28.3.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 89/3


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

Linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija

2014/C 89/03

WERREJ

1.

INTRODUZZJONI

2.

PRINĊIPJI ĠENERALI

2.1.

L-Artikolu 101 tat-Trattat u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

2.2.

Il-qafas ġenerali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101

2.3.

Definizzjoni tas-suq

2.4.

Id-distinzjoni bejn partijiet kompetituri u partijiet li ma humiex

3.

L-APPLIKAZZJONI TAR-REKTT

3.1.

L-effetti tar-REKTT

3.2.

L-ambitu u t-tul ta' żmien tar-REKTT

3.2.1.

Il-kunċett ta' ftehimiet dwar it-trasferiment ta' teknoloġija

3.2.2.

Il-kunċett ta' “trasferiment”

3.2.3.

Ftehimiet bejn żewġ partijiet

3.2.4.

Ftehimiet dwar il-produzzjoni ta' prodotti fil-kuntratt

3.2.5.

Tul ta’ żmien

3.2.6.

Relazzjoni ma' regolamenti oħra ta’ eżenzjoni ta’ kategorija

3.2.6.1.

Ir-Regolamenti ta' Eżenzjonijiet ta’ Kategorija għal ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni u ta’ R&Ż.

3.2.6.2.

Ir-Regolament ta’ Eżenzjoni Ġenerali dwar ftehimiet vertikali

3.3.

Il-limiti tas-sehem mis-suq fejn tidħol l-eżenzjoni

3.4.

Ir-restrizzjonijiet fundamentali tal-kompetizzjoni taħt ir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta' Kategorija

3.4.1.

Prinċipji ġenerali

3.4.2.

Ftehimiet bejn partijiet kompetituri

3.4.3.

Ftehimiet bejn partijiet li mhumiex kompetituri

3.5.

Restrizzjonijiet esklużi

3.6.

L-irtirar u n-nonapplikazzjoni tar-Regolament ta’ Eżenzjoni Ġenerali ta' Kategorija

3.6.1.

Proċedura għall-irtirar

3.6.2.

In-nonapplikazzjoni tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali

4.

L-APPLIKAZZJONI TAL-ARTIKOLU 101(1) U 101(3) TAT-TRATTAT LIL HINN MILL-AMBITU TAL-REKTT

4.1.

Il-qafas ġenerali għall-analiżi

4.1.1.

Il-fatturi rilevanti

4.1.2.

L-effetti negattivi ta' ftehimiet ta' liċenzjar restrittiv

4.1.3.

L-effetti pożittivi ta' ftehimiet ta' liċenzjar restrittiv u l-qafas tal-analiżi ta' dawn l-effetti

4.2.

L-applikazzjoni tal-Artikolu 101 għal diversi tipi ta’ restrizzjonijiet fil-liċenzjar

4.2.1.

Obbligi rigward royalties

4.2.2.

Liċenzjar esklussiv u restrizzjonijiet fuq il-bejgħ

4.2.2.1.

Liċenzji esklussivi u uniċi

4.2.2.2.

Restrizzjonijiet fuq il-bejgħ

4.2.3.

Restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni

4.2.4.

Restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu

4.2.5.

Restrizzjonijiet fuq l-użu intern

4.2.6.

Il-bejgħ abbinat jew f'pakkett

4.2.7.

Obbligi ta' non-kompetizzjoni

4.3.

Ftehimiet ta' riżoluzzjoni

4.4.

Pools tat-teknoloġija

4.4.1.

Il-valutazzjoni tal-formazzjoni u l-operazzjoni tal-pools tat-teknoloġija

4.4.2.

L-evalwazzjoni ta’ restrizzjonijiet individwali fi ftehimiet bejn il-pool u detenturi tal-liċenzja tiegħu

1.   INTRODUZZJONI

1.

Dawn il-linji gwida jistabbilixxu l-prinċipji għall-valutazzjoni ta’ ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (1) (“l-Artikolu 101”). Il-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jikkonċernaw il-liċenzjar ta’ drittijiet tat-teknoloġija fejn il-liċenzjatur jippermetti lid-detentur tal-liċenzja sabiex jisfrutta d-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata għall-produzzjoni ta’ prodotti jew servizzi, kif definit fl-Artikolu 1(1)(c) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 316/2014 tal-21 ta' Marzu 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-kategoriji ta’ ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija (“ir-REKTT”) (2).

2.

L-għan ta' dawn il-linji gwida huwa li jipprovdu gwida fl-applikazzjoni tar-REKTT kif ukoll fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ftehimiet dwar trasferiment ta' teknoloġija li jaqgħu lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tar-REKTT. Ir-REKTT u l-linji gwida huma mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà ta’ applikazzjoni parallela tal-Artikolu 102 tat-Trattat għall-ftehimiet dwar it-trasferiment tat-teknoloġija (3).

3.

L-istandards stabbiliti f'dawn il-linji gwida jridu jiġu applikati fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi ta' kull każ. Dan jeskludi applikazzjoni mekkanika. Kull każ irid jiġi evalwat skont il-fatti tiegħu stess u l-linji gwida għandhom ikunu applikati b'mod raġonevoli u flessibbli. L-eżempji mogħtija għandhom iservu biss bħala tali, u ma humiex maħsuba biex ikunu eżawrjenti.

4.

Dawn il-linji gwida huma bla preġudizzju għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 u tar-REKTT li tista’ tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali.

2.   PRINĊIPJI ĠENERALI

2.1.   L-Artikolu 101 tat-Trattat u d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

5.

L-għan tal-Artikolu 101 tat-Trattat b'mod ġenerali huwa li jipproteġi l-kompetizzjoni fis-suq sabiex jitħares il-ġid tal-konsumatur u r-riżorsi jiġu allokati b'mod effiċjenti. L-Artikolu 101(1) jipprojbixxi l-ftehimiet jew il-prattiċi restrittivi kollha bejn l-impriżi u deċiżjonijiet minn assoċjazzjonijiet ta’ impriżi (4) li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri (5) u li jkollhom bħala għan jew effett il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni (6). Bħala eċċezzjoni għal din ir-regola, l-Artikolu 101(3) jistipula li l-projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 101(1) tista' tiġi ddikjarata inapplikabbli fil-każ ta' ftehimiet bejn impriżi li jikkontribwixxu għat-titjib tal-produzzjoni jew id-distribuzzjoni tal-prodotti jew li jippromwovu progress tekniku jew ekonomiku, filwaqt li jħallu lill-konsumaturi sehem ġust mill-benefiċċji li jirriżultaw u ma jimponux restrizzjonijiet li mhumiex indispensabbli biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, u li ma jippermettux lil dawn l-impriżi li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta' parti sostanzjali mill-prodotti kkonċernati.

6.

Il-liġijiet dwar il-proprjetà intellettwali jagħtu drittijiet esklussivi lid-detenturi ta' privattivi, drittijiet tal-awtur, drittijiet ta' disinn, trademarks u drittijiet oħra mħarsa legalment. Sid il-proprjetà intellettwali huwa intitolat skont il-liġijiet tal-propjetà intellettwali li ma jħallix li jsir użu mhux awtorizzat tal-proprjetà intellettwali tiegħu u li jisfruttaha, pereżempju, billi jilliċenzjaha lil terzi persuni. Ladarba prodott li jinkorpora dritt dwar il-proprjetà intellettwali, bl-eċċezzjoni tad-drittijiet tal-eżekuzzjoni (7), jitqiegħed fis-suq fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) mid-detentur jew bil-kunsens tiegħu, id-dritt tal-proprjetà intellettwali jkun eżawrit fis-sens li d-detentur ma jkunx jista’ jużah aktar biex jikkontrolla l-bejgħ tal-prodott (il-prinċipju tal-eżawriment tal-Unjoni) (8). Id-detentur tad-dritt m'għandux dritt taħt il-liġijiet dwar il-proprjetà intellettwali li jippreveni l-bejgħ mid-detenturi jew ix-xerrejja ta' prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata. Il-prinċipju tal-eżawriment tal-Unjoni huwa konformi mal-funzjoni essenzjali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, jiġifieri li jagħtu d-dritt lid-detentur li jeskludi lil oħrajn mill-isfruttament tal-proprjetà intellettwali tiegħu mingħajr il-kunsens tiegħu.

7.

Il-fatt li l-liġijiet dwar il-proprjetà intellettwali jagħtu drittijiet esklussivi ta' sfruttament ma jimplikax li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma japplikawx għal-liġi tal-kompetizzjoni. L-Artikoli 101 tat-Trattat huma b’mod partikolari applikabbli għal ftehimiet fejn id-detentur jilliċenzja impriża oħra biex din tisfrutta d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tiegħu (9). Lanqas ma jimplika li hemm xi kunflitt inerenti bejn id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u r-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Fil-fatt, iż-żewġ korpi ta' liġijiet għandhom l-istess objettiv bażiku li jippromwovu l-ġid tal-konsumatur u allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi. L-innovazzjoni tikkostitwixxi komponent essenzjali u dinamiku f'ekonomija tas-suq miftuħa u kompetittiva. Id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jippromwovu kompetizzjoni dinamika billi jinkoraġġixxu lill-impriżi jiżviluppaw prodotti u proċessi ġodda jew imtejba. L-istess tagħmel il-kompetizzjoni billi tpoġġi pressjoni fuq l-impriżi biex ikunu innovattivi. Għalhekk, kemm id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u kemm il-kompetizzjoni huma neċessarji għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u biex jiġi żgurat l-isfruttament kompetittiva tagħhom.

8.

Fil-valutazzjoni tal-ftehimiet tal-liċenzja skont l-Artikolu 101 tat-Trattat, wieħed għandu jikkunsidra li l-ħolqien tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ħafna drabi jinvolvi investiment sostanzjali u li spiss din tkun operazzjoni riskjuża. Biex il-kompetizzjoni dinamika ma titnaqqasx u biex jinżamm l-inċentiv għall-innovazzjoni, l-innovatur m'għandux ikun ristrett bla bżonn milli jisfrutta d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li jirriżultaw ta' valur. Għal dawn ir-raġunijiet l-innovatur normalment għandu jkun liberu li jfittex remunerazzjoni xierqa għal proġetti ta’ suċċess li tkun biżżejjed biex jinżammu l-inċentivi għall-investiment, meta jitqiesu wkoll il-proġetti li jfallu. Il-liċenzjar tad-drittijiet tat-teknoloġija jista’ jirrikjedi wkoll li d-detentur jagħmel investimenti irrekuperabbli sinifikanti (jiġifieri, li hekk kif jitħalla dak il-qasam partikolari ta’ attività, l-investiment ma jintużax mid-detentur tal-liċenzja għal attivitajiet oħra jew jinbiegħ ħlief jekk mhux b'telf sinifikanti) fit-teknoloġija liċenzjata u l-assi tal-produzzjoni meħtieġa biex dan jiġi sfruttat. L-Artikolu 101 ma jistax jiġi applikat mingħajr ma jitqiesu dawn l-investimenti ex ante mill-partijiet u r-riskji relatati magħhom. Ir-riskju quddiem il-partijiet u l-investiment irrekuperabbli li jridu jagħmlu jistgħu għalhekk iwasslu biex, il-ftehim ma jaqax taħt l-Artikolu 101(1) jew jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3), skont il-każ, għall-perjodu ta' żmien neċessarju sabiex jiġi rkuprat l-investiment.

9.

Fil-valutazzjoni tal-ftehimiet ta' liċenzjar taħt l-Artikolu 101 tat-Trattat, il-qafas analitiku eżistenti huwa flessibbli biżżejjed biex iqis kif dovut l-aspetti dinamiċi tal-liċenzjar tad-drittijiet tat-teknoloġija. M'hemm l-ebda preżunzjoni li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-ftehimiet ta' liċenzjar minnhom infushom iwasslu għal tħassib fir-rigward tal-kompetizzjoni. Il-parti l-kbira tal-ftehimiet ta' liċenzjar ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni u joħolqu effiċjenzi favur il-kompetizzjoni. Fil-fatt, il-liċenzjar fih innifsu jiffavorixxi l-kompetizzjoni għaliex iwassal għat-tixrid tat-teknoloġija u jippromwovi l-innovazzjoni mil-liċenzjatur u mid-detnetur(i) tal-liċenzja. Barra minn hekk, anke l-ftehimiet tal-liċenzja li jirrestrinġi l-kompetizzjoni spiss jista' jwassal għal effiċjenzi li jiffavorixxu l-kompetizzjoni, li jridu jitqiesu skont l-Artikolu 101(3) u jiġu bbilanċjati mal-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni. (10) Għaldaqstant, il-maġġoranza kbira tal-ftehimiet tal-liċenzjar huwa kompatibbli mal-Artikolu 101.

2.2.   Il-qafas ġenerali għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101

10.

L-Artikolu 101(1) tat-Trattat jipprojbixxi ftehimiet li l-għan jew l-effett tagħhom huwa r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. L-Artikolu 101(1) japplika kemm għal restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn il-partijiet fil-ftehim innifsu kemm għal restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn xi waħda mill-partijiet u partijiet terzi.

11.

Il-valutazzjoni dwar jekk ftehim ta' liċenzjar jirrestrinġix il-kompetizzjoni għandha ssir fil-kuntest attwali li fih ikun hemm kompetizzjoni fl-assenza tal-ftehim u l-allegati restrizzjonijiet tiegħu (11). F’din il-valutazzjoni jeħtieġ li jitqies l-impatt probabbli tal-ftehim fuq il-kompetizzjoni bejn it-teknoloġiji (jiġifieri, il-kompetizzjoni bejn impriżi li jużaw teknoloġiji li jikkompetu) u dik fl-ambitu tal-istess teknoloġija (jiġifieri l-kompetizzjoni bejn impriżi li jużaw l-istess teknoloġija) (12). L-Artikolu 101(1) jipprojbixxi restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni kemm bejn it-teknoloġiji u kemm dik fl-ambitu tal-istess teknoloġija. Għaldaqstant jeħtieġ li jiġi valutat l-effett jew il-possibbiltà ta' effett tal-ftehim fuq dawn iż-żewġ aspetti tal-kompetizzjoni fis-suq.

12.

Iż-żewġ mistoqsijiet li ġejjin jipprovdu qafas utli għal din il-valutazzjoni. L-ewwel mistoqsija tirrigwarda l-impatt tal-ftehim fuq il-kompetizzjoni bejn it-teknoloġiji filwaqt li t-tieni mistoqsija tirrigwarda l-impatt tal-ftehim fuq il-kompetizzjoni fl-ambitu tal-istess teknoloġija. Minħabba li r-restrizzjonijiet jistgħu jaffettwaw fl-istess ħin kemm il-kompetizzjoni bejn it-teknoloġiji u kemm dik fl-ambitu tal-istess teknoloġija, jista' jkun jeħtieġ li r-restrizzjoni tiġi analizzata fid-dawl taż-żewġ mistoqsijiet qabel ma wieħed ikun jista' jikkonkludi jekk il-kompetizzjoni ġietx imfixkla jew le fis-sens tal-Artikolu 101(1):

(a)

Il-ftehim tal-liċenzjar jirrestrinġi l-kompetizzjoni attwali jew potenzjali li kieku teżisti mingħajr il-ftehim ikkontemplat? Jekk dan ikun il-każ, il-ftehim jista' jinqabad mill-Artikolu 101(1). F'din il-valutazzjoni jeħtieġ li tiġi kkunsidrata l-kompetizzjoni bejn il-partijiet u l-kompetizzjoni minn partijiet terzi. Ngħidu aħna, fejn żewġ impriżi stabbiliti fi Stati Membri differenti jikkonċedu liċenzji lil xulxin ta’ teknoloġiji li jikkompetu u jintrabtu li ma jbigħux prodotti fis-swieq domestiċi ta’ xulxin, tiġi ristretta l-kompetizzjoni (potenzjali) li tkun teżisti qabel il-ftehim. Bl-istess mod, fejn il-liċenjatur jimponi obbligi fuq id-detenturi tal-liċenżja tiegħu li ma jużawx teknoloġiji li jikkompetu u dawn l-obbligi jaqtgħu ‘l barra teknoloġiji ta’ partijiet terzi, tiġi ristretta l-kompetizzjoni attwali jew potenzjali li altrimenti kien ikun hemm fl-assenza tal-ftehim.

(b)

Il-ftehim tal-liċenzja jirrestrinġi l-kompetizzjoni attwali jew potenzjali li kieku kellha teżisti fl-assenza tar-restrizzjoni(jiet) kuntrattwali? Jekk dan ikun il-każ, il-ftehim jista' jinqabad mill-Artikolu 101(1). Ngħidu aħna, fejn il-liċenzjatur jirrestrinġi lid-detenturi tal-liċenzja, li ma kinux kompetituri attwali jew potenzjali qabel il-ftehim, milli jikkompetu bejniethom, il-kompetizzjoni (potenzjali) li seta' jkun hemm bejn id-detenturi tal-liċenzja fin-nuqqas tar-restrizzjonijiet hija ristretta. Dawn ir-restrizzjonijiet jinkludu l-iffissar vertikali tal-prezzijiet u r-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ bejn id-detenturi tal-liċenzja fuq bażi territorjali jew skond il-klijent. Madankollu, ċerti restrizzjonijiet jistgħu f’ċerti każi ma jinqabdux mill-Artikolu 101(1) fejn ir-restrizzjoni tkun oġġettivament neċessarja għall-eżistenza ta’ ftehim ta’ dak it-tip jew ta’ dik in-natura (13). Din l-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tista' ssir biss minħabba fatturi oġġettivi esterni mill-partijiet infushom u mhux minħabba fehmiet u karatteristiċi suġġettivi tal-partijiet. Il-mistoqsija mhix jekk il-partijiet fis-sitwazzjoni partikolari tagħhom kinux jaċċettaw li jikkonkludu ftehim anqas restrittiv, iżda jekk, meta titqies in-natura tal-ftehim u l-karatteristiċi tas-suq, ftehim anqas restrittiv kienx jiġi konkluż minn impriżi f'sitwazzjoni simili (14). L-argument li fin-nuqqas ta' restrizzjoni l-fornitur kien jirrikorri għal integrazzjoni vertikali mhux biżżejjed. Id-deċiżjonijiet dwar jekk għandux ikun hemm integrazzjoni vertikali jew le jiddependu minn firxa wiesgħa ta' fatturi ekonomiċi kumplessi, li numru minnhom huma interni għall-impriża kkonċernata.

13.

Il-fatt li l-Artikolu 101(1) tat-Trattat jagħmel distinzjoni bejn dawk il-ftehimiet li għandhom restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala l-għan tagħhom u dawk il-ftehimiet li għandhom restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala effett tagħhom għandhom jiġu kkunsidrati fl-applikazzjoni tal-qafas analitiku msemmi fil-punt (12) ta’ dawn il-linji gwida. L-Artikolu 101(1) jipprojbixxi ftehim jew restrizzjoni kuntrattwali biss fejn l-għan jew l-effett ikun li tiġi resritta l-kompetizzjoni bejn it-teknoloġiji u/jew dik fl-ambitu tal-istess teknoloġija.

14.

Ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni intenzjonati huma dawk li bin-natura proprja tagħhom jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Dawn huma restrizzjonijiet li fid-dawl tal-objettivi li għandhom ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, tant għandhom potenzjal għoli li jħallu effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni li fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) ma jkunx meħtieġ li jiġu dimostrati xi effetti fuq is-suq (15). Barra minn hekk, diffiċli jintlaħqu l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) fil-każ ta' restrizzjonijiet intenzjonati. Il-valutazzjoni dwar jekk ftehim għandux bħala l-għan tiegħu r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni hija bbażata fuq numru ta' fatturi. Dawn jinkludu, b'mod partikolari, il-kontenut tal-ftehim u l-objettivi li jipprova jilħaq. Jista' jkun jeħtieġ ukoll li jiġi kkunsidrat il-kuntest li fih ikun (ser jiġi) applikat jew l-imġiba attwali tal-partijiet fis-suq (16). Fi kliem ieħor, qabel ma jiġi konkluż jekk restrizzjoni partikolari tikkostitwixxix restrizzjoni fundamentali tal-kompetizzjoni, jista' jkun hemm bżonn ta' eżaminazzjoni tal-fatti wara l-ftehim u taċ-ċirkostanzi speċifiċi li jopera fih. Il-mod li bih il-ftehim attwalment jiġi implimentat jista' jiżvela restrizzjoni intenzjonata anke fejn il-ftehim formali ma jinkludix dispożizzjoni espressa f'dan is-sens. Prova tal-intenzjoni suġġettiva tal-partijiet li jirrestrinġu l-kompetizzjoni hija fattur rilevanti, iżda mhix kundizzjoni neċessarja. Ftehim jista’ jitqies li jkolli għan restrittiv anke jekk ma jkollux bħala għan waħdieni li jillimita l-kompetizzjoni imma jkollu wkoll għanijiet oħra li huma leġittimi (17). Għall-ftehimiet tal-liċenzja, il-Kummissjoni tikkunsidra li r-restrizzjonijiet koperti mil-lista ta’ restrizzjonijiet fundamentali tal-kompetizzjoni li tinsab fl-Artikolu 4 tar-REKTT huma restrittivi mill-istess intenzjoni tagħhom (18).

15.

Fejn il-ftehim ma jkunx restrittiv għall-kompetizzjoni bl-għan tiegħu jkun jinħtieġ li jiġi eżaminat jekk dan għandux effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni. Għandhom jitqiesu kemm l-effetti attwali kif ukoll dawk potenzjali (19). Fi kliem ieħor, il-ftehim irid ikollu effetti li x'aktarx huma anti-kompetittivi. Biex ftehimiet ta' liċenzjar ikollhom effett restrittiv għall-kompetizzjoni dan irid iħalli effett attwali jew potenzjali fuq il-kompetizzjoni b'tali mod li fis-suq rilevanti wieħed ikun jista' jistenna, bi grad ta' probabbiltà raġonevoli, effetti negattivi fuq il-prezzijiet, il-produzzjoni, l-innovazzjoni jew il-varjetà jew il-kwalità tal-prodotti u s-servizzi. Dawn l-effetti x'aktarx negattivi fuq il-kompetizzjoni iridu jkunu jinħassu (20). X'aktarx ikun hemm effetti anti-kompetittivi li jinħassu meta għall-anqas wieħed mill-partijiet ikollu jew jikseb ammont ta' saħħa fis-suq u l-ftehim jikkontribwixxi għall-ħolqien, iż-żamma jew it-tisħiħ ta' dik is-saħħa fis-suq jew jippermetti lill-partijiet li jisfruttaw dik is-saħħa fis-suq. Is-saħħa fis-suq hija l-abbiltà li wieħed iżomm prezzijiet ogħla minn livelli kompetittivi jew li jżomm produzzjoni f'termini ta' kwantità ta' prodotti, ta' kwalità u ta' varjetà jew innovazzjoni tal-prodotti anqas minn livelli kompetittivi għal perjodu ta' żmien mhux insinifikanti (21). Il-grad ta' saħħa fis-suq normalment meħtieġa biex jinstab ksur skont l-Artikolu 101(1) huwa anqas mill-grad ta' saħħa fis-suq meħtieġa biex tinstab dominanza skont l-Artikolu 102 (22).

16.

Għall-iskopijiet tal-analiżi ta' restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-effett tagħhom normalment ikun meħtieġ li jiġi definit is-suq rilevanti u li jsir eżami u valutazzjoni, b'mod partikolari, tan-natura tal-prodotti u t-teknoloġiji kkonċernati, il-pożizzjoni fis-suq tal-partijiet, il-pożizzjoni fis-suq tax-xerrejja, l-eżistenza ta' kompetituri potenzjali u l-livell ta' ostakli għad-dħul. F'ċerti każi, madankollu, jista' jkun possibbli li jintwerew effetti anti-kompetittivi direttament billi tiġi analizzata l-imġiba tal-partijiet fil-ftehim fis-suq. Pereżempju, jista' jiġi nnutat li ftehim wassal għal żieda fil-prezzijiet.

17.

Madankollu, il-ftehimiet ta’ liċenzjar jistgħu jkollhom ukoll potenzjal pro-kompetittiv sostanzjali u l-maġġoranza l-kbira dawk il-ftehimiet huma tabilħaqq prokompetittivi. Il-ftehimiet ta' liċenzjar jistgħu jippromwovu l-innovazzjoni billi jippermettu lill-innovaturi li jieħdu lura qligħ biex ikopru għall-anqas parti mill-ispejjeż fuq ir-riċerka u l-iżvilupp. Il-ftehimiet tal-liċenzja jwasslu wkoll biex jinxterdu t-teknoloġiji, li jistgħu joħolqu l-valur billi jnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni tad-detentur tal-liċenzja jew billi jippermettulu jipproduċi prodotti ġodda jew imtejba. L-effiċjenza fuq il-livell tad-detentur ta' liċenzja ħafna drabi tinbet mill-użu tat-teknoloġija tal-liċenzjatur flimkien mal-assi u t-teknoloġija tal-istess detentur tal-liċenzja. Din l-integrazzjoni ta’ assi u teknoloġiji komplimentari tista’ twassal għal konfigurazzjoni ta’ nfiq/benefiċċju li kieku ma tkunx possibbli. Ngħidu aħna, it-teknoloġija mtejba tal-liċenzjatur applikata flimkien ma' produzzjoni u distribuzzjoni tal-assi aktar effiċjenti min-naħa tad-detentur tal-liċenzja jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż tal-produzzjoni jew iwasslu għall-produzzjoni ta' prodott ta' kwalità ogħla. Il-liċenzjar jista' jkun siewi wkoll għall-għan pro-kompetittiv li jitneħħew l-ostakli għall-iżvilupp u l-isfruttar tat-teknoloġija tad-detentur tal-liċenzja stess. B'mod partikolari f'setturi fejn jipprevalu numru kbir ta' privattivi, il-liċenzjar ħafna drabi jservi biex tinħoloq libertà tad-disinn billi jitneħħa r-riskju ta' pretensjonijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-liċenzjatur. Fejn il-liċenzjatur jaqbel li ma jinvokax id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali tiegħu biex iwaqqaf il-bejgħ tal-prodotti taċ-ċessjonarju, l-ftehim ineħħi ostaklu għall-bejgħ tal-prodott tad-detentur u b’hekk b’mod ġenerali jkun qiegħed jippromwovi l-kompetizzjoni.

18.

F'każijiet fejn ftehim tal-liċenzja jinqabad mill-Artikolu 101(1) tat-Trattat, l-effetti pro-kompetittivi tal-ftehim għandhom jiġu bbilanċjati bl-effetti restrittivi tiegħu fil-kuntest tal-Artikolu 101(3). Fejn jintlaħqu l-erba' kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3), il-ftehim ta' liċenzjar restrittiv ikkonċernat ikun validu u infurzabbli, mingħajr ma tkun tinħtieġ deċiżjoni f'dan is-sens minn qabel (23). Restrizzjonijiet fundamentali tal-kompetizzjoni x’aktarx ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Tali ftehimiet ġeneralment ma jissodisfawx (għall-anqas) waħda mill-ewwel żewġ kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Ġeneralment dawn ma joħolqux benefiċċji ekonomiċi oġġettivi jew benefiċċji għall-konsumaturi. Barra minn hekk, dan it-tip ta' ftehimiet ġeneralment ma jissodisfawx it-test ta' indispensabbiltà (taħt it-tielet kundizzjoni). Pereżempju, jekk il-partijiet jiffissaw il-prezz li bih għandhom jinbiegħu l-prodotti magħmula taħt il-liċenzja, normalment dan iwassal għal anqas produzzjoni u allokazzjoni ħażina tar-riżorsi, kif ukoll prezzijiet ogħla għall-konsumaturi. Minbarra dan, ir-restrizzjoni fuq il-prezz mhix indispensabbli biex jinkisbu l-effiċjenzi possibbli li jirriżultaw mid-disponibbiltà taż-żewġ kompetituri taż-żewġ teknoloġiji.

2.3.   Definizzjoni tas-suq

19.

L-approċċ tal-Kummissjoni biex tiddefinixxi s-suq rilevanti huwa stabbilit fl-Avviż tagħha dwar id-definizzjoni tas-suq rilevanti għall-għanijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Komunità (24). Dawn il-linji gwida jindirizzaw biss aspetti mid-definizzjoni tas-suq li huma ta' importanza partikolari fil-qasam tal-liċenzjar tat-teknoloġija.

20.

It-teknoloġija hija fattur tal-produzzjoni li jiġi integrat jew fi prodott jew fi proċess tal-produzzjoni. Il-liċenzjar tat-teknoloġija għaldaqstant jista’ jaffettwa l-kompetizzjoni kemm upstream fis-swieq tal-fatturi tal-produzzjoni u kemm fis-swieq ta’ prodotti lesti. Pereżempju, ftehim bejn żewġ partijiet li jbigħu prodotti li jikkompetu u li jagħtu liċenzja reċiproka tad-drittijiet tat-teknoloġija li jirrigwardaw il-produzzjoni ta’ dawn il-prodotti upstream jista’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni fejn jidħol is-suq ta’ prodotti jew servizzi downstream ikkonċernati. Il-liċenzjar reċiproku jista’ wkoll jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq upstream għat-teknoloġija u possibbilment anke fi swieq oħra upstream tal-fatturi tal-produzzjoni. Għall-finijiet ta’ valutazzjoni tal-effetti kompetittivi ta’ ftehimiet tal-liċenzja jista’ għalhekk ikunmeħtieġ li jiġu ddefiniti s-suq (swieq) rilevanti tal-prodott kif ukoll is-suq (swieq) rilevanti tat-teknoloġija (25).

21.

Is-suq tal-prodott rilevanti jinkludi l-prodotti tal-kuntratt (li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata) u prodotti li jitqiesu mix-xerrejja bħala skambjabbli jew sostitwibbli mal-prodotti tal-kuntratt, minħabba l-karatteristiċi tal-prodotti, il-prezzijiet tagħhom u l-użu maħsub tagħhom. Prodotti tal-kuntratt jistgħu jkunu parti minn suq tal-prodotti finali u/jew intermedji.

22.

Is-swieq rilevanti tat-teknoloġija jikkonsistu fid-drittijiet ta' teknoloġija liċenzjata u s-sostituti tagħha, jiġifieri teknoloġiji oħrajn li jitqiesu mid-detenturi tal-liċenzja bħala skambjabbli jew sostitwibbli bit-teknoloġija liċenzjata, minħabba l-karatteristiċi tat-teknoloġiji, ir-royalties għalihom u l-użu intenzjonat għalihom. L-ewwel, rigward it-teknoloġija mqiegħda fis-suq mil-liċenzjatur, jeħtieġ li jipu identifikati dawk it-teknoloġiji oħrajn li d-detenturi tal-liċenzja jistgħu jirrikorru għalihom b'rispons għal żieda żgħira iżda permanenti fil-prezzijiet relattivi, jiġifieri fir-royalties. Metodu alternattiv huwa li jitqies is-suq tal-prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata (ara l-punt (25) ta' taħt).

23.

It-terminu “suq rilevanti” użat fl-Artikolu 3 tar-REKTT u definit fl-Artikolu 1(1)(m) jirreferi għas-suq tal-prodott rilevanti u s-suq rilevanti tat-teknoloġija sew fid-dimensjoni tal-prodott kif ukoll f’dik ġeografika tagħhom.

24.

Is-“suq ġeografiku rilevanti” kif definit fl-Artikolu 1(1)(1) tar-REKTT jinkludi ż-żona fejn l-impriżi konċernati jkunu involuti fil-provvista u d-domanda ta’ prodotti jew fil-liċenzjar tat-teknoloġija, li fiha l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni jkunu omoġenji biżżejjed u li jistgħu jkunu distinti minn żoni ġirien peress li l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni jkunu sostanzjalment differenti f’dawk iż-żoni. Is-suq ġeografiku tas-suq(swieq) rilevanti ta’ teknoloġija jista' jvarja mis-suq ġeografiku tas-suq(swieq) rilevanti tal-prodotti.

25.

Ladarba s-swieq rilevanti jkunu identifikati, l-ishma fis-suq jistgħu jiġu assenjati lid-diversi sorsi ta' kompetizzjoni fis-suq u jintużaw bħala indikazzjoni tas-saħħa relattiva tal-operaturi fis-suq. Fil-każ tas-swieq tat-teknoloġija, mod kif wieħed jista’ jipproċedi huwa billi jikkalkula l-ishma tal-operaturi fis-suq abbażi tad-dħul tal-liċenzjar li jkollha kull teknoloġija mir-royalties, u dan ikun jirrappreżenta s-sehem fis-suq tat-teknoloġija fejn it-teknoloġiji jkunu liċenzjati li jikkompetu. Madankollu, ħafna drabi dan jista' jkun eżerċizzju teoretiku u mhux prattiku minħabba nuqqas ta' informazzjoni ċara dwar ir-royalties. Metodu ieħor, li li jintuża biex tiġi kkalkulata “l-eżenzjoni”, kif spjegat fl-Artikolu 8(d) tar-REKTT, huwa li l-ishma tas-suq fis-suq tat-teknoloġija jiġi kkalkulat skond il-bejgħ ta' prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata fi swieq tal-prodotti downstream (ara punt (86) ff għal aktar dettalji.). F’każijiet individwali lil hinn mill-eżenzjoni tar-REKTT jista’ jkun meħtieġ, fejn prattikament possibbli, li jiġu applikati ż-żewġ metodi deskritti sabiex tiġi valutata b’mod aktar preċiż is-saħħa fis-suq tal-liċenzjatur kif ukoll li jittieħed kont ta' fatturi oħra disponibbli li jagħtu indikazzjoni tajba tas-saħħa relattiva tat-teknoloġiji disponibbli (ara l-punti (157) u (159) ff għal aktar fatturi.) (26).

26.

Ċerti ftehimiet tal-liċenzja jistgħu jaffettwaw il-kompetizzjoni fl-innovazzjoni. Hija u tanalizza dawn l-effetti, madankollu, il-Kummissjoni normalment tillimita ruħa għal eżami tal-impatt tal-ftehim fuq il-kompetizzjoni fi ħdan is-swieq eżistenti ta’ prodotti u teknoloġija (27). Il-kompetizzjoni fi swieq bħal dawn tista' tiġi affettwata minn ftehimiet li jittardjaw l-introduzzjoni ta' prodotti mtejba jew ta' prodotti ġodda li maż-żmien jieħdu post il-prodotti eżistenti. F'dawn il-każi l-innovazzjoni hija sors ta' kompetizzjoni potenzjali li għandha titqies meta jiġi vvalutat l-impatt tal-ftehim fuq is-swieq tal-prodotti u tat-teknoloġija. F’numru limitat ta’ każi, madankollu, jista’ jkun utli u neċessarju li jiġu wkoll analizzati separatament l-effetti fuq il-kompetizzjoni fl-innovazzjoni. Dan huwa partikolarment il-każ fejn il-ftehim jaffettwa l-innovazzjoni li l-għan tagħha huwa l-ħolqien ta' prodotti ġodda u fejn hu possibbli li fi stadju bikri jiġu identifikati poli ta' riċerka u żvilupp (28). F'każijiet bħal dawn jista' jiġi analizzat jekk wara l-ftehim hux ser jifdal numru biżżejjed ta' poli ta' riċerka u żvilupp li jikkompetu biex tinżamm effettivament il-kompetizzjoni fl-innovazzjoni.

2.4.   Id-distinzjoni bejn partijiet kompetituri u partijiet li ma humiex

27.

B'mod ġenerali, ftehimiet bejn kompetituri huma ta' riskju akbar għall-kompetizzjoni milli ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri. Madankollu, il-kompetizzjoni bejn impriżi li jużaw l-istess teknoloġija (kompetizzjoni bejn detenturi ta' liċenzja, fl-ambitu tal-istess teknoloġija) tikkomplimenta l-kompetizzjoni bejn l-impriżi li jużaw teknoloġiji li jikkompetu (kompetizzjoni bejn teknoloġiji differenti). Ngħidu aħna, il-kompetizzjoni fl-ambitu tal-istess teknoloġija tista' twassal għal prezzijiet orħos ta' prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija kkonċernata, li mhux biss tista' tipprovdi benefiċċji immedjati għall-konsumaturi ta' dawn il-prodotti, iżda wkoll toħloq kompetizzjoni akbar bejn l-impriżi li jużaw it-teknoloġiji li jikkompetu. Fil-kuntest tal-liċenzjar il-fatt li d-detenturi tal-liċenzja qegħdin ibiegħu l-prodott tagħhom stess għandu jiġi kkunsidrat ukoll. M'humiex ibiegħu mill-ġdid prodott fornut minn impriża oħra. Għaldaqstant, jista' jkun hemm aktar lok għal differenzjazzjoni tal-prodott u kompetizzjoni bbażata fuq il-kwalità bejn id-detenturi tal-liċenzja milli fil-każ ta' ftehimiet vertikali għall-bejgħ mill-ġdid tal-prodotti.

28.

Sabiex tiġi determinata r-relazzjoni kompetittiva bejn il-partijiet jinħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-partijiet fin-nuqqas tal-ftehim kienux ikunu kompetituri attwali jew potenzjali. Jekk fin-nuqqas tal-ftehim il-partijiet kieku ma jkunux kompetituri attwali jew potenzjali fi kwalunkwe suq rilevanti affettwat mill-ftehim, huma ma jitqisux bħala kompetituri.

29.

Bħala prinċipju, il-partijiet ta' ftehim mhumiex ikkunsidrati bħala kompetituri jekk ikunu f’pożizzjoni ta’ imblukkar unidirezzjonali jew bidirezzjonali. Ikun hemm pożizzjoni ta’ imblukkar unidirezzjonali fejn teknoloġija ma tkunx tista’ tiġi sfruttata jekk mhux bi ksur ta' drittijiet ta' teknoloġija oħra jew jekk parti waħda ma tistax tkun attiva fis-suq rilevanti mingħajr ksur ta' drittijiet validi ta' teknoloġija tal-parti l-oħra. Dan huwa, pereżempju, il-każ fejn id-dritt ta' teknoloġija waħda jkopri t-titjib tad-dritt ta' teknoloġija oħra u t-titjib ma jistax ikun legalment użat mingħajr liċenzja tad-dritt bażiku ta' teknoloġija. Ikun hemm pożizzjoni ta’ imblukkar bidirezzjonali fejn l-ebda dritt ta' teknoloġija ma jista' jiġi sfruttat mingħajr ma jkun hemm ksur tad-drittijiet fuq id-dritt validu ta' teknoloġija oħra jew fejn l-ebda parti ma tista’ tkun attiva b’mod kummerċjalment vijabbli fis-suq rilevanti mingħajr ma jinkiser id-dritt validu tat-teknoloġija tal-parti l-oħra u fejn il-partijiet għalhekk ikollhom jiksbu liċenzja jew eżenzjoni minn xulxin (29). Madankollu, fil-prattika se jkun hemm każijiet fejn m’hemm l-ebda ċertezza jekk id-dritt ta' teknoloġija partikolari jkunx validu u miksur.

30.

Il-partijiet huma kompetituri attwali fis-suq tal-prodott jekk qabel il-ftehim iż-żewġ naħat ikunu diġà attivi fl-istess suq tal-prodott relevanti. Il-fatt li ż-żewġ partijiet diġà jkunu attivi fl-istess suq tal-prodott relevanti, mingħajr ma jkunu daħlu f’arranġament ta’ liċenzjar, huwa indikatur b’saħħtu li l-partijiet ma jkunux qed jimblukkaw lil xulxin. F’xenarju bħal dan, il-partijiet jistgħu jitqiesu li huma kompetituri attwali, sakemm tiġi ppruvata pożizzjoni ta’ imblukkar (b’mod partikolari minn sentenza finali tal-qorti).

31.

Il-partijiet jistgħu jitqiesu kompetituri potenzjali fis-suq tal-prodotti jekk ikun probabbli li, fin-nuqqas ta’ ftehim, x’aktarx kienu jagħmlu l-investiment addizzjonali neċessarju fis-suq rilevanti b'rispons għal żieda żgħira iżda permanenti fil-prezzijiet tal-prodotti. Probabbli tali annotazzjoni għandha tiġi vvalutata fuq bażi realistika, jiġifieri bbażata fuq il-fatti tal-każ ikkonċernat. Dan huwa aktar probabbli jekk id-detentur ikollu assi li faċilment ikunu jistgħu jintużaw biex jidħol fis-suq mingħajr ma jġarrab spejjeż irrekuperabbli sinifikanti jew jekk ikun diġà żviluppa pjanijiet, jew jibda jinvesti mod ieħor, biex jidħol fis-suq. Għandu jkun hemm possibbiltajiet konkreti reali għad-detentur tal-liċenzja li jidħol fis-suq relevanti u li jikkompeti ma’ impriżi stabbiliti (30). Għaldaqstant, id-detentur tal-liċenzja ma jistax jiġi deskritt bħala kompetitur potenzali jekk id-daħla tiegħu fis-suq ma tkunx strateġija ekonomikament vijabbli (31).

32.

Fil-kuntest speċifiku tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, fattur addizzjonali għall-valutazzjoni ta’ jekk il-partijiet humiex kompetituri potenzjali f’suq partikolari hija l-possibbiltà li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħhom huma f’pożizzjoni ta’ imblukkar, jiġifieri li d-detentur tal-liċenzja ma jistax jidħol fis-suq rispettiv mingħajr ma jikser id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tal-parti l-oħra.

33.

Fin-nuqqas ta’ ċertezza, pereżempju fil-forma ta’ deċiżjoni finali tal-qorti dwar jekk teżistix pożizzjoni ta’ imblukkar u għalhekk ta’ ċertezza dwar dan il-punt, il-partijiet, meta jindirizzaw il-kwistjoni jekk humiex kompetituri potenzjali, se jkollhom jibbażaw lilhom infushom fuq l-evidenza kollha disponibbli dak il-ħin, inkluża l-possibbiltà li d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali jinkisru u jekk humiex, f’każ speċifiku, il-possibilitajiet effettivi biex jaħdmu madwar id-drittijiet eżistenti tal-proprjetà intellettwali. Investimenti sostanzjali diġà magħmula jew pjanijiet avvanzati li jidħlu f'suq partikolari, jistgħu jappoġġjaw il-fehma li l-partijiet huma mill-inqas kompetituri potenzjali, anke jekk pożizzjoni ta’ imblukkar ma tistax tiġi eskluża. Tinħtieġ evidenza partikolarment konvinċenti dwar l-eżistenza ta' pożizzjoni ta' imblukkar fejn il-partijiet jista' jkollhom interess komuni fil-pretensjoni tal-eżistenza ta' pożizzjoni ta' imblukkar biex b'hekk ma jitqisux bħala kompetituri, bħal ngħidu aħna fejn l-allegata pożizzjoni ta' imblukkar tkun tikkonċerna teknoloġiji li huma teknoloġikament sostitwibbli (ara l-punt (22)) jew jekk ikunx hemm inċentivar finanzjarju sinifikanti mil-liċenzjatur lid-detentur tal-liċenzja.

34.

Sabiex ikun jikkostitwixxi restrizzjoni kompetittiva realistika, id-dħul fis-suq irid ikun probabbli li jsir fi żmien qasir (32). Normalment perjodu bejn sena u sentejn ikun xieraq. Iżda, f'każijiet individwali jistgħu jitqiesu perjodi ta' żmien itwal. Il-perjodu ta' żmien meħtieġ għal impriżi diġà attivi fis-suq biex jaġġustaw il-kapaċitajiet tagħhom jista' jintuża bħala paragun ta' kejl biex ikun stabbilit dan il-perjodu. Ngħidu aħna, il-partijiet x'aktarx jiġu kkunsidrati bħala kompetituri potenzjali fis-suq tal-prodotti fejn id-detentur tal-liċenzja jipproduċi f'suq ġeografiku wieħed abbażi tat-teknoloġija tiegħu stess, u jibda jipproduċi f'suq ġeografiku ieħor abbażi ta' teknoloġija liċenzjata li tikkompeti. F'tali ċirkostanzi huwa probabbli li d-detentur tal-liċenzja jkun kapaċi jidħol fit-tieni suq ġeografiku abbażi tat-teknoloġija tiegħu stess, sakemm tali dħul ma jinżammx minħabba fatturi oġġettivi, inkluża l-eżistenza ta’ imblukkar ta' drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

35.

Il-partijiet ikunu kompetituri attwali fis-suq tat-teknoloġija jekk it-tnejn ikunu diġà qegħdin jilliċenzjaw t-teknoloġija sostitwibbli jew jekk id-detentur tal-liċenzja jkun diġà qed jilliċenzja d-drittijiet tat-teknoloġija tiegħu u l-liċenzjatur jidħol fis-suq tat-teknoloġija billi dan jikkonċedi liċenzja lid-detentur tal-liċenzja għal teknoloġija li tikkompeti.

36.

Il-partijiet jiġu kkunsidrati bħala kompetituri potenzjali fis-suq tat-teknoloġija fil-każ fejn ikunu proprjetarji ta’ teknoloġiji sostitwibbli u fil-każ li d-detentur tal-liċenzja ma jilliċenzjax it-teknoloġija proprja tiegħu, sakemm x’aktarx ikun probabbli li jagħmel dan fil-każ ta’ żieda żgħira iżda permanenti fil-prezzijiet tat-teknoloġija. Fil-każ tas-swieq tat-teknoloġija, ġeneralment huwa aktar diffiċli li jiġi vvalutat jekk il-partijiet ikunux kompetituri potenzjali. Din hija r-raġuni għaliex, fl-applikazzjoni tar-REKTT il-kompetizzjoni potenzjali fis-suq tat-teknoloġija ma tiġix ikkunsidrata (ara l-punt (83)) u l-partijiet jitqiesu li mhumiex kompetituri.

37.

F’ċerti każi jista’ jkun possibbli wkoll li wieħed jikkonkludi li filwaqt li l-liċenzjatur u d-detentur tal-liċenzja jipproduċu prodotti li jikkompetu bejniethom, mhumiex kompetituri fis-suq tal-prodott rilevanti u fis-suq tat-teknoloġija rilevanti għaliex it-teknoloġija liċenzjata tirrappreżenta innovazzjoni tant drastika li t-teknoloġija tad-detentur ikun għaddha żmienha jew ma tkunx għadha kompetittiva. F’każijiet bħal dawn it-teknoloġija tal-liċenzjatur jew toħloq suq ġdid jew teskludi t-teknoloġija tad-detentur mis-suq eżistenti. Spiss, madankollu, ma jkunx possibbli li wieħed jasal għal din il-konklużjoni fiż-żmien meta jiġi konkluż il-ftehim. Normalment ikun biss meta t-teknoloġija jew il-prodotti li jinkorporawha jkunu saru disponibbli għall-konsumaturi għal ċertu żmien li joħroġ fid-deher li t-teknoloġija l-qadima jkun għadda żmienha jew ma tibqax kompetittiva. Ngħidu aħna, meta ġiet żviluppata t-teknoloġija tas-CD u fis-suq tpoġġew is-CD players u d-disks, ma kienx għadu ovvju li din it-teknoloġija ġdida kienet ser tieħu post it-teknoloġija LP. Dan ħareġ fid-deher biss numru ta' snin wara. Għaldaqstant, il-partijiet jitqiesu bħala kompetituri jekk fi żmien il-konklużjoni tal-ftehim ma jkunx ovvju li t-teknoloġija tad-detentur tal-liċenzja għadda żmienha jew ma tibqax kompetittiva. Min-naħa l-oħra, minħabba li jridu jiġu applikati l-Artikolu 101(1) u l-Artikolu 101(3) tat-Trattat fid-dawl tal-kuntest attwali li l-ftehim isir fih, il-valutazzjoni hija waħda sensittiva għal kwalunkwe bidla materjali fil-fatti. Il-klassifikazzjoni tar-relazzjoni bejn il-partijiet għaldaqstant tinbidel f’waħda mhux kompettitiva, jekk aktar tard it-teknoloġija tad-detentur tal-liċenzja jgħaddi żmienha jew ma tibqax kompetittiva fis-suq.

38.

F’xi każijiet il-partijiet jistgħu jsiru kompetituri wara l-konklużjoni ta’ ftehim minħabba li d-detentur tal-liċenzja jiżviluppa jew jakkwista u jibda jisfrutta teknoloġija li tikkompeti. F'każijiet bħal dawn wieħed għandu jqis il-fatt li l-partijiet ma kinux kompetituri fil-mument meta sar il-ftehim u li l-ftehim ġie konkluż f'dak il-kuntest. Il-Kummissjoni għaldaqstant se tiffoka l-aktar fuq l-impatt li l-ftehim iħalli fuq il-kapaċità tad-detentur tal-liċenzja li jisfrutta t-teknoloġija tiegħu stess (li tikkompeti). B’mod partikolari, il-lista ta’ restrizzjonijiet fundamentali li japplikaw għal ftehimiet bejn kompetituri mhux se jiġu applikati fil-każ ta’tali ftehimiet sakemm il-ftehim ma jiġix sussegwentement emendat sostantivament wara li l-partijiet ikunu saru kompetituri (ara l-Artikolu 4(3) tar-REKTT).

39.

L-impriżi li jkunu partijiet fi ftehim jistgħu jsiru kompetituri wkoll wara l-konklużjoni tal-ftehim fejn id-detentur ta' liċenzja kien diġà attiv fis-suq rilevanti fejn il-prodott tal-kuntratt ikun qiegħed jinbiegħ qabel tkun ingħatat il-liċenzja, u fejn il-liċenzjatur sussegwentement jidħol fis-suq rilevanti jew abbażi ta' drittijiet ta' teknoloġija liċenzjata jew b'teknoloġija ġdida. F'dan il-każ ukoll, il-lista ta’ restrizzjonijiet fundamentali rilevanti għal ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri tkompli tapplika għall-ftehim sakemm il-ftehim ma jiġix sussegwentement emendat sostantivament (ara l-Artikolu 4(3) tar-REKTT). Emenda materjali tinkludi l-konklużjoni ta’ ftehim ġdid ta’ trasferiment ta’ teknoloġija bejn il-partijiet rigward drittijiet ta' teknoloġiji li jikkompetu li jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta’ prodotti li jikkompetu mal-prodotti tal-kuntratt.

3.   L-APPLIKAZZJONI TAR-REKTT

3.1.   L-effetti tar-REKTT

40.

Kategoriji ta’ ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fir-REKTT huma eżentati mir-regola ta’ projbizzjoni li tinsab fl-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Ftehimiet eżentati bħala kategorija huma legalment validi u infurzabbli. Tali ftehimiet jistgħu jiġu pprojbiti biss għall-futur u fil-każ biss li tkun irtirata l-eżenzjoni ta’ kategorija mill-Kummissjoni jew minn awtorità għall-kompetizzjoni ta’ Stat Membru. Ftehimiet eżentati bħala kategorija ma jistgħux ikunu pprojbiti skont l-Artikolu 101 mill-qrati nazzjonali fil-kuntest ta' tilwim legali privat.

41.

L-eżenzjoni bħala kategorija ta’ ftehimiet dwar trasferiment ta' teknoloġija hija bbażata fuq il-preżunzjoni li ftehimiet bħal dawn – sa fejn jinqabdu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat – jissodisfaw l-erba’ kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 101(3). Għalhekk wieħed jassumi li l-ftehimiet iwasslu għal effiċjenzi ekonomiċi, li r-restrizzjonijiet fil-ftehimiet huma indispensabbli biex jintlaħqu dawn l-effiċjenzi, li l-konsumaturi fis-swieq milquta jibbenefikaw minn sehem ġust mir-rendiment tal-effiċjenza u li l-ftehimiet ma jippermettux lill-impriżi kkonċernati l-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta' parti sostanzjali mill-prodotti involuti. Il-limiti tas-sehem fis-suq (l-Artikolu 3), il-lista ta’ restrizzjonijiet fundamentali (l-Artikolu 4) u r-restrizzjonijiet esklużi (l-Artikolu 5) stabbiliti fir-REKTT għandhom l-għan li jiżguraw li jiġu eżentati bħala kategorija biss dawk il-ftehimiet restrittivi li jistgħu raġonevolment jitqiesu konformi mal-erba’ kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

42.

Kif stabbilit fit-taqsima 4 ta' dawn il-linji gwida, bosta ftehimiet ta’ liċenzjar jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat, jew għaliex bl-ebda mod ma jirrestrinġu l-kompetizzjoni jew inkella għaliex ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni ma tkunx waħda li tinħass (33). Fejn dawn il-ftehimiet xorta jidħlu fl-ambitu tar-REKTT, m’hemmx bżonn li jiġi ddeterminat jekk jinqabdux taħt l-Artikolu 101(1) (34).

43.

Lilhinn mill-ambitu ta' eżenzjoni ta' kategorija, huwa rilevanti li jiġi eżaminat jekk fil-każ individwali l-ftehim jinqabadx skont l-Artikolu 101(1), u jekk dan ikun il-każ, jintlaħqux il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). M’hemm l-ebda preżunzjoni li ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li mhumiex koperti b'eżenzjoni ta' kategorija jinqabdu skont l-Artikolu 101(1) jew li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). B'mod partikolari, is-sempliċi fatt li s-sehem tal-partijiet fis-suq jeċċedi l-limiti tas-sehem fis-suq stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-REKTT mhuwiex bażi biżżejjed biex il-ftehim jiġu kkunsidrat li jinqabad skont l-Artikolu 101(1). Tinħtieġ valutazzjoni individwali tal-effetti probabbli tal-ftehim. Jista' jiġi preżunt li l-ftehimiet huma pprojbiti bl-Artikolu 101 biss meta dawn ikunu jinkludu restrizzjonijiet fundamentali tal-kompetizzjoni.

3.2.   L-ambitu u t-tul ta' żmien tar-REKTT

3.2.1.   Il-kunċett ta' ftehimiet dwar it-trasferiment ta' teknoloġija

44.

Ir-REKTT u dawn il-linji gwida jkopru ftehimiet dwar it-trasferiment ta' teknoloġija. Skont l-Artikolu 1(1)(b) tar-REKTT il-kunċett ta’ “drittijiet tat-teknoloġija” jkopri l-kompetenza kif ukoll privattivi, mudelli ta’ utilità, id-drittijiet tad-disinn, it-topografiji ta’ prodotti semikundutturi, ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari għall-prodotti mediċinali jew prodotti oħra li għalihom jistgħu jinkisbu tali ċertifikati ta’ protezzjoni supplimentari, għarfien espert ta' dawk li jkabbru l-pjanti, u d-dritt tal-awtur tas-softwer jew taħlita tagħhom kif ukoll l-applikazzjonijiet għal dawk id-drittijiet u għar-reġistrazzjoni ta’ dawk id-drittijiet. It-teknoloġija liċenzjata għandha tippermetti lid-detentur tal-liċenzja li jipproduċi l-prodotti kuntrattwali, kemm jekk bil-kontribut ta' fatturi oħrajn u kemm jekk le. Ir-REKTT japplika biss fl-Istati Membri fejn il-liċenzjatur jippossjedi d-drittijiet tat-teknoloġija rilevanti. Altrimenti, ma jkunx hemm drittijiet tat-teknoloġija x’jiġu trasferiti fi ħdan it-tifsira tar-REKTT.

45.

Fl-Artikolu 1(1)(i) tar-REKTT, kompetenza hija definita bħala pakkett ta’ informazzjoni prattika, li jirriżulta mill-esperjenza u l-ittestjar li jkun sigriet, sostanzjali u identifikat:

(a)

“Sigriet” tfisser li b’mod ġenerali l-kompetenza ma tkunx magħrufa jew aċċessibbli faċilment.

(b)

“Sostanzjali” tfisser li l-kompetenza tinkludi informazzjoni li tkun sinifikanti u utli għall-produzzjoni tal-prodotti koperti bil-ftehim tal-liċenzja jew għall-applikazzjoni tal-proċess kopert bil-ftehim tal-liċenzjar. Fi kliem ieħor, l-informazzjoni għandha tikkontribwixxi għall-produzzjoni tal-prodotti kuntrattwali, jew tiffaċilitaha, b'mod sinifikanti. Fejn il-kompetenza liċenzjata tkun dwar prodott, u mhux dwar proċess, din il-kundizzjoni timplika li l-kompetenza hija utli għall-produzzjoni tal-prodott kuntrattwali. Din il-kundizzjoni ma tintlaħaqx fejn il-prodott kuntrattwali jista' jiġi prodott abbażi ta' teknoloġija disponibbli liberament. Madankollu, il-kundizzjoni ma tirrikjedix li l-prodott kuntrattwali jkun ta' valur ogħla minn prodotti magħmula permezz ta' teknoloġija disponibbli liberament. Fil-każ ta’ teknoloġiji ta’ proċess, din il-kundizzjoni timplika li l-kompetenza hija utli fis-sens li fid-data tal-konklużjoni tal-ftehim jista’ jkun mistenni li jkun jista’ jtejjeb il-pożizzjoni kompetittiva tad-detentur tal-liċenzja b’mod sinifikanti, ngħidu aħna billi jnaqqas l-ispejjeż tal-produzzjoni.

(c)

“Identifikat” tfisser li jkun possibbli li jiġi verifikat li l-kompetenza liċenzjata tissodisfa l-kriterji li tkun sigrieta u sostanzjali. Din il-kundizzjoni tintlaħaq fejn il-kompetenza liċenzjata tkun deskritta fil-manwali jew f'forma miktuba oħra. Madankollu, f'xi każijiet dan jista' ma jkunx raġonevolment possibbli. Il-kompetenza liċenzjata tista’ tkun tikkonsisti f’għarfien prattiku li jkollhom l-impjegati tal-liċenzjatur. Ngħidu aħna, l-impjegati tal-liċenzjatur jistgħu jkunu fil-pussess ta’ għarfien sigriet u sostanzjali dwar proċess ta’ produzzjoni partikolari li jingħadda lid-detentur tal-liċenzja fil-forma ta’ taħriġ lill-impjegati tal-istess detentur. F'dawn il-każijiet ikun biżżejjed li fil-ftehim tiġi deskritta n-natura ġenerali tal-kompetenza u jiġu elenkati l-impjegati involuti diġà, jew li ser ikunu involuti, fit-trażmissjoni lid-detentur tal-liċenzja.

46.

Dispożizzjonijiet fi ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija li għandhom x’jaqsmu max-xiri ta’ prodotti mid-detentur tal-liċenzja huma koperti mir-REKTT biss, u sal-punt fejn dawk id-dispożizzjonijiet ikunu direttament relatati mal-produzzjoni jew il-bejgħ tal-prodotti tal-kuntratt. Għalhekk ir-REKTT ma japplikax għal dawk il-partijiet ta’ ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija relatati mal-kontribut u/jew tagħmir li jintuża għal għanijiet oħra għajr il-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt. Pereżempju, fejn il-ħalib jinbiegħ flimkien ma’ liċenzjar ta’ teknoloġija li tipproduċi l-ġobon, ikun biss il-ħalib użat għall-produzzjoni tal-ġobon bit-teknoloġija liċenzjata li jkun koperti bir-REKTT.

47.

Id-dispożizzjonijiet fi ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija relatati mal-liċenzjar ta' tipi oħra ta' proprjetà intellettwali bħal marki kummerċjali u d-drittijiet tal-awtur, iktar milli drittijiet tal-awtur tas-softwer (dwar id-drittijiet tal-awtur għas-softwer ara l-unti (44) u (62)) huma koperti mir-REKTT biss, u sal-punt fejn dawk id-dispożizzjonijiet ikunu direttament relatati mal-produzzjoni jew il-bejgħ tal-prodotti tal-kuntratt. Din il-kundizzjoni tiżgura li dispożizzjonijiet li jkopru tipi oħrajn ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali jiġu eżentati bħala kategorija sa tali punt li dawn id-drittijiet ta' proprjetà intelletwali oħra jkunu jservu biex id-detentur tal-liċenzja jkun jista' jisfrutta t-teknoloġija liċenzjata aħjar. Pereżempju, fejn il-liċenzjatur ma jawtorizzax detentur tal-liċenzja li juża marka kummerċjali tiegħu fuq il-prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata, din il-liċenzja tal-marka kummerċjali tista’ tippermetti lid-detentur tal-liċenzja li jisfrutta t-teknoloġija liċenzjata aħjar billi l-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu r-rabta immedjata bejn il-prodott u l-karatteristiċi mogħtija lilu permezz tad-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata. L-obbligu fuq id-detentur tal-liċenzja li juża l-marka kummerċjali tal-liċenzjatur jista’ wkoll jippromwovi t-tixrid tat-teknoloġija billi l-liċenzjatur ikun jista’ jidentifika lilu nnifsu bħala s-sors tat-teknoloġija li fuqha jkun ibbażat il-prodott. Ir-REKTT ikopri ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija f’dan ix-xenarju anke jekk l-interess ewlieni tal-partijiet jinsab fl-isfruttament tal-marka kummerċjali aktar milli t-teknoloġija (35).

48.

Ir-REKTT ma jkoprix liċenzjar ta’ drittijiet tal-awtur għajr dawk fuq softwer (ħlief għas-sitwazzjoni stabbilita fil-punt (47)). Il-Kummissjoni, madankollu, bħala regola ġenerali, tapplika l-prinċipji stabbiliti fir-REKTT u f’dawn il-linji gwida meta tivvaluta l-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-kuntratt skont l-Artikolu 101 tat-Trattat.

49.

Min-naħa l-oħra, il-liċenzjar tad-drittijiet tal-kiri u d-drittijiet ta' eżibizzjoni pubblika protetti mid-drittijiet tal-awtur, b’mod partikolari fil-każ ta’ films jew mużika, jitqies li jinvolvi kwistjonijiet partikolari u jista’ ma jkunx opportun li ssir valutazzjoni ta’ liċenzjar bħal dan abbażi tal-prinċipji żviluppati f’dawn il-linji gwida. Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101 iridu jiġu kkunsidrati l-ispeċifiċitajiet tax-xogħol u l-mod kif jiġi sfrittat (36). Għaldaqstant, il-Kummissjoni mhix se tapplika r-REKTT u l-linji gwida preżenti b’analoġija għal-liċenzjar ta’ dawn id-drittijiet oħrajn.

50.

Ukoll, il-Kummissjoni mhix se testendi l-prinċipji żviluppati fir-REKTT u dawn il-linji gwida għal-liċenzjar tal-marki kummerċjali (ħlief għas-sitwazzjoni stipulata fil-punt (47)). Il-liċenzjar tal-marki kummerċjali ħafna drabi jsir fil-kuntest tad-distribuzzjoni u l-bejgħ mill-ġdid ta' prodotti u servizzi u ġeneralment huwa aktar simili għal ftehimiet ta' distribuzzjoni milli għal-liċenzjar ta' teknoloġija. Meta l-liċenzja tal-marki kummerċjali hija direttament relatata mal-użu, il-bejgħ jew il-bejgħ mill-ġdid ta’ oġġetti u servizzi u ma tkunx tikkostitwixxi l-għan ewlieni tal-ftehim, il-ftehim ta’ liċenzjar ikun kopert mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 (37).

3.2.2.   Il-kunċett ta' “trasferiment”

51.

Il-kunċett ta’ “trasferiment” jimplika li t-teknoloġija trid tgħaddi minn impriża għal oħra. Trasferimenti bħal dawn normalment isiru fil-forma ta’ liċenzjar li permezz tiegħu l-liċenzjatur jagħti lid-detentur tal-liċenzja d-dritt li juża t-teknoloġija tiegħu filwaqt li dan tal-aħħar iħallas ir-royalties.

52.

Kif stipulat fl-Artikolu 1(1)(c) tar-REKTT, l-assenjamenti fejn parti mir-riskju assoċjat mal-isfruttament tad-drittijiet tat-teknoloġija tibqa’ f’idejn min jassenja huma wkoll meqjusa bħala ftehimiet dwar it-trasferiment tat-teknoloġija. B’mod partikolari, dan huwa l-każ fejn is-somma pagabbli għall-assenjament hija dipendenti fuq id-dħul miksub mill-persuna assenjata fir-rigward ta’ prodotti manifatturati b’teknoloġija assenjata, il-kwantità ta’ dawn il-prodotti magħmula jew in-numru ta’ operazzjonijiet imwettqa li jużaw it-teknoloġija.

53.

Ftehim li permezz tiegħu l-liċenżjatur jimpenja ruħu li ma jeżerċitax id-drittijiet tat-teknoloġija kontra d-detentur tal-liċenzja jista’ wkoll jitqies bħala trasferiment tad-drittijiet tat-teknoloġija. Tabilħaqq, l-essenza ta' liċenzja ta' privattiva pura huwa d-dritt li wieħed jopera fl-ambitu tad-dritt esklussiv tal-privattiva. Isegwi li r-REKTT ikopri wkoll l-hekk imsejħa ftehimiet ta' non-invokazzjoni u ftehimiet tranżatorji li permezz tagħhom il-liċenzjatur jippermetti lid-detentur tal-liċenzja li jipproduċi fl-ambitu tal-privattiva (38).

3.2.3.   Ftehimiet bejn żewġ partijiet

54.

Skont l-Artikolu 1(1)(c) tar-REKTT, ir-Regolament ikopri bis il-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija “bejn żewġ impriżi”. Ftehimiet dwar it-trasferiment ta' teknoloġija bejn aktar minn żewġ impriżi m'humiex koperti bir-REKTT (39). Il-fattur deċiżiv f’termini ta’ distinzjoni bejn ftehimiet bejn żewġ impriżi u dawk b’aktar partijiet huwa jekk il-ftehim ikkonċernat jiġix konkluż bejn aktar minn żewġ impriżi.

55.

Ftehimiet konklużi bejn żewġ impriżi jidħlu fl-ambitu tar-REKTT anke jekk il-ftehim jistipula kundizzjonijiet għal aktar minn livell wieħed ta' kummerċ. Ngħidu aħna, ir-REKTT japplika għal ftehim ta' liċenzjar li jikkonċerna mhux biss l-istadju tal-produzzjoni iżda wkoll l-istadju tad-distribuzzjoni, u li jistipula obbligi li d-detentur tal-liċenzja jrid jew jista' jimponi fuq il-bejjiegħa tal-prodotti li jkun ipproduċa taħt il-liċenzja (40).

56.

Ftehimiet li jistabbilixxu pools tat-teknoloġija u liċenzjar minn pools tat-teknoloġija huma ġeneralment ftehimiet b’diversi partijiet u għalhekk mhumiex koperti bir-REKTT (41). Il-kunċett ta' pools ta' teknoloġiji jkopri ftehimiet li permezz tagħhom żewġ partijiet jew aktar jiftiehmu li jiġbru flimkien it-teknoloġiji rispettivi tagħhom u jilliċenzjawhom f'daqqa bħala pakkett. Il-kunċett ta’ pools tat-teknoloġija jkopri wkoll arranġamenti li permezz tagħhom żewġ impriżi jew aktar jiftiehmu li jilliċenzjaw parti terza u jawtorizzawha tilliċenzja l-pakkett ta’ teknoloġiji.

57.

Ftehimiet ta' liċenzjar konklużi bejn aktar minn żewġ impriżi ħafna drabi jkunu jinvolvu l-istess kwistjonijiet bħal ftehimiet tal-istess natura konklużi bejn żewġ impriżi. Fil-valutazzjoni individwali tagħha ta’ ftehimiet ta' liċenzjar li jkunu tal-istess natura bħal dawk koperti mill-eżenzjoni ta’ kategorija iżda li jkunu konklużi bejn aktar minn żewġ impriżi, il-Kummissjoni se tapplika b’analoġija l-prinċipji stabbiliti fir-REKTT. Madankollu, il-pools tat-teknoloġija u l-liċenzjar minn pools tat-teknoloġija huma trattati b’mod speċifiku fit-taqsima 4.4.

3.2.4.   Ftehimiet dwar il-produzzjoni ta' prodotti fil-kuntratt

58.

Mill-Artikolu 1(1)(c) talr-REKTT isegwi li għal ftehimiet tal-liċenzja li għandhom ikunu koperti minnha, dawn għandhom isiru “għall-iskop ta’ produzzjoni ta’ prodotti tal-kuntratt”, jiġifieri prodotti li jinkorporaw id-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata jew magħmula permezz tagħhom. Il-liċenzja trid tippermetti lid-detentur tal-liċenzja tagħha u/jew is-sub-kuntrattur(i) li jisfrutta t-teknoloġija liċenzjata bl-iskop li jiġu prodotti oġġetti jew servizzi (ara l-premessa 7 tal-preambolu tar-REKTT).

59.

Fejn l-iskop tal-ftehim ma jkunx il-produzzjoni ta’ prodotti tal-kuntratt iżda, pereżempju, sempliċement l-imblukkar tal-iżvilupp ta’ teknoloġija li tikkompeti, il-ftehim ta’ liċenzjar ma jaqax taħt ir-REKTT u dawn il-linji gwida jistgħu wkoll ma jkunux xierqa għall-valutazzjoni tal-ftehim. Fil-fatt, meta l-partijiet ma jisfruttawx id-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata, ma jkun hemm l-ebda attività li ttejjeb l-effiċjenza u għaldaqstant ir-raġuni nfisha wara l-eżenzjoni ta' kategorija tkun nieqsa. Madankollu, mhux meħtieġ li l-isfruttament jieħu l-forma ta' integrazzjoni tal-assi. Ikun hemm sfruttament ukoll fejn il-liċenzja tagħti lid-detentur tagħha l-libertà tad-disinn billi tippermettilu li jisfrutta t-teknoloġija tiegħu stess mingħajr ir-riskju ta' pretensjonijiet ta' ksur tal-liċenzja mil-liċenzjatur. Fil-każ ta' liċenzjar bejn kompetituri, il-fatt li l-partijiet ma jisfruttawx it-teknoloġija liċenzjata jista' jkun indikazzjoni li l-arranġament huwa biss kartell mistur. Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni teżamina każijiet ta’ non-sfruttament bir-reqqa.

60.

Ir-REKTT japplika għal ftehimiet tal-liċenzja għall-iskop tal-produzzjoni ta’ prodotti tal-kuntratt mid-detentur tal-liċenzja u/jew is-subkuntrattur(i) tiegħu. Għalhekk, ir-REKTT ma japplikax għal (dawk il-partijiet ta’) ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija li jippermettu s-subliċenzjar. Madankollu, il-Kummissjoni tapplika b’analoġija l-prinċipji stabbiliti fir-REKTT u f’dawn il-linji gwida għal ftehimiet ta’ “liċenzjar oriġinali” bejn il-liċenzjatur u d-detentur tal-liċenzja (jiġifieri ftehim li permezz tiegħu l-liċenzjatur jippermetti lid-detentur li jissubliċenzja t-teknoloġija). Ftehimiet bejn id-detentur tal-liċenzja u subdetenturi għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-kuntratt huma koperti mir-REKTT.

61.

It-terminu “prodotti tal-kuntratt” jinkludi prodotti u servizzi magħmula permezz tad-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata. Dan ikun il-każ kemm fejn it-teknoloġija liċenzjata tintuża fil-proċess tal-produzzjoni u kemm fejn din tkun inkorporata fil-prodott innifsu. F’dawn il-linji gwida t-terminu “prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata” jkopru ż-żewġ sitwazzjonijiet. Ir-REKTT japplika fil-każijiet kollha fejn id-drittijiet tat-teknoloġija jiġu liċenzjati għall-iskopijiet ta' produzzjoni ta' prodotti u servizzi. Il-qafas tar-REKTT u dawn il-linji gwida huma bbażati fuq il-premessa li hemm rabta diretta bejn id-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata u prodott tal-kuntratt. Fejn din ir-rabta ma teżistix, jiġifieri fejn l-iskop tal-ftehim huwa li ma jippermettux il-produzzjoni ta’ prodott tal-kuntratt, il-qafas analitiku tar-REKTT u dawn il-linji gwida jistgħu ma jkunux xierqa.

62.

Il-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur tas-softwer għal skopijiet ta’ sempliċi riproduzzjoni u distribuzzjoni tax-xogħol protett, jiġifieri l-produzzjoni ta’ kopji għall-bejgħ, ma jkunx ikkunsidrat bħala “produzzjoni” fit-tifsira tar-REKTT u għalhekk mhuwiex kopert mir-REKTT u dawn il-linji gwida. Din ir-riproduzzjoni għad-distribuzzjoni minflok hija koperta b’analoġija mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 (42) u l-Linji Gwida dwar ir-Restrizzjonijiet Vertikali. (43) Huwa fil-każ ta’ riproduzzjoni għad-distribuzzjoni fejn tingħata liċenzja biex jiġi riprodott softwer fuq trasportatur, irrispettivament mill-mezzi tekniċi li bihom is-softwer jiġi distribwit. Ngħidu aħna, ir-REKTT u dawn il-linji gwida ma jkoprux il-liċenzjar tad-drittijiet tal-awtur tas-softwer fejn id-detentur tal-liċenzja jkun provdut b’kopja oriġinali tas-softwer sabiex jirriproduċi u jbigħ is-software lill-utenti finali. Lanqas ma jkopru l-liċenzjar ta’ drittijiet tal-awtur tas-softwer u d-distribuzzjoni ta’ software permezz ta’ liċenzji “shrink wrap”, jiġifieri, sett ta’ kundizzjonijiet inklużi fil-pakkett tal-kopja solida li l-utent finali jitqies bħala li aċċetta billi jiftaħ il-qoxra tal-pakkett, jew il-liċenzjar ta’ drittijiet tal-awtur tas-softwer tal-awtur u d-distribuzzjoni ta’ softwer billi jitniżżel onlajn.

63.

Madankollu, meta s-softwer liċenzjat jiġi inkorporat mid-detentur tal-liċenzja fil-kuntratt prodott dan mhuwiex meqjus bħala sempliċi riproduzzjoni iżda bħala produzzjoni. Ngħidu aħna, ir-REKTT u dawn il-linji gwida jkopru l-liċenzjar ta’ drittijiet tal-awtur tas-softwer fejn id-detentur tal-liċenzja jkollu d-dritt tar-riproduzzjoni tas-softwer billi jinkorporah f’apparat li miegħu jinteraġixxi s-softwer.

64.

Ir-REKTT ikopri s-“subkuntrattar” li permezz tiegħu l-liċenzjatur jilliċenzja d-drittijiet tat-teknoloġija lid-detentur tal-liċenzja li min-naħa tiegħu jikkommetti ruħu li jipproduċi ċerti prodotti abbażi tagħhom esklussivament għal-liċenzjatur. Is-subkuntrattar jista' jinvolvi wkoll il-forniment ta' tagħmir mil-liċenzjatur biex jintuża fil-produzzjoni tal-prodotti u servizzi koperti bil-ftehim. Biex dan it-tip ta’ subkuntrattar jiġi kopert mir-REKTT bħala parti minn ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija, it-tagħmir fornut irid ikun direttament relatat mal-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt. Is-subkuntrattar huwa wkoll kopert min-Notifika tal-Kummissjoni dwar il-ftehimiet tas-subkuntrattar (44). Skont dik in-notifika, li tibqa' applikabbli, ftehimiet ta’ subkuntrattar li permezz tagħhom is-subkuntrattur jimpenja ruħu li jipproduċi ċerti prodotti esklussivament għall-kuntrattur ġeneralment ma jidħlux fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Il-ftehimiet ta’ subkuntrattar fejn il-kuntrattur jiddetermina l-prezz tat-trasferiment tal-prodotti tal-kuntratt intermedju bejn is-subkuntratturi f’katina ta’ valur tas-subkuntrattar ġeneralment ukoll jaqgħu ‘l barra mill-ambitu tal-Artikolu 101(1) sakemm il-prodotti tal-kuntratt ikunu prodotti esklussivament għall-kuntrattur. Madankollu, restrizzjonijiet oħrajn imposti fuq is-subkuntrattur bħall-obbligu li ma jwettaqx jew li ma jisfruttax ir-riċerka u l-iżvilupp tiegħu stess, jistgħu jinqabdu taħt l-Artikolu 101 (45).

65.

Ir-REKTT japplika wkoll għal ftehimiet li permezz tagħhom id-detentur tal-liċenzja jkollu jwettaq xogħol ta' żvilupp qabel ma jikseb prodott jew proċess li jkun lest għall-isfruttament kummerċjali, sakemm ma jkunx ġie identifikat prodott tal-kuntratt. Anke jekk ikun meħtieġ dan ix-xogħol u investiment ulterjuri, l-għan tal-ftehim huwa l-produzzjoni ta' prodott tal-kuntratt identifikat, jiġifieri prodotti magħmula bid-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata.

66.

Min-naħa l-oħra, ir-REKTT u l-linji gwida ma jkoprux ftehimiet li permezz tagħhom id-drittijiet tat-teknoloġija tiġi liċenzjata bl-iskop li d-detentur tal-liċenzja jkun jista’ jwettaq riċerka u żvilupp ulterjuri f’diversi oqsma, inkluż l-iżvilupp ulterjuri ta’ prodott li joħroġ minn tali riċerka u żvilupp (46). Ngħidu aħna, ir-REKFTT u l-linji gwida ma jkoprux il-liċenzjar ta' għodda ta' riċerka teknoloġika fil-proċess ta' attività ta' riċerka ulterjuri. Lanqas ma jkopru subkuntrattar għar-riċerka u l-iżvilupp li permezz tiegħu d-detentur tal-liċenzja jimpenja ruħu li jwettaq riċerka u żvilupp fil-qasam tat-teknoloġija liċenzjata u li jrodd lura l-pakkett ta' teknoloġija mtejba lil-liċenzjatur (47). L-għan ewlieni ta' ftehimiet bħal dawn huwa l-forniment ta' servizzi ta' riċerka u żvilupp bil-ħsieb li t-teknoloġija titejjeb, u mhux il-produzzjoni ta' prodotti u servizzi abbażi tat-teknoloġija liċenzjata.

3.2.5.   Tul ta’ żmien

67.

Sakemm idum applikabbli r-REKTT, li jiskadi fit-30 ta’ April 2026, l-eżenzjoni ta’ kategorija tapplika sakemm id-dritt fuq il-proprjetà liċenzjata ma jkunx intemm, skada jew ġie dikjarat invalidu. Fil-każ tal-kompetenza l-eżenzjoni ta' kategorija tapplika sakemm il-kompetenza liċenzjata tjibqa' sigrieta, ħlief fejn tali kompetenza ssir magħrufa pubblikament minħabba intervent tad-detentur tal-liċenzja, f'’liema każ l-eżenzjoni għandha tibqa’ tapplika sakemm jibqa’ fis-seħħ il-ftehim (ara l-Artikolu 2 tar-REKTT).

68.

L-eżenzjoni ta’ kategorija tapplika għal kull dritt ta' teknoloġija liċenzjata kopert mill-ftehim u ma tibqax tapplika mad-data meta l-aħħar dritt ta’ proprjetà intellettwali li jikkostitwixxi “teknoloġija” fit-tifsira tar-REKTT (ara l-paragrafu ) jiskadi, isir invalidu jew isir pubbliku.

3.2.6.   Relazzjoni ma' regolamenti oħra ta’ eżenzjoni ta’ kategorija

69.

Ir-REKTT ikopri ftehimiet bejn żewġ impriżi li jirrigwardaw il-liċenzjar ta' drittijiet tat-teknoloġija għal skopijiet ta' produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt. Madankollu, id-drittijiet tat-teknoloġija jistgħu jkunu wkoll element ta' tipi ta' ftehimiet oħrajn. Barra minn hekk, il-prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata sussegwentement jinbiegħu fis-suq. Għalhekk huwa meħtieġ li tiġi indirizzata l-interfaċċa bejn ir-REKTT u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1218/2010 (48) dwar ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1217/2010 dwar ftehimiet ta’ riċerka u żvilupp (49) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 (50) dwar ftehimiet vertikali.

3.2.6.1.   Ir-Regolamenti ta' Eżenzjonijiet ta’ Kategorija għal ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni u ta’ R&Ż

70.

Ir-REKTT ma japplikax għal liċenzjar fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni li huma koperti bir-Regolament (UE) Nru 1218/2010 jew għal-liċenzjar fil-kuntest ta’ ftehimiet ta’ riċerka u żvilupp li huma koperti bir-Regolament (UE) Nru 1217/2010 (ara l-premessa 7 u l-Artikolu 9 tar-REKTT).

71.

Skont l-Artikolu 1(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1218/2010 dwar ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni, dak ir-Regolament ikopri, b'mod partikolari, ftehimiet dwar produzzjoni konġunta li permezz tagħhom żewġ impriżi jew aktar jiftiehmu li jipproduċu ċerti prodotti flimkien. Ir-Regolament jestendi għal dispożizzjonijiet rigward iċ-ċessjoni jew l-użu tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, sakemm dawn ma jkunux jikkostitwixxu l-għan ewlieni tal-ftehim, iżda li jkunu relatati direttament u neċessarji għall-implimentazzjoni tiegħu.

72.

Fejn l-impriżi jistabbilixxu impriża konġunta ta’ produzzjoni u jilliċenzjawha biex tisfrutta teknoloġija, li tintuża fil-produzzjoni tal-prodotti tal-impriża konġunta, liċenzjar bħal dan huwa suġġett għar-Regolament (UE) Nru 1218/2010 dwar ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni u mhux għar-REKTT. Għaldaqstant, il-liċenzjar fil-kuntest ta’ impriża konġunta tal-produzzjoni normalment jitqies li jaqa’ taħt ir-Regolament (UE) Nru 1218/2010. Minkejja dan, fejn l-impriża konġunta tilliċenzja t-teknoloġija lil partijiet terzi, l-attività ma tkunx marbuta mal-produzzjoni mill-impriża konġunta, u għalhekk ma tkunx koperta minn dak ir-Regolament. Arranġamenti ta' liċenzjar bħal dan, li jgħaqqdu flimkien it-teknoloġiji tal-partijiet, jikkostitwixxu ġabriet ta' teknoloġija, li huma trattati fit-taqsima 4.4 da' dawn il-linji gwida.

73.

Ir-Regolament (UE) Nru 1217/2010 dwar ftehimiet ta’ riċerka u żvilupp ikopru ftehimiet li permezz tagħhom żewġ impriżi jew aktar jiftiehmu li jwettqu riċerka u żvilupp flimkien u li jesplojtjaw ir-riżultati tagħha. Skont l-Artikolu 1(1)(m) ta' dak ir-Regolament, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-isfruttament tar-riżultati jitwettqu flimkien fejn ix-xogħol involut isir minn tim, organizzazzjoni jew impriżi konġunti, li flimkien jiġu fdati lil terza persuna jew li jiġu allokati bejn il-partijiet permezz ta' speċjalizzazzjoni fir-riċerka, l-iżvilupp, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni, inkluż il-liċenzjar. Dak ir-Regolament ikopri wkoll ftehimiet imħallsa tar-riċerka u l-iżvilupp li permezz tagħhom żewġ impriżi jew aktar jiftiehmu li r-riċerka u l-iżvilupp jitwettqu minn parti waħda u ffinanzjati minn parti oħra, bi sfruttament konġunt tar-riżultati tagħhom jew mingħajru (ara. l-Artikolu 1(1)(a)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 1217/2010).

74.

Isegwi li r-Regolament (UE) Nru 1217/2010 dwar ftehimiet ta’ riċerka u żvilupp ikopri liċenzjar bejn il-partijiet u mill-partijiet lil entità konġunta fil-kuntest tal-ftehim ta’ riċerka u żvilupp. Liċenzjar bħal dan huwa suġġett biss għar-Regolament (UE) Nru 1217/2010 u mhux għar-REKTT. Fil-kuntest ta' ftehimiet bħal dawn, il-partijiet jistgħu jiddeterminaw ukoll il-kundizzjonijiet għal-liċenzjar lil partijiet terzi tar-riżultati li joħorġu mill-ftehim ta' riċerka u żvilupp. Madankollu, minħabba li detenturi ta' partijiet terzi tal-liċenzja mhumiex parti mill-ftehim ta’ riċerka u żvilupp, il-ftehim ta’ liċenzjar individwali konkluż mal-partijiet terzi mhuwiex kopert mir-Regolament (UE) Nru 1217/2010. Dak il-ftehim għal-liċenzja jkun kopert mill-eżenzjoni ta’ kategorija fir-REKTT jekk il-kundizzjonijiet tiegħu jkunu ssodisfati.

3.2.6.2.   Ir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta' Kategorija dwar ftehimiet vertikali

75.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 dwar ftehimiet vertikali jkopri ftehimiet bejn żewġ impriżi jew aktar, li kull waħda minnhom topera, għall-għanijiet tal-ftehim, fuq livelli differenti tal-katina tal-produzzjoni jew tad-distribuzzjoni, u li għandhom x'jaqsmu mal-kundizzjonijiet li taħthom il-partijiet jistgħu jixtru, ibigħu jew ibigħu mill-ġdid ċerti prodotti jew servizzi. Għaldaqstant, din tkopri ftehimiet ta' provvista u distribuzzjoni (51).

76.

Minħabba li r-REKTT ikopri biss ftehimiet bejn żewġ partijiet u d-detentur ta’ liċenzja li jbigħ prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata huwa fornitur għall-iskopijiet tar-Regolament (UE) Nru 330/2010, dawn iż-żewġ regolamenti dwar l-eżenzjonijiet ta’ kategorija huma marbuta mill-qrib. Il-ftehimiet bejn il-liċenzjatur u d-detentur tal-liċenzja huwa suġġett għar-REKTT filwaqt li l-ftehimiet konklużi bejn id-detentur tal-liċenzja u x-xerrejja tal-prodotti tal-kuntratt huma soġġetti għar-Regolament (UE) Nru 330/2010 u l-Linji Gwida dwar ir-Restrizzjonijiet Vertikali (52).

77.

Ir-REKTT jeżenta bħala kategorija wkoll ftehimiet bejn il-liċenzjatur u d-detentur tal-liċenzja fejn il-ftehim jimponi obbligi fuq id-detentur rigward il-mod kif għandu jbigħ il-prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata. B'mod partikolari, id-detentur tal-liċenzja jista' jkun obbligat li jistabbilixxi tip ta' sistema ta' distribuzzjoni partikolari bħal distribuzzjoni esklussiva jew distribuzzjoni selettiva. Madankollu, biex ikunu eżentati bħala kategorija, il-ftehimiet ta’ distribuzzjoni konklużi biex jiġu implimentati obbligi bħal dawn għandhom ikunu konformi mar-Regolament (UE) Nru 330/2010. Ngħidu aħna, il-liċenzjatur jista' jobbliga lid-detentur tal-liċenzja li jistabilixxi sistema bbażata fuq distribuzzjoni esklussiva skont regoli speċifikati. Minkejja dan, isegwi mill-Artikolu 4(b) tar-Regolament (UE) Nru 330/2010 li ġeneralment id-distributuri għandhom ikunu liberi li jbigħu b’mod passiv fit-territorji ta’ distributuri esklussivi oħrajn tad-detentur tal-liċenzji.

78.

Barra dan, skont ir-Regolament (UE) Nru 330/2010 dwar ftehimiet vertikali, id-distributuri għandhom ikunu fil-prinċipju liberi li jbigħu kemm b’mod attiv kif ukoll b’mod passiv fit-territorji koperti mis-sistemi ta’ distribuzzjoni ta’ fornituri oħrajn, jiġifieri detenturi oħra li jipproduċu l-prodotti tagħhom stess abbażi tad-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata. Dan għaliex għall-iskopijiet tar-Regolament (UE) Nru 330/2010 kull detentur ta’ liċenzja huwa fornitur separat. Madankollu, ir-raġunijiet sottostanti għall-eżenzjoni ta’ kategorija fuq ir-restrizzjonijiet tal-bejgħ attiv fi ħdan is-sistema ta’ distribuzzjoni tal-fornitur li jinsabu f’dak ir-Regolament, jistgħu japplikaw ukoll fejn il-prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata jinbiegħu minn detenturi differenti li jkunu taħt marka komuni li tkun proprjetà tal-liċenzjatur. Fejn il-prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata jinbiegħu taħt l-identità ta’ marka komuni, jista’ jkun hemm l-istess raġunijiet ta’ effiċjenza biex jiġu applikati l-istess tipi ta’ limiti bejn is-sistemi ta’ distribuzzjoni tad-detenturi tal-liċenzja bħal fil-każ ta’ sistema ta’ distribuzzjoni vertikali unika. F’każijiet bħal dawn ma jkunx probabbli li l-Kummissjoni tikkontesta r-restrizzjonijiet, fejn b’analoġija r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 330/2010 jkunu ssodisfati. Sabiex tkun teżisti identità taħt marka komuni, il-prodotti għandhom jinbiegħu u jkunu kkummerċjalizzati taħt marka komuni, li tkun predominanti f'termini ta' kwalità u informazzjoni rilevanti oħra għall-konsumatur. Mhuwiex biżżejjed li, b’żieda mal-marki tad-detenturi tal-liċenzja, il-prodott ikollu l-marka tal-liċenzjatur li tidentifikah bħala s-sors tat-teknoloġija liċenzjata.

3.3.   Il-limiti tas-sehem mis-suq fejn tidħol l-eżenzjoni

79.

Skont l-Artikolu 3 tar-REKTT, l-eżenzjoni ta’ kategorija għal ftehimiet restrittivi, jew fi kliem ieħor l-eżenzjoni mir-REKTT, hija suġġetta għal limiti fuq is-sehem fis-suq, u b’hekk jiġi llimitat l-ambitu tal-eżenzjoni ta’ kategorija għal ftehimiet li, minkejja li jistgħu jkunu restrittivi għall-kompetizzjoni, ġeneralment jistgħu jitqiesu li jilħqu l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Lilhinn mill-eżenzjoni maħluqa bil-limiti fuq is-sehem fis-suq, tkun tinħtieġ valutazzjoni individwali. Il-fatt li s-sehem fis-suq ikun jaqbeż il-limiti ma jfissirx preżunzjoni li l-ftehim jinqabad taħt l-Artikolu 101(1) jew li l-ftehim ma jilħaqx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Fin-nuqqas ta’ restrizzjonijiet assoluti kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-REKTT, tkun meħtieġa analiżi tas-suq.

Livelli ta’ referenza rilevanti għas-sehem mis-suq

80.

Il-limitu tas-sehem fis-suq li għandu jkun applikat għall-iskopijiet tal-eżenzjoni tar-REKTT jiddependi minn jekk il-ftehim kienx konkluż bejn kompetituri jew le.

81.

Il-limiti fuq is-sehem fis-suq japplikaw kemm għas-suq (swieq) rilevanti tad-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata kif ukoll għas-suq (swieq) rilevanti tal-prodotti tal-kuntratt. Jekk f’suq rilevanti tal-prodott u teknoloġija, wieħed jew ħafna, jinqabeż il-limitu applikabbli fuq is-sehem mis-suq, l-eżenzjoni ta’ kategorija ma tapplikax għall-ftehim għal dak is-suq (swieq) rilevanti. Pereżempju, jekk il-ftehim ta’ liċenzjar ikun jirrigwarda żewġ swieq separati tal-prodott, l-eżenzjoni ta’ kategorija tista’ tapplika għal wieħed minn dawn is-swieq u mhux għall-ieħor.

82.

Skont l-Artikolu 3(1) tar-REKTT l-eżenzjoni pprovduta fl-Artikolu 2 tar-REKTT tapplika għall-ftehimiet bejn partijiet kompetituri bil-kundizzjoni li s-sehem tas-suq ikkumbinat tal-partijiet ma jaqbiżx l-20 % ta’ xi suq rilevanti. Il-limitu tas-sehem mis-suq tal-Artikolu 3(1) tar-REKTT huwa applikabbli jekk il-partijiet ikunu kompetituri attwali jew potenzjali fis-suq (swieq) tal-prodott u/jew kompetituri attwali fis-suq tat-teknoloġija (għad-distinzjoni bejn kompetituri u mhux kompetituri, ara l-punti (27) ff.).

83.

Il-kompetizzjoni potenzjali fis-suq tat-teknoloġija ma tiġix ikkunsidrata fl-applikazzjoni tal-limitu tas-sehem fis-suq jew fil-lista ta' restrizzjonijiet fundamentali b'rabta ma ftehimiet bejn kompetituri. Lil hinn mill-eżenzjoni tar-REKTT, il-kompetizzjoni potenzjali fis-suq tat-teknoloġija tiġi kkunsidrata iżda ma twassalx għall-applikazzjoni tal-lista ta' restrizzjonijiet fundamentali rigward ftehimiet bejn kompetituri.

84.

Meta l-impriżi li jkunu partijiet fil-ftehimiet ta’ liċenzjar ma jkunux kompetituri, japplika l-limitu tas-sehem mis-suq tal-Artikolu 3(2) tar-REKTT. Għalhekk, il-ftehim bejn partijiet mhux kompetituri jkun kopert jekk is-sehem mis-suq ta’ kull parti ma taqbiżx 30 % tas-swieq tat-teknoloġija u tal-prodotti rilevanti affettwati.

85.

Meta l-partijiet isiru kompetituri skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tar-REKTT f'xi mument aktar tard, pereżempju meta d-detentur ikun diġà preżenti, qabel il-konċessjoni, fis-suq rilevanti fejn jinbiegħu l-prodotti tal-kuntratt u l-liċenzjatur sussegwentement isir fornitur attwali jew potenzjali fl-istess suq rilevanti, japplika l-limitu ta’ 20 % tas-sehem mis-suq minn dak il-mument ‘il quddiem li fih isiru kompetituri. Madankollu, f’dak il-każ, il-lista ta’ restrizzjonijiet fundamentali rilevanti għal ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri tkompli tapplika għall-ftehim sakemm l-dan ma jiġix sussegwentement emendat sostantivament (ara l-Artikolu 4(3) tar-REKTT u l-punt (39) ta' dawn il-linji gwida).

Il-kalkolu tal-ishma tas-suq għal suq(swieq) tat-teknoloġija għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni

86.

Il-kalkolu tal-ishma fis-suq fis-swieq rilevanti fejn tkun liċenzjata t-teknoloġija, skont ir-REKTT, ivarja mill-prattika tas-soltu għar-raġunijiet spjegati fil-punt (87) ta' dawn il-linji gwida.. Fil-każ tas-swieq tat-teknoloġija, isegwi mill-Artikolu 8(d) tar-REKTT li, kemm għall-prodott kif ukoll għad-dimensjoni ġeografika tas-suq rilevanti, is-sehem tal-liċenzjatur mis-suq għandu jkun ikkalkulat abbażi tal-bejgħ tal-liċenzjatur u tad-detenturi tal-liċenzja kollha ta’ prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata. Permezz ta’ dan il-metodu, il-bejgħ kombinat tal-liċenzjatur u tad-detenturi tal-liċenzja tiegħu ta’ prodotti tal-kuntratt jiġu kkalkulati bħala parti mill-bejgħ kollu ta’ prodotti li jikkompetu, irrispettivament minn jekk dawn il-prodotti f’kompetizzjoni jiġux prodotti b’teknoloġija li tkun qed tiġi liċenzjata jew le.

87.

Dan il-metodu, li bih jiġi kkalkulat is-sehem fis-suq tal-liċenzjatur fis-suq tat-teknoloġija bħala l-“impatt” tiegħu fil-livell tal-prodott, intgħażel minħabba d-diffikultajiet prattiċi biex jiġi kkalkulat is-sehem tal-liċenzjatur fis-suq abbażi ta’ dħul minn royalties (ara l-punt (25)). Minbarra d-diffikultà ġenerali li tinkiseb dejta affidabbli dwar dħul mir-royalties, id-dħul attwali mir-royalties jista’ wkoll jissottovaluta b’mod serju l-pożizzjoni ta’ teknoloġija fis-suq fil-każ li pagamenti minn royalties jitnaqqsu bħala riżultat ta’ liċenzjar reċiproku jew tal-provvista ta’ prodotti marbuta. Dak ir-riskju ma jkunx hemm jekk is-sehem tal-liċenzjatur mis-suq tat-teknoloġija jkun ibbażat fuq il-prodotti magħmula permezz ta’ dik it-teknoloġija, meta mqabbla ma' prodotti magħmula b’teknoloġiji li jikkompetu. Tali impatt fil-livell tal-prodott b’mod ġenerali jirrifletti sew il-pożizzjoni fis-suq tat-teknoloġija.

88.

Idealment tali impatt ikun ikkalkolat billi jiġu esklużi mis-suq tal-prodott il-prodotti magħmula b’teknoloġiji interni li ma jkunux liċenzjati, billi dawn it-teknoloġiji interni huma biss limitazzjoni indiretta fuq it-teknoloġija liċenzjata. Madankollu, peress li fil-prattika jista’ jkun diffiċli għall-liċenzjatur u d-detenturi tal-liċenzja li jkunu jafu jekk prodotti oħra fl-istess suq tal-prodott ikunux magħmula b’teknoloġiji liċenzjati jew interni, il-kalkolu tas-sehem mis-suq tat-teknoloġija, għall-iskopijiet tar-REKTT huwa bbażat fuq il-prodotti magħmula bit-teknoloġija liċenzjata bħala parti mill-prodotti kollha mibjugħa f’dak is-suq ta’ prodott. Dan l-approċċ ibbażat fuq l-impatt tat-teknoloġija fuq is-suq (swieq) ġenerali tal-prodott is-soltu jnaqqas is-sehem mis-suq ikkalkulat billi jinkludi prodotti magħmula b’teknoloġiji interna iżda b’mod ġenerali jipprovdi indikatur tajjeb tas-saħħa tat-teknoloġija. L-ewwelnett, jinkludi kull kompetizzjoni potenzjali minn impriżi li jipproduċu bit-teknoloġija tagħhom stess u li kieku probabbli jibdew jilliċenzjaw f'każ ta' żieda żgħira iżda permanenti fil-prezz tal-liċenzji. It-tieni, anke fejn mhux probabbli li proprjetarji ta' teknoloġija oħra jibdew jilliċenzjaw, il-liċenzjatur mhux bilfors ikollu saħħa fis-suq tat-teknoloġija anke jekk għandu sehem kbir mid-dħul tal-liċenzjar. Jekk is-suq tal-prodotti downstream huwa kompetittiv, il-kompetizzjoni fuq dan il-livell tista' effettivament tillimita lil-liċenzjatur. Żieda upstream fir-royalties taffettwa l-ispejjeż tad-detentur tal-liċenzja, u b’hekk ikun anqas kompetittiv u jitlef il-bejgħ. Is-sehem ta’ teknoloġija mis-suq tal-prodotti wkoll huwa affettwat minn dan l-element u għalhekk normalment huwa indikatur tajjeb tas-saħħa tal-liċenzjatur fis-suq tat-teknoloġija.

89.

Sabiex tiġi stmata s-saħħa tat-teknoloġija, trid titqies ukoll id-dimensjoni ġeografika tas-suq tat-teknoloġija. Xi kultant dan jista’ jkun differenti mid-dimensjoni ġeografika tas-suq tal-prodott downstream rispettiv. Għall-iskop tal-applikazzjoni tar-REKTT, id-dimensjoni ġeografika tas-suq tat-teknoloġija rilevanti tkun iddeterminata wkoll mis-suq (swieq) tal-prodott. Madankollu, lil hinn mill-eżenzjoni mir-REKTT jista’ jkun xieraq li titqies ukoll żona ġeografika akbar, fejn il-liċenzjatur u d-detenturi tal-liċenzja tat-teknoloġiji li jikkompetu jkunu involuti fil-liċenzjar ta’ dawn it-teknoloġiji u li fiha l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni jkunu omoġenji biżżejjed u li jistgħu jkunu distinti minn żoni ġirien minħabba li l-kondizzjonijiet tal-kompetizzjoni ikunu differenti b’mod apprezzabbli f’dawk iż-żoni.

90.

Fil-każ ta' teknoloġiji ġodda li jkunu għadhom ma ġġeneraw l-ebda bejgħ fis-sena kalendarja ta' qabel, jiġi assenjat sehem fis-suq ta' żero. Meta dawn jibdew jinbiegħu, it-teknoloġija kkonċernata tibda takkumula s-sehem fis-suq. Jekk is-sehem mis-suq sussegwentement jogħla ’l fuq mil-limitu rilevanti ta’ 20 % jew 30 %, l-eżenzjoni tkompli tapplika għal perjodu ta’ sentejn kalendarji konsekuttivi wara s-sena li fiha jkun inqabeż il-limitu (ara l-Artikolu 8(e) tar-REKTT).

Il-kalkolu tal-ishma tas-suq għal suq (swieq) tal-prodott għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni

91.

Fil-każ tas-swieq relevanti fejn jinbiegħu l-prodotti tal-kuntratti, is-sehem fis-suq tad-detentur tal-liċenzja għandu jiġi kkalkulat skont kemm dan ikollu bejgħ ta' prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija tal-liċenzjatur u ta' prodotti li jikkompetu, jiġifieri l-bejgħ totali mid-detentur tal-liċenzja fis-suq tal-prodott ikkonċernat. Fejn il-liċenzjatur ikun ukoll fornitur tal-prodotti fis-suq rilevanti, għandu jitqies ukoll il-bejgħ tal-liċenzjatur fis-suq tal-prodotti kkonċernat. Madankollu, fil-kalkolu tal-ishma fis-suq tal-liċenzjatur u/jew tad-detentur tal-liċenzja għas-swieq tal-prodotti, ma jitqiesx il-bejgħ minn detenturi tal-liċenzja oħrajn.

92.

L-ishma fis-suq għanduhom ikun ikkalkulati skont id-dejta dwar il-valur tal-bejgħ tas-sena ta’ qabel, fejn din tkun disponibbli. Din id-dejta normalment tipprovdi indikazzjoni aktar preċiża dwar is-saħħa ta' teknoloġija milli d-dejta dwar il-volum. Madankollu, fejn ma tkunx disponibbli dejta bbażata fuq il-valur, jistgħu jintużaw stimi fuq informazzjoni tas-suq affidabbli oħra, inkluża dejta dwar il-volum tal-bejgħ fis-suq.

93.

Il-prinċipji stabbiliti fit-taqsima 3.3 ta' dawn il-linji gwida jistgħu jiġu spjegati bl-eżempji li ġejjin:

Il-liċenzjar bejn partijiet li m'humiex kompetituri

Eżempju 1

Impriża A hija speċjalizzata fl-iżvilupp ta' prodotti u tekniki bijoteknoloġiċi, u żviluppat prodott ġdid jismu Xeran. L-impriża m'hijiex attiva bħala produttur ta' Xeran u m'għandhiex il-faċilitajiet ta' produzzjoni jew ta' distribuzzjoni għalih. Impriża B hija waħda mill-produtturi ta' prodotti li jikkompetu, u li tipproduċihom permezz ta' teknoloġiji disponibbli liberament u mingħajr proprjetarju. Fis-sena 1, B kienet qiegħda tbigħ b’EUR 25 miljun fi prodotti li hija pproduċiet permezz tat-teknoloġiji disponibbli liberament. Fis-sena 2, A tagħti liċenzja lil B biex tipproduċi prodotti Xeran. Fl-istess sena B tbigħ b’EUR 15-il miljun fi produzzjoni bl-għajnuna tat-teknoloġiji disponibbli liberament u b’EUR 15-il miljun fi prodotti Xeran. Fis-sena 3 u fis-snin ta’ wara B tipproduċi u tbigħ prodotti Xeran biss, għall-valur ta’ EUR 40 miljun fis-sena. Barra minn hekk, fis-sena 2 A bdiet tilliċenzja wkoll lil C, li ma kinitx attiva f’dak is-suq tal-prodotti qabel. C tipproduċi u tbigħ prodotti Xeran biss: b’EUR 10 miljun fis-sena 2 u b’EUR 15-il miljun fis-sena 3 u fis-snin ta’ wara. Huwa stabbilit li s-suq totali ta’ Xeran u tas-sostituti tiegħu, fejn huma attivi B u Ċ, għandu valur ta’ EUR 200 miljun fis-sena.

Fis-sena 2, is-sena meta ġie konkluż il-ftehim ta' liċenzjar, is-sehem ta' A fis-suq tat-teknoloġija huwa ta' 0 % għaliex is-sehem fis-suq tagħha irid jiġi kkalkulat skont il-bejgħ totali ta' Xeran fis-sena preċedenti. Fis-sena 3, is-sehem ta’ A fis-suq tat-teknoloġija huwa ta’ 12,5 %, li jirrifletti l-valur ta' Xeran prodott minn B u Ċ fis-sena preċedenti 2. Fis-sena 4 u suċċessivament, is-sehem ta’ A fis-suq tat-teknoloġija huwa ta’ 27,5 %, li jirrifletti l-valur ta' Xeran prodott minn B u Ċ fis-sena preċedenti.

Fis-sena 2, is-sehem ta’ B fis-suq tal-prodotti huwa ta’ 12,5 %, li jirrifletti l-bejgħ ta’ B b’EUR 25 miljun fis-sena 1. Fis-sena 3, is-sehem ta’ B fis-suq huwa ta’ 15 % għaliex il-bejgħ tagħha żdied għal EUR 30 miljun fis-sena 2. Fis-sena 4 u suċċessivament, is-sehem ta’ B fis-suq huwa ta’ 20 % għaliex il-bejgħ tagħha huwa ta’ EUR 40 miljun fis-sena. Is-sehem ta’ C fis-suq tal-prodotti huwa ta’ 0 % fis-sena 1 u 2, ta’ 5 % fis-sena 3, u ta’ 7,5 % minn hemm ’il quddiem.

Minħabba li l-ftehimiet ta’ liċenzjar bejn A u B, u bejn A u C, ikunu saru bejn partijiet mhux kompetituri u s-sehem individwali ta' A, B u C fis-suq huwa ta’ inqas minn 30 % kull sena, kull ftehim huwa kopert mill-eżenzjoni tar-REKTT.

Eżempju 2

Is-sitwazzjoni hija l-istess bħal dik fl-eżempju 1, iżda din id-darba B u C joperaw fi swieq ġeografiċi differenti. Huwa stabbilit li s-suq totali ta’ Xeran u tas-sostituti tiegħu għandu valur ta' EUR 100 miljun fis-sena f’kull suq ġeografiku.

F’dan il-każ, is-sehem mis-suq ta’ A fis-swieq tat-teknoloġija rilevanti għandu jiġi kkalkolat abbażi tad-dejta dwar il-bejgħ tal-prodott għal kull wieħed miż-żewġ swieq ta’ prodotti ġeografiċi separatament. Fis-suq fejn hija attiva l-impriża B, is-sehem ta’ A fis-suq jiddependi mill-bejgħ ta’ prodotti Xeran minn B. Jekk nassumu li s-suq totali għal dan l-eżempju huwa ta’ EUR 100 miljun, jiġifieri daqs nofs is-suq fl-eżempju 1, is-sehem fis-suq ta’ A huwa ta’ 0 % fis-sena 2, ta’ 15 % fis-sena 3, u ta’ 40 % minn hemm ’il quddiem. Is-sehem ta’ B fis-suq hija ta’ 25 % fis-sena 2, ta’ 30 % fis-sena 3, u ta’ 40 % minn hemm ’il quddiem. Fis-snin 2 u 3, kemm is-sehem fis-suq ta' A u kemm dak ta’ B ma jaqbżux il-limitu ta’ 30 %. Madankollu, il-limitu jinqabeż mis-sena 4, u dan ifisser li skont l-Artikolu 8(e) tar-REKTT, wara s-sena 6 il-ftehim tal-liċenzja bejn A u B ma jistax jibqa’ jibbenefika mill-eżenzjoni, iżda jrid jiġi vvalutat fuq bażi individwali.

Is-suq fejn hija attiva l-impriża C, is-sehem ta’ A fis-suq jiddependi mill-bejgħ ta’ prodotti Xeran minn C. Għaldaqstant, is-sehem ta’ A fis-suq tat-teknoloġija, ibbażat fuq il-bejgħ ta’ C fis-sena preċedenti, huwa ta’ 0 % fis-sena 2, ta’ 10 % fis-sena 3, u ta’ 15 % minn hemm ’il quddiem. Is-sehem ta' C fis-suq tal-prodotti huwa l-istess: 0 % fis-sena 2, ta’ 10 % fis-sena 3, u ta’ 15 % minn hemm ’il quddiem. Għalhekk, il-ftehim ta' liċenzjar bejn A u C huwa kopert mill-eżenzjoni matul il-perjodu kollu.

Liċenzjar bejn partijiet kompetituri

Eżempju 3

L-impriżi A u B huma attivi fl-istess suq tal-prodotti u ġeografiku rilevanti ta' prodott kimiku. It-tnejn li huma proprjetarji ta' privattiva fuq teknoloġiji differenti użati fil-produzzjoni ta' dan il-prodott. Fis-sena 1, A u B jiffirmaw ftehim tal-liċenzja reċiproku biex jilliċenzjaw lil xulxin l-użu tat-teknoloġiji rispettivi tagħhom. Fis-sena 1, A u B jipproduċu biss permezz tat-teknoloġiji tagħhom stess u A tbigħ b’EUR 15-il miljun fi prodotti filwaqt li B tbigħ b’EUR 20 miljun. Mis-sena 2, it-tnejn li huma jużaw it-teknoloġiji kemm tagħhom stess kif ukoll ta’ xulxin. Minn dik is-sena ’l quddiem, A tbigħ b’EUR 10 miljun fi prodotti magħmula permezz tat-teknoloġija tagħha stess u b’EUR 10 miljun fi prodotti magħmula permezz tat-teknoloġija ta’ B. Mis-sena 2 'l quddiem, B tbigħ b’EUR 15 miljun fi prodotti magħmula permezz tat-teknoloġija tagħha stess u b’EUR 10 miljun fi prodotti magħmula permezz tat-teknoloġija ta’ A. Huwa stabbilit li s-suq totali tal-prodott u tas-sostituti tiegħu għandu valur ta' EUR 100 miljun fis-sena.

Sabiex ikun ivvalutat il-ftehim ta' liċenzjar taħt ir-REKTT, irid ikun ikkalkulat is-sehem ta' A u B kemm fis-suq tat-teknoloġija kif ukoll fis-suq tal-prodotti. Is-sehem ta’ A fis-suq tat-teknoloġija jiddependi mill-ammont tal-prodott mibjugħ fis-sena ta’ qabel il-produzzjoni, kemm minn A u kemm minn B, bit-teknoloġija ta’ A. Fis-sena 2, is-sehem ta’ A fis-suq tat-teknoloġija għalhekk huwa ta' 15 %, li jirrifletti l-produzzjoni u l-bejgħ tagħha ta' EUR 15-il miljun fis-sena 1. Mis-sena 3, is-sehem ta’ A fis-suq tat-teknoloġija huwa ta’ 20 %, li jirrifletti l-EUR 20 miljun f’bejgħ tal-prodott magħmul permezz tat-teknoloġija ta’ A, li kien prodott u mibjugħ kemm minn A u kemm minn B (EUR 10 miljun kull wieħed). Bl-istess mod, fis-sena 2, is-sehem ta’ B fis-suq tat-teknoloġija huwa ta’ 20 % u minn hemm ’il quddiem ta’ 25 %.

Is-sehem ta' A u B fis-suq tal-prodotti jiddependi mill-bejgħ rispettiv tagħhom fis-sena preċedenti, irrispettivament mit-teknoloġija użata. Is-sehem ta’ A fis-suq tal-prodotti huwa ta' 15 % fis-sena 2 u ta' 20 % minn hemm ’il quddiem. Is-sehem ta’ B fis-suq tal-prodotti huwa ta' 20 % fis-sena 2 u ta' 25 % minn hemm ’il quddiem.

Minħabbba li l-ftehim huwa bejn partijiet kompetituri, biex dan jibbenefika mill-eżenzjoni, is-sehem tagħhom flimkien fis-suq, kemm fis-suq tat-teknoloġija kif ukoll fis-suq tal-prodotti, irid ikun inqas mil-limitu fuq is-sehem fis-suq ta’ 20 %. Huwa ċar li dan m'huwiex il-każ hawnhekk. Is-sehem ikkombinat fis-suq tat-teknoloġija u f’dak tal-prodotti huwa ta' 35 % fis-sena 2 u ta' 45 % minn hemm ’il quddiem. Dan il-ftehim bejn partijiet kompetituri għaldaqstant irid ikun ivvalutat fuq bażi individwali.

3.4.   Ir-restrizzjonijiet fundamentali tal-kompetizzjoni taħt ir-Regolament ta’ Eżenzjoni ta' Kategorija

3.4.1.   Prinċipji ġenerali

94.

L-Artikolu 4 tar-REKTT jinkludi lista ta’ restrizzjonijiet fundamentali tal-kompetizzjoni. Il-klassifikazzjoni ta' restrizzjoni tal-kompetizzjoni bħala waħda fundamentali hija bbażata fuq in-natura tar-restrizzjoni u l-esperjenza turi li restrizzjonijiet bħal dawn kważi dejjem ikunu anti-kompetittivi. Skont il-ġurisprudenza tal-Qrati tal-Unjoni (53) dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jirriżultaw mill-għan ċar tal-ftehim jew miċ-ċirkostanzi tal-każ individwali (ara l-punt (14)). Ir-restrizzjonijiet fundamentali jistgħu jkunu oġġettivament neċessarji f’każijiet eċċezzjonali ta' ftehimiet ta' tip jew ta' natura partikolari (54) u għalhekk jaqgħu barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Barra minn hekk, l-impriżi jistgħu jinvokaw difiża tal-effiċjenza f’każijiet individwali, skont l-Artikolu 101(3) (55).

95.

Isegwi mill-Artikolu 4(1) u 4(2) tar-REKTT li, meta ftehim dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jkun fih restrizzjoni fundamentali tal-kompetizzjoni, il-ftehim kollu jaqa’ barra mill-ambitu tal-eżenzjoni ta’ kategorija. Għall-iskopijiet tar-REKTT, ir-restrizzjonijiet fundamentali ma jistgħux jitqiesu separatament mill-bqija tal-ftehim. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li fil-kuntest ta’ valutazzjoni individwali huwa improbabbli li restrizzjonijiet fundamentali tal-kompetizzjoni jissodisfaw l-erba’ kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) (ara l-punt (18)).

96.

L-Artikolu 4 tar-REKTT jiddistingwi bejn ftehimiet bejn partijiet kompetituri u oħrajn bejn partijiet li mhumiex.

3.4.2.   Ftehimiet bejn partijiet kompetituri

97.

L-Artikolu 4(1) tar-REKTT jelenka r-restrizzjonijiet fundamentali għal-liċenzjar bejn partijiet kompetituri. Skont l-Artikolu 4(1), ir-REKTT ma jkoprix ftehimiet li, direttament jew indirettament, waħedhom jew flimkien ma’ fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, ikollhom bħala l-iskop tagħhom:

(a)

ir-restrizzjoni tal-abbiltà ta' parti partikolari milli tistabbilixxi l-prezzijiet tagħha meta tkun qed tbigħ il-prodotti lil partijiet terzi;

(b)

il-limitazzjoni tal-produzzjoni, minbarra l-limitazzjonijiet fuq il-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt li jkunu imposti fuq id-detentur tal-liċenzja fi ftehim mhux reċiproku jew imposti fuq wieħed biss mid-detenturi tal-liċenzja fi ftehim reċiproku;

(c)

l-allokazzjoni ta' swieq jew klijenti għajr:

(i)

l-obbligu tal-liċenzjatur u/jew tad-detentur tal-liċenzja biex, fi ftehim mhux reċiproku, li ma jwettqux produzzjoni bid-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata fi ħdan territorju esklussiv riżervat għall-parti l-oħra u/jew li ma jbigħux, kemm attivament kif ukoll/jew passivament, fit-territorju esklussiv jew lill-grupp esklussiv ta’ klijenti li jkun riżervat għall-parti l-oħra;

(ii)

ir-restrizzjoni, fi ftehim mhux reċiproku, ta' bejgħ attiv mid-detentur tal-liċenzja f'territorju esklussiv jew lill-grupp esklussiv ta' klijenti li jkun allokat mil-liċenzjatur lil detentur ieħor sakemm dan tal-aħħar ma jkunx impriża li tikkompeti mal-liċenzjatur fiż-żmien meta tkun ġiet konkluża l-liċenzja tiegħu stess;

(iii)

l-obbligu tad-detentur tal-liċenzja li l-produzzjoni tal-prodotti tal-kuntratt issir għall-użu tiegħu biss sakemm ma jkunx ristrett milli jbigħ il-prodotti tal-kuntratt b'mod attiv jew passiv bħala spare parts għall-prodotti tiegħu stess;

(iv)

l-obbligu tad-detentur tal-liċenzja biex, fi ftehim mhux reċiproku, jipproduċi l-prodotti tal-kuntratt għal xi klijent partikolari, fejn il-liċenzja tkun ingħatat sabiex jinħoloq sors alternattiv ta' provvista għal dak il-klijent;

(d)

ir-restrizzjoni tal-abbiltà tad-detentur tal-liċenzja li jisfrutta t-teknoloġija proprja tiegħu jew ir-restrizzjoni tal-abbiltà ta' kull parti fil-ftehim milli twettaq riċerka u żvilupp, sakemm din l-aħħar restrizzjoni ma tkunx indispensabbli biex ma jiġix żvelat lil partijiet terzi l-kompetenza esperta liċenzjata.

Distinzjoni bejn ftehimiet reċiproċi u u mhux reċiproċi bejn partijiet kompetituri

98.

Għal numru ta' restrizzjonijiet fundamentali, ir-REKTT jagħmel distinzjoni bejn ftehimiet reċiproċi u oħrajn li ma humiex. Il-lista ta' restrizzjonijiet fundamentali hija aktar stretta għal ftehimiet reċiproċi milli hija għal ftehimiet mhux reċiproċi bejn partijiet kompetituri. Ftehimiet reċiproċi huma ftehimiet ta' liċenzjar bejn il-partijiet fejn it-teknoloġiji liċenzjati jikkompetu bejniethom jew jistgħu jintużaw għall-produzzjoni ta' prodotti li jikkompetu. Ftehimiet mhux reċiproċi huma ftehimiet fejn parti waħda biss tilliċenzja t-teknoloġija tagħha lill-oħra jew, fil-każ ta' liċenzjar reċiproku, it-teknoloġiji liċenzjati ma jikkompetux bejniethom u ma jistgħux jintużaw għall-produzzjoni ta' prodotti li jikkompetu. Ftehim ma jkunx reċiproku għall-iskopijiet tar-REKTT, sempliċiment għaliex ikun jinkludi obbligu li l-liċenzja tintradd lura jew għaliex id-detentur tal-liċenzja jilliċenzja lura t-titjib li jagħmel fuq it-teknoloġija liċenzjata. Fejn maż-żmien ftehim mhux reċiproku jsir reċiproku minħabba li tiġi konkluża t-tieni liċenzja bejn l-istess partijiet, dawn jista' jkollhom jirrevedu l-ewwel liċenzja sabiex jevitaw li l-ftehim ikun jinkludi restrizzjoni fundamentali. Fil-valutazzjoni tal-każ individwali, il-Kummissjoni tqis iż-żmien li jgħaddi bejn il-konklużjoni tal-ewwel liċenzja u tat-tieni waħda.

Restrizzjonijiet fuq il-prezz bejn partijiet kompetituri

99.

Ir-restrizzjoni fundamentali tal-kompetizzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) tar-REKTT tirrigwarda ftehimiet bejn kompetituri li jkollhom l-iskop li jiffissaw il-prezzijiet ta' prodotti mibjugħa lil partijiet terzi, inklużi l-prodotti li jinkoporaw it-teknoloġija liċenzjata. L-iffissar tal-prezzijiet bejn kompetituri minnu nnifsu jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni. L-iffissar tal-prezzijiet jista' jsir fil-forma ta' ftehim dirett dwar il-prezz eżatt li għandu jinżamm jew lista ta' prezzijiet li jippermettu ammont massimu ta' tnaqqis. Huwa immaterjali jekk il-ftehim jirrigwardax prezzijiet fissi, minimi, massimi jew irrakkomandati. L-iffissar tal-prezzijiet jista' jiġi implimentat ukoll indirettament permezz ta' diżinċentivi biex wieħed ma jvarjax wisq mill-prezz miftiehem, ngħidu aħna billi jkun miftiehem li r-rata tar-royalties tiżdied jekk il-prezzijiet tal-prodott jitnaqqsu aktar minn ċertu livell. Madankollu, obbligu fuq id-detentur tal-liċenzja li jħallas ammont minimu ta’ royalties ma jikkostitwixxix fih innifsu ffissar tal-prezzijiet.

100.

Meta r-royalties ikunu kkalkulati skond il-bejgħ tal-prodotti individwali, l-ammont tar-royalty jkollu impatt dirett fuq l-ispiża marġinali tal-prodott, u għalhekk anke fuq il-prezzijiet tal-prodott (56). Partijiet kompetituri għaldaqstant jistgħu jużaw il-liċenzjar reċiproku bi ħlas reċiproku tar-royalties bħala mezz ta' koordinazzjoni u/jew żieda tal-prezzijiet fis-swieq tal-prodotti downstream (57). Madankollu, huwa biss fejn il-ftehim ma jkollu l-ebda għan ta’ tkattir tal-kompetizzjoni, u għalhekk ma jkunx jikkostitwixxi arranġament ta' liċenzjar f'bona fede, li l-Kummissjoni tittratta l-liċenzjar reċiproku bi ħlas reċiproku tar-royalties bħala ffissar tal-prezzijiet. F'każijiet bħal dawn, fejn il-ftehim ma jkun tal-ebda valur u għalhekk ma jkollu l-ebda ġustifikazzjoni kummerċjali, l-arranġament ikun qarrieq u jammonta għal kartell.

101.

Ir-restrizzjoni fundamentali msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) tar-REKTT tkopri wkoll ftehimiet li permezz tagħhom ir-royalties jiġu kkalkulati skont il-bejgħ tal-prodotti globali, kemm jekk intużat it-teknoloġija liċenzjata u kemm jekk le. Ftehimiet bħal dawn ukoll jinqabdu taħt l-Artikolu 4(1)(d) li jipprevedi li d-detentur tal-liċenzja m’għandux jinżamm milli juża t-teknoloġija tiegħu stess (ara l-punt (116) ta' dawn il-linji gwida). B'mod ġenerali, dawn il-ftehimiet jirrestrinġu l-kompetizzjoni għaliex il-ftehim jgħolli l-ispejjeż tal-użu tat-teknoloġija tad-detentur tal-liċenzja u jirrestrinġi l-kompetizzjoni li tkun teżisti fl-assenza tal-ftehim (58). Dan jiġri kemm fil-każ ta' ftehimiet reċiproċi u kemm fil-każ ta' ftehimiet mhux reċiproċi.

102.

B’mod eċċezzjonali, madankollu, fejn il-ftehim ikun wieħed li permezz tiegħu r-royalties jiġu kkalkulati abbażi tat-total ta' bejgħ tal-prodotti, dan jista' jkun jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) f'każ individwali fejn, skont fatturi oġġettivi, wieħed ikun jista' jikkonkludi li r-restrizzjoni hija indispensabbli għal liċenzjar pro-kompetittiv. Dan jista’ jkun il-każ fejn fl-assenza tar-restrizzjoni jkun impossibbli jew diffiċli li jiġu kkalkulati u mmonitorati r-royalties li għandhom jitħallsu mid-detentur tal-liċenzja, ngħidu aħna għaliex it-teknoloġija tal-liċenzjatur ma tħalli l-ebda traċċa fuq il-prodott finali u ma jkunux disponibbli metodi ta’ monitoraġġ alternattivi prattikabbli.

Ir-restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni bejn partijiet kompetituri

103.

Ir-restrizzjoni fundamentali tal-kompetizzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(b) tar-REKTT tirrigwarda restrizzjonijiet reċiproċi fuq il-produzzjoni tal-partijiet. Restrizzjoni fuq il-produzzjoni hija limitazzjoni fuq kemm parti tkun tista' tipproduċi u tbigħ. L-Artikolu 4(1)(b) ma japplikax fil-każ ta’ limitazzjonijiet fuq il-produzzjoni imposti fuq id-detentur tal-liċenzja fi ftehim mhux reċiproku, jew limitazzjonijiet fuq il-produzzjoni imposti fuq wieħed mid-detenturi tal-liċenzja fi ftehim reċiproku, sakemm il-limitazzjoni tkun tirrigwarda biss il-prodotti magħmula permezz tat-teknoloġija liċenzjata. L-Artikolu 4(1)(b) għaldaqstant jidentifika r-restrizzjonijiet reċiproċi fuq il-produzzjoni tal-partijiet u r-restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni tal-liċenzjatur fir-rigward tat-teknoloġija tiegħu stess bħala restrizzjonijiet fundamentali. Fejn il-kompetituri jiftiehmu li jimponu limitazzjonijiet reċiproċi fuq il-produzzjoni, l-iskop u l-effett probabbli tal-ftehim ikun li titnaqqas il-produzzjoni fis-suq. L-istess jista’ jingħad għal ftehimiet li jnaqqsu l-inċentiv tal-partijiet li jespandu l-produzzjoni, pereżempju billi japplikaw royalties kontinwi reċiproki għal kull unità li jiżdiedu hekk kif tiżdied il-produzzjoni jew billi jobbligaw lil xulxin li jagħmlu pagamenti jekk jinqabeż ċertu livell ta' produzzjoni.

104.

It-trattament aktar favorevoli għal limitazzjonijiet mhux reċiproċi fuq il-kwantità huwa bbażat fuq il-konsiderazzjoni li restrizzjoni imposta biss fuq parti waħda mhux bilfors twassal għal inqas produzzjoni fis-suq, filwaqt li r-riskju li l-ftehim ma jkunx arranġament ta' liċenzjar f'bona fede huwa iżgħar meta r-restrizzjoni ma tkunx waħda reċiproka. Meta d-detentur tal-liċenzja jkun lest li jaċċetta restrizzjoni unidirezzjonali, huwa probabbli li l-ftehim iwassal għal integrazzjoni reali tat-teknoloġiji komplimentari jew għal integrazzjoni li ttejjeb l-effiċjenza tat-teknoloġija superjuri tal-liċenzjatur permezz tal-assi produttivi tad-detentur tal-liċenzja. Fi ftehim reċiproku, restrizzjoni fuq il-produzzjoni imposta fuq wieħed mid-detenturi tal-liċenzja x'aktarx tirrifletti l-valur ogħla tat-teknoloġija liċenzjata minn waħda mill-partijiet u tista' sservi ta' promozzjoni għal-liċenzjar pro-kompetittiv.

L-allokazzjoni tas-suq u tal-konsumatur bejn il-kompetituri

105.

Ir-restrizzjoni fundamentali tal-kompetizzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(ċ) tirrigwarda l-allokazzjoni tas-swieq u l-klijenti. Ftehimiet li permezz tagħhom il-kompetituri jaqsmu s-suq u l-klijenti jkollhom bħala l-iskop ewlieni tagħhom ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. Ikun hemm restrizzjoni fundamentali fejn il-kompetituri jaqblu fi ftehim reċiproku li ma jipproduċux f'ċerti territorji jew li ma jbigħux attivament u/jew passivament f'ċerti territorji jew lil ċerti klijenti riżervati għall-parti l-oħra. Għalhekk, ngħidu aħna liċenzjar esklussiv reċiproku bejn kompetituri huwa meqjus bħala kondiviżjoni tas-suq.

106.

L-Artikolu 4(1)(c) japplika kemm jekk id-detentur tal-liċenzja jibqa’ liberu li juża l-liċenzja tiegħu stess u kemm jekk le. Ladarba d-detentur tal-liċenzja jkun investa biex juża t-teknoloġija tal-liċenzjatur biex jipproduċi prodott partikolari, jista’ jkun jinvolvi spejjeż kbar li jżomm linja ta’ produzzjoni separata li tuża teknoloġija oħra biex jaqdi klijenti li jaqgħu taħt ir-restrizzjonijiet. Barra minn hekk, minħabba l-potenzjal anti-kompetittiv tar-restrizzjoni, id-detentur tal-liċenzja jista' ma jkollux wisq inċentiv li jipproduċi permezz tat-teknoloġija tiegħu stess. Huwa wkoll probabbli ħafna li restrizzjonijiet bħal dawn ma jkunux indispensabbli għal-liċenzjar pro-kompetittiv.

107.

Taħt l-Artikolu 4(1)(c)(i) mhuwiex meqjus bħala restrizzjoni fundamentali li l-liċenzjatur fi ftehim mhux reċiproku jagħti liċenzja esklussiva lid-detentur biex jipproduċi permezz tat-teknoloġija liċenzjata f’territorju partikolari u li b’hekk jaqbel li hu stess ma jipproduċix jew ma jipprovdix il-prodotti tal-kuntratt minn dak it-territorju. Liċenzji esklussivi bħal dawn huma eżentati bħala kategorija irrispettivament mill-firxa tat-territorju. Jekk il-liċenzja tkun waħda dinjija, l-esklussività timplika li l-liċenzjatur jastjeni milli jidħol jew jibqa' fis-suq. L-eżenzjoni ta’ kategorija tapplika wkoll jekk id-detentur tal-liċenzja fi ftehim mhux reċiproku mhuwiex permess li jipproduċi f’territorju esklussiv riżervat għal-liċenzjatur. Bil-għan ta’ ftehim bħal dan jista’ jkun li jagħti lil-liċenzjatur u/jew lid-detentur inċentiv li jinvesti fit-teknoloġija liċenzjata u jiżviluppaha. L-għan tal-ftehim, għaldaqstant, m'huwiex bilfors li jinqasmu s-swieq.

108.

Skont l-Artikolu 4(1)(c)(i) u għall-istess raġuni, l-eżenzjoni ta’ kategorija tapplika wkoll għal ftehimiet mhux reċiproki li permezz tagħhom il-partijiet jiftiehmu li ma jbigħux attivament jew passivament f'territorju esklussiv jew lil grupp ta' klijenti esklussiv riżervat għall-parti l-oħra. Fl-applikazzjoni tar-REKTT, il-Kummissjoni tinterpreta bejgħ “attiv u passiv” kif imfissra fil-Linji Gwida dwar ir-Restrizzjonijiet Vertikali (59). Restrizzjonijiet fuq id-detentur tal-liċenzja jew il-liċenzjatur li jbigħ b’mod attiv u/jew passiv fit-territorju jew il-grupp ta’ klijenti tal-parti l-oħra huma eżentati bħala kategorija biss jekk dak it-territorju jew il-grupp tal-klijenti kienu esklussivament riżervati għal dik il-parti l-oħra. Madankollu, f’ċerti ċirkostanzi speċifiċi, ftehimiet li jkun fihom restrizzjonijiet ta’ bejgħ bħal dawn jistgħu, f’każ individwali, jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) ukoll jekk l-esklussività hija kondiviża fuq bażi ad hoc, pereżempju jekk meħtieġ biex tittaffa skarsezza temporanja fil-produzzjoni tal-liċenzjatur jew tad-detentur li għalihom ikun esklussivament allokat it-territorju jew il-grupp tal-klijenti. F’każijiet bħal dawn, il-liċenzjatur jew id-detentur tal-liċenzja għadu aktarx ikun protett biżżejjed kontra bejgħ attiv u/jew passiv biex ikollu l-inċentiv li jilliċenzja t-teknoloġija tiegħu jew biex jinvesti u jaħdem bit-teknoloġija liċenzjata. Restrizzjonijiet bħal dawn, anki fejn jirrestrinġu l-kompetizzjoni, jippromwovu t-tixrid favur il-kompetizzjoni u l-integrazzjoni ta’ dik it-teknoloġija fl-assi tal-produzzjoni tad-detentur tal-liċenzja.

109.

B’implikazzjoni, il-fatt li l-liċenzjatur jaħtar lid-detentur tal-liċenzja bħala l-uniku liċenzjat tiegħu f’territorju partikolari, li jimplika li ma jiġux liċenzjati partijiet terzi biex jipproduċu abbażi tat-teknoloġija tal-liċenzjatur fit-territorju in kwistjoni, ma jikkostitwixxix restrizzjoni fundamentali lanqas. Fil-każ ta’ liċenzji uniċi l-eżenzjoni ta’ kategorija tapplika kemm jekk il-ftehim huwa reċiproku u kemm jekk le peress li l-ftehim ma jaffettwax il-kapaċità tal-partijiet li jisfruttaw bis-sħiħ it-teknoloġija tagħhom stess fit-territorji rispettivi.

110.

L-Artikolu 4(1)(c)(ii) jeskludi mil-lista ta’ restrizzjonijiet fundamentali dawk ir-restrizzjonijiet fi ftehim mhux reċiproku rigward il-bejgħ attiv minn detentur ta' liċenzja fit-territorju jew lill-grupp ta' klijenti allokati mil-liċenzjatur lil detentur tal-liċenzja ieħor, u għalhekk jeżentahom bħala kategorija sal-limitu tas-sehem fis-suq. Dan bil-kundizzjoni, madankollu, li d-detentur tal-liċenzja protett ma kienx kompetitur tal-liċenzjatur fiż-żmien meta jiġi konkluż il-ftehim. Mhuwiex ġustifikat li dawn ir-restrizzjonijiet f’dik is-sitwazzjoni jiġu trattati bħala restrizzjonijiet fundamentali. Jekk il-liċenzjatur jagħti lid-detentur ta' liċenzja, li ma kienx diġà fis-suq, protezzjoni kontra l-bejgħ attiv minn detenturi tal-liċenzja kompetituri tal-liċenzjatur u li għal din ir-raġuni huma diġà stabbiliti fis-suq, dawn ir-restrizzjonijiet x'aktarx iwasslu biex id-detentur tal-liċenzja jisfrutta t-teknoloġija liċenzjata b'mod aktar effiċjenti. Min-naħa l-oħra, jekk id-detenturi tal-liċenzja jaqblu bejniethom li ma jbigħux attivament jew passivament f'ċerti territorji jew lil ċerti gruppi ta' klijenti, il-ftehim ikun jammonta għal kartell fost id-detenturi tal-liċenzja. Peress li ftehimiet bħal dawn ma jinvolvu l-ebda trasferiment ta' teknoloġija, dawn ma jidħlux fl-ambitu tar-REKTT.

111.

L-Artikolu 4(1)(c)(iii) jinkludi eċċezzjoni ulterjuri, restrizzjoni tal-Artikolu 4(1)(c), dik rigward restrizzjonijiet għall-użu intern, jiġifieri r-rekwiżit li d-detentur tal-liċenzja jipproduċi l-prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata biss għall-użu tiegħu stess. Fejn il-prodott tal-kuntratt ikun komponent, id-detentur tal-liċenzja jista’ għalhekk ikun obbligat li jipproduċi dak il-komponent biss biex jiġi inkorporat fil-prodotti tiegħu stess u jista' jkun obbligat li ma jbigħx il-komponenti lil produtturi oħrajn. Madankollu, id-detentur tal-liċenzja għandu jkun jista’ jbigħ il-komponenti bħala spare parts għall-prodotti tiegħu stess u b'hekk għandu jkun jista' jforni lil partijiet terzi li jipprovdu servizzi ta’ wara l-bejgħ fuq dawn il-prodotti. Ir-restrizzjonijiet dwar użu intern kif definiti jistgħu jkunu neċessarji biex iħeġġu t-tixrid tat-teknoloġija, partikolarment bejn kompetituri, u huma koperti bl-eżenzjoni ta' kategorija. Dawn ir-restrizzjonijiet huma trattati wkoll fit-taqsima 4.2.5.

112.

Fl-aħħarnett, l-Artikolu 4(1)(c)(iv) jeskludi mil-lista ta' restrizzjonijiet fundamentali l-obbligu tad-detentur tal-liċenzja biex, fi ftehim mhux reċiproku, jipproduċi l-prodotti tal-kuntratt għal xi klijent partikolari biss bil-għan li joħloq sors ta' provvista alternattiv għal dak il-klijent. Għaldaqstant, biex japplika l-Artikolu 4(1)(c)(iv) il-liċenzja hija limitata għall-ħolqien ta’ sors ta’ provvista alternattiv għal dak il-klijent partikolari. Minkejja dan, m'huwiex neċessarju li tingħata liċenzja waħda biss ta' dan it-tip. L-Artikolu 4(1)(c)(iv) ikopri wkoll sitwazzjonijiet fejn jiġu liċenzjati aktar minn impriża waħda biex ifornu lill-istess klijent speċifikat. L-Artikolu 4(1)(c)(iv) japplika irrespettivament mit-tul tal-validità tal-ftehim ta’ liċenzjar. Pereżempju, liċenzja ta’ darba sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ proġett ta’ klijent partikolari hija koperta minn din l-eċċezzjoni. Il-potenzjal li ftehimiet bħal dawn jaqsmu s-swieq huwa limitat hekk kif il-liċenzja tingħata biss bl-iskop li jiġi fornut klijent partikolari. B’mod partikolari, f’ċirkostanzi bħal dawn wieħed ma jistax jassumi li l-ftehim ser iwaqqaf lid-detentur tal-liċenzja milli jisfrutta t-teknoloġija tiegħu stess.

113.

Ir-restrizzjonijiet fi ftehimiet bejn kompetituri li jillimitaw il-liċenzja għal suq jew qasam ta' użu tekniku wieħed jew aktar (60) ma jitqisux bħala restrizzjonijiet fundamentali. Dawn ir-restrizzjonijiet huma eżentati bħala kategorija sal-limitu fuq is-sehem fis-suq ta’ 20 % kemm jekk il-ftehim ikun reċiproku u kemm jekk le. Dawn ir-restrizzjonijiet mhumiex meqjusa li għandhom bħala l-iskop tagħhom l-allokazzjoni ta’ swieq jew klijenti. Biex tapplika l-eżenzjoni ta' kategorija, madankollu, ir-restrizzjonijiet rigward il-qasam ta' użu ma jistgħux imorru lilhinn mill-ambitu tat-teknoloġiji liċenzjati. Pereżempju, fejn id-detenturi tal-liċenzja huma limitati wkoll f’oqsma tekniċi li jistgħu jużaw id-drittijiet tat-teknoloġija tagħhom stess, il-ftehim ikun jammonta għal qsim tas-suq.

114.

L-eżenzjoni ta' kategorija tapplika kemm jekk ir-restrizzjoni rigward il-qasam ta' użu tkun simetrika u kemm jekk tkun asimetrika. Restrizzjoni rigward il-qasam ta’ użu asimetriku fi ftehim ta’ liċenzjar reċiproku timplika li ż-żewġ partijiet ikunu jistgħu jużaw it-teknoloġiji rispettivi li jilliċenzjaw biss f’oqsma differenti. Sakemm il-partijiet ma jkunux ristretti fl-użu tat-teknoloġiji tagħhom stess, m'hemm l-ebda suppożizzjoni li l-ftehim iwassalhom biex jabbandunaw il-qasam(oqsma) koperti mil-liċenzja lill-parti l-oħra, jew biex jastjenu milli jidħlu fihom. Anke jekk id-detenturi tal-liċenzja jattrezzaw ruħhom biex ikunu jistgħu jużaw it-teknoloġija liċenzjata fil-qasam ta' użu liċenzjat, jista' ma jkun hemm l-ebda impatt fuq ir-riżorsi utilizzati biex jipproduċu barra mill-ambitu tal-liċenzja. F’dan ir-rigward, huwa importanti li r-restrizzjoni tkun tikkonċerna swieq tal-prodotti, setturi industrijali jew oqsma ta’ użu distinti u mhux il-klijenti, allokati skont it-territorju jew skont il-grupp, li jakkwistaw prodotti li jidħlu fl-istess suq tal-prodotti jew qasam ta’ użu tekniku. Ir-riskju tal-qsim tas-suq huwa meqjus sostanzjalment akbar fl-aħħar każ (ara l-punt (106) hawn fuq). Barra minn hekk, restrizzjonijiet dwar il-qasam ta’ użu jistgħu jkunu neċessarji biex ikun promoss il-liċenzjar pro-kompetittiv (ara l-punt (212) hawn taħt).

Restrizzjonijiet fuq il-kapaċità tal-partijiet li jwettqu r-riċerka u l-iżvilupp

115.

Ir-restrizzjoni fundamentali tal-kompetizzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1)(d) tkopri restrizzjonijiet fuq il-kapaċità li l-partijiet iwettqu riċerka u żvilupp. Iż-żewġ partijiet iridu jkunu liberi li jwettqu riċerka u żvilupp indipendenti. Din ir-regola tapplika irrispettivament minn jekk ir-restrizzjoni tapplikax għal qasam kopert mil-liċenzja jew għal oqsma oħrajn. Madankollu, is-sempliċi fatt li l-partijiet jaqblu li jipprovdu lil xulxin titjib tat-teknoloġiji rispettivi tagħhom ma jikkostitwixxix restrizzjoni fuq ir-riċerka u l-iżvilupp indipendenti. L-effett ta' ftehimiet bħal dawn fuq il-kompetizzjoni għandu jkun valutat fid-dawl taċ-ċirkostanzi tal-każ individwali. L-Artikolu 4(1)(d) ma jestendix għal restrizzjonijiet fuq parti li twettaq riċerka u żvilupp ma’ partijiet terzi, fejn dawn ir-restrizzjonijiet ikunu neċessarji biex iħarsu l-għarfien tal-liċenzjatur milli jiġi żvelat. Biex ikunu koperti bl-eċċezzjoni, ir-restrizzjonijiet imposti biex jipproteġu l-kompetenza tal-liċenzjatur milli jiġi żvelat għandhom ikunu neċessarji u proporzjonati biex jiżguraw tali protezzjoni. Ngħidu aħna, fejn il-ftehim jaħtar impjegati partikolari tad-detentur tal-liċenzja biex jitħarrġu fl-użu tal-kompetenza liċenzjata u jkunu responsabbli minnu, jista' jkun biżżejjed li d-detentur tal-liċenzja jkun obbligat li ma jippermettix li dawn l-impjegati jkunu involuti fir-riċerka u l-iżvilupp ma' partijiet terzi. Hemm salvagwardji oħrajn li jistgħu jkunu xierqa bl-istess mod.

Restrizzjonijiet fuq l-użu tat-teknoloġija proprja tad-detentur tal-liċenzja

116.

Skont l-Artikolu 4(1)(d) id-detentur tal-liċenzja ma jridx ikun ristrett fl-użu tat-teknoloġija li tikkompeti tiegħu stess sakemm ma jkunx qiegħed juża t-teknoloġija liċenzjata mil-liċenzjatur. Fir-rigward tat-teknoloġija stess, id-detentur tal-liċenzja m’għandux ikun suġġett għal limitazzjonijiet f'termini ta' fejn jipproduċi jew ibigħ, l-oqsma tekniċi tal-użu jew is-swieq tal-prodotti li fihom jipproduċi, kemm jipproduċi jew ibigħ u b’liema prezz. Ukoll, m’għandux ikun obbligat li jħallas royalties fuq prodotti magħmula abbażi tad-drittijiet tat-teknoloġija tiegħu stess (ara l-punt (101)). Barra minn hekk, id-detentur tal-liċenzja m'għandux jinżamm milli jilliċenzja t-teknoloġija tiegħu lil partijiet terzi. Fejn jiġu imposti restrizzjonijiet fuq l-użu mid-detentur tal-liċenzja tat-teknoloġija tiegħu stess jew biex iwettaq riċerka u żvilupp, il-kompetittività tat-teknoloġija tad-detentur titnaqqas. L-effett ta’ dan huwa li titnaqqas il-kompetizzjoni fis-swieq tal-prodotti u tat-teknoloġija eżistenti u li jitnaqqas l-inċentiv tad-detentur tal-liċenzja li jinvesti fl-iżvilupp u t-titjib tat-teknoloġija tiegħu. L-Artikolu 4(1)(d) ma jestendix għal restrizzjonijiet fuq l-użu mid-detentur tal-liċenzja ta’ teknoloġija ta’ partijiet terzi li jikkompeti bit-teknoloġija liċenzjata. Għalkemm tali obbligi ta’ non-kompetizzjoni jistgħu jkollhom effetti ta’ esklużjoni fuq it-teknoloġija ta’ partijiet terzi (ara t-taqsima 4.2.7), dawn ma jkollhomx l-effett li jnaqqsu l-inċentiv tad-detenturi tal-liċenzja li jinvestu fl-iżvilupp u t-titjib tat-teknoloġija tagħhom stess.

3.4.3.   Ftehimiet bejn partijiet li mhumiex kompetituri

117.

L-Artikolu 4(2) tar-REKTT jelenka r-restrizzjonijiet fundamentali għal-liċenzjar bejn partijiet li ma humiex kompetituri. Skont din id-dispożizzjoni, ir-REKTT ma jkoprix ftehimiet li, direttament jew indirettament, waħedhom jew flimkien ma' fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, ikollhom bħala l-iskop tagħhom:

(a)

ir-restrizzjoni tal-abbiltà ta' parti partikolari milli tistabbilixxi l-prezzijiet tagħha waqt il-bejgħ tal-prodotti tagħha lil partijiet terzi, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jiġi impost prezz massimu tal-bejgħ jew prezz rakkomandat tal-bejgħ, sakemm dan ma jkunx prezz fiss jew prezz minimu ta’ bejgħ minħabba pressjoni jew inċentivi li jkunu qed jiġu offruti mill-partijiet;

(b)

ir-restrizzjoni tat-territorju li fih, jew tal-klijenti li lilhom, d-detentur jkun jista' jbegħilhom b'mod passiv il-prodotti tal-kuntratt, għajr:

(i)

ir-restrizzjoni ta' bejgħ passiv f'territorju esklussiv jew għal grupp esklussiv ta' klijenti li jkun riżervat għal-liċenzjatur;

(ii)

l-obbligu li l-prodotti tal-kuntratt jiġu prodotti biss għall-użu proprju tiegħu sakemm id-detentur tal-liċenzja ma jkunx ristrett milli jbigħ il-prodotti tal-kuntratt b'mod attiv jew passiv bħala spare parts għall-prodotti tiegħu stess;

(iii)

l-obbligu li l-prodotti tal-kuntratt jiġu prodotti biss għal xi klijent partikolari, fejn il-liċenzja tkun ingħatat sabiex jinħoloq sors alternattiv ta' provvista għal dak il-klijent;

(iv)

ir-restrizzjoni ta' bejgħ lill-utenti finali permezz ta' detentur tal-liċenzja li jopera fuq il-livell kummerċjali tal-bejgħ bl-ingrossa;

(v)

ir-restrizzjoni ta' bejgħ lil distributuri mhux awtorizzati mill-membri ta' sistema ta' distribuzzjoni selettiva;

(c)

ir-restrizzjoni ta' bejgħ attiv jew passiv lill-utenti finali minn detentur tal-liċenzja li jkun membru ta' sistema ta' distribuzzjoni selettiva u li jopera fuq il-livell kummerċjali tal-bejgħ bl-imnut, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li membru tas-sistema jkun ipprojbit milli jopera minn post ta' stabbiliment mhux awtorizzat.

L-iffissar tal-prezzijiet

118.

Ir-restrizzjoni fundamentali tal-kompetizzjoni msemmija fl-Artikolu 4(2)(a) tirrigwarda l-iffissar tal-prezzijiet fil-bejgħ ta’ prodotti lil partijiet terzi. B'mod aktar speċifiku, din id-dispożizzjoni tkopri restrizzjonijiet li l-iskop dirett jew indirett tagħhom ikun l-iffissar ta' prezz tal-bejgħ fiss jew minimu, jew livell ta' prezz fiss jew minimu li għandu jkun osservat mil-liċenzjatur jew mid-detentur tal-liċenzja fil-bejgħ ta' prodotti lil partijiet terzi. Fil-każ ta' ftehimiet li jiffissaw il-prezz tal-bejgħ direttament, ir-restrizzjoni hija ċara. Madankollu, l-iffissar tal-prezzijiet tal-bejgħ jista' jsir ukoll b'mezzi indiretti. Eżempji ta' dawn tal-aħħar huma ftehimiet li jiffissaw il-marġini, li jiffissaw il-livell massimu ta' skontijiet, li jorbtu l-prezz tal-bejgħ mal-prezzijiet tal-kompetituri, theddid, intimidazzjoni, twissijiet, penali jew terminazzjoni tal-kuntratt marbuta mal-osservanza ta' livell ta' prezzijiet partikolari. Il-mezzi diretti jew indiretti biex jiġi ffissat prezz jistgħu jkunu aktar effettivi meta jsiru flimkien ma' miżuri biex ikun identifikat it-tnaqqis fil-prezzijiet, bħalma huma sistemi ta' monitoraġġ tal-prezzijiet jew l-obbligu fuq id-detentur ta' liċenzja li jirrapporta kull devjazzjoni fil-prezz. Bl-istess mod, l-iffissar dirett jew indirett tal-prezzijiet jista’ jsir aktar effettiv meta marbut ma’ miżuri li jnaqqsu l-inċentiv tad-detentur ta’ liċenzja li jbaxxi l-prezz tal-bejgħ tiegħu, bħal meta l-liċenzjatur jobbliga lid-detentur tal-liċenzja japplika klawżola ta' klijent l-aktar favorit, jiġifieri obbligu li jikkonċedi lil klijent partikolari kull terminu aktar favorevoli mogħti lil oħrajn. L-istess mezzi jistgħu jintużaw biex il-prezzijiet massimi jew rakkomandati jiffunzjonaw bħala prezzijiet fissi jew minimi tal-bejgħ. Madankollu, l-għoti ta' lista ta' prezzijiet rakkomandati jew l-impożizzjoni ta' prezz massimu fuq id-detentur tal-liċenzja mil-liċenzjatur ma jitqisux fihom infushom bħala mezzi li jwasslu għal prezzijiet fissi jew minimi tal-bejgħ.

Ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ passiv mid-detentur tal-liċenzja

119.

L-Artikolu 4(2)(b) jidentifika bħala restrizzjonijiet fundamentali tal-kompetizzjoni ftehimiet jew prattiċi miftiehma li l-iskop dirett jew indirett tagħhom ikun li jirrestrinġu l-bejgħ passiv (61) mid-detenturi tal-liċenzja ta' prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata (62). Ir-restrizzjonijiet fuq id-detentur tal-liċenzja rigward il-bejgħ passiv jistgħu jkunu r-riżultat ta' obbligi diretti, bħalma hu l-obbligu li ma jbigħx lil ċerti klijenti jew lil klijenti f'ċerti territorji jew l-obbligu li jirreferi ordnijiet minn dawn il-klijenti lil detenturi tal-liċenzja oħrajn. Dan jista' jirriżulta wkoll minn miżuri indiretti maħsuba biex iwasslu lid-detentur tal-liċenzja biex jastjeni milli jbigħ b'dan il-mod, bħal ngħidu aħna inċentivi finanzjarji u l-implimentazzjoni ta' sistema ta' monitoraġġ maħsuba biex tivverifika d-destinazzjoni effettiva tal-prodotti liċenzjati. Limitazzjonijiet kwantitattivi jistgħu jkunu mezz indirett biex jiġi ristrett il-bejgħ passiv. Il-Kummissjoni ma tassumix li l-limitazzjonijiet fuq il-kwantità bħala tali għandhom iservu dan il-għan. Madankollu, il-każ ikun differenti fejn il-limitazzjonijiet fuq il-kwantità jintużaw biex jiġi implimentat ftehim sottostanti li jaqsam is-suq bejn il-partijiet. Indikazzjonijiet ta' dan jinkludu l-aġġustament tal-kwantitajiet maż-żmien biex ikopru d-domanda lokali biss, ir-rabta flimkien ta' limitazzjonijiet fuq il-kwantità u l-obbligu li jinbigħu kwantitajiet minimi fit-territorju, obbligi minimi ta' royalty marbuta mal-bejgħ fit-territorju, rati ta' royalties differenzjati li jiddependu mid-destinazzjoni tal-prodotti u monitoraġġ tad-destinazzjoni tal-prodotti mibjugħa mid-detenturi tal-liċenzja. Ir-restrizzjoni fundamentali ġenerali li tkopri l-bejgħ passiv mid-detenturi tal-liċenzja hija suġġetta għal numru ta' eċċezzjonijiet li huma trattati fil-punti (120) sa (125).

120.

Eċċezzjoni 1: L-Artikolu 4(2)(b) ma jkoprix restrizzjonijiet fuq il-bejgħ imposti fuq il-liċenzjatur. Ir-restrizzjonijiet kollha fuq il-bejgħ imposti fuq il-liċenzjatur huma eżentati bħala kategorija sal-limitu tas-sehem fis-suq ta' 30 %. L-istess jgħodd għar-restrizzjonijiet kollha fuq il-bejgħ attiv mid-detentur tal-liċenzja, bl-eċċezzjoni ta’ dak li jingħad dwar il-bejgħ attiv fil-punt (125). L-eżenzjoni ta' kategorija ta' restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv hija bbażata fuq is-suppożizzjoni li restrizzjonijiet bħal dawn jippromwovu l-investiment, il-kompetizzjoni mhux ibbażata fuq il-prezzijiet u titjib fil-kwalità tas-servizzi pprovduti mid-detenturi tal-liċenzja billi jsolvu problemi ta' min japprofitta mill-benefiċċji miksuba minn ħaddieħor u ta' opportuniżmu mingħajr ma jsir investiment. Fil-każ ta’ restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv bejn it-territorji tad-detenturi tal-liċenzja jew bejn gruppi ta’ klijenti, mhux meħtieġ li d-detentur tal-liċenzja protett ikun ingħata territorju esklussiv jew grupp ta’ klijenti esklussiv. L-eżenzjoni ta' kategorija tapplika wkoll fir-rigward ta' restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv fejn ikun inħatar aktar minn detentur tal-liċenzja wieħed għal territorju jew grupp ta' klijenti partikolari. Fejn id-detentur tal-liċenzja jista' jkun aċċertat li ser ikollu biss kompetizzjoni fil-bejgħ attiv minn numru limitat ta' detenturi tal-liċenzja fit-territorju, u mhux anke minn detenturi minn barra t-territorju, il-possibbiltà hija li jkun promoss aktar investiment biex tittejjeb l-effiċjenza.

121.

Eċċezzjoni 2: Restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv u passiv mid-detenturi tal-liċenzja f'territorju esklussiv jew lil grupp ta' klijenti esklussiv riżervat għal-liċenzjatur ma jikkostitwixxux restrizzjonijiet fundamentali tal-kompetizzjoni (ara l-Artikolu 4(2)(b)(i)) u huma eżentati bħala kategorija. Huwa suppost li, sal-limitu fuq is-sehem fis-suq, tali limitazzjonijiet, fejn jirrestrinġu l-kompetizzjoni, jippromwovu t-tixrid pro-kompetittiv u l-integrazzjoni tat-teknoloġija fl-assi tal-produzzjoni tad-detentur tal-liċenzja. Biex territorju jew grupp ta' klijenti jkun riżervat għal-liċenzjatur, m'huwiex meħtieġ li l-liċenzjatur attwalment jipproduċi permezz tat-teknoloġija liċenzjata fit-territorju jew għall-grupp ta' klijenti kkonċernat. Territorju jew grupp ta’ klijenti jistgħu jkunu riżervati mil-liċenzjatur ukoll għal sftruttament aktar tard.

122.

Eċċezzjoni 3: L-Artikolu 4(2)(b)(ii) jinkludi fl-eżenzjoni ta’ kategorija r-restrizzjoni fejn id-detentur tal-liċenzja jkun obbligat li jipproduċi l-prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata biss għall-użu (intern) tiegħu stess. Fejn il-prodott tal-kuntratt ikun komponent, id-detentur tal-liċenzja jista' għalhekk ikun obbligat li jipproduċi dak il-prodott biss biex jiġi inkorporat fil-prodotti tiegħu stess u jista' jkun obbligat li ma jbigħx il-prodott lil produtturi oħrajn. Madankollu, id-detentur tal-liċenzja jrid ikun jista’ jbigħ il-prodotti attivament u passivament bħala spare parts għall-prodotti tiegħu stess u b’hekk għandu jkun jista' jforni lil partijiet terzi li jipprovdu servizzi ta' wara l-bejgħ fuq dawn il-prodotti. Dawn ir-restrizzjonijiet huma trattati wkoll fit-taqsima 4.2.5.

123.

Eċċezzjoni 4: Bħal fil-każ ta’ ftehimiet bejn kompetituri (ara l-punt (112) hawn fuq) l-eżenzjoni ta' kategorija tapplika wkoll għal ftehimiet li permezz tagħhom id-detentur tal-liċenzja jkun obbligat li jipproduċi l-prodotti tal-kuntratt għal klijent partikolari biss sabiex jipprovdi lil tali klijent b’sors ta’ provvista alternattiv, ikun kemm ikun twil il-perjodu ta’ validità tal-ftehim ta’ liċenzjar (ara l-Artikolu 4(2)(b)(iii)). Fil-każ ta' ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri, tali restrizzjonijiet x'aktarx ma jinqabdux taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat.

124.

Eċċezzjoni 5: L-Artikolu 4(2)(b)(iv) idaħħal fl-ambitu tal-eżenzjoni ta' kategorija l-obbligu fuq id-detentur tal-liċenzja li ma jbigħx lil utenti finali u b’hekk li jbigħ biss lil bejjiegħa bl-imnut. Obbligu bħal dan jippermetti lil-liċenzjatur li jassenja l-funzjoni tad-distribuzzjoni bl-ingrossa lid-detentur tal-liċenzja u normalment ma jidħolx fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) (63).

125.

Eċċezzjoni 6: Fl-aħħarnett, l-Artikolu 4(2)(b)(v) idaħħal fl-ambitu tal-eżenzjoni ta’ kategorija r-restrizzjoni fuq id-detentur tal-liċenzja li ma jbigħx lil distributuri mhux awtorizzati. Din l-eċċezzjoni tippermetti lil-liċenzjatur li jimponi fuq id-detenturi tal-liċenzja l-obbligu li jkunu parti minn sistema ta' distribuzzjoni selettiva. F’dan il-każ, madankollu, id-detenturi tal-liċenzja għandhom ikunu jistgħu, skont l-Artikolu 4(2)(c), ibigħu kemm attivament kif ukoll passivament lill-utenti finali, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li tali detentur ikun ristrett għal funzjoni ta' bejgħ bl-ingrossa kif previst fl-Artikolu 4(2)(b)(iv) (ara l-punt (124)). Fit-territorju fejn il-liċenzjatur ikun qed jopera sistema ta’ distribuzzjoni selettiva, din is-sistema ma tistax tiġi magħquda ma’ territorji jew gruppi ta’ klijenti esklussivi peress li dan iwassal għal restrizzjoni fundamentali ta’ bejgħ attiv jew passiv mid-detenturi tal-liċenzja taħt l-Artikolu 4(2)(c), mingħajr preġudizzju għall-possibbilità li detentur ikun jista’ jopera minn post mhux awtorizzat ta’ stabbiliment.

126.

Restrizzjonijiet fuq il-bejgħ passiv mid-detenturi tal-liċenzja f’territorju jew grupp ta’ klijenti esklussivi allokati lil detentur ieħor, filwaqt li normalment ikunu restrizzjoni fundamentali, jistgħu jaqgħu ‘l barra mill-Artikolu 101(1) tat-Trattat għal ċertu żmien jekk ir-restrizzjonijiet ikunu oġġettivament meħtieġa għad-detenturi tal-liċenzja biex jippenetraw f’suq ġdid. Jista’ jkun hemm tali ċirkostanzi fejn id-detenturi tal-liċenzja jkollhom jikkommettu investimenti sostanzjali f’assi tal-produzzjoni u attivitajiet promozzjonali sabiex jibdew u jiżviluppaw suq ġdid. Ir-riskji li jkollu quddiemu detentur ġdid jistgħu għaldaqstant ikunu sostanzjali, partikolarment peress li l-ispiżi ta’ promozzjoni u l-investiment fl-assi meħtieġa biex issir il-produzzjoni abbażi ta’ xi teknoloġija partikolari spiss ikunu midfuna, jiġifieri li malli jiġi abbandunat dak il-qasam partikolari ta’ attività, l-investiment ma jkunx jista’ jintuża mid-detentur għal attivitajiet oħra jew jinbiegħ, għajr b’telf konsiderevoli. Pereżempju, id-detentur tal-liċenzja jista’ jkun l-ewwel li jipproduċi u jbigħ tip ġdid ta’ prodott jew ikun l-ewwel li japplika teknoloġija ġdida. F’ċirkostanzi bħal dawn, spiss ikun il-każ fejn id-detenturi tal-liċenzja ma jidħlux fi ftehim ta' liċenzjar mingħajr protezzjoni għal perjodu ta' żmien kontra l-bejgħ (attiv u) passiv fit-territorju jew fil-grupp ta’ klijenti tagħhom minn detenturi tal-liċenzja oħrajn. Fejn investimenti sostanzjali mid-detentur tal-liċenzja huma meħtieġa għat-twaqqif u l-iżvilupp ta’ suq ġdid, restrizzjonijiet ta’ bejgħ passiv minn detenturi tal-liċenzja oħrajn f’dak it-territorju jew għal dak il-grupp ta’ klijenti ma jaqgħux taħt l-Artikolu 101(1) minħabba l-perjodu meħtieġ għad-detentur tal-liċenzja li jirkupraw dawk l-investimenti. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet perijodu ta’ mhux aktar minn sentejn mid-data li fih prodott ta' kuntratt tqiegħed fis-suq fit-territorju mid-detentur tal-liċenzja in kwistjoni jew jinbiegħ lil grupp ta’ klijenti esklussiv tiegħu għandu jkun biżżejjed għad-detentur tal-liċenzja biex jirkupra l-investimenti magħmula. Madankollu, f’każ individwali perjodu itwal ta’ protezzjoni għad-detentur tal-liċenzja jista’ jkun meħtieġ sabiex id-detentur tal-liċenzja jirkupra l-ispejjeż involuti.

127.

Bl-istess mod, projbizzjoni imposta fuq id-detenturi tal-liċenzja kollha milli jbigħu lil ċerti kategoriji ta' utenti finali tista' ma tkunx restrittiva għall-kompetizzjoni jekk din tkun oġġettivament neċessarja għal raġunijiet ta' saħħa jew sigurtà relatati man-natura perikoluża tal-prodott ikkonċernat.

3.5.   Restrizzjonijiet esklużi

128.

L-Artikolu 5 tar-REKTT jelenka tliet tipi ta' restrizzjonijiet li m'humiex eżentati bħala kategorija u li għalhekk jirrikjedu valutazzjoni individwali tal-effetti tagħhom favur jew kontra l-kompetizzjoni. L-iskop tal-Artikolu 5 huwa li tiġi evitata eżenzjoni ta' kategorija għal ftehimiet li jistgħu jnaqqsu l-inċentiv għall-innovazzjoni. Mill-Artikolu 5 isegwi li l-inklużjoni fi ftehim ta’ liċenzjar ta' xi restrizzjoni msemmija f'dak l-Artikolu ma tipprevenix l-applikazzjoni tal-eżenzjoni ta' kategorija għall-bqija tal-ftehim, jekk il-kumplament ikun jista’ jinqata’ mir-restrizzjoni(ijiet) eskluża/i. Hija biss ir-restrizzjoni individwali kkonċernata li mhix koperta mill-eżenzjoni ġenerali, li jimplika li tkun tinħtieġ valutazzjoni individwali.

Retroċessjonijiet esklussivi

129.

L-Artikolu 5(1)(a) tar-REKTT jikkonċerna retroċessjonijiet esklussivi (jiġifieri liċenzja esklussiva lura lil-liċenzjatur tat-titjib tad-detentur tal-liċenzja) jew l-assenjazzjoni lil-liċenzjatur ta’ titjib tat-teknoloġija liċenzjata. L-obbligu li jagħti lil-liċenzjatur liċenzja esklussiva għal titjib tat-teknoloġija liċenzjata jew li jassenjalu tali titjib x’aktarx inaqqas l-inċentiv tad-detentur tal-liċenzja li jinnova għaliex iżommu milli jisfrutta t-titjib li jagħmel, inkluż permezz ta’ liċenzjar lil partijiet terzi. Retroċessjoni esklussiva hija definita bħala għotja lura li żżomm lid-detentur tal-liċenzja (li huwa l-innovatur u l-liċenzjatur tat-titjib f’dan il-każ) milli jisfrutta t-titjib (kemm għall-produzzjoni tiegħu kif ukoll biex jilliċenzja lil partijiet terzi). Dan ikun il-każ fejn it-titjib jikkonċerna l-istess applikazzjoni bħat-teknoloġija liċenzjata u fejn id-detentur tal-liċenzja jiżviluppa applikazzjonijiet ġodda tat-teknoloġija liċenzjata. Skont l-Artikolu 5(1)(a) tali obbligi mhumiex koperti mill-eżenzjoni ta’ kategorija.

130.

L-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) ma tiddependix minn jekk il-liċenzjatur iħallasx prezz għall-akkwist tat-titjib jew għall-kisba tal-liċenzja esklussiva. Madankollu, l-eżistenza u l-livell ta’ tali prezz jista' jkun fattur rilevanti fil-kuntest ta' valutazzjoni individwali taħt l-Artikolu 101. Meta r-retroċessjoni ssir fuq prezz, hemm inqas possibbiltà li l-obbligu joħloq diżinċentiv għad-detentur tal-liċenzja li jinnova. Fil-valutazzjoni tal-obbligu ta' retroċessjoni esklussiv lilhinn mill-ambitu tal-eżenzjoni ta' kategorija, il-pożizzjoni tal-liċenzjatur fis-suq tat-teknoloġija hija wkoll fattur rilevanti. Aktar ma tkun b'saħħitha l-pożizzjoni tal-liċenzjatur, aktar ikun probabbli li l-obbligi ta' retroċessjoni esklussivi jkollhom effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni fl-innovazzjoni. Aktar ma tkun b’saħħitha l-pożizzjoni tal-liċenzjatur, aktar ikun importanti li d-detentur tal-liċenzja jsir sors importanti ta’ innovazzjoni u ta’ kompetizzjoni fil-ġejjieni. L-impatt negattiv ta' obbligi ta' retroċessjoni jista' jiżdied ukoll fil-każ ta' netwerks ta' ftehimiet ta' liċenzjar paralleli li jinkludu tali obbligi. Fejn it-teknoloġiji disponibbli jkunu kkontrollati minn numru limitat ta' liċenzjaturi li jimponu obbligi ta' retroċessjoni esklussivi fuq id-detenturi tal-liċenzja, ir-riskju ta' effetti anti-kompetittivi huwa akbar minn meta jkun hemm numru ta' teknoloġiji li xi wħud biss minnhom ikunu liċenzjati fuq termini ta' retroċessjoni esklussiva.

131.

L-obbligi mhux esklussivi ta’ retroċessjoni huma koperti mill-eżenzjoni tar-REKTT. Dan japplika wkoll anki fejn huma ma jkunux reċiproki, jiġifieri imposti biss fuq id-detentur tal-liċenzja, u fejn taħt il-ftehim il-liċenzjatur ikun intitolat li jgħaddi t-titjib lil detenturi tal-liċenzja oħrajn. Obbligu ta’ retroċessjoni mhux reċiproku jista’ jippromwovi t-tixrid ta' teknoloġija ġdida billi jippermetti lil-liċenzjatur li jiddetermina liberament jekk jgħaddix, u sa fejn, it-titjib li jkun għamel lid-detenturi liċenzjati minnu. Klawżola li tipprevedi li tali titjib jingħadda lil oħrajn tippromwovi wkoll it-tixrid tat-teknoloġija għaliex kull detentur tal-liċenzja jkun jaf, fiż-żmien meta jiġi konkluż il-kuntratt, li f'termini tat-teknoloġija li abbażi tagħha jipproduċi ser ikun fuq l-istess livell ma' detenturi tal-liċenzja oħrajn.

132.

L-obbligi mhux esklussivi ta’ retroċessjoni jistgħu b'mod partikolari jkollhom effetti fuq l-innovazzjoni fil-każ ta' liċenzji bejn kompetituri fejn obbligi ta' retroċessjoni fuq iż-żewġ partijiet jingħaqdu ma' obbligu fuq iż-żewġ partijiet li jaqsmu t-titjib tat-teknoloġija tagħhom mal-parti l-oħra. Il-qsim tat-titjib kollu bejn il-kompetituri jista' jipprevjeni lil kull kompetitur milli jikseb vantaġġ kompetittiv fuq l-ieħor (ara l-punt (241) hawn taħt). Madankollu x'aktar li l-partijiet ma jinżammux milli jiksbu vantaġġ kompetittiv fuq xulxin fejn l-għan tal-liċenzja ikun li jippermettulhom jiżviluppaw it-teknoloġiji rispettivi tagħhom u fejn il-liċenzja ma twassalhomx jużaw l-istess bażi tat-teknoloġija fit-tfassil tal-prodotti tagħhom. Dan huwa l-każ fejn l-għan tal-liċenzja huwa li toħloq libertà tad-diżinn aktar milli ttejjeb il-bażi teknoloġija tal-liċenzja.

Klawżoli ta’ non-kontestazzjoni u terminazzjoni

133.

Ir-restrizzjoni eskluża stabbilita fl-Artikolu 5(1)(b) tar-REKTT tikkonċerna klawżoli ta’ non-kontestazzjoni, jiġifieri, l-obbligi diretti jew indiretti li ma jikkontestawx il-validità tal-poprjetà intellettwali tal-liċenzjatur, mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà, fil-każ ta’ liċenzja esklussiva, li l-liċenzjatur itemm il-ftehim tat-trasferiment tat-teknoloġija f’każ li d-detentur jiddubita l-validità ta’ kwalunkwe drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata.

134.

Ir-raġuni wara l-esklużjoni ta' klawżoli ta' non-kontestazzjoni mill-ambitu tal-eżenzjoni ta' kategorija hija li d-detenturi tal-liċenzja normalment ikunu fl-aħjar pożizzjoni biex jiddeterminaw jekk dritt ta' proprjetà intellettwali hux invalidu jew le. Fl-interess ta' kompetizzjoni mingħajr distorsjonijiet u f'konformità mal-prinċipji li fuqhom hu msejjes il-ħarsien tal-proprjetà intellettwali, drittijiet ta' proprjetà intellettwali invalidi għandhom ikunu eliminati. Proprjetà intellettwali invalida xxekkel l-innovazzjoni u mhux tippromwoviha. L-Artikolu 101(1) tat-Trattat x’aktarx japplika għall-klawżoli ta’ non-kontestazzjoni fejn it-teknoloġija liċenzjata hija ta’ valur u li għalhekk toħloq żvantaġġ kompetittiv għal impriżi li ma jkunux jistgħu jużawha jew li jistgħu jużawha biss jekk jitħallsu r-royalties. F’każijiet bħal dawn diffiċilment jintlaħqu l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Madankollu, jekk it-teknoloġija liċenzjata hija marbuta ma’ proċess teknikament skadut li d-detentur tal-liċenzja ma jużax, jew jekk il-liċenzja hija wkoll mogħtija b’xejn, ma jkun hemm l-ebda restrizzjoni tal-kompetizzjoni (64). Rigward il-klawżoli ta' non-kontestazzjoni fil-kuntest ta' ftehimiet ta' riżoluzzjoni, ara l-punti (242) u (243).

135.

Klawżola li tobbliga d-detentur tal-liċenzja li ma jikkontestax is-sjieda tad-drittijiet tat-teknoloġija ma tikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 101(1). Kemm jekk il-liċenzjatur ikollu s-sjieda tad-drittijiet tat-teknoloġija, kemm jew le, l-użu tagħha mid-detentur tal-liċenzja u minn kwalunkwe parti oħra huwa dipendenti fuq il-ksib ta’ liċenzja fi kwalunkwe każ, u l-kompetizzjoni għalhekk ġeneralment ma tkunx affettwata (65).

136.

L-Artikolu 5(1)(b) tar-REKTT jeskludi wkoll mill-eżenzjoni d-dritt, fil-kuntest ta' liċenzji mhux eskussivi, li l-liċenzjatur itemm il-ftehim fil-każ li d-detentur jikkontesta l-validità ta’ kwalunkwe drittijiet ta’ proprjetà intellettwali li l-liċenzjatur ikollu fl-Unjoni. Tali dritt ta' terminazzjoni jista’ jkollu l-istess effett ta’ klawżola ta’ non-kontestazzjoni, b’mod partikolari fejn il-bidla mit-teknoloġija tal-liċenzjatur tirriżulta f’telf sinifikanti lid-detentur tal-liċenzja (pereżempju fejn id-detentur tal-liċenzja jkun diġà investa f’magni speċifiċi jew għodod li ma jistgħux jintużaw għall-produzzjoni b’teknoloġija oħra) jew fejn it-teknoloġija tal-liċenzjatur tkun kontribut neċessarju għall-produzzjoni tad-detentur tal-liċenzja. Pereżempju, fil-kuntest tal-privattivi standard essenzjali d-detentur tal-liċenzja li jipproduċi prodotti konformi standard se jkollu juża neċessarjament il-privattivi kollha li jimxu fuq tali standards. F’każ bħal dan, li tiġi kkuntestata l-validità tal-privattivi rilevanti jista’ jirriżulta f’telf sinifikanti jekk il-ftehim tat-trasferiment tat-teknoloġija jiġi mitmum. Fejn it-teknoloġija tal-liċenzjatur ma tkunx essenzjali skont l-istandard, iżda jkollha pożizzjoni sinifikanti fis-suq, id-diżinċentiv tal-ikkontestar jista' jkun ukoll għoli meta wieħed iqis id-diffikultà għad-detentur tal-liċenzja li jsib teknoloġija alternattiva vijabbli x'jilliċenzja. Il-kwistjoni dwar jekk telf ta’ profitt tad-detentur tal-liċenzja jkunx sinifikanti, u għalhekk jekk jaġixxix bħala diżinċentiv qawwi li jiġi kkuntestat, jeħtieġ li tiġi evalwatata fuq bażi ta’ każ b’każ.

137.

F’dawn il-każijiet deskritti f'punt (136), id-detentur tal-liċenzja jista’ jkun li jaqta’ qalbu li jikkontesta l-validità tad-dritt ta’ proprjetà intellettwali peress li dan jista’ jirriskja t-terminazzjoni tal-ftehim tal-liċenzja u b’hekk jaffaċċja riskji sinifikanti li jmorru lil hinn sew mill-obbligi tar-royalties tiegħu. Iżda, ta’ min jinnota wkoll li, barra mill-kuntest ta’ dawn ix-xenarji, klawżola ta’ terminazzjoni sikwit ma tipprovdix diżinċentiv sinifikanti għal ikkuntestar u għalhekk ma tipproduċix l-istess effett ta’ klawżola ta’ non-kontestazzjoni.

138.

L-interess tal-pubbliku li jissaħħaħ l-inċentiv tal-liċenzjatur biex jilliċenzja billi ma jkunx sfurzat ikompli bir-relazzjoni ma’ detentur li jikkontesta l-materja sostantiva tal-ftehim ta’ liċenzjar għandu jkun ibbilanċjat bl-interess tal-pubbliku li jiġi eliminat kull ostakolu għal attività ekonomika li tista’ tinqala’ meta dritt ta’ proprjetà intellettwali jingħata bi żball (66). Sabiex jinstab bilanċ bejn dawn l-interessi għandu jitqies jekk id-detentur ikunx jissodisfa l-obbligi kollha skont il-ftehim fil-mument tal-kontestazzjoni, b’mod partikolari l-obbligu li jitħallsu r-royalties miftiehma.

139.

Fil-każ ta’ liċenzjar esklussiv, klawżoli ta’ terminazzjoni huma normalment anqas probabbli li jkollhom effetti antikompetittivi. Ladarba tkun ingħatat il-liċenzja, il-liċenzjatur jista’ jsib ruħu f’sitwazzjoni partikolari ta’ dipendenza, minħabba li d-detentur tal-liċenzja se jkun l-uniku sors ta’ dħul fejn jidħlu d-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata jekk ir-royalties jiddependu fuq il-produzzjoni bid-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata, minħabba li spiss dan jista’ jkun mod effiċjenti biex jiġi strutturat il-ħlas tar-royalties. F’dan ix-xenarju, l-inċentivi għall-innovazzjoni u l-liċenzjar jistgħu jkunu imminati jekk, pereżempju, il-liċenzjatur ma jkunx maqbud fi ftehim ma’ detentur tal-liċenzja esklussiv li m'għadux jagħmel sforzi sinifikanti biex jiżviluppa, jipproduċi u jbigħ fis-suq tal-prodott (li jrid) jiġi prodott bid-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata (67). Din hija r-raġuni għaliex ir-REKTT jeżenta bħala kategorija klawżoli ta’ terminazzjoni għal ftehimiet esklussivi ta’ liċenzjar sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra tal-eżenzjoni wkoll, bħar-rispett mil-limitu tas-sehem mis-suq jiġu ssodisfati. Barra mill-protezzjoni, valutazzjoni każ b’każ trid issir filwaqt li jitqiesu l-interessi differenti kif deskritt fil-punt (138).

140.

Madankollu, il-Kummissjoni hija aktar favur klawżoli ta’ non-kontestazzjoni u ta’ terminazzjoni fejn tidħol il-kompetenza liċenzjata hekk kif ladarba din tiġi żvelata x’aktarx ikun impossibbli jew diffiċli ħafna li wieħed jirkupraha. F'dawn il-każijiet, l-obbligu fuq id-detentur tal-liċenzja li ma jikkontestax il-kompetenza liċenzjata jippromwovi t-tixrid ta' teknoloġija ġdida, partikolarment għaliex jippermetti lil-liċenzjaturi aktar dgħajfa li jilliċenzjaw lil detenturi b'saħħithom mingħajr il-biża' li ssirilhom kontestazzjoni ladarba l-kompetenza tkun ġiet assorbita mid-detentur tal-liċenzja. Għalhekk, klawżoli ta’ non-kontestazzjoni u ta’ terminazzjoni li jirrigwardjaw biss il-kompetenza mhumiex esklużi mill-ambitu tar-REKTT.

Il-limitazzjoni tal-użu jew l-iżvilupp mid-detentur tat-teknoloġija tiegħu stess (bejn partijiet li mhumiex kompetituri)

141.

L-Artikolu 5(2) jeskludi mill-ambitu tal-eżenzjoni ta' kategorija, fil-każ ta' ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri, kull obbligu dirett jew indirett li jillimita l-abbilità tad-detentur tal-liċenzja li jisfrutta t-teknoloġija tiegħu jew li jillimita l-abbiltà ta' kwalunkwe parti fil-ftehim milli twettaq riċerka u żvilupp, sakemm din ir-restrizzjoni ma tkunx indispensabbli biex tevita li tiġi żvelata kompetenza dwar il-kompetenza liċenzjata lil partijiet terzi. Il-kontenut ta' din il-kundizzjoni huwa l-istess bħal dak tal-Artikolu 4(1)(d) tal-lista ta' restrizzjonijiet fundamentali li jikkonċernaw ftehimiet bejn partijiet kompetituri, trattat fil-punti (115) u (116) ta' dawn il-linji gwida. Madankollu, fil-każ ta' ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri ta' xulxin ma jistax jitqies li dawn ir-restrizzjonijiet b'mod ġenerali għandhom effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni jew li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat b'mod ġenerali ma ntlaħqux (68). Għalhekk tinħtieġ valutazzjoni individwali.

142.

Fil-każ ta' ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri, id-detentur tal-liċenzja normalment ma jkunx proprjetarju ta' teknoloġija li tikkompeti. Iżda jista' jkun hemm każijiet fejn għall-iskopijiet tal-eżenzjoni ta' kategorija l-partijiet jitqiesu mhux kompetituri minkejja l-fatt li d-detentur tal-liċenzja jkun proprjetarju ta' teknoloġija li tikkompeti. Dan huwa l-każ fejn id-detentur tal-liċenzja jkollu teknoloġija iżda ma jilliċenzjahiex u l-liċenzjatur ma jkunx fornitur attwali jew potenzjali fis-suq tal-prodott. Għall-iskopijiet tal-eżenzjoni ta’ kategorija l-partijiet f’dawn iċ-ċirkostanzi la huma kompetituri fis-suq tat-teknoloġija u lanqas kompetituri fis-suq tal-prodott downstream (69). F'każijiet bħal dawn huwa importanti li jiġi żgurat li d-detentur tal-liċenzja ma jkunx miżmum milli jisfrutta t-teknoloġija tiegħu stess u jiżviluppaha. Din it-teknoloġija tikkostitwixxi limitazzjoni kompetittiva fis-suq, li għandha tinżamm. F’sitwazzjoni bħal din, ir-restrizzjonijiet fuq id-detentur tal-liċenzja milli juża t-teknoloġija tiegħu jew li jirriċerka u jiżviluppa normalment titqies restrittiva għall-kompetizzjoni u li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Ngħidu aħna, obbligu li d-detentur tal-liċenzja jħallas ir-royalties mhux biss abbażi tal-prodotti li jipproduċi bit-teknoloġija liċenzjata iżda wkoll abbażi tal-prodotti li jipproduċi biss bit-teknoloġija tiegħu stess b’mod ġenerali tillimitah milli jisfrutta t-teknoloġija tiegħu u b’hekk ikun eskluż mill-ambitu tal-eżenzjoni ta’ kategorija.

143.

Fejn ikunu disponibbli biss ftit teknoloġiji, jekk id-detentur tal-liċenzja ma jkunx proprjetajru ta' teknoloġija li tikkompeti jew ma jkunx qiegħed diġà jiżviluppa tali teknoloġija, restrizzjoni fuq il-partijiet li ma jwettqux riċerka u żvilupp indipendenti tista' tkun restrittiva għall-kompetizzjoni. F'dak il-każ il-partijiet jistgħu jkunu sors (potenzjali) ta' innovazzjoni importanti fis-suq. Aktar u aktar fejn il-partijiet ikollhom l-assi u l-ħiliet neċessarji biex iwettqu aktar riċerka u żvilupp. F’każijiet bħal dawn diffiċilment jintlaħqu l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. F'każijiet oħra fejn ikunu disponibbli diversi teknoloġiji u fejn il-partijiet ma jkollhomx l-assi u l-ħiliet speċjali, ir-restrizzjoni fuq ir-riċerka u l-iżvilupp x'aktarx jew ma taqax taħt l-Artikolu 101(1) minħabba li ma jkunx hemm effett restrittiv sensibbli, jew tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Ir-restrizzjoni tista' tippromwovi t-tixrid ta' teknoloġija ġdida billi l-liċenzjatur ikun żgurat li l-liċenzja ma toħloqx kompetitur ġdid u billi tħeġġeġ lid-detentur tal-liċenzja biex jiffoka fuq l-isfruttament u l-iżvilupp tat-teknoloġija liċenzjata. Barra minn hekk, l-Artikolu 101(1) japplika biss fejn il-ftehim inaqqas l-inċentiv tad-detentur tal-liċenzja li jtejjeb u jisfrutta t-teknoloġija tiegħu stess. Dan x’aktarx ma jkunx il-każ fejn, ngħidu aħna, il-liċenzjatur ikun intitolat li jtemm il-ftehim ta’ liċenzjar ladarba d-detentur tal-liċenzja jibda jipproduċi abbażi tat-teknoloġija li tikkompeti tiegħu stess. Tali dritt ma jnaqqasx l-inċentiv tad-detentur tal-liċenzja li jinnova, għaliex il-ftehim jista' jiġi mitmum biss meta tiġi żviluppata teknoloġija li tkun kummerċjalment vijabbli u meta sservi ta' bażi għall-produzzjoni ta' prodotti lesti biex jitqiegħdu fis-suq.

3.6.   L-irtirar u n-nonapplikazzjoni tar-Regolament ta’ Eżenzjoni ta' Kategorija

3.6.1.   Proċedura għall-irtirar

144.

Skont l-Artikolu 6 tar-REKTT, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jistgħu jirtiraw il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija fir-rigward ta’ fteimiet individwali bi probabbiltà li jkollhom effetti antikompetittivi (jeħtieġ jitqiesu l-effetti kemm attwali kif ukoll potenzjali) u li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Is-setgħa tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri li jirtiraw il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta' kategorija hija limitata għal każijiet fejn is-suq ġeografiku rilevanti ma jkunx akbar mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

145.

L-erba’ kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) huma kumulattivi u jridu jiġu ssodisfati kollha biex tapplika r-regola tal-eċċezzjoni (70). Għaldaqstant, fejn ftehim partikolari ma jissodisfax waħda jew aktar mill-erba' kundizzjonijiet, l-eżenzjoni ta' kategorija tista' tiġi rtirata.

146.

Fejn tkun applikata l-proċedura tal-irtirar, l-awtorità li tirtira ġġorr il-piż tal-prova li l-ftehim jaqa' fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) u li l-ftehim ma jissodisfax l-erba' kundizzjonijiet kollha tal-Artikolu 101(3). Minħabba li l-irtirar jimplika li l-ftehim ikkonċernat jirrestrinġi l-kompetizzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 101(1) u li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3), l-irtirar irid ikun akkompanjat b’deċiżjoni negattiva bbażata fuq l-Artikoli 5, 7 jew 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

147.

Skont l-Artikolu 6 tar-REKTT, l-irtirar jista' b'mod partikolari jkun ġustifikat fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

l-aċċess tat-teknoloġiji tat-terzi partijiet għas-suq ikun restritt, per eżempju minħabba l-effett kumulattiv ta' netwerks paralleli ta' ftehim restrittivi simili li jipprojbixxu lid-detenturi milli jużaw it-teknoloġiji tal-partijiet terzi;

(b)

l-aċċess għas-suq ta’ detenturi tal-liċenzja potenzjali huwa ristrett, pereżempju minħabba l-effett kumulattiv ta’ netwerks paralleli ta’ ftehimiet restrittivi simili li jipprojbixxu lil-liċenzjaturi milli jilliċenzjaw detenturi oħrajn jew minħabba li l-uniku proprjetarju ta’ teknoloġija lest li jilliċenzja d-drittijiet relevanti tat-teknoloġija jikkonkludi liċenzja esklussiva ma’ detentur tal-liċenzja li jkun diġà attiv fis-suq tal-prodotti fuq il-bażi ta’ drittijiet tat-teknoloġija sostitwibbli. Sabiex jikkwalifikaw bħala rilevanti, id-drittijiet tat-teknoloġija jeħtieġ li jkunu kemm teknikament u kummerċjalment sostitwibbli sabiex id-detentur tal-liċenzja jkun attiv fis-suq rilevanti tal-prodott.

148.

L-Artikoli 4 u 5 tar-REKTT, li jinkludu l-lista ta' restrizzjonijiet fundamentali tal-kompetizzjoni u ta' restrizzjonijiet esklużi, għandhom l-għan li jiżguraw li l-ftehimiet eżentati bħala kategorija ma jnaqqsux l-inċentiv tal-innovazzjoni, ma jdewmux it-tixrid tat-teknoloġija, u ma jirrestrinġux indebitament il-kompetizzjoni bejn il-liċenzjatur u d-detentur tal-liċenzja jew bejn id-detenturi tal-liċenzja nfushom. Madankollu, il-lista ta’ restrizzjonijiet fundamentali tal-kompetizzjoni u ta’ restrizzjonijiet esklużi ma tikkunsidrax l-impatti kollha possibbli tal-ftehimiet ta' liċenzjar. B'mod partikolari, l-eżenzjoni ta' kategorija ma tikkunsidrax l-effett kumulattiv li jista' jirriżulta minn restrizzjonijiet bħal dawn li jkunu jinsabu f'netwerks ta' ftehimiet ta' liċenzjar. Il-ftehimiet ta' liċenzjar jistgħu jwasslu biex partijiet terzi jkunu esklużi kemm fil-livell tal-liċenzjatur kif ukoll fil-livell tad-detentur tal-liċenzja. L-esklużjoni ta' liċenzjaturi oħrajn tista' tirriżulta mill-effett kumulattiv ta' netwerks ta' ftehimiet ta' liċenzjar li jipprojbixxu lid-detenturi tal-liċenzja milli jesplojtaw teknoloġiji li jikkompetu, biex b'hekk jiġu esklużi liċenzjaturi (potenzjali) oħrajn. L-esklużjoni ta' liċenzjaturi oħrajn hija possibbli fejn il-parti l-kbira tal-impriżi fis-suq li jistgħu jieħdu (b'mod effiċjenti) liċenzja li tikkompeti jinżammu milli jagħmlu dan minħabba ftehimiet restrittivi u fejn detenturi tal-liċenzja potenzjali jkollhom jegħlbu ostakoli relattivament kbar għad-dħul fis-suq. L-esklużjoni ta' detenturi tal-liċenzja oħrajn tista' tirriżulta mill-effett kumulattiv ta' ftehimiet ta' liċenzjar li jipprojbixxu lil-liċenzjaturi milli jilliċenzjaw detenturi oħrajn u b'hekk iżommu lil detenturi tal-liċenzja potenzjali milli jiksbu l-aċċess għat-teknoloġija neċessarja. Il-kwistjoni tal-esklużjoni hija eżaminata f'aktar dettall fit-taqsima 4.2.2 u 4.2.7. Barra minn hekk, il-Kummissjoni x’aktarx tirtira l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta' kategorija fejn numru sinfikanti ta' liċenzjaturi ta' teknoloġiji li jikkompetu bejniethom jimponu, fi ftehimiet individwali mad-detenturi tal-liċenzji tagħhom, li dawn tal-aħħar jestendulhom il-kundizzjonijiet favorevoli li jkunu ftiehmu dwarhom ma' liċenzjaturi oħrajn.

3.6.2.   In-nonapplikazzjoni tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali

149.

L-Artikolu 7 tar-REKTT jippermetti l-Kummissjoni li teskludi mill-ambitu tar-REKTT, permezz ta’ regolament, netwerks paralleli ta’ ftehimiet simili fejn dawn ikopru aktar minn 50 % ta’ suq rilevanti. Miżura bħal din mhijiex indirizzata lil impriżi individwali imma tikkonċerna l-impriżi kollha li l-ftehimiet tagħhom ikunu definiti fir-regolament li jtemm l-applikazzjoni tar-REKTT.

150.

Billi l-irtirar tal-benefiċċju tar-REKTT mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6 jimplika l-adozzjoni ta’ deċiżjoni taħt l-Artikoli 7 jew 9 tar-Regolament Nru 1/2003, l-effett ta’ regolament tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 7 tar-REKTT li jiddikjara li r-REKTT ma japplikax ifisser sempliċiment li jitneħħa l-benefiċċju tar-REKTT u li terġa' tiddaħħal l-applikazzjoni sħiħa tal-Artikolu 101(1) u (3) tat-Trattat fir-rigward tar-restrizzjonijiet u tas-swieq ikkonċernati. Wara l-adozzjoni ta’ regolament li jiddikjara li r-REKTT ma japplikax għal suq partikolari fir-rigward ta’ ftehimiet li jkun fihom ċerti retrizzjonijiet, il-kriterji żviluppati mill-każistika rilevanti tal-Qrati tal-Unjoni u permezz tal-avviżi u deċiżjonijiet preċedenti adottati mill-Kummissjoni tagħti gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 fil-każ ta’ ftehimiet individwali. Fejn xieraq, il-Kummissjoni tieħu deċiżjoni f'każ individwali, li tista' tipprovdi gwida lill-impriżi kollha li joperaw fis-suq konċernat.

151.

Biex jiġi kkalkulat il-proporzjon ta' 50 % ta’ kopertura tas-suq, għandha titqies kull netwerk individwali ta' ftehimiet ta’ liċenzjar li jkun fihom ir-restrizzjonijiet, jew possibbiltajiet ta’ restrizzjonijiet differenti, li jipproduċu effetti simili fis-suq.

152.

L-Artikolu 7 tar-REKTT ma jinvolvix obbligu min-naħa tal-Kummissjoni sabiex taġixxi fejn il-proporzjon li jkopri s-suq ta' 50 % jinqabeż. B’mod ġenerali, l-adozzjoni ta’ regolament skont l-Artikolu 7 tkun xierqa meta x’aktarx l-aċċess għas-suq rilevanti jew il-kompetizzjoni f’dak is-suq ikunu ristretti b’mod sinifikanti. Filwaqt li tivvaluta l-ħtieġa sabiex tapplika l-Artikolu 7, il-Kummissjoni tqis jekk irtirar individwali jkunx rimedju aktar xieraq. Dan jista' jiddependi, b’mod partikolari, fuq in-numru ta' imprizi konkorrenti li jikkontribwixxu għal effett kumulattiv f'suq jew in-numru ta' swieq ġeoġrafiċi affettwati fi ħdan l-Unjoni.

153.

Kull regolament addottat skont l-Artikolu 7 għandu jistabbilixxi b'mod ċar l-għan tiegħu. Dan ifisser, l-ewwel, li l-Kummissjoni trid tiddefinixxi s-suq/swieq rilevanti tal-prodott u dak/dawk ġeografiku/ċi u, it-tieni, li din trid tidentifika t-tip ta' restrizzjoni tal-liċenzjar li fir-rigward tagħha r-REKTT ma japplikax aktar. Dwar l-aħħar aspett, il-Kummissjoni tista' tbiddel l-għan tar-regolament tagħha skont il-ħsibijiet tal-kompetizzjoni li għandha l-intenzjoni li tindirizza. Pereżempju, filwaqt li n-netwerks paralleli ta' arranġamenti non kompetittivi jqisu l-iskop li jkun stabbilit il-proporzjon ta’ 50 % tal-kopertura tas-suq, min-naħa l-oħra l-Kummissjoni tista' tirriduċi l-għan tar-regolament biss għal obbligi ta’ non-kompetizzjoni li jaqbżu ċertu tul ta' żmien. Għalhekk, ftehimiet għal perjodu iqsar jew ta' natura inqas restrittiva jistgħu ma jkunux affettwati minħabba l-grad anqas ta' esklużjoni attribwibbli għal restrizzjonijiet bħal dawn. Fejn xieraq, il-Kummissjoni tista' tipprovdi wkoll gwida billi tispeċifika l-livell tas-sehem fis-suq li, fil-kuntest tas-suq speċifiku, jista' jitqies bħala mhux biżżejjed sabiex iwassal għall-kontribuzzjoni sinifikanti minn intrapriża individwali għall-effett kumulattiv. B'mod ġenerali, fejn is-sehem fis-suq tal-prodotti li jinkoporaw teknoloġija liċenzjata minn liċenzjatur individwali ma jaqbiżx il-5 %, il-ftehim jew netwerk ta' ftehimiet li jkopru dik it-teknoloġija ma jitqisux li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għal effett ta' esklużjoni kumulattiv (71).

154.

Il-perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ mhux anqas minn sitt xhur li l-Kummissjoni se jkollha biex tieħu azzjoni taħt l-Artikolu 7(2) għandu jippermetti lill-impriżi kkonċernati biex jadattaw il-ftehimiet tagħhom sabiex iqisu r-regolament tad-diżapplikazzjoni tar-REKTT.

155.

Regolament tad-diżapplikazzjoni tar-REKTT ma jaffettwax l-istatus eżentat tal-ftehim konċernat għall-perjodu li jippreċedi d-dħul fis-seħħ tiegħu.

4.   L-APPLIKAZZJONI TAL-ARTIKOLU 101(1) U 101(3) TAT-TRATTAT LIL HINN MILL-AMBITU TAL-REKTT

4.1.   Il-qafas ġenerali għall-analiżi

156.

Ftehimiet li ma jidħlux fl-ambitu tal-eżenzjoni ta' kategorija, ngħidu aħna għaliex jinqabżu l-limiti fuq is-sehem fis-suq jew għaliex il-ftehim ikun jinvolvi aktar minn żewġ partijiet, huma suġġett għal valutazzjoni individwali. Ftehimiet li jew ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni fit-tifsira ta’ l-Artikolu 101(1) tat-Trattat jew li jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ l-Artikolu 101(3) huma validi u infurzabbli. Ta' min ifakkar li ma hemm l-ebda suppożizzjoni ta' illegalità ta' ftehimiet li ma jidħlux fl-ambitu tal-eżenzjoni ta' kategorija sakemm ma jkunux jinkludu restrizzjonijiet fundamentali tal-kompetizzjoni. B’mod partikolari, ma hemm l-ebda suppożizzjoni li l-Artikolu 101(1) japplika sempliċiment għaliex jinqabżu l-limiti tas-sehem fis-suq. Tkun dejjem meħtieġa valutazzjoni individwali bbażata fuq il-prinċipji deskritti f'dawn il-linji gwida.

Eżenzjoni jekk ikun hemm biżżejjed teknoloġiji kkontrollati indipendentement

157.

Sabiex tiżdied il-prevedibbiltà lil hinn mill-każi fejn japplika r-REKTT, u sabiex l-analiżi dettaljata tkun limitata għal każi li x'aktarx jinvolvu tħassib reali dwar il-kompetizzjoni, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, fejn ma jkunx każ ta' restrizzjonijiet fundamentali, il-possibbiltà hija li l-Artikolu 101 tat-Trattat ma jkunx qiegħed jinkiser fejn ikun hemm erba' teknoloġiji jew aktar ikkontrollati indipendentement, minbarra t-teknoloġiji kkontrollati mill-partijiet fil-ftehim, li jistgħu jkunu sostitwibbli għat-teknoloġija liċenzjata għal spiża għall-utent komparabbli. Fil-valutazzjoni jekk it-teknoloġiji humiex sostitwibbli biżżejjed trid titqies is-saħħa kummerċjali tat-teknoloġiji kkonċernati. Ir-restrizzjoni kompetittiva li teżerċita teknoloġija tkun limitata jekk ma tikkostitwixxix alternattiva kummerċjalment vijabbli għat-teknoloġija liċenzjata. Ngħidu aħna, jekk minħabba l-effetti ta' netwerk fis-suq il-konsumaturi jkollhom preferenza qawwija għal prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata, teknoloġiji oħrajn fis-suq jew li x'aktarx ikunu fis-suq fi żmien raġonevoli jistgħu ma jikkostitwixxux alternattiva reali u għalhekk jistgħu jimponu biss restrizzjoni kompetittiva limitata.

158.

Il-fatt li ftehim ma jidħolx fl-ambitu tal-eżenzjoni deskritta fil-punt (157) ma jimplikax li l-ftehim jinqabad taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat, u jekk dan ikun il-każ, li ma jintlaħqux il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Rigward l-eżenzjoni tar-REKTT relatata mas-sehem fis-suq, din sempliċiment toħloq suppożizzjoni li l-ftehim mhuwiex ipprojbit mill-Artikolu 101. 'Il barra mill-ambitu tal-eżenzjoni tkun tinħtieġ valutazzjoni individwali tal-ftehim ibbażata fuq il-prinċipji deskritti f'dawn il-linji gwida.

4.1.1.   Il-fatturi rilevanti

159.

Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101 tat-Trattat għal każijiet individwali huwa neċessarju li jitqies il-mod kif topera l-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat. F'dan ir-rigward, il-fatturi li ġejjin huma partikolarment rilevanti:

(a)

in-natura tal-ftehim;

(b)

il-pożizzjoni tal-partijiet fis-suq;

(c)

il-pożizzjoni tal-kompetituri fis-suq;

(d)

il-pożizzjoni fis-suq tax-xerrejja fis-swieq rilevanti;

(e)

ostakli għad-dħul u

(f)

il-maturità tas-suq.

160.

L-importanza ta' fatturi individwali tista' tvarja minn każ għal każ u tiddependi mill-fatturi l-oħra kollha. Pereżempju, sehem kbir tal-partijiet fis-suq normalment huwa indikatur tajjeb tas-saħħa fis-suq, iżda dan jista' ma jkunx il-każ fejn il-barrieri tad-dħul huma limitati. Għaldaqstant, mhux possibbli li jkun hemm regoli fissi dwar l-importanza tal-fatturi individwali.

161.

Il-ftehimiet dwar trasferiment ta' teknoloġija jistgħu jsiru f'diversi forom. Għalhekk, huwa importanti li tiġi analizzata n-natura tal-ftehim f'termini tar-relazzjoni kompetittiva bejn il-partijiet u tal-limitazzjonijiet li jinkludi. F'dan ir-rigward huwa neċessarju li wieħed imur lilhinn mit-termini espressi tal-ftehim. Wieħed jista' jsib restrizzjonijiet impliċiti fil-mod kif il-partijiet jimplimentaw il-ftehim u mill-inċentivi li jkollhom.

162.

Il-pożizzjoni tal-partijiet fis-suq, inkluż impriżi de facto jew de jure ikkontrollati mill-partijiet, tipprovdi indikazzjoni dwar kemm għandhom saħħa fis-suq, jekk ikollhom, il-liċenzjatur, id-detentur tal-liċenzja jew it-tnejn li huma. Aktar ma jkun għoli s-sehem tagħhom fis-suq, aktar tkun kbira l-possibbiltà li jkunu b'saħħithom fis-suq. Dan jgħodd b'mod partikolari fejn is-sehem fis-suq jirrifletti l-vantaġġi f'termini ta' spejjeż jew vantaġġi kompetittivi oħrajn fil-konfront tal-kompetituri. Dawn il-vantaġġi kompetittivi jistgħu per eżempju jirriżultaw mill-fatt li impriża tkun l-ewwel li topera fis-suq, mill-pussess ta' privattivi essenzjali jew ta' teknoloġija superjuri. Madankollu, l-ishma mis-suq huma dejjem biss fattur wieħed fl-evalwazzjoni pożizzjonijiet fis-suq. Irid jitqies li, b’mod partikolari fil-każ tas-swieq tat-teknoloġija, l-ishma mis-suq mhux dejjem jistgħu jkunu indikatur tajjeb tas-saħħa relattiva tat-teknoloġija in kwistjoni u li ċ-ċifri dwar is-sehem mis-suq jistgħu jvarjaw konsiderevolment skont metodi ta’ kalkolu differenti.

163.

Is-sehem fis-suq kif ukoll il-vantaġġi u l-iżvantaġġi kompetittivi possibbli jintużaw ukoll fil-valutazzjoni tal-pożizzjoni tal-kompetituri. Aktar ma jkunu b'saħħithom il-kompetituri attwali u aktar ma jkunu bħala numru, inqas ikun hemm ir-riskju li l-partijiet ikunu jistgħu jeżerċitaw is-saħħa fis-suq individwalment. Madankollu, jekk in-numru ta' kompetituri jkun pjuttost baxx u l-pożizzjoni fis-suq tagħhom (daqs, spejjeż, potenzal ta' R&Ż, eċċ.) tkun pjuttost simili, din l-istruttura tas-suq tista' żżid ir-riskju ta' kollużjoni.

164.

Il-pożizzjoni tax-xerrejja fis-suq tipprovdi indikazzjoni tas-saħħa fis-suq li jista' jkollu xerrej, wieħed jew aktar. L-ewwel indikatur tas-setgħa tax-xiri huwa s-sehem tax-xerrej fis-suq tax-xiri. Dan is-sehem jirrifletti l-importanza tad-domanda tiegħu għal fornituri possibbli. Indikaturi oħra jiffukaw fuq il-pożizzjoni tax-xerrej fis-suq tal-bejgħ mill-ġdid, li tinkludi karatteristiċi bħal firxa ġeografika wiesgħa tal-ħwienet tiegħu kif ukoll l-immaġni tal-marka tiegħu mal-konsumaturi finali. F’ċerti ċirkostanzi s-saħħa tax-xerrej tista' żżomm lil-liċenzjatur u/jew lid-detentur tal-liċenzja milli jeżerċita(w) is-saħħa tagħhom fis-suq u b’hekk tissolva l-problema ta’ kompetizzjoni li kieku kienet tinqala’. Dan jgħodd b'mod partikolari meta xerrejja b'saħħithom ikunu kapaċi u jkollhom l-inċentiv li, fil-każ ta' żieda żgħira iżda permanenti fil-prezzijiet relattivi, idaħħlu fis-suq sorsi ta' forniment oħrajn. Fejn mingħand il-fornitur ix-xerrejja b'saħħithom jieħdu biss termini favorevoli jew sempliċiment jgħaddu kull żieda fil-prezz fuq il-klijenti tagħhom, il-pożizzjoni tax-xerrejja ma tkunx tali li tippreveni lid-detentur tal-liċenzja milli jeżerċita s-saħħa tiegħu fis-suq tal-prodott, u għalhekk ma tkunx tali li ssolvi l-problema ta' kompetizzjoni f'dak is-suq (72).

165.

L-eżistenza ta' barrieri tad-dħul titkejjel skont kemm kumpaniji li jkunu diġà stabbiliti fis-suq ikunu jistgħu jżidu l-prezz tagħhom aktar mil-livell kompetittiv mingħajr ma jwasslu għad-dħul fis-suq ta' operaturi oħrajn. Fejn ma jkunx hemm barrieri tad-dħul, iż-żidiet fil-prezz ma jkunux vijabbli minħabba li d-dħul fis-suq ikun faċli u rapidu. Fejn id-dħul fis-suq effettiv, li jippreveni jew ixejjen l-eżerċizzju tas-saħħa fis-suq, x'aktarx li jseħħ fi żmien sena jew sentejn, bħala regola ġenerali jista' jingħad li l-barrieri huma baxxi.

166.

Il-barrieri tad-dħul jistgħu jirriżultaw minn varjetà wiesgħa ta' fatturi bħall-ekonomiji tal-kobor u l-firxa, regolamenti tal-gvern, speċjalment fejn jistabbilixxu drittijiet esklussivi, għajnuna mill-istat, tariffi tal-importazzjoni, drittijiet ta' proprjetà intellettwali, il-pussess ta' riżorsi fejn il-provvista tkun limitata minħabba per eżempju limitazzjonijiet naturali, faċilitajiet essenzjali, il-vantaġġ ta' min jopera l-ewwel fis-suq u l-lealtà tal-konsumaturi lejn marka mrawma matul iż-żmien permezz ta' reklamar qawwi. Ftehimiet restrittivi konklużi mill-impriżi wkoll jistgħu jaħdmu bħala barriera tad-dħul billi jagħmlu l-aċċess aktar diffiċli u jeskludu l-partijiet kompetituri (potenzjali). Il-barrieri tad-dħul jistgħu jkunu preżenti f'kull stadju tal-proċess ta' riċerka u żvilupp, produzzjoni u distribuzzjoni. Il-kwistjoni dwar jekk xi wħud minn dawn il-fatturi għandhomx ikunu deskritti bħala barrieri tad-dħul jiddependi minn jekk jinvolvux spejjeż irrekuperabbli. Tali spejjeż huma dawk l-ispejjeż li jridu jintefqu sabiex wieħed jidħol jew ikun attiv f'suq iżda li jintilfu meta wieħed joħroġ mis-suq. Aktar ma jkun hemm spejjeż irrekuperabbli, aktar iridu l-parteċipanti potenzjali jiżnu r-riskji marbuta mad-dħul fis-suq u aktar ukoll l-operaturi stabbiliti jistgħu jheddu b'mod kredibbli li jlaħħqu mal-kompetizzjoni ġdida, għaliex l-ispejjeż irrekuperabbli jagħmluha diffiċli, f'termini ta' spejjeż, għall-operaturi stabbiliti li joħorġu mis-suq. B'mod ġenerali, id-dħul fis-suq jirrikjedi spejjeż irrekuperabbli, xi drabi aktar minn oħrajn. Għaldaqstant, il-kompetizzjoni attwali ġeneralment hija aktar effettiva u tħalli impatt akbar fil-valutazzjoni ta' każ milli l-kompetizzjoni potenzali.

167.

F’suq matur, jiġifieri suq li eżista għal xi żmien, fejn it-teknoloġija użata tkun magħrufa sew u mifruxa u ma tinbidilx wisq u li d-domanda għaliha hija relattivament stabbli jew qiegħda tonqos, restrizzjonijiet ta’ kompetizzjoni x’aktarx ikollhom aktar effetti negattivi milli fi swieq aktar dinamiċi.

168.

Fil-valutazzjoni ta' restrizzjonijiet partikolari jista' jkun neċessarju li jitqiesu fatturi oħrajn. Dawn il-fatturi jinkludu effetti kumulattivi, jiġifieri l-kopertura tas-suq minn ftehimiet simili, it-tul ta' żmien tal-applikabbiltà tal-ftehimiet, l-ambjent regolatorju u l-aġir li jista’ jindika jew jiffaċilita l-kollużjoni bħal fil-każ ta’ price leadership, bidliet fil-prezz imħabbra minn qabel u diskussjonijiet dwar il-prezz “it-tajjeb”, riġidità fil-prezz bħala rispons għal kapaċità ta’ produzzjoni żejda, diskriminazzjoni fil-prezz miżmum u mġiba ta’ kollużjoni fil-passat.

4.1.2.   L-effetti negattivi ta' ftehimiet ta' liċenzjar restrittiv

169.

L-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni fis-suq li jistgħu jirriżultaw minn ftehimiet dwar it-trasferiment ta' teknoloġija restrittivi jinkludu:

(a)

tnaqqis fil-kompetizzjoni bejn it-teknoloġiji bejn il-kumpaniji li joperaw f'suq tat-teknoloġija jew f'suq ta' prodotti li jinkorporaw it-teknoloġiji kkonċernati, inkluż il-possibbiltà ta' kollużjoni aktar faċli, kemm espliċita u kemm taċita;

(b)

l-esklużjoni tal-partijiet kompetituri billi jiżdidulhom l-ispejjeż, biex b'hekk ikun ristrett l-aċċess tagħhom għal inputs essenzjali jew billi jogħlewlhom il-barrieri tad-dħul b'modi oħra; u wkoll

(c)

tnaqqis fil-kompetizzjoni fl-ambitu tal-istess teknoloġija bejn impriżi li jipproduċu prodotti abbażi tal-istess teknoloġija.

170.

Il-ftehimiet dwar it-trasferiment ta' teknoloġija jistgħu jnaqqsu l-kompetizzjoni bejn it-teknoloġiji, jiġifieri l-kompetizzjoni bejn impriżi li jilliċenzjaw jew li jipproduċu abbażi ta' teknoloġiji sostitwibbli. Dan jgħodd b'mod partikolari fejn ikunu imposti obbligi reċiproċi. Ngħidu aħna, fejn partijiet kompetituri jittrasferixxu lil xulxin teknoloġiji li jikkompetu bejniethom u jimponu obbligu reċiproku li jipprovdu lil xulxin it-titjib futur fuq it-teknoloġiji rispettivi tagħhom, u fejn dan il-ftehim iżomm lil xi wieħed mill-kompetituri milli jieħu vantaġġ teknoloġiku fuq l-ieħor, il-kompetizzjoni fl-innovazzjoni bejn il-partijiet hija ristretta (ara wkoll il-punt (241)).

171.

Il-liċenzjar bejn partijiet kompetituri jista' wkoll jiffaċilita l-kollużjoni. Ir-riskju ta' kollużjoni huwa partikolarment għoli fi swieq ikkonċentrati. Kollużjoni tirrikjedi li l-impriżi kkonċernati jkollhom veduti simili dwar dak li huwa ta' interess komuni għalihom u dwar kif jiffunzjonaw il-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni. Biex il-kollużjoni taħdem, l-impriżi jridu jkunu jistgħu jsegwu l-imġiba ta’ xulxin fis-suq u jrid ikun hemm deterrenti adegwati biex jiżguraw li jkun hemm inċentiv biex ħadd ma jmur kontra l-politika komuni fis-suq, filwaqt li l-barrieri tad-dħul iridu jkunu għolja biżżejjed li jillimitaw id-dħul jew l-espansjoni ta' impriżi oħrajn. Il-ftehimiet jistgħu jiffaċilitaw il-kollużjoni billi jżidu t-trasparenza fis-suq, billi jikkontrollaw ċerta mġiba u jgħollu l-barrieri tad-dħul. B'mod eċċezzjonali, il-kollużjoni tista' tkun iffaċilitata wkoll bi ftehimiet ta' liċenzjar li jwasslu għal grad għoli ta' spejjeż komuni, għaliex huwa aktar probbabbli li impriżi li jkollhom spejjeż simili jkollhom ukoll veduti simili dwar it-termini ta' koordinazzjoni (73).

172.

Ftehimiet ta' liċenzjar jistgħu jaffettwaw ukoll il-kompetizzjoni bejn it-teknoloġiji billi joħolqu barrieri tad-dħul u l-espansjoni għall-partijiet kompetituri. L-effetti ta' esklużjonijiet bħal dawn huma kkawżati minn restrizzjonijiet li jżommu lid-detenturi tal-liċenzja milli jiksbu liċenzja mingħand partijiet terzi jew li joħolqu diżinċentivi li jagħmlu dan. Pereżempju, partijiet terzi jistgħu jkunu esklużi fejn liċenzjaturi diġà stabbiliti fis-suq jimponu fuq id-detenturi tal-liċenzja obbligi ta' non-kompetizzjoni biex b'hekk in-numru ta' detenturi tal-liċenzja disponibbli għal partijiet terzi ma jkunx biżżejjed, u fejn id-dħul fis-suq fil-livell ta' detentur ta' liċenzja jkun diffiċli. Il-fornituri ta' teknoloġiji sostitwibbli jistgħu wkoll ikunu esklużi fejn liċenzjatur li jkollu grad suffiċjenti ta' saħħa fis-suq jorbot flimkien diversi partijiet ta' teknoloġija u jilliċenzjahom flimkien bħala pakkett, filwaqt li parti waħda mill-pakkett tkun essenzjali għall-produzzjoni ta' prodott partikolari.

173.

Il-ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija jistgħu jnaqqsu l-kompetizzjoni fl-ambitu tal-istess teknoloġija, jiġifieri l-kompetizzjoni bejn impriżi li jipproduċu abbażi tal-istess teknoloġija. Ftehim li jimponi fuq id-detenturi tal-liċenzja restrizzjonijiet territorjali, li jżommuhom milli jbigħu fit-territorji ta' xulxin, inaqqsu l-kompetizzjoni bejniethom. Il-ftehimiet ta' liċenzjar jistgħu jnaqqsu wkoll il-kompetizzjoni fl-ambitu tal-istess teknoloġija billi jiffaċilitaw kollużjoni bejn id-detenturi tal-liċenzja. Barra minn hekk, ftehimiet ta' liċenzjar li jnaqqsu l-kompetizzjoni fl-ambitu tal-istess teknoloġija jistgħu jiffaċilitaw kollużjoni bejn is-sidien ta' teknoloġiji li jikkompetu bejniethom jew inaqqsu l-kompetizzjoni bejn it-teknoloġiji billi jgħollu l-barrieri tad-dħul.

4.1.3.   L-effetti pożittivi ta' ftehimiet ta' liċenzjar restrittiv u l-qafas tal-analiżi ta' dawn l-effetti

174.

Fil-parti l-kbira tagħhom, ftehimiet ta' liċenzjar restrittivi jipproduċu wkoll effetti pro-kompetittivi fil-forma ta' żieda fl-effiċjenza, li jistgħu jissuperaw l-effetti anti-kompetittivi. Il-valutazzjoni tal-effetti possibbli pro-kompetittivi ssir fil-qafas tal-Artikolu 101(3), li jinkludi eċċezzjoni mir-regola ta’ projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Biex din l-eċċezzjoni tkun applikabbli, il-ftehim ta' liċenzjar irid jipproduċi benefiċċji ekonomiċi oġġettivi, ir-restrizzjonijiet fuq il-kompetizzjoni jridu jkunu indispensabbli biex jinkisbu l-effiċjenzi, il-konsumaturi jridu jirċievu sehem ġust mill-kisbiet fl-effiċjenza, u l-ftehim ma jridx jagħti lill-partijiet il-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta' parti sostanzjali mill-prodotti kkonċernati. L-impriża li tistrieħ fuq l-Artikolu 101(3) trid turi, permezz ta' argumenti u provi konvinċenti, li jeżistu l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tibbenefika minn eżenzjoni (74).

175.

Il-valutazzjoni ta’ ftehimiet restrittivi taħt l-Artikolu 101(3) tat-Trattat issir fil-kuntest attwali li jsiru fih (75) u fuq il-bażi tal-fatti eżistenti fi żmien partikolari. Il-valutazzjoni hija għalhekk sensittiva għal bidliet materjali fil-fatti. Ir-regola ta' eċċezzjoni fl-Artikolu 101(3) tapplika sakemm jiġu ssodisfati dawn l-erba’ kundizzjonijiet u ma tibqax tapplika hekk kif dan ma jibqax il-każ (76). Madankollu, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) ikun neċessarju li jitqiesu l-investimenti inizjali irrekuprabbli magħmula minn kwalunkwe mill-partijiet u ż-żmien u l-limitazzjonijiet meħtieġa biex isir u jinġabar lura investiment maħsub biex titjieb l-effiċjenza. L-Artikolu 101 ma jistax jiġi applikat mingħajr ma jitqiesu l-investimenti ex ante u r-riskji relatati magħhom. Ir-riskju quddiem il-partijiet u l-investiment li ma jinġabarx lura li jridu jagħmlu biex jimplimentaw l-ftehim jista' għalhekk iwassal biex, għall-perjodu ta' żmien meħtieġ biex jiġu rkuprati l-investimenti, l-ftehim ma jaqax taħt l-Artikolu 101(1) jew jilħaq il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3), skont il-każ.

176.

L-ewwel kundizzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat tirrikjedi valutazzjoni tal-benefiċċji oġġettivi maħluqa mill-ftehim f'termini ta' effiċjenza. F'dan ir-rigward, il-ftehimiet ta' liċenzjar għandhom il-potenzjal li jressqu lejn xulxin teknoloġiji komplimentari u assi oħrajn li jwasslu għal prodotti ġodda jew imtejba fis-suq jew biex prodotti eżistenti jibdew isiru b'inqas spejjeż. 'Il barra mill-kuntest ta’ kartelli fundamentali, il-liċenzjar ħafna drabi jsir minħabba li huwa aktar effiċjenti għal-liċenzjatur li jilliċenzja t-teknoloġija milli jisfruttaha hu stess. Dan jista' jkun il-każ b'mod partikolari fejn id-detentur tal-liċenzja diġà jkollu aċċess għall-assi neċessarji għall-produzzjoni. Il-ftehim jippermetti lid-detentur li jikseb aċċess għal teknoloġija li tista' tiġi kkombinata ma' dawn l-assi biex b'hekk ikun jista' jisfrutta teknoloġiji ġodda jew imtejba. Eżempju ieħor ta’ liċenzjar li potenzjalment itejjeb l-effiċjenza huwa fejn id-detentur diġà jkollu teknoloġija u fejn l-użu tat-teknoloġija tiegħu flimkien ma’ dik tal-liċenzjatur iwassal għal sinerġiji. Din l-integrazzjoni bejn iż-żewġ teknoloġiji komplimentari tista' twassal lid-detentur tal-liċenzja għal konfigurazzjoni ta' spiża/benefiċċju li kieku ma kinitx tkun possibbli. Il-ftehimiet ta' liċenzjar jistgħu jwasslu wkoll għal effiċjenza fl-istadju tad-distribuzzjoni bl-istess mod bħal ftehimiet ta' distribuzzjonijiet vertikali. Tali effiċjenza tista' tieħu l-forma ta' ffrankar ta' spejjeż jew il-forniment ta' servizzi ta' valur għall-konsumaturi. L-effetti pożittivi ta' ftehimiet vertikali huma deskritti fil-Linji Gwida dwar Limitazzjonijiet Vertikali (77). Eżempju ieħor ta' titjib possibbli fl-effiċjenza huma ftehimiet li permezz tagħhom is-sidien ta' teknoloġija jgħaqqdu bejniethom pakkett ta' teknoloġija biex jilliċenzjawh lil partijiet terzi. Tali arranġamenti ta' ġbir flimkien ta' teknoloġija (pooling) jista' b'mod partikolari jnaqqas l-ispejjeż tal-operat, għaliex id-detenturi tal-liċenzja ma jkollhomx jikkonkludu ftehimiet ta' liċenzjar separati ma' kull liċenzjatur. Il-liċenzjar pro-kompetittiv huwa possibbli wkoll biex jiżgura l-libertà tad-disinn. F'setturi fejn jeżisti numru kbir ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali u fejn prodotti individwali jistgħu jiksru numru ta' drittijiet ta' proprjetà intellettwali eżistenti u futuri, ftehimiet ta' liċenzjar li permezz tagħhom il-partijiet jaqblu li ma jasserixxux id-drittijiet ta' proprjetà tagħhom kontra xulxin ħafna drabi jkunu pro-kompetittivi għaliex jippermettu lill-partijiet li jiżviluppaw it-teknoloġiji rispettivi tagħhom mingħajr ir-riskju ta' pretensjonijiet ta' ksur sussegwenti.

177.

Fl-applikazzjoni tat-test rigward l-indispensabbiltà li jinsab fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat, il-Kummissjoni teżamina b’mod partikolari jekk ir-restrizzjonijiet individwali jippermettux li l-attività kkonċernata tiġi eżegwita b'mod aktar effiċjenti milli kieku ma kienx hemm ir-restrizzjoni involuta. F’din il-valutazzjoni għandhom jitqiesu l-kundizzjonijiet tas-suq u r-realtajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom il-partijiet. Impriżi li jinvokaw il-benefiċċju tal-Artikolu 101(3) mhumiex meħtieġa li jikkunsidraw alternattivi ipotetiċi u teoretiċi. Iżda jridu jispjegaw u jippruvaw il-għala alternattivi li huma partikolarment inqas restrittivi u li jidhru realistiċi kieku jkunu konsiderevolment inqas effiċjenti. Jekk l-applikazzjoni ta' alternattiva inqas restrittiva u li tidher kummerċjalment realistika tkun twassal għal nuqqas sinifikanti fl-effiċjenza, ir-restrizzjoni kkonċernata tiġi trattata bħala waħda indispensabbli. F'ċerti każi, jista' jkun neċessarju wkoll li jiġi eżaminat jekk il-ftehim innifsu hux indispensabbli biex tinkiseb l-effiċjenza. Dan jista' jkun il-każ, ngħidu aħna, fil-każ ta' pooling ta' teknoloġija li tinkludi teknoloġiji komplimentari iżda mhux essenzjali (78), fejn irid jiġi eżaminat jekk tali inklużjoni twassalx għal effiċjenzi partikolari u kif, jew jekk il-pool jistax ikun limitat, mingħajr tnaqqis sinifikanti fl-effiċjenza, għal teknoloġiji li għalihom m'hemmx sostituti. Fil-każ ta' liċenzjar sempliċi bejn żewġ partijiet ġeneralment mhux neċessarju li wieħed imur lilhinn minn eżaminazzjoni tal-indispensabbiltà ta' limitazzjonijiet individwali. Normalment ma jkunx hemm alternattiva inqas restrittiva għall-ftehim ta' liċenzjar innifsu.

178.

Il-kundizzjoni li l-konsumaturi iridu jingħataw sehem ġust mill-benefiċċji timplika li l-konsumaturi tal-prodotti magħmula taħt il-liċenzja għandhom għall-inqas ikunu kkumpensati għall-effetti negattivi tal-ftehim (79). Dan ifisser li l-kisbiet fl-effiċjenza jridu jibbilanċjaw kompletament l-impatt negattiv fuq il-prezzijiet, il-produzzjoni u fatturi rilevanti oħrajn ikkawżati mill-ftehim. Dan jista' jsir billi tinbidel l-istruttura tal-ispejjeż tal-impriżi kkonċernati, biex b'hekk ikollhom inċentiv li jnaqqsu l-prezz, jew billi l-konsumatur jingħata l-possibbiltà li jaċċessa prodotti ġodda jew imtejba, u hekk tkun ikkumpensata kull żieda possibbli fil-prezz (80).

179.

L-aħħar kundizzjoni fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat, li skontha l-ftehim ma jridx jagħti l-possibbiltà lill-partijiet li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta' parti sostanzjali mill-prodotti kkonċernati, tippresupponi analiżi tal-pressjonijiet kompetittivi li jifdal fis-suq u tal-impatt tal-ftehim fuq dawn is-sorsi ta' kompetizzjoni.. Fl-applikazzjoni ta’ din l-aħħar kundizzjoni fl-Artikolu 101(3) trid titqies ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 101(3) u l-Artikolu 102. Skont każistika stabbilita, l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) ma tistax tipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 102 tat-Trattat (81). Barra minn hekk, minħabba li l-Artikoli 101 u 102 it-tnejn għandhom il-mira li jżommu kompetizzjoni effettiva fis-suq, il-konsistenza tirrikjedi li l-Artikolu 101(3) jiġi interpretat b'mod li jipprekludi l-applikazzjoni tar-regola tal-eċċezzjoni għal ftehimiet ta' restrizzjoni li jikkostitwixxu abbuż ta’ pożizzjoni dominanti (82).

180.

Il-fatt li l-ftehim jnaqqas b’mod sostanzjali dimensjoni waħda tal-kompetizzjoni mhux bilfors ifisser li l-kompetizzjoni hija eliminata fis-sens tal-Artikolu 101(3). Pool ta' teknoloġija, per eżempju, jista' jirriżulta fi standard għall-industrija, u jwassal għal sitwazzjoni fejn ftit li xejn ikun hemm kompetizzjoni f'termini ta' format teknoloġiku. Ladarba l-operaturi ewlenin fis-suq jadottaw format partikolari, l-effetti ta' netwerk jistgħu jagħmluha diffiċli ferm għal formati oħrajn li jkampaw. Iżda dan ma jimplikax li l-ħolqien ta’ standard de facto għall-industrija dejjem jelimina l-kompetizzjoni skont is-sens tal-aħħar kundizzjoni tal-Artikolu 101(3). Fl-ambitu ta' dak l-istandard, il-fornituri jistgħu jikkompetu fuq il-prezz, il-kwalità u l-karatteristiċi tal-prodott. Madankollu, biex il-ftehim ikun konformi mal-Artikolu 101(3), għandu jkun żgurat li l-ftehim ma jirrestrinġix indebitament il-kompetizzjoni u lanqas ma jirrestrinġi indebitament l-innovazzjoni futura.

4.2.   L-applikazzjoni tal-Artikolu 101 għal diversi tipi ta’ restrizzjonijiet fil-liċenzjar

181.

Din it-taqsima tittratta d-diversi tipi ta' limitazzjonijiet li huma komuni fi ftehimiet ta' liċenzjar. Peress li jintużaw tant spiss, ikun utli li tingħata gwida rigward il-valutazzjoni tagħhom lilhinn mill-eżenzjoni tar-REKTT. Il-limitazzjonijiet li ġew trattati diġà fil-partijiet preċedenti ta' dawn il-linji gwida, partikolarment it-taqsimiet 3.4 u 3.5, hawnhekk jissemmew biss fil-qosor.

182.

Din it-taqsima tkopri kemm ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri u kemm ftehimiet bejn partijiet li jikkompetu bejniethom. Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, issir id-distinzjoni – fejn xieraq – bejn ftehimiet reċiproċi u ftehimiet li m'humiex. Fil-każ ta' ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri din id-distinzjoni mhix meħtieġa. Tabilħaqq, fejn l-impriżi f'suq tat-teknoloġija rilevanti jew f'suq ta' prodotti li jinkorpora t-teknoloġija liċenzjata la jkunu kompetituri attwali u lanqas potenzjali, liċenzja reċiproka fil-prattika hija identika għal żewġ liċenzji separati. Is-sitwazzjoni hija differenti għal arranġamenti li permezz tagħhom il-partijiet jiġbru flimkien pakketti ta’ teknoloġija, li mbagħad jiġu liċenzjati lil partijiet terzi. Dawn l-arranġamenti huma pools tat-teknoloġija, li huma trattati fit-taqsima 4.

183.

Din it-taqsima ma tittrattax obbligi fil-ftehimiet ta' liċenzjar li b'mod ġenerali m'humiex restrittivi għall-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Dawn l-obbligi jinkludu, iżda m'humiex limitati għal:

(a)

obbligi ta' kunfidenzjalità;

(b)

obbligi fuq id-detentur tal-liċenzja li ma jissottoliċenzjax;

(c)

obbligi biex it-teknoloġija liċenzjata ma tintużax wara l-iskadenza tal-ftehim, sakemm it-teknoloġija liċenzjata tibqa' valida u fis-seħħ;

(d)

obbligi biex id-detentur tal-liċenzja jkun assistit fl-infurzar tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali liċenzjata;

(e)

obbligi li jitħallsu royalties minimi jew li tkun prodotta kwantità minima ta' prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata; u

(f)

obbligi li tintuża l-marka kummerċjali tal-liċenzjatur jew li jkun indikat ismu fuq il-prodott.

4.2.1.   Obbligi rigward royalties

184.

Il-partijiet fi ftehim ta’ liċenzjar normalment huma liberi li jiddeterminaw ir-royalties li għandu jħallas id-detentur tal-liċenzja u l-mod tal-ħlas mingħajr ma jinqabdu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Dan il-prinċipju japplika kemm għal ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri u kemm ftehimiet bejn partijiet kompetituri. L-obbligi relatati mar-royalties jistgħu pereżempju jkunu fil-forma ta' ħlasijiet ta' somma f'daqqa, perċentwal mill-prezz tal-bejgħ jew ammont fiss għal kull prodott li jinkorpora t-teknoloġija liċenzjata. Fejn it-teknoloġija liċenzjata hija relatata ma' proċess inkorporat fi prodott finali, bħala regola ġenerali ma jitqiesx restrittiv għall-kompetizzjoni li r-royalties jiġu kkalkulati skont il-prezz tal-prodott finali, sakemm dan ikun jinkorpora t-teknoloġija liċenzjata (83). Fil-każ tal-liċenzjar ta' softwer, royalties ibbażati fuq in-numru ta' utenti u royalties ikkalkulati għal kull magna ġeneralment huma kompatibbli mal-Artikolu 101(1).

185.

Fil-każ ta’ ftehmiet tal-liċenzja bejn partijiet kompetituri, (ara l-punti (100) sa (101) u (116) hawn fuq), wieħed irid iżomm f'moħħu li f'numru limitat ta' ċirkostanzi l-obbligi tar-royalties li jitħallsu jistgħu jikkostitwixxu ffissar tal-prezzijiet, li hija kkunsidrata bħala restrizzjoni fundamentali (ara l-Artikolu 4(1)(a)). Tkun restrizzjoni fundamentali taħt l-Artikolu 4(1)(a) jekk il-kompetituri jiftiehmu fuq il-ħlas reċiproku ta’ royalties kontinwi f’ċirkostanzi fejn il-liċenzja tkun biss montatura, għaliex l-għan tagħha ma jkunx li tippermetti integrazzjoni ta’ teknoloġiji komplimentari jew li tikseb xi għan ieħor li jtejjeb il-kompetizzjoni. Tkun ukoll restrizzjoni fundamentali taħt l-Artikolu 4(1)(a) u 4(1)(d) jekk ir-royalties jestendu għal prodotti magħmula biss bit-teknoloġija tad-detentur tal-liċenzja nnifsu.

186.

Tipi oħra ta’ arranġamenti dwar il-ħlas ta’ royalties bejn kompetituri huma eżentati bħala kategorija sal-limitu fuq is-sehem fis-suq ta’ 20 % anke jekk ikunu jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Il barra mill-eżenzjoni ta' kategorija, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat jista' jkun applikabbli fejn il-kompetituri jilliċenzjaw lil xulxin u jimponu l-ħlas ta' royalties kontinwi li jkunu b'mod ċar sproporzjonati meta mqabbla mal-valur tas-suq tal-liċenzja u fejn dawn ir-royalties ikollhom impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet tas-suq. Fil-valutazzjoni jekk ir-royalties humiex sproporzjonati jeħtieġ li jiġu kkunsidrati r-royalties li jitħallsu minn detenturi ta' liċenzja oħrajn għall-istess teknoloġija jew għal teknoloġija sostitwibbli fis-suq tal-prodott. F’każijiet bħal dawn diffiċilment jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3).

187.

Irrispettivament mill-fatt li l-eżenzjoni ta' kategorija tapplika biss sakemm it-teknoloġija tibqa' valida u fis-seħħ, il-partijiet normalment jistgħu jiftiehmu li jestendu l-obbligi tar-royalties lilhinn mill-perjodu ta' validità tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali liċenzjati mingħajr ma jiksru l-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Hekk kif dawn id-drittijiet jiskadu, partijiet terzi jistgħu jisfruttaw it-teknoloġija kkonċernata legalment u jikkompetu mal-partijiet fil-ftehim. Kompetizzjoni attwali u potenzjali bħal din normalment hija biżżejjed biex ikun żgurat li l-obbligu kkonċernat ma jkollux effetti anti-kompetittivi sensibbli.

188.

Fil-każ ta' ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri, l-eżenzjoni ta' kategorija tkopri ftehimiet li permezz tagħhom ir-royalties jiġu kkalkulati abbażi kemm tal-prodotti magħmula bit-teknoloġija liċenzjata u kemm tal-prodotti magħmula b'teknoloġiji liċenzjati minn partijiet terzi. Arranġamenti bħal dawn jistgħu jiffaċilitaw il-kalkolu tar-royalties. Madankollu, jistgħu jwasslu wkoll għal esklużjoni billi jżidu l-ispejjeż tal-użu ta' fatturi tal-produzzjoni ta' partijiet terzi u b'hekk jista' jkollhom effetti simili għal obbligu ta' non-kompetizzjoni. Jekk jitħallsu royalties mhux biss fuq prodotti magħmula bit-teknoloġija liċenzjata imma wkoll fuq prodotti magħmula b'teknoloġija ta' partijiet terzi, hekk ir-royalties iżidu l-ispejjeż ta' dawn tal-aħħar u jnaqqsu d-domanda għat-teknoloġija tal-partijiet terzi. Lilhinn mill-ambitu tal-eżenzjoni ta’ kategorija l-kwistjoni jekk ir-restrizzjoni għandhiex effetti ta’ esklużjoni għalhekk għandha tiġi kkunsidrata. Għal dan l-għan huwa xieraq li jintuża l-qafas analitiku stabbilit fit-taqsima 4.2.7 hawn taħt. Fil-każ ta' effetti ta' esklużjoni li jinħassu, tali ftehimiet jinqabdu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat u x'aktarx ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3), sakemm ma jkunx hemm xi mod prattiku ieħor biex jiġu kkalkulati u mmonitorati l-ħlasijiet tar-royalties.

4.2.2.   Liċenzjar esklussiv u restrizzjonijiet fuq il-bejgħ

189.

Għall-iskopijiet ta' dawn il-linji gwida, ikun utli li ssir id-distinzjoni bejn restrizzjonijiet rigward il-produzzjoni f'territorju partikolari (liċenzji esklussivi jew uniċi) u restrizzjonijiet fuq il-bejgħ ta' prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata f'territorju partikolari u lil grupp ta' klijenti partikolari (restrizzjonijiet fuq il-bejgħ).

4.2.2.1.   Liċenzji esklussivi u uniċi

190.

“Liċenzja esklussiva” tfisser li l-liċenzjatur innifsu mhuwiex permess biex jipproduċi abbażi tad-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata, u lanqas huwa permess li jilliċenzja d-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata lil partijiet terzi, b’mod ġenerali jew għal użu partikolari jew f’territorju partikolari. Dan ifisser li, b’mod ġenerali jew għal użu partikolari jew li f’dak it-territorju partikoli, id-detentur tal-liċenzja huwa l-uniku wieħed li jitħalla jipproduċi abbażi tad-drittijiet tat-teknoloġija liċenzjata.

191.

Fejn il-liċenzjatur jikkommetti ruħu li ma jipproduċix hu stess jew li ma jilliċenzjax oħrajn biex jipproduċu f’territorju partikolari, dan it-territorju jista’ jkopri d-dinja kollha jew xi parti minnha. Fejn il-liċenzjatur jikkommetti ruħu biss li ma jilliċenzjax partijiet terzi biex jipproduċu f'territorju partikolari, il-liċenzja tkun waħda unika. Ħafna drabi mal-liċenzjar esklussiv jew uniku jkun hemm involuti restrizzjonijiet li jillimitaw lill-partijiet dwar il-lok fejn ikunu jistgħu jbigħu l-prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata.

192.

Liċenzjar esklussiv reċiproku bejn partijiet li jikkompetu bejniethom jaqa’ taħt l-Artikolu 4(1)(c) tar-REKTT, li jidentifika l-qsim tas-suq u tal-klijenti bejn il-kompetituri bħala restrizzjoni fundamentali. Il-liċenzjar uniku reċiproku bejn partijiet kompetituri huwa eżentat bħala kategorija sal-limitu tas-sehem fis-suq ta' 20 %. Taħt ftehim bħal dan, il-partijiet jikkommettu ruħhom reċiprokament li ma jilliċenzjawx it-teknoloġiji f'kompetizzjoni tagħhom lil partijiet terzi. Fejn il-partijiet ikollhom grad sinifikanti ta' saħħa fis-suq, ftehimiet bħal dawn jistgħu jiffaċilitaw kollużjoni għaliex jiżguraw li l-partijiet ikunu l-uniċi sorsi ta' produzzjoni fis-suq ibbażata fuq it-teknoloġiji liċenzjati.

193.

Liċenzjar esklussiv mhux reċiproku bejn partijiet kompetituri huwa eżentat bħala kategorija sal-limitu tas-sehem fis-suq ta' 20 %. 'Il fuq mil-limitu tas-sehem fis-suq ikun jeħtieġ li jiġu analizzati l-effetti anti-kompetittivi possibbli ta' dan il-liċenzjar esklussiv. Fejn il-liċenzja esklussiva tkun waħda li tkopri d-dinja kollha, dan jimplika li l-liċenzjatur ikun ħareġ mis-suq. Fejn l-esklussività tkun limitata għal territorju partikolari, bħal pereżempju Stat Membru, l-ftehim jimplika li l-liċenzjatur jastjeni milli jipproduċi prodotti u servizzi fit-territorju kkonċernat. Fil-kuntest tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat, is-saħħa kompetittiva tal-liċenzjatur għandha, b’mod partikolari, tiġi vvalutata. Jekk il-liċenzjatur ikollu pożizzjoni limitata fis-suq tal-prodott jew ma jkollux il-kapaċità li jisfrutta t-teknoloġija b’mod effettiv fit-territorju tad-detentur tal-liċenzja, l-ftehim x’aktarx ma jinqabadx taħt l-Artikolu 101(1). Hemm il-każ speċjali fejn il-liċenzjatur u d-detentur tal-liċenzja jikkompetu biss fis-suq tat-teknoloġija u l-liċenzjatur, ngħidu aħna istitut tar-riċerka jew impriża żgħira ffukata fuq ir-riċerka, ma jkollux l-assi ta' produzzjoni u distribuzzjoni biex ipoġġi fis-suq prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata. F’każijiet bħal dawn, x’aktarx l-Artikolu 101(1) ma jkunx qiegħed jinkiser.

194.

Il-liċenzjar esklussiv bejn partijiet mhux kompetituri – sa fejn jinqabad taħt l-Artikolu 01(1) tat-Trattat (84) – x'aktarx jissodisfa l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Id-dritt li tingħata liċenzja esklussiva ġeneralment ikun neċessarju sabiex id-detentur tal-liċenzja jkun imħeġġeġ jinvesti fit-teknoloġija liċenzjata u jpoġġi l-prodotti fis-suq fil-mument xieraq. Dan jgħodd b'mod partikolari fejn id-detentur tal-liċenzja jkollu jagħmel investimenti kbar biex ikompli jiżviluppa t-teknoloġija liċenzjata. Intervent kontra l-esklussività, ladarba d-detentur tal-liċenzja jkun għamel suċċess kummerċjali bit-teknoloġija liċenzjata, iċaħħad lid-detentur tal-liċenzja mill-frott tas-suċċess tiegħu u jkun ta' detriment għall-kompetizzjoni, it-tixrid tat-teknoloġija u l-innovazzjoni. Għalhekk, huwa biss f'każijiet eċċezzjonali li l-Kummissjoni tintervjeni kontra l-liċenzjar esklussiv fi ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri, irrispettivament mill-ambitu territorjali tal-liċenzja.

195.

Madankollu, jekk id-detentur tal-liċenzja diġà għandu teknoloġija sostitwibbli użata għall-produzzjoni interna, il-liċenzja esklussiva jista’ ma tkunx meħtieġa sabiex jingħataw inċentivi lid-detentur sabiex iġib prodott fis-suq. F’dan ix-xenarju, il-liċenzjar esklussiv jista’ minflok jinqabad taħt l- Artikolu 101(1) tat-Trattat, b’mod partikolari fejn id-detentur tal-liċenzja jkollu saħħa fis-suq tal-prodott. Is-sitwazzjoni ewlenija fejn jista’ jkun ġustifikat intervent hija fejn il-liċenzja esklussiva għal teknoloġija li tikkompeti, waħda jew aktar, tinkiseb minn detentur li jkun dominanti. Ftehimiet bħal dawn ġeneralment jinqabdu taħt l-Artikolu 101(1) u x’aktarx ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Madankollu, biex l-Artikolu 101(1) japplika hemm il-kundizzjoni li d-dħul fis-suq tat-teknoloġija jrid ikun diffiċli u li t-teknoloġija liċenzjata tikkostitwixxi sors reali ta' kompetizzjoni fis-suq. F'dawn iċ-ċirkostanzi liċenzja esklussiva tista' teskludi detenturi terzi ta' liċenzja, iżżid l-ostakli u tippermetti lid-detentur tagħha li jżomm is-saħħa tiegħu fis-suq.

196.

Arranġamenti li permezz tagħhom żewġ partijiet jew aktar jilliċenzjaw lil xulxin u jikkommettu ruħhom li ma jilliċenzjawx lil partijiet terzi joħolqu tħassib partikolari meta l-pakkett ta' teknoloġiji li jirriżulta mil-liċenzjar reċiproku jwassal għal standard de facto għall-industrija, li jirrikjedi li partijiet terzi jkollhom aċċess għalih biex ikunu jistgħu jikkompetu b'mod effettiv fis-suq. F'dawn il-każijiet il-ftehim joħloq standard magħluq riżervat għall-partijiet. Il-Kummissjoni tevalwa dawn il-ftehimiet skont l-istess prinċipji li tapplika fir-rigward ta' pools tat-teknoloġija (ara t-taqsima 4.4). Normalment jintalab li t-teknoloġiji li jappoġġjaw l-istandard jiġu liċenzjati lil partijiet terzi taħt termini ġusti, raġonevoli u non-diskriminatorji (85). Fejn il-partijiet f'arranġament ikunu jikkompetu ma' partijiet terzi f'suq ta' prodott eżistenti u l-arranġament ikun jirrigwarda 'l dak is-suq ta' prodott, standard magħluq x'aktarx ikollu effetti ta' esklużjoni sostanzjali. Dan l-impatt negattiv fuq il-kompetizzjoni jista' jiġi evitat biss permezz tal-liċenzjar lil partijiet terzi wkoll.

4.2.2.2.   Restrizzjonijiet fuq il-bejgħ

197.

Anke fir-rigward tar-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ trid issir distinzjoni importanti bejn liċenzjar bejn partijiet kompetituri u liċenzjar bejn partijiet mhux kompetituri.

198.

Restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv u passiv minn waħda mill-partijiet, jew mit-tnejn li huma, fi ftehim reċiproku bejn partijiet kompetituri huma restrizzjonijiet fundamentali tal-kompetizzjoni skont l-Artikolu 4(1)(c) tar-REKTT. Dawn ir-restrizzjonijiet ġeneralment jinqabdu taħt l-Artikolu 101(1) u x'aktarx ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Restrizzjonijiet bħal dawn ġeneralment jitqiesu bħala kondiviżjoni tas-suq, għaliex iżommu lill-parti affettwata milli tbigħ b’mod attiv jew passiv f’territorji u lil gruppi ta’ klijenti li attwalment kienet diġà taqdi jew li realistikament setgħet taqdi fl-assenza tal-ftehim.

199.

Fil-każ ta’ ftehimiet mhux reċiproċi bejn partijiet kompetituri, l-eżenzjoni ta' kategorija tapplika għal restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv u passiv mid-detentur tal-liċenzja jew mil-liċenzjatur fit-territorju esklussiv jew għall-grupp esklussiv ta' klijenti li jkun riżervat għall-parti l-oħra (ara l-Artikolu 4(1)(c)(i) tar-REKTT). 'Il fuq mil-limitu tas-sehem fis-suq ta' 20 %, ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ mil-liċenzjatur u d-detentur tal-liċenzja jinqabdu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat meta waħda mill-partijiet, jew it-tnejn li huma, ikollhom grad sinifikanti ta' saħħa fis-suq. Dawn ir-restrizzjonijiet, madankollu, jistgħu jkunu indispensabbli biex jixterdu teknoloġiji ta' valur u b'hekk ikunu jissodisfaw l-Artikolu 101(3). Dan jista’ jkun il-każ fejn il-liċenzjatur ikollu pożizzjoni relattivament dgħajfa fis-suq fit-territorju fejn hu stess jisfrutta t-teknoloġija. F'ċirkostanzi bħal dawn, ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv b'mod partikolari jistgħu jkunu indispensabbli biex iwasslu lil-liċenzjatur li jagħti liċenzja. Fin-nuqqas ta' restrizzjonijiet bħal dawn, il-liċenzjatur jista’ jkollu jħabbat wiċċu ma’ kompetizzjoni attiva fil-qasam ewlieni tal-attività tiegħu. Bl-istess mod, restrizzjonijiet mil-liċenzjatur fuq il-bejgħ attiv jistgħu jkunu indispensabbli b'mod partikolari fejn id-detentur tal-liċenzja jkollu pożizzjoni relattivament dgħajfa fis-suq fit-territorju allokat lilu u jkollu jagħmel investimenti sinifikanti sabiex jisfrutta t-teknoloġija liċenzjata b'mod effiċjenti.

200.

L-eżenzjoni ta' kategorija tkopri wkoll restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv fit-territorju jew lil grupp ta' klijenti allokat lil detentur ta' liċenzja ieħor, li ma kienx kompetitur tal-liċenzjatur fiż-żmien meta jkun ġie konkluż il-ftehim ta' liċenzjar ma' dan tal-aħħar. Madankollu, dan huwa l-każ biss meta l-ftehim bejn il-partijiet ikkonċernati ma jkunx reċiproku. (ara l-Artikolu 4(1)(c)(ii) tar-REKTT). 'Il fuq mil-limitu tas-sehem fis-suq, ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv x'aktarx jinqabdu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat meta l-partijiet ikollhom grad sinifikanti ta' saħħa fis-suq. Madankollu, il-limitazzjoni x'aktarx tkun indispensabbli fis-sens tal-Artikolu 101(3) għall-perjodu ta' żmien meħtieġ biex id-detentur tal-liċenzja protett jippenetra f'suq ġdid u jistabbilixxi preżenza fis-suq fit-territorju allokat jew fir-rigward tal-grupp ta' klijenti allokat lilu. Din il-protezzjoni kontra l-bejgħ attiv tippermetti lid-detentur tal-liċenzja li jegħleb l-assimetrija li jkollu jħabbat wiċċu magħha minħabba l-fatt li xi wħud mid-detenturi tal-liċenzja jkunu impriżi li jikkompetu mal-liċenzjatur u għalhekk ikunu diġà stabbiliti fis-suq. Ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ passiv mil-liċenzjatur f'territorju jew lil grupp ta' klijenti allokat lil detentur ieħor huma restrizzjonijiet fundamentali taħt l-Artikolu 4(1)(c) tar-REKTT.

201.

Fil-każ ta’ ftehimiet bejn partijiet mhux kompetiituri, ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ bejn il-liċenzjatur u d-detentur tal-liċenzja huma eżentati bħala kategorija sal-limitu tas-sehem fis-suq ta' 30 %. ‘Il fuq mil-limitu tas-sehem mis-suq, ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv u passiv mid-detenturi tal-liċenzja għal territorji jew gruppi ta' klijenti riżervati għal-liċenzjatur jistgħu jkunu indispensabbli għat-tixrid ta’ teknoloġiji ta’ valur u għalhekk ma jaqgħux taħt l-Artikolu 101(1) jew jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Dan jista’ jkun il-każ fejn il-liċenzjatur ikollu pożizzjoni relattivament dgħajfa fis-suq fit-territorju fejn hu stess jisfrutta t-teknoloġija. F'ċirkostanzi bħal dawn, ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv b'mod partikolari jistgħu jkunu indispensabbli biex iwasslu lil-liċenzjatur li jagħti liċenzja. Fin-nuqqas ta' restrizzjonijiet bħal dawn, il-liċenzjatur jista’ jkollu jħabbat wiċċu ma’ kompetizzjoni attiva fil-qasam ewlieni tal-attività tiegħu. F’każijiet oħra, ir-restrizzjonijiet fuq id-detentur tal-liċenzja jistgħu jinqabdu mill-Artikolu 101(1) u jistgħu ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Dan x’aktarx li jkun il-każ fejn il-liċenzjatur individwalment ikollu grad sinifikanti ta’ saħħa fis-suq u wkoll meta serje ta’ ftehimiet simili konklużi minn liċenzjaturi li flimkien ikollhom pożizzjoni b’saħħitha fis-suq ikollhom effett kumulattiv.

202.

Restrizzjonijiet fuq il-bejgħ imposti fuq il-liċenzjatur, meta jinqabdu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat, x’aktarx jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). sakemm ma jkunx hemm alternattivi reali fis-suq għat-teknoloġija tal-liċenzjatur jew tali alternattivi jkunu liċenzjati lid-detentur tal-liċenzja mingħand partijiet terzi. Dawn ir-restrizzjonijiet, u partikolarment restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv, x’aktarx ikunu indispensabbli fis-sens tal-Artikolu 101(3) sabiex iħeġġu lid-detentur tal-liċenzja jinvesti fil-produzzjoni, il-marketing u l-bejgħ tal-prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata. Huwa probabbli li l-inċentiv tad-detentur tal-liċenzja li jinvesti jonqos b’mod konsiderevoli jekk dan ikollu jaffaċċja kompetizzjoni diretta mil-liċenzjatur, li l-ispejjeż tal-produzzjoni tiegħu ma jinkludux il-ħlas ta' royalties. Dan jista’ jwassal biex il-livelli ta’ investiment ma jkunux ottimali.

203.

Rigward restrizzjonijiet fuq il-bejgħ bejn detenturi tal-liċenzja nfushom fi ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri, ir-REKTT jeżenta bħala kategorija restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv bejn it-territorji jew gruppi ta' klijenti. ’Il fuq mil-limitu tas-sehem fis-suq, ir-restrizzjonijiet fuq il-bejgħ attiv bejn it-territorji u gruppi ta' klijenti tad-detenturi tal-liċenzja jillimitaw il-kompetizzjoni fl-ambitu tal-istess teknoloġija u x’aktarx jinqabdu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat meta d-detentur tal-liċenzja individwali jkollu grad sinifikanti ta’ saħħa fis-suq. Iżda restrizzjonijiet bħal dawn jistgħu jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) fejn ikunu neċessarji biex jiġi evitat li jkun hemm min jisfrutta l-benefiċċji indebitament u biex id-detentur ikun imħeġġeġ jinvesti kif meħtieġ sabiex it-teknoloġija liċenzjata tkun sfruttata b'mod effiċjenti fit-territorju tiegħu u jippromwovi l-bejgħ tal-prodott liċenzjat. Ir-restrizzjonijiet fuq bejgħ passiv huma koperti mil-lista ta’ restrizzjonijiet fundamentali tal-Artikolu 4(2)(b) tar-REKTT (ara l-punti (119) sa (127) hawn fuq).

4.2.3.   Restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni

204.

Restrizzjonijiet reċiproċi fuq il-produzzjoni fi ftehimiet ta’ liċenzjar bejn partijiet kompetituri jammontaw għal restrizzjoni fundamentali skont l-Artikolu 4(1)(b) tar-REKTT (ara l-punt (103) hawn fuq). L-Artikolu 4(1)(b) ma jkoprix restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni tat-teknoloġija tal-liċenzjatur imposti fuq id-detentur tal-liċenzja fi ftehim mhux reċiproku jew fuq wieħed mid-detenturi tal-liċenzja fi ftehim reċiproku. Restrizzjonijiet bħal dawn huma eżentati bħala kategorija sal-limitu tas-sehem fis-suq ta' 20 %. 'Il fuq mil-limitu tas-sehem fis-suq, fejn il-partijiet ikollhom grad sinifikanti ta' saħħa fis-suq, ir-restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni imposti fuq id-detentur tal-liċenzja jistgħu jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Iżda huwa probabbli li japplika l-Artikolu 101(3) f’każijiet fejn it-teknoloġija tal-liċenzjatur tkun sostanzjalment aħjar minn dik tad-detentur tal-liċenzja u l-limitazzjoni fuq il-produzzjoni taqbeż b’mod konsiderevoli l-ammont ta’ produzzjoni li d-detentur tal-liċenzja kien jipproduċi qabel il-konklużjoni tal-ftehim. F'dan il-każ, l-effett tal-limitazzjoni fuq il-produzzjoni jkun limitat anke fi swieq fejn id-domanda tkun qiegħda tiżdied. Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) irid jitqies ukoll li restrizzjonijiet bħal dawn jistgħu jkunu neċessarji sabiex iħeġġu lil-liċenzjatur jifrex it-teknoloġija kemm jista' jkun. Pereżempju, jista’ jkun li liċenzjatur ma jkunx jixtieq li jilliċenzja lil kompetituri tiegħu jekk ma jkunx jista’ jillimita l-liċenzja għal sit tal-produzzjoni partikolari b’kapaċità speċifika (liċenzja għal sit partikolari). Fejn il-ftehim ta’ liċenzjar iwassal għal integrazzjoni reali tal-assi komplimentari, ir-restrizzjonijiet imposti fuq id-detentur tal-liċenzja jistgħu għalhekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). Iżda, dan ma jkunx probabbli fejn il-partijiet ikollhom saħħa sostanzjali fis-suq.

205.

Ir-restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni fi ftehimiet ta’ liċenzjar bejn partijiet mhux kompetituri huma eżentati bħala kategorija sal-limitu tas-sehem fis-suq ta' 30 %. L-akbar riskju anti-kompetittiv li jirriżulta minn restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni imposti fuq id-detentur tal-liċenzja fi ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri huwa n-nuqqas ta' kompetizzjoni bejn id-detenturi tal-liċenzja fl-ambitu tal-istess teknoloġija. L-impatt ta' dawn l-effetti anti-kompetittivi jiddependi mill-pożizzjoni tal-liċenzjatur u tad-detenturi tal-liċenzja fis-suq, u minn kemm il-limitazzjoni fuq il-produzzjoni żżomm lid-detentur tal-liċenzja milli jlaħħaq mad-domanda għall-prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata.

206.

L-effetti restrittivi jiżdiedu meta r-restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni jkunu marbuta ma' territorji jew gruppi ta' klijenti esklussivi. It-tagħqid flimkien taż-żewġ tipi ta' limiti jżid il-probabbiltà li l-ftehim iservi biex jinqasam is-suq.

207.

Limitazzjonijiet fuq il-produzzjoni imposti fuq id-detentur ta' liċenzja fi ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri jista' jkollu wkoll effetti pro-kompetittivi billi jippromwovi t-tixrid tat-teknoloġija. Bħala fornitur tat-teknoloġija, il-liċenzjatur normalment għandu jkun liberu li jiddetermina l-ammont ta' produzzjoni li d-detentur tal-liċenzja jipproduċi permezz tat-teknoloġija liċenzjata. Jekk il-liċenzjatur ma jkunx liberu li jiddetermina l-produzzjoni tad-detentur tal-liċenzja, numru ta' ftehimiet ta' liċenzjar lanqas biss isiru, u dan ikollu impatt negattiv fuq it-tixrid ta' teknoloġija ġdida. Dan jgħodd partikolarment f'każ li l-liċenzjatur ikun ukoll produttur, għaliex f’dak il-każ il-produzzjoni tad-detenturi tal-liċenzja tista’ tilħaq il-qasam ewlieni li jopera fih il-liċenzjatur, u b'hekk ikollha impatt dirett fuq dawn l-attivitajiet. Min-naħa l-oħra, huwa inqas probabbli li r-restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni jkunu neċessarji biex jiżguraw it-tixrid tat-teknoloġija tal-liċenzjatur meta dawn ikunu marbuta ma' restrizzjonijiet fuq il-bejgħ imposti fuq id-detentur tal-liċenzja li jipprojbixxu lil dan tal-aħħar milli jbigħ f‘territorju jew lil grupp ta' klijenti riżervat għal-liċenzjatur.

4.2.4.   Restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu

208.

Taħt restrizzjoni fuq il-qasam tal-użu l-liċenzja tkun limitata jew għal qasam tekniku ta' użu wieħed jew aktar, jew għal suq tal-prodotti jew settur industrijali, wieħed jew aktar. Settur industrijali jista’ jikkomprendi diversi swieq ta’ prodotti imma mhux parti minn suq tal-prodott. Hemm bosta każijiet fejn l-istess teknoloġija tista' tintuża biex isiru prodotti differenti jew li tista' tkun inkorporata fi prodotti li jkollhom swieq differenti. Ngħidu aħna, teknoloġija ġdida biex isiru l-forom tista' tintuża biex isiru fliexken tal-plastik u tazzi tal-plastik, li huma prodotti fi swieq separati. Iżda suq tal-prodotti wieħed jista' jkun jinkludi diversi oqsma tekniċi ta' użu. Pereżempju, teknoloġija ġdida f'magna tista' tintuża f'magni b'erba' ċilindri kif ukoll f'magni b'sitt ċilindri. Bl-istess mod, teknoloġija użata fil-produzzjoni taċ-chipsets tista' tintuża biex isiru chipsets b'sa erba' CPUs u b'aktar minn erba' CPUs. Liċenzja li tillimita l-użu tat-teknoloġija liċenzjata għall-produzzjoni ta', ngħidu aħna, magni b'erba' ċilindri u chipsets ta' mhux aktar minn erba' CPUs tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-qasam tekniku tal-użu.

209.

Peress li r-restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu huma koperti mill-eżenzjoni ta’ kategorija u li ċerti restrizzjonijiet rigward il-klijenti huma restrizzjonijiet fundamentali taħt l-Artikoli 4(1)(c) u 4(2)(b) tar-REKTT, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn iż-żewġ kategoriji ta’ limitazzjonijiet. Restrizzjoni rigward il-klijenti tippresupponi li ġew identifikati gruppi ta' klijenti speċifiċi u li l-partijiet huma limitati li jbigħu lil dawn il-gruppi identifikati. Il-fatt li restrizzjoni fuq il-qasam tekniku tal-użu tista’ tikkorrispondi għal ċerti gruppi ta' klijenti f'suq ta' prodott ma jimplikax li l-limitazzjoni għandha tkun klassifikata bħala restrizzjoni rigward il-klijenti. Pereżempju, il-fatt li ċerti klijenti jixtru l-aktar jew esklussivament chipsets b'aktar minn erba' CPUs ma jimplikax li liċenzja li hija limitata għal chipsets ta' mhux aktar minn erba' CPUs tikkostitwixxi restrizzjoni rigward il-klijenti. Iżda l-qasam tal-użu għandu jkun definit b’mod oġġettiv skont karatteristiċi tekniċi identifikati u ta’ sinifikat fil-prodott tal-kuntratt.

210.

Minħabba li r-restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-produzzjoni huma restrizzjonijiet fundamentali skont l-Artikolu 4(1)(b) tar-REKTT, huwa wkoll importanti li wieħed jinnota li r-restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu ma jitqisux ukoll bħala restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni peress li restrizzjoni fuq il-qasam tal-użu ma tillimitax il-produzzjoni li d-detentur tal-liċenzja jista’ jipproduċi fi ħdan il-qasam ta’ użu liċenzjat.

211.

Restrizzjoni fuq il-qasam tal-użu tillimita l-isfruttament tat-teknoloġija liċenzjata mid-detentur tal-liċenzja għal qasam ta' użu partikolari, wieħed jew aktar, mingħajr ma tillimita l-possibbiltà li l-liċenzjatur jisfrutta t-teknoloġija liċenzjata. Barra minn hekk, rigward it-territorji, dawn l-oqsma ta' użu jistgħu jkunu allokati lid-detentur tal-liċenzja taħt liċenzja esklussiva jew unika. Restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu marbuta ma’ liċenzja esklussiva jew unika jirrestrinġu wkoll lil-liċenzjatur milli jisfrutta t-teknoloġija tiegħu stess, lanqas billi jilliċenzjaha lil oħrajn. Fil-każ ta’ liċenzja unika, ikun ristrett biss il-liċenzjar lil partijiet terzi. Ir-restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu marbuta ma’ liċenzja esklussiva jew unika huma trattati bl-istess mod bħal-liċenzji esklussivi u uniċi, imsemmija fit-taqsima 4.2.2 hawn fuq. B’mod partikolari, għal-liċenzjar bejn partijiet kompetituri, dan ifisser li l-liċenzjar esklussiv reċiproku huwa restrizzjoni fundamentali taħt l-Artikolu 4(1)(c).

212.

Ir-restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu jista’ jkollhom effetti pro-kompetittivi billi jinkoraġġixxu lil-liċenzjatur li jilliċenzja t-teknoloġija tiegħu għal applikazzjonijiet lil hinn mill-qasam ewlieni li fih huwa jopera. Jekk il-liċenzjatur ma jkunx jista’ jżomm lid-detenturi tal-liċenzja milli joperaw f’oqsma fejn huwa nnifsu jisfrutta t-teknoloġija tiegħu, jew f'oqsma fejn il-valur tat-teknoloġija jkun għadu mhux daqstant stabbilit, x'aktarx jinħoloq diżinċentiv għal-liċenzjatur li jilliċenzja t-teknoloġija, jew ikollu jitlob royalties ogħla. Il-fatt li f’ċerti setturi l-liċenzjar ħafna drabi jsir biex tiġi żgurata l-libertà tad-diżinn billi jiġu evitati pretensjonijiet ta’ ksur għandhom ikunu kkunsidrati wkoll. Fl-ambitu tal-liċenzja, id-detentur tal-liċenzja jista' jiżviluppa t-teknoloġija tiegħu stess mingħajr biża' li l-liċenzjatur iressaq pretensjonijiet ta’ ksur.

213.

Ir-restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu imposti fuq id-detentur ta' liċenzja fi ftehimiet ta’ liċenzjar bejn partijiet attwalment jew potenzjament kompetituri huma eżentati bħala kategorija sal-limitu tas-sehem fis-suq ta' 20 %. L-element ta' tħassib ewlieni rigward il-kompetizzjoni fil-każ ta' tali restrizzjonijiet huwa r-riskju li d-detentur tal-liċenzja ma jibqax forza kompetittiva 'l barra mill-qasam tal-użu liċenzjat. Dan ir-riskju huwa akbar fil-każ ta' liċenzjar reċiproku bejn partijiet kompetituri fejn il-ftehim ikun jistipula restrizzjonijiet assimetriċi fuq il-qasam tal-użu. Restrizzjoni fuq il-qasam tal-użu tkun assimetrika meta parti waħda tkun tista’ tuża t-teknoloġija liċenzjata fi ħdan settur industrijali, suq tal-prodotti jew qasam tekniku tal-użu wieħed, u l-parti l-oħra tkun tista’ tuża t-teknoloġija liċenzjata l-oħra f’suq tal-prodotti jew qasam tekniku tal-użu ieħor. It-tħassib dwar il-kompetizzjoni jirriżulta l-aktar fejn il-faċilità tal-produzzjoni tad-detentur tal-liċenzja, li tkun mgħammra biex tuża t-teknoloġija liċenzjata, tintuża wkoll biex jipproduċi prodotti barra l-qasam ta’ użu liċenzjat permezz tat-teknoloġija tiegħu stess. Jekk il-probabbiltà hija li l-ftehim iwassal biex id-detentur tal-liċenzja jnaqqas il-produzzjoni barra mill-qasam ta’ użu liċenzjat, l-ftehim x’aktarx jinqabad taħt l-Artikolu 101(1). Restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu simmetriċi, jiġifieri ftehimiet li permezz tagħhom il-partijiet ikunu liċenzjati li jużaw it-teknoloġiji rispettivi ta’ xulxin fl-istess qasam/oqsma ta' użu, x'aktarx ma jinqabdux taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat. X'aktarx ftehimiet bħal dawn ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni li tkun eżistiet fin-nuqqas tal-ftehim. Ukoll, l-Artikolu 101(1) x'aktarx ma japplikax fil-każ ta’ ftehimiet li sempliċiment jippermettu lid-detentur tal-liċenzja li jiżviluppa u jisfrutta t-teknoloġija tiegħu stess fl-ambitu tal-liċenzja mingħajr il-biża' li l-liċenzjatur iressaq prestensjonijiet ta' ksur. F'ċirkostanzi bħal dawn, ir-restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu fihom infushom ma jirrestrinġux il-kompetizzjoni li kienet teżisti fin-nuqqas tal-ftehim. Fin-nuqqas tal-ftehim id-detentur tal-liċenzja seta' jaffaċċja wkoll pretensjonijiet ta' ksur 'il barra mill-ambitu tal-qasam tal-użu liċenzjat. Madankollu, jekk id-detentur tal-liċenzja mingħajr ġustifikazzjoni kummerċjali jtemm jew inaqqas l-attivitajiet tiegħu fil-qasam 'il barra mill-qasam ta' użu liċenzjat, dan jista' jkun indikazzjoni li hemm involut arranġament ta' qsim tas-suq, li jammonta għal restrizzjoni fundamentali taħt l-Artikolu 4(1)(c) tar-REKTT.

214.

Ir-restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu imposti fuq id-detentur ta' liċenzja u fuq il-liċenzjatur fi ftehimiet ta' liċenzjar bejn partijiet mhux kompetituri huma eżentati bħala kategorija sal-limitu tas-sehem fis-suq ta' 20 %. Ir-restrizzjonijiet fuq il-qasam tal-użu fi ftehimiet ta’ liċenzjar bejn partijiet mhux kompetituri li permezz tagħhom il-liċenzjatur jirriżerva għalih suq ta' prodott jew qasam tekniku tal-użu, wieħed jew aktar, ġeneralment jew ma jkunux jirrestrinġu l-kompetizzjoni jew ikunu jservu biex titjieb l-effiċjenza. Restrizzjonijiet simili jippromwovu t-tixrid ta’ teknoloġija ġdida billi jagħtu inċentiv lil-liċenzjatur li jilliċenzja l-isfruttament f'oqsma fejn ma jkunx irid jisfrutta t-teknoloġija hu stess. Jekk il-liċenzjatur ma jkunx jista’ jżomm lid-detenturi tal-liċenzja milli joperaw f’oqsma fejn il-liċenzjatur jisfrutta t-teknoloġija hu stess, x'aktarx jinħoloq diżinċentiv għal-liċenzjatur.

215.

Fi ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri, il-liċenzjatur normalment huwa intitolat ukoll li jagħti liċenzji uniċi jew esklussivi lil detenturi differenti li jkunu limitati għal qasam ta' użu wieħed jew aktar. Dawn ir-restrizzjonijiet jillimitaw il-kompetizzjoni bejn id-detenturi tal-liċenzja fl-ambitu tal-istess teknoloġija bl-istess mod bħal-liċenzjar esklussiv u jiġu analizzati bl-istess mod (ara t-taqsima 4.2.2.1 hawn fuq).

4.2.5.   Restrizzjonijiet fuq l-użu intern

216.

Restrizzjoni għall-użu intern tista’ tiġi definita bħala obbligu fuq id-detentur tal-liċenzja li jillimita l-produzzjoni tal-prodott liċenzjat għall-kwantitajiet meħtieġa biex jipproduċi l-prodotti tiegħu stess u għall-manutenzjoni u t-tiswija tal-prodotti tiegħu. Fi kliem ieħor, tali restrizzjoni fuq l-użu tieħu l-forma ta’ obbligu fuq id-detentur tal-liċenzja li juża l-prodotti li jinkorporaw it-teknoloġija liċenzjata biss bħala fattur li jiġi inkorporat fil-produzzjoni tiegħu; ma tinkludix il-bejgħ tal-prodott liċenzjat għall-inkorporazzjoni fi prodotti ta' produtturi oħrajn. Ir-restrizzjonijiet għall-użu intern huma eżentati bħala kategorija sal-limitu tas-sehem fis-suq rispettiv ta' 20 % u 30 %. Lilhinn mill-ambitu tal-eżenzjoni ta' kategorija, ikun jinħtieġ li jiġu eżaminati l-effetti pro-kompetittivi u anti-kompetittivi tal-limitazzjoni. F'dan ir-rigward jinħtieġ li ssir distinzjoni bejn ftehimiet bejn partijiet li jikkompetu bejniethom u ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri.

217.

Fil-każ ta’ ftehimiet ta’ liċenzjar bejn partijiet kompetituri, restrizzjonijiet li jimponu fuq id-detentur tal-liċenzja l-obbligu li jipproduċi taħt il-liċenzja biss għall-inkorporazzjoni fil-prodotti tiegħu ma jippermettulux li jkun fornitur ta' komponenti lil produtturi terzi. Jekk qabel ma jiġi konkluż il-ftehim, id-detentur ma kienx fornitur attwali jew possibbilment potenzjali tal-komponenti lil produtturi oħrajn, ir-restrizzjoni għall-użu intern ma tibdel xejn meta mqabbla mas-sitwazzjoni preċedenti. F'ċirkostanzi bħal dawn ir-restrizzjoni tiġi valutata bl-istess mod bħal fil-każ ta' ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri. Min-naħa l-oħra, jekk id-detentur tal-liċenzja huwa fornitur attwali jew potenzjali tal-komponenti, ikun jinħtieġ li jiġi eżaminat l-impatt tal-ftehim fuq l-attività tiegħu. Jekk id-detentur tal-liċenzja jinvesti fit-tagħmir biex juża t-teknoloġija tal-liċenzjatur u ma jibqax juża t-teknoloġija tiegħu stess waħedha, u b’hekk jieqaf iservi ta’ fornitur tal-komponenti, l-ftehim ikun wieħed li jirrestrinġi l-kompetizzjoni li kienet teżisti qabel ma sar il-ftehim. Dan jista' jirriżulta f'effetti negattivi serji fuq is-suq meta l-liċenzjatur ikollu grad sinifikanti ta' saħħa fis-suq tal-komponenti.

218.

Fil-każ tal-ftehimiet ta' liċenzjar bejn partijiet mhux kompetituri hemm żewġ riskji ewlenin b'rabta mal-kompetizzjoni li ġejjin minn restrizzjonijiet fuq l-użu intern: restrizzjoni ta' kompetizzjoni bejn teknoloġiji fis-suq għall-provvista ta' inputs u esklużjoni ta' arbitraġġ bejn detenturi tal-liċenzja li tkabbar il-possibilità għal-liċenzjatur li jimponi royalties diskriminatorji fuq id-detenturi.

219.

Iżda r-restrizzjonijiet fuq l-użu intern jistgħu wkoll jippromwovu l-liċenzjar pro-kompetittiv. Jekk il-liċenzjatur huwa fornitur tal-komponenti, il-limitu jista' jkun meħtieġ sabiex it-teknoloġija tinxtered għand partijiet mhux kompetituri. Fin-nuqqas tal-limitu, il-liċenzjatur jista’ ma jilliċenzjax jew jilliċenzja biss b’royalties ogħla, għaliex inkella joħloq kompetizzjoni diretta għalih innifsu fis-suq tal-komponenti. F’każijiet bħal dawn, restrizzjoni fuq l-użu intern normalment jew ma tkunx restrittiva jew tkun koperta bl-Artikolu 101(3) talt-Trattat. Iżda dan bil-kundizzjoni li d-detentur tal-liċenzja ma jkunx miżmum milli jbigħ il-prodott liċenzjat fil-forma ta' spare parts għall-prodotti tiegħu stess. Id-detentur tal-liċenzja għandu jkun jista’ jservi s-suq tas-servizzi ta' wara l-bejgħ għall-prodotti tiegħu stess, inklużi organizzazzjonijiet indipendenti li jfornu servizzi ta' manutenzjoni u tiswija tal-prodotti li huwa jipproduċi.

220.

Fejn il-liċenzjatur ma jkunx fornitur tal-komponenti fis-suq tal-prodott rilevanti, din ir-raġuni biex jiġu imposti restrizzjonijiet għall-użu intern ma tapplikax. F'dawn il-każi, restrizzjoni fuq l-użu intern fil-prinċipju tista' tippromwovi t-tixrid tat-teknoloġija billi tiżgura li d-detenturi tal-liċenzja ma jbigħux lil produtturi li jikkompetu mal-liċenzjatur fi swieq tal-prodott oħrajn. Madankollu, restrizzjoni imposta fuq id-detentur tal-liċenzja biex dan ma jbigħx lil ċerti gruppi ta' klijenti riżervati għal-liċenzjatur normalment tikkostitwixxi alternattiva inqas restrittiva. Konsegwenza ta' dan, f'każijiet bħal dawn normalment ir-restrizzjoni fuq l-użu intern ma tkunx meħtieġa biex tinxtered it-teknoloġija.

4.2.6.   Il-liċenzjar abbinat jew f'pakkett

221.

Fil-kuntest tal-liċenzjar tat-teknoloġija, il-liċenzja tkun abbinata fejn il-liċenzjatur jilliċenzja teknoloġija waħda (il-prodott prinċipali) biss jekk id-detentur jieħu liċenzja għal teknoloġija oħra jew jekk jixtri prodott partikolari mingħand il-liċenzjatur jew ħaddieħor indikat minnu (il-prodott abbinat). Il-liċenzjar jingħata f'pakkett fejn żewġ teknoloġiji, jew teknoloġija u prodott, jinbiegħu flimkien f'pakkett. Fiż-żewġ każi, madankollu, il-prodotti u t-teknoloġiji involuti jridu jkunu distinti minn xulxin fis-sens li jkun hemm domanda separata għal kull wieħed mill-prodotti u t-teknoloġiji li jkunu abbinati jew f'pakkett. Normalment dan ma jkunx il-każ fejn it-teknoloġiji jew il-prodotti huma neċessarjament marbuta b'mod li t-teknoloġija liċenzjata ma tistax tiġi sfruttata mingħajr il-prodott abbinat jew iż-żewġ partijiet f'pakkett ma jistgħux jiġu sfruttati mingħajr xulxin. Fis-segwenti, it-terminu “liċenzji abbinati” jinkludi kemm liċenzji abbinati u kemm liċenzji f’pakkett.

222.

L-Artikolu 3 tar-REKTT, li jillimita l-applikazzjoni tal-eżenzjoni ta' kategorija skont il-limiti tas-sehem fis-suq, jiżgura li liċenzji abbinati jew f’pakkett ma jkunux eżentati bħala kategorija 'il fuq mil-limitu tas-sehem fis-suq ta’ 20 % fil-każ ta’ ftehimiet bejn partijiet kompetituri u 30 % fil-każ ta’ ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri. Il-limiti tas-sehem fis-suq japplikaw għal kwalunkwe suq ta' prodott jew ta' teknoloġija affettwat mill-ftehim ta' liċenzjar, inkluż is-suq tal-prodott abbinat. 'Il fuq mil-limitu tas-sehem fis-suq ikun jinħtieġ li jiġu bbilanċjati l-effetti anti-kompetittivi u dawk pro-kompetittivi.

223.

L-akbar effett restrittiv tal-liċenzjar abbinat huwa li jiġu esklużi l-kompetituri li jfornu l-prodott abbinat. Il-liċenzjar abbinat jista' wkoll jippermetti lil-liċenzjatur li jżomm is-saħħa fis-suq tal-prodott abbinat billi jżid il-barrieri tad-dħul, għaliex dan jista' jġiegħel lil operaturi ġodda fis-suq li jidħlu f'bosta swieq fl-istess ħin. Barra dan, il-liċenzjar abbinat jista' jippermetti lil-liċenzjatur li jżid ir-royalties, partikolarment fejn il-prodott prinċipali u dak abbinat ikunu parzjalment sostitwibbli u ż-żewġ prodotti ma jintużawx fi proporzjon fiss. Il-liċenzjar abbinat jillimita lid-detentur milli jaqleb għal fatturi ta' produzzjoni sostitwibbli meta jkun iffaċċjat b'royalties ogħla għall-prodott abbinat. Dan it-tħassib dwar il-kompetizzjoni jirriżulta irrispettivament minn jekk il-partijiet ikunux kompetituri ta' xulxin jew le. Biex il-liċenzjar abbinat jipproduċi effetti x'aktarx anti-kompetittivi, il-liċenzjatur irid ikollu saħħa sinifikanti fis-suq tal-prodott prinċipali b'mod li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq tal-prodott abbinat. Jekk ma jkollux saħħa fis-suq tal-prodott prinċipali, il-liċenzjatur ma jistax juża t-teknoloġija tiegħu għall-iskop anti-kompetittiv li jeskludi fornituri tal-prodott abbinat. Barra minn hekk, bħalma hu l-każ fejn jidħlu obbligi ta' non-kompetizzjoni, biex jirriżultaw effetti ta' esklużjoni sensibbli, il-liċenzjar abbinat irid ikopri ċertu perċentwal tas-suq tal-prodott abbinat. Fejn il-liċenzjatur ikollu s-saħħa fis-suq tal-prodott abbinat u mhux fis-suq tal-prodott prinċipali, il-limitazzjoni tiġi analizzata bħala waħda ta’ non-kompetizzjoni jew ta’ obbligu fuq il-kwantità, u b'hekk jirrifletti l-fatt li kull problema ta’ kompetizzjoni għandha l-oriġini tagħha fis-suq tal-prodott “abbinat” u mhux fis-suq tal-prodott prinċipali (86).

224.

Liċenzjar abbinat jista’ jwassal ukoll għal titjib fl-effiċjenza. Ngħidu aħna fil-każ fejn il-prodott abbinat huwa neċessarju għal isfruttament teknikament sodisfaċenti tat-teknoloġija liċenzjata jew biex jiġi żgurat li l-produzzjoni taħt il-liċenzja tkun konformi ma' l-istandards ta' kwalità osservati mil-liċenzjatur u minn detenturi tal-liċenzja oħrajn. F’każijiet bħal dawn, il-liċenzjar abbinat normalment jew ma jirrestrinġix il-kompetizzjoni jew ikun kopert bl-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Fejn id-detenturi tal-liċenzja jużaw il-marka kummerċjali jew l-isem tad-ditta tal-liċenzjatur jew fejn ikun ovvju għall-klijenti li hemm rabta bejn il-prodott li jinkorpora t-teknoloġija liċenzjata u l-liċenzjatur, dan tal-aħħar ikollu interess leġittimu li jiżgura li l-kwalità tal-prodotti tkun tali li ma tnaqqasx mill-valur tat-teknoloġija tiegħu jew tar-reputazzjoni tiegħu bħala operatur ekonomiku. Barra dan, fejn ikun magħruf mill-konsumaturi li d-detenturi tal-liċenzja (u l-liċenzjatur) jipproduċu abbażi tal-istess teknoloġija, x'aktarx id-detenturi tal-liċenzja ma jkunux iridu li jiksbu l-liċenzja sakemm it-teknoloġija ma tiġix sfrutata minn kulħadd b'mod teknikament sodisfaċenti.

225.

Il-liċenzjar abbinat x'aktarx ikun pro-kompetittiv ukoll fejn il-prodott abbinat jippermetti lid-detentur tal-liċenzja li jisfrutta t-teknoloġija liċenzjata b'mod konsiderevolment aktar effiċjenti. Pereżempju, fejn il-liċenzjatur jilliċenzja teknoloġija fi proċess partikolari, il-partijiet jistgħu jiftiehmu wkoll li d-detentur tal-liċenzja jixtri mingħand il-liċenzjatur katalizzatur żviluppat għall-użu mat-teknoloġija liċenzjata u li jippermetti li t-teknoloġija tiġi sfruttata b'mod aktar effiċjenti milli ma' katalizzaturi oħra. Fejn, f’każijiet bħal dawn, ir-restrizzjoni tinqabad taħt l-Artikolu 101(1), x'aktarx li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) ikunu ssodisfati anke ‘l fuq mil-limitazzjonijiet tas-sehem fis-suq.

4.2.7.   Obbligi ta' non-kompetizzjoni

226.

Obbligi ta' non-kompetizzjoni fil-kuntest tal-liċenzjar tat-teknoloġija jieħdu l-forma ta' obbligu fuq id-detentur tal-liċenzja li ma jużax teknoloġiji ta' partijiet terzi li jikkompetu mat-teknoloġija liċenzjata. Fejn l-obbligu ta' non-kompetizzjoni jkun ikopri prodott jew teknoloġija addizzjonali fornuta mil-liċenjzatur, tali obbligu huwa trattat fit-taqsima preċedenti dwar il-liċenzjar abbinat.

227.

Ir-REKTT jeżenta obbligi ta’ non-kompetizzjoni, kemm fil-każ ta’ ftehimiet bejn partijiet kompetituri u kemm fil-każ ta’ ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri, sal-limiti rispettivi tas-sehem fis-suq ta’ 20 % u 30 % rispettivament.

228.

L-akbar riskju għall-kompetizzjoni fil-każ ta' obbligi ta' non-kompetizzjoni huwa li jiġu esklużi teknoloġiji ta' partijiet terzi. Obbligi ta’ non-kompetizzjoni jistgħu wkoll jiffaċilitaw il-kollużjoni bejn il-liċenzjaturi meta diversi liċenzjaturi jużawhom fi ftehimiet separati (jiġifieri fil-każ ta’ użu kumulattiv). L-esklużjoni ta' teknoloġiji li jikkompetu tnaqqas il-pressjoni kompetittiva fuq ir-royalties li jieħu l-liċenzjatur u tnaqqas il-kompetizzjoni bejn teknoloġiji diġà stabbiliti għaliex tillimita l-possibbiltajiet li d-detenturi tal-liċenzja jaqilbu minn teknoloġija għall-oħra. Minħabba li fiż-żewġ każi l-akbar problema hija l-esklużjoni, l-analiżi ġeneralment tista' tkun l-istess fil-każ ta' ftehimiet bejn partijiet kompetituri bħal fil-każ ta' ftehimiet bejn partijiet mhux kompetituri. Iżda fil-każ ta' liċenzjar reċiproku bejn partijiet kompetituri, fejn it-tnejn jaqblu li ma jużawx teknoloġiji ta' partijiet terzi, il-ftehim jista' jiffaċilita l-kollużjoni bejniethom fis-suq tal-prodott, u b'hekk jiġġustifikaw il-limitu fuq is-sehem fis-suq aktar baxx ta' 20 %.

229.

L-esklużjoni tista' sseħħ fejn parti sostanzjali mid-detenturi ta' liċenzja potenzjali tkun diġà marbuta ma' sors jew, fil-każ ta' effetti kumulattivi, sorsi ta' teknoloġija u tinżamm milli tisfrutta t-teknoloġiji li jikkompetu.. L-effetti ta' esklużjoni jistgħu jirriżultaw minn ftehimiet konklużi minn liċenzjatur uniku bi grad ta' saħħa fis-suq sinifikanti jew permezz ta' effett kumulattiv ta' ftehimiet konklużi minn diversi liċenzjaturi fejn kull ftehim individwali jew netwerk ta' ftehimiet ikunu koperti mir-REKTT. F'dan tal-aħħar madankollu, diffiċilment jirriżulta effett kumulattiv serju sakemm ikun hemm abbinat inqas minn 50 % tas-suq. 'Il fuq minn dan il-limitu, fejn ikun hemm barrieri tad-dħul relattivament għoljin għal detenturi ġodda x'aktarx tirriżulta esklużjoni sinifikanti. Jekk il-barrieri tad-dħul ikunu baxxi, detenturi tal-liċenzja ġodda jkunu jistgħu jidħlu fis-suq u jisfruttaw kummerċjalment teknoloġiji attraenti miżmuma minn partijiet terzi u b'hekk ikunu jirrappreżentaw alternattiva reali għad-detenturi diġà stabbiliti. Sabiex tiġi ddeterminata l-possibbiltà reali tad-dħul u l-espansjoni fis-suq minn partijiet terzi, jinħtieġ ukoll li jitqies b'liema mod id-distributuri jkunu abbinati ma' detenturi tal-liċenzja b'obbligi ta' non-kompetizzjoni. L-unika mod biex teknoloġiji ta' partijiet terzi jkollhom possibbiltà reali ta' dħul fis-suq huwa li jkollhom aċċess għall-assi ta' produzzjoni u distribuzzjoni neċessarji. Fi kliem ieħor, il-faċilità għad-dħul fis-suq ma tiddependix biss mid-disponibbiltà tad-detenturi tal-liċenzja, iżda wkoll minn kemm dawn ikollhom aċċess għad-distribuzzjoni. Hija u tevalwa l-effetti ta' esklużjoni fuq il-livell ta' distribuzzjoni, il-Kummissjoni tapplika l-qafas analitiku stabbilit fit-taqsima VI.2.1 tal-Linji Gwida dwar Limitazzjonijiet Vertikali (87).

230.

Meta l-liċenzjatur ikollu grad sinifikanti ta' saħħa fis-suq, obbligi imposti fuq id-detenturi tal-liċenzja biex dawn jiksbu t-teknoloġija biss mingħand il-liċenzjatur jistgħu jwasslu għal effetti ta' esklużjoni sinifikanti. Aktar kemm il-liċenzjatur ikun b'saħħtu fis-suq aktar ikun hemm ir-riskju li jiġu esklużi teknoloġiji li jikkompetu. Biex jinħolqu effetti ta' esklużjoni sensibbli, l-obbligi ta' non-kompetizzjoni mhux bilfors iridu jkunu jkopru parti sostanzjali mis-suq. Anke fin-nuqqas ta' dan, jistgħu jinħolqu effetti ta' esklużjoni sensibbli fejn ikun hemm obbligi ta' non-kompetizzjoni mmirati lejn impriżi li jkunu l-aktar propensi li jilliċenzjaw teknoloġiji li jikkompetu. Ir-riskju ta' esklużjoni jkun partikolarment għoli fejn ikun hemm biss numru limitat ta' detenturi ta' liċenzja potenzjali u l-ftehim ta' liċenzjar jikkonċerna teknoloġija li tintuża mid-detenturi tal-liċenzja biex jużaw fattur tal-produzzjoni għalihom stess. F'każijiet bħal dawn, il-barrieri tad-dħul għal liċenzjatur ġdid x'aktarx ikunu għoljin. Ikun hemm anqas probabbiltà ta' esklużjoni fejn it-teknoloġija tintuża biex isir prodott li jinbiegħ lil partijiet terzi. Minkejja li f'dan il-każ ir-restrizzjoni torbot ukoll il-kapaċità tal-produzzjoni għall-fattur ta' produzzjoni kkonċernat, din ma torbotx id-domanda tal-liċenzjati li jiddependu minnhom. Biex jidħlu fis-suq fil-każ tal-aħħar il-liċenzjaturi biss jeħtieġu aċċess għal detentur wieħed jew aktar li jkollhom kapaċità xierqa ta’ produzzjoni. Sakemm ikunu biss ftit l-impriżi li jippossjedu jew ikunu jistgħu jiksbu l-assi meħtieġa biex jiksbu l-liċenzja, huwa improbabbli li l-liċenzjatur jista’ jiċħad aċċess lill-kompetituri għal detenturi tal-liċenzja effiċjenti billi jimponi obbligi non-kompetittivi fuq id-detenturi tal-liċenzji tiegħu.

231.

Obbligi ta' non-kompetizzjoni jistgħu joħolqu wkoll effetti pro-kompetittivi. L-ewwelnett, tali obbligi jistgħu jippromwovu t-tixrid tat-teknoloġija billi jnaqqsu r-riskju ta' miżapproprjazzjoni tat-teknoloġija liċenzjata, partikolarment il-kompetenza. Jekk detentur ta' liċenzja jkun intitolat li jilliċenzja teknoloġiji li jikkompetu mingħand partijiet terzi, hemm ir-riskju li partikolarment il-kompetenza liċenzjata tintuża fl-isfruttament tat-teknoloġiji li jikkompetu u b'hekk ikunu qegħdin jibbenefikaw il-kompetituri. Meta detentur ta' liċenzja jisfrutta teknoloġiji li jikkompetu, dan normalment irendi aktar diffiċli l-monitoraġġ tal-ħlas tar-royalties, li jistgħu jservu ta' diżinċentiv għal-liċenzjar.

232.

It-tieni, obbligi ta' non-kompetizzjoni, possibbilment flimkien ma' territorju esklussiv, jistgħu jkunu neċessarji sabiex ikun żgurat li d-detentur tal-liċenzja jkollu inċentiv li jinvesti fit-teknoloġija u jisfruttaha b'mod effettiv. Fejn il-ftehim jinqabad mill-Artikolu 101(1) tat-Trattat minħabba effett ta’ esklużjoni sensibbli, biex wieħed jibbenefika mill-Artikolu 101(3) jista’ jkun jinħtieġ li tintgħażel alternattiva anqas restrittiva, ngħidu aħna obbligi li jimponu ammont minimu ta’ produzzjoni jew il-ħlas ta’ royalties, li normalment għandhom anqas potenzjal li jeskludu teknoloġiji li jikkompetu.

233.

It-tielet, f’każijiet fejn il-liċenzjatur jikkommetti ruħu li jagħmel investimenti sinifikanti speċifiku għall-klijent, pereżempju f'taħriġ u soluzzjonijiet immirati tat-teknoloġija liċenzjata adattata għall-ħtiġiet tad-detentur tal-liċenzja, jistgħu jkunu neċessarji obbligi ta’ non-kompetizzjoni jew, alternattivament, obbligi li jimponu ammont minimu ta’ produzzjoni jew ħlas ta' royalties, sabiex il-liċenzjatur ikun imħeġġeġ li jinvesti u jevita li dawn ma jsirux. Iżda normalment il-liċenzjatur ikun jista' jirkupra tali investimenti direttament billi jitlob il-ħlas ta' somma f'daqqa, u dan jimplika li jkunu disponibbli alternattivi anqas restrittivi.

4.3.   Ftehimiet ta' riżoluzzjoni

234.

Il-liċenzjar ta’ teknoloġija jew il-klawsoli ta’ non-invokazzjoni fi ftehimiet bonarji jistgħu jservu bħala mezz ta’ riżoluzzjoni tat-tilwim jew biex jiġi evitat li parti waħda teżerċita d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali tagħha biex iċċaħħad lill-parti l-oħra milli tisfrutta t-teknoloġija proprja tagħha (88).

235.

Ftehimiet bonarji fil-kuntest ta’ disputi dwar teknoloġija huma, bħal ma huma f’ħafna oqsma oħra ta’ disputi kummerċjali, fil-prinċipju, mod leġittimu biex jinstab kompromess aċċettabbli għaż-żewġ naħat fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil ġuridiku bona fede. Il-partijiet jistgħu jippreferu li ma jkomplux it-tilwima jew il-litigazzjoni minħabba li tispiċċa tkun għalja wisq, taħli ħafna ħin u/jew l-eżitu tagħha jkun inċert. Il-ftehimiet bonarji jistgħu jiffrankaw sforzi lill-qrati u/jew lill-korpi amministrattivi kompetenti biex jiddeċiedu dwar il-kwistjoni u għalhekk jistgħu jagħtu lok għal benefiċċji li jkabbru l-benessri. Min-naħa l-oħra, huwa fl-interess ġenerali tal-pubbliku li jitneħħew drittijiet invalidi ta’ proprjetà intellettwali bħala ostaklu mhux mistħoqq għall-innovazzjoni u l-attività ekonomika (89).

236.

Il-liċenzjar, inkluż l-għoti ta’ liċenzji reċiproċi fil-kuntest ta’ ftehimiet bonarji ġeneralment mhuwiex restrittiv fih innifsu għall-kompetizzjoni għaliex jippermetti lill-partijiet li jisfruttaw it-teknoloġiji tagħhom wara li jintlaħaq il-ftehim. F’każijiet fejn, fin-nuqqas ta’ liċenzja, ikun probabbli li d-detentur tal-liċenzja jista’ jkun eskluż mis-suq, l-aċċess għat-teknoloġija inkwistjoni għad-detentur tal-liċenzja permezz ta’ ftehim bonarju huwa ġeneralment pro-kompetittiv.

237.

Madankollu, it-termini u l-kundizzjonijiet individwali ta’ ftehimiet bonarji jistgħu jinqabdu mill-Artikolu 101(1). Liċenzjar fil-kuntest ta' ftehimiet tranżatorji jitqies bħal ftehimiet ta' liċenzjar oħrajn (90). F’dawn il-każijiet, huwa partikolarment neċessarju li ssir valutazzjoni dwar jekk il-partijiet ikunux kompetituri attwali jew potenzjali.

Restrizzjoni bi ħlas fi ftehimiet bonarji

238.

Ftehimiet bonarji tat-tip “restrizzjonijiet bi ħlas” jew “ħlas għad-dewmien” ta’ spiss ma jinvolvux id-drittijiet tat-trasferiment tat-teknoloġija, iżda huma bbażati fuq trasferiment ta' valur minn parti waħda b'limitazzjoni fuq id-dħul u/jew l-espansjoni fis-suq tal-parti l-oħra fis-suq u jistgħu jinqabdu mill-Artikolu 101(1) (91).

239.

Jekk, madankollu, ftehim bonarju jinkludi wkoll id-drittijiet tat-teknoloġija konċernati f'tilwima sottostanti, u dak il-ftehim iwassal għal dewmien jew b’xi mod ieħor jillimita l-kapaċità għad-detentur tal-liċenzja milli jniedi l-prodott fuq kwalunkwe mis-swieq ikkonċernati, il-ftehim jista' jinqabad mill-Artikolu 101(1) u mbagħad ikun jeħtieġ li jiġi vvalutat fid-dawl tal-Artikoli 4(1)(c) u 4(1)(d) tar-REKTT (ara t-taqsima 3.4.2 hawn fuq). Jekk il-partijiet għal tali ftehim bonarju huma kompetituri attwali jew potenzjali, u kien hemm trasferiment ta' valur sinifikanti mingħand il-liċenzjatur lid-detentur tal-liċenzja, il-Kummissjoni se tkun partikolarment attenta għar-riskju ta’ allokazzjoni tas-suq/qsim tas-suq.

Liċenzjar reċiproku fi ftehimiet bonarji

240.

Ftehimiet bonarji li permezz tagħhom il-partijiet jilliċenzjaw lil xulxin u jimponu restrizzjonijiet fuq l-użu tat-teknoloġiji tagħhom, inklużi restrizzjonijiet dwar il-liċenzjar lil partijiet terzi, jistgħu jinqabdu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Fejn il-partijiet ikollhom grad sinifikanti ta' saħħa fis-suq u l-ftehim jimponi restrizzjonijiet li b'mod ċar imorru lil hinn minn dak li jkun meħtieġ biex jitneħħa l-imblukkar, il-ftehim x'aktarx jinqabad taħt l-Artikolu 101(1) anke jekk il-probabbiltà hija li teżisti pożizzjoni ta' imblukkar reċiproka. L-Artikolu 101(1) x’aktarx japplika partikolarment fejn il-partijiet jaqsmu s-swieq jew jiffissaw royalties kostanti reċiproċi li jkollhom impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet fis-suq.

241.

Fejn taħt il-ftehim bonarju l-partijiet huma intitolati li jużaw it-teknoloġija ta’ xulxin u l-ftehim jestendi għal żviluppi futuri, ikun jinħtieġ li jitqies l-impatt tal-ftehim fuq l-inċentiv tal-partijiet li jinnovaw. F'każijiet fejn il-partijiet ikollhom grad sinifikanti ta' saħħa fis-suq, il-ftehim x'aktarx jinqabad mill-Artikolu 101(1) tat-Trattat fejn dan ikun iżomm lill-partijiet milli jieħdu vantaġġ kompetittiv fuq xulxin. Ftehimiet li jeliminaw jew inaqqsu sostanzjalment il-possibbiltajiet li parti tieħu vantaġġ kompetittiv fuq l-oħra jnaqqsu l-inċentiv għall-innovazzjoni u b'hekk jaffettwaw b'mod negattiv parti essenzjali mill-proċess kompetittiv. Barra minn hekk, ftehimiet bħal dawn x’aktarx ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3). B’mod partikolari, diffiċilment ir-restrizzjoni tista' titqies indispensabbli fis-sens tat-tielet kundizzjoni tal-Artikolu 101(3). Biex jinkiseb l-għan tal-ftehim, jiġifieri li jkun żgurat li l-partijiet jistgħu jkomplu jisfruttaw iit-teknoloġija tagħhom stess mingħajr ma jimblukkaw lil xulxin, m'hemmx bżonn li l-partijiet jaqblu li jaqsmu l-innovazzjonijiet futuri. Madankollu, x'aktarx il-partijiet ma jinżammux milli jieħdu vantaġġ kompetittiv fuq xulxin fejn l-għan tal-liċenzja jkun li tippermettilhom jiżviluppaw it-teknoloġiji rispettivi tagħhom u fejn il-liċenzja ma twassalhomx biex jużaw l-istess bażi teknoloġika fid-diżinnjar tal-prodotti tagħhom. Dawn il-ftehimiet sempliċiment joħolqu l-libertà tad-disinn billi jevitaw pretensjonijiet ta' ksur mill-parti l-oħra fil-futur.

Klawżoli ta’ non-kontestazzjoni fi ftehimiet bonarji

242.

Fil-kuntest ta’ ftehim bonarju, il-klawżoli ta’ non-kontestazzjoni ġeneralment ma jitqisux li jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Huwa inerenti fi ftehimiet bħal dawn li l-partijiet jaqblu li ma jikkontestawx ex post id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li kienu fil-qalba tat-tilwima. Għall-kuntrarju, l-għan innifsu tal-ftehim huwa li jsolvi tilwim eżistenti u/jew li jevita tilwim fil-futur.

243.

Madankollu, klawżoli ta’ non-kontestazzjoni fi fethimiet bonarji jistgħu, taħt ċirkostanzi speċifiċi, ikunu anti-kompetittivi u jistgħu jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Ir-restrizzjoni tal-libertà li jiġi kkontestat id-dritt ta’ proprjetà intellettwali mhix parti mis-suġġett speċifiku ta’ dritt tal-proprjetà intellettwali u tista' tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Pereżempju, klawżola ta’ non-kontestazzjoni x'aktarx tikser l-Artikolu 101(1) fejn il-privattiva tkun ingħatat wara l-għoti ta’ informazzjoni skorretta jew qarrieqa (92). Jista’ jkun meħtieġ ukoll skrutinju ta’ dawn il-klawżoli jekk il-liċenzjatur, minbarra liċenzjar tad-drittijiet tat-teknoloġija, iwassal, b’mod finanzjarju jew b’xi mod ieħor, lid-detentur tal-liċenzja biex jaqbel li ma jikkontestax il-validità tad-drittijiet tat-teknoloġija jew jekk id-drittijiet tat-teknoloġija jkunux input neċessarju tal-produzzjoni tad-detentur (ara wkoll il-punt (136)).

4.4.   Pools tat-teknoloġija

244.

Pools tat-teknoloġija huma definiti bħala arranġamenti li permezz tagħhom żewġ partijiet jew aktar jgħaqdu flimkien pakkett ta' teknoloġija li jiġi liċenzjat mhux biss lill-kontributuri fil-pool iżda wkoll lil partijiet terzi. F'termini ta' struttura, il-pools tat-teknoloġija jistgħu jkunu fil-forma ta' arranġamenti sempliċi bejn numru limitat ta' partijiet jew arranġamenti ta' organizzazzjoni elaborati fejn l-organizzazzjoni tal-liċenzjar tat-teknoloġiji inklużi fil-pool tkun fdata lil entità separata. Fiż-żewġ każi l-pool jista' jippermetti lid-detenturi tal-liċenzja li joperaw fis-suq abbażi ta' liċenzja singola.

245.

M'hemm l-ebda rabta inerenti bejn pools u standards ta' teknoloġija, iżda f'ċerti każi t-teknoloġiji fil-pool jappoġġjaw, totalment jew parzjalment, standard ta' industrija de facto jew de jure  (93). Pools tat-teknoloġija differenti jistgħu jkunu kompatibbli ma' standards li jikkompetu (94). Il-pools tat-teknoloġija jistgħu wkoll jipproduċu effetti pro-kompetittivi, b’mod partikolari billi jnaqqsu l-ispejjeż tal-operazzjoni u billi jiffissaw limitu fuq ir-royalties kumulattivi biex jevitaw marġinalizzazzjoni doppja. Il-ħolqien ta' pool jippermetti one-stop licensing tat-teknoloġiji koperti mill-pool. Dan huwa importanti partikolarment f’setturi fejn id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma prevalenti u fejn l-operat fis-suq jirrikjedi l-ksib ta’ liċenzji minn numru sostanzjali ta’ liċenzjaturi sabiex ikun jistgħu joperaw fis-suq. Fejn id-detenturi tal-liċenzja jirċievu servizzi ta' assistenza kostanti rigward l-applikazzjoni tat-teknoloġija liċenzjata, il-liċenzjar u l-assistenza konġunti jistgħu jwasslu għal tnaqqis ulterjuri fl-ispejjeż. Pools ta’ privattivi jista’ wkoll ikollhom rwol pożittiv fuq l-implimentazzjoni ta’ standards prokompetittivi.

246.

Il-pools tat-teknoloġija jistgħu wkoll ikunu restrittivi għall-kompetizzjoni. Il-ħolqien ta' pool tat-teknoloġija neċessarjament jimplika bejgħ konġunt tat-teknoloġiji parti mill-pool, li fil-każ ta' pools komposti biss jew l-aktar minn teknoloġiji sostituti jammonta għal kartell ta' ffissar tal-prezzijiet. Barra minn hekk, minbarra li jnaqqsu l-kompetizzjoni bejn il-partijiet, il-pools tat-teknoloġija jistgħu wkoll, speċjalment fejn ikunu kompatibbli ma' standard tal-industrija jew fejn jistabbilixxu standard tal-industrija de facto, iwasslu għal tnaqqis fl-innovazzjoni billi jeskludu teknoloġiji alternattivi. L-eżistenza tal-istandard u l-pool tat-teknoloġija relatat tista' żżid id-diffikultà għal teknoloġiji ġodda jew imtejba biex jidħlu fis-suq.

247.

Ftehimiet li jistabbilixxu pools tat-teknoloġija u li jistipulaw it-termini u l-kundizzjonijiet għat-tħaddim tagħhom mhumiex – irrispettivament mill-għadd ta’ partijiet – koperti mill-eżenzjoni ta’ kategorija, peress li l-ftehim li jistabbilixxi l-pool ma jkunx jippermetti li xi detentur partikolari tal-liċenzja jipproduċi prodotti tal-kuntratt (ara t-taqsima 3.2.2). Dawn il-ftehimiet huma trattati biss f'dawn il-linji gwida. Arranġamenti ta' pooling iwasslu għal numru ta' kwistjonijiet partikolari rigward l-għażla tat-teknoloġiji inklużi u l-operat tal-pool, li ma jinqalgħux fil-kuntest ta' tipi oħra ta' liċenzjar. Il-liċenzjar ‘l barra mill-pool ġeneralment jitqies bħala ftehim multipartitiku li jqis li kontributuri komunement jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għal tali liċenzjar, u għalhekk mhux kopert mill-eżenzjoni ta’ kategorija. Il-liċenzjar 'il barra mill-pool madankollu huwa kopert fil-punt (261) u fit-taqsima 4.4.2.

4.4.1.   Il-valutazzjoni tal-formazzjoni u l-operazzjoni tal-pools tat-teknoloġija

248.

Il-mod kif pool tat-teknoloġija jinħoloq, jiġi organizzat u operat jista' jnaqqas ir-riskju li jkollu l-iskop jew l-effett li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u jiżgura li l-arranġament huwa pro-kompetittiv. Fil-valutazzjoni tar-riskji u l-effiċjenzi possibbli għall-kompetizzjoni, il-Kummissjoni, inter alia, tqis it-trasparenza tal-proċess tal-ħolqien tal-pool; l-għażla u n-natura tat-teknoloġiji miġbura, inkluż sa fejn esperti indipendenti huma involuti fil-ħolqien u l-operat tal-pool u jekk ġewx stabbiliti salvagwardji kontra skambju ta’ informazzjoni sensittiva u mekkaniżmi indipendenti għar-riżoluzzjoni ta’ tilwim.

Il-parteċipazzjoni miftuħa

249.

Meta l-parteċipazzjoni fil-proċess tal-ħolqien ta' standard jew pool tkun miftuħa għall-partijiet kollha interessati li jirrappreżentaw interessi differenti, ikun hemm aktar probabbiltà li t-teknoloġiji inklużi fil-pool jintgħażlu abbażi ta' kunsiderazzjonijiet ta' prezz/kwalità milli meta l-pool jiġi stabbilit minn grupp limitat ta' proprjetarji ta' teknoloġija.

L-għażla u n-natura tat-teknoloġiji fil-pool

250.

Ir-riskji kompetittivi u l-potenzjal ta' titjib fl-effiċjenza li jippreżentaw il-pools tat-teknoloġija jiddependu ħafna mir-relazzjoni bejn it-teknoloġiji miġbura u mir-relazzjoni ta' dawn ma' teknoloġiji oħra barra mill-pool. Għandhom isiru żewġ distinzjonijiet bażiċi, (a) bejn teknoloġiji komplimentari u dawk sostituti ta' xulxin; u (b) bejn teknoloġiji essenzjali u nonessenzjali.

251.

Żewġ teknoloġiji jitqiesu komplimentari, għall-kuntrarju ta' sostituti ta' xulxin, meta t-tnejn ikunu meħtieġa biex isir prodott jew biex jitwettaq proċess li miegħu jkunu relatati t-teknoloġiji. Bil-maqlub, żewġ teknoloġiji jitqiesu sostituti ta' xulxin meta kull waħda minnhom tippermetti lid-detentur tagħha li jipproduċi l-prodott jew li jwettaq il-proċess li miegħu jkunu relatati t-teknoloġiji.

252.

Teknoloġija tista’ tkun essenzjali jew a) biex tipproduċi prodott partikolari jew biex twettaq proċess partikolari li miegħu jkunu relatati t-teknoloġiji fil-pool jew b) biex tipproduċi dak il-prodott jew twettaq tali proċess f’konformità ma’ standard li jinkludi t-teknoloġiji fil-pool. Fl-ewwel każ, teknoloġija titqies essenzjali (bil-kuntrarju għal dik nonessenzjali) jekk ma jkunx hemm sostituti vijabbli għaliha (kemm mil-lat kummerċjali kif ukoll minn dak teknoloġiku), kemm fil-pool u kemm 'il barra minnu, u meta tali teknoloġija tikkostitwixxi parti neċessarja mill-pakkett ta’ teknoloġiji għall-iskopijiet tal-produzzjoni ta’ prodott(i) jew it-twettiq ta’ proċess(i) li jkun relatat miegħu/magħhom il-pool. Fit-tieni każ, teknoloġija tkun essenzjali jekk tikkostitwixxi parti meħtieġa (jiġifieri ma jkun hemm l-ebda sostituti vijabbli) tat-teknoloġiji fil-pool meħtieġa għall-konformità mal-istandard li miegħu hu kumpatibbli l-pool (teknoloġiji standard essenzjali). Teknoloġiji li huma essenzjali bilfors ikunu wkoll komplimentari. Il-fatt li detentur ta' teknoloġija sempliċiment jiddikjara li teknoloġija hija essenzjali ma jimplikax li din it-teknoloġija tkun essenzjali skont il-kriterji deskritti f’dan il-punt.

253.

Fejn it-teknoloġiji f'pool ikunu sostituti, x'aktarx ir-royalties ikunu ogħla għaliex id-detenturi tal-liċenzja ma jibbenefikawx mir-rivalità bejn it-teknoloġiji kkonċernati. Meta t-teknoloġiji f’pool ikunu komplimentari l-pool ta' teknoloġija jnaqqas l-ispejjeż tat-tranżazzjoni u jista’ jwassal b’mod ġenerali għal tnaqqis fir-royalties għaliex il-partijiet ikunu f'pożizzjoni li jiffissaw royalties komuni għall-pakkett, u mhux kull wieħed minnhom jiffissa r-royalties għat-teknoloġija tiegħu mingħajr ma jqis li royalty ogħla għal teknoloġija waħda ħafna drabi tnaqqas id-domanda għal teknoloġiji kumplimentari. Jekk ir-royalties għal teknoloġiji komplimentari jiġu ffissati individwalment, it-total ta’ dawn royalties jista' ta’ spiss jaqbeż dak li jkun ġie ffissat b’mod kollettiv għall-pakkett tal-istess teknoloġiji komplimentari. Il-valutazzjoni dwar ir-rwol ta’ sostituti barra mill-pool hija stipulata fil-punt (262).

254.

Id-distinzjoni bejn teknoloġiji komplimentari u dawk sostituti ta' xulxin mhix dejjem netta, għaliex it-teknoloġiji jistgħu jkunu parzjalment sostituti ta' xulxin u parzjalment komplimentari. Meta minħabba l-effiċjenzi li jirriżultaw mill-integrazzjoni ta' żewġ teknoloġiji d-domanda tad-detenturi tal-liċenzja tkun għat-tnejn li huma, it-teknoloġiji jitqiesu bħala komplimentari anke jekk ikunu parzjalment sostituti ta' xulxin. F'dawn il-każijiet, fin-nuqqas tal-pool x'aktarx id-detenturi tal-liċenzja kienu jkunu jridu jilliċenzjaw iż-żewġ teknoloġiji minħabba l-benefiċċju ekonomiku miżjud li jirriżulta mill-użu taż-żewġ teknoloġiji, għall-kuntrarju ta' użu ta' waħda minnhom biss. In-nuqqas ta’ din l-evidenza bbażata fuq id-domanda dwar il-komplementarjetà tat-teknoloġiji miġbura, huwa indikazzjoni li dawn it-teknoloġiji huma komplimentari jekk (i) il-partijiet li jikkontribwixxu t-teknoloġija ma’ pool jibqgħu liberi li jilliċenzjaw it-teknoloġija tagħhom individwalment, (ii) il-pool ikun lest, minbarra l-pakkett ta’ teknoloġiji ta’ liċenzjar tal-partijiet kollha, li jilliċenzja teknoloġija ta’ kull parti wkoll separatament u (iii) r-royalties totali mitluba meta jieħdu liċenzji separati għat-teknoloġiji miġbura kollha ma jkunux jeċċedu royalties mitluba mill-pool għall-pakkett sħiħ ta’ teknoloġiji.

255.

L-inklużjoni ta’ teknoloġiji sostituti ta’ xulxin fil-pool ġeneralment jirrestrinġi l-kompetizzjoni bejn it-teknoloġiji minħabba li dan jista’ jammonta għal liċenzjar f’pakkett u jwassal għal iffissar tal-prezzijiet bejn il-kompetituri. Bħala regola ġenerali l-Kummissjoni tikkunsidra li l-inklużjoni ta’ teknoloġiji sostituti sinifikanti fil-pool tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Il-Kummissjoni tqis ukoll li diffiċilment jintlaħqu l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) fejn il-pool fil-parti l-kbira tiegħu jkun jinkludi għadd sinifikanti ta’ teknoloġiji sostituti ta’ xulxin. Peress li t-teknoloġiji kkonċernati huma alternattivi ta' xulxin, l-fatt li fil-pool ġew inklużi ż-żewġ teknoloġiji ma jammonta għall-ebda tfaddil tal-ispejjeż tal-operazzjoni. Fin-nuqqas tal-pool id-detenturi tal-liċenzja ma kinux jippreżentaw domanda għaż-żewġ teknoloġiji. Biex jittaffa t-tħassib dwar il-kompetizzjoni mhuwiex biżżejjed li l-partijiet jibqgħu liberi li jilliċenzjaw indipendentement. Dan għaliex il-partijiet x’aktarx ftit ikollhom inċentiv li jilliċenzjaw indipendentement sabiex ma jimminawx l-attività ta’ liċenzjar tal-pool, li tippermettilhom biex flimkien jeżerċitaw poter fis-suq.

L-għażla u l-funzjoni ta’ esperti indipendenti

256.

Fattur rilevanti ieħor fl-evalwazzjoni tar-riskji kompetittivi u l-effiċjenzi ta’ pools tat-teknoloġija huwa safejn l-esperti indipendenti jkunu involuti fil-ħolqien u l-operat tal-pool. Ngħidu aħna, il-valutazzjoni jekk teknoloġija hijiex essenzjali jew le għal standard li miegħu jkun kompatibbli l-pool ħafna drabi tkun waħda kumplessa li tirrikjedi għarfien espert speċjali. L-involviment ta' esperti indipendenti fil-proċess tal-għażla jista' jkun ta' siwi kbir biex ikun żgurat li l-impenn li jiġu inklużi biss teknoloġiji essenzjali jitwettaq fil-prattika. Fejn l-għażla tat-teknoloġiji inklużi fil-pool issir minn espert indipendenti, dan jista’ anki jkompli jiffavorixxi l-kompetizzjoni bejn is-soluzzjonijiet teknoloġiċi disponibbli.

257.

Il-Kummissjoni se tikkunsidra l-mod kif jintgħażlu l-esperti u x’ikunu eżattament il-funzjonijiet li jwettqu. L-esperti għandhom ikunu indipendenti mill-impriżi li jiffurmaw il-pool. Jekk l-esperti jkollhom konnessjonijiet mal-liċenzjaturi (jew mal-attività ta’ liċenzjar tal-pool) jew b’xi mod ieħor ikunu jiddependu minnhom, l-involviment tal-espert jingħata anqas piż. L-esperti għandu jkollhom ukoll l-għarfien espert tekniku neċessarju biex iwettqu d-diversi funzjonijiet fdati lilhom. Il-funzjonijiet tal-esperti indipendenti jistgħu jinkludu b'mod partikolari valutazzjoni jekk it-teknoloġiji proposti għall-inklużjoni fil-pool humiex validi u jekk humiex essenzjali.

258.

Fl-aħħar nett, kwalunkwe mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim previsti fl-istrumenti li jistabbilixxu l-pool huma rilevanti u għandhom jiġu kkunsidrati. Aktar kemm ir-riżoluzzjoni tat-tilwim tkun fdata lil entitajiet jew persuni indipendenti mill-pool u mill-membri tiegħu, aktar huwa probabbli li r-riżoluzzjoni tat-tilwim isir b'mod newtrali.

Salvagwardji kontra l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva

259.

Huwa rilevanti wkoll li jitqiesu l-arranġamenti dwar l-iskambju ta' informazzjoni sensittiva bejn il-partijiet (95). Fi swieq oligopolistiċi l-iskambji ta' informazzjoni sensittiva bħall-prezzijiet u dejta tal-produzzjoni jistgħu jiffaċilitaw il-kollużjoni (96). F’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni se tikkunsidra hemmx salvagwardji li jiżguraw li ma tiġix skambjata informazzjoni sensittiva. F'dan ir-rigward espert indipendenti jew entità tal-liċenzjar jista' jkollhom rwol importanti billi jiżguraw li ma tiġix żvelata data tal-produzzjoni jew tal-bejgħ, li tista' tkun neċessarja biex jiġu kkalkulati u verifikati r-royalties, lil impriżi li jikkompetu fis-swieq milquta.

260.

Għandha tingħata attenzjoni speċjali sabiex jiġu stabbiliti tali salvagwardji meta l-partijiet interessati jipparteċipaw simultanjament fi sforzi għall-formazzjoni ta’ pools ta’ standards li jikkompetu fejn din jista’ jwassal għal skambju ta’ informazzjoni sensittiva bejn pools li jikkompetu.

Eżenzjoni

261.

Il-ħolqien u l-operazzjoni tal-pool ġeneralment ma jaqgħux taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat, irrispettivament mill-pożizzjoni fis-suq tal-partijiet, jekk ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-parteċipazzjoni fil-proċess tal-ħolqien tal-pool tkun miftuħa għall-proprjetarji tad-drittijiet tat-teknoloġija interessati kollha;

(b)

jiġu adottati salvagwardji biżżejjed biex jiġi żgurat li fil-pool jidħlu biss teknoloġiji essenzjali (li għaldaqstant min-natura tagħhom huma kumplimentari);

(c)

jiġu adottati salvagwardji biżżejjed biex jiġi żgurat li l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva (bħall-ipprezzar u d-dejta tal-ouput) jkun ristrett għal dak li hu neċessarju għall-ħolqien u l-operazzjoni tal-pool;

(d)

it-teknoloġiji fil-pool ikunu liċenzjati fil-pool fuq bażi mhux esklussiva;

(e)

it-teknoloġiji fil-pool ikunu liċenzjati lid-detenturi kollha potenzjali skont termini (97) FRAND;

(f)

il-partijiet li jkunu qed jikkontribwixxu t-teknoloġija għall-pool kif ukoll id-detenturi tal-liċenzja jkunu ħielsa li jikkontestaw il-validità u l-essenżjalità tat-teknoloġiji fil-pool, u;

(g)

il-partijiet li jkunu qegħdin jikkontribwixxu t-teknoloġija fil-pool kif ukoll id-detentur tal-liċenzja jibqgħu ħielsa li jiżviluppaw prodotti u teknoloġija li jikkompetu.

Lil hinn mill-eżenzjoni

262.

Fejn fil-pool ikun hemm privattivi sinifikanti kumplimentari iżda mhux essenzjali, hemm ir-riskju ta’ esklużjoni ta’ teknoloġiji ta’ partijiet terzi. Ladarba teknoloġija tkun inkluża fil-pool u liċenzjata bħala parti mill-pakkett, id-detenturi tal-liċenzja x'aktarx ma jkollhomx wisq inċentiv li jilliċenzjaw teknoloġija li tikkompeti, meta r-royalties imħallsa għall-pakkett ikunu diġà jkopru teknoloġija sostituta. Barra dan, l-inklużjoni ta’ teknoloġiji li mhumiex neċessarji għall-iskopijiet tal-produzzjoni tal-prodott(i) jew it-twettiq tal-proċess(i) li miegħu/magħhom ikun relatat il-pool tat-teknoloġija jew għall-konformità mal-istandard li jinkludi t-teknoloġija fil-pool ukoll tisforza lid-detenturi tal-liċenzja jħallsu għal teknoloġija li jista’ jkun li ma jkollhomx bżonn. L-inklużjoni ta’ dan it-tip ta' teknoloġija kumplimentari għaldaqstant tammonta għal liċenzjar kollettiv f'pakkett. Meta pool jinkludi teknoloġiji mhux essenzjali, l-ftehim x’aktarx jinqabad taħt l-Artikolu 101(1) fejn il-pool ikollu pożizzjoni sinifikanti fi kwalunkwe suq rilevanti.

263.

Il-fatt li jistgħu jiġu żviluppati teknoloġiji sostitwibbli u kumplimentari wara l-ħolqien ta’ pool, il-ħtieġa li tivvaluta l-essenzjalità mhux bilfors tispiċċa bil-ħolqien ta’ pool. Għaldaqstant teknoloġija tista' ma tibqax essenzjali wara l-ħolqien ta' pool minħabba l-emerġenza teknoloġiji ġodda ta' partijiet terzi. Fejn tinġieb l-attenzjoni lill-pool li teknoloġija ġdida ta' parti terza bħal din tiġi offruta u mitluba mid-detenturi tal-liċenzji, it-tħassib dwar esklużjoni jistgħu jiġu evitati billi lid-detenturi ġodda u eżistenti tiġi offruta liċenzja mingħajr teknoloġija li m'għadhiex essenzjali b'rata ta’ royalties adegwatament imnaqqsa. Madankollu, jista' jkun hemm alternattivi oħra biex jiġi żgurat li t-teknoloġiji ta' partijiet terzi ma jkunux esklużi.

264.

Fl-evalwazzjoni ta’ pools tat-teknoloġija li jinkludu teknoloġiji mhux essenzjali iżda kumplimentari, il-Kummissjoni, fil-valutazzjoni globali tagħha se tieħu f’kunsiderazzjoni, inter alia, il-fatturi li ġejjin:

(a)

jekk ikunx hemm xi raġunijiet prokompetittivi biex it-teknoloġiji mhux essenzjali jiġu inklużi fil-pool, pereżempju minħabba l-ispejjeż tal-valutazzjoni dwar jekk it-teknoloġiji kollha jkunux essenzjali fid-dawl tan-numru għoli ta’ teknoloġiji;

(b)

jekk il-liċenzjaturi jibqgħux liberi li jilliċenzjaw it-teknoloġiji rispettivi tagħhom b'mod indipendenti, fejn il-pool ikun kompost minn numru limitat ta' teknoloġiji u jkun hemm teknoloġiji sostituti barra mill-pool, jista' jkun li d-detenturi tal-liċenzja jiġbru flimkien il-pakkett ta' teknoloġija tagħhom kompost parzjalment minn teknoloġija li tifforma parti mill-pool u parzjalment minn teknoloġija ta' partijiet terzi;

(c)

jekk, f’każijiet fejn it-teknoloġiji fil-pool ikollhom applikazzjonijiet differenti li xi wħud minnhom ma jirrikjedux l-użu tat-teknoloġiji kollha fil-pool, il-pool joffrix it-teknoloġiji biss bħala pakkett wieħed jew joffrix pakketti separati għal applikazzjonijiet distinti, li kull waħda minnhom tkun tinkludi biss dawk it-teknoloġiji rilevanti għall-applikazzjoni inkwistjoni: fil-każ tal-aħħar ikunu teknoloġiji li mhumiex essenzjali għal prodott jew proċess partikolari ma jkunux marbuta ma' teknoloġiji essenzjali;

(d)

jekk it-teknoloġiji miġbura flimkien humiex disponibbli biss bħala pakkett uniku jew jekk id-detenturi tal-liċenzja għandhomx il-possibbiltà li jiksbu liċenzja għal parti biss mill-pakkett, bi tnaqqis korrispondenti fir-royalties. Il-possibbiltà li tinkiseb liċenzja għal parti biss mill-pakkett tista' tnaqqas ir-riskju li jiġu esklużi teknoloġiji ta' partijiet terzi li m'humiex parti mill-pool, b'mod partikolari fejn id-detentur tal-liċenzja jikseb tnaqqis korrispondenti fir-royalties. Dan jirrikjedi li għal kull teknoloġija fil-pool jiġi assenjat sehem mir-royalties globali. Fejn l-arranġamenti ta' liċenzjar konklużi bejn il-pool u detenturi tal-liċenzja individwali jkunu għal żmien relattivament twil u t-teknoloġija fil-pool tkun kompatibbli ma' standard tal-industrija de facto, għandu jitqies ukoll li l-pool jista' jeskludi l-aċċess għas-suq ta' teknoloġiji sostituti ġodda. Fil-valutazzjoni tar-riskju ta' esklużjoni f'każijiet bħal dawn huwa rilevanti li jiġi kkunsidrat jekk id-detenturi tal-liċenzja jistgħux itemmu parti mil-liċenzja b'avviż raġonevoli minn qabel, u jiksbu tnaqqis korrispondenti fir-royalties.

265.

Anke l-arranġamenti dwar pools ta’ teknoloġija li jirrestrinġu l-kompetizzjoni jistgħu jwasslu għal effiċjenzi prokompetittivi (ara l-punt (245)), li għandhom jitqiesu taħt l-Artikolu 101(3) u jiġu bbilanċjati mal-effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni. Pereżempju, jekk pool ta' privattivi jinkludi privattivi mhux essenzjali iżda li jissodisfaw il-kriterji l-oħra kollha tal-eżenzjoni elenkati fil-punt (261), fejn hemm raġunijiet prokompetittivi għall-inklużjoni ta' privattivi mhux essenzjali fil-pool (ara l-punt (264)) u fejn id-detenturi tal-liċenzja għandhom il-possibbiltà li jiksbu liċenzja għal parti biss mill-pakkett bi tnaqqis korrispondenti fir-royalties (ara l-punt (264)), x’aktarx li l-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) jiġu ssodisfati.

4.4.2.   L-evalwazzjoni ta’ restrizzjonijiet individwali fi ftehimiet bejn il-pool u detenturi tal-liċenzja tiegħu

266.

F’każ li l-ftehim sabiex jitwaqqaf pool tat-teknoloġija ma jiksirx l-Artikolu 101 tat-Trattat, il-pass li jmiss ikun li jiġi vvalutat l-impatt kompetittiv tal-liċenzji miftehmin mill-pool mad-detenturi tal-liċenzja tiegħu. Il-kundizzjonijiet li fuqhom jingħataw il-liċenzji jistgħu jinqabdu mill-Artikolu 101(1). L-għan ta’ din it-taqsima huwa li jiġi indirizzat ċertu numru ta’ limitazzjonijiet li f’xi forma jew oħra spiss isibu posthom fi ftehimiet ta’ liċenzjar minn pools tat-teknoloġija u li jeħtieġ li jkunu evalwati fil-kuntest ġenerali tal-pool. Ġeneralment ir-REKTT ma japplikax għal ftehimiet ta’ liċenzjar konklużi bejn il-pool u detenturi ta' partijiet terzi (ara l-punt (247)). Din it-taqsima għalhekk għandha x'taqsam mal-valutazzjoni individwali ta’ kwistjonijiet ta’ liċenzjar li huma partikolari għal-liċenzjar fil-kuntest tal-pools tat-teknoloġija.

267.

Meta tkun qed tagħmel l-evalwazzjoni tagħha ta’ ftehimiet dwar it-trasferiment ta’ teknoloġija bejn il-pool u d-detenturi tal-liċenzja tagħha, il-Kummissjoni se tiġi ggwidata mill-prinċipji ewlenin li ġejjin:

(a)

Aktar kemm il-pool ikun b'saħħtu fis-suq aktar ikun hemm ir-riskju li jinħolqu effetti anti-kompetittivi.

(b)

aktar kemm il-pool ikun b’saħħtu fis-suq, aktar ikun probabbli li ma jkunx hemm qbil dwar l-għoti tal-liċenzja lid-detenturi potenzjali kollha jew li jingħataw liċenzji b’kundizzjonijiet diskriminatorji se jiksru l-Artikolu 101;

(c)

il-pools m'għandhomx jeskludu indebitament teknoloġiji ta' partijiet terzi jew jillimitaw il-ħolqien ta' pools alternattivi;

(d)

il-ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija m’għandhom jinkludu l-ebda waħda mir-restrizzjonijiet fundamentali elenkati fl-Artikolu 4 tar-REKTT (ara t-taqsima 3.4)

268.

L-impriżi li jistabbilixxu pool ta’ teknoloġija li tkun kumpatibbli mal-Artikolu 101 tat-Trattat, normalment huma liberi li jinnegozjaw u jiffissaw royalties għall-pakkett ta’ teknoloġija (suġġett għal xi impenji mogħtija għal-liċenża b’kundizzjonijiet ġusti, raġjonevoli u mhux diskriminatorji, FRAND) kif ukoll is-sehem ta’ kull teknoloġija mir-royalties qabel jew wara li jiġi ffissat l-istandard. Tali ftehim huwa inerenti għall-istabbiliment tal-istandard jew il-pool u ma jistax fih innifsu jitqies bħala restrizzjoni għall-kompetizzjoni. F’ċerti ċirkostanzi, jista’ jkun aktar effiċjenti jekk ir-royalties ikunu miftiehma qabel ma jintgħażel l-istandard, sabiex ma jiġrix li l-għażla tal-istandard iżżid ir-rata tar-royalties billi jingħata grad sinifikanti ta’ saħħa fis-suq lil xi teknoloġija essenzjali, waħda jew aktar. Min-naħa l-oħra, id-detenturi tal-liċenzja jridu jibqgħu liberi li jiddeterminaw il-prezz tal-prodotti li jipproduċu taħt il-liċenzja.

269.

Fejn il-pool ikollu pożizzjoni dominanti fis-suq, ir-royalties u l-kundizzjonijiet oħra ta' liċenzjar għandhom ikunu ġusti u non-diskriminatorji, u l-liċenzji m'għandhomx ikunu esklussivi (98). Dawn ir-rekwiżiti huma meħtieġa biex ikun żgurat li l-pool ikun miftuħ u ma jwassalx għal esklużjoni jew effetti anti-kompetittivi oħra fis-swieq downstream. Iżda tali rekwiżiti ma jipprojbixxux royalties differenti għal użi differenti. B'mod ġenerali l-applikazzjoni ta' rati differenti ta' royalties għal swieq tal-prodotti differenti ma titqiesx bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni, iżda m'għandux ikun hemm diskriminazzjoni fi ħdan l-istess swieq. B'mod partikolari, it-trattament tad-detenturi tal-pool m’għandux jiddependi minn jekk humiex liċenzjaturi wkoll jew le. Il-Kummissjoni għalhekk se tqis jekk il-liċenzjaturi u d-detenturi tal-liċenzja humiex suġġetti għall-istess obbligi dwar royalties.

270.

Il-liċenzjaturi u d-detenturi tal-liċenzja għandhom ikunu ħielsa li jiżviluppaw prodotti u standards li jikkompetu bejniethom. Huma jridu wkoll ikunu ħielsa li jagħtu u jirċievu liċenzji barra mill-pool. Dawn ir-rekwiżiti huma neċessarji sabiex ikun limitat ir-riskju ta' esklużjoni ta' teknoloġiji ta' partijiet terzi u biex ikun żgurat li l-pool ma jillimitax l-innovazzjoni u jxekkel il-ħolqien ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi li jikkompetu. Fejn teknoloġija f’pool tkun inkluża fi standard tal-industrija (de facto) u fejn il-partijiet ikunu suġġetti għal obbligi ta’ non-kompetizzjoni, il-pool joħloq riskju partikolari li jżomm milli jsir żvilupp ta’ teknoloġiji u standards ġodda u mtejba.

271.

Obbligi ta' retroċessjoni m'għandhomx ikunu esklussivi u għandhom ikunu limitati għal żviluppi li jkunu essenzjali jew importanti għall-użu tat-teknoloġija miġbura f'pool. Dan jippermetti lill-pool li jibbenefika mit-titjib fit-teknoloġija miġbura. Huwa leġittimu li l-partijiet jiżguraw permezz ta’ obbligi ta’ retroċessjoni li l-esplojtazzjoni tat-teknoloġija fil-pool ma tkunx tista’ tinżamm minn detenturi tal-liċenzja, inklużi s-sottokuntratturi li jkunu qed jaħdmu taħt il-liċenzja tad-detentur, li jkollhom jew li jiksbu privattivi essenzjali.

272.

Waħda mill-problemi identifikati rigward pools ta' teknoloġija huwa r-riskju li dawn jistgħu jipproteġu privattivi invalidi. Il-ġbir f’pool jista’ jżid l-ispejjeż/ir-riskji għal kontestazzjoni b’suċċess, għaliex jekk privattiva waħda biss fil-pool tkun valida, il-kontestazzjoni tista’ tfalli. Il-protezzjoni ta' privattivi invalidi fil-pool tista' tobbliga lid-detenturi tal-liċenzja jħallsu aktar royalties u tista' wkoll iżżomm milli ssir innovazzjoni fil-qasam kopert bi privattiva invalida. F’dan il-kuntest, klawżoli ta’ non-kontestazzjoni, inklużi klawżoli ta’ terminazzjoni (99), fi ftehim dwar trasferiment ta’ teknoloġija bejn il-pool u partijiet terzi x’aktarx li jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat.

273.

Il-pools ta’ spiss jinkludu kemm privattivi kif ukoll applikazzjonijiet għal privattivi. Jekk applikanti għall-privattivi li jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom għall-privattivi lil pool, fejn ikunu disponibbli, jużaw il-proċeduri ta’ applikazzjoni għal privattiva li jippermettu għoti aktar malajr, dan jikseb ċertezza aktar malajr dwar il-validità u l-ambitu ta’ dawn il-privattivi.


(1)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE saru l-Artikoli 101 u 102, rispettivament, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Iż-żewġ settijiet ta' dispożizzjonijiet huma, fis-sustanza, identiċi. Għall-finijiet ta’ dawn il-linji gwida, ir-referenzi għall-Artikoli 101 u 102 tat-TFUE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikoli 81 u 82, rispettivament, tat-Trattat tal-KE, fejn xieraq. It-TFUE introduċa wkoll ċerti tibdiliet fit-terminoloġija, bħas-sostituzzjoni ta’ “Komunità” b’ “Unjoni” u “suq komuni” b’ “suq intern”. It-terminoloġija tat-TFUE se tintuża tul dawn il-linji gwida.

(2)  ĠU L 93, 28.3.2014, p. 17. Ir-REKTT jieħu post ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 772/2004 tas-27 ta' April 1996 fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għall-kategoriji ta' ftehimiet dwar it-trasferiment ta' teknoloġija (ĠU L 123, 27.4.2004, p. 11).

(3)  Ara b'analoġija l-Każijiet Konġunti C-395/96 P u C-396/96 P, Compagnie Maritime Belge, [2000] Ġabra. I-1365; il-paragrafu 130 u l-paragrafu 106 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat, ĠU C 101, 27.4.2004, p. 97.

(4)  Minn hawn 'il quddiem, it-terminu “ftehim” jinkludi prattiċi miftiehma u deċiżjonijiet ta' assoċjazzjonijiet ta' impriżi.

(5)  Ara l-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar il-kunċett tal-effett fuq il-kummerċ li jinsab fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, ĠU C 101, 27.4.2004, p. 81.

(6)  Minn hawn 'il quddiem, it-terminu “restrizzjoni” jinkludi l-prevenzjoni u d-distorsjoni tal-kompetizzjoni.

(7)  Li tinkludi drittijiet ta’ kera. Ara f’dan ir-rigward il-Każ 158/86, Warner Bros. u Metronome Video, [1988] Ġabra 2605 u l-Każ C-61/97, Foreningen af danske videogramdistributører, [1998] Ġabra I- 5171.

(8)  Dan il-prinċipju tal-eżawriment tal-Unjoni huwa pereżempju mnaqqax fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/95/KE biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-marki kummerċjali (ĠU L 299, 8.11.2008, p. 25), li jistipula li marka kummerċjali ma tatix lill-proprjetarju d-dritt li jipprojbixxi l-użu tagħha fir-rigward ta’ prodotti li jkunu tqiegħdu fis-suq fl-Unjoni taħt dik il-marka kummerċjali mill-proprjetarju jew bil-kunsens tiegħu, u l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU L 111, 5.5.2009, p. 16), li jistipula li l-ewwel bejgħ ta’ kopja ta’ programm fl-Unjoni mid-detentur tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu se jeżawrixxi d-dritt ta’ distribuzzjoni ta’ dik il-kopja fl-Unjoni, bl-eċċezzjoni tad-dritt biex jikkontrolla aktar il-kiri tal-programm jew kopja tiegħu. F’dan ir-rigward ara C-128/11, UsedSoft GmbH v. Oracle International Corp., [2012] Ġabra XXX., għadu mhux ippubblikat.

(9)  Ara, pereżempju il-Każijiet Konġunti 56/64 u 58/64, Consten u Grundig, [1966] Ġabra. 429.

(10)  Il-metodoloġija għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) hija stabbilita fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat imsemmi fin-nota f'qiegħ il-paġna 3.

(11)  Ara l-Każ 56/65, Société Technique Minière, [1966] Ġabra. 337, u l-Każ C-7/95 P, John Deere, [1998] Ġabra. I-3111, il-paragrafu 76.

(12)  F'dan ir-rigward ara pereżempju s-sentenza f'Consten u Grundig imsemmija fin-nota f'qiegħ il-paġna 9.

(13)  F'dan ir-rigward, ara s-sentenza f'Société Technique Minière imsemmija fin-nota f'qiegħ il-paġna 11 u l-Każ 258/78, Nungesser, [1982] Ġabra. 2015.

(14)  Pereżempju ara l-punti (126) sa (127).

(15)  F’dan ir-rigward, ara l-Każ C-49/92 P, Anic Partecipazioni, [1999] Ġabra. I-4125, il-paragrafu 99.

(16)  Ara l-Każijiet Konġunti 29/83 u 30/83, CRAM u Rheinzink, [1984] Ġabra. 1679, il-paragrafu 26, u l-Każijiet Konġunti 96/82 u oħrajn, ANSEAU-NAVEWA, [1983] Ġabra. 3369, il-paragrafi 23-25. Il-Każ T-491/07 Groupement des cartes bancaires v il-Kummissjoni, sentenza tad-29 ta’ Novembru 2012, paragrafu 146.

(17)  Il-Każ C-209/07 Beef Industry Development Society u Barry Brothers [2008] Ġabra I 8637, il-paragrafu 21;

(18)  Aktar gwida dwar il-kunċett ta’ restrizzjoni intenzjonata tal-kompetizzjoni jista’ jinkiseb fil-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat, imsemmi fin-nota f'qiegħ il-paġna 3. Ara wkoll il-Każijiet Konġunti C-501/06 P, C-513/06 P, C-515/06 P u C-519/06 P GlaxoSmithKline Services u Oħrajn v il-Kummissjoni u Oħrajn [2009] Ġabra I-9291, il-paragrafi 59 sa 64; Il-Każ 27 C-209/07 Beef Industry Development Society u Barry Brothers [2008] Ġabra I 8637, il-paragrafi 21 sa 39; Il-Każ C-8/08, T-Mobile Netherlands u Oħrajn [2009] Ġabra I-4529, il-paragrafi 31 u 36 sa 39 u l-Każ C-32/11 Allianz l-Ungerija Biztosító u Oħrajn, sentenza tal-14 ta’ Marzu 2013, il-paragrafi 33 sa 38.

(19)  Ara s-sentenza f'John Deere, [1998] imsemmija hawn fuq fin-nota f'qiegħ il-paġna 11.

(20)  Gwida fuq il-kwistjoni tal-apprezzabilità tista' tinsab fl-Avviż tal-Kummissjoni dwar ftehimiet ta’ importanza minuri li ma jirrestrinġux b’mod apprezzabbli l-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 81(1) tat-Trattat li jistabblixxi l-Komunità Ewropea (ĠU C 368, 22.12.2001, p. 13). L-Avviż jiddefinixxi l-apprezzabbiltà b'mod negattiv. Il-ftehimiet li ma jaqgħux fl-ambitu tal-avviż de minimis mhux bilfors ikollhom effetti restrittivi li jinħassu. Tinħtieġ valutazzjoni individwali.

(21)  Il-Każ T-321/05 Astra Zeneca v il-Kummissjoni [2010] Ġabra II-2805, il-paragrafu 267.

(22)  Il-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat, punt 26 imsemmi fin-nota f'qiegħ il-paġna 3.

(23)  Ara l-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni kif stipulati fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1) l-aħħar emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1419/2006 tal-25 ta’ Settembru 2006 (ĠU L 269, 28.9.2006, p. 1).

(24)  ĠU C 372, 9.12.1997, p. 5.

(25)  Ara pereżempju d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni COMP/M.5675 Syngenta/Monsanto fejn il-Kummissjoni analizzat il-fużjoni ta’ żewġ kumpaniji integrati vertikalment li jrabbu l-ġirasol billi eżaminat kemm (i) is-suq upstream għall-kummerċ (jiġifieri l-iskambju u l-liċenzjar) tal-varjetajiet (linji parentali u ibridi) u (ii) is-suq downstream għall-kummerċjalizzazzjoni tal-ibridi. F’COMP/M.5406, IPIC/MAN Ferrostaal AG, il-Kummissjoni ddefiniet, minbarra suq għall-produzzjoni ta’ melamina ta’ grad għoli, suq upstream ta’ teknoloġija għall-provvista tat-teknoloġija tal-produzzjoni tal-melamina. Ara wkoll COMP/M.269, Shell/Montecatini.

(26)  Ara wkoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni COMP/M.5675 Syngenta/Monsanto u d-Deċiżjoni COMP/M.5406, IPIC/MAN Ferrostaal AG.

(27)  Ara wkoll il-paragrafi 119 sa 122 tal-Linji Gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-ftehimiet orizzontali ta' kooperazzjoni (“Linji Gwida Orizzontali”), ĠU C 11, 14.1.2011, p. 1.

(28)  Ara wkoll il-punt (157).

(29)  F’xenarju fejn l-impriżi jkunu taw impenn ġenerali li jilliċenzjaw ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali, pereżempju l-Liċenzja għad-Dritt tal-impenn FRAND, il-partijiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala f’pożizzjoni ta’ imblukkar abbażi ta’ dawn id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali.

(30)  Il-Każijiet Konġunti T-374/94, T-375/94, T-384/94 u T-388/94, European Night Services u Oħrajn v il-Kummissjoni [1998] Ġabra 3141, il-paragrafu 137.

(31)  Il-Każ T-461/07, Visa Europe Ltd u Visa International Service v Il-Kummissjoni Ewropea [2011] Ġabra II-1729, il-paragrafu 167.

(32)  Il-Każ T-461/07, Visa Europe Ltd u Visa International Service v il-Kummissjoni Ewropea [2011] Ġabra II-1729, il-paragrafu 189.

(33)  F'dan ir-rigward ara l-Avviż dwar ftehimiet ta’ importanza minuri msemmi fin-nota f'qiegħ il-paġna 20.

(34)  Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, ftehimiet li jistgħu jaffettwaw il-kummerċ bejn Stati Membri iżda li ma jkunux projbiti mill-Artikolu 101 ma jistgħux jiġu pprojbiti mil-liġi tal-kompetizzjoni nazzjonali.

(35)  Ir-REKTT jista' issa jkopri l-ftehim ta’ trasferiment tat-teknoloġija vvalutat fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f’Moosehead/Whitbread (ĠU L 100, 20.4.1990, p. 32), ara b'mod partikolari paragrafu 16 ta' dik id-deċiżjoni.

(36)  F'dan ir-rigward ara l-Każ 262/81, Coditel (II), [1982] Ġabra 3381.

(37)  ĠU L 102, 23.4.2010, p. 1.

(38)  It-termini “liċenzjar” jew “liċenzjat” użati f’dawn il-Linji gwida jinkludu wkoll in-nonassenjament, l-arranġamenti tranżitorji sakemm it-trasferiment tad-drittijiet ta' teknoloġija jseħħu kif deskritt f’din it-taqsima. Ara iktar 'il quddiem dwar ftehimiet tranżitorji punti (234) ff.

(39)  Skont ir-Regolament 19/65 tal-Kunsill tat-2 ta' Marzu 1965 dwar l-applikazzjoni tal-Artiklu 85(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta' ftehimiet u prattiċi kkonċernati, ĠU, Serje Edizzjoni Speċjali I 1965-1966, p. 35, il-Kummissjoni m'għandhiex is-setgħa li timblukka l-ftehimiet dwar it-trasferimenti ta' teknoloġija konklużi bejn iktar minn żewġ impriżi.

(40)  Ara l-premessa 6 tar-REKTT u aktar fit-taqsima 3.2.6.

(41)  Għal aktar dettalji ara l-punt (247).

(42)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 330/2010 tal-20 ta’ April 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-kategoriji ta’ ftehimiet vertikali u prattiċi miftiehma (ĠU L 102, 23.4.2010, p. 1).

(43)  ĠU C 130, 19.5.2010, p. 1.

(44)  L-Avviż tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 1978 rigward l-istima tagħha ta' ċertu ftehimiet ta' subkontratti fir-rigward tal-Artikolu 85(1) tat-Trattat tal-KEE (ĠU C 1, 3.1.1979, p. 2).

(45)  Ara l-punt 3 tan-Notifika tal-Kummissjoni dwar il-ftehimiet tas-subkuntrattar imsemmija fin-nota f'qiegħ il-paġna 44.

(46)  Ara wkoll it-taqsima 3.2.6.1.

(47)  Madankollu, dan l-aħħar eżempju huwa kopert mir-Regolament (UE) Nru 1217/2010, imsemmi fin-nota f'qiegħ il-paġna 49, ara wkoll it-taqsima 3.2.6.1. hawn taħt.

(48)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1218/2010 tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni (ĠU L 335, 18.12.2010, p. 43).

(49)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1217/2010 tal-14 ta’ Diċembru 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ riċerka u ftehimiet ta’ speċjalizzazzjoni (ĠU L 335, 18.12.2010, p. 36).

(50)  Imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 42.

(51)  Ara wkoll il-fuljett “Il-politika tal-Kompetizzjoni fl-Ewropa – Ir-regoli tal-kompetizzjoni għall-ftehimiet ta' provvista u distribuzzjoni”, il-Kummissjoni Ewropea, l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea 2012 il-Lussemburgu.

(52)  ĠU L 102, 23.4.2010, p. 1 u ĠU C 130, 19.5.2010, p. 1.

(53)  Ara per eżempju l-każistika msemmija fin-nota f'qiegħ il-paġna 16

(54)  Ara l-punt 18 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni. tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat, imsemmi fin-nota f'qiegħ il-paġna 3.

(55)  Il-Każ T-17/93 Matra [1994] Ġabra II-595, paragrafu 85.

(56)  F’dan ir-rigward ara l-punt 98 tal-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat imsemmi fin-nota f'qiegħ il-paġna 3.

(57)  Dan ikun il-każ ukoll fejn parti tilliċenzja lill-oħra u taċċetta li tixtri parti mill-produzzjoni materjali mingħand id-detentur tal-liċenzja. Il-prezz tal-akkwist jista' jkollu l-istess funzjoni tar-royalty.

(58)  F’dan ir-rigward ara l-Każ 193/83, Windsurfing International, [1986] Ġabra 611, paragrafu 67.

(59)  ĠU C 130, 19.5.2010, p. 1, punt 51.

(60)  Restrizzjonijiet rigward il-qasam tal-użu huma trattati wkoll fil-punti (208) ff.

(61)  Għal definizzjoni ta’ bejgħ passiv, ara l-punt (108) ta' dawn il-linji gwida u l-Linji Gwida dwar Restrizzjonijiet Vertikali msemmija fin-nota f'qiegħ il-paġna 52, il-punt 51.

(62)  Din ir-restrizzjoni fundamentali tapplika għal ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija li jirrigwardaw kummerċ fi ħdan l-Unjoni. Safejn il-ftehimiet dwar trasferiment ta’ teknoloġija jkunu relatati ma’ esportazzjonijiet barra l-Unjoni jew importazzjonijiet/ri-importazzjonijiet minn barra l-Unjoni, ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Każ C-306/96 Javico vs Yves Saint Laurent [1998] Ġabra I-1983. F'dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-paragrafu 20, li “ftehim li fih ir-rivenditur jieħu l-impenn fil-konfront tal-manifattur, li jbigħ il-prodotti tal-kuntratt f'suq barra mill-Komunità, ma jistax jitqies li għandu l-għan li jirrestrinġi b'mod sinifikanti l-kompetizzjoni fis-suq komuni jew li jista’ jaffettwa, bħala tali, il-kummerċ bejn l-Istati Membri”.

(63)  F'dan ir-rigward ara l-Każ 26/76, Metro (I), [1977] Ġabra 1875.

(64)  F'dan ir-rigward ara l-Każ 65/86, Bayer v Süllhofer, [1988] Ġabra 5249.

(65)  Fir-rigward tal-kontestazzjoni tas-sjieda ta’ marka kummerċjali ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f’Moosehead/Whitbread (ĠU L 100, 20.4.1990, p. 32).

(66)  Il-Każ 193/83, Windsurfing International, [1986] Ġabra 611, il-paragrafu 92.

(67)  Fil-kuntest ta’ ftehim li ma jkunx teknikament ftehim esklussiv, u fejn klawżola ta' terminazzjoni għalhekk ma tkun koperta bir-REKTT, il-liċenzjatur jista' f’każ speċifiku jkun f’sitwazzjoni simili ta’ dipendenza fir-rigward ta’ detentur tal-liċenzja b’poter ta’ xerrej konsiderevoli. Din id-dipendenza se tiġi kkunsidrata fil-valutazzjoni individwali.

(68)  Ara l-punt (14) hawn fuq.

(69)  Ara l-punt (36) hawn fuq.

(70)  F’dan ir-rigward ara l-punt 42 tal-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat imsemmi fin-nota f'qiegħ il-paġna 3.

(71)  F'dan ir-rigward ara l-punt 8 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar ftehimiet ta' importanza minuri, msemmi fin-nota f'qiegħ il-paġna 20.

(72)  Ara, f’dan ir-rigward il-Każ T-228/97, Irish Sugar, [1999] Ġabra II-2969, il-paragrafu 101.

(73)  F'dan ir-rigward ara l-punt 36 tal-Linji Gwida dwar ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali, imsemmi fin-nota f'qiegħ il-paġna 27.

(74)  Ara wkoll il-Każijiet Konġunti C-501/06 P, C-513/06 P, C-515/06 P u C-519/06 P GlaxoSmithKline Services u Oħrajn v il-Kummissjoni u Oħrajn [2009] Ġabra I-9291, il-paragrafu 82

(75)  Ara l-Każijiet Konġunti 25/84 u 26/84, Ford [1985] Ġabra. 2725. Ara wkoll il-Każijiet Konġunti C-501/06 P, C-513/06 P, C-515/06 P u C-519/06 P GlaxoSmithKline Services u Oħrajn v il-Kummissjoni u Oħrajn [2009] Ġabra I-9291, il-paragrafu 103.

(76)  F’dan ir-rigward ara pereżempju d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 1999TPS (ĠU L 90, 2.4.1999, p. 6). Bl-istess mod, il-projbizzjoni fl-Artikolu 101(1) tapplika biss ukoll sakemm il-ftehim jkollu skop restrittiv jew effetti restrittivi.

(77)  Imsemmi fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 52. Ara partikolarment il-paragrafi 106 et seq.

(78)  Dwar dawn il-kunċetti ara t-taqsima 4.4.1.

(79)  Ara l-punt 85 tal-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni. tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat, imsemmi fin-nota f'qiegħ il-paġna 3.

(80)  Idem, il-paragrafi 98 u 102.

(81)  B’analoġija ara l-paragrafu 130 ta’ Każijiet Konġunti C-395/96 P u C-396/96 P, Compagnie Maritime Belge, imsemmi fin-nota f'qiegħ il-paġna 3. Bl-istess mod, l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) ma żżommx milli jiġu applikati r-regoli tat-Trattat dwar il-libertà tal-moviment tal-prodotti, servizzi, persuni u kapital. F'ċerti ċirkostanzi, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw għal ftehimiet, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma fis-sens tal-Artikolu 101(1); f'dan ir-rigward ara l-Każ C-309/99, Wouters, [2002] Ġabra I-1577, il-paragrafu 120.

(82)  F'dan ir-rigward ara l-Każ T-51/89, Tetra Pak (I), [1990] Ġabra II-309. Ara l-punt 106 tal-Linji Gwida dwar l-applikazzjoni. tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat, imsemmi fin-nota f'qiegħ il-paġna 3 hawn fuq.

(83)  Dan huwa mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni possibbli tal-Artikolu 102 tat-TFUE għall-istabbilment ta’ royalties (ara l-Każ 27/76, United Brands, il-paragrafu 250, ara wkoll il-Każ C-385/07 P, Der Grüne Punkt — Duales System Deutschland GmbH [2009] ECR Ġabra-6155, il-paragrafu 142).

(84)  Ara s-sentenza f'Nungesser, imsemmija fin-nota f'qiegħ il-paġna 13.

(85)  F’dan ir-rigward ara l-Avviż tal-Kummissjoni fil-Każ Canon/Kodak (ĠU C 330, 1.11.1997, p. 10) u l-Kawża IGR Stereo Television imsemmija fil-XI-il Rapport dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni, il-paragrafu 94.

(86)  Għall-qafas analitiku applikabbli ara t-taqsima 4.2.7 hawn taħt u l-punti 129 et seq. tal-Linji Gwida dwar Limitazzjonijiet Vertikali msemmija fin-nota f'qiegħ il-paġna 52.

(87)  Ara n-nota f'qiegħ il-paġna Nru 52.

(88)  Ir-REKTT u l-Linji Gwida tagħha huma mingħajr ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 għal ftehimiet bonarji li ma jkunx fihom ftehim ta’ liċenzjar.

(89)  Il-Każ 193/83, Windsurfing International vs il-Kummissjoni [1986], Ġabra 611, il-paragrafu 92.

(90)  Ara l-Każ 65/86 Bayer V. Sulhofer [1988], Ġabra 5259, il-paragrafu 15.

(91)  Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni f’Lundbeck, li għadha ma ġietx ippubblikata.

(92)  Ara l-Każ C-457/10 P, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, [2012], Ġabra li għadu mhux ippubblikat.

(93)  Dwar it-trattament ta’ standards u t-trattament ta’ ftehimiet ta’ standardizzazzjoni ara l-Linji Gwida Orizzontali, il-punt 257 ff., ċitat fin-nota f'qiegħ il-paġna 27.

(94)  F’dan ir-rispetta ara l-istqarrija għall-istampa tal-Kummissjoni IP/02/1651 dwar il-liċenzjar ta’ privattivi għal servizzi taċ-ċellulari tat-tielet ġenerazzjoni (3G) Dan il-każ kien jinvolvi ħames pools ta’ teknoloġija li ħolqu ħames teknoloġiji differenti, kull waħda minnhom li tista’ tintuża biex tipproduċi apparat tat-3G

(95)  Għal dettalji dwar it-tqassim tal-informazzjoni, ara l-Linji Gwida Orizzontali, il-punt 55 pp., msemmi fin-nota f'qiegħ il-paġna 27.

(96)  F’dan ir-rigward, ara s-sentenza f'John Deere, imsemmija fin-nota f'qiegħ il-paġna 11.

(97)  Għal dettalji dwar il-FRAND, ara l-Linji Gwida Orizzontali, il-punt 287 pp., msemmi fin-nota f'qiegħ il-paġna 27.

(98)  Madankollu, jekk pool tat-teknoloġija m’għandhux saħħa fis-suq, il-liċenzjar mill-pool normalment ma jiksirx l-Artikolu 101(1) anke jekk dawk il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfati.

(99)  Ara t-taqsima 3.5.