17.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 368/5


SOMMARJU TAD-DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-2 ta’ Settembru 2013

li tiddikkjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u t-tħaddim tal-Ftehim ŻEE

(Il-Każ M.6360 — Nynas/Shell/Harburg Refinery)

(notifikat bid-dokument C(2013) 5594 final)

(it-test bl-Ingliż biss huwa awtentika)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

2014/C 368/04

Fit-2 ta’ Settembru 2013 il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni f’każ ta’ fużjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi  (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(1) ta’ dak ir-Regolament. Verżjoni mhux-kunfidenzjali tad-Deċiżjoni sħiħa hija disponibbli fl-ilsien awtentiku tal-każ u fl-ilsna proċedurali tal-Kummissjoni fuq il-websajt tad-Direttorat-Ġenerali għall-Kompetizzjoni, fl-indirizz li ġej: http://ec.europa.eu/comm/competition/index_en.html

I.   IL-PARTIJIET

(1)

Nynas AB (“Nynas”, l-Isvezja) hija l-kumpanija possedenti ta’ grupp internazzjonali ta’ kumpaniji li tipproduċi u tbiegħ żjut b’bażi naftenika u żjut għall-ipproċessar, żjut trasformaturi (“TFO”), u bitumen. Shell Deutschland Oil GmbH (il-Ġermanja) hija parti mill-grupp ta’ kumpaniji Shell (“Shell”). Nynas u Shell minn issa ‘l quddiem jissejħu “l-Partijiet”.

(2)

Shell hija integrata b’mod sħiħ mal-grupp globali ta’ kumpaniji tal-enerġija u petrolkimiċi. Shell Deutschland Oil GmbH topera raffinerija f’Hamburg-Harburg li bħalissa tikkostitwixxi:

(i)

raffinerija ta’ fjuwils u distillati, li tinkludi park għall-ħażna ta’ żejt mhux maħdum u għall-prodotti tal-fjuwil (ir-“Raffinerija”); kif ukoll

(ii)

impjant għall-manifattura ta’ żjut ta’ bażi (“BOMP”) (li hu mitmugħ mid-distillati tar-Raffinerija), tank għat-taħlit ta’ TFO u l-faċilitajiet ta’ bitumen (it-tliet installazzjonijiet flimkien jiffurmaw il-“Harburg BOMP”).

II.   L-OPERAZZJONI

(3)

Fid-19 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni rċeviet notifika ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 (“ir-Regolament dwar l-Għaqdiet”) li permezz tagħha l-impriża Nynas takkwista kontroll sħiħ skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, ta’ parti minn Shell Deutschland Oil GmbH permezz tax-xiri ta’ ishma.

(4)

It-tranżazzjoni notifikata tirrigwarda l-Harburg BOMP u ċerti partijiet tar-Raffinerija li huma meħtieġa biex jiġu prodotti d-distillati minn żejt mhux raffinat, flimkien magħrufa bħala “l-assi tar-raffinerija ta’ Harburg”. L-assi tar-raffinerija ta’ Harburg jirrappreżentaw il-bażi tal-preżenza fis-suq kurrenti ta’ Shell għal żjut bażi u żjut għall-ipproċessar fiż-ŻEE u għalhekk huma parti minn impriża fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

(5)

It-tranżazzjoni notifikata tikkonsisti f’lokazzjoni ta’ 25 sena tal-assi tar-raffinerija ta’ Harburg, inkluża opzjoni put għal Shell u opżjoni eżerċitabbli għal Nynas li jippermettulhom jibdlu l-ftehim ta’ kiri f’negozjar tal-assi. L-operazzjoni tagħti lil Nynas kontroll fuq l-assi tar-raffinerija ta’ Harburg fuq bażi permanenti u għalhekk tikkostitwixxi konċentrazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

III.   SOMMARJU

(6)

Wara eżami preliminari tan-notifika, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni fis-26 ta’ Marzu 2013, li biha kkonkludiet li l-operazzjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u tqajjem dubji serji dwar il-kompatibilità tagħha mas-suq intern u mat-tħaddim tal-Ftehim ŻEE, u tat bidu għal proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

(7)

Fis-17 ta’ Ġunju 2013, intbagħtet dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet lill-Partijiet skont l-Artikolu 18 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Il-Partijiet irrispondew għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet fit-8 ta’ Lulju 2013. Shell ressqet tweġiba supplimentari fl-10 ta’ Lulju.

(8)

Il-Kumitat Konsultattiv iddiskuta l-abbozz ta’ din id-Deċiżjoni fil-21 ta’ Awwissu 2013 u ħareġ opinjoni favorevoli.

IV.   MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

A.   IS-SWIEQ TAL-PRODOTTI RILEVANTI

(9)

L-attivitajiet tal-Partijiet iwasslu għal (a) trikkib orizzontali fil-produzzjoni u fil-provvista ta’ (i) żjut ta’ bażi u għall-ipproċessar għall-użu industrijali u (ii) Żjut Trasformaturi (“TFO”) u (b) rabtiet vertikali fil-produzzjoni taż-żjut b’bażi naftenika u TFO.

(i)   Żjut ta’ bażi u għall-ipproċessar għall-użu industrijali

(10)

Kemm Nynas kif ukoll il-Kummissjoni huma tal-fehma li huwa xieraq li wieħed jiddefinixxi suq tal-prodott rilevanti uniku għaż-żjut bażi u għall-ipproċessar għal użu industrijali, l-aktar billi huma identiċi f’termini ta’ karatteristiċi fiżiċi u kimiċi.

(11)

Nynas targumenta li z-żjut b’bażi naftenika u għall-ipproċessar jistgħu jiġu sostitwiti permezz ta’ żejt b’bażi paraffinika u bi żjut għall-ipproċessar, iżda l-Kummissjoni hija tal-fehma li għandu jiġi definit suq tal-prodotti separat għall-produzzjoni ta’ żjut b’bażi naftenika u għall-ipproċessar, minbarra ż-żjut paraffiniċi u għall-ipproċessar, l-aktar minħabba li:

fir-rigward tad-domanda, iż-żjut nafteniċi u paraffiniċi huma differenti f’termini ta’ karatteristiċi tal-prodott, bhas-solvenza jew il-volatilità u l-prezz,

f’xi applikazzjonijiet aħħarija li fihom jintużaw iż-żjut nafteniċi, iż-żjut nafteniċi ma jistgħux jiġu sostitwiti minn żjut paraffiniċi minħabba d-differenza fil-karatteristiċi tal-prodott. Għal applikazzjonijiet aħħarija oħra li għalihom is-sostituzzjoni teknika ma tistax tiġi eskluża t-tibdil huwa għali u jieħu ħafna żmien,

fir-rigward tal-provvista, il-proċessi ta’ produzzjoni ta’ ż-żjut b’bażi naftenika u paraffinika u ż-żjut għall-ipproċessar jeħtieġu (a) tagħmir u faċilitajiet kif ukoll (b) għalf differenti.

(12)

Nynas issottomettiet studju dwar il-korrelazzjoni fil-primjums tal-prezzijiet biex turi li l-korrelazzjonijiet bejn il-primjums tal-applikazzjonijiet paraffiniċi u nafteniċi magħżula huma b’saħħithom biżżejjed biex jiġi konkluż li l-prodotti nafteniċi u paraffiniċi huma fl-istess suq. Il-Kummissjoni madankollu hija tal-fehma li l-metodoloġija użata biex jiġi kkalkulat il-primjum tal-prezz huwa problematiku, peress li dan wassal għal korrelazzjoni mhux awtentika. Ladarba l-problema metodoloġika ġiet korreġuta, ir-riżultati ma kinux jappoġġjaw definizzjoni wiesgħa tas-suq.

(13)

Il-Kummissjoni taqbel ma’ Nynas li għal raġunijiet ta’ sostitwibbiltà min-naħa tal-provvista, is-suq għal żjut ta’ bażi u għall-ipproċessar mhuwiex imqassam skont l-applikazzjonijiet aħħarija, anki jekk hemm domanda separata għal kull applikazzjoni aħħarija.

(14)

Il-Kummissjoni ma taqbilx mal-fehma ta’ Nynas li ż-żjut b’bażi naftenika u għall-ipproċessar huma sostitwibbli bi prodotti bbażati fuq il-GtL, jiġifieri prodotti li huma prodotti bl-użu ta’ teknoloġija ta’ konverżjoni ta’ gass naturali fi prodotti ta’ idrokarburi likwidi fil-post ta’ produzzjoni tal-gass, billi (a) mhuwiex ċert jekk il-GtL — li huwa differenti f’termini ta’ viskożità, fl-indiċi tal-viskożità, fil-volatilità, fis-solvenza u fil-kontenut tal-kubrit — jistax ikun alternattiva għal ħafna applikazzjonijiet finali, (b) il-proċess ta’ produzzjoni tal-GtL huwa iktar għali b’mod sinifikanti, u (c) jista’ jkun hemm kostijiet għoljin assoċjati mat-tibdil.

(ii)   Żjut għat-trasformaturi (TFO)

(15)

It-TFO jintużaw biex jiżolaw it-transformaturi ta’ distribuzzjoni u t-trasformaturi tal-elettriku. Dawn jikkonsistu f’taħlita ta’ żjut ta’ bażi rraffinati ħafna. It-TFO huma ġeneralment prodotti minn żejt ta’ bażi naftenika, żejt ta’ bażi paraffinika jew taħlita tat-tnejn. Iż-żjut għat-transformaturi jistgħu jiġu kklassifikati bħala inibiti jew mhux inibiti, id-differenza prinċipali hija li jitħallat ammont żgħir ta’ inibitur tal-ossidazzjoni mat-TFO inibit. L-inibitur jittardja l-bidu tal-ossidazzjoni tat-TFO, b’hekk itawwal il-ħajja tat-TFO u tat-transformatur. F’termini ta’ produzzjoni, rigward iż-żjut għat-trasformaturi inibiti huwa meħtieġ żejt ta’ kwalità ogħla li mhuwiex il-każ fir-rigward taż-żjut għat-trasformaturi mhux inibiti.

(16)

Il-Kummissjoni taqbel ma’ Nynas li t-TFO jikkostitwixxu suq separat minn żjut ta’ bażi u tal-ipproċessar, notevolment minħabba karatteristiċi tekniċi differenti u proċess ta’ produzzjoni differenti. It-TFO għandu karatteristiċi djalettiċi speċjali u jeħtieġ proċess ta’ raffinament speċjali, ir-rekwiżiti ewlenin tiegħu huma l-lonġevità u l-istabbiltà djalettika (jiġifieri ż-żejt irid ikun iżolatur elettriku tajjeb ħafna).

(17)

Nynas u l-Kummissjoni jaqblu li TFO mhux użat u li ġie mitlub jiġi ritornat jitqies bħala suq tal-prodotti separat, b’mod partikolari minħabba d-differenzi fil-kwalità u l-prezz. Huma jaqblu wkoll fil-fehma li aktar segmentazzjoni tas-suq tat-TFO f’TFO (i) inibit u (ii) mhux inibit ma tkunx xierqa, minħabba li s-sostituzzjoni bejn TFO inibit u mhux inibit hija kemm teknikament kif ukoll ekonomikament possibbli kemm min-naħa tal-provvista kif ukoll min-naħa tad-domanda. Il-ħajja twila tat-TFO inibit għandha influwenza fuq is-sitwazzjoni kompetittiva iżda dan ma jiġġustifikax id-definizzjoni ta’ suq separat.

(18)

Il-Kummissjoni, li hija tal-istess fehma bħal Nynas, tqis li TFO magħmul minn żjut ta’ bażi (i) nafteniċi (ii) paraffiniċi u (iii) taħlita tagħhom ma għandhomx jitqiesu bħala swieq ta’ prodotti separati. Għalkemm hemm differenza f’termini ta’ karatteristiċi kimiċi, prezz u proċess ta’ produzzjoni, teknikament kull tip ta’ prodott ta’ TFO jista’ jintuża għall-applikazzjonijiet finali kollha u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi definiti fl-istandards internazzjonali għal TFO jistgħu jintlaħqu irrispettivament min-natura paraffinika jew naftenika taż-żjut ta’ bażi użati.

B.   IS-SWIEQ ĠEOGRAFIĊI RILEVANTI

(i)   Żjut ta’ bażi u għall-ipproċessar għall-użu industrijali

(19)

Fid-Deċiżjoni Exxon/Mobil tagħha (M.1383), il-Kummissjoni sabet li s-suq ġeografiku rilevanti għaż-żjut ta’ bażi tal-Grupp I użati f’lubrikanti kien mifrux madwar iż-ŻEE meta jitqies li:

il-prezzijiet fl-Istati Uniti u fl-Asja kienu konsistentement ogħla mill-prezzijiet fiż-ŻEE u ma kinux ħolqu restrizzjoni kompetittiva,

żjut ta’ bażi għal-lubrikanti fl-Ewropa kienu jeħtieġu li jikkonformaw ma’ profili Ewropej ta’ konsum speċifiċi kif ukoll ma’ rekwiżiti taż-ŻEE, u

ma kien hemm l-ebda suq immedjat għaż-żjut ta’ bażi fiż-ŻEE b’likwidità materjali, u n-negozjanti fil-Borża ma kinux importaw żejt ta’ bażi fiż-ŻEE fis-snin preċedenti.

(20)

Nynas targumenta li l-kundizzjonijiet tas-suq sadanittant evolvew b’mod sinifikanti. Bħalissa, żjut ta’ bażi u tal-ipproċessar jiġu prodotti u nnegozjati madwar id-dinja skont standards ta’ klassifikazzjoni internazzjonali u rekwiżiti ta’ kwalità. Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ambitu ġeografiku tas-suq għaż-żjut b’bażi naftenika u għall-ipproċessar għal applikazzjonijiet industrijali huwa mifrux madwar iż-ŻEE kollha:

(a)

klijenti li jużaw żjut b’bażi naftenika u għall-ipproċessar fil-produzzjoni tagħhom fiż-ŻEE jagħżlu l-aktar fornituri bbażati fiż-ŻEE;

(b)

l-ispejjeż tat-trasport jikkostitwixxu ostaklu għall-importazzjonijiet fiż-ŻEE;

(c)

fatturi oħra minbarra l-ispejjeż tat-trasport u t-tariffi tal-importazzjoni jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet loġistiċi bħall-ħażna lokali u t-tqassim;

(d)

il-prezzijiet huma differenti bejn iż-ŻEE u l-Amerika ta’ Fuq, kif ukoll bejn iż-ŻEE u l-bqija tad-dinja. L-istudju dwar il-korrelazzjoni fil-primjums tal-prezzijiet sottomess minn Nynas ma jappoġġjax il-fehma tagħha ta’ suq ġeografiku iktar wiesgħa miż-ŻEE ladarba l-problema metodoloġika tiġi korretta;

(e)

il-kwalità ta’ żjut b’bażi naftenika u għall-ipproċessar hija differenti bejn iż-ŻEE u l-bqija tad-dinja.

(ii)   Żjut għat-trasformaturi (TFO)

(21)

Nynas hija tal-fehma li s-suq għat-TFO għandu ambitu globali għar-raġunijiet li ġejjin: (i) l-eżistenza ta’ struttura kummerċjali globali; (ii) il-prezzijiet globali; (iii) il-profili ta’ konsum u r-rekwiżiti ta’ kwalità qed ikunu dejjem aktar globalizzati, u (iv) l-armonizzazzjoni tal-istandards ambjentali globali wasslet għas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti tal-klijenti fuq bażi globali.

(22)

Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-ambitu ġeografiku tas-suq għat-TFO u għas-sotto-swieq tiegħu ta’ TFO inibit u mhux inibit huwa mifrux madwar iż-ŻEE kollha għal raġunijiet simili għal dawk imsemmijin hawn fuq fil-paragrafu (20):

(a)

parti kbira tal-klijenti takkwista t-TFO kollha jew kważi kollha fiż-ŻEE;

(b)

il-kostijiet tat-trasport jikkostitwixxu ostaklu għall-importazzjonijiet fiż-ŻEE;

(c)

l-aċċess għall-ħażna, l-affidabbiltà tal-provvista, id-differenza fir-rekwiżiti standard jew ir-reputazzjoni jikkostitwixxu ostakli oħra għall-importazzjonijiet tat-TFO fiż-ŻEE;

(d)

il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet kompetittivi huma differenti bejn iż-ŻEE u l-Amerika ta’ Fuq kif ukoll bejn iż-ŻEE u l-bqija tad-dinja;

(e)

il-kwalità tat-TFO hija differenti bejn iż-ŻEE u l-bqija tad-dinja.

C.   IL-VALUTAZZJONI KOMPETITTIVA

1.   Qafas għall-valutazzjoni tat-tranżazzjoni proposta

(23)

Fużjoni li tfixkel b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali tiegħu tiġi ddikjarata inkompatibbli mas-suq intern; l-implimentazzjoni tagħha tkun ipprojbita (2). Ma hemm l-ebda bażi għal projbizzjoni, madankollu, jekk fl-assenza tal-fużjoni, l-istruttura kompetittiva tas-suq tkun daqshekk gravi jew saħansitra agħar (3).

(24)

Għalhekk, biex tagħmel stima jekk fużjoni tfixkilx b’mod sinifikanti l-kompetizzjoni effettiva, il-Kummissjoni trid tqabbel il-kondizzjonijiet kompetittivi li jipprevalu mingħajr il-fużjoni mal-kundizzjonijiet li jirriżultaw mill-fużjoni (4).

(25)

Biex tiddetermina l-kundizzjonijiet li jipprevalu mingħajr il-fużjoni, il-Kummissjoni tista’ tqis bidliet futuri fis-suq li jistgħu raġonevolment jiġu mbassra (5).

(26)

Tista’ tkun ta’ rilevanza partikolari l-kwistjoni jekk l-assi rilevanti joħorġux mis-suq, mingħajr il-fużjoni. Meta l-assi fil-futur qrib jiġu sfurzati “l barra mis-suq jekk ma jitteħdux minn impriża oħra u fejn ma hemm l-ebda prospett ta’ bejgħ alternattiv li huwa inqas anti-kompetittiv mill-fużjoni notifikata, il-Kummissjoni tista” tikkonkludi li deterjorament tal-istruttura kompetittiva li ssegwi l-fużjoni mhix ikkawżata mill-fużjoni, peress li l-istruttura kompetittiva tas-suq fi kwalunkwe każ tiddeterjora mill-inqas bl-istess mod mingħajr il-fużjoni (6).

(27)

Huma l-partijiet li għamlu n-notifika li jridu jipprovdu fi żmien debitu l-informazzjoni rilevanti kollha meħtieġa biex juru li deterjorament tal-istruttura kompetittiva li ssegwi l-fużjoni mhijiex ikkawżata mill-fużjoni (7).

Jekk it-tranżazzjoni ma sseħħx, l-assi tar-raffinerija ta’ Harburg se jiġu sfurzati barra mis-suq jekk ma jitteħdux minn impriża oħra

(28)

L-assi tar-raffinerija ta’ Harburg kienu, bħala medja, qed jagħmlu telf matul il-perjodu [minn l-aħħar ħames (5) sal-aħħar għaxar (10) snin]. Matul l-aħħar ħames (5) sa għaxar (10) snin, in-NIBIAT aggregat tar-raffinerija kien ta’ USD [- 50 sa - 150] miljun u t-telf medju annwali ammonta għal USD [minn 0 sa - 50] miljun. Barra minn hekk, u skont l-aħħar komputazzjonijiet interni ta’ Shell, il-valur preżenti nett (“NPV”) għall-għeluq tal-assi tar-raffinerija ta’ Harburg huwa ta’ madwar USD [- 300 sa - 550] miljun, filwaqt li l-NPV biex jitkomplew jitħaddmu l-assi jkun ta’ madwar USD [- 800 sa - 1 000] miljun. Kif l-operat kontinwu jwassal għal telf doppju, huwa awto-evidenti li l-għeluq tas-sit ikun ferm aktar attraenti għal Shell.

(29)

Shell ikkomunikat pubblikament l-għeluq fin-nuqqas ta’ żvestiment ta’ Harburg. Hija spjegat ukoll l-istrateġija kummerċjali futura tagħha li tħalli s-settur industrijali taż-żejt nafteniku. Din l-istrateġija hija konformi mal-fatt li matul l-aħħar żewġ deċennji, ħafna mill-kumpaniji kbar taż-żejt ħarġu min-negozju nafteniku, filwaqt li ffukaw aktar fuq attivitajiet ta’ esplorazzjoni u ta’ produzzjoni kif ukoll fuq prodotti bażiċi bħal fjuwils. Shell ipprovdiet evidenza dokumentarja li diġà għalqet is-settur tal-fjuwils fir-raffinerija f’April 2013 u li diġà beda l-iskrappjar.

(30)

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni analizzat dokumenti interni mressqa minn Shell u ma sabet l-ebda indikazzjoni li Shell kellha pjanijiet li topera r-raffinerija ta’ Harburgfit-tul.

(31)

Fuq il-bażi tal-fatti msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-assi tar-raffinerija ta’ Harburg fil-futur qrib se jiġu sfurzati ‘l barra mis-suq jekk ma jitteħdux minn impriża oħra.

Ma hemm l-ebda bejgħ alternattiv anti-kompetittiv li huwa inqas mill-fużjoni notifikata

(32)

Qabel ma impenjat ruħha f’negozjati ma’ NYNAS rigward il-bejgħ tal-assi tar-raffinerija ta’ Harburg, Shell kienet bdiet bl-isforzi tal-ippjanar intern fi tmiem l-2008 għall-bejgħ tar-raffineriji ta’ Harburg/Heide. Madankollu, ma kien hemm l-ebda interess kredibbli mix-xerrejja li jixtru l-kumpless kollu tar-raffinerija ta’ Harburg. L-atturi speċjalizzati esprimew l-interess li jakkwistaw il-BOMP biss, li kien iħalli lil Shell b’assi tar-raffineriji tal-fjuwils mhux rekuperabbli. Wara li Shell irrealizzat li ma tkunx tista’ tbiegħ ir-raffinerija kollha ta’ Harburg, iddeċidiet li żżomm parti minnha (u li tikkonvertiha f’terminal) u li tipprova tbigħ il-parti li jifdal tagħha flimkien ma’ BOMP lil attur taż-żejt bażi speċjalizzat potenzjali. Nynas u Ergon ġew identifikati bħala l-uniċi xerrejja potenzjali bbażati fuq dan il-kunċett ta’ żvestiment. Ergon hija kumpanija bbażata fl-Istati Uniti attiva fil-produzzjoni ta’ żjut b’bażi naftenika u għall-ipproċessar, fost oħrajn. Ergon bħalissa hija l-kompetitur ewlieni ta’ Nynas fiż-ŻEE. Hija tesporta ż-żjut b’bażi naftenika u għall-ipproċessar mill-faċilità tagħha fl-Istati Uniti lejn iż-ŻEE.

(33)

Fl-20 ta’ April 2011, Shell bagħtet ittra ta’ proċess kemm lil Nynas kif ukoll lil Ergon fejn talbet offerti vinkolanti finali għall-assi sal-5 ta’ Mejju 2011. Fit-28 ta’ April 2011, Shell irċeviet e-mail mingħand Ergon fejn tispjega li, fuq il-bażi tar-riżultati tal-mudell finanzjarju tagħha, it-Tim Due Diligence kien irrakkomanda lil Kumitat Eżekuttiv ta’ Ergon biex ma jipproċedix bil-proġett. Ergon ġabret fil-qosor is-sejbiet tagħha relatati mad-Due Diligence, f’mudell finanzjarju f’April 2011, li wera li r-redditu stmat kien ħafna aktar baxx mir-rata kritika (“hurdle” rate) li hija tqis bħala aċċettabbli għal investimenti bħal dawn.

(34)

Kien hemm aktar kuntatti bejn Shell u Ergon biex jistudjaw jekk kienx hemm mod kif offerta vinkolanti setgħet titressaq lil Shell. Shell ikkomparat it-termini tal-ftehim proposti ta’ Ergon mal-kost tal-għeluq. Shell spjegat lill-Kummissjoni li t-talbiet ta’ Ergon kienu jinkludu lista’ tal-klijenti ta’ Shell ta’ żjut b’bażi naftenika u għall-ipproċessar li Shell ma kinitx lesta (u għadha mhix lesta) li ċċedi, minħabba li dan kien idgħajjef l-istrateġija Gtl tagħha, billi Shell ippjanat li ċċaqlaq lill-klijenti attwali tagħha ta’ żjut nafteniċi għal fuq il-prodotti GtL tagħha fil-ġejjieni. Kien il-valur għoli tal-lista ta’ klijenti li għamel il-valur tat-ftehim ta’ Ergon aktar għali mill-kost tal-għeluq.

(35)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni analizzat dokumenti interni sottomessi minn Ergon iżda ma sabitx dokumenti interni li jikkonfermaw l-interess kontinwu ta’ Ergon fl-akkwist ta’ Harburg.

(36)

Il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll jekk analiżi kwantitattiva tal-inċentivi ta’ Ergon biex takkwista l-assi u tal-inċentivi ta’ Shell biex tbigħ, tkunx tista tintuża biex tiġi stabbilita l-probabbiltà ta’ akkwist tal-assi tar-raffinerija ta’ Harburg minn Ergon fin-nuqqas tat-Tranżazzjoni Proposta. Madankollu, minħabba l-inċertezza tal-parametri ewlenin il-preċiżjoni tal-analiżi kwantitattiva tal-probabbiltà ta’ Ergon li takkwista lil Harbourg fin-nuqqas tat-tranżazzjoni hija baxxa. Għalhekk, l-analiżi kwantitattiva ma tistax tintuża biex b’mod affidabbli tikkonkludi jekk ikunx probabbli li Ergon tkun lesta li tixtri l-assi tar-raffinerija ta’ Harburg bi prezz (possibbilment negattiv) li Shell xorta tkun lesta li taċċetta.

L-assi ta’ Harburg inevitabbilment jinħarġu mis-suq.

(37)

F’dan il-każ it-tranżazzjoni hija ftehim dwar l-assi. Għalhekk, fin-nuqqas tat-tranżazzjoni l-assi tar-raffinerija ta’ Harburg se jiġu mġiegħla joħorġu mis-suq fil-futur qrib, peress li ma hemm l-ebda xerrej alternattiv kredibbli li jkun jista’ jikseb l-assi tar-raffinerija ta’ Harburg.

Konklużjoni

(38)

L-effetti kompetittivi tat-tranżazzjoni preżenti se jiġu vvalutati kontra xenarju alternattiv li huwa l-ħruġ tal-assi tar-raffinerija ta’ Harburg mis-swieq rilevanti.

2.   Effetti orizzontali mhux koordinati fis-suq taż-żjut b’bażi naftenika u għall-ipproċessar

(39)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li f’dan il-każ l-analiżi tal-ishma mis-suq ma tagħtix indikazzjoni preċiża tal-effetti ta’ din it-tranżazzjoni fuq is-sitwazzjoni kompetittiva fis-suq.

(40)

Wara li ssir it-tranżazzjoni Nynas ikollha sehem mis-suq kombinat fiż-ŻEE ta’ madwar 73 % fi żjut b’bażi naftenika u għall-ipproċessar fl-2012 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ volum, b’żieda ta’ [10-20 %]. Ergon tkun responsabbli għal [20-30 %]% u Calumet u Petrochina responsabbli għal biss [0-5 %] u [0-5 %] mis-suq taż-ŻEE, rispettivament.

Żjut ta’ bażi u għall-ipproċessar — Segment industrijali (volum f’kt) — Żjut nafteniċi biss

ŻEE

 

2009

2010

2011

2012

 

kt

%

kt

%

kt

%

kt

%

Nynas

[…]

[60-70 %]

[…]

[60-70 %]

[…]

[60-70 %]

[…]

[50-60 %]

Il-mira

[…]

[10-20 %]

[…]

[10-20 %]

[…]

[10-20 %]

[…]

[10-20 %]

Ergon

[…]

[10-20 %]

[…]

[10-20 %]

[…]

[10-20 %]

[…]

[20-30 %]

Calumet

[…]

[1-5 %]

[…]

[1-5 %]

[…]

[1-5 %]

[…]

[1-5 %]

PetroChina

[…]

[1-5 %]

[…]

[1-5 %]

[…]

[1-5 %]

[…]

[1-5 %]

Total

[…]

100

[…]

100

[…]

100

[…]

100

Sors: Formola CO

(41)

Taħt xenarju ta’ għeluq, Nynas tibqa’ b’kapaċità kostretta u jkollha tiddependi fuq importazzjonijiet addizzjonali għaljin jew ikollha tirrinunzja għall-bejgħ mhux fiż-ŻEE li attwalment qed issib profittabbli. Kwalunkwe waħda minn dawn iż-żewġ għażliet tirriżulta f’kost ta’ opportunità li tnaqqas l-inċentiv għall-kompetizzjoni b’mod aggressiv fiż-ŻEE. Ergon x’aktarx taqbad sehem akbar tas-suq fix-xenarju tal-għeluq meta mqabbel ma’ xenarju tal-fużjonijiet. Madankollu, iż-żieda ta’ Ergon fis-sehem tas-suq fix-xenarju tal-għeluq tkun assoċjata ma’ livell ta’ prezz ogħla minn dak li jkun jipprevali taħt it-tranżazzjoni proposta. Kif sostniet Ergon, dan iżid il-provvista mill-Istati Uniti lejn iż-ŻEE biss fil-każ ta’ żieda fil-prezzijiet fiż-ŻEE.

(42)

Fi kliem ieħor, is-sehem mis-suq ogħla li Nynas x’aktarx taqbad taħt it-tranżazzjoni proposta huwa primarjament minħabba li Nynas qed issir aktar kompetittiva meta mqabbla ma’ xenarju ta’ għeluq, u mhix assoċjata ma’ prezzijiet ogħla relattivi għal dak ix-xenarju.

Inqas kapaċità fin-nuqqas tat-tranżazzjoni nnotifikata

(43)

L-assi tar-raffinerija ta’ Harburg għandhom kapaċità ta’ madwar [150-250] ktpa u jipproduċu madwar [100-200] ktpa (8) ta’ żjut ta’ bażi naftenika u għall-ipproċessar (9). Jekk it-tranżazzjoni notifikata ma sseħħx, l-assi tar-raffinerija ta’ Harburg joħorġu mis-suq u dan ikun jirrappreżenta tnaqqis fil-kapaċità ta’ madwar [150-250] ktpa għas-suq taż-ŻEE fir-rigward taż-żjut b’bażi naftenika u għall-ipproċessar. Shell ma għandha l-ebda kapaċità ta’ produzzjoni oħra ta’ żjut ta’ bażi naftenika u għall-ipproċessar. Għalhekk, Shell ma tibqax restrizzjoni kompetittiva ladarba l-assi tar-raffinerija ta’ Harburg jingħalqu.

(44)

Nynas, l-uniku produttur ieħor taż-ŻEE ta’ żejt b’bażi naftenika u għall-ipproċessar, għandha kapaċità ristretta, li hija r-raġuni għalfejn bħalissa tiddependi fuq sorsi esterni ta’ provvista biex tissodisfa d-domanda tal-klijenti tagħha. Barra minn hekk, ma jidhirx li se jkun hemm żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni fir-raffinerija ta’ Nynäshamn. Nynas kienet qed tfittex l-opportunità sabiex il-kapaċità tagħha tiġi ggarantita u tiżdied. Il-biċċa l-kbira tal-alternattivi meqjusa kienu jinkludu proġetti barra ż-ŻEE. Ġie kkunsidrat proġett alternattiv wieħed fiż-ŻEE. Madankollu, il-proġett ġie rrifjutat minn mill-Bord tad-Diretturi ta’ Nynas fl-2007, ħafna qabel ma l-assi tar-raffinerija ta’ Harburg kienu għall-bejgħ. Ir-raġuni prinċipali wara dan ir-rifjut kienet li l-investimenti kkuntemplati tqiesu bħala wisq għolja meta mqabbla mal-profittabbiltà mistennija.

(45)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkunsidra li n-nuqqas ta’ tranżazzjoni notifikata twassal għal tnaqqis relattivament sinifikanti fil-kapaċità tal-provvista fis-suq taż-ŻEE għaż-żjut b’bażi naftenika u għall-ipproċessar, li għandu mnejn iwassal għal żieda fil-prezzijiet. Din il-konklużjoni hija valida anki fin-nuqqas ta’ kwalunkwe espansjoni tal-assi tar-raffinerija ta’ Harburg minn Nynas taħt it-tranżazzjoni notifikata, jiġifieri anki jekk Nynas ma kenitx se tkompli tespandi l-kapaċità tal-Assi ta’ Harburg.

(46)

Barra minn hekk, it-tranżazzjoni toħloq effiċjenzi sinifikanti, kif spjegat hawn taħt.

It-tranżazzjoni twassal għal żieda fil-kapaċità ta’ Harburg u b’hekk jonqsu l-prezzijiet

(47)

It-tranżazzjoni tirriżulta f’żieda verifikabbli fil-kapaċità ta’ madwar 160 ktpa fiż-ŻEE li twassal għall-iffrankar tal-ispejjeż verifikabbli għal Nynas fir-rigward tal-volumi sinifikanti ta’ bejgħ. Il-Kummissjoni kkalkulat, abbażi tal-evidenza pprovduta minn Nynas, li Nynas jkollha tnaqqis tal-ispejjeż varjabbli effettivi tagħha għal bejgħ fiż-ŻEE inkrementali ta’ madwar [20-30 %]%. Il-Kummissjoni għalhekk tirrikonoxxi li volumi sinifikanti li normalment jiġu akkwistati bi prezz ogħla minn tranżazzjonijiet immedjati minn partijiet terzi jistgħu jiġu sostitwiti permezz ta’ produzzjoni orħos fiż-ŻEE minħabba fit-tranżazzjoni proposta.

(48)

Peress li Nynas ma tistax tirrealizza l-iffrankar tal-ispejjeż deskritti hawn fuq permezz ta’ mezzi oħra għajr it-tranżazzjoni, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-iffrankar tal-ispejjeż huma speċifiċi għall-fużjonijiet. Barra minn hekk, l-iffrankar tal-ispejjeż ta’ Nynas x’aktarx ikun rifless fil-prezzijiet tagħha. It-Tranżazzjoni għalhekk tkun ta’ benefiċċju għall-konsumaturi, peress li Nynas se jkollha l-inċentivi biex parzjalment tgħaddi l-iffrankar tal-ispejjeż lill-konsumaturi, li jwassal għal prezzijiet aktar baxxi relattivi għal-livelli li jkunu jipprevalu fin-nuqqas tat-tranżazzjoni.

Konklużjoni

(49)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tranżazzjoni proposta mhux biss tippreserva l-kapaċità ta’ produzzjoni eżistenti fl-assi tar-raffinerija ta’ Harburg iżda żżid ukoll iktar kapaċità minħabba l-espansjoni verifikabbli. Shell ma tibqax tidher fis-suq nafteniku indipendentement mit-tranżazzjoni proposta. Nynas tista’ tuża l-kapaċità addizzjonali biex tissostitwixxi l-importazzjonijiet bl-ispejjeż varjabbli għolja bil-produzzjoni tagħha stess fl-assi tar-raffinerija ta’ Harburg li tinvolvi inqas spejjeż varjabbli. Għalhekk għandha inċentivi għoljin biex tuża l-kapaċità addizzjonali. Bħala riżultat tat-tranżazzjoni proposta, se tkun disponibbli aktar kapaċità sfis-suq taż-ŻEE bi spejjeż varjabbli aktar baxxi. Dan probabbilment se jkollu effett pożittiv fuq il-prezzijiet taż-ŻEE relattivi għax-xenarju fin-nuqqas tal-konċentrazzjoni.

3.   Effetti mhux koordinati orizzontali fis-suq għat-TFO

(50)

Wara li ssir it-tranżazzjoni Nynas ikollha sehem mis-suq kombinat fiż-ŻEE ta’ [50-60 %]% f’termini ta’ volum fl-2012 b’żieda ta’ [5-10 %]%.

Tabella TFO (2012)

Volum ta’ TFO (ktons) u sehem mis-suq (%)

 

2009

2010

2011

2012

 

kt

%

kt

%

kt

%

kt

%

Nynas

(…)

[50-60 %]

(…)

[50-60 %]

(…)

[40-50 %]

(…)

[50-60 %]

Raffinerija Shell Harburg

(…)

[10-20 %]

(…)

[10-20 %]

(…)

[10-20 %]

(…)

[5-10 %]

Ergon

(…)

[10-20 %]

(…)

[10-20 %]

(…)

[10-20 %]

(…)

[10-20 %]

Repsol

(…)

[5-10 %]

(…)

[5-10 %]

(…)

[5-10 %]

(…)

[5-10 %]

Apar

(…)

[0-5 %]

(…)

[0-5 %]

(…)

[5-10 %]

(…)

[0-5 %]

Rosneft (Angarsk)

(…)

[0-5 %]

(…)

[0-5 %]

(…)

[0-5 %]

(…)

[0-5 %]

Savita

(…)

[0-5 %]

(…)

[0-5 %]

(…)

[0-5 %]

(…)

[0-5 %]

Oħrajn

(…)

[0-5 %]

(…)

[0-5 %]

(…)

[0-5 %]

(…)

[5-10 %]

Totali

(…)

100

(…)

100

(…)

100

(…)

100

Sors: Nynas

(51)

Ergon tammonta għal sehem mis-suq ta’ [20-30 %]% f’termini ta’ volum fl-2012 skont Nynas. Se jibqgħu fis-suq ukoll atturi oħra għat-TFO wara li ssir it-tranżazzjoni, jiġifieri: Repsol, Apar, Rosneft u Savita.

(52)

Shell ma bigħetx il-lista ta’ klijenti tat-TFO lil Nynas, billi beħsiebha tikkonvinċi lill-klijenti tagħha jissostitwixxu t-TFO nafteniku b’alternattivi ta’ GtL prodotti minn Shell fil-Qatar.

(53)

Il-Kummissjoni tqis li Nynas ta’ wara t-tranżazzjoni probabbilment tikseb il-parti l-kbira tas-sehem mis-suq ta’ TFO ta’ Shell minħabba ż-żieda fil-kompetittività tagħha. Fix-xenarju tal-għeluq alternattiv, hija inqas ċara l-kwistjoni dwar min se jkun iforni l-klijenti preċedenti ta’ Shell, billi Nynas se tibqa’ kostretta fil-kapaċità tagħha. Sabiex taqdi l-bejgħ inkrementali, Nynas se jkollha tkompli tiddependi minn volumi ta’ importazzjonijiet addizzjonali għaljin jew ikollha ċċedi l-bejgħ mhux fiż-ŻEE li attwalment qed issib profittabbli, biex b’hekk jitnaqqas l-inċentiv li tikkompeti b’mod aggressiv fiż-ŻEE.

(54)

Ergon, min-naħa l-oħra, għandha kapaċità żejda f’Vicksburg, u se tkompli tuża l-kapaċità tagħha biex iżżid il-provvisti lill-klijenti taż-ŻEE. Ergon speċifikat li fil-każ ta’ żieda fil-prezzijiet fiż-ŻEE, hija tista’ tipprovdi żieda minn 30 kt fis-sena sa 50 kt fis-sena liż-ŻEE.

(55)

Għalhekk, huwa probabbli li Ergon tikseb sehem ogħla mis-suq fix-xenarju tal-għeluq meta mqabbel ma’ xenarju tal-fużjonijiet. Madankollu, dan ikun iseħħ mingħajr ir-restrizzjoni kompetittiva min-naħa ta’ Harburg. Bl-istess mod, Nynas tkun kostretta milli tikkompeti b’mod aggressiv billi l-abbiltà tagħha li tespandi l-produzzjoni bi prezzijiet kompetittivi tkun limitata. Konsegwentement, Ergon tista’ żżid is-sehem mis-suq tagħha fix-xenarju tal-għeluq b’livell ta’ prezzijiet ogħla, meta mqabbel mat-tranżazzjoni proposta.

Konklużjoni

(56)

It-tranżazzjoni proposta x’aktarx li twassal għal ishma mis-suq ogħla għall-entità li tirriżulta mill-fużjoni aktar milli l-għeluq. Madankollu, is-sehem mis-suq ogħla ta’ Nynas ma jindikax effetti antikompetittivi tat-tranżazzjoni proposta, relattivi għax-xenarju tal-għeluq, minħabba ċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ dan il-każ. B’mod partikolari, it-tranżazzjoni proposta se tippreserva l-kapaċità ta’ produzzjoni eżistenti fl-assi tar-raffinerija ta’ Harburg u se żżid aktar kapaċità bħala riżultat tal-espansjoni verifikabbli. Jekk it-tranżazzjoni ma sseħħx, din il-kapaċità ta’ produzzjoni tintilef billi Shell tkun ħarġet mis-suq. Ukoll, bħal fil-każ taż-żjut ta’ bażi, il-kapaċità addizzjonali se tkun disponibbli fis-suq taż-ŻEE bi spejjeż varjabbli aktar baxxi. Dan probabbilment se jkollu effett pożittiv fuq il-prezzijiet taż-ŻEE relattivi għax-xenarju fin-nuqqas tal-konċentrazzjoni.

4.   L-effetti koordinati orizzontali fis-suq għaż-żjut b’bażi naftenika u għall-ipproċessar u fis-suq għat-TFO

(57)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-tranżazzjoni proposta wkoll x’aktarx li ma twassalx għal impediment sinifikanti għall-kompetizzjoni effettiva fis-swieq taż-żjut b’bażi naftenika u għall-ipproċessar u tat-TFO minħabba l-effetti koordinati. Shell mhux se tibqa’ attiva f’dawn is-swieq fin-nuqqas tat-tranżazzjoni. It-tranżazzjoni għalhekk ma tbiddilx b’mod sinifikanti l-istruttura tas-suq. Barra minn hekk, jeħtieġ li ż-żjut b’bażi naftenika u għall-ipproċessar jiġu ttestjati u kkwalifikati minn kull klijent għal kull applikazzjoni finali. Fuq din il-bażi, mhuwiex probabbli li jinħolqu effetti koordinati minħabba t-tranżazzjoni.

5.   Effetti mhux koordinati

(58)

Il-Kummissjoni hija tal-fehma li mhuwiex probabbli li t-tranżazzjoni proposta twassal għal tfixkil sinifikanti fil-kompetizzjoni effettiva bħala riżultat tar-rabta vertikali bejn l-attivitajiet tal-partijiet fis-swieq għaż-żejt ta’ bażi naftenika u t-TFO. It-tranżazzjoni x’aktarx li ma twassalx għal esklużjoni mid-dħul fis-suq billi l-partijiet ma jipprovdux żjut ta’ bażi lil partijiet terzi fiż-ŻEE u l-parti l-kbira tal-produtturi terzi tat-TFO jkollhom il-produzzjoni taż-żejt bazi tagħhom stess. L-esklużjoni tal-konsumaturi hija wkoll improbabbli li sseħħ billi l-Partijiet jixtru biss minn 5 % sa 7 % tal-ħtiġijiet tagħhom ta’ żjut b’ bażi naftenika minn partijiet terzi.

V.   KONKLUŻJONI

(59)

Mingħajr il-konċentrazzjoni proposta, il-probabbiltà kbira hi li l-assi tar-raffinerija ta’ Harburg joħorġu mis-suq, li jkun ħafna agħar għall-istruttura kompetittiva tas-swieq rilevanti mill-effetti prevedibbli tal-konċentrazzjoni.

(60)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-konċentrazzjoni mhijiex se tfixkel b’mod sinifikattiv il-kompetizzjoni effettiva u trid tiġi dikjarata kompatibbli mas-suq intern u mat-tħaddim tal-Ftehim ŻEE skont l-Artikoli 2(2) u 8(1) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u l-Artikolu 57 tal-Ftehim ŻEE.


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(2)  L-Artikoli 2(3), 8(3) u 14(2)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet.

(3)  Ara, għal dan l-għan, il-Każi Konġunti C68/94 u C30/95 Franza u Oħrajn v il-Kummissjoni [1998] ECR I1375, “Kali & Salz”, il-paragrafi minn 109 sa 124. Ara wkoll il-punt 89 tal-Linji Gwida dwar Fużjonijiet Orizzontali.

(4)  Linji Gwida dwar Fużjonijiet Orizzontali, il-punt 9.

(5)  Ara n-nota f’qiegħ il-paġna 4.

(6)  Ara, għal dan l-għan, il-punti 89 u 90 tal-Linji Gwida dwar Fużjonijiet Orizzontali.

(7)  Il-punt 91 tal-Linji Gwida dwar Fużjonijiet Orizzontali.

(8)  Kilotons fis-sena.

(9)  Il-Formola CO il-Paragrafu 167 u t-Tabella 762.