23.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 376/12


Komunikazzjoni tal-Kummissjoni ppubblikata skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-Każ COMP/39964 — Air France-KLM/Alitalia/Delta

2014/C 376/11

1.   INTRODUZZJONI

(1)

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (1), il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi – f’każijiet fejn tkun beħsiebha tadotta deċiżjoni li tirrikjedi li jintemm il-ksur u li l-partijiet ikkonċernati joffru li jimpenjaw ruħhom biex jindirizzaw it-tħassib espress lilhom mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni preliminari tagħha – li tagħmel dawk l-impenji vinkolanti fuq l-impriżi. Deċiżjoni bħal din tista’ tiġi adottata għal perjodu speċifiku u tikkonkludi li ma hemmx aktar raġunijiet għal azzjoni mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 27(4) tal-istess Regolament, il-Kummissjoni tippubblika sommarju konċiż tal-każ u l-kontenut prinċipali tal-impenji. Il-partijiet interessati jistgħu jressqu l-kummenti tagħhom sal-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni.

2.   SOMMARJU TAL-KAŻ

(2)

Fl-20 ta’ Mejju 2009, Air France, Delta, KLM u Northwest (2) daħlu għal Ftehim ta’ Impriża Konġunta Transatlantika li jkopri s-servizzi kollha tat-trasport tal-passiġġieri fuq rotot transatlantiċi (il-“Ftehim TAJV”). Il-Ftehim TAJV ġie implimentat fl-20 ta’ Ġunju 2009 (b’effett retroattiv mill-1 ta’ April 2009). Fil-5 ta’ Lulju 2010, il-Ftehim TAJV ġie estiż biex jinkludi lil Alitalia (3). Il-Ftehim TAJV jipprevedi l-kooperazzjoni bejn il-Partijiet fuq il-parametri kollha ewlenin tal-kompetizzjoni, inklużi l-ipprezzar, il-kapaċità, l-iskedi u l-kummerċjalizzazzjoni.

(3)

Fit-23 ta’ Jannar 2012, il-Kummissjoni fetħet investigazzjoni ex officio dwar il-Ftehim TAJV.

(4)

Fis-26 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni adottat valutazzjoni preliminari skont it-tifsira tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, fejn esprimiet tħassib preliminari dwar il-kompatibbiltà tal-Ftehim TAJV mal-Artikolu 101 tat-Trattat. Il-valutazzjoni preliminari tindika li l-Ftehim TAJV aktarx għandu l-ħsieb li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

(5)

Minkejja li l-Ftehim TAJV jirrigwarda r-rotot transatlantiċi kollha operati min-naħa tal-Partijiet, il-valutazzjoni preliminari tiffoka fuq tliet rotot fejn il-Kummissjoni kkunsidrat li kien hemm probabbiltà kbira li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat ma jiġux issodisfati. Dawn ir-rotot huma Amsterdam-New York, Ruma-New York u Pariġi-New York. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tqis li, minħabba l-qrubija tal-kompetizzjoni bejn il-Partijiet, kif ukoll il-pożizzjoni fis-suq kombinata sinifikanti tagħhom, il-Ftehim TAJV aktarx li jkollu effetti antikompetittivi apprezzabbli fuq dawn ir-rotot.

(6)

B’mod speċifiku, fil-valutazzjoni preliminari, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Ftehim TAJV elimina l-kompetizzjoni li kien hemm bejn il-Partijiet fuq dawn it-tliet rotot qabel ma ddeċidew li jikkooperaw flimkien. Din il-kompetizzjoni aktarx mhux se tiġi sostitwita mill-kompetizzjoni tal-kompetituri eżistenti u lanqas minn dħul ġdid jew espansjoni probabbli, fi żmien opportun u suffiċjenti, ta’ operaturi oħrajn, minħabba li hemm ostakli sinifikanti għad-dħul u għall-espansjoni f’dawn is-swieq. Dawn l-ostakli jinkludu, b’mod partikolari, restrizzjonijiet ta’ slottijiet fl-ajruporti kkonċernati, il-vantaġġ tal-frekwenza li jgawdu minnu l-Partijiet u d-dominanza fil-hub, kif ukoll l-effetti ta’ netwerk li jkunu ġejjin minn programmi tal-Partijiet għal min itir ta’ spiss.

(7)

Fir-rigward tar-rotta Pariġi-New York, it-tħassib tal-Kummissjoni huwa limitat għas-suq tal-passiġġieri primjum (li jinkorpora s-servizzi marbuta mal-klassijiet kollha ta’ kabini u ta’ nollijiet, minbarra dawk marbuta mal-klassi ekonomika ristretta), filwaqt li fir-rigward tar-rotot Amsterdam-New York u Ruma-New York, it-tħassib dwar il-kompetizzjoni jirrigwarda kemm is-suq primjum kif ukoll dak bażiku.

3.   IL-KONTENUT PRINĊIPALI TAL-IMPENJI OFFRUTI

(8)

Il-Partijiet offrew impenji skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, biex jindirizzaw it-tħassib tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni. Il-Partijiet enfasizzaw li dan ma għandux jiġi interpretat bħala konferma li huma kisru r-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE jew li l-Ftehim TAJV huwa inkompatibbli mal-Artikolu 101 tat-TFUE.

(9)

L-impenji huma spjegati fil-qosor hawn taħt u huma ppubblikati kollha kemm huma bl-Ingliż fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni:

http://ec.europa.eu/competition/index_en.html

(10)

Il-Partijiet joffru impenji għal tliet rotot, jiġifieri Amsterdam-New York, Ruma-New York u Pariġi-New York (li flimkien jissejħu “iż-Żewġt Ibliet Identifikati”).

(11)

Huma joffru:

(a)

li jpoġġu għad-dispożizzjoni pari ta’ slottijiet għall-wasla u t-tluq fl-ajruport ta’ Amsterdam u/jew fl-ajruporti New York JFK/Newark Liberty, kif ukoll fl-ajruport ta’ Ruma u/jew fl-ajruporti New York JFK/Newark Liberty — fuq l-għażla tal-Parteċipant Ġdid Potenzjali — biex jippermettu lil Parteċipant Ġdid Potenzjali wieħed jew aktar jopera(w) jew iżid(u) sa massimu ta’ seba’ (7) frekwenzi ġodda jew addizzjonali kull ġimgħa fuq ir-rotot Amsterdam-New York u Ruma-New York.

Din l-offerta hi soġġetta għal ċerti kundizzjonijiet, inkluż (a) li l-Parteċipant Ġdid Potenzjali jkun għamel l-isforzi kollha raġonevoli biex jikseb is-slottijiet meħtieġa permezz tal-proċess ġenerali ta’ allokazzjoni ta’ slottijiet u (b) li, f’dak li jirrigwarda d-destinazzjoni New York, l-ammont aggregat ta’ slottijiet miżmuma fl-ajruporti New York JFK/Newark Liberty (i) mill-Parteċipant Ġdid Potenzjali, (ii) mill-affiljati reġjonali tiegħu u (iii) mit-trasportaturi l-oħra li magħhom ikun ikkonkluda ftehim ta’ impriża konġunta transatlantika li tkun ingħatat l-immunità mill-antitrust mid-Dipartiment tat-Trasport tal-Istati Uniti (DOT) u l-affiljati reġjonali ta’ dawn it-trasportaturi, ma jkunx akbar minn 200 slot kuljum;

(b)

li jidħlu fi ftehimiet ta’ kombinabbiltà tan-nollijiet, kif ġej:

i.

ma’ Fornitur ta’ Servizzi tal-Ajru Diretti Eliġibbli li, wara d-data li fiha jidħlu fis-seħħ l-impenji, beda jopera Servizz tal-Ajru Kompetittiv ġdid jew miżjud fuq Żewġt Ibliet Identifikati; u

ii.

ma’ Fornitur ta’ Servizzi tal-Ajru Diretti Eliġibbli li diġà qed jopera Servizz tal-Ajru Kompetittiv għar-rotta Pariġi-New York,

bil-kundizzjoni li, f’kull każ, il-Fornitur ta’ Servizzi tal-Ajru Diretti Eliġibbli jew is-sħab tal-alleanza tiegħu ma joperawx hub fuq kull naħa taż-Żewġt Ibliet Identifikati.

Tali ftehimiet ta’ kombinabbiltà tan-nollijiet se jkunu disponibbli għall-klassijiet kollha ta’ passiġġieri, ħlief fuq ir-rotta Pariġi-New York, fejn dawn għandhom ikopru biss lill-passiġġieri tal-klassi primjum (hekk kif definit fil-paragrafu (7) hawn fuq).

(c)

li jidħlu fi ftehimiet speċjali pro rata għal traffiku b’oriġini vera u b’destinazzjoni vera fl-Ewropa jew fl-Amerika ta’ Fuq/fil-Karibew/fl-Amerika Ċentrali, kif ġej:

i.

ma’ Fornitur ta’ Servizzi tal-Ajru Diretti Ġdid li, wara d-data li fiha jidħlu fis-seħħ l-impenji, beda jopera Servizz tal-Ajru Kompetittiv ġdid jew miżjud fuq Żewġt Ibliet Identifikati, irrispettivament minn jekk is-Servizz tal-Ajru Kompetittiv jinbediex abbażi ta’ slottijiet miksuba mill-Partijiet skont l-impenji proposti; u

ii.

ma’ Fornitur ta’ Servizzi tal-Ajru Diretti Eliġibbli li diġà qed jopera Servizz tal-Ajru Kompetittiv għar-rotta Pariġi-New York.

Tali ftehimiet speċjali pro rata jkunu disponibbli għall-klassijiet kollha ta’ passiġġieri, ħlief fuq ir-rotta Pariġi-New York, fejn dawn għandhom ikopru biss lill-passiġġieri tal-klassi primjum (hekk kif definit fil-paragrafu (7) hawn fuq). Il-Partijiet mhux se jkunu obbligati jidħlu fi ftehim speċjali pro rata fuq kwalunkwe rotta taż-Żewġt Ibliet Identifikati ma’ kwalunkwe Fornitur ta’ Servizzi tal-Ajru Rikjedenti, jekk dan tal-aħħar, waħdu jew b’mod konġunt mas-sħab tal-alleanza tiegħu, juża hub fuq kull naħa taż-Żewġt Ibliet Identifikati.

(d)

li jiftħu l-programmi għal min itir ta’ spiss għal kwalunkwe Fornitur ta’ Servizzi tal-Ajru Diretti Ġdid li, wara d-data li fiha jidħlu fis-seħħ l-impenji, jibda jopera jew iżid servizz fuq rotta taż-Żewġt Ibliet Identifikati, sakemm tali Fornitur ta’ Servizzi tal-Ajru Diretti Ġdid ma jkollux programm komparabbli tiegħu stess u ma jkunx qed jipparteċipa diġà f’xi wieħed mill-programmi għal min itir ta’ spiss tal-Partijiet.

(12)

Il-Partijiet joffru wkoll li jafdaw fiduċjarju bir-responsabbiltà li jimmonitorja l-applikazzjoni tal-impenji. F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn parteċipant ġdid u l-Partijiet dwar l-impenji, il-Partijiet joffru proċess għas-soluzzjoni tat-tilwim, li fil-qafas tiegħu t-tribunal tal-arbitraġġ ikollu l-aħħar kelma dwar il-kwistjoni.

4.   STEDINA GĦALL-KUMMENTI

(13)

Wara li jsir l-ittestjar tas-suq, il-Kummissjoni beħsiebha tadotta deċiżjoni skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 li fiha tiddikjara li l-impenji li jinsabu fis-sommarju ta’ hawn fuq u ppubblikati fuq l-Internet, fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, huma vinkolanti.

(14)

Skont l-Artikolu 27(4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tistieden lil partijiet terzi interessati biex jissottomettu l-kummenti tagħhom dwar l-impenji proposti. Dawn il-kummenti għandhom jaslu għand il-Kummissjoni sa mhux aktar tard minn xahar wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Il-partijiet terzi interessati huma wkoll mistiedna jippreżentaw verżjoni mhux kunfidenzjali tal-kummenti tagħhom, li fiha kwalunkwe informazzjoni li jiddikjaraw li hija sigriet kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra għandha titħassar u tiġi ssostitwita kif xieraq b’sommarju mhux kunfidenzjali jew bil-kliem “sigrieti kummerċjali” jew “kunfidenzjali”.

(15)

Ir-risposti u l-kummenti għandhom preferibbilment ikunu motivati u għandhom jistabbilixxu l-fatti rilevanti. Jekk tidentifika problema fi kwalunkwe parti tal-impenji proposti, il-Kummissjoni tistiednek ukoll biex tissuġġerixxi soluzzjoni possibbli.

(16)

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni bin-numru ta’ referenza każ COMP/39964 — Air France-KLM/Alitalia/Delta, bil-posta elettronika (COMP-GREFFE-ANTITRUST@ec.europa.eu), jew bil-faks (+32 22950128) jew inkella bil-posta fuq dan l-indirizz:

European Commission

Directorate-General for Competition

Antitrust Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1. B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 101 u 102 rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropa (“TFUE”). Iż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet huma essenzjalment identiċi. Għall-finijiet ta’ dan l-avviż, ir-referenzi għall-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE fejn applikabbli.

(2)  Fl-2008, Delta amalgamat ma’ Northwest Airlines (ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-każ COMP/M.5181 Delta Air Lines/Northwest Airlines). Minn Frar 2010, wara l-integrazzjoni sħiħa ta’ Northwest f’Delta, il-marka kummerċjali separata Northwest u n-numri tat-titjira ma baqgħux jeżistu. (http://news.delta.com/index.php?s=43&item=911).

(3)  F’din il-Komunikazzjoni, Air France, Delta, KLM u Alitalia qed jissejħu flimkien bħala “il-Partijiet”.