittejjeb il-kopertura tat-tilqim jistgħu wkoll jibbenefikaw mill-kooperazzjoni fl-UE u minn sinerġiji mtejba ma’ oqsma oħra ta’ politika tal-UE, b’attenzjoni speċjali għall-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli identifikati fir-reġjuni differenti u l-Istati Membri individwali tal-Unjoni u għaż-żieda fil-mobilità.

12.

JOSSERVA li ħafna tilqimiet użati fil-programmi ta’ tilqim tal-komunità kienu kapaċi jipprevjenu mard f’individwi u fl-istess ħin jinterrompu ċ-ċirkolazzjoni ta’ patoġeni permezz tal-hekk imsejjaħ fenomenu tal-“immunità kollettiva”, filwaqt li jikkontribwixxu għal soċjetà globali aktar b’saħħitha. L-immunità tal-Komunità għalhekk tista’ titqies bħala objettiv fil-pjanijiet nazzjonali ta’ tilqim.;

13.

JIKKUNSIDRA li sistema ta’ immunizzazzjoni bbażata fuq l-evidenza, kosteffettiva, sikura u effiċjenti hija parti integrali minn sistema tas-saħħa li taħdem tajjeb.

14.

JINDIKA li, minħabba l-bidliet fl-istruttura demografika tal-popolazzjoni Ewropea, għandu jkun hemm fokus akbar fuq il-prevenzjoni ta’ mard infettiv permezz ta’ tilqim tal-gruppi kollha ta’ età fejn dan ittejjeb il-kontroll epidemjoloġiku tal-marda.

15.

JIRRIKONOXXI li l-programmi ta’ immunizzazzjoni jeħtieġu aċċess sostenibbli għal finanzjament fit-tul u l-provvista ta’ kwalità.

16.

JIRRIKONOXXI l-importanza tal-fehim tal-pubbliku ġenerali tal-valur tat-tilqim u JINNOTA li n-nuqqas okkażjonali ta’ kuxjenza tal-benefiċċji ta’ xi tilqimiet u r-rifjut li dejjem jikber ta’ tilqim f’xi Stati Membri jistgħu jwasslu għal proporzjon baxx ta’ tilqim f’xi popolazzjonijiet, li jirriżulta fi problemi fis-saħħa pubblika u tifqigħat li jiġu jiswew il-flus.

17.

JIRRIKONOXXI li l-pubbliku għandu jkun konxju tal-valur tat-tilqim u JISSOTTOLINJA r-rwol kruċjali tal-professjonisti tal-kura tas-saħħa li jinfurmaw u jedukaw lill-popolazzjoni dwar il-benefiċċji tat-tilqim.

18.

JIRRIKONOXXI li l-kampanji ta’ tilqim effettivi huma utli fil-prevenzjoni tat-tixrid ta’ mard li jittieħed li jista’ jikkawża ħsara permanenti għas-saħħa jew saħansitra mewt, partikolarment fi gruppi ta’ età vulnerabbli tal-popolazzjoni.

19.

JIRRIKONOXXI l-effett pożittiv li politika tat-tilqim imsaħħa fil-livell nazzjonali jista’ jkollha fuq l-iżvilupp ta’ u r-riċerka f’tilqimiet ġodda fl-UE.

20.

JINDIKA li l-Istati Membri għandhom, jekk ikun rilevanti, jinformaw liċ-ċittadini tagħhom li jivvjaġġaw barra minn pajjiżhom dwar ir-riskju ta’ mard li jittieħed li mhuwiex preżenti fl-Unjoni, iżda jista’ jittieħed waqt vjaġġi internazzjonali barra l-Unjoni.

21.

JINDIKA li xi aġenti virali jistgħu wkoll jikkawżaw patoloġiji kroniċi, xi wħud ta’ natura neoplastika, bħall-kanċer ċervikali, u li t-tilqim jista’ jikkontribwixxi biex jiġi indirizzat dan il-mard.

22.

IQIS LI HUWA NEĊESSARJU li analiżi u evalwazzjoni tas-sikurezza, l-effettività u l-impatt tat-tilqim biex jiġi evitat mard distint li jittieħed, tar-riskji relatati ma’ mard li jittieħed u l-utilità tat-tilqim jiġu mwettqa perjodikament fl-Unjoni Ewropea fuq il-bażi ta’ żviluppi fl-għarfien xjentifiku.

23.

IQIS LI HUWA UTLI li l-Istati Membri jikkollaboraw u jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar il-prevenzjoni ta’ mard li jittieħed permezz ta’ tilqim minħabba l-fatt li l-mard li jittieħed ma jistax ikun limitat għal pajjiż wieħed ġewwa jew barra mill-Unjoni Ewropea, u li jagħmlu hekk bl-appoġġ tal-ECDC u tad-WHO.

24.

IQIS LI HUWA NEĊESSARJU li l-politiki li jinkoraġġixxu r-riċerka, inklużi l-istudji kliniċi u ta’ wara l-awtorizzazzjoni fil-qasam tat-tilqim, ikunu appoġġati fl-Unjoni, filwaqt li jitqiesu wkoll il-limitazzjonijiet finanzjarji, sabiex ikunu aktar sikuri u jkunu disponibbli aktar tilqimiet effettivi.

25.

JOSSERVA li bħala riżultat tas-suċċess fit-tnaqqis tat-tixrid ta’ għadd ta’ mard serju li jittieħed minħabba l-użu mifrux tat-tilqim, il-popolazzjoni tista’ temmen li dan il-mard ma jibqax jirrappreżenta theddida għas-saħħa pubblika.

26.

IQIS LI HUWA XIERAQ, speċjalment sabiex jirreaġixxu għal informazzjoni mhux preċiża rigward tilqim f’xi Stati Membri, li l-kampanji ta’ komunikazzjoni jkomplu jitwettqu biex jedukaw lill-pubbliku dwar ir-riskji relatati ma’ mard li jittieħed li jista’ jiġi evitat bit-tilqim.

27.

IQIS LI HUWA UTLI li jiġu kkonsultati l-partijiet interessati inklużi organizzazzjonijiet professjonali tas-saħħa, l-akkademja, l-industrija u s-soċjetà ċivili biex jingħataw l-opportunità li jesprimu l-pożizzjonijiet tagħhom li jistgħu jkunu ta’ użu għall-awtoritajiet tal-Istati Membri.

28.   JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI BIEX:

(a)

ikomplu jtejbu s-sorveljanza epidemjoloġika u l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni dwar il-mard li jittieħed fit-territorji tagħhom, inkluż mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim;

(b)

ikomplu jtejbu l-programmi nazzjonali ta’ tilqim u jsaħħu l-kapaċità nazzjonali għat-twettiq ta’ tilqim ibbażat fuq l-evidenza u kosteffettiv, inkluża l-introduzzjoni ta’ tilqimiet ġodda fejn meqjus xieraq;

(c)

ikomplu jiżviluppaw pjanijiet u proċeduri operattivi standard b’kollaborazzjoni mal-ECDC u d-WHO biex jiżguraw reazzjoni f’waqtha u effettiva għal mard li jista’ jiġi evitat bit-tilqim waqt tifqigħat, kriżijiet umanitarji u emerġenzi;

(d)

ikomplu jiżviluppaw approċċi komprensivi u kkoordinati fi programmi ta’ tilqim, waqt li jsegwu l-approċċ tas-Saħħa fil-Politiki Kollha billi joħolqu sinerġiji ma’ politiki tas-saħħa usa’ u jaħdmu b’mod proattiv ma’ setturi preventivi oħrajn;

(e)

jiżguraw it-trasparenza fir-rigward tal-evalwazzjonijiet wara t-tqegħid fis-suq ta’ tilqimiet u ta’ studji dwar l-impatt tal-programmi ta’ tilqim sabiex tiġi pprovduta informazzjoni affidabbli kemm għall-gvernijiet, għar-regolaturi tal-mediċini u għall-manifatturi;

(f)

joffru b’mod attiv tilqim xieraq lil gruppi tal-popolazzjoni meqjusin li huma f’riskju f’termini ta’ mard speċifiku u jqisu l-immunizzazzjoni wara l-infanzja u l-istadji bikrin tat-tfulija billi jinħolqu programmi ta’ tilqim b’approċċ tul il-ħajja;

(g)

jaħdmu ma’ professjonisti tas-saħħa dwar il-komunikazzjoni ta’ riskju sabiex jimmassimizzaw ir-rwol tagħhom fit-teħid informat tad-deċiżjoni;

(h)

iżidu aktar l-attivitajiet immirati lejn l-espansjoni, fejn meħtieġ, tal-komponenti tal-immunoloġija u tal-istudju tat-tilqim tal-kurrikula ta’ taħriġ mediku bażiku għall-istudenti tax-xjenzi mediċi u tas-saħħa u jipprovdu lill-professjonisti tas-saħħa b’opportunitajiet ta’ taħriġ rilevanti fis-servizz;

(i)

jinformaw lill-popolazzjoni sabiex iżżid il-fiduċja tagħha fil-programmi ta’ tilqim, bl-użu tal-għodod xierqa u tal-kampanji ta’ komunikazzjoni wkoll bl-involviment ta’ opinjonisti, is-soċjetà ċivili u partijiet interessati rilevanti (eż. l-akkademja).

29.   JISTIEDEN LILL-ISTATI MEMBRI U LILL-KUMMISSJONI BIEX:

(a)

ikomplu jiskambjaw informazzjoni u data mal-ECDC u d-WHO dwar ir-riskji maħluqin minn mard li jittieħed u dwar il-politiki nazzjonali tat-tilqim; f’dan ir-rigward, is-sett tal-għodod ta’ komunikazzjoni żviluppat mill-ECDC u magħmul disponibbli għall-Istati Membri (billi jiġi segwit l-eżempju tas-sett tal-għodda diġà żviluppat għall-influwenza) jista’ jitqies;

(b)

ikomplu jiskambjaw data dwar il-kopertura ta’ tilqim għall-gruppi kollha ta’ riskju fil-mira;

(c)

jgħaddu messaġġi informati u ċari dwar it-tilqim;

(d)

isibu l-aħjar modi biex jippermettu lill-partijiet interessati, inklużi l-industrija u s-soċjetà ċivili, jesprimu l-pożizzjonijiet tagħhom;

(e)

jippromwovu l-attivitajiet immirati lejn l-involviment ma’ professjonisti tal-kura tas-saħħa b’mod aktar dirett u attiv dwar kwistjonijiet ta’ tilqim kritiċi, b’mod partikolari ffokati fuq it-tisħiħ tar-rwol tagħhom fil-promozzjoni tat-tilqim;

(f)

jikkondividu l-informazzjoni dwar l-istudji dwar il-kosteffettività fl-UE għall-implimentazzjoni ta’ tilqimiet ġodda, li tgħin lill-Istati Membri fil-programmi ta’ tilqim nazzjonali tagħhom;

(g)

jikkoordinaw l-attivitajiet immirati lejn il-promozzjoni u l-inkoraġġiment tal-użu tat-tilqim inkluż fil-programmi nazzjonali ta’ tilqim billi jiskambjaw informazzjoni dwar pjanijiet ta’ komunikazzjoni u kampanji għall-introduzzjoni tat-tilqim;

(h)

jinkoraġġixxu aktar ir-riċerka u l-innovazzjoni mmirati lejn l-iżvilupp ta’ tilqimiet ġodda biex juru l-benefiċċji ta’ approċċ tul il-ħajja, il-kosteffettività tal-immunizzazzjoni u l-effettività tal-komunikazzjoni tar-riskji, filwaqt li tingħata prijorità lis-sikurezza taċ-ċittadini f’kull waqt;

(i)

jiżviluppaw programmi ta’ azzjoni konġunta kofinanzjati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jikkondividu l-aħjar prattiki dwar il-politiki nazzjonali tat-tilqim;

(j)

jinkoraġġixxu l-attivitajiet ta’ riċerka u jkomplu jiskambjaw informazzjoni fir-rigward tal-monitoraġġ tal-impatt tat-tilqim fuq il-piż tal-mard u l-iżvilupp ta’ tilqimiet ġodda.

30.   JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

(a)

tidentifika u tinkoraġġixxi sinerġija bejn il-promozzjoni tal-immunizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġislazzjoni u l-politiki rilevanti tal-UE, b’mod partikolari li jiffokaw fuq l-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta’ approċċi integrattivi u koerenti għal preparazzjoni u koordinazzjoni aħjar f’emerġenzi tas-saħħa, filwaqt li jiġu rispettati bis-sħiħ il-kompetenzi nazzjonali;

(b)

tiżgura li l-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ikun dirett biex titrawwem ir-riċerka attwali u futura dwar it-tilqim, inkluża s-sħubija wiesgħa bejn l-akkademja, l-industrija, u l-finanzjaturi pubbliċi u privati, u biex jiġu indirizzati u solvuti l-ostakli fl-iżvilupp tat-tilqim;

(c)

tiżgura li l-finanzjament ipprovdut mill-Unjoni Ewropea u partijiet interessati oħrajn, bħall-akkademja jew istituzzjonijiet tas-saħħa pubblika, u magħmul disponibbli mill-korpi rilevanti tas-saħħa pubblika jkun dirett biex jiġu appoġġati l-istudji wara t-tqegħid fis-suq, inklużi studji dwar l-effettività tat-tilqim u l-impatt ta’ programmi ta’ immunizzazzjoni mwettqin minn istituti nazzjonali tas-saħħa pubblika, l-akkademja u sħubijiet oħrajn;

(d)

teżamina mal-ECDC u l-EMA u f’kooperazzjoni mill-qrib mad-WHO, opzjonijiet biex:

jiġu identifikati l-gwida u l-metodoloġiji li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jużaw fuq bażi volontarja biex isaħħu l-konsistenza u s-sostenibbiltà finanzjarja u programmatika tal-programmi ta’ tilqim nazzjonali tagħhom u l-kosteffettività tat-tilqim;

tiġi ffaċilitata l-introduzzjoni ta’ metodi ta’ riċerka li l-Istati Membri jistgħu jużaw volontarjament biex tiġi vvalutata l-effettività tal-komunikazzjoni tar-riskju u d-dinamika ta’ attitudnijiet soċjali lejn it-tilqim u biex jitfasslu strateġiji effettivi għall-promozzjoni tal-użu tat-tilqim;

(e)

l-Istati Membri jiġu megħjuna biex jagħmlu l-aħjar użu mill-kompetenza teknika u xjentifika tal-aġenziji tal-Unjoni u l-kumitati tekniċi tal-Kummissjoni, sabiex jitwieġbu l-mistoqsijiet;

(f)

l-għodod teknoloġiċi u tal-IT jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri u jtejbu r-rabtiet għall-portals u l-għodod Ewropej eżistenti biex l-Istati Membri jiġu appoġġati fl-isforzi tagħhom biex jissaħħaħ it-tilqim bħala għodda effettiva fis-saħħa pubblika.


(1)  ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 293, 5.11.2013, p. 1.

(3)  ĠU L 86, 21.3.2014, p. 1.

(4)  ĠU L 348, 29.12.2009, p. 71.

(5)  ĠU C 202, 8.7.2011, p. 4.

(6)  Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Tilqim tar-Reġjun Ewropew tad-WHO mill-2015 sal-2020 (WHO EURO document EUR/RC64/15 Rev.1) ġie adottat fl-64 sessjoni tal-Kumitat Reġjonali għall-Ewropa (Kopenħagen, id-Danimarka, 15-18 ta’ Settembru 2014), ara r-riżoluzzjoni EUR/RC64/R5.