10.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 442/301


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti tal-Aġenzija

(2014/C 442/35)

INTRODUZZJONI

1.

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (minn hawn 'il quddiem “l-Aġenzija”, magħrufa wkoll bħala l-“FRA”), li tinsab fi Vjenna, ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 (1). L-objettiv tal-Aġenzija huwa li tipprovdi assistenza u kompetenza lill-awtoritajiet rilevanti tal-Unjoni u tal-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi tal-Unjoni relatata mad-drittijiet fundamentali (2).

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Aġenzija, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

Il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi (5):

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Aġenzija wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Aġenzija fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2013 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

10.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

11.

Fl-2013, il-livell kumplessiv ta' approprjazzjonijiet impenjati kien ta' 100 %, li jindika li l-impenji saru f'waqthom. Madankollu, il-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati għall-2014 kien għoli f'livell ta' EUR 5 79  429 (27 %) għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) u EUR 5 6 25  444 (69 %) għat-Titolu III (nefqa operazzjonali).

12.

L-ammonti riportati taħt it-Titolu II huma prinċipalment relatati max-xiri ppjanat ta' oġġetti u servizzi tal-IT. Ir-riporti taħt it-Titolu III prinċipalment jirriflettu n-natura pluriennali tal-proġetti operazzjonali tal-Aġenzija, fejn il-pagamenti jsiru skont l-iskedi ppjanati.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SENA PREĊEDENTI

13.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b'rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-sena preċedenti tingħata fl-Anness I.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Pietro RUSSO, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tas-16 ta’ Settembru 2014.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1.

(2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(5)  L-Artikoli 39 u 50 tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(7)  L-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) Nru 1271/2013.


ANNESS I

Segwitu għall-kummenti mis-sena preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

2012

Fl-2012 l-Aġenzija akkwistat servizzi ta’ tindif permezz ta’ kuntratti qafas kumulattivi (cascading framework contracts) lil żewġ fornituri. Minħabba żball klerikali matul l-evalwazzjoni tal-offerti, il-klassifikazzjoni tal-kuntratturi kienet skorretta. Kuntratt speċifiku għal EUR 56  784 li ngħata fl-2012 u l-pagamenti relatati huma irregolari. Wara l-awditu tal-Qorti, l-Aġenzija emendat il-klassifikazzjoni tal-kuntratturi kif meħtieġ.

Ikkompletata

2012

L-Aġenzija ma kellhiex proċedura ta’ verifikazzjoni formali ex post stabbilita matul l-2012. Madankollu, ġiet implimentata proċedura formali fil-bidu tal-2013, wara analiżi komprensiva tar-riskju mwettqa mill-Aġenzija.

Ikkompletata

2012

Filwaqt li l-implimentazzjoni tal-baġit għat-Titolu III (nefqa operazzjonali) kienet baxxa f’livell ta’ 49 % tal-approprjazzjonijiet impenjati, din ma rriżultatx minn dewmien fl-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Ħidma Annwali tal-Aġenzija u tirrifletti n-natura pluriennali tal-attivitajiet. L-Aġenzija adottat modulu ta’ ppjanar baġitarju li huwa marbut direttament mal-Programm ta’ Ħidma Annwali tagħha u l-pagamenti kienu ppjanati u mwettqa skont il-ħtiġijiet operazzjonali.

M/A


ANNESS II

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (Vjenna)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

Ġbir ta’ informazzjoni

Biex twettaq il-kompiti fdati lilha, il-Kummissjoni tista’ tiġbor kull tagħrif u tagħmel il-verifiki kollha meħtieġa fil-limiti u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Kunsill, li jaġixxi b’maġġoranza sempliċi, skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati. (l-Artikolu 337).

Kompetenzi tal-Aġenzija

(Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007)

Objettivi

Li tipprovdi lill-istituzzjonijiet, lill-korpi, lill-uffiċċji u lill-aġenziji rilevanti tal-Unjoni u tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni b'assistenza u b'kompetenza relatati mad-drittijiet fundamentali biex tagħtihom appoġġ meta jieħdu miżuri jew jifformulaw pjanijiet ta' azzjoni fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom sabiex ikunu rrispettati bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali.

Kompiti

Li tiġbor, tirreġistra, tanalizza u xxerred informazzjoni u data rilevanti, oġġettivi, affidabbli u komparabbli;

li tiżviluppa metodi u standards għat-titjib tal-kumparabbiltà, l-oġġettività u l-affidabbiltà tad-data fuq livell Ewropew;

li twettaq, tikkoopera ma’ jew tinkoraġġixxi riċerka xjentifika u stħarriġ, studji preparatorji u studji ta’ fattibbiltà;

li tifformula u tippubblika konklużjonijiet u opinjonijiet dwar suġġetti tematiċi speċifiċi, għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

li tippubblika rapport annwali dwar kwistjonijiet tad-drittijiet fundamentali koperti mill-oqsma tal-attività tal-Aġenzija;

li tippubblika rapporti tematiċi bbażati fuq l-analiżi, ir-riċerka u l-istħarriġ tagħha;

li tippubblika rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħha;

li tiżviluppa strateġija ta’ komunikazzjoni u tippromwovi djalogu mas-soċjetà ċivili, sabiex tqajjem għarfien pubbliku dwar drittijiet fundamentali u tferrex informazzjoni b'mod attiv dwar ħidmitha.

Governanza

Bord ta’ Tmexxija

Kompożizzjoni

Persuna waħda indipendenti maħtura minn kull Stat Membru, persuna waħda indipendenti maħtura mill-Kunsill tal-Ewropa u żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni.

Dmirijiet

Li jadotta l-baġit, il-programm ta’ ħidma u r-rapporti annwali. Li jadotta l-baġit finali u t-tabella tal-persunal. Li jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali.

Bord Eżekuttiv

Kompożizzjoni

President tal-Bord ta’ Tmexxija.

Viċi President tal-Bord ta’ Tmexxija.

rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni.

Żewġ membri oħra eletti mill-Bord ta’ Tmexxija.

Il-persuna maħtura mill-Kunsill tal-Ewropa fil-Bord ta’ Tmexxija tista’ tipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord Eżekuttiv.

Kumitat Xjentifiku

Kompożizzjoni

11-il persuna indipendenti, bi kwalifiki għolja fil-qasam tad-drittijiet fundamentali, maħtura mill-Bord ta' Tmexxija wara sejħa għall-applikazzjonijiet u proċedura tal-għażla trasparenti.

Direttur

Maħtur mill-Bord ta’ Tmexxija fuq proposta mill-Kummissjoni u wara l-opinjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (li jiddikjaraw il-preferenza tagħhom).

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Awditu intern

Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea (IAS).

Awtorità ta’ kwittanza

Il-Parlament Ewropew fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

Riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2013 (2012)

Baġit Finali

EUR 21  620 (20  376) miljun li minnhom is-sussidju tal-Unjoni huwa 99 % (99 %)

Persunal fil-31 ta' Diċembru 2013

78 (72) post previsti fit-tabella tal-persunal, li minnhom okkupati: 75 (70) +

38 (22) membru ieħor tal-persunal (persunal kuntrattwali, esperti nazzjonali sekondati)

Total tal-persunal: 116 (94), li jwettqu l-kompiti li ġejjin:

operazzjonali: 75 (58)

amministrattivi: 33 (29)

imħallta: 8 (7)

Prodotti u servizzi 2013 (2012)

FRANET

Għadd ta’ kontribuzzjonijiet mit-28 kuntrattur (lottijiet nazzjonali): 403 (185)

Għadd ta’ kontribuzzjonijiet mis-sieħeb inkarigat mill-Analiżi Internazzjonali tal-UE: 1 (1)

Għadd ta’ kontribuzzjonijiet mis-sieħeb inkarigat mill-Analiżi Komparattiva: 2 (1)

Għadd ta’ laqgħat: 3 (3) (1 b’4 parteċipanti, 1 b’10 parteċipanti u 1 b’2 parteċipanti)

Rapporti ta’ Riċerka

Għadd ta’ rapporti: 19 (13) flimkien ma’ 12-il (23) verżjoni lingwistika

Għadd ta’ laqgħat: 1 (2)

Rapporti annwali: 2 (2) flimkien ma’ 2 (3) verżjonijiet lingwistiċi

Sommarju tar-Rapporti Annwali: 1 (1) flimkien ma’ 2 (2) verżjonijiet lingwistiċi

Opinjonijiet tal-FRA: 2 (3)

Rapport Annwali 2012 tal-FRA fil-forma ta' ktieb elettroniku: 1 (0) flimkien ma’ 1 (0) verżjoni lingwistika

Skedi informattivi: 4 (11) flimkien ma’ 71 (118-il) verżjoni lingwistika

Materjali mhux Relatati ma’ Riċerka

Diversi pubblikazzjonijiet tal-FRA: 20 (5) flimkien ma’ (31) verżjoni lingwistika

Kartelluni: 15 (20)

Konferenzi u Avvenimenti Ewlenin

Konferenza dwar id-Drittijiet Fundamentali: 1 (1)

Avveniment dwar Jum id-Diversità: 0 (1)

Simpożju tal-FRA: 1 (1)

Laqgħa tal-Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali: 1 (1)

Seminar Konġunt mal-Presidenza (Irlandiża) tal-UE 1 (1)

Kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet u l-korpi fil-livelli tal-UE u tal-Istati Membri

Stati Membri: 29 (7)

Il-Kunsill tal-UE: 19 (9)

Il-Kummissjoni Ewropea: 22 (12)

Il-Parlament Ewropew: 15 (20)

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna: 4 (-)

Aġenziji u korpi oħra tal-UE: 23 (-)

Il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja: 2 (1)

Il-Kumitat tar-Reġjuni: 1 (1)

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew: 0 (1)

L-Ombudsman Ewropew: 2 (1)

Il-Pjattaforma tad-Drittijiet Fundamentali: 3 (3)

Il-Kunsill tal-Ewropa: 25 (24)

L-OSKE: 4 (2)

In-Nazzjonijiet Uniti: 9 (2)

Korpi Speċjalizzati (NHRIs u Korpi dwar l-Ugwaljanza): 8 (3)

Laqgħat oħra u Diskussjonijiet madwar Mejda Tonda: 7 (12)

Sors: Anness ipprovdut mill-Aġenzija.


IR-RISPOSTI TAL-AĠENZIJA

11 – 12:

Fil-bidu tas-sena, l-Aġenzija tippjana r-riporti għas-sena ta' wara u timmonitorja mill-qrib l-evoluzzjoni tagħhom. Il-livell ta’ kanċellazzjonijiet (inqas minn 2 %) huwa indikatur tal-ippjanar preċiż u l-immaniġġjar tar-riporti.

F’dawn l-aħħar sentejn baġitarji l-Aġenzija kkonsmat aktar minn 99 % tas-sussidju tagħha mill-UE, u dan juri maniġment baġitarju eċċellenti.