4.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 350/11


Avviż ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ ċerti fojls tal-aluminju li joriġinaw fil-Brażil u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina

(2014/C 350/09)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ Avviż ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri antidumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti fojls tal-aluminju li joriġinaw fil-Brażil u fir-Repubbika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiżi kkonċernati”), il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) rċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (2) (“ir-Regolament Bażiku”).

1.   Talba għal rieżami

It-talba ġiet ippreżentata fit-30 ta’ Ġunju 2014 minn AFM Aluminiumfolie Merseburg, Alcomet AD, Eurofoil Lussemburgu S.A., Hydro Aluminium Rolled Products GmbH, Impold.o.o. u Symetal S.A. (“l-applikanti”) f’isem produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ ċerti fojls tal-aluminju.

2.   Il-prodott rieżaminat

Il-prodott suġġett għal din ir-reviżjoni huwa fojl tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0,008 mm u mhux aktar minn 0,018 mm, mingħajr it-tieni folja, mhux maħdum aktar milli rrumblat, f’rombli ta’ wisgħa ta’ mhux aktar minn 650 mm u ta’ piż ta’ aktar minn 10 kg (“il-prodott taħt rieżami”), li joriġinaw fil-Brażil u fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, li attwalment jaqgħu fi ħdan il-kodiċi NM ex 7607 11 19.

3.   Miżuri eżistenti

Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/2009 (3).

4.   Raġunijiet għar-rieżami

It-talba hija msejsa fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri x’aktarx twassal għat-tkomplija jew ir-rikorrenza ta’ dumping u għat-tkomplija jew ir-rikorrenza ta’ dannu għall-industrija tal-Unjoni.

4.1    Allegazzjoni dwar il-probabbiltà tat-tkomplija/rikorrenza tad-dumping

Il-Brażil

Peress li l-applikanti ma setgħux jiksbu evidenza dwar il-prezzijiet domestiċi għall-Brażil, il-valur normali huwa mibni fuq il-bażi tal-ispejjeż tal-manifattura, l-ispejjeż tal-bejgħ, dawk ġenerali u amministrattivi (SG&A) u l-profitt fil-Brażil. Fid-dawl tas-sitwazzjoni attwali ta’ assenza virtwali ta’ volumi ta’ importazzjonijiet mill-Brażil lejn l-Unjoni, il-prezz tal-esportazzjoni huwa stabbilit fuq il-bażi tal-prezz tal-prodott taħt rieżami meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Istati Uniti tal-Amerika fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. Il-paragun tal-valur normali maħdum mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott taħt rieżami wera li kien hemm dumping.

Abbażi tat-tqabbil ta’ hawn fuq, l-applikanti jallegaw li x’aktarx hemm rikorrenza ta’ dumping min-naħa tal-Brażil.

Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

Billi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina titqies bħala pajjiż li l-ekonomija tiegħu mhijiex waħda tas-suq, l-applikanti stabbilixxew valur normali għall-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina fuq il-bażi tal-valur normali maħdum (l-ispejjeż tal-manifattura, l-ispejjeż tal-bejgħ, dawk ġenerali u amministrattivi (l-“SG&A”) u l-profitt) f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq, f’dal-każ it-Turkija. L-allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ tkomplija ta’ dumping hija msejsa fuq tqabbil tal-valur normali stabbilit b’dan il-mod mal-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika) tal-prodott li qed jiġi investigat meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni.

Abbażi tat-tqabbil ta’ hawn fuq, li juri li d-dumping qed iseħħ, l-applikanti jallegaw li x’aktarx ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina qed tkompli tagħmel dumping.

4.2    L-allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ tkomplija/rikorrenza tal-ħsara

L-applikanti pprovdew evidenza prima facie għal probabbiltà ta’ rikorrenza tad-dannu fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-Brażil u fl-istess ħin il-probabbiltà ta’ tkomplija tal-ħsara fir-rigward tal-importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

Il-Brażil

L-applikanti jallegaw li d-dannu tneħħa u dan huwa prinċipalment minħabba l-eżistenza ta’ miżuri. Huma allegaw li kull rikorrenza ta’ importazzjonijiet sostanzjali bi prezzijiet ta’ dumping mill-Brażil x’aktarx twassal għal rikorrenza ta’ ħsara lill-industrija tal-Unjoni jekk il-miżuri jitħallew jiskadu.

L-applikanti pprovdew evidenza prima facie li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali ta’ importazzjoni tal-prodott rieżaminat mill-Brażil lejn l-Unjoni x’aktarx li jiżdied minħabba l-potenzjal tal-faċilitajiet ta’ manifattura tal-produtturi esportaturi fil-Brażil u l-attrazzjoni tas-suq tal-Unjoni f’termini tal-livell ta’ prezz. Dan iwassal għal ripetizzjoni tal-ħsara.

Ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

L-applikanti jallegaw li d-dannu lill-industrija tal-Unjoni għadu jeżisti. Huma pprovdew evidenza prima facie li l-importazzjonijiet tal-prodott rieżaminat mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina lejn l-Unjoni baqgħu sinifikanti f’termini assoluti.

L-evidenza prima facie turi wkoll li l-volum u l-prezzijiet tal-prodott rieżaminat kellhom, fost konsegwenzi oħrajn, impatt negattiv fuq il-kwantitajiet mibjugħa u l-livelli tal-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni, bir-riżultat li kien hemm effetti negattivi sostanzjali fuq il-prestazzjoni globali, is-sitwazzjoni finanzjarja u s-sitwazzjoni tal-impjiegi tal-industrija tal-Unjoni.

L-applikanti jallegaw il-probabbiltà ta’ tkomplija tal-ħsara. F’dan ir-rigward, l-applikanti pprovdew evidenza li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali ta’ importazzjoni tal-prodott rieżaminat mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina lejn l-Unjoni x’aktarx li jiżdied minħabba l-potenzjal tal-faċilitajiet ta’ manifattura tal-produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-attrazzjoni tas-suq tal-Unjoni f’termini ta’ livell ta’ prezz.

Barra minn hekk, l-applikanti jallegaw li kull żieda sostanzjali ulterjuri ta’ importazzjonijiet bi prezzijiet li huma l-oġġett ta’ dumping mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina aktarx li jikkawżaw aktar ħsara lill-industrija tal-Unjoni, jekk dawn il-miżuri jitħallew jiskadu.

5.   Proċedura

Wara li ġie ddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, li teżisti biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

Ir-rieżami ta’ skadenza se jiddetermina jekk ikunx probabbli li l-iskadenza tal-miżuri twassal għal tkomplija jew rikorrenza ta’ dumping tal-prodott li qed jiġi rieżaminat li joriġina fil-Brażil u r-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiżi kkonċernati”) kif ukoll għal tkomplija jew rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.

5.1    Il-proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ tkomplija jew ta’ rikorrenza ta’ dumping

5.1.1.   L-investigazzjoni tal-produtturi esportaturi

Il-produtturi esportaturi (4) tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiżi kkonċernati, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

5.1.1.1.   Il-proċedura biex jingħażlu produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina

Kampjunar

Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ produtturi esportaturi fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina li huma involuti f’dan ir-rieżami tal-iskadenza, u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li għandhom jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjonijiet li wasslu għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, huma hawnhekk mitluba jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness I ta’ dan l-Avviż.

Sabiex tikseb it-tagħrif li jidhrilha li huwa meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tar-Repubblika Poplari taċ-Ċina u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina jekk ikun xieraq, dwar liema huma l-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li teħtieġ għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħżula għall-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu parti mill-kampjun, kull assoċjazzjoni ta’ produtturi esportaturi magħrufa u l-awtoritajiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina se jkollhom jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu qed jikkooperaw (“il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun”).

5.1.1.2.   Proċedura għall-għażla tal-produtturi esportaturi li se jiġu investigati fil-Brażil

Il-produtturi esportaturi u l-assoċjazzjonijiet kollha ta’ produtturi esportaturi fil-Brażil huma mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni minnufih, preferibbilment bil-posta elettronika, iżda sa mhux iktar tard minn 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, sabiex jippreżentaw lilhom infushom u jitolbu kwestjonarju.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi magħrufa fil-Brażil, lil kwalunkwe assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-Brażil.

Il-produtturi esportaturi, fejn applikabbli, l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi esportaturi u l-awtoritajiet tal-Brażil iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.1.2.   Proċedura addizzjonali marbuta mal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li ma għandux ekonomija tas-suq

L-għażla ta’ pajjiż terz b’ekonomija tas-suq

F’konformità mal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-valur normali se jiġi ddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur mibni f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq.

Fl-investigazzjoni preċedenti, it-Turkija ntużat bħala pajjiż terz b’ekonomija tas-suq bil-għan li jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina. Għall-fini ta’ din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni tipprevedi li terġa’ tuża t-Turkija. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkummentaw dwar kemm hi xierqa din l-għażla fi żmien 10 ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni, fornituri oħrajn tal-Unjoni b’ekonomija tas-suq jistgħu jinsabu fost l-oħrajn fir-Russja. Il-Kummissjoni se teżamina jekk hemmx produzzjoni u bejgħ tal-prodott rieżaminat f’dawk il-pajjiżi terzi b’ekonomija tas-suq li fir-rigward tagħhom hemm indikazzjonijiet li l-produzzjoni tal-prodott rieżaminat qed isseħħ.

5.1.3.   L-investigazzjoni ta’ importaturi mhux relatati  (5)  (6)

Importaturi mhux relatati tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiżi kkonċernati lejn l-Unjoni huma mistiedna li jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.

Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita għal għadd raġonevoli l-importaturi mhux relatati li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness II ta’ dan l-Avviż.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Jekk ikun meħtieġ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu fuq il-bażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ fl-Unjoni tal-prodott li qed jiġi rieżaminat, li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula li se jkunu fil-kampjun.

Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.2    Proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ tkomplija jew rikorrenza ta’ ħsara - Investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni

Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà ta’ tkomplija jew rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott li qed jiġi rieżaminat huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

Minħabba li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex ittemm l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar isir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li huwa għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni billi jużaw id-dettalji ta’ kuntatt mogħtija fit-taqsima 5.6 hawn taħt). Produtturi oħrajn tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi l-produtturi tal-Unjoni li ma kkooperawx fl-investigazzjoni(jiet) li wasslu għall-miżuri fis-seħħ, li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom ikunu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

Il-produtturi tal-Unjoni u/jew l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar liema kumpaniji jkunu finalment intgħażlu biex jiġu inklużi fil-kampjun.

Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.

5.3.    Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni

Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà tat-tkomplija jew rikorrenza tad-dumping u l-ħsara, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data ta’ pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi jridu juru, fl-istess limitu ta’ żmien, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi rieżaminat.

Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom qabel il-limitu ta’ żmien ta’ hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata jew f’format ħieles inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. F’kull każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 21 se titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.

5.4.    Sottomissjonijiet oħra bil-miktub

Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Avviż, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna biex juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

5.5.    Possibilità ta’ seduta ta’ smigħ mas-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni

Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jkollhom seduta ta’ smigħ mas-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kwalunkwe talba għal seduta ta’ smigħ għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għas-seduti dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikażzzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal seduta ta’ smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

5.6.    Istruzzjonijiet biex isiru sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu kwestjonarji mimlija u korrispondenza

Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan l-Avviż, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali jkunu mmarkati bħala “Ristretti” (7).

Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li se jiġu mmarkati bil-kliem “Għal konsultazzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji jridu jkunu dettaljati biżżejjed sabiex is-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u tal-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.

Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi prokuri u dokumenti ta’ ċertifikazzjoni skenjati, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li jiġu ppreżentati fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta’ ittra rreġistrata. Meta jużaw il-posta elettronika, il-partijiet interessati jkunu qed jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDENCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” (korrispondenza mal-Kummissjoni Ewropea f’każijiet relatati mad-difiża tal-kumerċ) ippubblikat fuq il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz tal-posta elettronika validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut ikun indirizz elettroniku tan-negozju uffiċjali li jiffunzjona u li jiġi kkonsultat kuljum. Ladarba d-dettalji ta’ kuntatt huma stabbiliti, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm ma jkunx hemm talba li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni għandhom jintbagħtu permezz ta’ mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma tkunx titlob l-użu ta’ posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.

L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: CHAR 04/039

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË

Posta Elettronika:

TRADE-ALUFOIL-R607-DUMPING@ec.europa.eu

TRADE-ALUFOIL-R607-INJURY@ec.europa.eu

6.   In-nuqqas ta’ kooperazzjoni

F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta li tagħti aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta’ żmien stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet, sew jekk pożittivi sew jekk negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.

Jekk jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, u jista’ jagħti l-każ li jintużaw il-fatti disponibbli.

Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss, u r-riżultati jkunu għalhekk imsejsa fuq fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.

In-nuqqas ta’ tweġiba kompjuterizzata ma jitqiesx bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, bil-kundizzjoni li l-parti interessata turi li jekk tippreżenta t-tweġiba kif mitlub jinħoloq piż żejjed mhux raġonevoli jew kostijiet żejda mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tikkuntattja l-Kummissjoni immedjatament.

7.   Uffiċjal tas-seduta

Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jagħmilha ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jirrevedi t-talbiet għall-aċċess tal-fajl, it-tilwim dwar il-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti taż-żmien u t-talbiet minn partijiet terzi biex jinstemgħu. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b’mod sħiħ.

Talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għas-seduti dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikażzzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal seduta ta’ smigħ trid titressaq fil-limiti ta’ żmien speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.

L-Uffiċjal tas-Seduta jagħti wkoll opportunitajiet biex issir seduta ta’ smigħ li tinvolvi lill-partijiet u li tippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, il-probabbiltà li jissoktaw jew jerġgħu jseħħu d-dumping u l-ħsara, u l-interess tal-Unjoni.

Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni elettroniċi tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit elettroniku tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/degucht/contact/hearing-officer/

8.   Skeda tal-investigazzjoni

L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

9.   Possibbiltà li jintalab rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku

Billi dan ir-rieżami ta’ skadenza jingħata bidu f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda biex dawn il-miżuri jitħassru jew jinżammu skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.

Jekk xi parti interessata tqis li jkun iġġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

Il-partijiet li jixtiequ jitolbu għal rieżami ta’ dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’dan l-Avviż, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.

10.   Proċessar ta’ dejta personali

Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dak id-dejta (8).


(1)  Avviż ta’ skadenza imminenti ta’ ċerti miżuri ta’ antidumping (2014/C 49/07) (ĠU C 49, 21.2.2014, p. 7).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (verżjoni kkodifikata) (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51).

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/2009 tal-24 ta’ Settembru 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mill-Armenja, mill-Brażil u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 262, 6.10.2009, p. 1).

(4)  Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiżi kkonċernati li tipproduċi u tesporta l-prodott rieżaminat lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott rieżaminat.

(5)  Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. Importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-nota f’qiegħ il-paġna 5 fl-Anness I jew in-nota f’qiegħ il-paġna 8 fl-Anness II.

(6)  Id-dejta mogħtija minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll biex jiġu eżaminati aspetti ta’ din l-investigazzjoni, apparti d-determinazzjoni tad-dumping.

(7)  Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Antidumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(8)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.


ANNESS I

Image Image

ANNESS II

Image Image