10.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 442/247


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti tal-Awtorità

(2014/C 442/29)

INTRODUZZJONI

1.

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (minn hawn ’il quddiem “l-Awtorità”, magħrufa wkoll bħala l-“ESMA”), li tinsab f’Pariġi, ġiet stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Il-kompitu tal-Awtorità huwa li ttejjeb l-operat tas-suq finanzjarju intern tal-UE billi tiżgura livell għoli, effettiv u konsistenti ta’ regolamentazzjoni u superviżjoni, tippromwovi l-integrità u l-istabbiltà tas-sistemi finanzjarji u ssaħħaħ il-koordinazzjoni superviżorja internazzjonali sabiex tiżgura l-istabbiltà u l-effettività tas-sistema finanzjarja (2). L-ESMA twaqqfet fl-1 ta’ Jannar 2011.

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Awtorità. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA' ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Awtorità, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

II-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Awtorità u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (5):

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Awtorità jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Awtorità wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Awtorità fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Awtorità jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Awtorità jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2013 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

10.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

11.

Il-livell kumplessiv ta' approprjazzjonijiet impenjati żdied minn 86 % fl-2012 għal 93 % fl-2013, li jindika li l-impenji saru fuq bażi aktar f'waqtha. Madankollu, il-livell ta’ approprjazzjonijiet impenjati riportati għall-2014 kien għoli għat-Titolu III (nefqa operazzjonali) f'livell ta’ EUR 3 6 88  487 (58 %). Dan kien ikkawżat minn servizzi tal-IT riċevuti fl-2013 iżda li għadhom ma tħallsux (EUR 0,8 miljun), servizzi tal-IT ppjanati fil-programm ta' ħidma 2014 u kkuntrattati fi tmiem is-sena (EUR 1,1 miljun), xi dewmin fl-akkwisti tal-IT (EUR 0,4 miljun) kif ukoll in-natura pluiennali ta' xi proġetti tal-IT.

12.

Fl-2013, l-Awtorità għamlet 12-il trasferiment tal-baġit li jammontaw għal EUR 5,1 miljun jew għal 18 % tal-baġit (2012: 22 trasferiment li jammontaw għal EUR 3,2 miljun jew għal 16 % tal-baġit), li jindika dgħufijiet kontinwi fl-ippjanar tal-baġit.

KUMMENTI OĦRA

13.

Madwar 27 % tal-pagamenti li saru fl-2013 għal prodotti u servizzi riċevuti kienu tard. Fejn il-pagamenti kienu tard, huma kienu skadew b'medja ta' 32 jum. L-imgħax imħallas tard fl-2013 kien jammonta għal EUR 3  834.

14.

Skont il-Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (8) u d-Direttiva tal-VAT tal-UE (9), l-Awtorità hija eżenti minn taxxi indiretti. Il-VAT totali ddebitata lill-ESMA fil-perjodu 2011-2013 kienet ta' EUR 3,3 miljun. Wara diskussjonijiet twal mal-Istat Membru ospitanti, l-Awtorità bdiet tikklejmja rimborżi tal-VAT fl-aħħar tliet xhur tal-2012, iżda EUR 1,3 miljun biss kienu ġew ikklejmjati lura sa tmiem l-2013.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

15.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-snin preċedenti tingħata fl-Anness I.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-1 ta’ Lulju 2014.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84.

(2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Awtorità. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta' informazzjoni.

(3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(5)  L-Artikoli 39 u 50 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(7)  L-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) Nru 1271/2013.

(8)  Il-Protokoll (Nru 7) dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 115, 9.5.2008, p. 266).

(9)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE (ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1).


ANNESS I

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

2011

L-impenji tal-Awtorità ammontaw għal EUR 1 2 8 41  997 jew għal 76 % tal-baġit 2011. Ir-rati tal-impenji kienu baxxi speċjalment għat-Titolu III “Nefqa operazzjonali” (47 %). Dan kellu impatt fuq l-objettivi tal-Awtorità fir-rigward tal-IT li ma ntlaħqux kompletament. Ir-rati baxxi ta’ eżekuzzjoni tal-baġit jindikaw diffikultajiet fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-baġit.

M/A

2011

Il-baġit tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2011 ammonta għal EUR 16,9 miljun. Skont l-Artikolu 62(1) tar-Regolament Fundatur tagħha, 60 % tal-baġit 2011 kien iffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri u l-pajjiżi tal-EFTA u 40 % mill-baġit tal-Unjoni. Fi tmiem l-2011, l-ESMA rreġistrat riżultat pożittiv fil-baġit ta’ EUR 4,3 miljun. F’konformità mar-Regolament Finanzjarju tagħha (1), l-ammont sħiħ imbagħad ġie rreġistrat fil-kontijiet bħala passiv lejn il-Kummissjoni Ewropea.

Għadha għaddejja

2011

Ġew innutati dgħufijiet fir-rigward ta’ sitt impenji legali magħmula minn qabel l-impenji baġitarji (EUR 4 83  845).

Għadha għaddejja (2)

2011

Il-Qorti identifikat għadd ta’ każijiet b’valur totali ta’ EUR 2 07  442 li fihom approprjazzjonijiet ta’ pagament riportati għall-2012 ma kinux jikkorrispondu għal impenji legali li kienu saru. Għaldaqstant dawn ir-riporti kienu irregolari u għandhom jiġu kkanċellati.

Għadha għaddejja

2011

Hemm ħtieġa li tittejjeb il-ġestjoni tal-assi fissi mill-Awtorità. Għall-assi intanġibbli żviluppati mill-Awtorità, il-proċeduri tal-kontabbiltà u l-informazzjoni dwar l-ispejjeż ma kinux affidabbli.

Ikkompletata

2011

Jeħtieġ li l-Awtorità ttejjeb it-trasparenza tal-proċeduri ta’ reklutaġġ. L-għadd ta’ snin ta’ esperjenza meħtieġa għal pożizzjoni partikolari ma ġiex rispettat, ġew aċċettati applikazzjonijiet li waslu wara l-iskadenza, mistoqsijiet għat-testijiet orali u bil-miktub ma ġewx stabbiliti qabel ma ġew eżaminati l-applikazzjonijiet mill-bord ta’ għażla u ma kien hemm ebda deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra biex jinħatar il-bord ta’ għażla.

Ikkompletata

2012

Is-sistema ta’ kontabbiltà tal-Awtorità għadha ma ġietx ivvalidata mill-Uffiċjal tal-Kontabbiltà.

Ikkompletata

2012

Matul it-tieni sena ta’ attività tagħha, l-Awtorità ħadet pass importanti bl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti bażi għall-istandards kollha ta’ kontroll intern. Madankollu, għadha ma nkisbitx implimentazzjoni sħiħa tal-istandards.

Għadha għaddejja

2012

Hemm lok konsiderevoli għal titjib fil-puntwalità u d-dokumentazzjoni tal-proċeduri ta’ akkwist.

Għadha għaddejja

2012

It-total tal-approprjazzjonijiet tal-Awtorità għall-2012 ammonta għal EUR 20,3 miljun, li minnhom EUR 2,8 miljun (14 %) ġew ikkanċellati u EUR 4,2 miljun (21 %) tal-approprjazzjonijiet impenjati ġew riportati għall-2013.

Il-livell għoli ta’ kanċellazzjonijiet jirriżulta fil-parti l-kbira mill-fatt li l-baġit ġie stabbilit abbażi ta’ tabella tal-persunal implimentata bis-sħiħ fil-bidu tal-2012, filwaqt li xi reklutaġġi saru biss matul is-sena. Dewmien fl-akkwisti tal-IT ukoll ikkawża kanċellazzjonijiet.

M/A

2012

Il-livell ta’ approprjazzjonijiet impenjati li ġew riportati huwa għoli għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) f’livell ta’ 39 % u għat-Titolu III (nefqa operazzjonali) f’livell ta’ 52 %. Għat-Titolu II, dan kien ikkawżat fil-parti l-kbira mill-fatt li kuntratt sinifikanti għal xogħlijiet fil-bini tal-Awtorità ngħata f’Diċembru 2012 (EUR 0,6 miljun) u bix-xiri ta’ hardware tal-IT (EUR 0,5 miljun), tagħmir tat-telefonija (EUR 0,1 miljun) u għamara (EUR 0,3 miljun) li l-konsenja tagħhom ma ġietx ikkompletata fi tmiem is-sena. Għat-Titolu III, il-livell għoli ta’ approprjazzjonijiet impenjati li ġew riportati jirriżulta min-natura pluriennali ta’ proġetti sinifikanti ta’ żvilupp tal-IT u minn dewmien fl-akkwisti relatati.

M/A

2012

Fl-2012, l-Awtorità għamlet 22 trasferiment tal-baġit li jammontaw għal EUR 3,2 miljun (16 % tat-total tal-baġit 2012), li jindika dgħufijiet fl-ippjanar tal-baġit.

Għadha għaddejja

2012

Jeħtieġ li l-Awtorità ttejjeb aktar it-trasparenza tal-proċeduri ta’ reklutaġġ tagħha. B’mod partikolari, fi proċedura ta’ reklutaġġ awditjata, l-għadd ta’ snin ta’ esperjenza għal pożizzjoni partikolari ma kienx applikat u fi tliet proċeduri tar-reklutaġġ awditjati ma kien hemm ebda evidenza li l-limiti għal-listi ta’ preselezzjoni ġew stabbiliti qabel l-eżaminar tal-applikazzjonijiet.

Ikkompletata


(1)  L-Artikoli 15(4) u 16(1).

(2)  Instabu każijiet simili fl-2013.


ANNESS II

L-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (Pariġi)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta’ kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

(L-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b'regolamenti jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern.

Kompetenzi tal-Awtorità

(Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

Kompiti

Li tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji.

Li tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni.

Li toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet.

Li toħroġ rakkomandazzjonijiet fejn awtorità kompetenti nazzjonali ma tkunx applikat atti settorjali jew tkun applikathom b’mod li jidher li jkun ksur tal-liġi tal-Unjoni.

Li tieħu deċiżjonijiet individwali indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti f’ċertu sitwazzjonijiet ta’ emerġenza u f’riżoluzzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti f’sitwazzjonijiet transkonfinali.

F’każijiet li jirrigwardaw il-liġi tal-Unjoni applikabbli direttament, li tieħu deċiżjonijiet individwali indirizzati lill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji, fejn: (i) awtorità kompetenti nazzjonali ma tkunx applikat atti settorjali jew tkun applikathom b’mod li jidher li jkun ksur tal-liġi tal-Unjoni u fejn l-awtorità kompetenti nazzjonali ma tkunx ikkonformat ma’ opinjoni formali tal-Kummissjoni; (ii) f'ċertu sitwazzjonijiet ta’ emerġenza fejn awtorità kompetenti ma tikkonformax mad-deċiżjoni tal-Awtorità adottata; jew (iii) f'riżoluzzjoni ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti f'sitwazzjonijiet transkonfinali fejn awtorità kompetenti nazzjonali ma tkunx ikkonformat mad-deċiżjoni tal-Awtorità.

Li toħroġ opinjonijiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill jew lill-Kummissjoni dwar kull kwistjoni marbuta mal-oqsma ta’ kompetenza tagħha.

Li tiġbor l-informazzjoni meħtieġa rigward il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji sabiex twettaq il-kompiti assenjati lilha.

Li tiżviluppa metodoloġiji komuni għall-valutazzjoni tal-effett tal-karatteristiċi tal-prodott u tal-proċessi tad-distribuzzjoni fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u fuq il-protezzjoni tal-konsumatur.

Li tipprovdi database aċċessibbli ċentralment tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji rreġistrati fil-qasam tal-kompetenza tagħha fejn speċifikat fil-leġiżlazzjoni settorjali.

Li toħroġ avviżi fil-każ li attività finanzjarja toħloq theddida serja lill-għanijiet tagħha.

Li tipprojbixxi jew tirrestrinġi temporanjament ċertu tipi ta’ attivitajiet finanzjarji li jkunu ta’ theddida għall-operat adatt u għall-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew ta’ parti minnha fl-Unjoni f’każijiet speċifikati u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni settorjali jew jekk ikun meħtieġ f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza.

Li tipparteċipa fl-attivitajiet tal-kulleġġi ta’ superviżuri, inklużi eżamijiet fuq il-post, imwettqa konġuntament minn żewġ awtoritajiet kompetenti jew aktar.

Li tindirizza kwalunkwe riskju ta’ tħarbit fis-servizzi finanzjarji li jkun ikkawżat minn dgħufija tas-sistema finanzjarja kollha jew ta’ partijiet minnha u li jkollu l-potenzjal ta’ konsegwenzi negattivi serji għas-suq intern u għall-ekonomija reali.

Li tfassal linji gwida u rakkomandazzjonijiet addizzjonali għall-parteċipanti ewlenin fis-swieq finanzjarji, biex jittieħed kont tar-riskju sistemiku ppreżentat minnhom.

Li twettaq inkjesta dwar tip partikolari ta’ attività finanzjarja jew tip ta’ prodott jew tip ta’ kondotta sabiex tevalwa theddid potenzjali għall-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja u tagħmel rakkomandazzjonijiet adatti għal azzjoni lill-awtoritajiet kompetenti konċernati.

Li twettaq il-kompiti u r-responsabbiltajiet delegati mill-awtoritajiet kompetenti.

Li tipprovdi opinjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti.

Li twettaq evalwazzjonijiet bejn il-pari tal-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti.

Li tikkoordina bejn l-awtoritajiet kompetenti, partikolarment fejn żvilupp avvers jista’ potenzjalment jipperikola l-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

Li tniedi u tikkoordina valutazzjonijiet fl-Unjoni kollha tar-reżistenza tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għal żvilupp avvers tas-suq.

Li tieħu deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għaċ-ċertifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ aġenziji li jiggradaw il-kreditu u dwar l-irtirar ta’ tali ċertifikazzjoni u reġistrazzjoni.

Li tistabbilixxi ftehimiet ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji ta’ aġenziji rilevanti li jiggradaw il-kreditu ta’ pajjiżi terzi.

Li twettaq investigazzjonijiet ta’ u spezzjonijiet fuq il-post fil-bini tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu, entitajiet gradati u partijiet terzi relatati.

Fejn aġenzija li tiggrada l-kreditu tkun wettqet xi ksur, li tieħu deċiżjonijiet biex tirtira r-reġistrazzjoni tagħha, timponilha projbizzjoni temporanja milli toħroġ gradazzjonijiet ta’ kreditu, timponi sospensjoni fuq l-użu għal skopijiet regolatorji tal-gradazzjonijiet ta’ kreditu li tkun ħarġet, tirrikjedi li l-ksur jiġi mitmum, u/jew toħroġ avviżi pubbliċi.

Fejn aġenzija li tiggrada l-kreditu tkun wettqet xi ksur b’intenzjoni jew b'negliġenza, li tieħu deċiżjonijiet biex timponi multa.

Governanza

Bord tas-Superviżuri

Kompożizzjoni

President (li ma għandux ikollu vot); il-kap tal-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali kompetenti għas-supervizjoni tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji f'kull Stat Membru; rapprezentant wieħed tal-Kummissjoni (li ma għandux ikollu vot); rappreżentant wieħed tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (li ma għandux ikollu vot); rappreżentant wieħed ta’ kull waħda mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej l-oħra (li ma għandux ikollhom vot).

Kompiti

Jagħti gwida lill-ħidma tal-Awtorità u jkun responsabbli għat-teħid tad-deċiżjonijiet imsemmija fil-Kapitolu II tar-Regolament Fundatur.

Bord Maniġerjali

Kompożizzjoni

President u sitt membri oħrajn tal-Bord tas-Superviżuri, eletti mill-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri u minn fosthom stess. Id-Direttur Eżekuttiv u rappreżentant tal-Kummissjoni jipparteċipaw fil-laqgħat mingħajr id-dritt li jivvotaw (għalkemm ir-rappreżentant tal-Kummissjoni jista’ jivvota dwar kwistjonijiet baġitarji).

Kompiti

Jiżgura li l-Awtorità taqdi l-missjoni tagħha u twettaq il-kompiti assenjati lilha skont ir-Regolament Fundatur.

President

Rappreżentant tal-Awtorità responsabbli sabiex iħejji x-xogħol tal-Bord tas-Superviżuri u jmexxi l-laqgħat tal-Bord tas-Superviżuri u tal-Bord Maniġerjali. Jinħatar mill-Bord tas-Superviżuri wara li jkun semgħu l-Parlament Ewropew.

Direttur Eżekuttiv

Jinħatar mill-Bord tas-Superviżuri wara l-konferma mill-Parlament Ewropew. Ikun responsabbli mit-tmexxija tal-Awtorità u jħejji x-xogħol tal-Bord Maniġerjali.

Awditu intern

Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea (IAS).

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Awtorità ta' kwittanza

Il-Parlament Ewropew, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

Riżorsi disponibbli għall-Awtorità fl-2013

Baġit Finali

Baġit totali: EUR 28,189 miljun, inklużi:

Sussidju mill-Unjoni: EUR 8,6 miljun

Kontribuzzjonijiet mill-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti: EUR 12,9 miljun

Tariffi minn entitajiet sorveljati: EUR 6,53 miljun (Aġenziji li Jiggradaw il-Kreditu: EUR 5,7 miljun; Repożitorji tat-Tramżazzjonijiet: EUR 0,83 miljun)

Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2013

Persunal statutorju: 106 postijiet ta’ persunal temporanju awtorizzati fit-tabella tal-persunal, li minnhom kienu reklutati: 102

Persunal kuntrattwali: 25 post ta’ persunal kuntrattwali ppjanat fil-baġit; postijiet ta’ persunal kuntrattwali verament mimlija fil-31.12.2013: 19

Esperti Nazzjonali Sekondati: 14-il post ta’ Espert Nazzjonali Sekondat ippjanat fil-baġit, postijiet ta’ Esperti Nazzjonali Sekondati verament mimlija fil-31.12.2013: 15

Prodotti u servizzi fl-2013

Monitoraġġ tal-istabbiltà finanzjarja. Ħarġet diversi rapporti perjodiċi ta' riskju u sommarji dwar xejriet ta' swieq finanzjarji.

Wettqet riċerka ekonomika u valutazzjonijiet tal-impatt imfassla apposta.

Ikkontribwixxiet għax-xogħol tal-BERS dwar kontropartijiet ċentrali u r-riskju sistemiku.

Żviluppat prinċipji u rakkomandazzjonijiet ta' punt ta' riferiment flimkien mal-EBA.

Investigat l-impatt tar-Regolament ta' Pożizzjoni Qasira.

Wettqet evalwazzjonijiet ta' bejgħ fl-UE. Ippubblikat rapport dwar il-bejgħ, jiġifieri l-bejgħ ta' prodotti kumplessi lil investituri fil-livell tal-konsum.

Wessgħet ix-xogħol dwar il-monitoraġġ tas-swieq u l-innovazzjoni finanzjarja. Stabbilixxiet qafas ta' innovazzjoni finanzjarja.

Wettqet analiżi fil-fond ta’ prodotti u proċessi finanzjarji innovattivi. Wettqet analiżi ta’ titoli al-ippleġġjar intern u t-titolizzazzjoni. Wettqet stħarriġ tal-NCAs dwar is-suġġetti ta’ kollokament u ta' finanzjament kollettiv.

Immonitorjat u analizzat xejriet tal-investitur fil-livell tal-konsum.

Ħadmet fuq l-edukazzjoni tal-investitur. Saret membru assoċjat Membri tan-Netwerk Internazzjonali dwar l-Edukazzjoni tal-Investitur tal-OECD.

Ħejjiet sistema msaħħa ta' protezzjoni tal-investitur taħt il-MiFID II. Ħejjiet għal xogħol futur ta' protezzjoni tal-investitur.

Ħarġet linji ġwida ta' remunerazzjoni għal ditti tal-investiment. Il-linji gwida koprew il-governanza, it-tfassil u l-kontroll ta' skemi ta' remunerazzjoni.

Wissiet lill-investituri dwar kuntratti għal differenza (CFDs). Ippubblikat twissija konġunta mal-EBA dwar perikli ta' investiment f'CFDs.

Ħarġet b'mod konġunt mal-EBA linji gwida dwar it-trattament tal-ilmenti għal titoli u bbankjar.

Ippubblikati tliet pożizzjonijiet konġunti tal-ASE dwar prinċipji għal sorveljanza tal-prodott tal-manifatturi u proċessi ta' governanza.

Wettqet Jum il-Protezzjoni tal-Konsumatur tat-tliet ASE Konġunti f’Pariġi.

Saħħet is-superviżjoni tal-aġenziji li jiggradaw il-kreditu (CRA). 22 CRA reġistrati, 2 ċertifikati

Wara l-investigazzjoni reċiproka tas-CRAs fil-metodoloġiji tal-gradazzjoni tal-banek fl-2012, l-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet riżultanti ta’ rimedju kien monitorjat fl-2013 bħala parti minn superviżjoni li għadha għaddejja. Ippubblikat rapport dwar investigazzjoni ta' gradazzjonijiet sovrani. Wettqet valutazzjoni ta’ 14-il CRA żgħar u ta’ daqs medju li tiffoka fuq is-sistemi u l-kontrolli stabbiliti mis-CRAs biex jiżguraw il-konformità mar-regolament.

Ivvalutat il-konformità tas-CRAs mar-rekwiżiti l-ġodda li jiffukaw fuq l-aspetti ta’ divulgazzjoni ta' gradazzjonijiet sovrani, politiki u proċeduri tal-prezzijiet.

Saħħet il-qafas tagħha ta' analiżi tar-riskju tas-CRAs. Investigat l-implimentazzjoni tas-CRAs ta’ tibdil fir-regoli regolatorji. Żiedet il-kooperazzjoni tal-ASE u l-koperazzjoni ma’ awtoritajiet internazzjonali dwar kwistjonijiet dwar is-CRAs.

Wettqet xogħol relatat mal-politika tas-CRA. Ippubblikat linji gwida u rakkommandazzjonijiet li jipprovdu ċarezza dwar l-ambitu tar-Regolament CRA u l-lista ta’ CRAs irreġistrati bl-ishma tas-suq tagħhom. Ippubblikat dokument ta’ diskussjoni dwar l-implimentazzjoni tas-CRA3 u dwar it-tliet abbozzi ta’ Standards Tekniċi Regolatorji (RTS). Ippubblikat l-ewwel parir dwar il-fattibilità ta’ netwerk ta’ CRAs iżgħar.

Awtorizzat sitt repożitorji tat-tranżazzjonijiet u ħadet ir-responsabbiltà tas-superviżjoni.

Ipparteċipat f’kulleġġi superviżorji tas-CCPs. Iffinalizzat qafas ta’ ftehim bil-miktub għall-istabbiliment u l-funzjonament tal-kulleġġi ta' superviżuri u mudell tal-valutazzjoni komuni tar-riskju. Bdiet rikonoxximent ta' CCPs ta’ pajjiżi terzi – 35 CCP ta’ pajjiżi terzi applikaw għal rikonoxximent.

Ippubblikat aktar pariri dwar l-ekwivalenza bejn is-sistema regolatorja tal-UE għas-CRAs u l-oqfsa legali u superviżorji rispettivi tal-Arġentina, tal-Brażil, tal-Messiku, ta' Ħong Kong u ta' Singapor.

Ipprovdiet regoli ta’ implimentazzjoni għall-EMIR. Ippubblikat Mistoqsijiet u Tweġibiet għall-promozzjoni ta' implimentazzjoni konsistenti tal-EMIR. Dan kien jinkludi:

Tħejjija ta' dettalji tekniċi għal obbligu tal-ikklerjar

Għoti ta' bidu ta' eżami tal-arranġamenti tal-iskemi tal-pensjonijiet u ta' tranżazzjonijiet intragrupp

Sensibilizzazzjoni ta’ kontropartijiet mhux finanzjarji (NFC) dwar l-obbligu

Ħruġ ta standards tekniċi regolatorji dwar il-kulleġġi CCP

Pubblikazzjoni ta' rapport finali dwar linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet għal arranġamenti tal-interoperabbiltà, kif ingħata l-mandat taħt l-EMIR

Ħruġ ta' standards dwar derivattivi OTC li daħlu fis-seħħ minn kontropartijiet mhux tal-UE

Għoti ta' parir lill-Kummissjoni dwar l-ekwivalenza ta’ regoli ta' pajjiżi terzi u tal-EMIR

Tħejjija għal għar-Regolament dwar id-Depożitorj Ċentrali tat-Titoli (CSDR)

Koordinazzjoni ta' djalogu dwar derivattivi internazzjonali

Ħejjiet għal mandati futuri tal-MiFID II.

Ippreżenatat lill-Kummissjoni l-istandards dwar akkwisti u żidiet f’azjendi f’ditti tal-investiment taħt il-MiFID attwali. Analizzat l-implimentazzjoni ta' regoli tal-kondotta tal-operazzjonijiet tal-MiFID.

Analizzat u ċċarat regoli tar-rappurtar tad-data minn perspettiva regolatorja reċiproka.

Iċċarat ir-rappurtar ta’ derivattivi ta' fuq il-borża. Ħejjiet dettalji għal rappurtar tat-tranżazzjonijiet, iż-żamma f'ordni tar-reġistri u tad-data ta’ referenza.

Tat parir lill-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni tar-Regolament ta' Pożizzjoni Qasira.

Ħejjiet miżuri ta’ implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-Abbuż tas-Suq (MAR). Ikkonsultat dwar għażliet ta’ politika tal-MAR għal ċerti miżuri ta’ implimentazzjoni.

Saħħet il-qafas għal fondi ta’ investiment għall-konsumatur.

Iċċarat l-impatt tal-EMIR fuq il-kalkolu tar-riskji tal-kontropartijiet għall-UCITS.

Ikkonkludiet l-arranġamenti ta’ koperazzjoni superviżorja għal fondi ta’ investiment alternattivi ma’ 46 awtorità mhux tal-UE.

Kompliet tiċċara r-regoli għal fondi ta’ investiment alternattivi (AIFMs). Ippubblikat rapport finali dwar Abbozzi tal-RTS dwar tipi ta’ AIFMs u ppreżentatahom lill-Kummissjoni għall-approvazzjoni.

Iċċarat l-ambitu tal-AIFMD. Ippubblikat rapport finali dwar linji gwida dwar kunċetti ewlenin tal-AIFMD. Adottat linji gwida ta' remunerazzjoni għall-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi. Ippubblikat rapport finali dwar linji gwida dwar politiki tajba ta’ remunerazzjoni taħt l-AIFMD.

Iċċarat ir-rekwiżiti ta’ rappurtar għall-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi. Ippubblikat linji gwida dwar l-obbligi ta' rappurtar taħt l-AIFMD. Indirizzat traspożizzjoni tardiva tal-AIFMD. Ħarġet opinjoni dwar arranġamenti prattiċi għat-traspożizzjoni tardiva tal-AIFMD.

Wasslet l-ewwel standards taħt id-Direttiva dwar il-Prospett (PD). L-abbozz tal-RTS u r-rapport ġew ippreżentati lill-Kummissjoni. Aġġornat il-qafas għall-ekwivalenza ta’ prospetti ta' pajjiżi terzi. Ħejjiet standards dwar ir-rekwiżiti ta’ trasparenza għal ishma maġġuri.

Ippubblikat rapport dwar sistemi ta’ responsabbiltà taħt id-Direttiva dwar il-Prospett (PD).

Iċċarat il-kunċett ta’ “jaġixxu flimkien” lill-investituri internazzjonali. Ippubblikat dikjarazzjoni li fiha informazzjoni dwar il-kooperazzjoni tal-azzjonisti u l-aġir flimkien taħt til-PD.

Ippromwoviet applikazzjoni konverġenti tar-Regolament ta' Pożizzjoni Qasira.

Iffinalizzat linji gwida dwar attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq. Ippubblikat linji gwida dwar l-eżenzjoni għal attivitajiet ta’ ġenerazzjoni tas-suq u operazzjonijiet fis-suq primarju.

Iffaċilitat u kkoordinat l-implimentazzjoni ta’ projbizzjonijiet temporanji. L-ESMA kellha l-irwol tagħha ta’ koordinazzjoni fi tmien każijiet fl-2013.

Immonitorjat id-dixxiplina u l-fallimenti tas-saldu.

Ikkontribwixxiet għall-applikazzjoni konsistenti tal-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) fl-UE. Ikkonsultat dwar abbozz ta’ linji gwida dwar l-infurzar ta’ informazzjoni finanzjarja. Ippubblikat dokument ta’ konsultazzjoni dwar il-linji gwida proposti dwar l-infurzar ta’ informazzjoni finanzjarja.

Qabblet id-dikjarazzjonijiet finanzjarji tad-ditti tal-UE u tal-IFRS. Ipparteċipat fl-iżvilupp tal-IFRS. Ħejjiet standards għal informazzjoni finanzjarja. Immonitorjat regoli proposti dwar l-awditu.

Iffaċilitat l-iżvilupp ta’ kodiċi ta’ kondotta għall-industrija ta' konsulenza bi prokura tal-UE.

Analizzat l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-liġi tal-UE. Emendat il-metodoloġija għal evalwazzjonijiet bejn il-pari. Iffinalizzat evalwazzjoni bejn il-pari dwar il-Linji Gwida tagħha dwar il-Fondi tas-Suq Monetarju tagħha.

Sors: Anness ipprovdut mill-Awtorità.


IR-RISPOSTI TAL-AWTORITÀ

11.

Rigward il-livelli għolja ta’ riporti, anki għax huma dovuti għall-obbligazzjonijiet finanzjarji tal-kuntratti tal-IT u n-natura multiannwali tal-proġetti tal-IT li għadhom ma ġewx imħallsa skont dawk il-kuntratti u, għaldaqstant, impossibbli li jiġu eliminati kompletament, l-ESMA qed issaħħaħ iktar is-sorveljanza tal-pjan ta’ akkwist biex jitnaqqas il-livell ta’ riporti għal-livell minimu possibli.

12.

Rigward in-numru ta’ trasferimenti baġitarji, il-kumment tal-Qorti ittieħdet nota dwaru. Għandu jkun innotat li l-baġit tal-ESMA 2013 kien preparat fi tmiem l-2011 e.g. wara inqas minn sena ta’ operazzjoni għall- Awtorità. Fl-2013, metodoloġija ġdida dwar l-ippjanar tal-baġit ġiet imnedija biex tkun minimizzata l-ħtieġa ta’ trasferimenti baġitarji fl-2015 u wara. Fl-2013 l-ESMA bdiet ukoll tistabbilixxi reviżjonijiet baġitarji perjodiċi biex ittejjeb l-implimentazzjoni tal-baġit.

13.

L-ESMA hija konxja tal-kwistjoni relatata mal-ħlas tardiv u ħadet diversi inizjattivi fl-2013 biex tindirizzahom. L-ESMA żiedet il-monitoraġġ bit-twaqqif tar-riporti darbtejn fil-ġimgħa u żviluppat kampanja ta’ taħriġ fuq iċ-ċirkwit tal-ħlas. Fl-aħħar, l-ESMA fl-aħħar tal-2013 ssimplifikat iċ-ċirkwiti finanazjarji f’forma unitarja u adottat il-forom biex ittejjeb il-puntwalità tal-proċess.

14.

Minħabba d-diskussjonijiet li għadhom għaddejjin fuq il-ftehim tas-sede ġenerali, il-proċess tal-ESMA biex tiġbor il-VAT mingħand il-gvern Franċiż kienet implimentata biss fl-aħħar tal-2012. Fl-2013, l-ESMA kellha għaldaqstant tipproċessa l-klejms tal-VAT li kienu ilhom jinġemgħu u li l-aħħar lott tagħhom intbagħat f’Mejju 2014. Flimkien mal-finalizzazzjoni tal-amministrazzjoni tax-xogħol li kien hemm b’lura, proċedura regolari kull tliet xhur għall-ikklejmjar tal-VAT ġiet implimentata fi tmiem l-2013. Bil-miżuri t’hawn fuq imsemmija, l-ESMA tistenna li tnaqqas b’mod sinifikanti jew telimina l-bilanċ tal-VAT sa tmiem l-2014.