30.4.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 131/5


Avviż mill-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku tar-Repubblika tal-Kroazja skont l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 94/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kondizzjonijiet għall-għoti u l-użu ta' awtorizzazzjonijiet għall-prospettar, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni ta’ idrokarburi

2014/C 131/05

Tħabbira mir-Repubblika tal-Kroazja tal-ewwel ħruġ ta' liċenzji lil hinn mill-kosta għall-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-idrokarburi

Il-Ministeru tal-Ekonomija

L-Att dwar l-Esplorazzjoni u l-Produzzjoni tal-Idrokarburi

Ħruġ ta' Liċenzji lil hinn mill-kosta

Il-Ministeru tal-Ekonomija jistieden lil persuni interessati biex japplikaw għal liċenzji fir-rigward ta' blokok fil-blata kontinentali tal-Kroazja. L-attivitajiet ta' esplorazzjoni u produzzjoni tal-idrokarburi f'żoni lil hinn mill-kosta tal-Baħar Adrijatiku taħt il-ġurisdizzjoni tar-Repubblika tal-Kroazja jeħtieġu liċenzja nazzjonali u d-dħul fi ftehim għall-kondiviżjoni tal-produzzjoni wara l-għoti tal-liċenzja. F'każ li tiġi ddikjarata skoperta kummerċjali, l-applikant, l-entità unika jew il-konsorzju ta' entitajiet magħżula, għandu jkollhom id-dritt għall-esplorazzjoni ta' idrokarburi u għal għotja diretta ta' konċessjoni għal perjodu massimu totali ta' 30 sena.

Id-dettalji kollha tal-offerta, inklużi listi u mapep tal-blokok li qed jiġu offruti u gwida dwar il-liċenzji, it-termini li dawk il-liċenzji se jinkludu, u gwida sħiħa dwar kif wieħed għandu japplika, huma disponibbli fuq il-websajt tal-Aġenzija Kroata tal-Idrokarburi: www.azu.hr. L-awtorità kompetenti hija Ministry of Economy — Mining Sector, Ulica grada Vukovara 78, HR-10000 Zagreb, Republic of Croatia, e-mail: offshore@azu.hr

Iż-żona ġeografika li għaliha tista' ssir applikazzjoni tikkonsisti minn 29 blokka ta' esplorazzjoni lil hinn mill-kosta fil-baħar Adrijatiku. Iż-żoni, il-fond u l-koordinati tal-blokok huma speċifikati fir-regoli ta' gwida għall-offerta kompluti.

Data jew limitu ta' żmien proposti għall-għoti tal-awtorizzazzjoni: L-applikazzjonijiet għandhom jaslu sat-3 ta' Novembru 2014, 14:00 ħin lokali. L-iskadenza għall-għoti tal-liċenzji hija t-3 ta' Diċembru 2014.

Kriterji

1.

Il-kwalità ġenerali tal-applikazzjoni sottomessa.

2.

Il-kompetenza teknika, finanzjarja u professjonali tal-applikant.

3.

Kwalunkwe każ fejn l-applikant wera nuqqas ta' effiċjenza u responsabbiltà taħt kwalunkwe liċenzja jew awtorizzazzjoni preċedenti ta' kwalunkwe forma fi kwalunkwe pajjiż.

4.

Proposti rigward il-protezzjoni tas-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika, is-sikurezza tat-trasport, il-ħarsien tal-ambjent, il-ħarsien ta' riżorsi bijoloġiċi u ta' ġawhriet nazzjonali li jħaddnu valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku, is-sigurtà tal-installazzjonijiet u tal-ħaddiema u l-ġestjoni ppjanata tar-riżorsi taż-żejt.

5.

L-impenn tal-ħidma globali u l-konsiderazzjoni finanzjarja offruti gradatati fuq medda ta' żewġ fażijiet ta' esplorazzjoni (tliet snin + sentejn) u vvalutati abbażi tad-distanza/iż-żona ppjanata tat-3D u/jew bħala stħarriġiet siżmiċi 3D applikabbli, l-għadd ta' bjar ta' esplorazzjoni u stħarriġiet oħra.

6.

Il-bonus offrut mal-iffirmar tal-kuntratt (minimu ta' HRK 1 400 000,00 għal kull blokk).

Noti

L-applikazzjonijiet jistgħu jiġu ppreżentati bl-Ingliż, iżda dawn iridu jinkludu traduzzjonijiet bil-Kroat. L-applikanti jistgħu jirreferu għall-gwida tal-offerta kompleta u japplikaw bl-użu tal-formoli pprovduti fiha.