21.5.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 153/14


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2014/C 153/06)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1).

DOKUMENT UNIKU

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel  (2)

“JAMBON DE VENDEE”

Nru KE: FR-PGI-0005-01135 — 30.7.2013

IĠP ( X ) DPO ( )

1.   Isem

“Jambon de Vendée”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 1.2. Prodotti tal-laħam (imsajrin, immellħin, affumikati, eċċ.)

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott bl-isem imsemmi fil-punt 1

Il-“Jambon de Vendée” huwa magħmul esklussivament mill-majjal frisk tas-sieq ta’ wara, mingħajr ix-xikel.

Meta jkun sħiħ, il-“Jambon de Vendée” ma jkollux għadam u jkollu forma parallelepipeda regolari bit-trufijiet ovojdi. Il-wiċċ għandu kulur kannella ċar minħabba t-taħlita ta’ ħwawar li jiksuh.

Meta jitqatta’ fetti fetti, il-kulur fuq ġewwa jkun aħmar bil-vini tax-xaħam bojod. Il-kulur huwa ċar, tal-laħam nej. It-tarf ta’ barra tal-fetti jkollu strixxi kannella kkawżati mill-ħwawar.

Il-“Jambon de Vendée” għandu tessut artab, teneru u mmerraq.

F’termini tal-aromi tiegħu, il-“Jambon de Vendée” għandu aċċenti tar-riħa ta’ frott tal-ispirtu u l-ħwawar li ngħorku fih (kannella, bżar, sagħtar, weraq tar-rand, eċċ.). It-togħma mielħa tal-“Jambon de Vendée” mhijiex qawwija. Għandha kumplessità aromatika u delikatezza li hija espressa b’mod sħiħ, bi ftit aroma mil-proteoliżi u l-ossidazzjoni tax-xaħam.

Il-livell ta’ umdità fuq bażi mingħajr xaħam tal-“Jambon de Vendée” huwa inqas minn 76 %.

Il-kontenut totali taz-zokkor tal-prodott (lattożju, destrożju, sukrożju, glukożju) huwa inqas minn 1 %.

Il-piż tal-koxxa perżut sħiħa, ladarba l-produzzjoni tkun lesta, huwa ta’ bejn 4,5 kg u 7,5 kg.

Il-“Jambon de Vendée” jiġi prodott u jinbiegħ bħala koxxa sħiħa, nofs koxxa jew kwart ta’ koxxa, f’porzjonijiet, fetti fetti, f’kubi jew fi strixxi.

3.3.   Materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

Il-laħam nej jiġi esklussivament minn laħam frisk, mhux iffriżat, minn ħnieżer għal-laħam, li l-piż tal-karkassa kiesħa tagħhom ikun bejn 80 kg u 95 kg.

L-intervall bejn it-tbiċċir, il-qtugħ u d-dissussar tal-perżut għandu jkun qasir kemm jista’ jkun u mhux iktar minn sitt ijiem.

Il-perżut frisk użat għall-produzzjoni tal-“Jambon de Vendée” huwa kkaratterizzat minn:

piż frisk ta’ bejn 8 kg u 12 kg,

ħxuna tax-xaħam ta’ inqas minn 25 mm,

xaħam abjad u iebes u laħam roża,

pH ta’ bejn 5,5 u 6,2,

temperatura fil-qalba ta’ bejn 0 °C u + 5 °C.

L-ingredjenti l-oħra fil-produzzjoni tal-“Jambon de Vendée” huma:

melħ tal-baħar niexef fi granuli,

spirtu tal-inbid b’saħħa alkoħolika bil-volum ta’ 40° jew iktar,

ħwawar u ħxejjex aromatiċi li jinkludu mill-inqas 60 % ta’ kannella, bżar, sagħtar u weraq tar-rand,

addittivi awtorizzati: zokkrijiet (destrożju, sukrożju, lattożju, glukożju), nitrat tal-potassju (E252), nitrat tas-sodju (E251), melħ tan-nitriti, nitrit tal-potassju, fermenti.

3.4.   Għalf (għall-prodotti li ġejjin mill-annimali biss)

3.5.   Passi speċifiċi fil-produzzjoni li jridu jittieħdu fiż-żona ġeografika definita

L-istadji tal-produzzjoni tal-“Jambon de Vendée”, mill-wasla tal-perżut frisk sa meta jintbagħat il-prodott finali, qabel jitqatta’ fetti fetti u jiġi ppakkjat, isiru fiż-żona ġeografika.

3.6.   Ir-regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

Il-“Jambon de Vendée” jista’ jitqiegħed fis-suq bħala koxxa sħiħa, nofs koxxa jew kwart ta’ koxxa jew inkella f’fetti ta’ ħxunijiet differenti, imqatta’ f’kubi jew fi strixxi.

Jista’ jiġi ppakkjat f’vakum jew f’atmosfera modifikata.

It-temperatura fil-kamra fejn jitqatta’ u/jew fil-kamra tal-ippakkjar għandha tkun ta’ 12 °C jew inqas.

3.7.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

Irrispettivament mill-indikazzjonijiet regolatorji li japplikaw għall-prodotti ppreparati tal-laħam, it-tikkettar tal-prodott għandu jinkludi dawn li ġejjin:

l-isem tal-indikazzjoni ġeografika protetta: “Jambon de Vendée”

id-dettalji ta’ kuntatt tal-proċessatur.

4.   Definizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ġeografika tal-“Jambon de Vendée” hija reġjun kontinwu li jissodisfa ċerti kriterji dwar l-ambjent naturali, l-għarfien tal-produzzjoni, il-modi tal-produzzjoni u l-konsum u l-prestiġju tal-indikazzjoni ġeografika.

Iż-żona ġeografika tal-indikazzjoni ġeografika protetta, “Jambon de Vendée”, tinkludi:

id-dipartiment kollu tal-Vendée,

fid-dipartiment tal-Loire-Atlantique, il-cantons li ġejjin: Aigrefeuille-sur-Maine, Bouaye, Bourgneuf-en-Retz, Carquefou, Clisson, Legé, Le Loroux-Bottereau, Machecoul, Nantes (il-kantons numru 1, 2, 3, 4, 5, 6, 7, 8, 9, 10 u 11), Rezé, Saint-Philbert-de-Grand-Lieu, Vallet, Vertou, Vertou-Vignoble,

fid-dipartiment tal-Maine-et-Loire, il-cantons li ġejjin: Cholet (il-cantons numru 1 u 3, parti mill-canton numru 2), Montfaucon-Montigné.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

5.1.   Speċifiċità taż-żona ġeografika

Fatturi naturali

Iż-żona ġeografika tal-“Jambon de Vendée” tinsab fuq il-kosta Atlantika u hija soġġetta għal klima oċeanika. Fil-ħarifa u x-xitwa, it-temp ġeneralment ikun imxarrab u mhux kiesaħ wisq, b’medja ta’ 40 jum biss ta’ friża kull sena u b’xita frekwenti iżda ħafifa.

Il-ħamrija fiż-żona ġeografika saret mill-blat iebes u aċiduż tal-Massif Armorikan u hija l-oriġini tal-pajsaġġ agrarju “bocager”, ikkaratterizzat mill-għoljiet, sisien tal-ħaxix ma’ kullimkien, agrikoltura orjentata iktar lejn it-trobbija tal-bhejjem fl-għamliet kollha tagħha u għadd kbir ta’ azjendi żgħar iżolati li jistgħu biss jissopravvivu f’semisussitenza.

Fatturi umani

Iż-żona ġeografika tal-“Jambon de Vendée” hija distinta miż-żona tal-madwar minħabba l-għadd u d-diversità tan-negozji tat-tmelliħ tal-laħam li hemm fiż-żona, partikolarment fil-kampanja, f’komunità tal-biedja tradizzjonali fejn għad hemm għarfien agrikolu tradizzjonali. It-trobbija tal-ħnieżer hija stabbilita sew hawnhekk u bil-bwar salmastri li jinsabu fir-reġjun, it-tmelliħ u l-perżut ilhom importanti għad-dieta tan-nies tal-Vendée.

Għarfien speċifiku

Id-dissussar — prattika li mhijiex komuni għall-perżut nej — huwa l-ewwel pass speċifiku fil-produzzjoni tal-“Jambon de Vendée” li għalih jinħtieġ għarfien speċjali. Għall-produzzjoin tal-“Jambon de Vendée”, id-dissussar jista’ jsir bl-idejn, skont metodu msejjaħ “de l’os coulé” fejn l-għadma tal-wirk titneħħa mingħajr ma’ tinfetaħ il-koxxa perżut. Wara li jitneħħa ż-żejjed, jingħorok il-melħ niexef bl-idejn. F’dan l-istadju, jingħorku l-ispirtu u t-taħlita ta’ ħwawar u ħxejjex aromatiċi. Imbagħad il-koxxa perżut tiġi mgeżwra minnufih f’biċċa sabiex l-alkoħol u l-ħwawar jibqgħu f’kuntatt mal-laħam tul il-proċess kollu tal-maturazzjoni. Il-maturazzjoni tal-“Jambon de Vendée” hija daqstant ieħor speċifika billi l-perżuta titħalla toqtor u mbagħad tiġi ppressata b’mod mekkaniku bejn żewġ pjanċi. Dawn iż-żewġ stadji b’kollox jieħdu mhux inqas minn 28 jum. Imbagħad il-perżuta titħalla tinxef għal mill-inqas ħamest ijiem. Iż-żmien tat-tnixxif huwa qasir billi l-proċess sħiħ tal-produzzjoni huwa limitat għal mhux iktar minn 80 jum b’kollox. Il-perżuta ma tiġix affumikata.

Minkejja l-fatt li l-prodott iddaħħal fil-Code des Usages de la Charcuterie [il-Kodiċi Franċiż tal-Prattika għal-Laħmijiet Ippreparati] fi tmiem it-tmeninijiet, dan l-għarfien baqa’ limitat għad-dipariment tal-Vendée u l-ibliet fil-viċin ta’ Nantes u Cholet. Iż-żona ġeografika tinkludi l-operaturi kollha magħrufa li jipproduċu l-“Jambon de Vendée” fuq bażi permanenti skont ir-regoli tal-produzzjoni stabbiliti.

5.2.   Speċifiċità tal-prodott

Il-“Jambon de Vendée” huwa distint minn prieżet oħra mnixxfin minħabba l-forma parallelepipeda tiegħu, bit-trufijiet ovojdi, u minħabba l-kulur kannella uniformi kkawżat mill-ħwawar. Il-fetti għandhom kulur aħmar ċar, bi strixxi skuri fit-tarf ta’ barra kkawżati mill-ħwawar li jingħorku fih.

F’termini organolettiċi, il-“Jambon de Vendée” għandu riħa tal-frott minħabba l-preżenza tal-ispirtu u għandu kumplessità aromatika kkawżata mit-taħlita tal-ħwawar li jingħorku fih.

Fil-ħalq, huwa distint mit-tessut artab u teneru tiegħu. Meta mqabbel mal-maġġoranza tal-prieżet nejjin, it-togħma tiegħu għandha ferm inqas aċċenti tal-aromi tal-proteoliżi u l-ossidazzjoni tax-xaħam. B’differenza mill-biċċa l-kbira tal-prieżet nejjin imnixxfa għal perjodu qasir, il-“Jambon de Vendée” ma jiġix affumikat. It-togħma mielħa tiegħu mhijiex qawwija ħafna.

Minħabba t-tessut artab tiegħu, il-“Jambon de Vendée” ma jistax jitqatta’ f’fetti rqaq faċilment u allura, tradizzjonalment, kien jittiekel l-iktar f’fetti ħoxnin iggriljati. Illum, hekk għadu jittiekel normalment fil-biċċa l-kbira taż-żona ġeografika, minkejja l-progress li sar fit-tqegħid fis-suq tal-fetti rqaq.

5.3.   Ir-rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiċi tal-prodott (għad-DPO) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew karatteristiċi oħra tal-prodott (għall-IĠP)

Il-“Jambon de Vendée” huwa marbut maż-żona ġeografika permezz tal-karatteristiċi speċifiċi tal-prodott marbuta mal-għarfien tas-salaisonniers fiż-żona ġeografika u reputazzjoni solida.

Il-karatteristiċi speċifiċi huma marbuta mal-għarfien li ntiret dwar proċess tal-produzzjoni adattat għall-kundizzjonijiet lokali.

L-għarfien li għandhom is-salaisonniers żviluppa fil-kuntest tal-limiti inerenti taż-żona ġeografika li kellhom impatt essenzjali fuq kif il-perżut jiġi prodott, ikkaratterizzat minn ċiklu tal-produzzjoni rapidu sabiex jiġu evitati l-problemi tat-tnixxif u l-preservazzjoni. Ix-xtiewi mhux ħorox u l-frekwenza tax-xita fissret li l-operaturi kellhom jiżviluppaw strateġiji alternattivi għall-preservazzjoni.

Billi l-għadma tista’ potenzjalment tinfetta l-perżuta minħabba l-mikoorganiżmi, il-bdiewa li jrabbu l-bhejjem fiż-żona ġeografika kienu jiddissussawha u, b’mod ġenerali, jogħrku l-perżuta b’taħlita ta’ ħwawar u spirtu. Għall-istess skop, il-perżuta kienet tiġi dissussata sabiex il-melħ ikun jista’ jippenetra sal-qalba tagħha.

Il-bżonn li l-perżuta tiġi prodotta malajr wassal ukoll biex il-produtturi jiżviluppaw il-prattika li jippressawha bejn żewġ pjanċi tal-injam sabiex il-meraq joħroġ iktar malajr u b’hekk iqassru l-perjodu tat-tnixxif.

Illum, il-“Jambon de Vendée” għadu teneru, artab u b’kulur aħmar ċar minħabba li jitnixxef malajr, wirt tal-metodu tradizzjonali tal-produzzjoni tiegħu. It-togħma karatteristika tiegħu li ssir billi jingħorku fih l-ispirtu u l-ħwawar, tiddistingwih ġenwinament mill-prieżet nejjin l-oħra.

It-togħma tal-“Jambon de Vendée” għandha mluħa sottili li tinkiseb billi jinżied il-melħ bir-reqqa bl-idejn u fl-ammonti xierqa.

Id-domanda tal-konsumaturi bdiet tiżdied mis-sittinijiet u s-sebgħinijiet. Din id-domanda kienet ħerqana għat-tradizzjoni iżda kienet iktar eżiġenti u wasslet għal żieda konsiderevoli fl-għadd ta’ negozji artiġġjanali speċjalizzati fil-prodotti agroalimentari u, partikolarment, dawk li jiffukaw fuq il-laħam ippreparat, u għenet biex tiddefinixxi l-karatteristiċi tal-prodott tal-lum, partikolarment id-delikatezza aromatika tiegħu u l-kontenut baxx tal-melħ tiegħu.

Reputazzjoni marbuta mal-isem “Jambon de Vendée”

L-isem “Jambon de Vendée” deher l-ewwel f’nofs is-sebgħinijiet bħala isem għall-prodott, u fid-deċennji ta’ wara kompla jikseb il-popolarità.

Qabel il-“Jambon de Vendée” kien prodott tar-razzett maħsub għall-konsum mill-familja jew għall-bejgħ fis-suq lokali. Din hija r-raġuni għala l-ewwel referenzi bil-miktub għall-“Jambon de Vendée” jmorru lura biss għat-tieni nofs tas-seklu dsatax. Ħafna testi minn dak iż-żmien jirreferu għall-perżut nej mill-Vendée, immellaħ bil-melħ tal-baħar, imħawwar bil-ħwawar u l-ispirtu, u mnixxef għal perjodu qasir.

Matul is-sebgħinijiet u t-tmeninijiet, il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott fuq skala kbira żviluppat taħt l-isem kummerċjali tal-“Jambon de Vendée”. Minbarra fit-testi varji dwar il-gastronomija tal-Vendée, fl-1982 dehret definizzjoni tal-prodott fl-ewwel edizzjoni tal-Encyclopédie de la Charcuterie, ippubblikat minn Soussana u Jean-Claude Frentz bħala l-editur.

L-ewwel kompetizzjoni għall-“Jambon de Vendée” veru, li saret f’Pouzauges fl-1989, ingħatat attenzjoni kbira mill-midja. Minn dak iż-żmien ‘l hawn, ir-reputazzjoni tal-“Jambon de Vendée” malajr estendiet lil hinn mill-fruntieri reġjonali u saret punt ta’ referenza nazzjonali.

L-istudji tal-bord AC Nielsen panel fl-2003 poġġewh fit-tielet post fost il-prieżet niexfa li jinsabu għall-bejgħ liberament fi Franza f’termini ta’ kwantità u valur.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni

[L-Artikolu 5(7) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006 (3)]

https://www.inao.gouv.fr/fichier/CDCIGPJambondeVendeeV1.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.

(2)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12. Sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1151/2012.

(3)  Ara no-nota 2 f’qiegħ il-paġna.