10.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 442/275


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti tal-Fondazzjoni

(2014/C 442/32)

INTRODUZZJONI

1.

Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (minn hawn 'il quddiem “il-Fondazzjoni”, magħrufa wkoll bħala l-“Eurofound”), li tinsab f’Dublin, ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 (1). Il-kompitu tal-Fondazzjoni huwa li tikkontribwixxi għall-ippjanar u t-twaqqif ta' kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol aħjar fl-Unjoni billi żżid u xxerred għarfien li huwa rilevanti għal dan is-suġġett (2).

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Fondazzjoni. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

Il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (5):

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Fondazzjoni fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Fondazzjoni jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2013 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

10.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR L-AFFIDABBILTÀ TAL-KONTIJIET

11.

Il-Fondazzjoni wettqet eżerċizzju ta' inventarju fiżiku u komprensiv fi tmiem l-2013 u fil-bidu tal-2014. Fiż-żmien meta sar l-awditu mill-Qorti fi Frar 2014, kien għadu ma ġiex iffinalizzat rapport tal-inventarju fiżiku. Testijiet imwettqa mill-Qorti wrew li mhux l-assi fissi kollha kienet ingħatatilhom barcode u li mhux kollha kienu tniżżlu fir-reġistru u fil-kontijiet. Tagħmir b'valur ta' EUR 2 09  843 (8) kien ġie kontabilizzat minflok ma ġie kapitilizzat, l-iżball ġie kkoreġut wara l-awditu mill-Qorti. Xi assi ma setgħux jiġu ttraċċati għan-noti ta' kunsinna tal-fornituri sabiex tiġi żgurata d-data korretta tal-bidu għall-kalkolu tal-imposta ta' deprezzament.

KUMMENTI DWAR IL-KONTROLLI INTERNI

12.

Il-fatti ppreżentati fil-paragrafu 11 jirrappreżentaw dgħufijiet konsiderevoli fil-kontroll intern fil-qasam tar-reġistrazzjoni u l-kontabbiltà tal-assi fissi.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

13.

Fl-2013, il-livell kumplessiv ta' approprjazzjonijiet impenjati kien ta' 99 %, li jindika li l-impenji saru f'waqthom. Madankollu, il-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati għall-2014 kien għoli f'ammont ta' madwar EUR 6 62  831 (35,6 %) għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) u madwar EUR 3 3 75  781 (48,6 %) għat-Titolu III (nefqa operazzjonali).

14.

Riporti ta' approprjazzjonijiet impenjati taħt it-Titolu II kienu prinċipalment relatati mal-akkwist ta' hardwer u softwer tal-IT (EUR 2 81  934, li minnhom xiri li ammonta għal EUR 1 89  934 kien oriġinarjament ippjanat għall-2014), xogħlijiet urġenti u mhux previsti ta' tiswija (EUR 69  000) u xogħlijiet ta' ridekorazzjoni li kellhom jiġu kkuntrattati u li kienu ppjanati għall-bidu tal-2014 (EUR 2 30  718).

15.

Għat-Titolu III, approprjazzjonijiet impenjati riportati li ammontaw għal EUR 2 6 25  543 kienu jikkonċernaw proġetti pluriennali li għalihom l-ativitajiet ġew implimentati u l-pagamenti saru skont kif kien ippjanat. Riporti mhux ippjanati ta' EUR 7 50  238 kienu prinċipalment relatati ma' żieda fil-baġit għal bosta proġetti għat-tisħiħ tal-ambitu u l-kwalità tagħhom (65 %), servizzi ta' traduzzjoni ordnati f'Diċembru 2013 iżda oriġinarjament ippjanati għall-2014 (14 %), dewmien fil-proċeduri ta' akkwist (7 %), fatturar tardiv minn kuntratturi (14 %) u avvenimenti oħra barra mill-kontroll tal-Fondazzjoni.

KUMMENTI OĦRA

16.

Il-Fondazzjoni saret operazzjonali fl-1975, u sa issa, ħadmet fuq il-bażi ta' korrispondenza u skambji mal-Istat Membru ospitanti. Madankollu, ma ġiex iffirmat ftehim komprensiv dwar il-kwartieri ġenerali bejn il-Fondazzjoni u l-Istat Membru. Ftehim ta' dan it-tip ikun jippromwovi aktar it-trasparenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet li taħthom joperaw il-Fondazzjoni u l-persunal tagħha.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta' Lulju 2014.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 139, 30.5.1975, p. 1.

(2)  L-Anness I jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Fondazzjoni. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta’ informazzjoni.

(3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(5)  L-Artikoli 39 u 50 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(7)  L-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) Nru 1271/2013.

(8)  Is-sistema tal-arja kundizzjonata u tagħmir ieħor fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Fondazzjoni.


ANNESS I

Il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kundizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Dublin)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta' kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

(L-Artikolu 151 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

L-Unjoni u l-Istati Membri, waqt li jżommu f’moħħhom id-drittijiet soċjali fundamentali bħalma huma dawk stabbiliti fil-Karta Soċjali Ewropea li kienet iffirmata f’Turin fit-18 ta' Ottubru 1961 u l-Karta tal-Komunità tal-1989 dwar id-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema, għandu jkollhom bħala mira l-promozzjoni tal-impjieg, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol, sabiex jagħmlu possibbli l-armonizzazzjoni tagħhom waqt li jitkompla t-titjib, il-protezzjoni soċjali xierqa, id-djalogu bejn min imexxi u l-ħaddiema, l-iżvilupp tar-riżorsi umani bil-mira ta' livell għoli ta' impjieg li jdum għal żmien twil u l-ġlieda kontra l-esklużjoni. [...]

Kompetenzi tal-Fondazzjoni

(Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1365/75 kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1111/2005)

Objettivi

L-għan tal-Fondazzjoni għandu jkun li tikkontribwixxi għat-twaqqif ta' kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol aħjar billi żżid u xxerred għarfien li huwa rilevanti għal dan is-suġġett. B'mod partikolari, hija meħtieġa tikkunsidra l-oqsma li ġejjin:

il-bniedem meta jkun fuq ix-xogħol,

l-organizzazzjoni tax-xogħol u partikolarment id-disinn tal-impjieg,

il-problemi li jirrigwardaw ċerti kategoriji ta' ħaddiema,

l-aspetti fit-tul dwar it-titjib tal-ambjent,

it-tqassim ta' attivitajiet umani fl-ispazju u fiż-żmien.

Kompiti

Li ssaħħaħ l-iskambju ta' informazzjoni u esperjenza f'dawn l-oqsma,

li tiffaċilita l-kuntatt bejn l-universitajiet, l-istituzzjonijiet ta' studju u riċerka, organizzazzjonijiet u amministrazzjonijiet soċjali u ekonomiċi,

li twettaq studji jew tikkonkludi kuntratti ta’ studji u li tipprovdi assistenza għal proġetti pilota,

li tikkoopera mill-qrib kemm jista’ jkun ma’ istituzzjonijiet speċjalizzati eżistenti fl-Istati Membri u fil-livell internazzjonali.

Governanza

Il-Bord Governattiv (BG)

minn kull Stat Membru: rappreżentant wieħed tal-gvern, rappreżentant wieħed mill-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u rappreżentant wieħed tal-ħaddiema,

tliet rappreżentanti mill-Kummissjoni,

laqgħa regolari kull sena.

Il-Bureau tal-BG

jikkonsisti fi 11-il membru; 3 membri minn kull wieħed mill-imsieħba soċjali u l-gvernijiet, 2 mill-Kummissjoni,

jissorvelja l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-BG u jieħu miżuri biex jiżgura tmexxija tajba bejn il-laqgħat tal-BG,

sitt laqgħat regolari kull sena.

Id-Direttur u d-Deputat Direttur jinħatru mill-Kummissjoni minn lista ta’ kandidati mressqa mill-BG. Id-Direttur jimplimenta d-deċiżjonijiet tal-BG u tal-Bureau tiegħu u jamministra l-Fondazzjoni.

Awditu intern

Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea (IAS).

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Awtorità ta' kwittanza

Il-Parlament Ewropew li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

Riżorsi disponibbli għall-Fondazzjoni fl-2013 (2012)

Baġit

EUR 20,6(21,4) miljun

Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2013

Uffiċjali u persunal temporanju:

101 post previst fit-tabella tal-persunal, li minnhom 99 (98) kienu okkupati fil-31 ta’ Diċembru 2013.

Persunal ieħor:

Esperti Nazzjonali Sekondati: 0 (0)

Persunal kuntrattwali: 13 (12)

Total tal-persunal impjegat: 112 (110)

Allokat lil:

Attivitajiet operazzjonali: 78 (77)

Kompiti amministrattivi: 29 (28)

Imħallta: 5 (5)

Attivitajiet u servizzi pprovduti fl-2013

Żieda fil-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-ġlieda kontra l-qgħad bil-ħolqien ta' impjiegi, it-titjib tal-funzjonament tas-suq tax-xogħol u l-promozzjoni tal-integrazzjoni

Osservatorju Ewropew tar-Ristrutturar (ERM): 1  489 skeda informattiva ta’ ristrutturar; 2 rapporti analitiċi komparattivi.

Osservatorju Ewropew tar-Ristrutturar: Rapport Annwali 2013 tal-ERM – Monitoraġġ u ġestjoni tar-ristrutturar fis-seklu 21.

Rapporti oħra: Ristrutturar fl-SMEs fl-Ewropa; Imwieled fuq livell globali: Il-potenzjal tal-ħolqien ta’ impjiegi f’negozji internazzjonali ġodda; Polarizzazzjoni tal-impjieg u kwalità tal-impjiegi fil-kriżi: Monitur tal-Impjiegi Ewropew 2013.

Id-database “Ristrutturar tal-leġiżlazzjoni” u d-database “Ristrutturar ta' strumenti ta' appoġġ” ivverifikati u aġġornati.

Titjib fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-sostenibbiltà tax-xogħol tul il-ħajja

Osservatorju Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol (EWCO): 100 aġġornament ta' informazzjoni miżjuda; 4 rapporti analitiċi komparattivi; Rapport Annwali: Żviluppi fir-relazzjonijiet industrijali u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa 2012; 6 rapporti ta’ stħarriġ.

Il-Ħames Stħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol – ħames rapporti ta’ analiżi sekondarja ppubblikati: Ħinijiet tax-xogħol u bilanċ bejn il-ħajja privata u l-ħajja tax-xogħol f’perspettiva tul il-ħajja; Saħħa u benesseri fuq il-post tax-xogħol; Organizzazzjoni tax-xogħol u involviment tal-impjegati fl-Ewropa; In-nisa, l-irġiel u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa; Kwalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-relazzjonijiet tal-impjieg fl-Ewropa.

It-Tielet Stħarriġ Ewropew dwar il-Kumpaniji: xogħol fuq il-post fi 32 pajjiż ikkompletat; sommarju tal-ewwel sejbiet ippubblikati.

Rapport: IImpatt tal-kriżi fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa.

Żvilupp fir-relazzjonijiet industrijali biex jiġu żgurati soluzzjonijiet ekwi u produttivi f’kuntest ta' politika li qed tinbidel

Osservatorju Ewropew għar-Relazzjonijiet Industrijali (EIRO): 247 aġġornament ta' informazzjoni miżjuda; 4 studji ta' rappreżentanza; 2 aġġornamenti annwali dwar il-paga u l-ħinijiet tax-xogħol; Rapport Annwali: Żviluppi fir-relazzjonijiet industrijali u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa 2012; 4 rapporti analitiċi komparattivi; 2 rapporti ta` stħarriġ.

Rapporti oħra: Involviment tal-imsieħba soċjali fir-riforma tal-pensjonijiet fl-UE; Prattiki nazzjonali ta’ informazzjoni u konsultazzjoni fl-Ewropa; Rwol tal-gvernijiet u tal-imsieħba soċjali fiż-żamma ta' ħaddiema aktar imdaħħlin fiż-żmien fis-suq tax-xogħol.

Titjib fl-istandards tal-għajxien u promozzjoni tal-koeżjoni soċjali fid-dawl tad-disparitajiet ekonomiċi u l-inugwaljanzi soċjali

It-Tielet Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja:

tliet rapporti ta’ analiżi sekondarja ppubblikati: Kwalità tal-ħajja fl-Ewropa – Kwalità tas-soċjetà u tas-servizzi pubbliċi; It-Tielet Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja – Kwalità tal-Ħajja fl-Ewropa: Inugwaljanzi Soċjali; It-Tielet Stħarriġ Ewropew dwar il-Kwalità tal-Ħajja – Kwalità tal-Ħajja fl-Ewropa: Benesseri suġġettiv;

żewġ dokumenti ta’ politika ppubblikati: Id-dejn żejjed fost l-unitajiet domestiċi fl-UE: Ir-rwol ta’ djun informali; Fiduċja politika u impenn ċiviku matul il-kriżi;

rapporti dwar il-kwalità tal-ħajja fil-pajjiżi tat-tkabbir ippubblikati.

Rapport u studji tal-każijiet fil-pajjiżi: Aktar impjiegi u impjiegi aħjar f’servizzi ta' kura fid-dar.

Rapport: Mobbiltà u migrazzjoni ta’ ħaddiema fil-kura tas-saħħa fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant.

Komunikazzjoni u kondiviżjoni ta' ideat u esperjenza

1 13  760 tniżżil ta' rapporti mill-websajt tal-Eurofound. 2 0 60  195 żjara minn utenti.

172 pubblikazzjoni f’format PDF (671 verżjoni lingwistika).

220 dokument ta’ politika tal-UE li jikkwotaw referenzi għas-sejbiet u l-għarfien espert tal-Eurofound.

202 kontribuzzjonijiet fuq talba għal avvenimenti.

Sors: Anness ipprovdut mill-Fondazzjoni.


IR-RISPOSTI TAL-FONDAZZJONI

11.

Ir-rapport tal-inventarju fiżiku sadanittant ġie ffinalizzat u ppubblikat. L-iżbalji relatati ma’ barcode u reġistrazzjoni kienu rettifikati. Minħabba l-valur baxx ta’ artikli involuti dawn mhumiex meqjusa bħala assi u għaldaqstant, l-impatt ta’ dawn l-iżbalji fuq il-kontijiet finanzjarji kien żero.

Fi kwalunkwe każ, issa hemm kopja ġdida tan-nota ta’ kunsinna mehmuża mal-fattura li tiżgura traċċar xieraq tad-data korretta tal-bidu għall-kalkolu ta' deprezzament.

12.

Id-dgħufijiet fil-qasam tar-reġistrazzjoni u l-kontabbiltà tal-assi fissi kienu l-aktar minħabba l-perjodu ta’ tranżizzjoni lejn sistema ġdida ta’ kontabbiltà ta’ assi. Dan issa ġie solvut permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Assi ABAC u tibdil sostanzjali fil-proċessi ta’ ħidma interna.

13.-15.

Iċ-ċifri u l-analiżi huma aċċettati u kkonfermati. Il-livell għoli ta’ riporti relatati mas-servizzi li kienu oriġinarjament ippjanati għall-2014 (43 % tar-riporti kollha li ma kinux ippjanati) huma dovuti għal deċiżjonijiet dwar salarji tal-persunal għall-2011 u l-2012 li saru fl-aħħar tal-2013 li ħallew parti mill-baġit disponibbli. Biex jiġi żgurat livell għoli tal-implimentazzjoni tal-baġit ġie deċiż li jintużaw il-fondi disponibbli skont il-parir riċevut mill-Kummissjoni. Riporti (minbarra dawk relatati ma’ attivitajiet ippjanati għall-2014 u riportati) juru li inqas minn 20 % ma kinux ippjanati u kienu parzjalment mhux fil-kontroll tal-Eurofound.

16.

Għal aktar minn 30 sena l-Eurofound kellha arranġamenti dettaljati sew mal-gvern Irlandiż dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet.

Minkejja dan, fil-bidu ta’ Frar l-Eurofound bdiet in-negozjati dwar din it-tema bl-għan li tilħaq ftehim mal-gvern Irlandiż sa tmiem l-2014.