17.9.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 319/23


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni ta’ modifika skont l-Artikolu 50(2), il-punt a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

2014/C 319/10

Din il-pubblikazzjoni tagħti dritt ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

TALBA GĦAL MODIFIKA

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

TALBA GĦAL MODIFIKA SKONT L-ARTIKOLU 9

“OSSAU-IRATY”

Nru CE: FR-PDO-0417-01096 — 15.2.2013

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Intestatura tal-ispeċifikazzjonijiet li huma soġġetti għall-modifika

    Denominazzjoni tal-prodott

    Deskrizzjoni tal-prodott

    Żona ġeografika

    Prova tal-oriġini

    Metodu ta’ kisba

    Rabta

    Tikkettar

    Eżiġenzi nazzjonali

    Oħrajn [li jridu jiġu speċifikati]

2.   Tip ta’ modifika(i)

    Modifika tad-dokument uniku jew tas-sommarju

    Modifika tal-ispeċifikazzjonijiet tad-DPO jew tal-IĠP irreġistrati, li għalihom ma ġie ppubblikat l-ebda dokument uniku jew sommarju

    Il-modifika tal-ispeċifikazzjonijiet ma twassal għall-ebda modifika tad-dokument uniku ppubblikat [Artikolu 9(3) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006]

    Modifika temporanja tal-ispeċifikazzjonijiet li tirriżulta fl-adozzjoni ta’ miżuri sanitarji jew fitosanitarji obbligatorji mill-awtoritajiet pubbliċi [Artikolu 9(4) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006]

3.   Modifika(i)

1.   “Deskrizzjoni tal-prodott”

Jiżdiedu dettalji fid-deskrizzjoni tal-ġobon: il-ġobon jiġi manifatturat esklussivament mill-ħalib tan-nagħaġ fl-istat mhux standardizzat u jiġi mmellaħ u mmaturat, f’forma ċilindrika.

Il-formati differenti (daqs tal-forma, piż) ġew iċċarati.

Tiżdied id-dispożizzjoni li ġejja:

“L-Ossau-Iraty jista’ jiġi kkummerċjalizzat fil-forma ta’ porzjonijiet ippakkjati minn qabel, sakemm kull porzjon jinkludi parti bil-qoxra li hija karatteristika tad-denominazzjoni, u tikketta li jkollha l-indikazzjonijiet previsti fil-punt 8.”

Dan jippermetti li ssir distinzjoni bejn l-“Ossau-Iraty” u l-ġobnijiet ibsin l-oħrajn manifatturati fir-reġjun, li jistgħu jinbiegħu mingħajr tikketta.

2.   “Elementi li jagħtu prova li l-prodott joriġina miż-żona ġeografika”

Ġew miżjudin paragrafi dwar iż-żamma tar-reġistri u l-identifikazzjoni kif ukoll dwar l-obbligi dikjarattivi tal-operaturi. Dawn id-dispożizzjonijiet jispeċifikaw ir-reġistrazzjonijiet li għandhom jitwettqu u l-obbligi tal-operaturi tad-DPO sabiex tiġi permessa t-traċċabbiltà.

Ġie miżjud paragrafu dwar l-identifikazzjoni tal-prodott:

“L-identifikazzjoni ta’ kull ġobna hija obbligatorja. Din hija żgurata permezz ta’ marka mnaqqxa magħmula fil-fażi meta l-ġobon jiddaħħal fil-forma. Il-ġobnijiet ta’ grad inferjuri titneħħielhom din il-marka billi din tiġi mqaxxra.”

L-identifikazzjoni hija mezz biex ikun hemm distinzjoni bejn il-prodott intiż għad-DPO u l-oħrajn, l-aktar kmieni possibbli fl-elaborazzjoni tal-ġobon qabel ma jsir it-tikkettar.

3.   “Metodu ta’ kisba”

L-arranġamenti ta’ żamma tal-artijiet minn fejn jieklu l-annimali huma speċifikati: “Il-fertilizzanti organiċi awtorizzati huma: il-kompost, id-demel, id-demel semi-likwidu, id-demel likwidu ta’ oriġini agrikola, il-ko-kompost ta’ skart organiku, il-ħama li jifdal wara t-trattament tad-drenaġġ, l-iskart mill-azjendi tal-ħalib. Fil-perjodi meta r-ragħa ssir fuq il-muntanji, huwa awtorizzat biss it-tixrid tal-ħmieġ tal-annimali prodotti fl-ispazji fejn jinżammu l-annimali f’dan il-perjodu. It-tixrid tal-ħama li jifdal wara t-trattament tad-drenaġġ jista’ jsir biss taħt kundizzjonijiet: li jiġi ssiġillat minnufih fil-ħamrija, perjodu latenti wara t-tixrid ta’ mill-inqas tmien ġimgħat, monitoraġġ analitiku għal kull lott. Il-fertilizzazzjoni minerali annwali medja hija limitata, fuq il-mergħat, għal 100 unità ta’ nitroġenu, 60 unità ta’ fosforu u 100 unità ta’ potassju għal kull ettaru.”

Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jillimitaw l-intensifikazzjoni u li jiġi evitat eċċess ta’ fertilizzazzjoni, li jista’ jiżbilanċja l-flora naturali tal-mergħat u tal-għoljiet u jniġġes l-ilma. It-tixrid tal-ħama li jifdal wara t-trattament tad-drenaġġ huwa ttollerat skont ċerti kundizzjonijiet, minħabba li dawn il-prodotti huma suxxettibbli li jarmu elementi mhux mixtieqa fil-ħamrija li jistgħu jiġu trasferiti fl-għalf.

Id-definizzjonijiet tal-merħla (grupp ta’ ovini preżenti fl-azjenda, maħsuba għall-produzzjoni tal-ħalib) u tan-nagħġa (annimal femminili ta’ età ta’ aktar minn sitt xhur fl-1 ta’ Novembru) huma speċifikati.

Żieda tad-dispożizzjoni li ġejja: “L-annimali li joriġinaw minn manipulazzjoni tal-ġenoma huma projbiti.”, sabiex jinżamm il-karattru lokali tar-razez.

Żieda ta’ “Għall-merħla kollha, il-perjodu ta’ taħlib ma jistax jaqbeż 265 jum kull sena. Il-ħlib huwa pprojbit matul ix-xhur ta’ Settembru u Ottubru.”

Din il-miżura tiżgura n-natura staġjonali tal-produzzjoni tal-ħalib, sabiex tiġi evitata l-produzzjoni mhux fl-istaġun, u tistabbilixxi perjodu obbligatorju ta’ tnixxif, li huwa neċessarju għaż-żamma tan-nagħaġ fi stat tajjeb qabel ma jitwieldu ż-żgħar.

Żieda ta’ “F’kampanja tal-ħalib (bejn l-1 ta’ Novembru u l-31 ta’ Ottubru tas-sena ta’ wara) il-livell medju tal-ħalib tal-merħla ma jaqbiżx it-300 litru għal kull nagħġa u l-medja ta’ materja niexfa utli hija aktar minn 110 gramma għal kull litru ta’ ħalib.”

Billi l-produzzjoni tal-“Ossau-Iraty” hija bbażata fuq sistema estensiva, il-produzzjoni tal-ħalib hija limitata għal kull nagħġa sabiex jiġu evitati s-sistemi intensivi wisq. Il-livell minimu ta’ materja niexfa utli (MNU) għandu l-għan li jorjenta l-għażla minn dawk li jrabbu l-annimali, għal annimali li jipproduċu ħalib ta’ kwalità aktar minn għal annimali li jipproduċu kwantitajiet kbar ta’ ħalib.

   Żieda ta’ “Il-kultivazzjoni ta’ OĠM fuq l-azjenda hija projbita, għal kull speċi veġetali li tista’ tingħata lill-annimali tal-azjenda bħala għalf u kull kultivazzjoni ta’ speċi li tista’ tikkontaminah.”

Dan ifisser li jiġu limitati r-riskji ta’ kontaminazzjoni tal-kultivazzjonijiet tal-għalf, minħabba li l-ikel magħmul b’varjetajiet transġeniċi huma projbiti għar-ruminanti tal-azjenda. Ir-raġuni hija ż-żamma tal-karattru tradizzjonali tal-ikel għal dan il-ġobon, li għandu reputazzjoni kbira ta’ prodott tal-muntanji.

   Fir-rigward tal-ikel tal-annimali, id-dispożizzjoni “l-ikel l-ewwel nett jiġi mill-mergħat li fuqhom jinsabu l-annimali matul il-perjodu meta jirgħu fuq l-għoljiet u l-perjodu tal-ħlib kif ukoll mill-foraġġ u ċ-ċereali sekondarji”, hija sostiwita bil-paragrafi li ġejjin:

“L-ikel tal-merħla għandu jsegwi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

l-ikel jiġi prinċipalment miż-żona ġeografika definita. Il-provvista (minbarra l-mergħa) ta’ ikel li ma jiġix minn din iż-żona hija limitata f’kampanja sħiħa għal 280 kg ta’ materja niexfa għal kull nagħġa u għal kull sena bħala medja.

in-nagħaġ jirgħu għal minimu ta’ 240 jiem f’kull kampanja.

fil-perjodu tal-ħlib, fil-jiem meta ma jirgħux, in-nagħaġ jirċievu razzjon ta’ kuljum li jinkludi minimu ta’ 600 g ta’ materja niexfa li ġejja miż-żona ġeografika definita fil-punt 3 hawn fuq;”

Sabiex tissaħħaħ ir-rabta mal-ambjent ġeografiku, il-maġġoranza tal-ikel ikkunsmat min-nagħaġ tiġi miż-żona ġeografika. Mingħajr il-miżura li tistabbilixxi minimu ta’ kuljum, ikun possibbli li l-annimali ma jingħatawx ikel miż-żona ġeografika għal erba’ xhur, l-aktar matul il-perjodu l-aktar intensiv ta’ produzzjoni.

L-introduzzjoni ta’ ħin minimu ta’ mergħa ssaħħaħ ir-rabta tal-prodott maż-żona ġeografika tiegħu u tirrispetta l-metodu ta’ trabbija tradizzjonali tar-reġjun. Ir-razez lokali fil-fatt huma partikolarment adattati għall-mergħa f’kull staġun, u l-eżerċizzju huwa neċessarju għal saħħithom. It-tul ta’ żmien magħżul, ekwivalenti għal tmien xhur kull sena, huwa kompatibbli mal-kundizzjonijiet li jinsabu fil-muntanji.

   Żieda ta’

“—

ir-razzjon bażiku huwa magħmul minn mergħa, foraġġ frisk, niexef u deidrat biż-żarġuni twal, tiben u foraġġ fermentat. It-tiben mhuwiex trattat bl-ammonijaka. Fir-razzett jistgħu jiġu pprovduti fil-forma ta’ foraġġ frisk: pitravi tal-għalf, ġidriet, caboċċi tal-għalf, kolza tal-għalf, ħaxix. Il-foraġġ aħdar, maħsud kif suppost, għandu jinġieb frisk fir-razzett. M’għandux jissaħħan qabel ma jingħata lill-annimali. Il-ħawtijiet għandhom jitnaddfu mill-fdalijiet qabel ma jitpoġġa aktar foraġġ aħdar;”

Dawn il-miżuri jservu biex fl-ikel jinżammu l-ingredjenti li jippermettu lin-nagħaġ iżommu n-natura tagħhom ta’ ruminanti. L-ikel huwa l-ewwel nett definit skont il-kompożizzjoni tar-razzjon bażiku, u mbagħad skont dik tas-supplimenti u l-konċentrati.

   Żieda ta’

“—

foraġġ iffermentat fl-ikel tal-merħla fil-perjodu tat-tiħlib: sal-31 ta’ Jannar 2018, il-konsum ta’ foraġġ iffermentat huwa limitat għal medja ta’ 1,5 kg gross ta’ insilaġġ ta’ qamħirrum u 1 kg gross ta’ pakketti jew insilaġġ ta’ ħaxix, kuljum għal kull nagħġa; il-pakketti ta’ ħaxix għandu jkollhom rata minima ta’ materja niexfa ta’ 70 %. Mill-1 ta’ Frar 2018, il-konsum ta’ insilaġġ huwa pprojbit, il-konsum ta’ ħaxix ippakkjat huwa awtorizzat fil-limitu ta’ medja ta’ 1 kg gross kuljum għal kull nagħġa, sakemm ikollu rata minima ta’ materja niexfa ta’ 70 %.”

L-għan huwa li jinżammu l-karatteristiċi tal-ħalib. L-użu ta’ foraġġ iffermentat, li jista’ jiffavorixxi ċerti kontaminazzjonijiet ta’ mikrobi, huwa għalhekk limitat. Il-ħaxix ippakkjat huwa metodu ta’ ħsad alternattiv għall-ħuxlief, u jsir fil-każ ta’ xita. Id-dispożizzjoni teħtieġ perjodu ta’ implimentazzjoni sabiex ċerti produtturi tal-ħalib jistabbilixxu sistema ta’ ikel li tippermetti t-tneħħija tal-konsum ta’ insilaġġ fil-perjodu tat-tiħlib.

Żieda ta’

“—

it-taħlita ta’ ingredjenti magħmula mill-produttur fir-razzett hija awtorizzata f’ċerti kundizzjonijiet:

taħlita tal-ingredjenti fil-lista prevista fil-punt 5.2.6;

taħlita tal-ingredjenti tar-razzjon bażiku u tal-ingredjenti tal-lista prevista fil-punt 5.2.6, jekk issir fil-jum meta tiġi distribwita;

il-provvista f’ikel imħallat, li jsir mill-ingredjenti tar-razzjon bażiku u mill-ingredjenti tal-lista ta’ materja prima awtorizzata bħala suppliment għar-razzjon bażiku, definit fil-punt 5.2.6, hija projbita”.

Din il-miżura għandha l-għan li tipprojbixxi r-razzjonijiet kompluti tan-negozju, li l-oriġini tagħhom u ta’ spiss il-kompożizzjoni ma jkunux ikkontrollati minn min irabbi, u li l-użu tagħhom jiffavorixxi metodu ta’ trobbija industrijali mingħajr rabta maż-żona ġeografika.

    Żieda ta’ “Iż-żieda ta’ konċentrati fir-razzjon ta’ kuljum ma tistax taqbeż medja ta’ 800 gramma ta’ materja niexfa għal kull nagħġa. F’kampanja sħiħa, il-konsum medju ta’ konċentrati għal kull nagħġa huwa limitat għal 150 kg ta’ materja niexfa.”

Din il-limitazzjoni għandha l-għan li tippreserva n-natura ta’ ruminanti tan-nagħaġ. Korrelatata mal-miżuri ta’ tul ta’ żmien minimu annwali ta’ mergħa, u l-minimu ta’ ikel li jiġi miż-żona, din tikkontribwixxi għar-rabta mat-territorju lokali, minħabba li dan għandu rabta qawwija mal-ikel tal-annimali. Iż-żewġ limiti, annwali u ta’ kuljum, iqisu l-varjazzjoni staġjonali qawwija tar-riżorsi ta’ foraġġ u taċ-ċiklu tan-nagħaġ.

Lista ta’ ikel awtorizzat hija wkoll miżjuda bl-għan li bħala prijorità jintużaw il-prodotti li joriġinaw mill-għarfien espert ta’ min irabbi. Huwa wkoll metodu biex wieħed ikollu informazzjoni preċiża tal-materja prima li tidħol fil-formulazzjoni tal-ikel kompost.

Il-paragrafu li ġej jiżdied sabiex tiġi promossa ż-żamma tan-natura tradizzjonali tal-ikel:

“Il-prodotti veġetali, il-koprodotti u l-ikel kumplimentari li ġej minn prodotti mhux transġeniċi biss huma awtorizzati fl-ikel tar-ruminanti żgħar.”

Sabiex jiġi kkontrollat l-ikel tal-annimali żgħar, bħalma huwa dak tal-adulti, tiżdied lista pożittiva tal-ikel awtorizzat:

“Ikel awtorizzat għall-ħrief wara l-ftim: prodotti tal-ħalib, ħmira, preservattivi, miżwed tal-ħarrub. Dawk it-trattamenti mediċinali biss li għandhom l-għan li jikkuraw huma awtorizzati.”

Hija miżjuda d-dispożizzjoni li ġejja:

“Il-produzzjoni hija pprojbita matul ix-xhur ta’ Settembru u Ottubru.”

Dan jafferma n-natura staġonali tal-produzzjoni tal-ġobon “Ossau-Iraty”, li ssegwi l-produzzjoni tal-ħalib, li ssir minn Novembru/Diċembru sa Ġunju/Lulju, xi kultant Awwissu.

It-termini “l-użu fl-istat mhux ipproċesaat għall-ġobon tar-razzett”, huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Il-konċentrazzjoni tal-ħalib bl-eliminazzjoni parzjali tal-parti milwiema qabel il-koagulazzjoni hija projbita. It-trattament termali tal-ħalib huwa awtorizzat fil-produzzjoni mhux fir-razzett.”

Din id-dispożizzjoni tafferma li l-ħalib għandu jintuża fl-istat pur, mingħajr trattament ieħor għajr dak termali, u dan tal-aħħar xorta huwa projbit għall-ġobon tar-razzett b’konformità mal-użu attwali.

   Id-dispożizzjoni “Il-biċċiet tal-baqta jitħalltu u jissaħħnu f’reċipjent kbir f’temperatura ta’ bejn 36 u 44 °C”, hija sostitwita b’dan li ġej:

“Il-produzzjoni tinkludi biss l-istadji li ġejjin:

fil-produzzjoni fir-razzett, it-tgħarbil fuq il-ħurrieq huwa awtorizzat.

l-uniċi addizzjonijiet awtorizzati fil-ħalib: il-kimożina, il-korur tal-kalċju (massimu 3 cm3 għal kull 10 litri ta’ ħalib), l-ilma, il-kulturi ta’ batterji, ħmira u moffa li ma jagħmlux ħsara, li ma joriġinawx minn manipulazzjonijiet ġenetiċi.

Iż-żieda tal-kimożina ssir fi żmien 40 siegħa wara l-aktar ħlib antik għall-produzzjoni fir-razzett, u 48 siegħa wara l-aktar ħlib antik fil-produzzjoni mhux fir-razzett. Dan isir f’temperatura ta’ bejn 28 u 35 °C, permezz ta’ żieda ta’ kwantità massima ta’ kimożina ta’ 3 cm3 għal 10 litri ta’ ħalib, għal kimożina ta’ referenza ta’ 520 mg għal kull litru. Hija awtorizzata żieda ta’ ilma tajjeb għax-xorb biex il-kimożina tiġi dilwita.

l-operazzjonijiet ta’ formazzjoni tal-baqta, il-qtugħ, it-taħlit, it-tisħin u t-tisħin mill-ġdid isiru f’temperatura aktar baxxa jew ugwali għal 44 °C. It-tul ta’ żmien tat-taħlit ma jistax jaqbeż siegħa. Il-biċċiet miksubin għandhom daqs ugwali għal 1 cm3 jew inqas minn hekk.

it-tneħħija tal-lattożju huwa awtorizzat fil-produzzjoni mhux fir-razzett: il-kwantità ta’ xorrox li jitneħħa huwa inqas jew ugwali għal 25 % tal-volum ta’ ħalib użat fil-produzzjoni, il-kwantità ta’ ilma tajjeb għax-xorb miżjuda fil-baqta ma tistax taqbeż 25 % tal-volum ta’ ħalib użat fil-produzzjoni, it-temperatura ta’ dan l-ilma hija bejn 25 u 60 °C.

it-tqegħid fil-forma, li jsir f’forom imtaqqbin bix-xibka jew forom b’toqob żgħar ħafna (minn dijametru ta’ 25,5 sa 26 ċentimetru u għoli ta’ 9 sa 12-il ċentimetru, jew forom b’format imnaqqas, b’dijametru ta’ bejn 18 u 20 ċentimetru u għoli ta’ 7 sa 10 ċentimetri. Il-ġobon tar-razzett jista’ jiġi prodott f’forom b’dijametru ta’ 24 sa 28 ċentimetru u b’għoli ta’ 9 sa 15-il ċentimetru).

l-ippressar, li matulu l-ġobon tar-razzett jinqaleb mill-inqas darba.

it-tneħħija mill-forom, li ssir minn pH ta’ inqas jew ugwali għal 5,5.

it-tmelliħ, bil-melħ niexef jew is-salmura. It-tmelliħ niexef isir f’temperatura ambjentali inqas jew ugwali għal 15 °C, u t-tul ta’ żmien ma jistax jaqbeż 24 siegħa għal kull kg ta’ ġobon. Is-salmura hija magħmula minn ilma, melħ (fi kwantità inqas jew ugwali għal 330 gramma għal kull litru); jista’ jkun fiha l-aċidu aċetiku u/jew lattiku; il-pH tagħha huwa inqas jew ugwali għal 5,5. It-tmelliħ fis-salmura ma jistax jaqbeż tul ta’ żmien ta’ 12-il siegħa għal kull kg ta’ ġobon. It-temperatura tagħha ma taqbiżx 15 °C. Il-filtrazzjoni tas-salmura hija awtorizzata.”

Billi d-deskrizzjoni tal-uniku stadju ta’ taħlit u tisħin tal-biċċiet tal-baqta fir-reċipjent tidher mhux kompluta f’termini ta’ deskrizzjoni tal-metodu użat biex jinkiseb il-prodott, id-definizzjoni ta’ kull stadju ta’ produzzjoni tal-ġobon mill-produzzjoni tal-ħalib sat-tmelliħ għalhekk hija speċifikata. Il-valuri fil-mira li jikkonċernaw b’mod partikolari t-tul ta’ żmien u t-temperaturi li għandhom jiġu rispettati huma definiti skont il-prattiki attwali tal-fabbriki tal-ġobon. Minbarra dan, billi l-ispeċifikazzjonijiet li bħalissa huma fis-seħħ ma jispeċifikawx il-kundizzjonijiet relatati mal-prattika tat-tneħħija tal-lattożju, din it-teknika, użata biss fil-produzzjoni fil-fabbriki tal-ħalib minħabba li hija adattata għat-taħlitiet tal-ħalib, ġiet irregolata f’termini ta’ kwantità massima ta’ xorrox imneħħi, ta’ kwantità massima ta’ ilma miżjud u ta’ temperatura.

Barra minn hekk, l-użu tat-trattamenti u addittivi għall-ġobon kienu soġġetti għal regolamentazzjoni ġenerali. Madankollu, deher li xi tekniki ġodda, li għadd kbir minnhom jikkonċernaw it-trattamenti u l-addittivi, jista’ jkollhom konsegwenzi fuq il-karatteristiċi tal-“Ossau-Iraty”.

Għalhekk kien meħtieġ li jiġu speċifikati fl-ispeċifikazzjonijiet, il-prattiki attwali li jikkonċernaw l-użu tat-trattamenti u l-addittivi fil-ħalib u fil-produzzjoni tal-“Ossau-Iraty”, sabiex jiġi evitat li l-prattiki futuri mhux regolamentati ma jaffettwawx il-karatteristiċi tiegħu.

Jiżdiedu d-dispożizzjonijiet li ġejjin:

“Il-preservazzjoni permezz taż-żamma f’temperatura negattiva (fi gradi Celsius) tal-materja prima, tal-prodotti li qed jiġu prodotti, tal-baqta jew tal-ġobon frisk hija projbita.

It-teknika ta’ posponiment bil-vakwu hija awtorizzata, sakemm jiġu rispettati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

it-tpoġġija tal-ġobnijiet friski f’vakwu għandha ssir fi żmien 10 ijiem wara li joħorġu mit-tmelliħ bis-salmura jew bil-melħ niexef.

matul il-perjodu kollu li jkunu fil-vakwu, it-temperatura ta’ konservazzjoni għandha tkun bejn 0 °C u 4 °C.

it-tul massimu tal-posponiment huwa ta’ 10 xhur, u l-ġobnijiet kollha prodotti f’sena għandhom jitneħħew mill-vakwu l-aktar tard fl-20 ta’ Diċembru tal-istess sena.

it-tul ta’ żmien tal-maturazzjoni, fil-każ ta’ posponiment f’vakwu, jibda jgħodd mill-jum meta l-ġobon jitneħħa mill-vakwu.”

L-iffriżar li jimmodifika l-karatteristiċi organolettiċi tal-ġobon huwa projbit. Il-posponiment f’vakwu jippermetti l-maturazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ġobon tul is-sena kollha minkejja n-natura staġjonali tal-produzzjoni tal-ħalib u għalhekk anki tal-produzzjoni. Dan huwa perjodu ta’ stennija tal-ġobon frisk f’vakwu qabel il-maturazzjoni, billi l-ħin ta’ konservazzjoni f’vakwu huwa eskluż mill-ħin ta’ maturazzjoni.

   Id-dispożizzjoni “Il-maturazzjoni ssir fiż-żona tad-Denominazzjoni għal tul ta’ żmien ta’ 90 jum, li jista’ jitnaqqas għal 60 jum għall-‘Ossau-Iraty’ iż-żgħir” hija sostitwita b’din li ġejja:

“It-tul ta’ żmien minimu ta’ maturazzjoni fiż-żona tad-denominazzjoni huwa 120 jum għall-ġobnijiet ta’ 4 sa 7 kg u 80 jum għall-ġobnijiet ta’ 2 sa 3 kg. It-temperatura ta’ maturazzjoni hija minn 6 sa 15 °C. L-umdità ambjentali tal-kamra tal-maturazzjoni għandha tkun aktar minn 75 %.”

L-estensjoni tat-tul ta’ żmien ta’ maturazzjoni ssaħħaħ in-natura tal-prodotti. Barra minn hekk huma pprovduti preċiżjonijiet dwar l-arranġamenti tal-maturazzjoni sabiex din tiġi rregolata sewwa.

Għandha tiżdied id-dispożizzjoni li ġejja, li tiddeskrivi l-prattika tradizzjonali tal-kura tal-ġobnijiet:

“Matul il-maturazzjoni, il-ġobnijiet jitqallbu u jitnaddfu bi xkupilja. Għat-tindif bl-ixkupilja jistgħu jintużaw l-ilma, il-melħ u fermenti ta’ maturazzjoni tal-wiċċ u polpa tal-bżar aħmar.”

Sabiex jissaħħu dawn il-prattiki tradizzjonali, l-applikazzjoni ta’ kolorant(i) tal-qoxra u tan-natamiċina (E235) fil-wiċċ hija pprojbita. Il-projbizzjoni tal-użu tal-aċetat tal-polivinil teħtieġ perjodu ta’ implimentazzjoni sal-1 ta’ Novembru 2014 sabiex l-operaturi kollha jkollhom mezz alternattiv.

4.   “Elementi speċifiċi tat-tikkettar”

L-abbozzar il-ġdid jimponi b’mod aktar ċar tikkettar obbligatorju tal-prodott u daqs tat-tipi.

L-obbligu tat-tpoġġija tal-logo INAO jitneħħa u jiġi sostitwit bl-obbligu tat-tpoġġija tas-simbolu DPO tal-Unjoni Ewropea u jista’ jiddaħħal ukoll il-kliem “denominazzjoni protetta ta’ oriġini”.

Il-possibbiltà tal-kliem “tar-razzett” u “tal-muntanja” kif ukoll il-kundizzjonijiet ta’ użu ta’ dawn il-kliem jitneħħew minħabba li dawn id-dispożizzjonijiet m’għadhomx xierqa.

5.   “Eżiġenzi nazzjonali”

Żieda tal-punti ewlenin tal-ispeċifikazzjonijiet li għandhom jiġu vverifikati.

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (3)

“OSSAU-IRATY”

Nru CE: FR-PDO-0417-01096 — 15.2.2013

IĠP ( ) DPO ( X )

1.   Denominazzjoni

“Ossau-Iraty”

2.   Stat Membru jew pajjiż terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.3. Ġobnijiet

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għandu d-denominazzjoni msemmija fil-punt 1

L-“Ossau-Iraty” huwa ġobon li jiġi manifatturat esklussivament mill-ħalib tan-nagħaġ fl-istat pur mhux standardizzat u biż-żieda tal-kimożina. Huwa mmellaħ u mmaturat, għandu forma ċilindrika, ftit ippressat u mhux imsajjar bil-ġnub dritti jew kemmxejn konvessi, għandu mill-inqas 50 fil-mija ta’ xaħam fl-estratt niexef totali u l-kontenut tiegħu f’materja niexfa m’għandux ikun inqas minn 58 gramma għal kull 100 gramma ta’ ġobon. L-“Ossau-Iraty” tar-razzett jiġi manifatturat esklussivament mill-ħalib mhux ippastorizzat.

Dimensjonijiet tal-forom u piż tal-ġobnijiet:

forom b’dijametru ta’ 25,5 sa 26 cm u għoli ta’ 9 sa 12 cm b’piż tal-ġobnijiet immaturati ta’ 4 sa 5 kg.

jew forom b’dijametru ta’ 18 sa 20 cm u għoli ta’ 7 sa 10 cm b’piż tal-ġobnijiet immaturati ta’ 2 sa 3 kg.

L-“Ossau-Iraty” tar-razzett jista’ jiġi manifatturat fil-forom deskritti fuq, jew għall-format superjuri f’forom ta’ dijametru ta’ bejn 24 u 28 cm u għoli ta’ 9 sa 15 cm u jilħaq piż ta’ 7 kg.

Il-ġobon għandu kulur li jvarja minn abjad ivorju sal-kulur krema ambra skont il-maturazzjoni. Huwa lixx, sod u żejtni. Jista’ jkollu xi toqob żgħar.

Il-qoxra għandha kulur li jvarja minn isfar fl-oranġjo sal-griż.

It-tul ta’ żmien minimu ta’ maturazzjoni huwa 80 jum għall-ġobnijiet ta’ piż bejn 2 u 3 kg; 120 jum għall-ġobnijiet ta’ piż bejn 4 u 7 kg.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

L-“Ossau-Iraty” huwa magħmul esklussivament mill-ħalib tan-nagħaġ, tar-razza Bask-Béarnaise jew Manech rashom ħamra jew Manech rashom sewda.

F’kampanja tal-ħalib (bejn l-1 ta’ Novembru u l-31 ta’ Ottubru tas-sena ta’ wara) il-livell medju tal-ħalib tal-merħla ma jaqbiżx it-300 litru għal kull nagħġa. Il-ħalib jiġi prodott b’mod staġjonali: il-ħlib tal-merħla ma jistax jaqbeż 265 jum kull sena u huwa projbit f’Settembru u Ottubru.

3.4.   Ikel għall-annimali (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

L-ikel tal-merħla jiġi prinċipalment miż-żona ġeografika definita. Il-forniment (minbarra l-mergħa) ta’ ikel li ma jiġix minn din iż-żona huwa limitat f’kampanja sħiħa għal 280 kg ta’ materja niexfa għal kull nagħġa bħala medja.

Ir-razzjon bażiku huwa magħmul minn mergħa, foraġġ frisk, niexef u deidrat, tiben u foraġġ iffermentat. L-ikel tal-merħla għandu jkun magħmul minn lista pożittiva ta’ materja prima kemm għar-razzjon bażiku u kemm għas-supplimenti. L-ikel tal-merħla jiġi minn prodotti mhux transġeniċi.

In-nagħaġ jirgħu għal minimu ta’ 240 jiem kull sena. Fil-perjodu tal-ħlib, fil-jiem meta ma jirgħux, in-nagħaġ jirċievu razzjon ta’ kuljum li jinkludi minimu ta’ 600 g ta’ materja niexfa li ġejja miż-żona ġeografika.

Fir-rigward tal-ikel tal-merħla fil-perjodu tat-tiħlib:

sal-31 ta’ Jannar 2018, il-konsum ta’ foraġġ iffermentat huwa limitat għal medja ta’ 1,5 kg gross ta’ insilaġġ ta’ qamħirrum u 1 kg gross ta’ pakketti jew insilaġġ ta’ ħaxix, kuljum għal kull nagħġa;

mill-1 ta’ Frar 2018 il-konsum tal-insilaġġ huwa projbit u l-konsum ta’ ħaxix ippakkjat huwa awtorizzat fil-limitu ta’ medja ta’ 1 kg gross kuljum għal kull nagħġa.

Dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet japplikaw sakemm il-ħaxix ippakkjat ikollu rata minima ta’ materja niexfa ta’ 70 %.

Iż-żieda ta’ konċentrati fir-razzjon ta’ kuljum ma tistax taqbeż medja ta’ 800 gramma ta’ materja niexfa għal kull nagħġa. F’kampanja sħiħa, il-konsum medju ta’ konċentrati għal kull nagħġa huwa limitat għal 150 kg ta’ materja niexfa.

It-tħawwil ta’ kultivazzjonijiet transġeniċi huwa projbit fl-uċuħ kollha ta’ azjenda li tipproduċi ħalib li huwa maħsub biex jiġi pproċessat f’DPO. Din il-projbizzjoni hija valida għal kull speċi veġetali li tista’ tingħata lill-annimali tal-azjenda bħala għalf u kull kultivazzjoni ta’ speċi li tista’ tikkontaminah.

3.5.   Stadji speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika delimitata

Il-produzzjoni tal-ħalib tan-nagħaġ, il-manifattura u l-maturazzjoni jsiru fiż-żona ġeografika.

3.6.   Regoli speċifiċi applikabbli għat-tfettit, il-ħakk, l-imballaġġ eċċ.

L-“Ossau-Iraty” jista’ jiġi kkummerċjalizzat fil-forma ta’ porzjonijiet ippakkjati minn qabel, diment li kull porzjon jinkludi parti bil-qoxra li hija karatteristika tad-denominazzjoni, u tikketta li jkollha l-indikazzjonijiet previsti fil-punt 3.7 hawn fuq.

3.7.   Regoli speċifiċi tat-tikkettar

B’mod indipendenti mill-annotazzjonijiet regolatorji applikabbli għall-ġobnijiet kollha, it-tikkettar ta’ kull ġobon għandu jkollu l-isem tad-denominazzjoni tal-oriġini miktub b’tipa ta’ dimensjonijiet mill-inqas ugwali għal żewġ terzi ta’ dawk tal-aktar tipi kbar li jidhru fuq it-tikketta.

It-tqegħid tas-simbolu DPO tal-Unjoni Ewropea huwa obbligatorju fit-tikketti tal-ġobnijiet.

It-termini “denominazzjoni protetta ta’ oriġini” tista’ tiżdied fuq it-tikketta.

4.   Deskrizzjoni fil-qosor tad-delimitazzjoni taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika hija magħmula mill-muniċipalitajiet jew partijiet tal-muniċipalitajiet

tad-dipartiment tal-Pyrénées-Atlantiques:

il-muniċpalitajiet kollha tad-distretti awtonomi Accous, Anglet, Aramits, Arudy, Biarritz, Bidache, Espelette, Hasparren, Hendaye, Iholdy, Laruns, Lasseube, Mauléon-Licharre, Navarrenx, Nay, d’Oloron, Saint-Etienne-de-Baïgorry, Saint-Jean-de-Luz, Saint-Jean-Pied-de-Port, Saint-Palais, Sauveterre-de-Béarn, Tardets-Sorholus, Ustaritz;

il-muniċipalitajiet Aressy, Assat, Auterrive, Ayherre, Bellocq, Bérenx, Bosdarros, Briscous, Carresse-Cassaber, Castagnède, Castetner, Cuqueron, Escos, Gan, Gelos, Hours, Isturits, Jurançon, Laà-Mondrans, La-Bastide-Clairence, Labastide-Villefranche, Labatmale, Lahonce, Lahourcade, Lanneplaà, Léren, Loubieng, Lucgarier, Lucq-de-Béarn, Mazères-Lezons, Meillon, Monein, Mouguerre, Mourenx, Narcastet, Noguères, Ozenx-Montestrucq, Parbayse, Rontignon, Saint-Dos, Saint-Faust, Saint-Pé-de-Léren, Saint-Pierre-d’Irube, Salies-de-Béarn, Salles-Mongiscard, Sarpourenx, Sauvelade, Uzos, Vielleségure, Villefranque;

parti mill-muniċipalitajiet ta’ Abos, Abidos, Arbus, Argagnon, Artigueloutan, Artiguelouve, Barzun, Bayonne, Bésingrand, Biron, Bizanos, Castétis, Denguin, Espoey, Gomer, Idron, Lacq, Labastide-Cézeracq, Lagor, Lahontan, Laroin, Lée, Lescar, Livron, Lons, Maslacq, Mont, Nousty, Orthez, Os-Marsillon, Ousse, Pardies, Pau, Pontacq, Siros, Soumoulou, Tarsacq, Urcuit, Urt.

Għal dawn il-muniċipalitajiet, il-mapep jinsabu fil-kunsill lokali.

Dawn il-muniċipalitajiet jinsabu fin-naħa tax-xellug tal-Ousse u mbagħad tal-Gave de Pau, tal-Gaves flimkien u mbagħad tal-Adour wara l-konfluwenza tagħhom, kif ukoll f’parti mill-muniċipalità ta’ Lons li tinsab fin-naħa tal-lemin tal-Gave de Pau.

tad-dipartiment tal-Hautes-Pyrénées ta’ maġenb id-dipartiment tal-Pyrénées-Atlantiques: Arbéost, Arrens-Marsous, Ferrières.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Iż-żona tad-denominazzjoni tinkludi l-muntanja u ż-żoni taħt il-muntanji Baski u Béarnais.

Il-kundizzjonijiet naturali taż-żona ġeografika, il-klima tal-oċean b’xita regolari u bi kwantità kbira (mill-inqas 1 200 u sa 1 800 mm/sena), u amplitudnijiet termiċi relattivament dgħajfa, li jiffavorixxu l-mergħat u minħabba f’hekk anki t-trobbija tal-ovini tal-ħalib. Minbarra dan, ir-riżalt, l-għoljiet, il-muntanji baxxi u medji, u l-altitudni, orjentaw l-agrikoltura lejn it-trobbija, speċjalment dik estensiva.

Ir-razez ta’ nagħaġ użati għall-provvista tal-ħalib huma tradizzjonali. Huma razez lokali Manech rashom sewda, Manech rashom ħamra u Bask-Béarnaise partikolarment adattati għall-kundizzjonijiet taż-żona ġeografika: l-ikel ibbażat fuq il-ħaxix u l-ħuxlief, il-klima b’ħafna xita li jiffaċċjaw bis-suf tagħhom li huwa “impermeabbli”. Huma jirgħu kuljum anki fix-xitwa, ħlief meta tagħmel il-borra jew meta jkun hemm kundizzjonijiet estremi; huma adatti għat-transumanza li hija prattikata minn tliet kwarti tal-merħliet. Dawn ir-razez lokali jipproduċu l-ħalib fix-xitwa, fir-rebbiegħa u fil-bidu tas-sajf biss.

Il-metodu tal-kisba huwa adattat għal din il-produzzjoni staġonali: għalhekk dan il-metodu jipprojbixxi l-ħlib u l-produzzjoni f’Settembru u Ottubru.

Il-ħalib tan-nagħaġ taż-żona ġeografika huwa partikolarment rikk; għalhekk il-metodu ta’ kisba jiggarantixxi medja ta’ materja niexfa utli (xaħam + materja ta’ proteini) ta’ aktar minn 110 grammi għal kull litru ta’ ħalib.

Il-prattiki u l-parametri ta’ produzzjoni huma adatti għal din ir-rikkezza tal-ħalib. Għalhekk meta jitqiegħed fil-kantina, il-ġobon jista’ jkun suxxettibbli għal trasformazzjonijiet, lipolisi u proteolisi, matul il-maturazzjoni.

Il-prattiki tal-maturazzjoni tal-operaturi (tqallib, tindif bl-ixkupilja, projbizzjoni ta’ kull prodott kontra l-moffa) jikkontribwixxu biex il-flora tal-wiċċ tiġi orjentata lejn il-flora utli diversa li tiżgura l-iżvilupp tal-aromi.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

L-“Ossau-Iraty” huwa ġobon tal-ħalib tan-nagħaġ li huwa xi ftit ippressat, f’forma ta’ ċilindru bil-ġnub dritti jew kemmxejn konvessi. Il-qoxra hija iebsa, wiesgħa ftit millimetri, u l-kulur ivarja bejn l-isfar fl-oranġjo u l-griż. L-“Ossau-Iraty” għandu piż ta’ mill-inqas 2 kilogrammi, u dan jippermetti perjodu ta’ maturazzjoni twil, ta’ minimu ta’ 80 sa 120 jiem skont il-formati.

Il-ġobon għandu kulur li jvarja minn abjad avorju sal-kulur krema ambra skont il-maturazzjoni. Huwa lixx, sod, idub fil-ħalq u minn żejtni sa iebes. Jista’ jkollu xi toqob żgħar.

Ir-riħa hija sottili u tfakkar xi kultant fil-fjuri jew fil-frott. It-togħma hija bilanċjata bejn l-aċidu u x-xaħmi; intensa u bi kwantità ta’ melħ mhux eċċessiva, ta’ spiss jista’ jkun hemm aromi ta’ ġellewż u ta’ frott.

5.3.   Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO), jew kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristika oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Iż-żona ġeografika hija magħmula mill-muntanja u ż-żoni taħt il-muntanji Baski u Béarnais li fil-maġġoranza tagħhom huma mgħottija b’mergħat naturali jew temporanji, kemm fil-postijiet fejn jirgħu l-annimali fejn il-maġġoranza tal-merħliet iwettqu t-transumanza kull sajf jew fl-irziezet fejn min irabbi jagħti prijorità lill-produzzjoni tal-foraġġ għar-ragħa u l-ħuxlief.

Din il-kopertura veġetali tippermetti l-produzzjoni tal-foraġġ għall-ikel li jiġi miż-żona ġeografika li fil-maġġoranza tiegħu huwa magħmul mill-ħuxlief, il-ħaxix li jikber wara l-ewwel ħart u l-mergħa ta’ speċijiet varji.

Dawn ir-riżorsi ta’ foraġġ huma valorizzati mit-trobbija tan-nagħaġ esklussivament ta’ razez lokali (Manech rashom sewda, Manech rashom ħamra u Bask-Béarnaise).

L-użu ta’ dawn ir-razez lokali, l-ikel ibbażat fuq il-mergħa u l-konsum tal-ħuxlief, il-kundizzjonijiet tat-trobbija li jillimintaw l-intensifikazzjoni jippermettu li jiġi ggarantit ħalib adatt għall-produzzjoni tal-ġobon.

Il-produzzjoni tal-ġobnijiet tan-nagħaġ ilha teżisti fil-parti tal-Punent tal-Pirenej minn mill-inqas il-Medju Evu. Kuntratti ta’ biedja bi tqassim tas-seklu 14 u dokumenti notarili tal-bidu tas-seklu 15 jagħtu prova tal-produzzjoni ta’ ġobon tan-nagħaġ fir-reġjun.

Il-kundizzjonijiet diffiċili ta’ trasport bejn il-mergħat fl-għoljiet jew fil-muntanji, fl-altitudnijiet għoljin u l-widien, ġiegħlu malajr lir-rgħajja sabiex jipproċessaw il-ħalib fil-post f’ġobon li jista’ jitniżżel fil-widien biex jiġi kkummerċjalizzat.

L-“Ossau-Iraty” huwa parti mill-kategorija ta’ ġobnijiet “ippressati mhux imsajrin”: il-piż tiegħu ta’ bosta kilogrammi, il-fatt li huwa ppressat, il-forma u l-maturazzjoni twila tiegħu li jagħtuh qoxra relattivament iebsa, jagħmluh prodott li jissodisfa dan l-għan li jista’ jiġi trasportat faċilment. Il-kapaċità tiegħu li jiġi konservat kienet tiżgura lir-rgħajja u lill-familji tagħhom ikel bi proteini tul is-sena kollha.

Illum it-trasport huwa aktar faċli, it-tradizzjoni ta’ maturazzjoni twila nżammet u l-karatteristiċi tal-ġobnijiet, b’aromi varji, joħorġu mill-prattiki kollha ta’ produzzjoni adattati, b’mod partikolari minn din il-maturazzjoni twila tal-ġobnijiet.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet

[Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (4)]

https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDCOssau-Iraty.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit mir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Sostitwit mir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(4)  Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3.