3.10.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 347/18


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2014/C 347/09)

Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 9

“AGLIO BIANCO POLESANO”

Nru tal-KE: IT-PDO-0105-01163 – 3.10.2013

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Intestatura tal-ispeċifikazzjoni affettwata mill-emenda

    Isem il-prodott

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Żona ġeografika

    Prova tal-oriġini

    Metodu ta’ produzzjoni

    Rabta

    Tikkettar

    Rekwiżiti nazzjonali

    Oħrajn: Ippakkjar – Referenza Ġuridika Aġġornata

2.   Tip ta’ emenda

    Emenda tad-dokument uniku jew tas-sommarju

    Emenda tal-ispeċifikazzjoni tad-DPO jew l-IĠP rreġistrata li għaliha ma ġie ppubblikat l-ebda dokument uniku jew sommarju.

    Emenda tal-ispeċifikazzjoni li ma teħtieġ l-ebda emenda tad-dokument uniku ppublikat (Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    Emenda temporanja tal-ispeċifikazzjoni li tirriżulta minn miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji imposti mill-awtoritajiet pubbliċi (Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

3.   Emenda/i

Deskrizzjoni tal-prodott

Wara l-abrogazzjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tat-tewm, ir-referenza tal-Artikolu 2 tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għall-“istandards tal-kwalità” tħassret. Ir-rekwiżiti fir-rigward tad-daqs ma nbidlux.

Ġew introdotti żewġ tipi tradizzjonali ta’ preżentazzjoni tal-prodott: il-qfief żgħar (canestrini) u l-bukkett (mazzo). Il-qoffa żgħira tirrappreżenta manifattura tradizzjonali li hija popolari ħafna fost il-konsumaturi minħabba l-aspett pjaċevoli u l-prattiċità u d-daqs u l-piż limitati tagħha; il-bukkett huwa frott ta’ manifattura primarja fuq il-post u huwa adattat kemm għal bejgħ dirett, kif ukol għal bejgħ “self service” lill-konsumatur li jkun jista’ jixtri l-ammont ta’ basal li jixtieq.

Metodu ta’ produzzjoni

Ġiet introdotta l-possibbiltà ta’ tnixxif tal-prodott permezz ta’ ventilazzjoni b’arja sħuna li ttejjeb it-tnixxif u l-kwalità tal-prodott. Din il-prassi kienet diġà teżisti qabel ma ġiet irreġistrata d-demoninazzjoni u l-produtturi jixtiequ li din tkun inkluża fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott tal-“Aglio Bianco Polesano” biex tkun tista’ tintuża meta l-kundizzjonijiet ambjentali ma jkunux jippermettu tnixxif naturali ideali tal-prodott.

Minħabba ħtiġijiet kummerċjali, il-perjodu ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-prodott miġbur is-sena preċedenti ġie estiż; dan sabiex il-produtturi jkollhom inqas riskju ta’ “lakuni” fil-provvista lill-klijenti. Dan it-tibdil ma jaffettwax il-karatteristiċi tal-prodott, minħabba li dan għandu preżervazzjoni tajba, li tiġi żgurata ulterjorment minn ħażna mkessħa.

Fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott ġie indikat li l-ħażna mkessħa hija permessa. Din l-operazzjoni qatt ma kienet pprojbita fl-ispeċifikazzjoni tal-prodott u normalment tkun prattikata biex jinżammu l-karatteristiċi tal-prodott fil-fażi ta’ ħżin.

Tikkettar

Ġew stabbiliti regoli dwar it-tikkettar għat-tipi tal-qoffa żgħira u l-bukkett.

Biex id-dokument uniku jinżamm fil-qosor, tqies xieraq li jitneħħew id-deskrizzjoni tal-logo tal-prodott u r-riferimenti tekniċi marbuta mar-riproduzzjoni tiegħu. Il-logo tal-prodott eżistenti ma jinbidilx minn kif jidher fid-dokument uniku ppubblikat fuq il-Ġurnal Uffiċjali C104 tas-6 ta’ Mejju 2009, p. 16.

Ippakkjar

Ġew stabbiliti regoli dwar l-ippakkjar tal-qfief żgħar u tal-bukkett.

L-ippakkjar tal-prodott tat-tip f’“boroż” u “pakketti” jista’ isir barra miż-żona tal-produzzjoni, filwaqt li tipi oħra għandhom isiru ġewwa ż-żona tal-produzzjoni tal-Aglio Bianco Polesano DPO. L-ippakkajr tat-tipi: faxx (treccia), faxex kbar (treccione), għenieqed (grappolo), għenieqed kbar (grappolone) u qfief żgħar (canestrino) isiru biss bl-idejn u jiġu mill-kreattività żviluppata matul is-snin mill-produtturi u dawk li jippakkjaw fiż-żona tal-produzzjoni tal-Aglio Bianco Polesano.

Fil-pakkett fil-faxx naqas l-ammont minimu ta’ basal, minn 8 għal 5, u l-piż relattiv sabiex jintlaħqu l-ħtieġijiet tal-konsumaturi li jippreferu pakketti b’doża waħda jew bi ftit porzjonijiet.

Huwa previst li jinbidel il-lewn tal-boroż tax-xibka għall-ippakkjar tal-Aglio Bianco Polesano minn “abjad” għal “ċar”. Din il-bidla tqies il-varjazzjonijiet żgħar li jistgħu jsiru fil-imħażen.

Il-paragrafu dwar l-imballaġġ u l-ippakkjar ġie ssemplifikat sabiex dawk li jippakkjaw ikunu jistgħu jkollhom firxa vasta ta’ materjali minn fejn jagħżlu, biex dawn ikunu preparati f’każ ta’ ħtieġijiet speċifiki għal preżentazzjoni tal-prodott jew il-wiri tiegħu fil-punti tal-bejgħ.

Referenza ġuridika aġġornata

Ir-referenzi ġuridiċi ġew aġġornati.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (3)

“AGLIO BIANCO POLESANO”

Nru tal-KE: IT-PDO-0105-01163 – 3.10.2013

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   L-isem

“Aglio Bianco Polesano”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

L-Italja

3.   Id-deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.6 – Frott, ħaxix u ċereali friski u pproċessati

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1

L-Aglio Bianco Polesano jinbiegħ f’forma niexfa. Dan it-tewm jinkiseb minn ekotipi lokali u mill-varjetà Avorio li tintgħażel mill-istess ekotipi.

It-tewma għandha basla tonda regolari kemmxejn ċatta fil-qiegħ, u ta’ kulur abjad ileqq. Il-basla hija magħmula minn għadd ta’ sinniet varjabbli magħqudin sew bejniethom bit-tondjatura karatteristika min-naħa ta’ barra. Is-sinniet li jagħmlu l-basla għandhom ikunu perfettament maġenb xulxin. Il-qoxra ta’ madwarhom hija ta’ lewn roża li jvarja fl-intensità tiegħu fuq il-parti konkava tagħha u ta’ lewn abjad fuq il-parti konvessa.

Ladarba jitnixxef għall-konservazzjoni, l-Aglio Bianco Polesana huwa kompost minn 35 % ta’ materja niexfa u talanqas 20 % ta’ karboidrati. Barra minn hekk, il-basliet friski fihom żjut essenzjali b’bażi ta’ kubrit u komposti volatili tal-kubrit li jagħtu lil dan it-tip ta’ tewm ir-riħa qawwija u karatteristika tiegħu.

Għat-tqegħid fis-suq, l-Aglio Bianco Polesano għandu jkollu r-rekwiżiti tad-daqs li ġejjin:

“Extra” daqs minimu ta’ 45 mm.

“Prima” daqs minimu ta’ 30 mm.

L-Aglio Bianco Polesano jitqiegħed fis-suq fil-forma tradizzjonali fi qfief żgħar (trizza li sservi bħala manku żgħir b’millinqas tliet basal), faxex, faxex kbar, għenieqed u għenieqed kbar, f’pakketti b’xibka, boroż jew f’bukketti.

3.3.   Il-materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

3.5.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

Il-fażijiet speċifiċi tal-produzzjoni li iridu jsiru fiż-żona tal-produzzjoni huma: il-produzzjoni tal-materjal għaż-żrigħ, il-koltivazzjoni tat-tewm, it-tnixxif u l-manifattura tradizzjonali. It-teknika tal-produzzjoni hija kkaraterizzata mill-ksib tas-sinniet għaż-żrigħ, minħabba li r-riproduzzjoni ssir permezz ta’ propagazzjoni veġetattiva. Il-produtturi jagħżlu bl-idejn l-ammont tal-prodott meħtieġ għall-produzzjoni taż-“żerriegħa”.

Iċ-ċiklu tal-koltivazzjoni huwa ta’ kull sena bi żrigħ fil-ħarifa/fix-xitwa u dan għandu jsir bejn l-1 ta’ Ottubru u l-31 ta’ Diċembru.

L-operazzjonijiet tat-tnixxif naturali, li jsiru fil-beraħ u/jew fl-azjenda jew permezz ta’ sistemi ta’ ventilazzjoni b’arja sħuna, huma ta’ importanza fondamentali kemm għaż-żamma tal-karatteristiċi tal-prodott kif ukoll għall-ipproċessar li jsir wara.

L-evalwazzjoni tal-livell ideali ta’ umdità hija importanti ħafna għall-ipproċessar bl-idejn tradizzjonali: tal-faxx magħruf bħala “resta”, il-faxex il-kbar, l-għenieqed u l-għenieqed il-kbar, fejn l-esperjenza u l-ħila miksuba tul iż-żminijiet hija ta’ importanza fondamentali.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċ.

L-Aglio Bianco Polesano għandu jitqiegħed fis-suq għal sena mill-10 ta’ Lulju sad-9 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara.

L-Aglio Bianco Polesano jista’ jinbiegħ f’dawn il-formati:

QFIEF ŻGĦAR: b’ammont ta’ bejn 3 u 5 basliet u piż bejn 0,15 u 0,30 kg;

BUKKETTI: b’ammont varjabbli ta’ basal u piż bejn 0,5 u 2 kg;

FAXEX: b’ammont ta’ bejn 5 u 22 basla u piż bejn 0,35 u 1,2 kg;

FAXEX KBAR: b’ammont ta’ bejn 30 u 40 basla u piż ta’ bejn 2 u 4 kg;

GĦENIEQED: b’ammont ta’ bejn 20 u 40 basla u piż ta’ bejn 1 u 4 kg;

GĦENIEQED KBAR: b’ammont ta’ bejn 70 u 120 basla u piż bejn 5 u 10 kg.

PAKKETTI: ammont varjabbli ta’ basal; piż bejn 50 u 1000 g.

BOROŻ: ammont varjabbli ta’ basal; piż bejn 1 u 20 kg;

L-ippakkjar tal-prodott għall-kummerċjalizzazzioni tat-tip f’“boroż” u “pakketti” jista’ jsir barra miż-żona tal-produzzjoni, sakemm it-trasport u l-immaniġġjar żejjed ma jikkawżawx il-qsim tal-irjus u t-tfarrik tal-qoxra, li jirriżultaw f’moffa u d-deterjorament tal-prodott, filwaqt li l-ippakkjar tal-Aglio Bianco Polesano DOP f’formati oħra għandu jsir fiż-żona tal-produzzjoni biss. Il-formati tradizzjonali (faxex, faxex kbar, għenieqed u għenieqed kbar) tradizzjonalment jiġu ppakkjati bl-idejn u jirriżultaw mill-kreattività żviluppata matul is-snin mill-produtturi u dawk li jippakkjaw fiż-żona tal-produzzjoni tal-Aglio Bianco Polesano.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Kull tip ta’ imballaġġ individwali għandu jkollu tikketta li turi l-isem tal-prodott, l-isem tal-produttur u l-logo li jidentifika d-DPO.

L-imballaġġ għandu juri wkoll l-isem “Aglio Bianco Polesano” u l-kliem “denominazzjoni protetta tal-oriġini” jew l-akronimu “DPO” f’karattri li jkunu akbar minn kull kelma oħra li tidher.

Il-logo jista’ jkollu dimensjonijiet oħra skont it-tip ta’ imballaġġ.

Image

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona tal-produzzjoni tal-Aglio Bianco Polesano hija kkostitwita minn dawn il-muniċipalitajiet tal-Polesine li jinsabu fil-provinċja ta’ Rovigo: Adria, Arquà Polesine, Bosaro, Canaro, Canda, Castelguglielmo, Ceregnano, Costa di Rovigo, Crespino, Fiesso Umbertiano, Frassinelle Polesine, Fratta Polesine, Gavello, Guarda Veneta, Lendinara, Lusia, Occhiobello, Papozze, Pettorazza Grimani, Pincara, Polesella, Pontecchio Polesine, Rovigo, San Bellino, San Martino di Venezze, Villadose, Villamarzana, Villanova del Ghebbo, Villanova Marchesana.

5.   Ir-rabta maż-żona ġeografika

5.1.   L-ispeċifiċità taż-żona ġeografika

Fatturi Ambjentali

Il-karatteristiċi tal-ħamrija u tal-klima moderata huma fatturi prinċipali li jikkondizzjonaw u jikkaratterizzaw il-produzzjoni tal-Aglio Bianco Polesano f’din iż-żona. Il-Polesine hija żona li minnha jgħaddu ż-żewġ xmajjar prinċipali tal-Italja, il-Po u l-Adige. Qabel ma żvillupaw ix-xtut li hemm illum li jistabbilixxu l-korsa tagħhom, dawn ix-xmajjar ta’ sikwiet kienu jħallu depożiti ta’ alluvju fil-pjanura. Il-karatteristiċi speċifiċi tal-ħamrija jirriżultaw mill-ħafna għargħar matul is-sekli tax-xmajjar Po u Adige, li jistabbilixxu l-konfini fil-Majjistral u fit-Tramuntana taż-żona tal-produzzjoni: b’mod partikolari, il-Po kkontribwixxa għal ġbir ta’ ħama li fih perċentwali għolja ta’ tafal, filwaqt li l-Adige ġab ammont ta’ ramel tas-silika.

L-attività ta’ dawn ix-xmajjar b’hekk holqot art għanja pjuttost taflija, kif ukoll irrigata tajjeb, poruża u fertili, li tippermetti lill-Aglio Bianco Polesano jiżviluppa l-karatteristiċi distintivi tiegħu. Barra minn hekk, il-preżenza għolja ta’ fosforu u potassju skambjabbli, ta’ kalċju u ta’ manjeżju tikkostitwixxi l-kompożizzjoni kimika tipika ta’ din il-ħamrija. Il-klima moderata u niexfa taż-żona tiffavorixxi kemm it-tnixxif tal-prodott kif ukoll l-ipproċessar tiegħu skont id-drawwiet tradizzjonali.

Il-fattur uman

Flimkien mal-kwalità tal-ħamrija għandhom jiżdiedu żewġ elementi tal-fattur uman: — il-ħila żviluppata matul is-snin u mgħoddija minn ġenerazzjoni għal oħra li wieħed jagħżel bl-idejn l-aħjar basal “irjus” biex jikseb il-materjal għaż-żriegħ, — il-produzzjoni partikolari bl-idejn, il-faxx magħruf bħala “resta”, il-faxex kbar, l-għenieqed, l-għenieqed kbar, jorbtu din il-koltivazzjoni mat-territorju u t-tradizzjonijiet u l-istorja tiegħu.

5.2.   L-ispeċifiċità tal-prodott

Il-karatteristiċi prinċipali tal-Aglio Bianco Polesano huma l-kulur abjad ileqq tiegħu, il-forma tal-basla u l-kontenut għoli ta’ materja niexfa li tikkaratterizzah u possibbilment jinfluwenza l-kapaċità li jdum għal żmien twil fl-istat konservat tiegħu. L-aroma distintiva tal-Aglio Bianco Polesano, li tirriżulta mit-tagħqida partikolari ta’ komposti volatili tal-kubrit u sustanzi aromatiċi, tiddistingwih mit-tewm minn żoni ta’ produzzjoni oħra; fil-fatt, l-analiżi sensorjali turi li l-aroma hija anqas qawwija u aktar persistenti minn dik ta’ varjetajiet li jinkisbu minn żoni oħrajn, karatteristika li hija apprezzata ħafna mill-konsumaturi. B’mod partikolari, l-Aglio Bianco Polesano jirriżulta mogħni b’komposti aromatiċi tal-kubrit, iżda aktar minn hekk b’komposti aromatiċi li jappartjenu għal klassijiet oħra ta’ kimiċi (aldeidi), li huma responsabbli għall-irwejjaħ ifuħu (ta’ ħaxix li għadu kif ġie maqtugħ, tal-ħlewwa tal-frott) li jiżdiedu matul il-ħżin u li huma responsabbli għall-aroma anqas qawwija u aktar persistenti.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Il-kontenut tajjeb ta’ minerali u n-natura tal-ħamrija taflija għanja, irrigata b’mod tajjeb u fertili b’kontenut għoli ta’ potassju, jagħmilha possibbli biex jinkisbu sinniet perfettament magħqudin maġenb xulxin, ikkaratterizzati minn kontenut għoli ta’ materja niexfa li jżid it-tul ta’ żmien li prodott idum fl-istat konservat tiegħu.

Il-livell għoli ta’ potassju u fosfru skambjabbli jirriżulta wkoll fil-kulur abjad ileqq tipiku tal-Aglio Bianco Polesano.

Anke l-aroma distintiva tat-tewm hija influwenzata sew mill-fatturi ambjentali, sa fejn il-komponenti aromatiċi jirriflettu l-livelli u l-attività tal-enżimi involuti fil-biosintesi tagħhom u dawn, min-naħa tagħhom, huma influwenzati mill-qagħda fiżjoloġika tal-pjanta, u l-kundizzjonijiet pedoloġiċi u klimatiċi u l-proċessi tradizzjonali tal-ħżin u tal-ipproċessar.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

(Artikolu 5, paragrafu 7, tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (4))

Il-Gvern nieda l-proċedura nazzjonali ta’ oġġezzjoni bil-pubblikazzjoni tal-proposta għar-rikonoxximent tad-DPO “Aglio Bianco Polesano” fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika Taljana Nru 166 tas-17 ta’ Lulju 2013.

It-test sħiħ tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott jinsab fuq is-sit elettroniku li ġej: http://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/3335

Jew

billi wieħed imur direttament fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru tal-Politika Agrikola, l-Ikel u l-Forestrija (www.politicheagricole.it), jikklikkja fuq “Qualità e sicurezza” (il-parti ta’ fuq tal-lemin tal-iskrin), u wara fuq “Disciplinari di Produzione all’esame dell’UE”.


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012

(4)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.