10.12.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 442/112


RAPPORT

dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, flimkien mar-risposti tal-Awtorità

(2014/C 442/13)

INTRODUZZJONI

1.

L-Awtorità Bankarja Ewropea (minn hawn ’il quddiem “l-Awtorità”, magħrufa wkoll bħala l-“EBA”), li tinsab f’Londra, ġiet stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1). Il-kompitu tal-Awtorità huwa li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ standards u prattiki regolatorji u superviżorji komuni ta’ kwalità għolja, li tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti, li tistimula u tiffaċilita d-delega tal-kompiti u r-responsabbiltajiet fost l-awtoritajiet kompetenti, li timmonitorja u tivvaluta żviluppi tas-suq fil-qasam tal-kompetenza tagħha u li ssaħħaħ il-protezzjoni tad-depożitur u tal-investitur (2).

INFORMAZZJONI LI TAPPOĠĠA D-DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

2.

L-approċċ tal-awditjar meħud mill-Qorti jinkludi proċeduri analitiċi tal-awditjar, ittestjar dirett tat-tranżazzjonijiet u valutazzjoni tal-kontrolli ewlenin tas-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll tal-Awtorità. Dan huwa ssupplimentat b’evidenza pprovduta mix-xogħol ta’ awdituri oħrajn (fejn rilevanti) u analiżi tar-rappreżentazzjonijiet tal-maniġment.

DIKJARAZZJONI TA’ ASSIGURAZZJONI

3.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti awditjat:

(a)

il-kontijiet annwali tal-Awtorità, li jinkludu r-rapporti finanzjarji (3) u r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit (4) għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2013, u

(b)

il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati dawk il-kontijiet.

Ir-responsabbiltà tal-maniġment

4.

II-maniġment huwa responsabbli mit-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet annwali tal-Awtorità u mil-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi (5):

(a)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-kontijiet annwali tal-Awtorità jinkludu t-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta ta’ rapporti finanzjarji li jkunu ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball; l-għażla u l-applikazzjoni ta’ politiki kontabilistiċi xierqa fuq il-bażi tar-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni (6); it-tħejjija ta’ stimi kontabilistiċi li jkunu raġonevoli fiċ-ċirkustanzi. Id-Direttur japprova l-kontijiet annwali tal-Awtorità wara li l-uffiċjal tal-kontabbiltà tagħha jkun ħejjiehom fuq il-bażi tal-informazzjoni kollha disponibbli u jkun stabbilixxa nota biex takkumpanja l-kontijiet li fiha huwa jiddikjara, fost l-oħrajn, li għandu aċċertament raġonevoli li dawn jippreżentaw stampa vera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tal-Awtorità fl-aspetti materjali kollha.

(b)

Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment fir-rigward tal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi u l-konformità mal-prinċipju ta’ ġestjoni finanzjarja tajba jikkonsistu fit-tfassil, l-implimentazzjoni u ż-żamma ta’ sistema ta’ kontroll intern effettiva u effiċjenti li tinkludi superviżjoni adegwata u miżuri xierqa għall-prevenzjoni ta’ irregolaritajiet u frodi u, jekk meħtieġ, proċedimenti legali għall-irkupru ta’ fondi mħallsa jew użati ħażin.

Ir-responsabbiltà tal-awditur

5.

Ir-responsabbiltà tal-Qorti hija li, fuq il-bażi tal-awditu tagħha, tipprovdi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (7) b’dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet annwali u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-Qorti tmexxi l-awditu tagħha skont l-Istandards Internazzjonali tal-Awditjar u l-Kodiċijiet tal-Etika tal-IFAC u l-Istandards Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-INTOSAI. Dawn l-istandards jeżiġu li l-Qorti tippjana u twettaq l-awditu biex tikseb aċċertament raġonevoli dwar jekk il-kontijiet annwali tal-Awtorità jkunux ħielsa minn kwalunkwe dikjarazzjoni skorretta materjali u dwar jekk it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati jkunux legali u regolari.

6.

L-awditu jinvolvi t-twettiq ta' proċeduri biex tinkiseb evidenza għall-awditjar dwar l-ammonti u d-divulgazzjonijiet fil-kontijiet u dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi. Il-proċeduri magħżula, jiddependu fuq il-ġudizzju tal-awditur, li huwa bbażat fuq valutazzjoni tar-riskji ta’ dikjarazzjoni skorretta materjali tal-kontijiet u ta’ nuqqas ta’ konformità materjali mit-tranżazzjonijiet ta’ bażi mar-rekwiżiti fil-qafas legali tal-Unjoni Ewropea, sew jekk minħabba frodi u sew jekk minħabba xi żball. Meta jivvaluta dawk ir-riskji, l-awditur iqis kwalunkwe kontroll intern rilevanti għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ġusta tal-kontijiet, kif ukoll is-sistemi ta’ superviżjoni u kontroll li jkunu implimentati biex jiġu żgurati l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta’ bażi, u jfassal proċeduri tal-awditjar li jkunu xierqa skont iċ-ċirkustanzi. L-awditu jinvolvi wkoll l-evalwazzjoni tal-adegwatezza tal-politiki kontabilistiċi, ir-raġonevolezza tal-istimi kontabilistiċi u l-preżentazzjoni kumplessiva tal-kontijiet.

7.

Il-Qorti tqis li l-evidenza għall-awditjar miksuba hija suffiċjenti u xierqa biex tipprovdi bażi għad-dikjarazzjoni ta’ assigurazzjoni tagħha.

Opinjoni dwar l-affidabiltà tal-kontijiet

8.

Fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Awtorità jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta’ Diċembru 2013 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni.

Opinjoni dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet

9.

Fl-opinjoni tal-Qorti, it-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2013 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha.

10.

Il-kummenti li ġejjin ma jixħtux dubju fuq l-opinjonijiet tal-Qorti.

KUMMENTI DWAR IL-ĠESTJONI BAĠITARJA

11.

Fl-2013, Il-livell kumplessiv ta’ approprjazzjonijiet impenjati kien ta’ 90 % meta mqabbel ma' 89 % fl-2012, li jvarja bejn 87 % għat-Titolu I (nefqa fuq il-persunal), 98 % għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) u 92 % għat-Titolu III (nefqa operazzjonali). Ir-rata ta' impenn għat-Titolu I kellha impatt b'mod negattiv mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja kontra l-indiċjar tas-salarji tal-persunal għall-perjodu mill-1 ta' Lulju 2011 sat-30 ta' Ġunju 2013 (EUR 1,8 miljun).

12.

Għalkemm il-livell kumplessiv ta' riporti naqas b'mod sinifikanti għal EUR 3 8 76  564 (17 %) meta mqabbel ma' EUR 6 5 47  808 (36 %) għas-sena preċedenti, riporti ta' approprjazzjonijiet impenjati baqgħu relattivament għoljin għat-Titolu II f'livell ta' EUR 1 9 74  511 (35 %) u għat-Titolu III f'livell ta' EUR 1 6 51  203 (36 %). Dawn ir-riporti prinċipalment jirriżultaw mill-akkwist ippjanat ta' infrastruttura tal-IT u servizzi tal-IT, li għalihom il-kuntratti kienu konklużi kif ippjanat f'Diċembru 2013 u s-servizzi relatati se jiġu pprovduti fl-2014.

SEGWITU GĦALL-KUMMENTI MIS-SNIN PREĊEDENTI

13.

Ħarsa ġenerali lejn l-azzjonijiet korrettivi li ttieħdu b’rispons għall-kummenti tal-Qorti mis-snin preċedenti tingħata fl-Anness I.

Dan ir-Rapport ġie adottat mill-Awla IV, immexxija mis-Sur Milan Martin CVIKL, Membru tal-Qorti tal-Awdituri, fil-Lussemburgu fil-laqgħa tagħha tal-1 ta’ Lulju 2014.

Għall-Qorti tal-Awdituri

Vítor Manuel da SILVA CALDEIRA

President


(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.

(2)  L-Anness II jagħti sommarju tal-kompetenzi u l-attivitajiet tal-Awtorità. Huwa ppreżentat għal skopijiet ta' informazzjoni.

(3)  Dawn jinkludu l-karta tal-bilanċ u l-kont tar-riżultat ekonomiku, it-tabella tal-flussi tal-flus, ir-rapport tat-tibdil fl-assi netti u sommarju tal-politiki kontabilistiċi sinifikanti u noti oħra ta’ spjegazzjoni.

(4)  Dawn jinkludu l-kont tar-riżultat baġitarju u l-anness għall-kont tar-riżultat baġitarju.

(5)  L-Artikoli 39 u 50 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 (ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42).

(6)  Ir-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni huma dderivati mill-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà għas-Settur Pubbliku (IPSAS) maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti jew, fejn rilevanti, l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IAS)/l-Istandards Internazzjonali tar-Rappurtar Finanzjarju (IFRS) maħruġa mill-Bord dwar l-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà.

(7)  L-Artikolu 107 tar-Regolament (UE) Nru 1271/2013.


ANNESS I

Segwitu għall-kummenti mis-snin preċedenti

Sena

Kumment tal-Qorti

Status tal-azzjoni korretetiva

(Ikkompletata/Għadha għaddejja/Pendenti/M/A)

2011

Ir-rati baxxi ta’ eżekuzzjoni tal-baġit jindikaw diffikultajiet fl-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-baġit.

Ikkompletata

2011

Il-baġit tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2011 kien ta’ EUR 12,7 miljun. Skont ir-Regolament Fundatur (1), 60 % tal-baġit għall-2011 kien iffinanzjat mill-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri u l-pajjiżi tal-EFTA u 40 % mill-baġit tal-Unjoni. Fi tmiem l-2011 l-Awtorità rreġistrat riżultat pożittiv fil-baġit ta’ EUR 3,6 miljun. Skont l-Artikoli 15(4) u 16(1) tar-Regolament Finanzjarju tagħha, l-ammont sħiħ imbagħad ġie rreġistrat fil-kontijiet bħala obbligazzjoni lejn il-Kummissjoni Ewropea.

Ikkompletata

2011

L-Awtorità teħtieġ ittejjeb it-trasparenza tal-proċeduri ta’ reklutaġġ: il-ponderazzjonijiet għall-kriterji ta’ għażla u l-punteġġi limiti biex wieħed ikun mistieden għal intervisti jew biex ikun inkluż fil-lista ta’ kandidati xierqa ma ġewx stabbiliti qabel ma ġew eżaminati l-applikazzjonijiet.

Ikkompletata

2012

Sabiex tkopri tariffi ogħla tal-iskola, l-Awtorità tagħti lill-persunal li t-tfal tagħhom jattendu l-iskola primarja jew sekondarja kontribuzzjoni għall-edukazzjoni barra mill-allowances għall-edukazzjoni previsti fir-Regolamenti tal-Persunal (2). Kontribuzzjonijiet totali għall-edukazzjoni fl-2012 ammontaw għal madwar EUR 76  000. Huma mhumiex koperti bir-Regolamenti tal-Persunal u għalhekk huma irregolari.

Għadha għaddejja (3)

2012

Skont l-istrateġija tal-IT tal-Awtorità li kienet ġiet imfassla mill-organizzazzjoni predeċessur tagħha (4), is-sistemi ta’ applikazzjoni ewlenin tal-IT tal-EBA ġew esternalizzati lil fornitur estern tal-IT (5) sa Diċembru 2013. Dan joħloq riskji relatati mal-kontroll u s-superviżjoni limitati tal-Awtorità fuq is-sistemi tal-IT tagħha.

Ikkompletata

2012

Il-livell kumplessiv ta' approprjazzjonijiet impenjati kien ta’ 89 %, li jvarja bejn 84 % għat-Titolu I (nefqa għall-persunal), 86 % għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) u 100 % għat-Titolu III (nefqa operazzjonali) (6). Riporti ta’ approprjazzjonijiet impenjati kienu għolja għat-Titolu II (45 %) prinċipalment minħabba raġunijiet li ma kinux fil-kontroll tal-Awtorità, bħat-tentattiv bla suċċess li jinstab bini ġdid u dewmien fl-implimentazzjoni ta’ xi proġetti tal-IT li kien diffiċli li tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa dwarhom mill-organizzazzjoni predeċessur. Għat-Titolu III, riporti ta’ approprjazzjonijiet impenjati kienu għolja (85 %), prinċipalment minħabba l-kumplessità u durata twila ta’ żewġ proċeduri ta’ akkwist tal-IT li madankollu twettqu skont il-pjan, dewmien fil-tnedija u l-implimentazzjoni ta’ tliet proġetti oħra tal-IT u l-fatturar tard ta’ xi servizzi tal-IT mill-fornituri.

M/A

2012

Il-Qorti identifikat id-dgħufijiet li ġejjin fil-proċeduri ta’ reklutaġġ awditjati li jaffettwaw it-trasparenza u t-trattament indaqs: il-kandidati ngħataw punteġġ globali minflok punteġġ wieħed għal kull kriterju tal-għażla; ma kien hemm ebda evidenza li l-mistoqsijiet għall-intervisti u għat-testijiet kienu ġew stabbiliti qabel id-data tal-eżaminazzjonijiet.

Ikkompletata


(1)  L-Artikolu 62(1) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010.

(2)  L-Artikolu 3 tal-Anness VII jipprevedi d-doppju tal-allowance bażika ta’ EUR 252,81 = EUR 505,62.

(3)  Għal tlieta mid-disa' skejjel ikkonċernati l-kuntratti kienu għadhom iridu jiġu konklużi fl-2013.

(4)  Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej.

(5)  Banque de France.

(6)  Wara analiżi tal-ħtiġijiet għall-parti tas-sena li kien għad fadal, il-baġit ġie revedut u l-approprjazzjonijiet tnaqqsu bi 8,9 % f’Settembru 2012.


ANNESS II

L-Awtorità Bankarja Ewropea (Londra)

Kompetenzi u attivitajiet

Oqsma ta' kompetenza tal-Unjoni li jidderivaw mit-Trattat

(L-Artikoli 26 u 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea)

L-Artikolu 26

“1.

L-Unjoni għandha tadotta miżuri bil-ħsieb li tistabbilixxi jew li tassigura l-funzjonament tas-suq intern, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattati.

2.

Is-suq intern għandu jikkomprendi arja bla fruntieri interni, li fiha l-moviment liberu ta' merkanzija, persuni, servizzi u kapital huwa żgurat skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattati.

3.

Il-Kunsill li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni għandu jistabbilixxi l-linji-gwida u l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jiżguraw progress bilanċjat fis-setturi kollha interessati.”

L-Artikolu 114

“1.

Ħlief fejn provdut xort'oħra fit-Trattati, id-dispożizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw għall-kisba tal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 26. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b'regolamenti jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern.”

Kompetenzi tal-Awtorità

(Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill)

(Ir-Regolament (UE) Nru 1022/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010)

Għanijiet

(a)

Li jitjieb l-operat tas-suq intern, inkluż b’mod partikolari, livell sod, effikaċi u konsistenti ta’ regolamentazzjoni u superviżjoni;

(b)

li jiġu żgurati l-integrità, it-trasparenza, l-effikaċja u l-operat ordnat tas-swieq finanzjarji;

(c)

li tissaħħaħ il-koordinazzjoni superviżorja internazzjonali;

(d)

li jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju u tingħata promozzjoni għal kundizzjonijiet ugwali tal-kompetizzjoni;

(e)

li jiġi żgurat li t-teħid ta’ riskji ta’ kreditu u riskji oħrajn ikunu regolati u sorveljati kif xieraq;

(f)

li tissaħħaħ il-protezzjoni tal-konsumatur.

Kompiti

(a)

Li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ standards u prattiċi regolatorji u superviżorji komuni ta’ kwalità għolja;

(b)

li tiżviluppa u żżomm aġġornat manwal superviżorju Ewropew dwar is-superviżjoni ta' istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni kollha kemm hi;

(c)

li tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tal-atti legalment vinkolanti tal-Unjoni;

(d)

li tiffaċilita d-delega tal-kompiti u r-responsabbiltajiet fost l-awtoritajiet kompetenti;

(e)

li tikkoopera mill-qrib mal-BERS (1);

(f)

li torganizza u twettaq analiżijiet tar-evalwazzjoni bejn il-pari tal-awtoritajiet kompetenti;

(g)

li timmonitorja u tivvaluta żviluppi tas-suq fil-qasam tal-kompetenza tagħha;

(h)

li twettaq analiżijiet ekonomiċi tas-swieq biex l-Awtorità tkun tista’ twettaq il-funzjonijiet tagħha sew;

(i)

li trawwem il-protezzjoni tad-depożitur u tal-investitur;

(j)

li tippromwovi l-funzjonament konsistenti u koerenti tal-kulleġġi tas-superviżuri, il-monitoraġġ, il-valutazzjoni u l-kejl tar-riskju sistemiku, l-iżvilupp u l-koordinazzjoni tal-pjanijiet ta’ rkupru u riżoluzzjoni, l-għoti ta’ protezzjoni ta’ livell għoli lid-depożituri u l-investituri madwar l-Unjoni u l-iżvilupp ta’ metodi għar-riżoluzzjoni tal-problemi ta’ istituzzjonijiet finanzjarji li qegħdin ifallu u valutazzjoni tal-ħtieġa ta' strumenti ta’ finanzjament adegwati;

(k)

li twettaq kwalunkwe kompitu speċifiku ieħor stipulat f’dan ir-Regolament jew f’atti leġislattivi oħra;

(l)

li tippubblika fil-websajt tagħha, u taġġorna b’mod regolari, l-informazzjoni relatata mal-qasam tal-attivitajiet tagħha.

Governanza

Bord tas-Superviżuri

Magħmul mill-President, rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru (il-kap tal-NSA (2)), il-Kummissjoni, l-BĊE (3), il-BERS, l-EIOPA (4) u l-ESMA (5).

Bord Maniġerjali

Magħmul mill-President u sitt membri oħra tal-Bord tas-Superviżuri.

President

Maħtur mill-Bord tas-Superviżuri.

Direttur Eżekuttiv

Maħtur mill-Bord tas-Superviżuri.

Bord tal-Appell

Entità konġunta tat-tliet ASE.

Awditu estern

Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri

Awtorità ta' kwittanza

Il-Parlament Ewropew.

Riżorsi disponibbli għall-Awtorità fl-2013 (2012)

Baġit 2013

EUR 26,0 (20,7) miljun

Inklużi:

Sussidju tal-Unjoni Ewropea: EUR 10,4 (8,3) miljun

Kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri: EUR 15,2(12,1) miljun

Kontribuzzjonijiet mill-osservaturi: EUR 0,4(0,3) miljun

Postijiet mimlija fil-31 ta' Diċembru 2013

93 membru tal-persunal temporanju (68) – li minnhom intbagħtu ittri ta’ offerta u ġew aċċettati minn seba’ Aġenti Temporanji qabel il-31 ta’ Diċembru 2013.

14-il membru tal-persunal kuntrattwali (12)

17-il Espert Nazzjonali Sekondati (14)

Prodotti u servizzi fl-2013

Kondotta ta’ 56 konsultazzjoni pubblika (il-biċċa l-kbira dwar abbozz ta’ Standards Tekniċi Regolatorji u ta' Implimentazzjoni żviluppati taħt il-qafas leġiżlattiv CRDIV/CRR), organizzazzjoni ta’ 34 seduta ta’ smigħ pubbliku

Sottomissjoni ta’ 36 abbozz ta’ Standards Tekniċi Regolatorji u ta' 21 abbozz ta' Standards Tekniċi ta’ Implimentazzjoni lill-Kummissjoni Ewropea għall-approvazzjoni finali (żviluppati b’mod partikolari taħt (i) il-qafas leġislattiv CRDIV/CRR, u li huma relatati mal-qasam ta' fondi proprji tal-banek, ta' riskju ta' kreditu, ta' riskju tas-suq, ta' likwidità u remunerazzjoni, kif ukoll (ii) il-qafas leġislattiv ta’ Rkupru u Riżoluzzjoni ta' Kriżijiet)

Ħruġ ta’ żewġ linji gwida (dwar żewġ miżuri ta’ kapital ta’ self FX, u dwar depożiti fil-livell ta’ konsumatur suġġetti għal fluss ta' ħruġ differenti għall-iskop ta’ rappurtar tal-likwidità) u erba’ rakkomandazzjonijiet lil awtoritajiet nazzjonali kompetenti (dwar l-parteċipazzjoni tal-banek fil-Euribor, dwar l-iżvilupp ta’ pjanijiet ta’ rkupru, dwar il-preservazzjoni ta’ kapital CT1 matul it-tranżizzjoni għall-qafas leġislattiv CRDIV/CRR, u dwar analiżi tal-kwalità tal-assi tal-banek)

Għoti ta’ sitt opinjonijiet indirizzati lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, parir tekniku wieħed lill-Kummissjoni Ewropea, erba’ ittri b'kummenti dwar il-kontabbiltà indirizzati lill-IASB u żewġ ittri b'kummenti dwar l-awditjar indirizzati lill-IAASB

Evalwazzjoni waħda bejn il-pari dwar l-implimentazzjoni minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-linji gwida għall-ittestjar tal-istress

Stabbiliment tas-Single Rulebook Questions and Answers tool (għodda ta' Mistoqsijiet u Tweġibiet tal-Ġabra Unika ta' Regoli) fuq il-websajt tal-EBA għal istituzzjonijiet, superviżuri u partijiet interessati oħra

Ħruġ ta’ għadd estensiv ta’ rapporti tematiċi f’diversi oqsma ta' kompetenzi tal-EBA (eż. rapporti dwar is-settur bankarju u l-analiżi tar-riskju transsettorjali, rapporti dwar il-konsistenza ta’ assi ppeżati għar-riskju tal-banek, rapporti dwar xejriet tal-konsumaturi, rapporti dwar ir-riżultati tal-eżerċizzju ta' monitoraġġ ta' Basel II, rapport ta' tmiem it-terminu tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati, rapporti dwar il-likwidità tal-banek, rapport dwar l-impatt tal-proporzjon ta’ kopertura tal-likwidità, rapport dwar id-data dwar persuni li jaqilgħu pagi għoljin f’banek tal-UE, rapport dwar il-kumparabbiltà ta’ regoli u prattiki superviżorji, rapport dwar il-proċikliċità tar-rekwiżiti kapitali tal-banek, rapporti fil-qasam tal-kumparabilità tal-assi ppeżati għar-riskju (RWAs), eċċ.)

Twettiq ta’ analiżi tar-riskju, valutazzjoni u monitoraġġ ta’ riskji ewlenin fis-settur bankarju tal-UE, inkluża analiżi tal-konsistenza tal-eżiti f'RWAs, is-sostenibbiltà ta’ mudelli ta' negozju tal-banek u analiżijiet tal-kwalità tal-assi tal-banek

Żvilupp ta’ rapporti semi-annwali dwar is-settur bankarju u r-riskju transsettorjali, tabelli operattivi tar-riskji trimestrali, rappurtar kull ġimgħa dwar il-likwidità u l-kundizzjonijiet ta’ finanzjament tal-banek Ewropej u dwar l-indikaturi tas-suq bankarju, aġġornamenti regolari dwar ir-riskji u l-vulnerabbiltà provduti lill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE

Ħidma estensiva fil-qasam ta’ tiswija tal-karta tal-bilanċ tal-banek u ta' analiżi tal-kwalità tal-assi tal-banek (ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet dwar il-preservazzjoni tal-kapital u dwar l-analiżi tal-kwalità tal-assi, tliet rapporti interim dwar il-konsistenza ta’ RWAs, erba’ rapporti oħra dwar kwistjonijiet diversi fir-rigward l-kumparabbiltà tal-RWAs, identifikazzjoni ta’ definizzjonijiet komuni ta’ self improduttiv u ta' tolleranza, anke bi tħejjija għall-analiżijiet tal-kwalità tal-assi u l-valutazzjoni komprensiva tal-MSU)

Eżekuzzjoni ta’ eżerċizzju ta’ trasparenza madwar l-UE li jipprovdi informazzjoni dwar banek tal-UE li kienu parti mill-eżerċizzju ta’ rikapitalizzazzjoni fl-2012

Tħejjija għall-ittestjar tal-istress 2014 ta' banek tal-UE (xogħol dwar l-iżvilupp ta’ metodoloġiji, xenarji u suppożizzjonijiet ewlenin tal-ittestjar tal-istress), inputs – bħala konsulent tal-Kummissjoni – għat-testijiet tal-istress f’xi pajjiżi tal-programm

Żvilupp u assistenza fl-implimentazzjoni tal-oqfsa ta' rappurtar komuni ta' rappurtar finanzjarju (FINREP) u rappurtar komuni (COREP) u Tassonomija tal-XBRL għal rappurtar superviżorju tat-tieni livell

Parteċipazzjoni attiva f’laqgħat u f'attivitajiet ta’ kulleġġi ta' awtoritajiet superviżorji nazzjonali, promozzjonii u l-monitoraġġ ta' kooperazzjoni superviżorja fil-kulleġġi

Xogħol relatat mal-EURIBOR u kwistjonijiet relatati mal-punti ta’ riferiment, imwettqa b’mod konġunt mal-ESMA, inkluża l-pubblikazzjoni ta' prinċipji għall-proċessi ta’ stabbiliment tal-punti ta’ riferiment, u xogħol dwar is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet lill-Euribor-EBF u lill-awtoritajiet nazzjonali

Valutazzjoni annwali dwar l-implimentazzjoni milll-banek ta' rekwiżiti ta' divulgazzjoni tal-Pilastru 3

Kontribut Programm ta’ Valutazzjoni tal-Konsistenza Regolatorja tal-Kumitat ta' Basel (RCAP)

Fil-qasam tal-protezzjoni tal-konsumatur, il-ħruġ ta’ żewġ twissijiet lill-konsumaturi (dwar muniti virtwali u dwar kuntratti għad-differenza), pożizzjoni konġunta waħda mill-ASE dwar is-superviżjoni u l-governanza tal-prodott, koorganizzazzjoni ta' Jum il-Konsumatur Konġunt 2013 tal-ASE, u – kif diġà imsemmi taħt ta' hawn fuq – ħruġ ta’ tliet opinjonijiet dwar prattiki tajbin għal awtoritajiet kompetenti nazzjonali (dwar ipoteki u fondi nnegozjati fil-borża), rapport wieħed dwar ix-xejriet tal-konsumatur, u tnedija ta’ konsultazzjoni waħda dwar abbozz ta' Standards Tekniċi Regolatorji fir-rigward ta' intermedjarji tal-ipoteka, u konsultazzjoni waħda dwar linji gwida ta’ trattament konġunt ta' ilmenti

Għoti ta’ input u kontribut għall-proċess tal-analiżi tas-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji fil-kuntest tal-Artikolu 81 tar-Regolament tal-EBA, b’mod konġunt ma' ASE oħra (l-għoti ta' data kwantitattiva u kwalitattiva lill-COM, rapport dwar il-kisbiet u l-isfidi tal-ASE lill-Kunsill, parteċipazzjoni fis-smigħ pubbliku tal-COM dwar l-analiżi tal-ESFS u s-smigħ pubbliku tal-ECON, sottomissjoni tal-opinjoni tal-ASE dwar l-analiżi tal-BERS)

Għoti u koordinazzjoni ta’ 20 seminar u ta' attivitajiet ta’ taħriġ lil persunal mill-ABE u minn awtoritajiet superviżorji nazzjonali (li 8 minnhom ipprovduti b'mod konġunt mal-ASE l-oħra)

10 laqgħat tal-Bord ta’ Superviżuri (6 laqgħat wiċċ imb'wiċċ, 4 konferenzi bit-telefown), 7 laqgħat tal-Bord Maniġerjali (5 laqgħat wiċċ imb'wiċċ, 2 konferenzi bit-telefown), 7 laqgħat tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati (2 minnhom b'mod konġunt mal-Bord tas-Superviżuri)

Twettiq tat-Tabella tal-persunal (61 proċedura tal-għażla organizzata u 153 kandidat intervistat fl-2013 mingħajr l-ebda appell lill-ED jew lill-Ombudsman)

Aktar titjib tal-amministrazzjoni u t-trasparenza ta’ reklutaġġ, l-introduzzjoni ta’ taħriġ ta' induzzjoni għal persunal li jkun għadu kemm ġie rreklutat

Definizzjoni u implimentazzjoni ta’ proċedura ġdida għall-amministrazzjoni tal-kontribuzzjoni għall-edukazzjoni tal-ABE (kuntratti ma’ skejjel)

Introduzzjoni ta’ fornitur ġdid ta’ servizzi mediċi (akkwist konġunt mal-EMA) u fornitur ġdid ta’ persunal interim wara proċedura ta’ akkwist

Fir-rigward ta' Allegro, it-tnedija tax-xogħol dwar l-iżvilupp tal-eRecruitment, tibdil fil-pjattaforma tal-IBM, modifika tal-Allegro għar-Regolament tal-Persunal ġdid

Ipproċessar ta’ 421 impenn finanzjarju u ta' 2  335 ordni ta’ ħlas

Implimentazzjoni ta’ għodod imtejba ta’ monitoraġġ tal-baġit u ta' titjib fl-Istandards ta' kontroll Intern

Ikkompletar b’suċċess ta’ disa’ akkwisti, kollha konformi b'mod sħiħ mar-regoli ta’ akkwist tal-UE

Tiġdid ta’ 20 kuntratt li inizjalment kienu ġew iffirmati fl-2012 għal perjodu ta’ 12-il xahar

Reviżjoni tal-karti tal-ispejjeż f'erba' kuntratti, skont ix-xejra fl-Indiċijiet tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (RPI) li jkopru r-Renju Unit

Tagħqid ta’ proċeduri tal-Kummissjoni għal provvista ta’ għamara tal-uffiċċju, servizzi tal-assigurazzjoni, servizzi tal-IT, liċenzji għal softwer tal-kompjuter u Liċenzji tal-Microsoft, u żewġ proċeduri ta’ akkwist interistituzzjonali magħquda mal-Aġenzija Ewropea tal-Mediċina, għall-għoti ta' servizzi mediċi u ta’ persunal interim (profil legali).


(1)  Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku.

(2)  Awtorità Superviżorja Nazzjonali.

(3)  Bank Ċentrali Ewropew.

(4)  Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol.

(5)  Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq.

Sors: Anness ipprovdut mill-Awtorità.


IR-RISPOSTI TAL-AWTORITÀ

11:

L-EBA adottat approċċ prudenti għall-aġġustamenti tas-salarji tal-2011/2012 li minħabba l-forma u t-twaqqit tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, irriżultaw f’eżekuzzjoni ta’ impenn ta’ ftit biss aktar minn 90 %. L-awtorità tantiċipa b’mod sinifikanti implimentazzjoni ta’ baġit imtejba fl-2014, minħabba titjib kontinwu fil-ġestjoni tal-baġit mill-awtorità u billi tqis aktar ċarezza dwar l-aġġustamenti tas-salarji.

12:

L-EBA tirrikonoxxi li, filwaqt li kien hemm tnaqqis sinifikanti fil-livell globali ta’ riporti, għad hemm lok għal aktar titjib. Minħabba li l-biċċa l-kbira tar-riporti tinħoloq minħabba t-twaqqit ta’diversi kuntratti tal-IT li jiġġeddu kull sena, l-intenzjoni tal-EBA fis-sena kalendarja hija li ssegwi l-għażliet biex temenda l-kuntratti tal-fornitur biex tibdel il-perjodi ta’ tiġdid u għaldaqstant tnaqqas il-livell tar-riporti.