|
4.9.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 297/15 |
Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għal emenda skont l-Artikolu 50(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi ta’ kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel
(2014/C 297/06)
Din il-pubblikazzjoni tagħti d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni, skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).
APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 509/2006
dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti (2)
APPLIKAZZJONI GĦAL EMENDA SKONT L-ARTIKOLU 11
“PREKMURSKA GIBANICA”
KE Nru: SI-TSG-0107-01150 — 6.9.2013
1. Grupp applikanti
|
Isem il-grupp |
: |
Društvo za promocijo in zaščito prekmurskih dobrot |
|
Indirizz |
: |
Ulica Štefana Kovača 40, SI–9000 Murska Sobota |
|
Telefon |
: |
+386 25261435 |
|
|
: |
dpzdp@siol.net |
2. Stat membru jew pajjiż terz
Slovenja
3. Intestatura fl-ispeċifikazzjoni affettwata mill-emenda
—
—
—
—
—
4. Tip ta’ emenda(i)
—
—
5. Emenda(i)
|
1. |
Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem taħt il-punt 3.1. |
(a) Użu ta’ dqiq
Fil-kuntest tal-preparazzjoni tal-għaġina (tal-pastafrolla u filo), ir-referenzi għal “dqiq durum u/jew fin” qed jiġu sostitwiti bil-kliem “dqiq abjad tal-qamħ”.
Waqt il-preparazzjoni tal-għaġina għall-“Prekmurska gibanica”, il-karatteristiċi tal-għaġina tal-pastafrolla u filo nstabu li dejjem kienu l-istess, irrispettivament mit-tip ta’ dqiq użat (fin, semi-fin jew taħlita tat-tnejn); għalhekk id-dehra finali tas-sezzjoni trażversali ta’ porzjon, l-aroma u l-konsistenza ta’ “Prekmurska gibanica” ma jinbidlux bl-emenda proposta.
(b) Għaġina filo u tal-pastafrolla mixtrija
Hemm il-ħtieġa li l-produzzjoni ta’ “Prekmurska gibanica” tiġi adattata biex takkomoda l-produtturi differenti u t-tekniki li jużaw, u għalhekk l-użu ta’ għaġina tal-pastafrolla u filo mixtrija huwa permess ukoll, għalkemm din ma tistax tkun iffriżata.
Prinċipalment “Prekmurska gibanica” kienet issir fl-irziezet, u preferibbilment l-għaġina tal-pastafrolla u filo kienet tiġi ppreparata eżatt qabel ma kienet issir il-“Prekmurska gibanica”.
Minħabba żieda fid-domanda għal “Prekmurska gibanica” bħala platt Sloven tradizzjonali, għadd ta’ produtturi industrijali differenti, lukandi, spas, eċċ. iddeċidew li jipproduċuha wkoll. Minħabba li prattikament huwa impossibbli għalihom li jippreparaw l-għaġina eżatt qabel ma jagħmlu “Prekmurska gibanica”, huwa neċessarju li jkunu kapaċi wkoll jipproduċu “Prekmurska gibanica” permezz ta’ għaġina li tinxtara.
(c) L-użu taz-zokkor tal-vanilja
Id-deċiżjonijiet dwar l-użu taz-zokkor tal-vanilja għandhom jitħallew f’idejn il-produtturi nfushom.
Storikament, iz-zokkor tal-vanilja ma kienx jintuża fil-preparazzjoni ta’ “Prekmurska gibanica”, iżda, matul is-snin, il-produtturi individwali bdew iżiduh mal-mili. Meta jitqies l-ammont ta’ zokkor tal-vanilja miżjud, dan m’għandux effett sostanzjali fuq ir-riħa u t-togħma, jew għalhekk l-aroma, ta’ “Prekmurska gibanica”. Għalhekk inqisu li l-użu taz-zokkor tal-vanilja għandu jitħalla fid-diskrezzjoni tal-produtturi.
(d) L-użu tax-xaħam għall-għaġina tal-pastafrolla u għat-topping xaħmi
Fl-applikazzjoni reġistrata għal “Prekmurska gibanica”, ix-xaħam ma kienx imniżżel fost l-ingredjenti għall-għaġina tal-pastafrolla jew għat-topping xaħmi, iżda jissemma fid-deskrizzjoni tal-metodu tal-produzzjoni ta’ “Prekmurska gibanica” u għalhekk għandu jitniżżel ukoll bħala ingredjent.
(e) L-użu tal-bajd, il-ħalib jew il-krema qarsa għall-għaġina tal-pastafrolla
Fl-applikazzjoni reġistrata, dawn l-ingredjenti — ħlief għall-krema qarsa — huma diġà msemmija fid-deskrizzjoni tal-proċess ta’ kif issir l-għaġina tal-pastafrolla, iżda mhumiex elenkati fost l-ingredjenti għall-għaġina tal-pastafrolla u għalhekk huwa meħtieġ li jiġu inklużi bħala ingredjenti.
(f) L-użu tal-bajd għall-għaġina filo
Fid-deskrizzjoni tal-preparazzjoni tal-għaġina filo, huwa ddikjarat li jekk wieħed irid jista’ wkoll iżid bajda. Dan għandu jiġi rifless ukoll fil-lista tal-materja prima għall-għaġina filo, u għalhekk il-kelma “opzjonali” qed tiddaħħal ħdejn il-kelma “bajda”.
(g) Iffriżar qabel il-ħami
Il-punt 3.6 tal-applikazzjoni reġistrata jispeċifika l-perjodu massimu li matulu “Prekmurska gibanica” tista’ tiġi ffriżata qabel tinħema.
It-tul ta’ żmien ta’ iffriżar huwa marbut mal-iżviluppi teknoloġiċi u l-metodi varji ta’ iffriżar li fuqhom jiddependi l-perjodu ta’ konservabilità tal-prodott. Sabiex jiġu akkomodati l-metodi varji ta’ iffriżar, ir-referenza għat-tul ta’ żmien (“mhux aktar minn tliet xhur”) tħassret.
(h) It-temperatura tal-forn u l-ħin tal-ħami
Hemm il-ħtieġa li l-ħin għall-ħami u t-temperaturi jiġu adattati biex jirriflettu l-iżviluppi teknoloġiċi u t-tipi varji ta’ fran li jintużaw mill-produtturi (pjanti tal-produzzjoni, irziezet turistiċi, fran, lukandi, eċċ) biex jaħmu “Prekmurska gibanica”, u għalhekk qiegħda tiżdied sentenza ġdida — “Irrispettivament minn din ir-rakkomandazzjoni, it-temperatura u l-ħin tal-ħami jistgħu jiġu aġġustati skont it-tip ta’ forn.”
(i) Tqattigħ f’biċċiet iżgħar
Is-sentenza “Meta tkun qed tiġi servuta, ‘Prekmurska gibanica’ tista” titqatta’ fi kwalunkwe għadd ta’ biċċiet iżgħar’ ġiet miżjuda mal-punt 3.6.
Bħala prodott Sloven tradizzjonali, “Prekmurska gibanica” qiegħda dejjem aktar tiġi servuta f’kuntesti differenti, bħal servizzi ta’ kejtering, bħala finger-food, fuq set menus, eċċ. Għalhekk il-konsumaturi finali ta’ “Prekmurska gibanica” għandhom jingħataw il-possibilità li jaqtugħha f’biċċiet iżgħar adattati għal dawn il-kuntesti.
APPLIKAZZJONI GĦAL REĠISTRAZZJONI TA’ STG
REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 509/2006
dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti (3)
“PREKMURSKA GIBANICA”
KE Nru: SI-TSG-0107-01150 — 6.9.2013
1. Isem u indirizz tal-grupp applikant
|
Isem |
: |
Društvo za promocijo in zaščito prekmurskih dobrot |
|
Indirizz |
: |
Ulica Štefana Kovača 40, SI–9000 Murska Sobota |
|
Telefon |
: |
+386 25261435 |
|
Fax |
: |
|
|
|
: |
dpzdp@siol.net |
2. Stat membru jew pajjiż terz
Slovenja
3. Speċifikazzjoni tal-prodott
3.1. Isem għar-reġistrazzjoni
“Prekmurska gibanica”
Ir-reġistrazzjoni tal-isem qed tintalab fil-lingwa Slovena biss.
Id-dikjarazzjoni “Prodott fil-mod Sloven tradizzjonali” ħdejn “Prekmurska gibanica” għandha tiġi tradotta fil-lingwa tal-pajjiż fejn il-prodott jitqiegħed fis-suq u jiġi prodott.
3.2. Jekk jogħġbok għid jekk l-isem
|
☒ |
huwa speċifiku fih innifsu |
|
☐ |
jesprimi l-karattru speċifiku tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel |
Skont id-Dizzjunarju Etimoloġiku tal-Lingwa Slovena, gibanica hija tip ta’ potica (kejk) magħmul fil-parti tal-lvant tas-Slovenja. L-oriġini tal-kelma hija gibâničnik, gibâničnjak, basket għall-għaġina, jew gibâničar (furnar). L-ewwel reġistri bil-miktub imorru lura għas-seklu 18, meta Pohlin jirreferi għaliha bħala gebanza. Il-kelma nnifisha ġejja mill-kelma gybati, peress li gibanica tieħu isimha minn għaġina f’saffi – gyüba. “Prekmurska gibanica” tiġi magħmula minn żewġ tipi ta’ għaġina u erba’ tipi ta’ mili differenti, li kull wieħed jiġi dupplikat, li dan jagħti l-prodott id-dehra karatteristika u speċifika u t-togħma partikulari tiegħu. Għalhekk “Prekmurska gibanica” hija speċifika fiha nnifisha u tesprimi wkoll karattru speċifiku minħabba l-kompożizzjoni speċifika tagħha.
3.3. Ir-riżerva tal-isem qed tintalab taħt l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006?
|
☒ |
Reġistrazzjoni b’riżerva tal-isem |
|
☐ |
Reġistrazzjoni mingħajr riżerva tal-isem |
3.4. Tip ta’ prodott
Klassi 2.3. Ħelu, ħobż, għaġina, kejkijiet, gallettini u prodotti oħra tal-furnara
3.5. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew l-oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem taħt il-punt 3.1.
“Prekmurska gibanica” hija kejk magħmul minn żewġ tipi ta’ għaġina (għaġina tal-pastafrolla għall-bażi u għaġina filo (strudel) bejn is-saffi tal-mili) li fuqha jitqiegħdu erba’ tipi ta’ mili differenti (żerriegħa tal-peprin, ġobon moxx, ġewż, tuffieħ) f’saffi f’sekwenza definita b’mod preċiż, b’saff ta’ għaġina filo bejn kull mili. Din is-sekwenza tal-mili għandha tiġi ripetuta fl-istess ordni. L-aħħar saff ta’ mili jiġi mgħotti minn saff ta’ għaġina filo, li fuqha tista’ titferrex krema qarsa jew ħelwa mħallta bl-isfar tal-bajd. Alternattivament is-saff ta’ fuq sempliċiment jitgħatta b’topping xaħmi. Gibanica tista’ ssir jew f’dixx tond jew kwadru.
Deskrizzjoni fiżika: Porzjon ta’ “Prekmurska gibanica” huwa solidu u kompatt. Is-saffi għandhom ikunu viżibbilment separati minn xulxin sabiex jiġi żgurat li l-porzjon ikollu d-dehra l-korretta. Il-forma tad-dixx li fih tinħema “Prekmurska gibanica” taffettwa l-forma tal-porzjon (trijangulari jew rettangolari).
Id-dehra ta’ “Prekmurska gibanica” u sezzjoni trażversali ta’ porzjon: “Prekmurska gibanica” tista’ tinħema f’dixx tond jew rettangolari. “Prekmurska gibanica”, sħiħa jew imqatta’, hija għolja 5–7 ċm. Il-porzjonijiet jista’ jkollhom waħda minn żewġ forom (trijangulari jekk ikun intuża dixx tond u rettangolari jekk ikun intuża dixx rettangolari). Il-porzjon għandu jinħema sew, bl-ebda mili ħiereġ u b’wiċċ lixx b’mod uniformi, kemmxejn immewweġ u mingħajr xquq. Il-mili individwali għandu jkun separat sew permezz ta’ saffi ta’ għaġina filo. Kull mili għandu l-kulur distint tipiku tiegħu (il-ġobon moxx huwa ta’ kulur abjad krema, il-ġewż u t-tuffieħ huma kannella dehbi u ż-żerriegħa tal-peprin hija ta’ kulur iswed ileqq). Is-saff tal-għaġina filo ta’ fuq m’għandux jinqala’ minn mal-aħħar mili. Għalhekk porzjon ta’ “Prekmurska gibanica” għandu tmien saffi; il-mili jsegwi lil xulxin skont sekwenza determinata b’mod preċiż (żerriegħa tal-peprin, ġobon moxx, ġewż, tuffieħ) u huma ta’ ħxuna uniformi fir-rigward tat-tip ta’ mili individwali. It-tieni sett ta’ mili huwa identiku għall-ewwel wieħed.
Aroma: il-prodott għandu aroma tipikament intensa, b’togħma u riħa ta’ żerriegħa friska tal-peprin, ġobon moxx, ġewż delikat u tuffieħ kemmxejn aċiduż. “Prekmurska gibanica” trid tkun sukkulenti, mhux żejtnija ż-żejjed u ottimalment ħelwa.
Konsistenza: Il-konsistenza ta’ porzjon hija ratba, delikata, fina, lixxa u ħafifa. Il-konsistenza tagħha għandha tkun ibbilanċjata fir-rigward tal-ingredjenti individwali.
3.6. Deskrizzjoni tal-metodu ta’ produzzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem taħt il-punt 3.1
L-ingredjenti bażiċi u l-ingredjenti addizzjonali preskritti għal “Prekmurska gibanica” huma:
— għall-għaġina tal-pastafrolla: 200 g dqiq abjad tal-qamħ, 100 g marġerina jew butir jew xaħam u ponta melħ jew ponta zokkor, u 100 ml ilma kiesaħ ħafna għall-għaġna (tista’ wkoll tintuża bajda, ħalib jew krema qarsa);
— għall-għaġina filo: 900 g dqiq abjad tal-qamħ, bajda 1 (opzjonali), mgħarfa 1 żejt veġetali, ponta melħ u ponta zokkor, u ilma fietel għall-għaġna.
L-għaġina tal-pastafrolla u l-għaġina filo jistgħu jiġu ppreparati immedjatament qabel ma ssir “Prekmurska gibanica” jew tista’ tinxtara (l-għaġina m’għandhiex tkun iffriżata).
— għall-mili: żerriegħa tal-peprin (300 g żerriegħa tal-peprin mitħuna fina, 100 g zokkor granulat, qartas 1 zokkor tal-vanilja); ġobon moxx (1,2 kg ġobon moxx intier, 100 g zokkor granulat, 2 qratas zokkor tal-vanilja, 2 bajdiet u ponta melħ); ġewż (300 g ġewż mitħun, 100 g zokkor granulat, qartas wieħed ta’ zokkor tal-vanilja); tuffieħ (1,5 kg tuffieħ – ta’ varjetà pjuttost aċiduża, ponta melħ, 120 g zokkor granulat, 2 qratas zokkor tal-vanilja, ponta kannella).
L-użu taz-zokkor tal-vanilja fil-mili mhuwiex obbligatorju.
— għat-toppings: tal-krema (800 ml krema, 3 bajdiet); xaħmi (250 g marġerina, butir, żejt veġetali jew xaħam).
Il-metodu ta’ produzzjoni għal “Prekmurska gibanica”:
L-għaġina tal-pastafrolla (magħġuna) tiġi ppreparata friska, jew tintuża għaġina mixtrija. Id-dqiq jiġi mgħarbel fuq bord u miegħu jiżdied il-melħ jew iz-zokkor; ix-xaħam jiġi mqatta’ irqieq fid-dqiq permezz ta’ sikkina jew jingħorok fih b’idejn kesħin. Mad-dqiq jiżdied ilma kiesaħ ħafna jew bajda u ħalib jew krema qarsa u kollox jiġi mħallat flimkien malajr biex tiġi ffurmata għaġina lixxa.
L-għaġina filo hija għaġina elastika ħafna b’kontenut baxx ta’ xaħam. Biex tagħmel l-għaġina hemm bżonn ta’ dqiq niexef u maturat sew. Issir ħofra fid-dqiq li jkun ġie mgħarbul fuq bord; imbagħad jiżdied ix-xaħam, il-melħ, iz-zokkor (u, opzjonalment, bajda) u l-ingredjenti jiġu magħġuna f’għaġina. Ilma fietel jiżdied kif meħtieġ, u l-għaġna tkompli sakemm l-għaġina ssir lixxa u elastika. L-għaġina filo tiġi maqsuma f’10 partijiet, u jekk ikun possibbli tinżamm waħda f’riżerva.
Mili taż-żerriegħa tal-peprin: għall-mili taż-żerriegħa tal-peprin tintuża żerriegħa tal-peprin mitħuna sew. Maż-żerriegħa tal-peprin mitħuna jiżdied iz-zokkor granulat u z-zokkor tal-vanilja u kollox jiġi mħallat flimkien sew. Il-mili taż-żerriegħa tal-peprin jintuża f’żewġ partijiet.
Mili tal-ġobon moxx: Mal-ġobon moxx jiżdiedu l-bajd, iz-zokkor tal-vanilja u z-zokkor granulat u ponta melħ. L-ingredjenti kollha jiġu mħallta sew flimkien sabiex it-taħlita tkun lixxa u tkun tista’ tinfirex. Il-mili ppreparat jiġi maqsum f’żewġ partijiet.
Mili tal-ġewż: Il-bażi għall-mili tal-ġewż huwa ġewż mitħun fin. Il-ġewż mitħun jitħallat maz-zokkor granulat u z-zokkor tal-vanilja. Il-mili tal-ġewż jintuża f’żewġ partijiet.
Mili tat-tuffieħ: It-tuffieħ jitqaxxar u jinħakk f’żigarelli rqaq, u miegħu jiżdied iz-zokkor granulat, iz-zokkor tal-vanilja u l-kannella. L-ingredjenti kollha jitħalltu ħafif flimkien. Jekk ikunu qed jintuża tuffieħ immerraq ħafna, dawn jinħakku, u fuqhom jitferrex ftit melħ (opzjonali) u jitħallew joqogħdu għal ftit tal-ħin. Imbagħad jingħasru, u wara dan biss jistgħu jiżdiedu l-ingredjenti l-oħra kollha li jifdal. Il-mili tat-tuffieħ jinqasam f’żewġ partijiet.
Topping tal-krema: Il-bajd sħaħ jitħabbtu bil-mod mal-krema qarsa jew ħelwa. It-topping jitferra fuq is-saffi individwali tal-mili fil-“Prekmurska gibanica”. Il-kwantità tat-topping tal-krema mhijiex l-istess għas-saffi kollha, għalhekk il-kwantità totali għandha tinqasam b’mod xieraq. L-akbar kwantità ta’ topping tal-krema tintuża għaż-żewġ mili “xott” (żerriegħa tal-peprin u ġewż). Il-kwantità hija iżgħar għall-mili tal-ġobon krema, filwaqt li l-iżgħar kwantità tintuża għall-mili tat-tuffieħ (jew it-tuffieħ tant ikun immerraq li ma jkun jeħtieġ ebda topping).
Topping xaħmi: It-topping xaħmi jista’ jsir bil-butir, xaħam jew xaħam veġetali. Bħat-topping tal-krema, it-topping xaħmi jitferra fuq is-saffi individwali f’“Prekmurska gibanica”. Il-kwantità ta’ topping kull saff huwa l-istess bħal fil-każ tat-topping tal-krema.
Issir l-għaġina tal-pastafrolla u jitħejjew l-ingredjenti li jifdal. L-għaġina mħejjija tal-pastafrolla (friska jew mill-friġġ, fejn trid toqgħod) titrembel f’forma addattata għall-ħami ta’ “Prekmurska gibanica” (rettangolari jew tonda). Il-ħxuna tal-għaġina tal-pastafrolla rrumblata m’għandhiex tkun aktar minn 5 mm. Id-dixx jindilek u l-għaġina rrumblata tal-pastafrolla titqiegħed ġo fih u tittaqqab b’furketta f’diversi postijiet. Imbagħad tista’ titqiegħed ġo forn imsaħħan għal ftit minuti sakemm l-għaġina issir kemmxejn safra (dan il-pass huwa opzjonali).
Hemm żewġ modi kif titħejja l-għaġina filo, skont il-forma tad-dixx (rettangolari jew tond):
|
— |
Dixx rettangolari L-għaġina filo li tkun għadha kemm saret tinqasam ġi maqsuma f’10 ħobżiet żgħar. Dawn jiġu miksija bix-xaħam, butir jew xaħam veġetali mdewweb sabiex wara li jitħallew joqogħdu ikunu friski u elastiċi. Wara li titħalla toqgħod, ħobża waħda ta’ għaġina filo tinfetaħ u terġa’ tinkesa b’xaħam likwidu sabiex tkun aktar faċli biex tiġġebbed. L-għaġina miftuħa minn ħobża waħda titqiegħed fid-dixx midluk għal-lest li jkun fih l-għaġina tal-pastafrolla sabiex it-truf tal-għaġina filo jkunu mrikkba fuq il-ġnub tad-dixx. L-għaġina filo titgħatta b’nofs il-mili taż-żerriegħa tal-peprin, u fuqu jitferra t-topping tal-krema u t-topping xaħmi. Tinfetaħ ħobża oħra ta’ għaġina filo u titpoġġa fuq il-mili taż-żerriegħa tal-peprin. Nofs il-mili tal-ġobon moxx jitqiegħed fuq it-tieni saff ta’ għaġina filo u jitgħatta bi kwantità xierqa tat-toppings (anqas milli għall-mili taż-żerriegħa tal-peprin). It-tielet saff ta’ għaġina filo titqiegħed fid-dixx u fuqha jitqiegħed nofs il-mili tal-ġewż u jitgħatta bl-istess kwantitajiet ta’ topping bħal fil-każ tal-mili taż-żerriegħa tal-peprin. Imbagħad nofs il-mili tat-tuffieħ jitferrex fuq ir-raba’ saff ta’ għaġina filo. Kwantità żgħira tat-topping xaħmi u tal-krema titferra fuqha. Jekk il-mili tat-tuffieħ jkun magħmul minn tuffieħ immerraq ħafna, ma jintuża l-ebda topping. Imbagħad, jiżdied saff ta’ għaġina filo mill-ħames ħobża. F’dan il-punt, il-proċess kollu jiġi ripetut fl-istess ordni, bis-saff taż-żerriegħa tal-peprin jiġi segwit mill-ġobon moxx, il-ġewż u t-tuffieħ. Bejn kull mili għandu jkun hemm saff ta’ għaġina filo. |
|
— |
Dixx tond L-għaġina filo tinkesa kollha b’xaħam likwidu qabel ma tinħadem u tiġi mġebbda f’ċirku kbir. Iċ-ċentru tal-għaġina mġebbda titpoġġa f’dixx midluk li jkun fih l-għaġina tal-pastafrolla u l-partijiet tal-għaġina li jkunu mrikkba fuq il-ġenb tad-dixx jinqatgħu f’disa’ partijiet bejn wieħed u ieħor indaqs perpendikolari mal-ġenb tad-dixx. Permezz ta’ mgħarfa nofs il-mili taż-żerriegħa tal-peprin jitqiegħed fuq l-għaġina fid-dixx u fuqu jitferra t-topping xaħmi u tal-krema. L-ewwel biċċa tal-għaġina li tkun ġiet imqatta’ tiġi mġebbda fuqu sabiex tkun mrikkba fuq il-ġenb tad-dixx. Kull biċċa oħra tal-għaġina maqtugħa tiġi mġebbda fuq mili. Nofs il-mili tal-ġobon moxx jitferrex fuq it-tieni saff ta’ għaġina filo u fuqu titferra kwantità żgħira ta’ topping xaħmi u tal-krema. Nofs il-mili tal-ġewż jitferrex b’mod uniformi fuq it-tielet saff ta’ għaġina filo u jinkesa bl-istess kwantitajiet ta’ topping xaħmi u tal-krema bħal fil-każ tal-mili taż-żerriegħa tal-peprin. Ir-raba’ biċċa ta’ għaġina filo tiġi mdaħħla u nofs il-mili tat-tuffieħ jitferrex fuqha. Kwantità żgħira ħafna ta’ topping xaħmi u tal-krema titferra fuqha. Il-proċess kollu jiġi ripetut fl-istess ordni. Meta jkun hemm tmien saffi ta’ mili bis-saffi korrispondenti ta’ għaġina filo bejniethom, it-tmien saff ta’ għaġina filo titpoġġa fuq l-aħħar mili u fuqha jitferrex it-topping tal-krema jew it-topping xaħmi u fuqu jitqiegħed is-saff finali (id-disa’) ta’ għaġina. |
Xi truf ħoxnin ta’ għaġina filo li jkun għad fadal meta tkun qiegħda tingħaqad il-“Prekmurska gibanica” u li jkunu mrikkba fuq il-ġenb tad-dixx imbagħad jinqatgħu, filwaqt li t-truf li jifdal jiddaħħlu fl-ispazju bejn il-“Prekmurska gibanica” u l-ġenb tad-dixx. Is-saff ta’ fuq ta’ għaġina filo fid-dixx tinkesa bit-topping xaħmi jew b’taħlita tat-topping xaħmi u krema qarsa jew ħelwa li tkun ġiet imħallta b’isfar ta’ bajda. Imbagħad il-“Prekmurska gibanica” tittaqqab f’diversi postijiet b’labra twila u rqieqa sal-qiegħ tad-dixx.
Immedjatament wara l-preparazzjoni, “Prekmurska gibanica” tista’ tiġi ppakkjata (nejja) f’materjal xieraq għall-ippakkjar u tiġi ffriżata l-istess jum.
Il-“Prekmurska gibanica” ippreparata (friska jew iffriżata) tinħema f’forn sakemm tkun saret kompletament. It-temperatura tal-forn hija ta’ siegħa f’temperatura ta’ 200 °C u siegħa oħra f’temperatura ta’ 170-180 °C. Irrispettivament minn din ir-rakkomandazzjoni, it-temperatura u l-ħin tal-ħami jistgħu jiġu aġġustati skont it-tip ta’ forn. Jekk qabel ma tinħema l-“Prekmurska gibanica” tkun inksiet biss b’topping xaħmi, fl-aħħar tal-proċess tal-ħami għandha tinkesa bi krema qarsa jew bi krema ħelwa. Il-“Prekmurska gibanica” moħmija għandha titħalla tiksaħ f’temperatura tal-kamra għal ftit siegħat.
Il-“Prekmurska gibanica” moħmija m’għandhiex titqatta’ waqt li tkun għadha sħuna. Jekk tinħema f’dixx tond, titqatta’ fi triangoli, u jekk tinħema f’dixx rettangolari, titqatta’ f’rettangoli. Biċċa individwali ta’ “Prekmurska gibanica” moħmija għandha tkun għolja 5–7 ċm u m’għandhiex tiżen aktar minn 250 g. Meta tkun qed tiġi servuta, “Prekmurska gibanica” tista’ titqatta fi kwalunkwe għadd ta’ biċċiet iżgħar. Wara li titqatta’, jiġi mferrex zokkor riġnu fuq is-saff ta’ fuq tal-għaġina filo. Fil-każ ta’ produzzjoni industrijali, il-piż ta’ biċċa individwali m’għandux jaqbeż il-200 g, filwaqt li d-daqs tagħha għandu jkun ta’ madwar 5 x 7 ċm.
3.7. Karattru speċifiku tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
Tradizzjonalment “Prekmurska gibanica” tiġi magħmula minn żewġ tipi differenti ta’ għaġina (bażi tal-pastafrolla u għaġina filo bejn is-saffi tal-mili) u erba’ tipi ta’ mili differenti (żerriegħa tal-peprin, ġobon moxx, ġewż, tuffieħ). Invarjabbilment il-mili jiġi ripetuti fl-istess ordni, kull wieħed darbtejn, li dan jaffettwa wkoll id-dehra speċifika. Fil-wiċċ ikun hemm saff ta’ għaġina filo u topping. Huwa importanti li għall-preparazzjoni ta’ “Prekmurska gibanica” jintużaw ingredjenti esklussivament ta’ kwalità għolja u friski u li l-proċedura tal-preparazzjoni ssir b’mod konsistenti; teħtieġ ukoll ammont kbir ta’ preċiżjoni u kompetenza. Id-dehra speċifika tagħha hija partikularment importanti, u t-togħma tiġi mit-tipi ta’ saffi differenti.
3.8. Il-karattru tradizzjonali tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
Il-kelma gibanica ġejja mill-kelma gűba (tinja jew tikmixa) u l-verb gibati (li tgħawweġ jew tikkurva). Evidenza li dan it-tip ta’ kejk ilu magħruf fi Prekmurje hija pprovduta minn bosta sorsi storiċi. L-eqdem sors bil-miktub imur lura għall-1828, meta l-edukatur u l-qassis Jožef Košič, fuq talba tal-etnografu mwieled fis-Slovakkja Johann Csaplovics E. V. Jeszenova, ikkumpila dokument li jindika l-aktar ikel komuni f’villaġġ fi Prekmurje mitt sena ilu, b’attenzjoni speċjali għal platti bħal hajdinjača, Prekmurska gibanica, krapci u vrtanki. Csaplovics ippubblika din l-esej bl-Ungeriż u bil-Ġermaniż (A magyaroszági Vendus – tótokról, Croaten und Wenden in Ungern). F’dan id-dokument, Košič jippreżenta wkoll l-ikliet li jisservew f’tiġijiet fi Prekmurje. Gibanica hija waħda mill-ikliet li dejjem tittiekel fit-tiġijiet. L-esej tgħid ukoll li gibanica tieħu isimha minn għaġina f’saffi — gyüba — u kellha 10–11-il saff. Il-gibanica kienet titqatta’ f’biċċiet trijangulari, li kienu jitqiegħdu f’munzell fuq il-mejda. Dan ir-rakkont isemmi wkoll l-ewwel sorsi bil-miktub li jiddeskrivu l-użanza tat-tħejjija u l-offerta ta’ gibanica fi Prekmurje.
L-ewwel persuna li tittratta b’mod estensiv u sistematiku d-drawwiet alimentari tal-persuni fi Prekmurje kien Dr Vilko Novak. Fl-studju etnografiku tiegħu tal-1947 Ljudska prehrana v Prekmurju [Id-Dieta Popolari fi Prekmurje], “Prekmurska gibanica” tissemma bħala dixx ta’ għaġina moħmija u l-preparazzjoni tagħha hija deskritta kif ġej: “Gibanica ssir minn għaġina tal-pastafrolla li ssir bil-butir jew xaħam. Is-saff ta’ taħt huwa magħruf bħala l-‘qiegħ’, li fuqu jitferrex ġobon moxx, ġewż, żerriegħa tal-peprin u għeneb. Dan is-saff jiġi mgħotti b’għaġina strudel irqieqa, li tiġi mgħottija b’saff ġdid, u l-krema tiġi mferra fuq kull saff. Isiru sa disa” saffi jew tiwjiet – gibanica b’disa’ saffi. Gibanica tinħema f’dixx tond tal-fuħħar imsejjaħ tepsija għall-magħmudijiet, festi u festi tal-qaddisin patruni. Anke llum, dan ix-xogħol iservi bħala gwida għal bosta riċerkaturi f’dan il-qasam.
Riċetta dettaljata ħafna bil-miktub għal “Prekmurska gibanica” kienet deskritta minn Andreja Grum u Ivan Vozelj fil-ktieb tal-1964 Slovenske narodne jedi [Dixxijiet Sloveni Nazzjonali]. Dan il-ktieb jiddeskrivi żewġ riċetti għal “Prekmurska gibanica”, li t-tnejn jiddikjaraw dan li ġej: “Hemm żewġ tipi ta’ għaġina f’‘Prekmurska gibanica’. Is-saff tal-qiegħ huwa magħmul minn għaġina tal-pastafrolla u huwa kemmxejn eħxen. Jissejjaħ il-podplat (il-qiegħ). Is-saffi l-oħra ta’ għaġina li jiġu mqiegħda fuq din l-għaġina huma għaġina filo. Is-saff tal-qiegħ huwa eħxen, anki jekk il-gibanica kollha hija magħmula minn għaġina filo”.
“Prekmurska gibanica” tissemma wkoll mill-akbar poeta ta’ Prekmurje, Miško Kranjec, fix-xogħol tiegħu tal-1972 Povest o dobrih ljudeh [Storja ta’ Nies Twajba]: “Għandu jingħad li gibanica biss tagħmel btala, btala ta’ veru. Għalkemm raġel fqir bilkemm jista” jaffordjaha darba fis-sena, dan huwa sinjal li ħadd ma jista’ jissoppravivi sena mingħajr tal-inqas btala waħda. Sadanittant Anna ħarġet il-gibanica mill-forn u poġġietha fuq il-mejda, iżżomm id-dixx biċ-ċraret sabiex ma tinħaraqx. Taħtha Joseph poġġa l-plattina tal-injam li fuqha normalment ikun hemm il-buqar tal-ilma. Imbagħad ħares mill-qrib lejn il-gibanica. Kienet quddiemu kollha kuluri, isfar u abjad, biż-żerriegħa tal-peprin imferrxin ‘l hemm u ‘l hawn, kienet għadha tagħli, imdellka bil-krema u biz-zokkor imferrex fuqha. Huwa mejjel rasu ‘l isfel f’approvazzjoni, u qal: “Hija tajba. Kont niekolha anke kieku kont ninsab fuq is-sodda ta’ mewti u kont naf perfettament li ma kienitx se tagħmilli aktar ġid. U anke fil-ġenna nibkiha, kieku kelli nħalliha sħiħa fid-dinja.”
Matul l-aħħar 15-il sena ġew ippubblikati għadd ta’ kotba li jiddeskrivu lil “Prekmurska gibanica”. “Prekmurska gibanica” ġiet ippreżentata fis-sens kulinari minn Cilka Sukič f’Jedi nekdanjih in sedanjih dni. Prekmurska, prleška in štajerska kuhinja [Platti antiki u moderni. It-Tisjir ta’ Prekmurje, Prlekija u Styria] (1997), Jože Zadravec f’Značilnosti ljudske prehrane v Prekmurju [Karatteristiċi tad-Dieta Popular fi Prekmurje] (1998) u Branko Časar f’Boug žegnjaj [Alla Jbierek] (2000). It-teknoloġija tal-manifattura tagħha u l-valutazzjoni tal-karatteristiċi organolettiċi tagħha ġew deskritti fid-dettall minn Stanko Renčelj u Romana Karas f’Prekmurske dobrote [Speċjalitajiet Kulinari ta’ Prekmurje] (2001).
3.9. Rekwiżiti u proċeduri minimi biex jiġi ċċekkjat il-karattru speċifiku
“Prekmurska gibanica” għandha tissodisfa r-rekwiżiti minimi bażiċi li huma stabbiliti fl-ispeċifikazzjoni u jirriflettu l-karattru speċifiku tal-prodott. Ir-rekwiżiti minimi bażiċi għal “Prekmurska gibanica” huma:
|
— |
għandhom jintużaw l-ingredjenti preskritti, |
|
— |
għandha tiġi segwita r-riċetta għall-produzzjoni ta’ “Prekmurska gibanica”, |
|
— |
il-prodott finali għandu jkollu s-sekwenza korretta ta’ mili (żerriegħa tal-peprin, ġobon moxx, ġewż u tuffieħ), l-għadd korrett ta’ saffi, mili tal-istess ħxuna, l-għoli tal-porzjon, il-forma tal-porzjon, il-piż tal-porzjon, ir-riħa, l-aroma u l-konsistenza preskritti. |
Il-produtturi ta’ “Prekmurska gibanica” għandhom iżommu rekords tal-kwantitajiet ta’ “Prekmurska gibanica” prodotti u mibjugħa.
Verifiki dwar il-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet f’termini tal-użu tal-materja prima preskritta, il-proċess ta’ produzzjoni, id-dehra u l-karatteristiċi organolettiċi tal-prodott finali għandhom isiru minn produtturi individwali u/jew assoċjazzjonijiet ta’ produtturi, u mill-inqas darba fis-sena anke minn korp ta’ ċertifikazzjoni li jivverifika l-konformità mal-istandard Ewropew EN 45011.
4. Awtoritajiet jew korpi li jivverifikaw konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott
4.1. Isem u indirizz
|
(a) |
|
|
(b) |
|
|
(c) |
|
4.2. Kompiti speċifiċi tal-awtorità jew il-korp
Il-korp akkreditat taċ-ċertifikazzjoni huwa responsabbli għall-kontrolli fuq l-istadji kollha preskritti fl-ispeċifikazzjoni għal “Prekmurska gibanica”.
(1) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.
(2) ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.
(3) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 2.