52014SC0117

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-installazzjonijiet tal-funikular iddisinjati għat-trasport ta’ persuni u li jħassar id-Direttiva 2000/9/KE dwar l-installazzjonijiet tal-funikular iddisinjati għat-trasport ta’ persuni /* SWD/2014/0117 final */


DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-installazzjonijiet tal-funikular iddisinjati għat-trasport ta’ persuni u li jħassar id-Direttiva 2000/9/KE dwar l-installazzjonijiet tal-funikular iddisinjati għat-trasport ta’ persuni

Ċaħda ta’ Responsabbiltà: Dan is-sommarju eżekuttiv jikkommetti biss lis-servizzi tal-Kummissjoni involuti fit-tħejjija tiegħu u ma jippreġudikax il-forma finali ta’ kwalunkwe deċiżjoni li għandha tittieħed mill-Kummissjoni.

1.           Definizzjoni tal-Problema

Filwaqt li ġeneralment huwa rikonoxxut li d-Direttiva dwar il-funikulari kisbet b’suċċess il-miri tagħha, l-esperjenza miksuba matul l-10 snin tal-implimentazzjoni tad-direttiva ppermettiet li jiġu identifikati xi aspetti li għandhom jiġu mtejba. Abbażi tal-mekkaniżmi tar-rispons mill-Istati Membri u l-partijiet interessati settorjali, ġew identifikati l-problemi li ġejjin:

Problema 1: Diffikultà biex jiġu identifikati b’mod ċar ċerti installazzjonijiet bħala funikulari

Hemm interpretazzjoni u prattiki differenti fosti l-awtoritajiet responsabbli fl-UE, il-manifatturi u l-korpi nnotifikati, b’mod partikolari fir-rigward ta’ żewġ tipi ta’ installazzjonijiet:

- L-installazzjonijiet li għandhom kemm finijiet ta’ trasport kif ukoll ta’ divertiment: id-Direttiva dwar il-funikulari teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha “it-tagħmir għall-użu fil-lunaparks jew il-parks tad-divertiment, għal finijiet ta’ divertiment”. Madankollu, hemm tip ġdid ta’ tagħmir fis-suq li ġie ddisinjat għal finijiet ta’ divertiment iżda li jservi wkoll bħala mezz ta’ trasport

- Funikulari żgħar u liftijiet inklinati: fil-prattika d-distinzjoni bejn dawn l-installazzjonijiet kienet waħda diffiċli, peress li l-liftijiet inklinati jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Liftijiet 95/16/KE, u l-funikulari żgħar huma soġġetti għad-Direttiva dwar il-funikulari, u konsegwentement jikkonformaw ma’ rekwiżiti essenzjali differenti.

Il-manifatturi jew l-operaturi ta’ xi installazzjonijiet ġarrbu spejjeż żejda minħabba l-ħtieġa li jimmodifikaw b’mod retroattiv l-installazzjonijiet u jagħmluhom konformi mad-direttiva dwar il-funikulari. L-awtoritajiet u l-korpi nnotifikati madwar l-Ewropa kollha applikaw approċċi diverġenti, li jwasslu għal trattament differenti tal-manifatturi u d-distorsjonijiet fis-suq.

Problema 2: Distinzjoni bejn il-komponenti tas-sigurtà, is-sottosistemi u l-infrastrutturi

Id-Direttiva dwar il-Funikulari hija bbażata fuq distinzjoni bejn il-komponenti tas-sigurtà, is-sottosistemi, l-infrastruttura u l-installazzjonijiet; iżda din id-distinzjoni mhux minn dejjem kienet ċara.

Il-komponenti tas-sigurtà u s-sottosistemi huma soġġetti għar-regoli dwar il-moviment liberu tal-merkanzija u għal dak il-għan huma sottomessi għall-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità tal-KE u d-dikjarazzjoni ta’ konformità tal-KE. Min-naħa l-oħra, l-installazzjonijiet għadhom jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri u f’dan ir-rigward huma soġġetti għal skema ta’ awtorizzazzjoni speċifika. Barra minn hekk, l-infrastruttura wkoll mhijiex soġġetta għall-moviment liberu u jista’ jkollha tiġi ttestjata f’diversi Stati Membri.

Problema 3: Proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità għas-sottosistemi

Id-Direttiva dwar il-Funikulari ma tipprevedix modolu speċifiku ta’ valutazzjoni tal-konformità għas-sottosistemi. L-Anness VII jitlob li l-korpi nnotifikati jivverifikaw is-sottosistemi iżda ma jagħti ebda indikazzjoni dwar kif għandhom jagħmlu dan. Dik is-sitwazzjoni wasslet għal xi interpretazzjoni u implimentazzjoni diverġenti tal-evalwazzjoni tal-konformità tas-sottosistemi li tista’ twassal għal inċertezza legali u distorsjonijiet fis-suq.

Problema 4: Allinjament tad-Direttiva dwar il-Funikulari mal-Qafas Leġiżlattiv il-Ġdid

L-allinjament tad-Direttiva dwar il-Funikulari mal-NLF iseħħ fid-dawl tal-impenn politiku stabbilit fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni NLF.

Ħafna mill-problemi orizzonali ġenerali identifikati mill-NLF ġew osservati wkoll fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Funikulari 2000/9/KE

Fil-proċess ta’ konsultazzjoni, il-partijiet interessati kienu fil-biċċa l-kbira favur l-allinjament.

Ħtieġa ta’ intervent pubbliku

L-aspetti indirizzati fil-kuntest ta’ din l-inizjattiva huma diġà rregolati mid-Direttiva dwar il-Funikulari 2000/9/KE. Madankollu, din il-leġiżlazzjoni ma tindirizzax il-problemi identifikati b’mod effettiv daqs kemm hu mixtieq. Il-ġustifikazzjoni ewlenija għall-azzjoni hija li tiġi żgurata ċertezza legali u l-allinjament mal-NLF għad-Direttiva dwar il-Funikulari u l-partijiet interessati settorjali.

2.           Analiżi tas-sussidjarjetà

Din l-inizjattiva tikkonċerna l-funzjonament xieraq u effettiv tas-suq intern għall-prodotti fil-qasam tal-installazzjonijiet tal-funikulari ddisinjati għat-trasport ta’ persuni. L-azzjoni tal-UE f’dan il-qasam hija bbażata fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE. Azzjoni fuq il-livell tal-UE tipprevjeni l-introduzzjoni ta’ regolamenti ġodda u varji li jirriżultaw fil-frammentazzjoni tas-suq intern.

Jekk l-azzjonijiet biex jiġu indirizzati l-problemi jittieħdu fil-livell nazzjonali, dawn jistgħu joħolqu ostakoli għall-moviment liberu ta’ Prodotti tal-Funikulari (komponenti tas-sigurtà u sottosistemi). Id-diverġenza fl-approċċi meħuda mill-awtoritajiet jew mill-korpi nnotifikati diġà wasslet għal trattament mhux ugwali tal-operaturi ekonomiċi.

3.           Miri

Il-mira ewlenija tal-inizjattiva hija li ttejjeb il-funzjonament tas-suq intern, billi fl-istess ħin tiżgura livell għoli ta’ sigurtà, u li tilħaq kundizzjonijiet ekwi ġusti għall-operaturi ekonomiċi tal-Funikulari. Mira importanti oħra hija s-simplifikazzjoni, billi tiċċara xi kunċetti u definizzjonijiet ewlenin li huma inklużi fit-test legali, u b’hekk tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni konsistenti tiegħu.

It-tabella li ġejja tippreżenta l-miri speċifiċi u operattivi tal-inizjattiva għar-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Funikulari relatata mal-miri ta’ politika ġenerali indikati hawn fuq.

ĠENERALI || SPEĊIFIĊI || OPERATTIVI

Tiġi protetta aħjar is-saħħa u s-sigurtà tal-utenti Jintlaħqu kundizzjonijiet ekwi ġusti għall-operaturi ekonomiċi tal-Funikulari u jiġi żgurat il-moviment liberu ta’ oġġetti || Tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa u uniformi tad-Direttiva dwar il-Funikulari Tiġi żgurata ċ-ċarezza tal-leġiżlazzjoni u l-applikazzjoni konsistenti tagħha permezz tal-UE Tiġi żgurata l-konsistenza u l-flessibbiltà tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità għall-prodotti kollha li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Funikulari Jiġi ssimplifikat l-ambjent regolatorju Ewropew fil-qasam tal-installazzjonijiet tal-funikulari ddisinjati għat-trasport ta’ persuni. || Jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, id-definizzjonijiet u l-konfini ma’ direttivi oħra (bħal Liftijiet 95/16/KE) Tiġi ċċarata l-identifikazzjoni u d-distinzjoni bejn il-komponenti tas-sigurtà, is-sottosistemi u l-infrastruttura Tiġi pprovduta aktar konsistenza f’konformità mal-proċeduri ta’ valutazzjoni għas-sottosistemi

4.           Għażliet ta’ Politika

Ġew ikkunsidrati tliet għażliet ta’ politika alternattivi, jiġifieri:

- li “Ma jsir xejn” bħala l-għażla bażi;

- l-għażla ta’ “liġi mhux vinkolanti” bħala alternattiva mhux leġiżlattiva, li tikkonsisti fl-emenda tat-taqsimiet rilevanti tal-Gwida dwar l-Applikazzjoni għad-Direttiva dwar il-Funikulari; u

- l-għażla ta’ “Miżura leġiżlattiva”, li tikkonsisti fl-emenda ta’ partijiet speċifiċi mit-test legali tad-Direttiva dwar il-Funikulari.

L-analiżi tal-impatti tal-għażliet ta’ politika ta’ hawn fuq twettqet b’mod separat għal kull wieħed mill-oqsma ta’ titjib identifikati billi jiġi applikat approċċ pass b’pass. L-għażliet ta’ politika għal kull problema kienu soġġetti għal analiżi kwalitattiva separata, ikkumplimentata minn informazzjoni aktar iddettaljata li ġiet ipprovduta permezz tal-“Istudju tal-Valutazzjoni tal-Impatt li Jikkonċerna r-Reviżjoni tad-Direttiva 2000/9/KE dwar l-Installazzjonijiet tal-Funikular Iddisinjati għat-Trasport ta’ Persuni”.

5.           Valutazzjoni tal-Impatti

Ġew identifikati impatti aktar rilevanti fil-qasam ekonomiku. Fil-qasam soċjali, xi benefiċċji huma mfissra minn perspettiva kwalitattiva. Mhuwa mistenni ebda impatt ambjentali.

Il-valutazzjoni ta’ kull bidla proposta hija bbażata fuq il-kostijiet u l-benefiċċji, fejn dawn tal-aħħar jinkludu t-titjib fiċ-ċertezza legali u kundizzjonijiet ekwi ġusti għall-industrija.

L-impatti soċjali ġew ivvalutati fir-rigward ta’:

· Is-saħħa u s-sigurtà pubblika

· L-impjiegi u s-swieq tax-xogħol

L-impatti soċjali jikkonsistu prinċipalment f’benefiċċji għas-saħħa u s-sigurtà tal-utenti tal-installazzjonijiet tal-funikular. Il-bidliet proposti huma maħsuba biex itejbu l-applikazzjoni prattika tad-Direttiva. Huwa preżunt li billi tinħoloq ċertezza legali u billi jiġu speċifikati aħjar l-obbligi tal-operaturi ekonomiċi, permezz tal-allinjament mal-NLF, ser jitjiebu l-livell ta’ sigurtà u l-kwalità tal-installazzjonijiet tal-funikular. Bħala riżultat, huwa anqas probabbli li jkun hemm inċidenti jew korrimenti. Madankollu, ma kienx possibbli li jitfissru l-benefiċċji minn perspettiva kwalitatttiva.

L-ebda waħda mill-għażliet mhija mistennija li jkollha impatt fuq l-impjiegi fis-settur.

L-impatti ekonomiċi ġew ivvalutati fir-rigward ta’:

· Il-funzjonament tas-Suq Intern u l-kompetizzjoni

· Il-kompetittività, il-kummerċ u l-flussi ta’ investiment

· L-ispejjeż operatorji u t-tmexxija tan-negozji/SMEs

· Il-piżijiet amministrattivi fuq in-negozji

· L-Awtoritajiet Pubbliċi

· L-innovazzjoni u r-riċerka

Fir-rigward tal-kjarifiki fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità speċifika għas-sottosistemi, ma għandux ikun hemm spejjeż addizzjonali, peress li l-bidliet ser jipprovdu ċertezza legali għas-sitwazzjoni attwali. L-istess prodotti diġà jitqiesu fil-preżent li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva; għalhekk l-ispejjeż ikunu jridu jitħallsu biss minn dawk il-manifatturi li bi żball ma applikawx id-Direttiva dwar il-Funikulari. F’dan il-kuntest, għandu jiġi indikat li l-ispejjeż ta’ konformità mad-Direttiva dwar il-Funikulari huma ogħla milli kieku l-prodott ma kellux jiżgura din il-konformità. Min-naħa l-oħra, il-kjarifika tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità għall-manifatturi tkun ta’ benefiċċju għall-manifatturi, l-operaturi u l-awtoritajiet nazzjonali, bħala riżultat li tiġi evitata l-possibbiltà ta’ żbalji fil-konformità, il-valutazzjoni tal-konformità u ċ-ċertifikazzjoni.

6.           Tqabbil tal-Għażliet

L-għażliet ippreferuti huma magħżula fuq il-bażi tal-analiżi u l-valutazzjoni tal-għażliet ta’ politika rilevanti, filwaqt li jitqiesu l-impatti ekonomiċi u l-livell ogħla ta’ benefiċċji soċjali f’termini ta’ saħħa u sigurtà tal-utenti tal-installazzjonijiet tal-funikulari, permezz tat-titjib fiċ-ċertezza legali u l-applikazzjoni tad-Direttiva.

Għall-bidliet proposti, l-għażliet ippreferuti huma taħlit ta’ “Liġi mhux vinkolanti” ma’ “Miżuri leġiżlattivi”.

Kull impatt huwa vvalutat skont l-iskala li ġejja:

++     impatti pożittiv sinifikanti

+        impatti pożittiv minuri

0        l-ebda impatt / linja bażi

-         impatt negattiv minuri

-         impatt negattiv sinifikanti

L-għażliet ippreferuti għal kull bidla proposta huma enfasizzati bil-kulur griż.

|| Effikaċja || Effiċjenza spejjeż benefiċċji || Koerenza

Kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva

1. Ma jsir xejn (linja bażi) || 0 || 0 || 0 || 0

2. “Liġi mhux vinkolanti” (l-emenda tal-Gwida għall-Applikazzjoni) || + L-implimentazzjoni xierqa u uniformi tad-Direttiva dwar il-Funikulari ser tiġi promossa iżda mhux ser twassal biex is-sitwazzjonijiet legali mhux ċari jispiċċaw għal kollox. || 0 Mhumiex previsti spejjeż addizzjonali. Il-kjarifiki jiddikjaraw l-interpretazzjoni korretta tal-liġi attwali. || + Jistgħu jkunu mistennija benefiċċji jekk tal-anqas parti mill-manifatturi involuti jiksbu għarfien u jħarsu d-dispożizzjonijiet tal-Gwida għall-Applikazzjoni. Inċertezza partikolari li tinvolvi l-approċċ tal-liġi mhux vinkolanti relatata mal-fatt li hija prinċipalment indirizzata lill-manifatturi tal-liftijiet. || + Il-progress fl-implimentazzjoni uniformi tad-Direttiva dwar il-Funikulari ser jikkontribwixxi għal regolamentazzjoni aħjar u l-Att dwar is-Suq Uniku, minkejja r-riskju li jistgħu jinħolqu sitwazzjonijiet legali mhux ċari fil-futur.

3. Miżura leġiżlattiva (li temenda d-Direttiva) || ++ L-applikazzjoni xierqa, uniformi u konsistenti tad-Direttiva dwar il-Funikulari tiġi żgurata bil-miżura leġiżlattiva għall-kamp ta’ applikazzjoni limitat li tkopri. || 0 Ma ġewx identifikati spejjeż addizzjonali. Bħal fl-għażla ta’ qabel, hija kjarifika ta’ rekwiżit legali eżistenti. || ++ Titjib sinifikanti fiċ-ċertezza legali għall-manifatturi. Tiġi evitata valutazzjoni ħażina dwar liema rekwiżiti legali għandhom jiġu mħarsa. || ++ Is-sitwazzjoni legali ċara tikkontribwixxi għal regolamentazzjoni aħjar u l-Att dwar is-Suq Uniku.

Il-komponenti tas-sigurtà, is-sottosistemi, l-infrastrutturi u l-installazzjonijiet

1. Ma jsir xejn (linja bażi) || 0 || 0 || 0 || 0

2. “Liġi mhux vinkolanti” (l-emenda tal-Gwida għall-Applikazzjoni) || + Liġi mhux vinkolanti tipprovdi gwida flessibbli, tevita dispożizzjonijiet wisq preskrittivi li jistgħu jirriżultaw minn soluzzjoni leġiżlattiva f’dan il-każ. Miri speċifiċi ta’ applikazzjoni xierqa u uniformi tad-Direttiva dwar il-Funikulari jintlaħqu aħjar mill-għażla tal-liġi mhux vinkolanti. || 0 Ma ġewx identifikati spejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn approċċ b’liġi mhux vinkolanti. || + Huwa mistenni li jkun hemm benefiċċji peress li tkun disponibbli għodda biex jiġu ċċarati d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-manifatturi, il-korpi nnotifikati u l-amministrazzjonijiet pubbliċi. L-iżbalji u l-ispejjeż involuti, fil-klassifikazzjoni tal-prodotti huma mistennija li jitnaqqsu. || + Il-kjarifika pprovduta fil-Gwida għall-Applikazzjoni tħeġġeġ implimentazzjoni kunsenswali tal-leġiżlazzjoni, li b’hekk tagħti kontribut pożittiv għal regolamentazzjoni aħjar u l-Att dwar is-Suq Uniku. Madankollu, ma tiggarantixxix li s-sitwazzjonijiet legali mhux ċari ser jispiċċaw għal kollox.

3. Miżura leġiżlattiva (li temenda d-Direttiva) || 0 Fil-prinċipju, miżura leġiżlattiva tipprovdi applikazzjoni aktar tajba u uniformi tad-Direttiva dwar il-Funikulari. Madankollu, id-diskussjonijiet fil-gruppi ta’ ħidma u l-proċess ta’ konsultazzjoni ma pprovdewx test legali ċar li jevita interpretazzjoni oħra fil-futur. || - - Hemm riskji assoċjati ma’ spejjeż ogħla minn għażla leġiżlattiva, inkluż għall-innovazzjoni. || 0 Ma ġewx identifikati benefiċċji b’mod ċar, sakemm mhuwiex preżunt li test legali ċar, jekk ikun disponibbli, itejjeb il-prevedibbiltà għall-manifatturi. || 0 Meta jitqiesu l-mistoqsijiet imqajma dwar id-disponibbiltà ta’ soluzzjoni leġiżlattiva xierqa, hemm dubju jekk din is-soluzzjoni tistax tipprovdi kontribut pożittiv għal regolamentazzjoni aħjar jew l-Att dwar is-Suq Uniku.

Proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità għas-sottosistemi

1. Ma jsir xejn (linja bażi) || 0 || 0 || 0 || 0

2. “Liġi mhux vinkolanti” (l-emenda tal-Gwida għall-Applikazzjoni) || + Il-promozzjoni tal-moduli ta’ valutazzjoni tal-konformità fil-Gwida għall-Applikazzjoni tista’ tikkontribwixxi biex parzjalment tissodisfa l-konsistenza f’dan il-qasam. Madankollu, dan l-approċċ mhuwiex fundamentalment differenti meta mqabbel mas-sitwazzjoni attwali. Il-moduli huma magħrufa sew iżda l-problemi identifikati xorta baqgħu hemm. || 0 Fil-preżent, diġà hija meħtieġa proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità, b’hekk l-ispejjeż addizzjonali ma għandhomx ikunu sinifikanti. || 0 Hemm dubju jekk jinħolqux benefiċċji minn din l-għażla. Id-disponibbiltà attwali ta’ moduli ma tippermettix li jkun hemm sitwazzjoni kompletament prevedibbli għall-manifatturi. || 0 Il-kontribuzzjonijiet għal regolamentazzjoni aħjar u l-Att dwar is-Suq Uniku mhumiex ċari peress li l-impatt ta’ għażla ta’ liġi mhux vinkolanti hija meqjusa bħala limitata ħafna.

3. Miżura leġiżlattiva (li temenda d-Direttiva) || ++ Il-kunsiderazzjoni tal-moduli għall-valutazzjoni tal-konformità fil-liġi, bħalma jseħħ normalment għall-prodotti li jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni tal-approċċ il-ġdid, ser tagħti konsistenza fl-użu tal-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità fl-UE. Il-miri speċifiċi ser jintlaħqu b’mod sħiħ. || 0 Fil-preżent, diġà hija meħtieġa proċedura ta’ valutazzjoni tal-konformità, b’hekk l-ispejjeż addizzjonali ma għandhomx ikunu sinifikanti. || ++ Ser jintlaħaq titjib sinifikanti fiċ-ċertezza legali u l-previdibbiltà għall-manifatturi. || ++ Din l-għażla tipprovdi sitwazzjoni legali ċara. Ser tikkontribwixxi għal regolamentazzjoni aħjar u l-Att dwar is-Suq Uniku.

L-għażla tal-istrument legali:

F’konformità mal-politika tal-Kummissjoni biex tissimplifika l-ambjent regolatorju, huwa propost li d-Direttiva tinbidel f’Regolament. Id-Direttiva attwali timponi regoli ċari u ddettaljati li ser ikunu applikabbli b’mod uniformi madwar l-Unjoni kollha. Għalhekk, din tista’ tinbidel faċilment f’Regolament. Din il-bidla ser tevita l-ispejjeż għall-Istati Membri assoċjati mat-traspożizzjoni ta’ Direttiva. Barra minn hekk, ser tippermetti applikazzjoni aktar rapida tal-leġiżlazzjoni l-ġdida u ser tgħin lill-operaturi ekonomiċi jwettqu n-negozju tagħhom peress li ser ikollhom jittrattaw ma’ strument regolatorju wieħed minflok 28 liġi nazzjonali li jittrasponu Direttiva.

7.           Monitoraġġ u Evalwazzjoni

L-evalwazzjoni tal-effettività tal-leġiżlazzjoni ser tkompli tkun ibbażata fuq ir-rispons irċevut permezz tad-diversi mekkaniżmi ta’ komunikazzjoni u kooperazzjoni li huma diġà stabbiliti fi ħdan il-qafas tad-Direttiva dwar il-Funikulari, jiġifieri:

–          Il-Kumitat Permanenti Konsultattiv dwar il-Funikulari (CSC) u l-Grupp ta’ Ħidma tal-Esperti dwar il-Funikulari (CWG);

–          Il-Grupp ta’ Kooperazzjoni Amministrattiva għas-Sorveljanza tas-Swieq tal-Istati Membri għall-Funikulari (AdCo tal-Funikulari);

–          Il-Grupp Settorjali għall-Installazzjonijiet tal-Funikulari (CSG) tal-Koordinazzjoni Ewropea tal-Korpi Nnotifikati;

–          Il-Kumitat Tekniku 242 dwar ir-Rekwiżiti tas-sigurtà għat-trasport tal-passiġġieri bil-ħabel tal-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN/TC 242).

Ser jinkiseb rispons addizzjonali mill-mekkaniżmi l-ġodda jew estiżi ta’ kooperazzjoni u ta’ skambju ta’ informazzjoni previsti fir-Regolament NLF 765/2008.

Il-monitoraġġ tal-livell ta’ konformità ser ikun possibbli permezz tal-indikaturi li ġejjin:

–          numru ta’ prodotti vverifikati;

–          numru ta’ prodotti mhux konformi fost dawk ivverifikati;

–          tip ta’ nuqqas ta’ konformità misjuba.

Dawn l-indikaturi ta’ infurzar ser ikunu bbażati fuq l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq permezz ta’:

–          is-sistema RAPEX;

–          database ġenerali stabbilita skont l-Artikolu 23 tar-Regolament NLF 765/2008 għall-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri dwar l-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-suq u l-prodotti mhux konformi (ICSMS);

–          il-proċeduri ta’ notifika tal-klawżola ta’ salvagwardja.

In-nuqqas ta’ konformità ser ikun jista’ jiġi skopert ukoll permezz tal-ilmenti indirizzati lill-Kummissjoni.

F’konformità mal-politika ta’ “Regolamentazzjoni intelliġenti”, il-Kummissjoni ser tevalwa l-effettività tar-Regolament dwar il-Funikulari fi żmien 5 snin sa massimu ta’ 10 snin wara d-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament, billi tibbaża ruħha fuq ir-rispons miksub mill-mekkaniżmi stabbiliti hawn fuq.