10.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 442/210


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija

(2014/C 442/24)

INTRODUZZJONI

1.

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (l-Aġenzija Marittima Ewropea tas-Sigurtà) (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”, magħrufa wkoll bħala l-“EMSA”), li tinsab f'Lisbona, twaqqfet bir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Il-kompiti tal-Aġenzija huma li tiżgura livell għoli ta' sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta' tniġġis minn vapuri, tipprovdi assistenza teknika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, u tissorvelja l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, kif ukoll li tevalwa l-effettività tagħha (2).

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA' ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Aġenzija, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

II-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (5):

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Aġenzija wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Aġenzija fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawn ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2013 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

10.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-snin preċedenti tingħata fl-Anness I.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tat-8 ta’ Lulju 2014.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 208, 5.8.2002, p. 1.

(2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta' informazzjoni.

(3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(5)  L-Artikoli 39 u 50 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(7)  L-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) Nru 1271/2013.


ANNESS I

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

2011

Il-baġit 2011 tal-Aġenzija (1) ammonta għal EUR 56 miljun meta mqabbel ma’ EUR 51 miljun għas-sena preċedenti. L-impenji tal-baġit li ammontaw għal EUR 0,9 miljun ma kinux relatati ma’ impenji legali eżistenti u l-Aġenzija missha ddiżimpenjat u ħallset l-ammont lura lill-Kummissjoni fil-bidu tal-2012. Madankollu, l-Aġenzija bdiet il-proċess tard wisq. Madankollu, l-Aġenzija bdiet il-proċess tard wisq. B’konsegwenza, minħabba restrizzjonijiet imposti mis-sistema tal-IT, il-fondi se jkunu bblokkati għal sena u se jiġu ddiżimpenjati u mħallsa lura mhux qabel it-tmiem tal-2012.

Ikkompletata

2011

Il-Qorti identifikat il-ħtieġa li tittejjeb il-ġestjoni tal-assi tal-Aġenzja. Hemm differenzi mhux spjegati bejn id-deprezzament annwali u dak akkumulat irreġistrati. Għal assi intanġibbli maħluqa internament, il-proċeduri kontabilistiċi u l-informazzjoni fir-rigward tal-ispejjeż mhumiex affidabbli. Hemm nuqqas ta’ evidenza ta’ inventarju fiżiku tat-tagħmir amministrattiv fil-perjodu meħtieġ.

Ikkompletata għal inventarju fiżiku

Għadha għaddejja għal assi intanġibbli maħluqa internament

2012

Impenn tal-baġit li ammonta għal EUR 0,8 miljun ma kienx relatat ma’ impenn legali eżistenti u għalhekk kien irregolari.

M/A

2012

Proċeduri kontabilistiċi u informazzjoni fir-rigward ta’ spejjeż għal assi intanġibbli ġġenerati internament mhumiex kompletament affidabbli.

Għadha għaddejja

2012

Il-Qorti identifikat nuqqasijiet fit-trasparenza ta’ żewġ proċeduri ta’ reklutaġġ li twettqu matul l-ewwel nofs tal-2012. Il-mistoqsijiet għat-testijiet bil-miktub u għall-intervisti, kif ukoll il-ponderazzjonijiet rispettivi tagħhom, ma tħejjewx qabel l-eżaminar tal-applikazzjonjiet. Barra minn hekk, il-punteġġi minimi għall-inklużjoni fuq lista ta’ kandidati adatti ma tħejjewx qabel l-eżaminar tal-applikazzjonjiet. Madankollu, wara l-kummenti tal-Qorti mis-sena l-oħra, l-Aġenzija implimentat miżuri korrettivi u ma nstabet ebda dgħufija ta’ dan it-tip għaż-żewġ proċeduri ta’ reklutaġġ awditjati li twettqu fit-tieni nofs tal-2012.

Ikkompletata


(1)  Skont it-tielet emenda tal-baġit datata t-3.12.2011, li għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali; l-approprjazzjonijiet għas-sena attwali biss.


ANNESS II

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (Lisbona)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta' kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

(L-Artikolu 100 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

Politika tat-trasport komuni

“Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet xierqa għan-navigazzjoni marittima u tal-ajru.”

Kompetenzi tal-Aġenzija

(Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill kif emendat bir-Regolamenti (KE) Nru 1644/2003 u (KE) Nru 724/2004 u r-Regolament (UE) Nru 100/2013)

Objettivi

L-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima ġiet stabbilita għall-finijiet tal-assigurazzjoni ta’ livell għoli, uniformi u effettiv ta' sigurtà marittima, sikurezza marittima, u l-prevenzjoni u r-reazzjoni għat-tniġġis minn vapuri fl-Unjoni.

L-Aġenzija tipprovdi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni bl-assistenza teknika u xjentifika meħtieġa u b'livell għoli ta' għarfien espert, sabiex tgħinhom:

japplikaw b'mod xieraq il-leġiżlazzjoni tal-UE fil-kamp ta' sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta’ tniġġis minn vapuri;

jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tagħha;

jevalwaw l-effettività tal-miżuri eżistenti.

L-Aġenzija tipprovdi wkoll mezzi operazzjonali, fuq talba, kif ukoll assistenza teknika u xjentifika, biex tgħin lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jirreaġixxu għal tniġġis tal-baħar minn vapuri fl-UE.

Kompiti

L-aħħar emenda daħħlet aktar bidliet żgħar fil-mandat tal-Aġenzija, biex b'hekk l-EMSA tkun tista' tassisti aħjar lill-Kummssjoni u lill-Istati Membri fil-kompiti ċentrali tagħha u tagħmel użu usa' tar-riżorsi tagħha biex tgħin lill-Istati Membri tal-UE jirreaġixxu għal tniġġis ikkawżat minn vapuri kif ukoll għal tniġġis tal-baħar ikkawżat minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass. Barra minn hekk, iddaħħlu kompiti anċillari, bil-possibbiltà li l-Aġenzija tuża l-għarfien espert u l-għodod tagħha għal attivitajiet oħra tal-UE relatati mal-politika tat-trasport marittimu tal-Unjoni.

Il-kompiti tal-Aġenzija huma kondiviżi b’mod wiesa’ f’erba’ oqsma ewlenin f’konformità mar-Regolament fundatur tagħha u l-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE. L-ewwel nett, l-Aġenzija tassisti lill-Kummissjoni fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE relatata, fost l-oħrajn, mal-ispezzjoni u ċ-ċertifikazzjoni ta’ vapuri, iċ-ċertifikazzjoni ta’ tagħmir marittimu, is-sikurezza tal-vapuri, it-taħriġ ta' baħħara u l-kontroll mill-istat tal-portijiet.

It-tieni nett, l-Aġenzija tiżviluppa u topera kapaċitajiet ta’ informazzjoni marittima fil-livell tal-UE. Eżempji sinifikanti huma s-SafeSeaNet, is-sistema ta’ monitoraġġ tat-traffiku ta' bastimenti li tippermetti t-traċċar madwar l-UE ta’ bastimenti u tal-merkanzija tagħhom, u ta' aċċidenti u inċidenti; iċ-Ċentru Kooperattiv tad-Data LRIT tal-UE, biex jiġu żgurati l-identifikazzjoni u t-traċċar madwar id-dinja ta’ vapuri bil-bandiera tal-UE; u THETIS, is-sistema ta' informazzjoni għall-appoġġ tas-sistema l-ġdida ta' kontroll mill-istat tal-portijiet.

B’mod parallel, kapaċità ta’ stat ta’ tħejjija, sejba u reazzjoni għal tniġġis tal-baħar hija pprovduta mill-EMSA lil Stati kostali. Din tinkudi Netwerk Ewropew ta’ Riżerva ta’ Bastimenti ta’ Reazzjoni għal Tixrid taż-Żejt kif ukoll servizz Ewropew ta’ monitoraġġ bis-satellita għal tixrid taż-żejt u s-sejba ta’ bastimenti (CleanSeaNet), u b'hekk tikkontribwixxi għal sistema effettiva għall-protezzjoni tax-xtut u l-ilmijiet tal-UE mit-tniġġis minn vapuri.

Fl-aħħar nett, l-Aġenzija tipprovdi parir tekniku u xjentifiku lill-Kummissjoni fil-qasam tas-sigurtà marittima u l-prevenzjoni ta’ tniġġis minn vapuri fil-proċess kontinwu ta’ evalwazzjoni tal-effettività tal-miżuri eżistenti, u fl-aġġornament u l-iżvilupp ta’ leġiżlazzjoni ġdida. Hija tipprovdi wkoll appoġġ lil, u tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn, l-Istati Membri u xxerred informazzjoni dwar l-aħjar prattiċi.

Governanza

Bord Amministrattiv

Kompożizzjoni

Rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru, erba’ rappreżentanti tal-Kummissjoni u erba’ rappreżentanti mingħajr id-dritt għall-vot mis-setturi professjonali kkonċernati.

Kompiti

Li jadotta l-pjan pluriennali ta' politika tal-persunal, il-baġit annwali, il-programm ta’ ħidma, ir-rapport annwali u pjan dettaljat għall-istat ta’ tħejjija għat-tniġġis u l-attivitajiet ta’ reazzjoni tal-Aġenzija,

Li jissorvelja l-ħidma li ssir mid-Direttur Eżekuttiv.

Direttur Eżekuttiv

Maħtur mill-Bord Amministrattiv. Il-Kummissjoni tista’ tipproponi kandidat wieħed jew aktar.

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Awditu intern

Is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea (IAS).

Il-Kapaċità tal-Awditjar Intern tal-Aġenzija.

Awtorità ta' kwittanza

Il-Parlament Ewropew li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

Riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2013 (2012)

Baġit finali

Approprjazzjonijiet ta’ Impenn (C1)

EUR 57,8(55,1) miljun

Approprjazzjonijiet ta’ Pagament (C1)

EUR 54,03(57,5) miljun

Baġits emendatorji ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jkopru varjetà ta’ sorsi ta’ fondi, fejn C1 huwa prattikament is-sors esklussiv ta’ fondi. Għal raġunijiet ta' ċarezza u trasparenza, huma kkwotati biss l-approprjazzjonijiet tal-baġit C1 li huma predominanti u għalhekk rilevanti.

Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2013

Persunal Statutorju

210 (213-il post) postijiet awtorizzati fit-tabella tal-persunal, li minnhom okkupati: 203 (204)

Persunal kuntrattwali

29 (29) post ippjanati fil-baġit, li minnhom okkupati: 25 (25). L-Aġenzija rreklutat ukoll tliet membri addizzjonali tal-persunal kuntrattwali ffinanzjati mill-proġetti.

Esperti Nazzjonali Sekondati

15 (15)-il post ippjanati fil-baġit, li minnhom okkupati: 14 (12)

N.B. Fir-rigward ta' postijiet statutorji, l-EMSA ħadet inkunsiderazzjoni l-mira ta' 210 postijiet li kellhom jiġu implimentati fl-1 ta' Jannar 2014 aktar milli l-għadd ta' postijiet (213) awtorizzati fit-tabella tal-persunal għall-2013.

Ta' min jinnota li fl-2013 kien hemm diġà riżorsi baġitarji disponibbli għal 18-il SNE.

Prodotti u servizzi fl-2013 (2012)

53 (53) sessjoni ta’ ħidma u avvenimenti oħra (b’1  424(1  300) parteċipant fis-sessjonijiet ta’ ħidma);

35 (28) sessjoni differenti ta’ taħriġ, li rriżultaw fit-taħriġ ta’ 861 (734) espert nazzjonali;

74 (109) spezzjoni u żjara;

l-SSN kienet 99,43 % (99,33 %) disponibbli matul is-sena;

2  547(2  234) immaġni tas-satellita ordnati u analizzati permezz ta' CleanSeaNet;

iċ-Ċentru tad-Data LRIT tal-UE kien 99,68 % disponibbli matul is-sena;

16 (16)-il bastiment kontra t-tniġġis ikkuntrattati;

65 (65) eżerċizzju ta’ taħriġ u 33 (33) eżerċizzju bil-bastimenti kontra t-tniġġis (10 (16-il) eżerċizzji operazzjonali u 11 (17)-il eżerċizzju ta’ notifika);

is-Servizzi ta' Appoġġ Marittimi tal-EMSA joperaw fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum;

it-THETIS kienet 99,61 % (99,23 %) disponibbli matul is-sena.

Sors: Anness ipprovdut mill-Aġenzija.


IR-RISPOSTA TAL-AĠENZIJA

L-Aġenzija ħa nota tar-rapport tal-Qorti.