10.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 442/152


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti tal-Aġenzija

(2014/C 442/17)

INTRODUZZJONI

1.

L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (minn hawn ’il quddiem “l-Aġenzija”, magħrufa wkoll bħala l-“EFCA”), li tinsab f’Vigo, ġiet stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 (1). Il-kompitu prinċipali tal-Aġenzija huwa li torganizza l-koordinazzjoni operattiva tal-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni tas-sajd mill-Istati Membri sabiex tiġi żgurata applikazzjoni effettiva u uniformi tar-regoli tal-politika komuni tas-sajd (2).

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Aġenzija. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Aġenzija, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

Il-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (5):

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Aġenzija jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Aġenzija wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Aġenzija fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawk ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Aġenzija jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2013 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

10.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

11.

Fl-2013 il-livell kumplessiv ta' approprjazzjonijiet impenjati kien ta' 99 %, li jindika li l-impenji saru f'waqthom. Madankollu, il-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati għall-2014 kien għoli f'livell ta' EUR 4 98  592 miljun (38 %) għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) u ta' EUR 7 34  301 miljun (43 %) għat-Titolu III (nefqa operazzjonali).

12.

Għat-Titolu III, raġuni importanti għal-livell għoli ta’ riporti ppjanati kienet il-volum ta' xogħol konsiderevoli li l-aġenzija ffaċċat b’riżultat tal-għadd kbir ta’ proġetti tal-IT li jew ġew varati jew li kienu għadhom għaddejjin matul l-2013.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

13.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-snin preċedenti tingħata fl-Anness I.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-1 ta’ Lulju 2014.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 128, 21.5.2005, p. 1.

(2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Aġenzija. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta' informazzjoni.

(3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(5)  L-Artikoli 39 u 50 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(7)  L-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) Nru 1271/2013.


ANNESS I

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korrettiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

2011

Il-Qorti identifikat ħtieġa li jitjiebu aktar il-proċeduri tal-għażla tal-persunal. Avviżi ta’ postijiet battala ma pprovdewx informazzjoni dwar proċeduri ta’ ilmenti u appelli. Il-laqgħat tal-Bord ta’ Għażla ġew dokumentati b’mod insuffiċjenti u f’każ wieħed ta’ reklutaġġ l-Awtorità tal-Ħatra ma segwietx l-ordni tal-lista tal-Bord ta’ Għażla u ma tat ebda raġuni.

Ikkompletata

2012

Il-livell ta’ approprjazzjonijiet impenjati għad-diversi titoli varja bejn 94 % u 99 % tal-approprjazzjonijiet totali, li indika li l-impenji legali ġew iffirmati f’waqthom. Madankollu, il-livell ta’ approprjazzjonijiet impenjati riportati għall-2013 kien għoli għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) f'livell ta' 35 % u għat-Titolu III (nefqa operazzjonali) f'livell ta' 46 %. Għat-Titolu II, dan kien ikkawżat fil-biċċa l-kbira minħabba avvenimenti li l-Aġenzija ma kellhiex kontroll fuqhom, bħalma huwa l-fatturar tard tal-ispejjeż tal-kera tal-uffiċċji 2012 mill-awtoritajiet Spanjoli. Sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet operazzjonali miżjuda li hija kienet iffaċċata bihom fl-aħħar tliet xhur tal-2012, l-Aġenzija ordnat ukoll volum għoli ta’ oġġetti u servizzi li l-wasla tagħhom kienet għadha pendenti fi tmiem is-sena. Għat-Titolu III, raġuni importanti għal-livell għoli ta’ riporti kienet il-volum ta' xogħol konsiderevoli li l-aġenzija ffaċċat b’riżultat tal-għadd kbir ta’ proġetti tal-IT li jew ġew varati jew li kienu għadhom għaddejjin matul l-2012. Dan il-volum ta' xogħol kellu impatt fuq il-puntwalità tal-proċeduri ta' akkwist fil-każ ta’ żewġ proġetti tal-IT varati fl-2012. Barra minn hekk, spejjeż relatati ma’ taħriġ u missjonijiet imwettqa mill-persunal u mill-esperti fl-aħħar tliet xhur tal-2012 kien imisshom jiġu rimborżati biss fil-bidu tal-2013.

M/A

2012

B’rispons għar-rapport 2011 tal-Qorti, l-Aġenzija ħadet azzjoni korrettiva f’Ġunju 2012 biex ittejjeb it-trasparenza tal-proċeduri ta’ reklutaġġ. Fl-2012, l-uniċi dgħufijiet identifikati kienu relatati ma’ tliet proċeduri ta’ reklutaġġ awditjati li kienu nbdew qabel ma sar ir-rapport 2011 tal-Qorti: l-avviżi ta’ postijiet battala ma pprovdewx informazzjoni lill-kandidati dwar il-proċeduri ta’ ilmenti u appelli; il-kandidati ngħataw punteġġ globali minflok punteġġ wieħed għal kull kriterju tal-għażla; ma kien hemm ebda evidenza li l-mistoqsijiet għall-intervisti u għat-testijiet bil-miktub kien ġew stabbiliti qabel id-data tal-eżaminazzjonijiet.

Ikkompletata


ANNESS II

L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (Vigo)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta' kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

(L-Artikolu 43 TFUE)

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jistabbilixxu l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli prevista fl-Artikolu 40(1) kif ukoll id-dispożizzjonijiet l-oħra meħtieġa għall-kisba tal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd.

Kompetenzi tal-Aġenzija

(Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005 emendat mir-Regolament (KE) Nru 1224/2009)

Objettivi

Ir-Regolament jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (EFCA), li l-objettiv tagħha huwa li torganizza koordinazzjoni operattiva tal-attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni tas-sajd mill-Istati Membri u li tassistihom jikkooperaw sabiex jikkonformaw mar-regoli tal-politika komuni tas-sajd sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva u uniformi tagħha.

Kompiti/Missjoni

Li tikkoordina l-kontroll u l-ispezzjoni minn Stati Membri li għandhom x’jaqsmu mal-obbligi ta’ kontroll u spezzjoni tal-UE;

li tikkoordina l-użu (skjerament) tal-mezzi nazzjonali ta’ kontroll u spezzjoni miġbura mill-Istati Membri kkonċernati skont dan ir-Regolament;

li tkun ta’ assistenza għall-Istati Membri fir-rappurtar ta’ informazzjoni dwar attivitajiet ta’ sajd u attivitajiet ta’ kontroll u spezzjoni lill-Kummissjoni u partijiet terzi;

fil-qasam tal-kompetenzi tagħha, li tkun ta’ assistenza għall-Istati Membri biex iwettqu l-kompiti u l-obbligi tagħhom taħt ir-regoli tal-politika komuni tas-sajd;

li tkun ta' assistenza lill-Istati Membri u l-Kummissjoni fl-armonizzazzjoni tal-applikazzjoni tal-politika komuni tas-sajd madwar l-UE;

li tagħti kontribut fix-xogħol tal-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-qasam ta’ riċerka u żvilupp ta’ tekniki ta’ kontroll u spezzjoni;

li tagħti kontribut għall-koordinazzjoni ta’ taħriġ għal spetturi u l-iskambju ta’ esperjenza bejn l-Istati Membri;

li tikkoordina l-operazzjonijiet biex jiġi miġġieled sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat skont ir-regoli tal-UE;

li tkun ta' assistenza fl-implimentazzjoni uniformi tas-sistema ta’ kontroll tal-politika komuni tas-sajd, inkluż b’mod partikolari:

(1)

l-organizzazzjoni ta’ koordinazzjoni operattiva tal-attivitajiet tal-kontroll mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni ta’ programmi speċifiċi ta' kontroll u spezzjoni, programmi ta’ kontroll relatati mas-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (IUU) u programmi internazzjonali ta’ kontroll u spezzjoni;

(2)

l-ispezzjonijiet kif meħtieġa biex jitwettqu l-kompiti tal-Aġenzija.

Jekk jogħġbok innota li, fost kompetenzi oħra, wara l-emenda tar-Regolament li jistabbilixxi l-Aġenzija bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009:

1.

Il-koordinazzjoni operattiva mill-Aġenzija għandha tkopri l-kontroll tal-attivitajiet kollha koperti mill-politika komuni tas-sajd.

2.

L-uffiċjali tal-Aġenzija jistgħu jiġu assenjati f’ilmijiet internazzjonali bħala spetturi tal-Unjoni.

3.

L-Aġenzija tista’ takkwista jew tikri (rent or charter) t-tagħmir li hu meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-pjanijiet konġunti ta’ skjerament.

4.

L-Aġenzija għandha, fejn hu xieraq:

(a)

toħroġ manwali dwar l-istandards armonizzati tal-ispezzjonijiet;

(b)

tiżviluppa materjal ta’ gwida li jirrifletti l-aħjar prattiki fil-qasam tal-kontroll tal-politika komuni tas-sajd, inkluż dwar it-taħriġ ta’ uffiċjali tal-kontroll, u taġġorna dan fuq bażi regolari;

(c)

tipprovdi lill-Kummissjoni bl-appoġġ tekniku u amministrattiv neċessarju biex twettaq il-kompiti tagħha.

5.

L-Aġenzija għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u bejnhom u l-Kummissjoni fl-iżvilupp ta’ standards armonizzati għall-kontroll u l-aħjar prattiki fil-qasam tal-proċeduri legali, b’kunsiderazzjoni xierqa tas-sistemi legali differenti fl-Istati Membri individwali u skont il-leġiżlazzjoni tal-UE u standards internazzjonali maqbula.

6.

L-Aġenzija għandha twaqqaf Unità ta’ Emerġenza, fuq notifika mill-Kummissjoni jew fuq l-inizjattiva tagħha stess, meta tiġi identifikata sitwazzjoni li tinvolvi riskju serju dirett, indirett jew potenzjali għall-politika komuni tas-sajd, u r-riskju ma jkunx jista' jiġi prevenut, eliminat jew imnaqqas b’mezzi eżistenti jew ma jkunux jistgħu jiġu mmaniġġjati b'mod adegwat.

7.

l-Aġenzija għandha tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika marittima integrata tal-UE, u b’mod partikolari tikkonkludi ftehimiet amministrattivi ma’ entitajiet oħra fi kwistjonijiet koperti minn dan ir-Regolament wara l-approvazzjoni mill-Bord Amministrattiv.

Governanza

Bord Amministrattiv

Kompożizzjoni

Jikkonsisti f’rappreżentant wieħed minn kull Stat Membru u sitt rappreżentanti tal-Kummissjoni.

Dmirijiet, fost oħrajn,

li jadotta l-baġit u t-tabella tal-persunal, il-programmi ta' ħidma pluriennali u annwali, ir-rapport annwali u l-pjan ta' politika tal-persunal pluriennali. Li jagħti opinjoni dwar il-kontijiet finali.

Direttur Eżekuttiv

Maħtur mill-Bord Amministrattiv minn lista ta’ mill-anqas żewġ kandidati proposti mill-Kummissjoni.

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Kontroll intern

Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni Ewropea (IAS).

Awtorità ta' kwittanza

Il-Parlament Ewropew li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kunsill.

Riżorsi disponibbli għall-Aġenzija fl-2013 (2012)

Baġit Finali

Baġit Totali 2013: EUR 9,22(9,22) miljun

Titolu I – EUR 6,33 (6,22) miljun

Titolu II – EUR 1,18 (1,28) miljun

Titolu III – EUR 1,71 (1,71) miljun

Persunal fil-31 ta’ Diċembru 2013

54 (54) post previst għal persunal temporanju fit-tabella tal-persunal, li minnhom okkupati: 52 (1) (50)

+ ħames (ħames) postijiet għal persunal b'kuntratt, li minnhom okkupati: ħamsa (ħamsa)

+ erba' (erba') postijiet għal Esperti Nazzjonali Sekondati (ENS), li minnhom okkupati: tliet (erba') ENS

Għadd Totali ta' postijiet inklużi l-ENS: 63 (63), li minnhom okkupati 60 (59)

Prodotti u servizzi 2013 (2012)

Koordinazzjoni Operattiva

Implimentazzjoni tal-JDP (Pjan Konġunt ta’ Skjerament) għas-sajd tal-merluzz fil-Baħar tat-Tramuntana, Skagerrak, Kattegat u l-Fliegu tal-Lvant u Ibħra tal-Punent (il-Punent tal-Iskozja u l-Baħar Irlandiż).

JDP għas-sajd tal-merluzz u tas-salamun fil-Baħar Baltiku.

JDP għas-sajd tat-tonn tal-pinna kaħlanija fil-Baħar Mediterran u fl-Atlantiku tal-Lvant.

Implimentazzjoni tal-JDP fiż-żona tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral u fiż-żona tal-Organizzazzjoni tas-Sajd fl-Atlantiku tal-Grigal.

JDP għall-ispeċjijiet pelaġiċi fl-ibħra tal-Punent tal-Unjoni Ewropea.

Appoġġ lill-programmi nazzjonali ta’ kontroll fil-Baħar l-Iswed.

Konsolidazzjoni tal-JDPs permezz ta’ promozzjoni ta’ approċċ reġjonali.

Bini tal-Kapaċità

Żvilupp u manutenzjoni tal-Kurrikuli Ewlenin.

Żvilupp tal-pjattaforma ta’ kollaborazzjoni bbażata fuq l-internet għat-taħriġ.

Assistenza lill-programmi ta’ taħriġ nazzjonali tal-Istati Membri.

Taħriġ tal-ħarrieġa u taħriġ ta’ spetturi tal-Unjoni qabel l-ewwel skjerament tagħhom.

Operat, manutenzjoni, titjib u żvilupp tal-kapaċitjiet ta’ monitoraġġ tal-ICT: Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti (VMS), Sistema Elettronika ta' Rappurtar (ERS), Rapport dwar l-Ispezzjoni Elettronika (EIR), Koordinazzjoni ta’ Spezzjonijiet (JADE), portal u konferenzi operazzjonali (Fishnet).

Applikazzjoni ta’ Sorveljanza Marittima MARSURV3 (mal-EMSA).

Appoġġ għal attivitajiet fil-ġlieda kontra s-sajd illegali mhux rappurtat u mhux regolat.

Forniment ta’ servizzi kuntrattwali għall-kiri ta’ Bastiment għar-Ronda tas-Sajd tal-EFCA.

Taħriġ avvanzat għall-ispetturi tal-Unjoni (uffiċjali involuti fil-ġlieda kontra l-IUU) (skambju tal-aħjar prattika, korsijiet ta’ aġġornament, eċċ.), u taħriġ għal spetturi ta’ pajjiżi terzi fuq talba tal-Kummissjoni Ewropea.

(ara l-Programm ta’ Ħidma Annwali 2013 tal-Aġenzija għad-dettalji)


(1)  Offerti ta’ impjieg magħmula għar-reklutaġġ tal-persunal (tliet offerti) huma inklużi f’din iċ-ċifra f'konformità mal-informazzjoni ta’ statistika pprovduta fil-pjan ta' politika tal-persunal pluriennali 2015-2017 (Status 31.1.2014).

Sors: Anness ipprovdut mill-Aġenzija.


IR-RISPOSTI TAL-AĠENZIJA

11.

L-Aġenzija taqbel mal-fatti ppreżentati mill-Qorti rigward il-livell għoli ta’ riport mhux użat ippjanat. Parti mir-raġuni għal dan kienet minħabba s-sitwazzjoni rigward l-ammont u ż-żmien ta' pagamenti possibbli għall-aġġustamenti retroattivi fis-salarji tal-2011 u l-2012, li fl-aħħar kienet iċċarata f'Novembru 2013.

12.

Kif indikat mill-Qorti, in-natura u ċ-ċiklu tal-implimentazzjoni tal-proġett kienu jimplikaw il-ħtieġa għal riport mhux użat ippjanat.