DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi sistema tal-Unjoni għall-awtoċertifikazzjoni tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista ta' importaturi responsabbli ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom u d-deheb f'żoni affettwati minn kunflitti u f'żoni ta' riskju għoli /* SWD/2014/052 final */
Introduzzjoni u
Kuntest
Introduzzjoni
Gruppi
armati f’reġjuni ta’ kunflitt jiffinanzjaw l-attivitajiet tagħhom fost
l-oħrajn
minn rikavat ta’ estrazzjoni u mill-kummerċ ta’ minerali li aktar tard
jidħlu fil-katina ta’ forniment globali. B'konsegwenza ta' hekk,
l-operaturi tan-negozju iktar 'l isfel fil-katina tal-provvista jissugraw li
jkunu qed jappoġġjaw l-attivitajiet armati billi jixtru minerali mhux
maħduma jew derivattivi u għandhom interess ta' akkwisti minn
reġjuni bħal dawn b’mod responsabbli. Il-kunċett ta' akkwist responsabbli huwa msemmi fil-Linji
gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali aġġornati u
huwa konformi mal-objettivi tal-Prinċipji ta’ Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti
dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem. It-tnejn li huma
jimmiraw għall-inkoraġġiment
tan-negozji biex jivverifikaw permezz ta’ proċess kontinwu magħruf
bħala diliġenza dovuta, li l-attivitajiet kummerċjali
tagħhom mhux qed jikkontribwixxu għall-kunflitt.
Il-Kuntest
tal-politika
L-akkwist responsabbli tal-minerali minn
żoni ta’ kunflitt ingħatat attenzjoni konsiderevoli mill-komunità
internazzjonali matul l-aħħar ftit snin. Il-gvernijiet u
l-organizzazzjonijiet internazzjonali flimkien mal-komunitajiet tan-negozju u
l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indirizzaw l-isfida
maħluqa mix-xewqa li jitnaqqas il-finanzjament ta’ gruppi armati u li
jitkompla l-akkwist b'mod leġittimu mir-reġjun. Bħala riżultat, bħalissa hemm
għadd ta’ oqfsa preskrittivi ta' diliġenza dovuta fis-seħħ:
-
Fl-2010,
l-Istati Uniti għaddew id-Dodd Frank Wall Street Reform and Consumer
Protection Act (DFA tal-Istati Uniti) li t-taqsima 1502 tiegħu
teħtieġ kumpaniji elenkati fil-boroż tal-Istati Uniti li
jużaw “minerali ta' kunflitt” biex jiddikjaraw l-oriġini ta’ dawn
il-minerali użati fil-katina ta’ provvista tagħhom kif ukoll biex
jeżerċitaw id-diliġenza dovuta kif xieraq. -
Fuq
il-bażi tal-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta ta’ Minerali
minn Ktajjen tal-Provvista Responsabbli f'Żoni Affettwati minn Kunflitti u
f’Żoni b’Riskju Għoli hemm leġiżlazzjoni
fis-seħħ fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) u r-Rwanda. Ftit
pajjiżi oħra (l-Uganda, il-Burundi) qed iħejju
għat-traspożizzjoni tal-Gwida tal-OECD f'liġi. Barra minn
hekk, il-Kolombja u l-Kosta tal-Avorju qed jikkunsidraw li jipparteċipaw
fil-programm ta' implimentazzjoni tal-OECD. Fis-7 ta’ Ottubru 2010, il-Parlament
Ewropew adotta Riżoluzzjoni li titlob lill-UE biex tilleġiżla
skont il-liġi tal-minerali ta' kunflitt tal-Istati Uniti. Fid-dawl ta’ din
id-domanda politika, dan ir-rapport jivvaluta l-għażliet ta’ politika
differenti li l-aktar imexxu 'l quddiem din it-talba għal
leġiżlazzjoni tal-UE b’kollaborazzjoni mal-Parlament Ewropew.
Definizzjoni
tal-Problema
Il-problemi prinċipali marbuta mal-akkwist
responsabbli tal-minerali li joriġinaw f'żoni affettwati minn
kunflitti u f'żoni b’riskju għoli kif identifikati mill-partijiet
interessati fil-konsultazzjoni pubblika jinkludu: (i) il-finanzjament
kontinwu ta’ gruppi armati permezz tal-(rikavat ta')estrazzjoni u
l-kummerċ tal-minerali f’żoni affettwati minn kunflitti u f’żoni
ta’ riskju għoli: il-problema hija prevalenti f’pajjiżi sinjuri
fir-riżorsi naturali iżda vulnerabbli għal kunflitt armat madwar
it-territorju kollu jew parti minnu. Filwaqt li l-kwistjoni tqum madwar
id-dinja, il-valutazzjoni tal-impatt tiffoka l-aktar fuq il-każ dokumentat
sew tar-RDK tal-Lvant u l-pajjiżi ġirien, li rċieva attenzjoni
ta’ profil għoli minn gruppi ta’ promozzjoni f'dawn l-aħħar
10-15-il sena; (ii) l-isfidi
ta' implimentazzjoni li jaffaċċjaw l-intrapriżi downstream
tal-UE meta jippruvaw isostnu l-kummerċ leġittimu, jew meta jwettqu
d-diliġenza dovuta fl-oqfsa preżenti b'mod volontarju:
minħabba numru ta' problemi (e.ż. katina tal-provvista opaka,
tħassib ta' kunfidenzjalità, nuqqas ta' ingranaġġ fuq il-funderiji/raffineriji,
nuqqas ta' kuxjenza jew tħassib etiku) il-kumpaniji tal-UE għandhom
diffikultajiet biex jikkonformaw mal-ħtiġijiet tad-diliġenza
dovuta fuq il-bażi tat-talbiet tal-klijenti; (iii) id-distorsjoni
fis-suq fil-forma ta' talba u prezzijiet imnaqqsa fis-settur formali
tal-minerali mir-RDK u pajjiżi oħra tar-Reġjun tal-Lagi l-Kbar : mill-2010, ir-RDK qed
tesperjenza tnaqqis fil-volumi ta' esportazzjoni formali, prezzijiet aktar
baxxi u żieda fil-kummerċ informali tal-landa, tantalu, minerali
tat-tungstenu u deheb u anqas opportunitajiet għall-esportazzjoni lil
klijenti tal-Istati Uniti u l-UE. It-tnaqqis jista’ jkun kawża tal
għażliet kummerċjali li ma jissorsjawx aktar mir-Reġjun
tal-Lagi l-Kbar minn operaturi affettwati direttament jew indirettament,
mid-Dodd Frank Act.
Objettivi
Objettivi
speċifiċi 1.
Jiżdied
il-proporzjon ta’ funderiji/raffineriji tal-UE u globali li jwettqu
d-diliġenza dovuta. 2.
Jiżdied
il-livell ta’ responsabbiltà pubblika għall-prestazzjoni
tad-diliġenza dovuta (u l-livell ta’ konformità) mill-funderiji tal-UE u
dawk globali. 3.
Tiżdied
il-kapaċità ta’ kumpaniji downstream tal-UE li jirnexxilhom jidentifikaw
il-funderiji/raffineriji. 4.
Titjieb
il-pożizzjoni ta’ negozjar tal-kumpaniji downstream tal-UE (dwar
diliġenza dovuta ) fil-konfront ta’ kumpaniji aktar lura fil-katina
tal-provvista. 5.
Jitjieb
l-għarfien ta’ diliġenza dovuta, dwar l-importanza tal-konformità
tad-diliġenza dovuta u ta’ dimensjonijiet etiċi tul il-katina
tal-provvista kollha — kemm ġewwa kif ukoll barra l-UE. 6.
Tiżdied
l-adozzjoni (il-prestazzjoni) tal-prattiki ta’ diliġenza dovuta minn
kumpaniji downstream. 7.
Jiċċaqalaq/jitnaqqas
l-inċentiv kummerċjali negattiv maħluq jew aggravat mid-DFA
tal-Istati Uniti. Objettivi operazzjonali 1.
Tiġi
pprovduta aktar viżibbiltà u trasparenza għal prattiċi ta'
diliġenza dovuta (u l-livell ta’ konformità) tal-funderiji tal-UE u dawk
globali. 2.
Titqajjem
kuxjenza ta’ diliġenza dovuta, id-dimensjonijiet etiċi, u
l-importanza li titjieb il-konformità tad-diliġenza dovuta ma’ gvernijiet
ta’ funderiji/raffineriji ewlenin mhux tal-UE. 3.
Tingħata
s-setgħa lill-utenti downstream permezz ta' mekkaniżmu li jidentifika
l-operaturi ta' lmenti tad-diliġenza dovuta (inklużi funderiji,) u
b’hekk jiġi ffaċilitat il-bdil tal-fornituri. 4.
Jiġu
introdotti ċ-ċertezza u trasparenza fil-katina tal-forniment aktar
qrib tal-utenti downstream. 5.
Tiġi
promossa kuxjenza akbar dwar id-diliġenza dovuta u d-dimensjonijiet
etiċi fost l-operaturi tal-UE. 6.
Jinħolqu
aktar inċentivi finanzjarji sabiex jippromwovu/jappoġġjaw prattiki
ta’ diliġenza dovuta fost l-utenti downstream. 7.
Jiġi
appoġġjat l-użu tal-Gwida tal-OECD fost il-funderiji/raffineriji
li lesti jakkwistaw f’żoni milquta minn kunflitti. 8. Tiġi
appoġġjata t-talba għal żoni affettwati minn kunflitti:
jiġi ffaċilitat il-bdil mill-operaturi tal-UE għal
funderiji/raffineriji tal-ilment tad-diliġenza dovuta li jakkwistaw f'dawk
iż-żoni.
L-Għażliet
ta’ Politika
L-għażliet ta' politika li ġejjin
jistgħu jiġu meqjusa: Għażla 1
- Komunikazzjoni
Awtonoma tal-UE Din l-għażla tikkonsisti mill-miżuri
li ġejjin biex jiġu inklużi f’Komunikazzjoni konġunta
tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli: (i) Punti ta’ Kuntatt Nazzjonali (NCPs) u n-Netwerk
Enterprise Europe (EEN) jirrakkomandaw l-użu tal-Gwida tal-OECD; (ii)
L-akkwist pubbliku tal-UE: l-applikazzjoni ta' klawsoli ta' prestazzjoni
fil-kuntratti tal-akkwist pubbliku tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri tal-UE
għal prodotti relevanti; (iii) appoġġ finanzjarju
għall-programmi eżistenti tal-OECD; (iv) l-appoġġ
tal-Kummissjoni għall-“Ittri ta’ Intenzjoni” mill-industrija Ewropea, u
(v) azzjonijiet minn gvern għall-ieħor. Għażla 2
– Approċċ legali nonvinkolanti Din l-għażla tgħaqqad flimkien
il-miżuri deskritti fl-Għażla 1 b’Rakkomandazzjoni
tal-Kunsill li għandha tkun strumentali biex tqajjem kuxjenza u
jippromwovu l-adozzjoni volontarja min-naħa ta’ impriżi tal-UE
tal-Gwida tal-OECD l-aktar għal dawk l-intrapriżi li ma jkunux
diġà soġġetti għal skema mandatorja ta’ pajjiżi terzi. Għażla 3
— Regolament li jistabbilixxi l-obbligi skont ċertifikazzjoni ta'
“importatur responsabbli tal-UE” ibbażata fuq il-Gwida tal-OECD -
VOLONTARJA Din l-għażla tgħaqqad flimkien
il-miżuri deskritti fl-Għażla 1, b’Regolament li jimmira
lejn l-importaturi kollha tal-UE tal-minerali u l-metalli tal-landa, it-tantalu
u t-tungstenu u deheb, irrispettivament mill-oriġini tal-prodotti.
Ir-Regolament jiddependi fuq il-Gwida tal-OECD li tiddefinixxi l-obbligi
għall-importaturi tal-UE li jagħżlu li jkunu
awtoċertifikati bħala importaturi responsabbli tal-minerali u
l-metalli tal-landa, tungstenu u tantalu, u deheb, fuq il-bażi ta’
dikjarazzjoni ta’ konformità. Minkejja li l-iskema hija volontarja, l-importaturi
tal-UE li jagħżlu l-awtoċertifikazzjoni huma obbligati li
jintegraw l-elementi kollha tal-Gwida tal-OECD fis-sistema ta’ ġestjoni
tagħhom billi: (i) iżommu sistema ta' kontrolli u trasparenza fuq
il-katina tal-provvista tal-minerali li tinkludi inter alia il-minjiera
tal-oriġini tal-minerali u l-funderija/raffinatur; (ii) jidentifikaw u
jivvalutaw ir-riskji fil-katina tal-provvista bl-għajnuna tal-mudell
politika tal-katina tal-provvista tal-OECD; (iii) ifasslu u jimplimentaw
strateġija biex jirrispondu għal riskji identifikati; (iv) jiksbu
assigurazzjoni ta' verifika minn partijiet terzi indipendenti tad-diliġenza
dovuta tal-katina tal-provvista tal-importatur tal-UE; u (v) jirrappurtaw
pubblikament dwar id-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista. L-importatur awtoċertifikat tal-UE huwa
meħtieġ li jiddivulga kull sena lill-awtoritajiet kompetenti
tal-Istati Membri l-identità u l-post ġeografiku tal-funderija/raffinatur
fil-katina tal-provvista tiegħu. Fuq din il-bażi, se titfassal lista
tal-UE li tinkludi funderiji/raffineriji responsabbli. L-iskema se tiġi evalwata wara tliet snin u
r-riżultati se jintużaw għal bżonnijiet ta’ teħid ta’
deċiżjonijiet dwar l-approċċ tal-futur tal-UE u għal
emendi lill-qafas regolatorju, biex isir obbligatorju, jekk ikun xieraq u fuq
il-bażi ta’ valutazzjoni tal-impatt ulterjuri. Għażla 4
— Regolament li jistabbilixxi l-obbligi skont ċertifikazzjoni ta'
“importatur responsabbli tal-UE” ibbażata fuq il-Gwida tal-OECD -
OBBLIGATORJA Din l-għażla tgħaqqad flimkien
il-miżuri deskritti fl-Għażla 1, b’verżjoni
obbligatorja tar-Regolament deskritta fl-Għażla 3 li taħtha
l-importaturi tal-UE kollha tal-minerali u l-metalli tal-landa, tungstenu u
tantalu, u deheb, huma suġġetti għall-obbligi ddefiniti skont
ir-Regolament. Għażla 5
— Direttiva li tistabbilixxi obbligi għal kumpaniji elenkati fl-UE
bbażati fuq il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta Din
l-għażla tgħaqqad flimkien il-miżuri deskritti
fl-Għażla 1, b’Direttiva mmirata lejn kważi 1 000
kumpanija elenkata fl-UE bl-użu ta’ landa, tantalu, tungstenu u deheb,
tkun xi tkun l-oriġini, fil-katina ta’ provvista tagħhom. Id-Direttiva tiddefinixxi l-obbligi għal
kumpaniji elenkati fl-UE biex jintegraw il-qafas tal-Gwida tal-OECD
f'ħames stadji fis-sistema ta’ ġestjoni tagħhom billi:
jżommu sistema ta’ kontrolli u trasparenza fuq fil-katina tal-provvista
tal-minerali, li tinkludi l-minjiera ta’ oriġini tal-minerali u
l-funderija/raffinatur; (ii) jidentifikaw u jivvalutaw ir-riskji fil-katina
tal-provvista bl-għajnuna tal-mudell politika tal-katina tal-provvista
tal-OECD; (iii) ifasslu u jimplimentaw strateġija biex jirrispondu
għal riskji identifikati; (iv) jiksbu assigurazzjoni ta' verifika minn
partijiet terzi indipendenti tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista
tal-kumpanija elenkata fl-UE; u (v) jirrappurtaw pubblikament dwar
diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista. Kumpaniji elenkati fl-UE għandhom jiddivulgaw
ir-riżultat tal-verifika ta’ partijiet terzi indipendenti. Għażla
6 — Il-projbizzjoni tal-importazzjonijiet meta l-importaturi tal-UE ta’
minerali jonqsu li jkunu konformi mal-Gwida tal-OECD) —
projbizzjoni fuq l-importazzjoni Din l-għażla tikkonsisti fil-miżuri
deskritti fl-Għażla 1, u barra minn hekk tirrikjedi li
l-importaturi tal-UE jkunu obbligati juru konformità mal-Gwida tal-OECD. Billi
jipprovdu evidenza dwar il-konformità mal-awtoritajiet tad-dwana tal-Istati Membri,
l-importaturi se jkunu eliġibbli biex ikollhom aċċess
għas-suq tal-UE. Din l-għażla se ssegwi l-approċċ
meħud mill-iskema ta' ċertifikazzjoni Kimberley Process li timmira
lejn in-negozju ta’ djamanti mhux maħduma u r-Regolament tal-Kunsill
2368/2002 tal-20 ta’ Diċembru 2002 ibbażat fuq
l-Artikolu 133 KE (issa l-Artikolu 207 TFUE) li jistabbilixxi
r-regoli applikabbli għall-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta’
djamanti mhux maħduma. F’dan il-każ ftehim internazzjonali
jappoġġja l-projbizzjoni tal-importazzjoni għall-hekk
imsejjħa “djamanti ta' kunflitt”.
Analiżi tal-Impatt
Għażla 1
– L-ebda bidla Din l-alternattiva
mistennija tolqot b'mod moderat l-użu tal-prattiki ta’ diliġenza
dovuta mill-operaturi downstream, iżda mistennija żżid biss bi
ftit il-proporzjon ta' funderiji/raffineriji tal-UE u globali li jwettqu
d-diliġenza dovuta. Il-kontribuzzjoni għat-tnaqqis tad-distorsjoni
fis-suq għal minerali mir-reġjun tal-Lagi l-Kbar hija indirizzata sa
ċertu punt. B’mod ġenerali, impatt fuq it-tnaqqis tal-finanzjament
ta’ gruppi armati minn dħul tal-estrazzjoni tal-minerali u l-kummerċ
f’żoni ta’ kunflitt, mistenni li jkun limitat. Għażla
2 L-effettività ta’ din
l-għażla titqabbel mal-Għażla Nru 1. Madankollu, huwa
mistenni li l-valur miżjud ta’ Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ikun
fil-viżibbiltà mtejba li għażla ta' liġi nonvinkolanti,
għall-UE tfisser li tippromwovi d-diliġenza dovuta. Għażla
3 L-effettività
ġenerali ta’ din l-għażla, fil-kisba tal-għanijiet
stipulati hawn fuq hija għolja, minħabba li kollha huma sodisfatti.
Billi tiffoka fuq l-importaturi, li jinsabu biss ftit passi 'l bogħod minn
fejn jiġu estratti l-minerali, l-iskema hija applikata f’punt effettiv
fil-katina tal-provvista. Din l-għażla ttejjeb il-kapaċità tal-operaturi
downstream tal-UE biex jikkonformaw ma’ oqfsa ta’ diliġenza dovuta
eżistenti, inkluż id-DFA tal-Istati Uniti. Hija tikkontribwixxi wkoll
għat-tnaqqis tal-finanzjament ta’ gruppi armati minn rikavat
mill-estrazzjoni u l-kummerċ tal-minerali f’żoni affettwati minn
kunflitt u tnaqqas id-distorsjoni tas-suq għal minerali mir-Reġjun
tal-Lagi l-Kbar. Minħabba n-natura volontarja ta' din
l-awtoċertifikazzjoni, l-ispiża ġenerali tal-konformità
tad-diliġenza dovuta għall-importaturi tal-UE tiddependi fuq ir-rata
ta’ parteċipazzjoni u l-ispiża tad-diliġenza dovuta fir-rigward
tal-fatturat tal-kumpanija. L-ispejjeż xorta mistennija jkunu
ġestibbli — jekk mhux żgħar— fuq medda twila taż-żmien
għal ħafna kumpaniji. Taħt l-iskema, importatur li
jagħżel l-awtoċertifikazzjoni huwa obbligat li jgħaddi
lill-klijenti l-informazzjoni tad-diliġenza dovuta filwaqt li jirrispetta
t-tħassib tal-kunfidenzjalità kummerċjali. Operaturi downstream,
għandhom imorru tajjeb b'dan ir-rekwiżit li jippermettilhom li
jnaqqsu l-ispejjeż tagħhom għall-bżonnijiet
tad-diliġenza dovuta. Id-disponibbiltà ta’ inċentivi kif offruti
f’Għażla 1 kif ukoll il-pubblikazzjoni annwali mill-Kummissjoni
ta’ lista ta’ funderiji li jeżerċitaw id-diliġenza dovuta
għandhom itejjbu l-interess fl-iskema. Din l-għażla hija effettiva għaliex
tagħti sinjal pożittiv lin-negozju li d-deċiżjonijiet
tiegħu li jakkwista jew le f’żoni milquta mill-kunflitit
għandhom impatt dirett fuq it-talba għall-minerali. L-attivazzjoni
mill-ġdid ta' konnessjonijiet ta' negozju leġittimi tiftaħ
opportunitajiet ġodda pożittivi fis-seħħ inkluż
żieda fid-dħul tal-gvernijiet, setturi tal-estrazzjoni formalizzati,
żvilupp u ambjent aktar sostenibbli, prospetti akbar għal investiment
privat u l-impjiegi f’komunitajiet tal-estrazzjoni li min-naħa
tagħhom jistimulaw l-ekonomiji lokali. Għażla 4 Din l-għażla
ttejjeb il-kapaċità tal-operaturi downstream tal-UE biex jikkonformaw
ma’oqfsa eżistenti ta’ diliġenza dovuta, inkluż id-DFA
tal-Istati Uniti. Hija tikkontribwixxi wkoll għat-tnaqqis tal-finanzjament
ta’ gruppi armati mir-rikavat tal-estrazzjoni tal-minerali. Differenza
fundamentali fir-rigward tal-Għażla 3 hija li mhix mistennija
tnaqqas id-distorsjoni tas-suq għall-minerali mir-Reġjun tal-Lagi
l-Kbar ikkawżata minn deċiżjonijiet ta' ssorsjar disposti li
jieħdu r-riskju b'mod intens. Filwaqt li r-rata ta’ parteċipazzjoni
tal-kumpaniji tal-UE tista' tiżdied bi skema ta’ awtoċertifikazzjoni
obbligatorja, din l-għażla mhux bilfors tfisser li
l-benefiċċji globali jiġu massimizzati. Fil-fatt, skont l-Għażliet
3 u 4, l-iskema tipprovdi qafas għal importaturi li jakkwista
f’reġjuni affettwati minn kunflitti biex jakkwistaw b’mod responsabbli u
biex l-isforzi tagħhom ikunu vvalidati mill-awtoritajiet kompetenti
tal-Istat Membru. L-iskema ma tistax madankollu ġġiegħel
lill-importaturi tal-UE jakkwistaw minn żoni affettwati minn kunflitti.
Għalhekk, f’xenarju mandatorju, ir-riskju ta’ importaturi li jfittxu
akkwist alternattiv huwa ogħla milli f'Għażla 3. Din
il-valutazzjoni hija appoġġjata mill-esperjenza tal-iżviluppi
fis-seħħ mill-2010 kif spjegat fid-Definizzjoni tal-Problema. Għażla 5 Din l-għażla
ttejjeb l-għarfien tad-diliġenza dovuta fost kumpaniji downstream
tal-UE bi ħsara ta' spejjeż ta' implimentazzjoni għolja
għall-kumpaniji filwaqt li ma tikkontribwixxix għall-isfidi ta'
implimentazzjoni biex titwettaq id-diliġenza dovuta b’mod effettiv. Dan
huwa għaliex il-kumpaniji downstream huma imneħħija aktar
mill-punt tad-dħul tal-minerali fis-suq tal-UE, xi kultant
b’għexieren ta’ fornituri bejniethom. Aktar ma tkun 'il bogħod
il-pożizzjoni tal-kumpanija fil-katina tal-provvista, aktar tkun
għolja l-ispiża ta' implimentazzjoni tad-diliġenza dovuta.
It-tnaqqis tal-finanzjament ta’ gruppi armati mir-rikavat tal-estrazzjoni
tal-minerali mhux mistenni li jiġi indirizzat b’mod effettiv. Għażla 6 Din l-għażla hija li jintlaħqu xi
objettivi iżda hija kontinġenti fuq l-adozzjoni ta’ ftehim
internazzjonali fil-futur qrib, u għalhekk fuq l-għadd ta’
pajjiżi parteċipanti ma dan il-ftehim. Jekk tinkiseb parteċipazzjoni
wiesgħa, l-effettività li tnaqqas il-finanzjament ta’ gruppi armati
mir-rikavat tal-minerali f’żoni ta’ kunflitt mistennija li tkun
għolja. Mhijiex l-aktar għażla f’waqtha minħabba li
l-problema kif deskritta hawn fuq teħtieġ li tiġi ġestita
issa.
Tqabbil tal-għażliet
Il-konklużjonijiet li ġejjin jistgħu
jittieħdu fir-rigward tal-effettività tal-għażliet identifikati
fil-kisba tal-objettivi. L-għażla politika 1, li hija
ġabra ta’ miżuri deskritti f’Komunikazzjoni tal-UE hija fost l-inqas
għażliet effettivi biex jinkisbu l-objettivi stabbiliti.
L-għażla politika 2 li hija estensjoni ta’
Għażla 1 imsaħħa minn Rakkomandazzjoni tal-Kunsill
hija fuq l-istess livell fejn tidħol l-effikaċja meta mqabbla
mal-Għażla 1. L-għażla politika 3 hija evalwata
bħala wieħed mill-aktar mezzi effettivi biex jinkisbu l-objettivi
stipulati. L-għażla politika 4 tkun ugwalment effettiva meta
mqabbla mal-Għażla 3, iżda tiġġenera wkoll xi
impatti negattivi possibbli u ma tindirizzax waħda mill-problemi ewlenin —
id-distorsjoni tas-suq fir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar. L-għażla politika 5 tistabbilixxi
obbligi għal kumpaniji elenkati fl-UE, hija vvalutata
bħall-Għażliet 1 u 2 fejn tidħol l-effiċjenza.
L-għażla politika 6 li tapplika projbizzjoni fuq l-importazzjoni
skont ftehim internazzjonali għandha rata intermedjarja f’termini ta’
effikaċja bejn l-Għażliet l-inqas effettivi 1, 2 u 5, u l-aktar
effettivi 3 u 4. Ta’ min jinnota li t-twaqqif ta' ftehim internazzjonali
jeħtieġ proċess twil b’riżultat inċert. Mit-tqabbil tal-għażliet politiċi 3 u
4 rigward il-piż amministrattiv tagħhom għall-importaturi mira,
ħafna minnhom SMEs, ġie stmat li l-Għażla 3
għandha l-inqas piż minħabba li taffettwa dawk il-kumpaniji li
jiddeċiedu li jagħżlu l-awtoċertifikazzjoni bbażata
fuq l-analiżi kostijiet-benefiċċji tagħhom stess.
Bil-maqlub, Għażla 4 timponi rekwiżiti fuq l-importaturi.
F'termini tal-kapaċità tal-utenti downstream tal-UE biex jirrispondu
għat-talbiet ta' diliġenza dovuta tal-klijenti inkluż klijenti
mill-Istati Uniti, l-Għażla 4 hija mistennija li taqdi
aħjar dawk it-talbiet minħabba li l-karattru obbligatorju tal-iskema
min-natura tiegħu jinvolvi numru ikbar ta’ operaturi upstream tal-UE
fir-rigward tal-Għażla 3 volontarja. Minkejja dan, hemm riskju
li mingħajr ma jiġu indirizzati distorsjonijiet tas-suq,
il-biċċa l-kbira tad-diliġenza dovuta addizzjonali li
tinħoloq tista' tammonta għal "greenwashing" b’operaturi li
jilħqu l-għanijiet tar-responsabbiltà korporattiva soċjali
mingħajr akkwist f’żoni milquta minn kunflitti. Sa fejn huwa kkonċernat il-potenzjal
għad-delokalizzazzjoni ta’ importaturi tal-UE, jeħtieġ li
nirreferu għal darb’oħra għan-natura volontarja ta’
Għażla 3 fejn dan ir-riskju ġie ivvalutat bħala
inferjuri għall-Għażla 4. Fit-tqabbil tal-Għażliet 3 u 4 f’termini
ta’ impatt potenzjali fuq l-impjiegi fl-UE, il-valutazzjoni tipponta lejn xi
impatt ogħla possibbli u mhux mixtieq tal-Għażla 4. Dwar l-impatti soċjali mistenni fuq
l-għajxien tan-nies u tal-ambjent f’żoni ta’ kunflitt, jista’ jkun
mistenni li l-Għażla 3 tagħti riżultati aħjar
meta mqabbla mal-Għażla 4. L-għażla ppreferuta hija
l-Għażla 3.
Monitoraġġ u
Evalwazzjoni
Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni se jsir
b'kooperazzjoni mal-Istati Membri. F’konformità mal-prinċipju
tas-sussidjarjetà, l-informazzjoni rilevanti għandha tinġabar l-aktar
mill-Istati Membri. Rappurtaġġ perjodiku ser ikun meħtieġ
sabiex jippermetti evalwazzjoni xierqa tal-implimentazzjoni. Il-Kummissjoni se
tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’mod regolari dwar
l-implimentazzjoni tal-inizjattiva l-ġdida. Il-Kummissjoni għandha
twettaq evalwazzjoni intermedja tal-inizjattiva l-ġdida tagħha fi
żmien tliet snin mill-adozzjoni tagħha li tevalwa sa fejn
ir-riżultati tagħha huma konsistenti mal-għanijiet stabbiliti. Ir-riżultati
tal-evalwazzjoni se jintużaw għal bżonnijiet ta’ teħid ta’
deċiżjonijiet dwar il-futur tal-politika, u għal emendi
għall-qafas regolatorju biex isir obbligatorju, jekk ikun xieraq u fuq
il-bażi ta’ valutazzjoni tal-impatt ulterjuri.