|
2.8.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 252/7 |
Avviż ta’ bidu ta’ rieżami ta’ skadenza tal-miżuri antidumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ vireg tal-wajer li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina
(2014/C 252/05)
Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ skadenza imminenti (1) tal-miżuri antidumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ vireg tal-wajer li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina, il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) irċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (2) (“ir-Regolament bażiku”).
1. Talba għal rieżami
It-talba tressqet fid-29 ta’ April 2014 mill-European European Steel Association (“Eurofer”) (“l-applikant”) f’isem il-produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 %, tal-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-vireg tal-wajer.
2. Il-prodott rieżaminat
Il-prodott suġġett għal dan ir-rieżami huwa staneg u vireg, irrumblati bis-sħana, f’koljaturi mkebbin b’mod irregolari, tal-ħadid, tal-azzar mhux illigat jew liga tal-azzar għajr azzar inossidabbli li joriġinaw fir-RPĊ (“il-prodott li qed jiġi rieżaminat”), li bħalissa jaqa’ fi ħil-kodiċi NM 7213 10 00, 7213 20 00, 7213 91 10, 7213 91 20, 7213 91 41, 7213 91 49, 7213 91 70, 7213 91 90, 7213 99 10, 7213 99 90, 7227 10 00, 7227 20 00, 7227 90 10, 7227 90 50 u 7227 90 95.
3. Miżuri eżistenti
Il-miżuri fis-seħħ bħalissa huma dazju antidumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 703/2009 (3).
4. Raġunijiet għar-rieżami
It-talba hija bbażata fuq ir-raġunijiet li l-iskadenza tal-miżuri aktarx twassal għal rikorrenza ta’ dumping u għal rikorrenza ta’ ħsara għall-industrija tal-Unjoni.
4.1. Allegazzjoni dwar il-probabbiltà tal-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza tad-dumping
Billi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7) tar-Regolament bażiku, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“il-pajjiż ikkonċernat”) titqies bħala pajjiż b’ekonomija mhux tas-suq, l-applikant stabbilixxa valur normali għall-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat abbażi tal-prezz f’pajjiż terz li għandu ekonomija tas-suq, jiġifieri l-Brażil. L-allegazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping hija bbażata fuq tqabbil tal-valur normali stabbilit bil-prezz tal-esportazzjoni (fil-livell ex-works) tal-prodott li qed jiġi rieżaminat meta dan jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni kif ukoll lejn is-swieq f’pajjiżi terzi oħra, fid-dawl tan-nuqqas attwali ta’ volumi sinifikanti ta’ importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat lejn l-Unjoni.
Abbażi tat-tqabbil ta’ hawn fuq, li juri l-eżistenza ta’ dumping, l-applikant jallega li hemm probabbiltà ta’ kontinwazzjoni u rikorrenza ta’ dumping min-naħa tal-pajjiż ikkonċernat.
4.2. Allegazzjoni ta’ probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ ħsara
L-applikant jallega l-probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ ħsara.
F’dan ir-rigward, l-applikant ippreżenta provi prima facie li, f’każ li l-miżuri jitħallew jiskadu, il-livell attwali tal-importazzjoni tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiż ikkonċernat għall-Unjoni, aktarx jiżdied b’livell ta’ prezz dannuż. Dan jiġri minħabba l-eżistenza ta’ kapaċità mhux użata u l-potenzjal tal-faċilitajiet ta’ manifattura tal-produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat. Fatturi oħrajn importanti huma l-eżistenza ta’ ostakoli kummerċjali għall-pajjiż ikkonċernat fi swieq ta’ pajjiżi terzi oħra u l-attrattività tas-suq tal-Unjoni.
Fl-aħħar nett, l-applikant jallega li t-tneħħija tal-ħsara seħħet prinċipalment minħabba l-eżistenza tal-miżuri u li, jekk il-miżuri jitħallew jiskadu, żieda sostanzjali fl-importazzjonijiet bi prezzijiet ta’ dumping mill-pajjiż ikkonċernat x’aktarx twassal għal rikorrenza ta’ ħsara għall-Industrija tal-Unjoni.
5. Proċeduri
Wara li ddeterminat li teżisti biżżejjed evidenza biex jiġi ġġustifikat il-bidu ta’ rieżami ta’ skadenza, wara li kienet ikkonsultat il-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni b’dan tagħti bidu għal rieżami skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.
5.1. Proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni/rikorrenza ta’ dumping
Il-produtturi esportaturi (4) tal-prodott li qed jiġi rieżaminat mill-pajjiż ikkonċernat, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri fis-seħħ, huma mistiedna jieħdu sehem fl-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
5.1.1.
Minħabba li jidher li hemm għadd kbir ta’ produtturi esportaturi fil-pajjiż ikkonċernat li huma involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u biex tlesti l-investigazzjoni fl-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-produtturi esportaturi li jridu jiġu investigati għal għadd raġonevoli billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk it-teħid ta’ kampjuni huwiex meħtieġ, u jekk dan ikun il-każ, biex tagħżel kampjun, il-produtturi esportaturi kollha, jew ir-rappreżentanti tagħhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjonijiet li wasslu għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, huma hawnhekk mitluba jippreżentaw lilhom infushom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness I ta’ dan l-Avviż.
Sabiex tikseb it-tagħrif li tqis li hu meħtieġ għall-għażla tal-kampjun ta’ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tikkuntattja wkoll lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, u tista’ tikkuntattja lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi esportaturi.
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, il-produtturi esportaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien għad-dispożizzjoni. Il-produtturi esportaturi kollha magħrufa, l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat u l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi esportaturi se jiġu nnotifikati mill-Kummissjoni, permezz tal-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat jekk ikun xieraq, dwar il-kumpaniji magħżula biex ikunu fil-kampjun.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li hi meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi esportaturi li ntgħażlu għall-kampjun, lil kull assoċjazzjoni magħrufa tal-produtturi esportaturi, u lill-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat.
Il-produtturi esportaturi kollha magħżula biex ikunu parti mill-kampjun, kull assoċjazzjoni ta’ produtturi esportaturi magħrufa u l-awtoritajiet tal-pajjiż ikkonċernat, għandhom jissottomettu kwestjonarju komplut fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji li jkunu qablu mal-inklużjoni possibbli tagħhom fil-kampjun iżda li ma jintgħażlux biex ikunu fil-kampjun se jitqiesu li jkunu kkooperaw (“il-produtturi esportaturi li kkooperaw iżda mhux inklużi fil-kampjun”).
5.1.2.
Skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ ta’ importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, il-valur normali jkun determinat fuq il-bażi tal-prezz jew tal-valur maħdum f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq.
Fl-investigazzjoni preċedenti, il-prezzijiet attwalment imħallsa jew pagabbli fl-Unjoni ntużaw għall-għan tal-istabbiliment tal-valur normali rigward il-pajjiż ikkonċernat. Madankollu, għall-fini ta’ din l-investigazzjoni, il-Kummissjoni beħsiebha tuża lill-Brażil bħala pajjiż terz b’ekonomija tas-suq. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkummentaw dwar kemm hi xierqa din l-għażla fi żmien għaxart ijiem mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Skont l-informazzjoni disponibbli lill-Kummissjoni, fornituri oħrajn tal-Unjoni b’ekonomija tas-suq jistgħu jinsabu fost l-oħrajn fl-Isvizzera, in-Norveġja, il-Ġappun u t-Turkija. Il-Kummissjoni se teżamina jekk hemmx produzzjoni u bejgħ tal-prodott rieżaminat f’dawk il-pajjiżi terzi b’ekonomija tas-suq li hemm indikazzjonijiet dwarhom li l-produzzjoni tal-prodott rieżaminat qed isseħħ.
Importaturi mhux relatati tal-prodott taħt rieżami mill-pajjiżi kkonċernati lejn l-Unjoni huma mistiedna li jipparteċipaw f’din l-investigazzjoni.
Minħabba l-għadd potenzjalment kbir ta’ importaturi mhux relatati involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza u sabiex tlesti l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni tista’ tillimita għal għadd raġonevoli l-importaturi mhux relatati li se jkunu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). Il-kampjunar se jsir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk il-kampjunar huwiex meħtieġ, u jekk iva, sabiex tagħżel kampjun, l-importaturi mhux relatati kollha, jew ir-rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi dawk li ma kkooperawx fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri soġġetti għal dan ir-rieżami, qegħdin b’dan jintalbu jippreżentaw ruħhom lill-Kummissjoni. Dawn il-partijiet iridu jagħmlu dan fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, billi jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni dwar il-kumpanija/kumpaniji tagħhom, kif mitlub fl-Anness II ta’ dan l-avviż.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li tqis li hija meħtieġa għall-għażla tal-kampjun ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni tista’ tikkuntattja wkoll lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi.
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun, minbarra l-informazzjoni mitluba hawn fuq, iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Jekk ikun hemm bżonn ta’ kampjun, l-importaturi jistgħu jintgħażlu abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ bejgħ tal-prodott li qed jiġi eżaminat fl-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien għad-dispożizzjoni. L-importaturi mhux relatati u l-assoċjazzjonijiet ta’ importaturi kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar il-kumpaniji magħżula għall-kampjun.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-importaturi mhux relatati inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ importaturi. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
5.2. Proċedura biex tiġi ddeterminata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni/rikorrenza ta’ dumping - Investigazzjoni tal-produtturi tal-Unjoni
Sabiex jiġi stabbilit jekk hemmx probabbiltà ta’ rikorrenza ta’ ħsara lill-industrija tal-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni tal-prodott rieżaminat huma mistiedna jieħdu sehem f’din l-investigazzjoni tal-Kummissjoni.
Minħabba li hemm għadd kbir ta’ produtturi tal-Unjoni involuti f’dan ir-rieżami ta’ skadenza, u sabiex ittemm l-investigazzjoni fil-limitu tal-iskadenzi statutorji, il-Kummissjoni ddeċidiet li tillimita għal għadd raġonevoli l-produtturi tal-Unjoni li se jiġu investigati billi tagħżel kampjun (dan il-proċess jissejjaħ ukoll “kampjunar”). It-teħid tal-kampjuni jsir f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.
Il-Kummissjoni għażlet provviżorjament kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Id-dettalji jinsabu fil-fajl li huwa għall-ispezzjoni mill-partijiet interessati. Il-partijiet interessati huma b’dan mistiedna jikkonsultaw il-fajl (biex jagħmlu dan iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni bl-għajnuna tad-dettalji ta’ kuntatt mogħtija fit-taqsima 5.6 hawn taħt). Produtturi oħrajn tal-Unjoni, jew rappreżentanti li jaġixxu f’isimhom, inklużi l-produtturi tal-Unjoni li ma kkooperawx fl-investigazzjoni(jiet) li wasslu għall-miżuri fis-seħħ, li jqisu li hemm raġunijiet għalfejn għandhom ikunu inklużi fil-kampjun iridu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Il-partijiet interessati kollha li jixtiequ jippreżentaw xi informazzjoni rilevanti oħra rigward l-għażla tal-kampjun iridu jagħmlu dan fi żmien 21 jum mill-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
Il-produtturi tal-Unjoni u/jew l-assoċjazzjonijiet ta’ produtturi tal-Unjoni kollha magħrufa se jiġu mgħarrfa mill-Kummissjoni dwar liema kumpaniji jkunu finalment intgħażlu biex jiġu inklużi fil-kampjun.
Sabiex tikseb l-informazzjoni li jidhrilha li tkun meħtieġa għall-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni se tibgħat kwestjonarji lill-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u lil kull assoċjazzjoni magħrufa ta’ produtturi tal-Unjoni. Dawn il-partijiet iridu jibagħtu l-kwestjonarju mimli fi żmien 37 jum mid-data tan-notifika tal-għażla tal-kampjun, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor.
5.3. Il-proċedura għall-valutazzjoni tal-interess tal-Unjoni
Jekk tiġi kkonfermata l-probabbiltà li jissoktaw jew jerġgħu jseħħu d-dumping u d-dannu, se tittieħed deċiżjoni, skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, dwar jekk iż-żamma tal-miżuri tal-antidumping tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Il-produtturi tal-Unjoni, l-importaturi u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom, l-utenti u l-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumatur huma mistiedna jippreżentaw ruħhom fi żmien 15-il jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Sabiex jieħdu sehem fl-investigazzjoni, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-konsumaturi jridu juru, fl-istess limitu ta’ żmien, li hemm rabta oġġettiva bejn l-attivitajiet tagħhom u l-prodott li qed jiġi rieżaminat.
Il-partijiet li jippreżentaw ruħhom qabel il-limitu ta’ żmien ta’ hawn fuq jistgħu jipprovdu lill-Kummissjoni b’informazzjoni dwar l-interess tal-Unjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor. Din l-informazzjoni tista’ tingħata jew f’format ħieles inkella billi jimtela kwestjonarju mħejji mill-Kummissjoni. F’ kull każ, l-informazzjoni mogħtija skont l-Artikolu 21 se titqies biss jekk, meta tiġi ppreżentata, tkun sostnuta b’evidenza fattwali.
5.4. Sottomissjonijiet oħrajn bil-miktub
Soġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Avviż, il-partijiet interessati kollha huma b’dan mistiedna biex juru fehmiethom, jippreżentaw l-informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, din l-informazzjoni u l-evidenza ta’ sostenn iridu jaslu għand il-Kummissjoni fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
5.5. Possibbiltà ta’ smigħ mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni
Il-partijiet interessati kollha jistgħu jitolbu li jinstemgħu mis-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. Kull talba għal smigħ trid issir bil-miktub u trid tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għas-seduti dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikażzzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limitu tal-iskadenzi speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.
5.6. Istruzzjonijiet għas-sottomissjonijiet bil-miktub u biex jintbagħtu l-kwestjonarji mimlija u l-korrispondenza.
Is-sottomissjonijiet kollha bil-miktub, inkluża l-informazzjoni mitluba f’dan l-avviż, il-kwestjonarji kompluti u l-korrispondenza pprovduta mill-partijiet interessati li għaliha jintalab trattament kunfidenzjali jkunu mmarkati bħala “Ristretti” (7).
Il-partijiet interessati li jipprovdu informazzjoni “Ristretta” huma mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tagħha skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament bażiku, li se jiġu mmarkati bil-kliem “Għal konsultazzjoni mill-partijiet interessati”. Dawn is-sommarji jridu jkunu dettaljati biżżejjed sabiex is-sustanza tal-informazzjoni mressqa b’mod kunfidenzjali tinftiehem b’mod raġonevoli. Jekk parti interessata li tippreżenta informazzjoni kunfidenzjali ma tipprovdix sommarju mhux kunfidenzjali tagħha fil-format u tal-kwalità mitluba, din l-informazzjoni tista’ tiġi injorata.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jressqu s-sottomissjonijiet u t-talbiet kollha permezz tal-posta elettronika inklużi dokumenti ta’ prokuri u ta’ ċertifikazzjoni skennjati, bl-eċċezzjoni ta’ tweġibiet voluminużi li jiġu ppreżentati fuq CD-ROM jew DVD bl-idejn jew permezz ta’ ittra rreġistrata. Permezz ta’ ittra elettronika, il-partijiet interessati jesprimu l-qbil tagħhom mar-regoli applikabbli għas-sottomissjonijiet elettroniċi li jinsabu fid-dokument “CORRESPONDANCE WITH THE EUROPEAN COMMISSION IN TRADE DEFENCE CASES” ippubblikat fuq is-sit elettroniku tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/june/tradoc_148003.pdf. Il-partijiet interessati jridu jindikaw isimhom, l-indirizz, in-numru tat-telefon u indirizz tal-posta elettronika validu u għandhom jiżguraw li l-indirizz elettroniku pprovdut huwa indirizz elettroniku tax-xogħol uffiċjali li jiffunzjona u li jiġi kkonsultat kuljum. Ladarba d-dettalji ta’ kuntatt huma stabbiliti, il-Kummissjoni tikkomunika mal-partijiet interessati permezz tal-posta elettronika biss, sakemm ma jkunx hemm talba li d-dokumenti kollha mill-Kummissjoni għandhom jintbagħtu permezz ta’ mezz ieħor ta’ komunikazzjoni jew sakemm in-natura tad-dokument li għandu jintbagħat ma jkunx jeħtieġ l-użu ta’ posta rreġistrata. Għal aktar regoli u informazzjoni dwar il-korrispondenza mal-Kummissjoni inklużi l-prinċipji li japplikaw għas-sottomissjonijiet bil-posta elettronika, il-partijiet interessati għandhom jikkonsultaw l-istruzzjonijiet ta’ komunikazzjoni mal-partijiet interessati msemmija hawn fuq.
L-indirizz tal-Kummissjoni għall-korrispondenza:
|
European Commission |
|
Directorate-General for Trade |
|
Directorate H-Greffe |
|
CHAR |
|
Rue de la Loi/Wetstraat 170 |
|
1049 Bruxelles/Brussel |
|
BELGIQUE/BELGIË |
|
E-mail għad-dumping: TRADE-WIRE-ROD-DUMPING@ec.europa.eu |
|
E-mail għall-ħsara: TRADE-WIRE-ROD-INJURY@ec.europa.eu |
6. In-nuqqas ta’ kooperazzjoni
F’każijiet fejn xi parti interessata tirrifjuta l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa jew ma tipprovdihiex fil-limiti ta’ żmien stipulati, jew tfixkel b’mod sinifikanti l-investigazzjoni, is-sejbiet, sew jekk pożittivi sew jekk negattivi, jistgħu jsiru abbażi tal-fatti disponibbli, skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku.
Jekk jinstab li xi parti interessata tkun tat informazzjoni falza jew qarrieqa, l-informazzjoni tista’ tiġi injorata, u jista’ jagħti l-każ li jintużaw il-fatti disponibbli.
Jekk parti interessata ma tikkooperax jew tikkoopera parzjalment biss, u r-riżultati huma għalhekk imsejsa fuq fatti disponibbli konformi mal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, ir-riżultat jista’ jkun anqas favorevoli għal dik il-parti milli kieku kkooperat.
In-nuqqas li tingħata tweġiba kompjuterizzata ma jitqiesx bħala nuqqas ta’ kooperazzjoni, bil-kundizzjoni li l-parti interessata tindika li jekk tippreżenta t-tweġiba kif mitlub jinħoloq piż żejjed mhux raġonevoli jew kostijiet żejda mhux raġonevoli. Il-parti interessata għandha tagħmel kuntatt mal-Kummissjoni immedjatament.
7. L-Uffiċjal tas-Seduta
Il-partijiet interessati jistgħu jitolbu l-intervent tal-Uffiċjal tas-Seduta tad-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ. L-Uffiċjal tas-Seduta jaġixxi ta’ medjatur bejn il-partijiet interessati u s-servizzi ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni. L-Uffiċjal tas-Seduta jeżamina mill-ġdid it-talbiet għall-aċċess għall-fajl, it-tilwim li jirrigwarda l-kunfidenzjalità tad-dokumenti, it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti ta’ żmien u t-talbiet minn partijiet terzi għal smigħ. L-Uffiċjal tas-Seduta jista’ jorganizza seduta ta’ smigħ ma’ parti interessata individwali u jagħmilha ta’ medjatur sabiex jiżgura li d-drittijiet tad-difiża tal-partijiet interessati jkunu qed jitħaddmu b’mod sħiħ.
It-talba għal seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta għandha ssir bil-miktub u għandha tispeċifika r-raġunijiet għat-talba. Għas-seduti dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fażi inizjali tal-investigazzjoni t-talba għandha tiġi ppreżentata fi żmien 15-il jum mill-pubblikażzzjoni ta’ dan l-Avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Wara dan, it-talba għal smigħ trid titressaq fil-limiti ta’ żmien speċifiċi stabbiliti mill-Kummissjoni fil-komunikazzjoni tagħha mal-partijiet.
L-Uffiċjal tas-Seduta jagħti wkoll opportunitajiet biex isir smigħ li jinvolvi lill-partijiet u li jippermetti li jiġu ppreżentati fehmiet differenti u li jitressqu argumenti kuntrarji dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw, fost l-oħrajn, il-probabbiltà li jissoktaw jew jerġgħu jseħħu d-dumping u d-dannu, u l-interess tal-Unjoni.
Għal aktar informazzjoni u għad-dettalji ta’ kuntatt, il-partijiet interessati jistgħu jikkonsultaw il-paġni elettroniċi tal-Uffiċjal tas-Seduta fuq is-sit elettroniku tad-DĠ Kummerċ: http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/degucht/contact/hearing-officer/
8. Skeda tal-investigazzjoni
L-investigazzjoni se tintemm, skont l-Artikolu 11(5) tar-Regolament bażiku, fi żmien 15-il xahar mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
9. Possibbiltà li jintalab rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku
Billi dan ir-rieżami ta’ skadenza qed jingħata bidu f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, is-sejbiet tiegħu mhux se jwasslu biex il-miżuri eżistenti jiġu emendati iżda biex dawn il-miżuri jitħassru jew jinżammu skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament bażiku.
Jekk xi parti interessata tqis li jkun iġġustifikat li jsir rieżami tal-miżuri, sabiex ikun possibbli li l-miżuri jiġu emendati, din il-parti tista’ titlob li jsir rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.
Il-partijiet li jixtiequ jitolbu għal rieżami ta’ dan it-tip, li jsir indipendentement mir-rieżami ta’ skadenza msemmi f’dan l-Avviż, jistgħu jikkuntattjaw lill-Kummissjoni fl-indirizz mogħti hawn fuq.
10. Trattament tad-dejta personali:
Kull dejta personali miġbura f’din l-investigazzjoni tiġi trattata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ din id-dejta (8).
(1) ĠU C 318, 1.11.2013, p. 6.
(2) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.
(4) Produttur esportatur huwa kull kumpanija fil-pajjiż ikkonċernat li tipproduċi u tesporta l-prodott rieżaminat lejn is-suq tal-Unjoni, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ parti terza, inkluża kull kumpanija relatata magħha involuta fil-produzzjoni, fil-bejgħ domestiku jew fl-esportazzjonijiet tal-prodott rieżaminat.
(5) Għall-kampjun jistgħu jintgħażlu biss l-importaturi li mhumiex relatati mal-produtturi esportaturi. L-importaturi li huma relatati mal-produtturi esportaturi jridu jimlew l-Anness 1 tal-kwestjonarju għal dawn il-produtturi esportaturi. Għad-definizzjoni ta’ parti relatata ara n-noti 5 u 8 ta’ qiegħ il-paġna tal-Annessi I u II ta’ dan l-Avviż.
(6) Id-dejta mogħtija minn importaturi mhux relatati tista’ tintuża wkoll biex jiġu eżaminati aspetti ta’ din l-investigazzjoni, apparti d-determinazzjoni tad-dumping.
(7) Dokument “Ristrett” huwa dokument meqjus kunfidenzjali skont l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) u l-Artikolu 6 tal-Ftehim tad-WTO dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-GATT 1994 (Ftehim dwar l-Antidumping). Huwa wkoll dokument protett skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).
ANNESS I
ANNESS II