|
20.6.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 188/4 |
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
Kriterji għall-analiżi tal-kompatibilità mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni
(2014/C 188/02)
1. INTRODUZZJONI
|
1. |
Din il-Komunikazzjoni tipprovdi gwida dwar il-valutazzjoni, skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, tal-finanzjament ta’ proġetti importanti ta’ interess Ewropew komuni (important projects of common European interest, IPCEIs). |
|
2. |
L-IPCEIs jistgħu jirrappreżentaw kontribut importanti ħafna għat-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi u l-kompetittività għall-industrija u l-ekonomija tal-Unjoni fid-dawl tal-effetti ta’ riperkussjoni pożittivi fuq is-suq intern u s-soċjetà tal-Unjoni. |
|
3. |
L-IPCEIs jagħmluha possibbli li jiġbru flimkien għarfien, kompetenzi, riżorsi finanzjarji u atturi ekonomiċi minn madwar l-UE, biex jingħelbu nuqqasijiet sistemiċi jew tas-suq importanti u sfidi soċjetali li li kieku ma jkunux jistgħu jiġu indirizzati. Huma maħsuba biex jiġbru flimkien lis-settur privat u dak pubbliku biex isiru proġetti fuq skala kbira li jipprovdu benefiċċji sinifikanti lill-Unjoni u liċ-ċittadini tagħha. |
|
4. |
L-IPCEIs jistgħu jkunu rilevanti għall-politiki u l-azzjonijiet kollha li jissodisfaw l-għanijiet Ewropej komuni, b’mod partikolari fir-rigward tal-objettivi Ewropa 2020 (1), l-inizjattivi emblematiċi tal-Unjoni u l-oqsma ewlenin għat-tkabbir ekonomiku bħat-Tekonoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ (2) (KETs). |
|
5. |
L-inizjattiva tal-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat (SAM) (3) titlob li l-għajnuna mill-Istat tkun diretta lejn għanijiet ta’ interess Ewropew komuni b’konformità mal-prijoritajiet tal-aġenda Ewropa 2020, biex tindirizza n-nuqqasijiet fis-suq jew nuqqasijiet sistemiċi importanti oħrajn li jxekklu l-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi u l-iżvilupp ta’ suq intern integrat, dinamiku u kompetittiv. L-introduzzjoni ta’ IPCEIs spiss titlob parteċipazzjoni sinifikanti mill-awtoritajiet pubbliċi peress li li kieku s-suq ma jiffinanzjax proġetti bħal dawn. F’każ li l-finanzjament pubbliku ta’ dawn il-proġetti jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi r-regoli applikabbli sabiex ikun żgurat li jinżammu l-kundizzjonijiet ekwi fis-suq intern. |
|
6. |
Regoli dwar il-finanzjament pubbliku tal-IPCEIs diġà jinsabu fil-Qafas RŻI (4) u fil-Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent (5) li jipprovdu gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-Trattat). Is-SAM tikkostitwixxi opportunità tajba biex taġġorna u tikkonsolida l-gwida eżistenti f’dokument wieħed sabiex tiġi konformi mal-għanijiet ta’ Ewropa 2020 u l-miri tas-SAM u tiġi estiża għal oqsma oħra fejn tista’ tapplika wkoll. Din il-Komunikazzjoni b’hekk tieħu post kull dispożizzjonijiet eżistenti dwar l-IPCEI. B’dan il-mod, din il-Komunikazzjoni tipprovdi lill-Istati Membri gwida dedikata u li tolqot oqsma differenti bl-għan li tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ proġetti kollaborattivi importanti li jippromwovu l-interess Ewropew komuni. |
|
7. |
L-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat jistipula li għajnuna maħsuba sabiex tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ proġetti fuq skala kbira ta’ interess komuni Ewropew tista’ tkun kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq intern. Għaldaqstant, din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi gwida dwar il-kriterji li se tapplika l-Kummissjoni għall-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat biex tippromwovi l-eżekuzzjoni tal-IPCEIs. L-ewwel hija tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u mbagħad tipprovdi lista ta’ kriterji li l-Kummissjoni se tuża biex tivvaluta n-natura u l-importanza ta’ dawn il-proġetti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat. Hija mbagħad tispjega kif il-Kummissjoni tivvaluta l-kompatibilità tal-finanzjament pubbliku tal-IPCEIs skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat. |
|
8. |
Din il-Komunikazzjoni ma teskludix il-possibilità li għajnuna li tippromwovi l-eżekuzzjoni ta’ IPCEIs jistgħu jinstabu wkoll li jkunu kompatibbli mas-suq intern fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet oħrajn tat-Trattat, l-iktar l-Artikolu 107(3)(c) tat-Trattat u r-regoli ta’ implimentazzjoni tiegħu. Il-qafas tal-għajnuna mill-Istat bħalissa qed jiġi modernizzat bil-ħsieb li joffri lill-Istati Membri iktar possibilitajiet biex tissussidja proġetti importanti li jsewwu nuqqasijiet tas-suq u sfidi ta’ koeżjoni f’oqsma differenti sabiex jiġu promossi tkabbir sostenibbli u impjiegi. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu ma jindirizzawx għalkollox ir-rilevanza, l-ispeċifiċitajiet u l-karattarestiki tal-IPCEIs, li jistgħu jirrikjedu eliġibilità ddedikata, kompatibilità u dispożizzjonijiet proċedurali, li huma stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni. |
2. KAMP TA’ APPLIKAZZJONI
|
9. |
Il-Kummissjoni tapplika għall-IPCEIs fis-setturi kollha tal-attività ekonomika. |
|
10. |
Din il-Komunikazzjoni ma tapplikax għal:
|
3. KRITERJI TA’ ELIĠIBBILTÀ
|
11. |
Fid-determinazzjoni ta’ jekk il-proġett jaqax taħt l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, japplikaw il-kriterji li ġejjin: |
3.1. Definizzjoni ta’ proġett
|
12. |
Il-proposta għal għajnuna tikkonċerna proġett uniku li jkun iddefinit b’mod ċar fir-rigward tal-għanijiet tiegħu kif ukoll it-termini tal-implimentazzjoni tiegħu inklużi l-parteċipanti u l-finanzjament tiegħu (8). |
|
13. |
Il-Kummissjoni tista’ tqis ukoll bħala eliġibbli “proġett integrat”, jiġifieri, grupp ta’ proġetti uniċi inkorporati fi struttura, pjan direzzjonali jew programm komuni, bl-istess għan u bbażati fuq approċċ sistemiku koerenti. Il-komponenti individwali tal-proġett integrat jistgħu jirrelataw ma’ livelli separati tal-katina ta’ provvista imma jridu jkunu komplementari u neċessarji għall-kisba tal-għan importanti Ewropew (9). |
3.2. Interess Ewropew komuni
3.2.1. Kriterji kumulattivi ġenerali
|
14. |
Il-proġett irid jikkontribwixxi b’mod konkret, ċar u identifikabbli għal għan tal-Unjoni jew iktar u jrid ikollu impatt sinifikanti fuq il-kompetittività tal-Unjoni, it-tkabbir sostenibbli, l-indirizzar tal-isfidi soċjetali jew il-ħolqien ta’ valur madwar l-Unjoni. |
|
15. |
Il-proġett irid jirrappreżenta kontribuzzjoni importanti għall-għanijiet tal-Unjoni, pereżempju billi jkun ta’ importanza ewlenija għall-istrateġija Ewropa 2020, iż-Żona Ewropea tar-Riċerka, l-istrateġija Ewropea għall-KETs (10), l-Istrateġija tal-Enerġija għall-Ewropa (11), il-qafas tal-2030 għal politiki għall-klima u l-enerġija (12), l-Istrateġija tas-Sigurtà fl-Enerġija (13), l-Istrateġija tal-Elettronika għall-Ewropa, in-netwerks Trans-Ewropej tat-Trasport u l-Enerġija, l-inizjattivi emblematiċi tal-Unjoni bħall-Unjoni tal-Innovazzjoni (14), l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa (15), l-Ewropa Effiċjenti fir-Riżorsi (16), jew il-Politika Industrijali għall-Era tal-Globalizzazzjoni (17). |
|
16. |
Il-proġett irid normalment jinvolvi iktar minn Stat Membru wieħed (18) u l-benefiċċji tiegħu jridu jkunu jmorru lil hinn mill-konfini tal-Istat Membru finanzjatur u jestendu għal parti wiesgħa tal-Unjoni. Il-benefiċċji tal-proġett iridu jkunu definiti b’mod ċar, konkret u identifikabbli (19). |
|
17. |
Il-benefiċċji tal-proġett ma jridux ikunu limitati għall-impriżi jew għas-settur ikkonċernat imma għandhom ikunu ta’ rilevanza u applikazzjoni usa’ għall-ekonomija jew is-soċjetà Ewropea permezz ta’ effetti konsegwenzjali pożittivi (bħall-effetti sistemiċi fuq livelli multipli tal-katina tal-valur, jew fuq is-swieq upstream jew downstream, jew użi alternattivi f’setturi oħrajn jew trasferimenti modali) li jkunu definiti b’mod ċar, b’mod konkret u identifikabbli. |
|
18. |
Il-proġett irid jinvolvi kofinanzjament mill-benefiċjarju. |
|
19. |
Il-proġett irid jirrispetta l-prinċipju tal-eliminazzjoni gradwali ta’ sussidji ta’ dannu ambjentali, kif imfakkar fil-Pjan Direzzjonali għal Użu Effiċjenti tar-Riżorsi (20) kif ukoll f’bosta konklużjonijiet tal-Kunsill (21). |
3.2.2. Indikaturi pożittivi ġenerali
|
20. |
Minbarra l-kriterji kumulattivi fit-Taqsima 3.2.1, il-Kummissjoni se tieħu approċċ iktar favorevoli meta:
|
3.2.3. Kriterji speċifiċi
|
21. |
Il-proġetti RŻI jridu jkunu ta’ natura innovattiva maġġuri jew jikkostitwixxu valur miżjud importanti f’termini ta’ RŻI meta mqabbel mal-aqwa fis-settur ikkonċernat. |
|
22. |
Il-proġetti li jinkludu użu industrijali jridu jippermettu żvilupp ta’ prodott jew servizz ġdid b’kontenut għoli ta’ riċerka u innovazzjoni u/jew l-użu ta’ proċess ta’ produzzjoni fundamentalment innovattiv. L-aġġornamenti regolari mingħajr dimensjoni ta’ faċilitajiet eżistenti u l-iżvilupp ta’ verżjonijiet ġodda ta’ prodotti eżistenti ma jikkwalifikawx bħala IPCEI. |
|
23. |
Proġetti ambjentali, tal-enerġija u tat-trasport iridu jew ikunu ta’ importanza kbira għall-istrateġija ambjentali, tal-enerġija, inkluża s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, jew tat-trasport tal-Unjoni jew jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għas-suq intern, inklużi dawk is-setturi speċifiċi imma mhux limitat għalihom. |
3.3. L-importanza tal-proġett
|
24. |
Sabiex jikkwalifika bħala IPCEI, proġett irid ikun importanti kemm fil-kwantità u kemm fil-kwalità. Huwa għandu jkun jew ta’ daqs jew ta’ kamp ta’ applikazzjoni partikolarment kbir u/jew jimplika livell konsiderevolment għoli ta’ riskju teknoloġiku jew finanzjarju. |
4. KRITERJI TA’ KOMPATIBILITÀ
|
25. |
Fil-valutazzjoni tal-kompatibilità mas-suq intern tal-għajnuna għall-promozzjoni tal-eżekuzzjoni ta’ IPCEI fuq il-bażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat, il-Kummissjoni se tqis il-kriterji li ġejjin (23). |
|
26. |
Il-Kummissjoni se tagħmel test ta’ bilanċjament, biex tivvaluta jekk l-effetti pożittivi mistennija jaqbżux l-effetti negattivi possibbli kif stabbilit hawn taħt. |
|
27. |
Fid-dawl tan-natura tal-proġett, il-Kummissjoni tista’ tqis li l-preżenza ta’ nuqqas tas-suq jew nuqqasijiet sistemiċi importanti oħrajn, kif ukoll il-kontribut għal interess Ewropew komuni, tkun preżunta meta l-proġett ikun jissodisfa l-kriterji ta’ eliġibilità stabbiliti fit-Taqsima 3. |
4.1. Il-ħtieġa għall-għajnuna u l-proporzjonalità tagħha
|
28. |
L-għajnuna ma tridx tissussidja l-ispejjeż ta’ proġett li impriża xorta waħda kien ikollha u ma tridx tikkumpensa r-riskju normali tan-negozju ta’ attività ekonomika. Mingħajr l-għajnuna r-realizzazzjoni tal-proġett għandha tkun impossibbli, jew għandha tkun irrealizzata f’daqs iżgħar jew kamp ta’ applikazzjoni iżgħar jew b’mod differenti li jirrestrinġi b’mod sinifikanti l-benefiċċji mistennija minnu (24). L-għajnuna titqies bħala proporzjonali biss jekk l-istess riżultat ma jkunx jista’ jinkiseb b’inqas għajnuna. |
|
29. |
L-Istat Membru jrid jipprovdi informazzjoni adegwata lill-Kummissjoni dwar il-proġett megħjun flimkien ma’ deskrizzjoni komprensiva tax-xenarju kontrofattwali li jikkorrispondi għal sitwazzjoni fejn ma tingħata l-ebda għajnuna minn l-ebda Stat Membru. Ix-xenarju kontrofattwali jista’ jikkonsisti fin-nuqqas ta’ proġett alternattiv jew fi proġett alternattiv suffiċentement prevedibbli u kjarament definit meqjus mill-benefiċjarju fit-teħid tad-deċiżjonijiet interni tiegħu, u jista’ jkun relatat ma’ proġett alternattiv li jseħħ kompletament jew parzjalment barra mill-Unjoni. |
|
30. |
Fin-nuqqas ta’ proġett alternattiv, il-Kummissjoni tivverifika li l-ammont ta’ għajnuna ma jkunx jaqbeż il-minimu meħtieġ biex il-proġett megħjun ikun profittabbli biżżejjed, pereżempju billi jsir possibbli li jinkiseb IRR li jikkorrispondi għall-punt ta’ riferiment speċifiku jew rata ta’ ostaklu tas-settur jew ditta. Rati normali ta’ qligħ meħtieġa mill-benefiċjarju fi proġetti ta’ investiment oħra simili, l-ispiża tal-kapital tagħha bħala entità jew ir-redditu li jiġi osservat normalment fl-industrija konċernata jistgħu jintużaw ukoll għal din il-fini. L-ispejjeż u l-benefiċċji mistennija rilevanti kollha jridu jitqiesu matul il-ħajja tal-proġett. |
|
31. |
Il-livell massimu ta’ għajnuna se jkun iddeterminat fir-rigward tal-lakuna ta’ finanzjament identifikata b’rabta mal-ispejjeż eliġibbli. Jekk tkun iġġustifikata mill-analiżi tad-diskrepanza tal-likwidità, l-intensità tal-għajnuna tista’ tlaħħaq sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli. Id-diskrepanza tal-likwidità tirreferi għad-differenza bejn il-flussi ta’ flus pożittivi u negattivi matul il-ħajja tal-investiment, imraħħsa sal-valur kurrenti tagħhom fuq il-bażi ta’ fattur ta’ traħħis xieraq li jirrifletti r-rata ta’ redditu neċessarja għall-benefiċjarju biex iwettaq il-proġett l-iktar fid-dawl tar-riskji involuti. L-ispejjeż eliġibbli huma dawk stipulati fl-Anness (25). |
|
32. |
Fejn jintwera, pereżempju permezz ta’ dokumenti ta’ kumpanija interna, li l-benefiċjarju tal-għajnuna għandu għażla ċara bejn li jwettaq proġett megħjun jew proġett alternattiv mingħajr għajnuna, il-Kummissjoni tqabbel il-valuri attwali netti mistennija tal-investiment fil-proġett megħjun u fil-proġett kontrofattwali, filwaqt li tqis il-probabbiltajiet tax-xenarji kummerċjali differenti li jseħħu. |
|
33. |
Fl-analiżi tagħha, il-Kummissjoni tqis l-elementi li ġejjin: (a) l-ispeċifikazzjoni tal-bidla intenzjonata : trid tiġi speċifikata sew il-bidla fl-imġiba li hija mistennija tirriżulta mill-għajnuna mill-Istat, jiġifieri jekk hijiex se twassal għal proġett ġdid, jew jekk humiex se jittejbu d-daqs, il-kamp ta’ applikazzjoni jew il-veloċità tal-proġett mill-Istat Membru. Il-bidla fl-imġiba trid tiġi identifikata billi jitqabbel xi jkun ir-riżultat mistenni u l-livell ta’ attività intenzjonat bl-għajnuna u mingħajrha. Id-differenza bejn iż-żewġ xenarji turi l-impatt tal-miżura tal-għajnuna u l-effett ta’ inċentiv tagħha; (b) livell ta’ profitabilità : meta proġett, fih innifsu, ma jkunx ta’ profitt biżżejjed biex tidħol għalih impriża privata, iżda jkun jiġġenera benefiċċji importanti għas-soċjetà, hemm iktar probabilità li l-għajnuna jkollha effett ta’ inċentiv. |
|
34. |
Sabiex ikunu indirizzati d-distorsjonijiet effettivi jew potenzjali diretti jew indiretti tal-kummerċ internazzjonali, il-Kummissjoni tista’ tqis il-fatt li, direttament jew indirettament, il-kompetituri li jinsabu barra mill-Unjoni jkunu rċevew (fl-aħħar tliet snin) jew ikunu se jirċievu, għajnuna ta’ intensità ekwivalenti għal proġetti simili. Madankollu, meta minħabba n-natura partikolari tas-settur ikonċernat id-distorsjonijiet tal-kummerċ internazzjonali x’aktarx li jseħħu wara aktar minn tliet snin, il-perjodu ta’ referenza jista’ jiġi estiż b’mod korrispondenti.Jekk ikun possibbli, l-Istat Membru kkonċernat jipprovdi lill-Kummissjoni b’biżżejjed informazzjoni biex jippermettilha tivvaluta s-sitwazzjoni, b’mod partikolari l-ħtieġa li jitqies il-vantaġġ kompetittiv li għandu kompetitur f’pajjiż terz. Jekk il-Kummissjoni ma jkollhiex evidenza rigward l-għajnuna mogħtija jew proposta, hija tista’ tibbaża d-deċiżjoni tagħha wkoll fuq evidenza ċirkostanzjali. |
|
35. |
Fil-ġbir tal-evidenza, il-Kummissjoni tista’ tuża s-setgħat investigattivi tagħha (26). |
|
36. |
L-għażla tal-istrument ta’ għajnuna trid issir fid-dawl tan-nuqqas tas-suq jew ta’ nuqqasijiet sistemiċi importanti oħrajn li qed jipprova jindirizza. Pereżempju, meta l-problema sottostanti tkun nuqqas ta’ aċċess għal finanzjament, l-Istati Membri għandhom normalment jirrikorru għal għajnuna fil-forma ta’ sostenn tal-likwidità, bħal self jew garanzija (27). Meta jkun meħtieġ ukoll li impriża tingħata wkoll ċertu grad ta’ kondiviżjoni tar-riskju, l-istrument ta’ għajnuna magħżul normalment għandu jkun avvanz li jitħallas lura. Strument ta’ għajnuna li titħallas lura ġeneralment jitqies bħala indikatur pożittiv. |
|
37. |
L-għanijiet tas-sigurtà tal-enerġija u l-effiċjenza fl-enerġija jridu jitqiesu fl-analiżi fejn ikunu rilevanti. |
|
38. |
Il-Kummissjoni tqis b’mod iktar favorevoli proġetti li jkunu jinkludu kontribut sinifikanti mill-benefiċjarji stess jew minn investituri privati indipendenti. Kontribuzzjoni ta’ assi tanġibbli u intanġibbli, kif ukoll art, għandhom ikunu vvalutati bil-prezz tas-suq. |
|
39. |
L-għażla tal-benefiċjarji permezz ta’ sejħa għall-offerti kompetittiva, trasparenti u nondiskriminatorja titqies bħala indikatur pożittiv. |
4.2. Prevenzjoni ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u test ta’ bilanċjament
|
40. |
L-Istat Membru għandu jipprovdi evidenza li l-miżura ta’ għajnuna proposta tikkostitwixxi strument politiku xieraq biex jindirizza l-għan tal-proġett. Miżura ta’ għajnuna ma titqiesx xierqa jekk strumenti ta’ politika li joħolqu inqas distorsjoni jew tipi ta’ strumenti ta’ għajnuna li joħolqu inqas distorsjoni jistgħu jiksbu l-istess riżultat. |
|
41. |
Biex l-għajnuna tkun kompatibbli, l-effetti negattivi tal-miżura ta’ għajnuna f’termini ta’ distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u tal-impatt fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jridu jkunu limitati u inferjuri għall-effetti pożittivi f’dak li jikkonċerna l-kontribut għall-għan tal-interess Ewropew komuni. |
|
42. |
Fl-ivvalutar tal-effetti negattivi tal-miżura ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tiffoka l-analiżi tagħha fuq l-impatt prevedibbli li l-għajnuna jista’ jkollha fuq il-kompetizzjoni bejn l-impriżi fis-swieq tal-prodott ikkonċernat, inklużi s-swieq li jiġu qabel u wara fil-katina tal-produzzjoni, u fuq ir-riskju ta’ kapaċità eċċessiva. |
|
43. |
Il-Kummissjoni se tivvaluta r-riskju ta’ esklużjoni mis-suq u d-dominanza fis-suq, b’mod partikolari f’każ ta’ nuqqas jew disseminazzjoni limitata ta’ riżultati tar-riċerka. Proġetti li jinvolvu l-kostruzzjoni ta’ infrastruttura (28) jridu jiżguraw aċċess miftuħ u nondiskriminatorju għall-infrastruttura u prezzijiet mhux diskriminatorji (29). |
|
44. |
Il-Kummissjoni se tivvaluta l-effetti negattivi potenzjali fuq il-kummerċ inkluż ir-riskju ta’ tellieqa tas-sussidji bejn l-Istati Membri li tista’ tiġri speċjalment fir-rigward tal-għażla tal-post. |
4.3. Trasparenza
|
45. |
L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-pubblikazzjoni tal-informazzjoni li ġejja fuq websajt komprensiva dwar l-għajnuna mill-Istat, fil-livell nazzjonali jew reġjonali:
|
|
46. |
Dan ir-rekwiżit jista’ jitneħħa fir-rigward ta’ għotjiet ta’ għajnuna individwali li jkunu inqas minn EUR 500 000. Din l-informazzjoni trid tkun ippubblikata wara li d-deċiżjoni tal-għoti tkun ittieħdet, trid tinżamm għal mill-inqas 10 snin u trid tkun disponibbli għall-pubbliku ġenerali mingħajr restrizzjonijiet. (31) L-Istati Membri mhux se jkunu obbligati li jipprovdu l-informazzjoni msemmija hawn fuq qabel l-1 ta’ Lulju 2016. |
5. DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
5.1. Obbligu ta’ notifika
|
47. |
Skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat, l-Istati Membri jridu jinfurmaw lill-Kummissjoni bil-quddiem b’kull pjan għall-għoti u l-alterazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat inkluża l-għajnuna għal IPCEI. |
|
48. |
L-Istati Membri involuti fl-istess IPCEI huma mistiedna, meta jkun possibbli, biex jibagħtu lill-Kummissjoni notifika komuni. |
5.2. Evalwazzjoni ex post u rappurtar
|
49. |
L-eżekuzzjoni tal-proġett irid ikun suġġett għal rappurtar regolari. Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista’ titlob li ssir evalwazzjoni ex post. |
5.3. Id-dħul fis-seħħ, il-validità u r-reviżjoni
|
50. |
Din il-Komunikazzjoni se tapplika mill-1 ta’ Lulju 2014sal-31 ta’ Diċembru 2020. |
|
51. |
Il-Kummissjoni tapplika l-prinċipji stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni għall-proġetti ta’ għajnuna kollha nnotifikati li tintalab tieħu deċiżjoni dwarhom wara li l-Komunikazzjoni tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, anke meta l-proġetti jkunu ġew innotifikati qabel il-pubblikazzjoni tiegħu. |
|
52. |
B’konformità mal-Avviż dwar id-determinazzjoni tar-regoli applikabbli għall-evalwazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat illegali (32), fil-każ ta’ għajnuna mhux notifikata, il-Kummissjoni tapplika din il-Komunikazzjoni jekk l-għajnuna tkun ingħatat wara li tkun daħlet fis-seħħ, u r-regoli fis-seħħ fiż-żmien li ngħatat l-għajnuna għall-każijiet l-oħra kollha. |
|
53. |
Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li temenda din il-Komunikazzjoni f’kull ħin li jkun meħtieġ għal raġunijiet marbuta mal-politika tal-kompetizzjoni jew biex tqis politiki tal-Unjoni oħrajn, impenji internazzjonali, żviluppi fis-swieq jew għal kull raġuni ġustifikata oħra. |
(1) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni “Ewropa 2020”, Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv, COM(2010) 2020 final, 3.3.2010.
(2) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Strateġija Ewropea għat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ — Pont għat-tkabbir u l-impjiegi”, COM(2012) 341 final, 26.6.2012.
(3) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Il-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-UE (SAM) - COM(2012) 209 finai, 8.5.2012.
(4) Qafas Komunitarju għall-Għajnuna mill-Istat għar-Riċerka u l-Iżvilupp u l-Innovazzjoni (ĠU C 323, 30.12.2006, p. 1).
(5) Linji gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għall-ħarsien tal-ambjent (ĠU C 82, 1.4.2008, p. 1).
(6) Linji Gwida Komunitarji dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà (ĠU C 244, 1.10.2004, p. 2). Kif spjegat fil-paragrafu 20 ta’ dawk il-linji gwida, minħabba li l-eżistenza tagħha stess hija f’periklu, impriża f’diffikultà ma tistax titqies bħala mezz xieraq għall-promozzjoni ta’ għanijiet oħra tal-politika pubblika sakemm il-vijabbiltà tagħha ma tiġix żgurata.
(7) Ara, pereżempju, il-Kawża C-156/98 Il-Ġermanja vs. il-Kummissjoni [2000] Ġabra I-6857, il-paragrafu 78 u l-Kawża C-333/07 Régie Networks vs. Rhone Alpes Bourgogne [2008] Ġabra I-10807, il-paragrafi 94-116.
(8) Fil-każ ta’ riċerka u żvilupp, meta żewġ proġetti jew aktar ma jkunux separabbli minn xulxin b’mod ċar u b’mod partikolari meta ma jkollhomx probabilitajiet indipendenti ta’ suċċess teknoloġiku, iridu jitqiesu bħala proġett uniku. Għajnuna għal proġett li twassal biss għal bidla fil-post fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) fejn isir il-proġett mingħajr ma jinbidlu n-natura, id-daqs jew il-kamp ta’ applikazzjoni tal-proġett mhux se tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli.
(9) Minn hawn ’il quddiem proġett uniku u proġett integrat se jissejħu “proġett”.
(10) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Strateġija Ewropea għat-Teknoloġiji Ewlenin ta’ Appoġġ — Pont għat-tkabbir u l-impjiegi”, COM(2012) 341 final, 26.6.2012.
(11) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Enerġija 2020 Strateġija għal enerġija kompetittiva, sostenibbli u b’sigurtà” — COM(2010) 639 final.
(12) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Qafas politiku għall-klima u l-enerġija fil-perjodu mill-2020 sal-2030”, COM(2014) 15 final.
(13) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u l-Kunsill, “Strateġija Ewropea tas-Sigurtà fl-Enerġija”, COM(2014) 330 final.
(14) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Inizjattiva Ewlenija Ewropa 2020 — Unjoni tal-Innovazzjoni”, COM(2010) 546 final, 6.10.2010.
(15) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Aġenda Diġitali għall-Ewropa”, COM(2010) 245 final/2, 26.8.2010.
(16) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - “Ewropa li tuża r-riżorsi b’effiċjenza — Inizjattiva ewlenija taħt l-Istrateġija Ewropa 2020”, COM(2011) 21 final, 26.1.2011.
(17) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — “Politika Industrijali Integrata għall-Era tal-Globalizzazzjoni - Il-Kompetittività u s-Sostenibilità fix-Xena Prinċipali”, COM(2010) 614 final, 28.10.2010.
(18) Bl-eċċezzjoni tal-infrastruttura tar-riċerka interkonnessa u l-proġetti TEN-T li huma importanza fundamentalment transnazzjonali minħabba li huma parti minn netwerk transfruntier konness jew huma essenzjali għat-titjib tal-ġestjoni tat-traffiku transfruntier jew tal-interoperabilità.
(19) Is-sempliċi fatt li l-proġett jitwettaq minn impriżi f’pajjiżi differenti, jew li infrastruttura tar-riċerka sussegwentement tintuża minn impriżi stabbiliti fi Stati Membri differenti mhuwiex suffiċjenti biex proġett jikkwalifika bħala IPCEI. Il-Qorti approvat il-politika tal-Kummissjoni li tqis li proġett jista’ jkun deskritt bħala ta’ interess Ewropew komuni għall-finijiet tal-Artikolu 107(3)(b) meta jifforma parti minn programm Ewropew transnazzjonali appoġġat konġuntament minn għadd ta’ gvernijiet tal-Istati Membri, jew meta jkun ġej minn azzjoni konċertata minn għadd ta’ Stati Membri biex jegħlbu theddida komuni. Kawżi Konġunti C-62/87 u 72/87 Exécutif regional wallon u SA Glaverbel vs. il-Kummissjoni [1988] Ġabra 1573, il-paragrafu 22.
(20) Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi, COM(2011) 571 final, 20.9.2011.
(21) Pereżempju, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 ta’ Mejju 2013 ikkonfermaw il-ħtieġa li gradwalment jitneħħew is-sussidji li huma ta’ dannu ambjentali jew ekonomiku, inkluż għal fjuwils fossili, biex jiġu ffaċilitat il-investimenti f’infrastruttura tal-enerġija ġdida u intelliġenti.
(22) Il-finanzjament tal-Unjoni ġestit ċentralment mill-istituzzjonijiet, l-aġenziji, l-impriżi konġunti jew korpi oħra tal-Unjoni, li l-Istat Membru ma jikkontrollax direttament jew indirettament, ma jikkostitwixxix għajnuna mill-Istat.
(23) Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni tgawdi minn diskrezzjoni fir-rigward tal-valutazzjoni tal-kompatibilità tal-IPCEIs. Kawżi Konġunti C-62/87 u 72/87 Exécutif regional wallon u SA Glaverbel vs. il-Kummissjoni [1988] Ġabra 1573, il-paragrafu 21.
(24) L-applikazzjoni għall-għajnuna trid tippreċedi l-bidu tax-xogħlijiet, li jkun jew il-bidu ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq l-investiment, jew l-ewwel impenn sod biex ikun ordnat tagħmir jew impenn ieħor li jagħmel l-investiment irriversibbli, skont liema jkun l-ewwel wieħed f’termini ta’ żmien. Ix-xiri tal-art u x-xogħlijiet preparatorji, bħall-kisba ta’ permessi u t-twettiq ta’ studji preliminari dwar il-fattibbiltà, mhumiex meqjusa bħala bidu tax-xogħlijiet.
(25) Fil-każ ta’ proġett integrat, l-ispejjeż eliġibbli jridu jkunu dettaljati fil-livell ta’ kull proġett individwali.
(26) Ara l-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 734/2013 tat-22 ta’ Lulju 2013 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 li jistipula regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU L 204, 31.7.2013, p. 15).
(27) Għajnuna fil-forma ta’ garanziji trid tkun limitata fiż-żmien, u għajnuna fil-forma ta’ self trid tkun suġġetta għal perjodi ta’ ħlas lura.
(28) Biex jiġu evitati d-dubji, produzzjonijiet bi prova ma jitqisux bħala infrastrutturi.
(29) Meta l-proġett jinvolvi infrastruttura tal-enerġija, hija għandha tkun suġġetta għar-regolamentazzjoni dwar it-tariffi u l-aċċess u għar-rekwiżiti ta’ separazzjoni skont il-leġiżlazzjoni dwar is-suq intern.
(30) Bl-eċċezzjoni tas-sigrieti tan-negozju u informazzjoni kunfidenzjali oħra f’każijiet ġustifikati kif xieraq u suġġetti għall-qbil mill-Kummissjoni (Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C(2003) 4582 dwar is-segretezza professjonali f’deċiżjonijiet tal-għajnuna mill-Istat (ĠU C 297, 9.12.2003 p. 6)).
(31) Din l-informazzjoni għandha tkun ippubblikata fi żmien 6 xhur mid-data tal-għotja. F’każ ta’ għajnuna illegali, l-Istati Membri se jkunu meħtieġa li jiżguraw il-pubblikazzjoni ta’ din l-informazzjoni ex post, għall-inqas fi żmien sitt xhur mid-data tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. L-informazzjoni għandha tkun disponibbli f’format li jippermetti li jsir tiftix tad-dejta u li dik id-dejta tkun tista’ tiġi estratta, u faċilment ppubblikata fuq l-Internet, pereżempju f’format CSV jew XML.
(32) Commission notice on the determination of the applicable rules for the assessment of unlawful State aid (ĠU C 119, 22.5.2002, p. 22).
ANNESS
SPEJJEŻ ELIĠIBBLI
|
(a) |
Studji tal-fattibilità, inklużi studji tekniċi preparatorji, u l-ispejjeż biex jinkisbu l-permessi meħtieġa għat-twettiq tal-proġett. |
|
(b) |
L-ispejjeż tal-istrumenti u t-tagħmir, (inklużi installazzjonijiet u vetturi tat-trasport) sal-punt u għat-tul taż-żmien użati mill-proġett. Jekk dawn l-istrumenti u t-tagħmir ma jintużawx tul ħajjithom kollha fil-proġett, jitqiesu eliġibbli biss l-ispejjeż ta’ deprezzament li jikkorrispondu għall-ħajja tal-proġett, kif ikkalkolati abbażi ta’ prassi tajba tal-kontabbiltà. |
|
(c) |
L-ispejjeż tal-akkwiżizzjoni (jew tal-kostruzzjoni) tal-binjiet, tal-infrastruttura u l-artijiet, sal-punt u għat-tul taż-żmien użati mill-proġett. Meta dawn l-ispejjeż jiġu determinati fir-rigward tal-valur ta’ trasferiment kummerċjali jew tal-ispejjeż tal-kapital realment imġarrba, f’paragun mal-ispejjeż ta’ deprezzament, il-valur residwu tal-artijiet, tal-binjiet jew tal-infrastruttura għandu jitnaqqas mid-diskrepanza tal-finanzjament, ex ante jew inkella ex post. |
|
(d) |
Spejjeż ta’ materjali oħra, provvisti u prodotti simili meħtieġa għall-proġett. |
|
(e) |
L-ispejjeż għall-kisba, il-validazzjoni u d-difiża tal-privattivi u assi intanġibbli oħrajn. L-ispejjeż marbuta mar-riċerka kuntrattwali, l-għarfien u l-privattivi mixtrija jew illiċenzjati minn sorsi esterni b’kundizzjonijiet ta’ distakkament, kif ukoll l-ispejjeż tal-konsulenza u ta’ servizzi ekwivalenti użati esklużivament għall-proġett. |
|
(f) |
L-ispejjeż amministrattivi u tal-persunal (inklużi l-ispejjeż ġenerali) direttament imġarrba għal attivitajiet ta’ RŻI, inklużi dawk l-attivitajiet ta’ RŻI marbuta mal-ewwel użu industrijali (1), jew fil-każ ta’ proġett tal-infrastruttura, imġarrba matul il-kostruzzjoni tal-infrastruttura. |
|
(g) |
F’każ ta’ għajnuna fi proġett tal-ewwel użu industrijali, in-nefqa kapitali u dik operattiva (CAPEX u OPEX), sakemm l-użu industrijali jirriżulta minn attività RŻI (2), u fih innifsu jinkorpora komponent importanti ferm tar-RŻI li jikkostitwixxi element integrali u neċessarju għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-proġett. In-nefqiet operattivi jridu jkunu relatati ma’ tali komponent tal-proġett. |
|
(h) |
Jistgħu jiġu aċċettati spejjeż oħrajn, jekk ikunu ġġustifikati, u meta dawn ikunu marbuta bis-sħiħ mat-twettiq tal-proġett, minbarra l-ispejjeż operattivi li ma jkunux koperti mill-punt (g). |
(1) L-ewwel użu industrijali jirreferi għall-iskalar ta’ faċilitajiet pilota, jew għal tagħmir u faċilitajiet li huwa l-ewwel mit-tip tagħhom u li jkopru l-passi kollha wara l-linja pilota inkluż il-fażi tal-ittestjar, iżda mhux il-produzzjoni tal-massa, u lanqas l-attivitajiet kummerċjali.
(2) L-ewwel użu industrijali ma għandux għalfejn jitwettaq mill-istess entità li tkun wettqet l-attività RŻI, bil-kundizzjoni li dik l-entità takkwista d-drittijiet biex tuża r-riżultati li jkunu nkisbu mill-attività RŻI preċedenti, u li l-attività RŻI u l-ewwel użu industrijali jkunu t-tnejn koperti mill-proġett u nnotifikati flimkien.