52014SC0031

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT li jakkumpanja d-dokument PROPOSTA GĦAL REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar miżuri strutturali li jtejbu r-reżiljenza ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u l-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rapportar u t-trasparenza tat-titolizzazzjonijiet li jiffinanzjaw it-tranżazzjonijiet /* SWD/2014/031 final */


1.           Introduzzjoni

Matul l-aħħar għexieren ta’ snin, id-daqs tas-sistema finanzjarja tal-UE kiber b'mod rapidu, u l-pass tat-tkabbir tiegħu qabeż b’mod sinifikanti lil dak tat-tkabbir tal-PDG. L-istituzzjonijiet finanzjarji tal-UE, u l-banek b’mod partikolari, kibru fid-daqs, l-ambitu u l-kumplessità. Dan wassal għall-ħolqien ta’ “punti uniċi ta' servizz” finanzjarji kbar li jgħaqqdu fi ħdan entità jew grupp wieħed il-provvediment ta’ sett divers ta’ servizzi. Dan il-proċess ippermetta li l-banek kemm jipprovdu firxa usa’ ta’ servizzi lill-klijenti tagħhom, kif ukoll iwieġbu għall-ħtiġijiet li qed ikunu dejjem aktar sofistikati tal-klijenti globali tagħhom. Minkejja dawn il-benefiċċji, l-appoġġ mill-Istat lill-banek mifrux mas-settur kollu mingħajr preċedent u straordinarji wara l-kriżi finanzjarja wera b’mod ċar l-impatt negattiv fuq l-istabbiltà finanzjarja li tirriżulta minn sistema finanzjarja aktar globali u integrata b'fornituri ta’ servizzi finanzjarji dejjem akbar.

B'reazzjoni għall-kriżi finanzjarja, l-Unjoni Ewropea (l-"UE") u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom f'tiġdid fundamentali tar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni bankarja. Fil-qasam tal-ibbankjar, l-UE bdiet għadd ta’ riformi biex tiżdied ir-reżiljenza tal-banek u biex jitnaqqas l-impatt tal-fallimenti potenzjali ta' banek.

Minkejja din l-aġenda ta’ riforma mifruxa, għad hemm tħassib li xi banek għadhom kbar u kumplessi wisq biex jiġu mmaniġġjati, immonitorjati, u sorveljati fi żminijiet tajbin u xorta diffiċli li jiġu riżolti fi żminijiet ħżiena. Għaldaqstant, diversi pajjiżi ddeċidew li jirriformaw l-istruttura tal-banek tagħhom jew qed jikkunsidraw riformi bħal dawn. Il-Parlament Ewropew kif ukoll istituzzjonijiet internazzjonali komplew jenfasizzaw ir-rwol tar-riformi strutturali biex jiġu ttrattati l-problemi ta’ banek li huma kbar wisq biex ifallu (too big to fail - "TBTF")[1].

F’dan il-kuntest, il-Kummissarju Barnier waqqaf Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli (High-level Expert Group - “HLEG”) taħt il-presidenza ta’ Erkki Liikanen, Gvernatur tal-Bank tal-Finlandja. Il-mandat tiegħu kien li jeżamina l-ħtieġa għal riforma strutturali tas-settur bankarju tal-UE. L-HLEG irrakkomanda s-separazzjoni obbligatorja ta' negozjar proprjetarju u attivitajiet ta' negozjar oħrajn b’riskju għoli f’entità ġuridika separata fi ħdan il-grupp bankarju.

Din il-valutazzjoni tal-impatt tivvaluta problemi relatati mal-istruttura korporattiva tal-banek TBTF (Kapitolu 2); tidentifika l-objettivi tar-riforma strutturali (Kapitolu 3); tidentifika firxa ta’ opzjonijiet ikkunsidrati għar-riforma tal-istruttura tal-banek (Kapitolu 4) u tivvaluta l-benefiċċji u l-ispejjeż għas-soċjetà ta’ dawk l-opzjonijiet (Kapitolu 5). Is-sejbiet ewlenin huma spjegati fil-qosor hawn taħt.

2.           Definizzjoni tal-problema

Tradizzjonalment, l-UE kellha sistema bankarja diversa. Dan huwa sors ta’ saħħa. Minkejja dan, matul iż-żmien is-suq evolva wkoll biex jinħolqu ftit gruppi bankarji kbar, kumplessi u interkonnessi. Dawn il-banek tipikament jgħaqqdu attivitajiet bankarji ġenerali u kummerċjali u attivitajiet bankarji bl-ingrossa u tal-investiment f'entità korporattiva waħda jew f’għaqda ta' entitajiet marbuta mill-qrib b'restrizzjonijiet limitati fuq l-interazzjonijiet. Billi huma banek tad-depożiti, min-natura tagħhom huma esposti għal assalti potenzjalment ta’ ħsara. Biex jiżguraw il-kunfidenza tad-depożitanti, għadd ta’ xbieki ta’ sikurezza pubbliċi espliċiti (bħall-assigurazzjoni ta’ depożitu) u xbieki ta’ sikurezza impliċiti (salvataġġi) ġew stabbiliti de facto. Madankollu, fid-dawl tax-xbieki ta' sikurezza pubbliċi, il-koeżistenza mhux ristretta ta' attivitajiet tikkontribwixxi għal għadd ta' problemi, fosthom (i) impedimenti għal riżoluzzjoni u rkupru ordnati; (ii) periklu morali, tkabbir eċċessiv fil-karta bilanċjali u negozjar eċċessiv; (iii) kunflitti ta' interessi u kultura tal-banek orjentata lejn it-tranżazzjonijiet; u (iv) distorsjonijiet tal-kompetizzjoni.

L-UE diġà bdiet għadd ta’ riformi biex tiżdied ir-reżiljenza tal-banek u biex titnaqqas il-probabbiltà u l-impatt ta’ falliment ta’ banek. Dawn ir-riformi jinkludu t-tisħiħ tas-solvenza tal-banek (ir-regolament u d-direttiva dwar ir-rekwiżiti kapitali, CRR/CRDIV); it-tisħiħ tar-riżolvibbiltà tal-banek (id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek, BRRD); garanzija aħjar ta' depożiti (id-Direttiva riveduta dwar Skemi ta’ Garanzija tad-Depożiti, SGD); li jiġu indirizzati r-riskji tad-derivattivi u li jittejbu l-infrastrutturi tas-suq (ir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (European Market Infrastructure Regulation - EMIR, u reviżjonijiet relatati mad-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (Markets in Financial Instruments Directive - “MiFID”)). Barra minn hekk, biex jinkiser iċ-ċiklu vizzjuż negattiv bejn ir-riskji sovrani u dawk bankarji u biex terġa’ tinkiseb il-kunfidenza fl-euro u s-sistema bankarja, il-Kummissjoni Ewropea sejħet għal aktar żvilupp ta’ Unjoni Bankarja, fosthom il-ġabra unika tar-regoli li se tkun applikabbli għall-banek kollha fl-UE kollha, il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (“MSU”) u l-Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni (MUR), li se jkunu obbligatorji għall-membri taż-żona tal-euro iżda miftuħa għal parteċipazzjoni volontarja għall-Istati Membri l-oħrajn kollha.

Minkejja din l-aġenda ta’ riforma mifruxa, ħafna regolaturi, superviżuri u akkademiċi jkomplu jitħassbu li l-akbar gruppi bankarji għadhom kbar u kumplessi wisq biex jiġu mmaniġġati, immonitorjati, u sorveljati fi żminijiet tajbin u possibilment diffiċli li jiġu solvuti fi żminijiet ħżiena. Għaldaqstant, tressqu riformi strutturali bħala mod kumplimentari biex jiġu ttrattati l-problemi deskritti hawn fuq. Pereżempju, ir-riformi strutturali jistgħu jikkumplementaw l-aġenda ta’ riforma regolatorja attwali. Is-CRDR/CRDIV u l-BRRD diġà se jipprovdu lis-superviżuri/lill-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni kompetenti b’setgħat li jintervjenu u jantiċipaw il-kriżijiet bankarji billi jirristrutturaw u/jew isolvu istituzzjoni finanzjarja fuq impetu minn tħassib prudenzjali ta' riżolvibbiltà. Riforma strutturali tista' tikkumplementa dawn ir-riformi regolatorji u żżid l-effettività tagħhom għall-banek kbar u kumplessi wisq. Pereżempju, riforma strutturali żżid l-opzjonijiet disponibbli għall-awtoritajiet meta jiġu trattati l-gruppi bankarji kbar. Hija tipprovdi wkoll mod dirett kif jiġu indirizzati l-kumplessità intragrupp, is-sussidji intragrupp, u inċentivi eċċessivi ta' teħid ta’ riskji. Barra minn hekk, ir-riformi strutturali jimmiraw għal sett usa’ ta’ objettivi, bħall-iżgurar li l-bank ta’ teħid ta’ depożiti ma jkunx influwenzat b’mod mhux dovut minn kultura ta' negozjar orjentata lejn terminu qasir u soġġetta għal kunflitti ta’ interess għad-detriment tal-klijenti tiegħu. Il-bidliet implikati minn riforma strutturali imposti fuq is-sett limitat ta’ banek TBTF ikkunsidrati jistgħu għaldaqstant jikkomplimentaw is-setgħat eżistenti.

3.           Analiżi tas-sussidjarjetà

Għadd dejjem akbar ta’ Stati Membri bħalissa qed jużaw forom differenti ta’ riformi strutturali ta’ banek fil-ġuriżdizzjonijiet tagħhom. Minħabba l-libertajiet fundamentali stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”) leġiżlazzjoni nazzjonali diverġenti tista' taffettwa l-movimenti tal-kapital u d-deċiżjonijiet tal-istabbiliment tal-parteċipanti fis-suq u tista’ wkoll tfixkel l-isforzi sabiex tinkiseb ġabra unika tar-regoli li tkun applikabbli fis-Suq Intern kollu. Hija tista’ anke toħloq problemi speċifiċi rigward is-superviżjoni, partikolarment għall-banek transfruntiera.

Għalhekk, hija meħtieġa azzjoni fil-livell Ewropew.

4.           Objettivi

L-objettivi ġenerali tar-riforma strutturali huma l-ewwel biex jitnaqqas ir-riskju ta’ instabilità sistemika billi jitnaqqsu r-riskji li banek isiru jew ikunu jridu jsiru TBTF, TCTF u TITF. Objettiv ewlieni tar-riforma strutturali huwa li l-banek li jipprovdu servizzi essenzjali għall-ekonomija reali jsiru aktar reżiljenti f’każ ta’ xokkijiet endoġeni u eżoġeni iżda anke aktar riżolvibbli f’każ ta’ falliment, u b’hekk titnaqqas il-gravità tal-kriżijiet finanzjarji futuri. Objettiv ġenerali ieħor huwa li titnaqqas il-frammentazzjoni tas-suq uniku. Ħafna mill-banek li se jiġu affettwati mil-leġiżlazzjoni ta’ riforma strutturali joperaw b'mod transfruntier u jfittxu li jibbenefikaw mill-opportunitajiet maħluqa mis-suq finanzjarju uniku. Qafas leġiżlattiv komuni dwar ir-riforma strutturali jevita l-frammentazzjoni tas-Suq Intern u jżid l-effettività futura tal-MSU u l-MUR.

Fi ħdan dawn l-objettivi ġenerali, ir-riforma strutturali tindirizza dawn l-objettivi speċifiċi: (1) tiffaċilita r-riżoluzzjoni bankarja u l-irkupru; (2) tiffaċilita l-maniġment, il-monitoraġġ u s-superviżjoni; (3) tnaqqas il-periklu morali; (4) tnaqqas il-kunflitti ta' interess u tittejjeb il-kultura bankarja; (5) tnaqqas l-allokazzjoni ħażina tal-kapital u r-riżorsi; u (6) ittejjeb il-kompetizzjoni.

Dan is-sett ta' objettivi operazzjonali kwantifikabbli jiffurmaw il-bażi ta' evalwazzjonijiet futuri: (1) Tnaqqis tad-daqs tas-sussidji pubbliċi impliċiti (kif rifless fil-vantaġġ tal-ispejjeż għall-finanzjament tal-banek TBTF); (2) Tnaqqis ta' negozjar eċċessiv mill-banek TBTF (u żieda fis-sehem relattiv tal-provvediment ta' kreditu għal klijenti mhux finanzjarji).

5.           Opzjonijiet ta' Politika

Ir-riformi tal-istruttura tal-banek jeħtieġu deċiżjoni dwar liema attivitajiet jiġu separati u kemm għandha tkun qawwija s-separazzjoni. Għaldaqstant, il-Kapitolu 4 tar-rapport jippreżenta għadd ta’ opzjonijet f’kull qasam. It-taħlita tagħhom tagħti lok għal għadd ta’ opzjonijiet ta' riforma li jiġu vvalutati kemm fl-isfond tax-xenarju bażi ta’ ebda azzjoni politika ulterjuri fil-livell tal-UE kif ukoll kontra xulxin.

Attivitajiet

L-attivitajiet bankarji mwettqa minn gruppi bankarji kbar tal-UE llum ivarjaw minn attivitajiet bankarji ġenerali u kummerċjali (retail and commercial banking - RCB) għal attivitajiet bankarji bl-ingrossa u ta' investiment (wholesale and investment banking - WIB). Eżempji ta’ attivitajiet RCB jinkludu, fost l-oħrajn, teħid ta’ depożiti assigurati, self lill-unitajiet domestiċi u l-SMEs, u l-provvediment ta’ servizzi ta’ sistemi ta’ ħlas. Eżempji ta’ WIB jinkludu, fost l-oħrajn, sottoskrizzjoni, ġenerazzjoni tas-suq, servizzi ta’ senserija, u negozjar proprjetarju. Ir-rapport iqis tliet opzjonijiet stilizzati biex jiġu separati l-attivitajiet:

(1) Entità ta' negozjar “dejqa ” u entità ta' depożitu “wiesgħa” : L-ewwel każ polari huwa dak li fih qed jiġu separati biss relattivament ftit attivitajiet ta' negozjar minn entità ta’ depożitu wiesgħa, jiġifieri dak it-tip ta’ negozjar fejn in-negozjanti jispekulaw fuq is-swieq bl-użu tal-kapital tal-bank u flus mislufa, għall-ebda raġuni għajr li jsir profitt u mingħajr l-ebda rabta man-negozjar f’isem il-klijenti (jiġifieri n-negozjar proprjetarju);

(2) Entità ta' negozjar “medja” u entità ta' depożitu “medja” : It-tieni opzjoni hija waħda li fiha l-ġenerazzjoni tas-suq, id-derivattivi kumplessi u t-titolizzazzjoni kumplessa jiżdiedu mas-sett ta’ attivitajiet ta' hawn fuq; u

(3) Entità ta' negozjar “wiesgħa” u entità ta' depożitu “dejqa” : Din l-opzjoni tipprevedi s-separazzjoni tal-attivitajiet bankarji bl-ingrossa u ta' investiment kollha.

Is-saħħa

Meta tiġi ddeterminata s-saħħa tas-separazzjoni, punt ta' tluq huwa li jitqiesu tliet forom wesgħin: (i) separazzjoni tal-kontabilità; (ii) separazzjoni funzjonali permezz tas-sussidjarizzazzjoni; u (iii) separazzjoni tas-sjieda jew projbizzjoni ta’ ċerti linji operatorji. Dawn il-forom ta’ separazzjoni juru livell differenti ta’ severità u intrusività fl-istruttura operatorja tal-banek.

Separazzjoni kontabilistika (li tobbliga lill-banek li jippubblikaw aktar informazzjoni dwar il-linji operatorji differenti) x'aktarx li ma tilħaqx l-objettivi deskritti hawn fuq u għaldaqstant twarrbet. Separazzjoni funzjonali permezz ta' sussidjarizzazzjoni tkun teħtieġ li l-gruppi bankarji jisseparaw l-attivitajiet ta’ unitajiet operatorji differenti f’sussidjarji separati (entitajiet ġuridiċi) iżda jkunu jistgħu jkomplu jipprovdu lill-klijenti tagħhom b’sett varjat ta’ servizzi bankarji (“ibbankjar universali strutturat”). Ir-rapport iqis żewġ opzjonijiet differenti ta' sussidjarizzazzjoni, abbażi ta' sett ta’ regoli ġuridiċi, ekonomiċi u ta' governanza differenti ta’ sussidjarizzazzjoni (sussidjarizzazzjoni limitata vs sussidjarizzazzjoni aktar stretta). Is-separazzjoni tas-sjieda tkun teħtieġ li ċerti linji operazzjonali jkunu pprovduti minn ditti li mhumiex affiljati mal-grupp bankarju. B’mod aktar speċifiku, it-tliet opzjonijiet meqjusa fir-rapport huma:

(1) Sussidjarizzazzjoni b'rabtiet intragrupp restritti skont ir-regoli attwali: f'termini ta' separazzjoni ġuridika, din l-opzjoni tkun teħtieġ entità ġuridika separata. F’termini ta’ separazzjoni ekonomika, hija tirrestrinġi ruħha għar-rekwiżiti ekonomiċi u ta’ governanza li bħalissa jirriżultaw minn dan il-livell ta' separazzjoni ġuridika;

(2) Sussidjarizzazzjoni b'restrizzjonijiet aktar stretti fuq rabtiet intragrupp: sabiex jiġu indirizzati b'mod aktar effettiv is-sussidji ta' finanzjament intragrupp, din l-opzjoni tkun teħtieġ livell aktar sinifikanti ta' sussidjarizzazzjoni f'termini ekonomiċi u/jew ta' governanza (bħar-regoli dwar ir-regoli ta' sjieda u limiti ta' skopertura intragrupp); jew

(3) Is-separazzjoni tas-sjieda: skont din l-opzjoni, il-gruppi bankarji ma jitħallewx jimpenjaw ruħhom f'ċerti attivitajiet. Bl-istess mod, huma jkollhom iċedu jew jistralċjaw kwalunkwe attività li jkunu attwalment impenjati fiha.

Opzjonijiet għal riforma

Fuq il-bażi ta’ dan ta’ hawn fuq, it-taħlita ta’ firxa differenti ta’ negozjar u attivitajiet ta' swieq kapitali li għandhom jiġu separati u s-setgħat ta' separazzjoni jrendu disa’ opzjonijiet għal riforma stilizzata, kif jidher f’forma matriċi fit-Tabella 1. Sa fejn hu possibbli u għal għanijiet illustrattivi biss, is-servizzi tal-Kummissjoni fasslu l-proposti ta’ riforma strutturali differenti u/jew l-inizjattivi leġiżlattivi fil-matriċi.

Tabella 1: Ħarsa ġenerali lejn l-opzjonijiet

Attivitajiet saħħa || Separazzjoni funzjonali 1 (SUB) Ir-rekwiżiti attwali || Separazzjoni funzjonali 2 (SUB+) Rekwiżiti aktar stretti || Separazzjoni tas-sjieda Separazzjoni tas-sjieda

Entità ta' negozjar dejqa/ entità ta' depożitu wiesgħa Pereżempju negozjar proprjetarju + skoperturi għal KF (proprietary trading - PT) || Opzjoni A || Opzjoni B [≈ FR, DE bażi] || L-għażla C [≈ US Volcker]

Entità ta' negozjar medja/ entità ta' depożitu medja Pereżempju PT + ġenerazzjoni tas-suq (market-making - MM) || Opzjoni D || Opzjoni E [≈ HLEG; ≈ FR, DE jekk tiġi attivata separazzjoni usa'] || Opzjoni F

Entità ta' negozjar wiesgħa/ entità ta' depożitu dejqa Pereżempju l-attivitajiet bankarji ta' investiment kollha || Opzjoni G || Opzjoni H [≈ US BHC; ≈ UK] || Opzjoni I [≈ Glass-Steagall; ≈ UK b' separazzjoni aktar qawwija (electrification of fence)]

Kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni

Il-valutazzjoni tal-impatt (Impact Assessment - IA) tqabbel il-benefiċċji u l-ispejjeż għas-soċjetà tal-opzjonijiet deskritti fit-Tabella 1 ma' xulxin u max-xenarju ta’ “ebda bidla fil-politika”. Barra minn hekk, l-IA tivvaluta wkoll tliet kwistjonijiet ta’ implimentazzjoni komuni għall-opzjonijiet kollha:

· Ambitu istituzzjonali: inizjattiva ta' riforma strutturali għandha fil-prinċipju timmira lejn banek TBTF biss u għaldaqstant tapplika biss għal subsett żgħir ta’ aktar minn 8 000 bank inkorporati fl-UE. Għaldaqstant, ir-riforma ma taffettwax il-banek kooperattivi u tat-tfaddil żgħar li għandhom rwol importanti biex iservu l-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-komunitajiet lokali u negozji żgħar. Ir-rapport jivvaluta approċċi differenti sabiex jiġu stabbiliti livelli minimi sabiex jintgħażlu l-banek rilevanti. Huwa jikkonkludi li dawn il-livelli minimi għandhom ikunu bbażati fuq taħlita ta’ metriċi ta' riskju sistemiku u metodoloġija bbażata fuq il-kontabilità. Apparti l-banek sistemikament importanti Ewropej kollha, riforma strutturali tapplika għall-banek b’attività ta’ negozjar li taqbeż il-limitu assolut ta’ EUR 70 biljun u limitu relattiv ta’ 10 % tal-assi totali. Il-banek żgħar b’inqas minn EUR 30 biljun f’assi fil-prinċipju jiġu esklużi. . Fil-prattika u abbażi tad-dejta storika, il-Kummissjoni tqis li dan jista’ jwassal biex 29 mill-banek Ewropej l-aktar kbar u kumplessi jkunu soġġetti għal separazzjoni strutturali;

· Ir-rwol tas-superviżuri: kwistjoni separata hija r-rwol tas-superviżuri fir-rieżami tal-ambitu tal-istituzzjonijiet kif ukoll l-attivitajiet soġġetti għal separazzjoni potenzjali. Fir-rigward tal-ambitu istituzzjonali, kwalunkwe limitu mhux dejjem jolqot perfettament l-istituzzjonijiet it-tajbin. Għaldaqstant għandu jkun hemm lok għal ġudizzju superviżorju fil-valutazzjoni tal-ambitu istituzzjonali ta’ separazzjoni li jirriżulta minn applikazzjoni tal-limiti elaborati hawn fuq sabiex jiġi żgurat li jintlaqtu l-banek it-tajbin. Bl-istess mod, għandu jkun hemm lok għal ġudizzju superviżorju fid-determinazzjoni tal-ambitu ta’ attivitajiet li għandhom ikunu separati f'każ li ċirkostanzi partikulari jkunu jeħtieġu dan. Madankollu, jeħtieġ li l-ġudizzju superviżorju jitpoġġa f'qafas u jiġi llimitat għal raġunijiet politiċi, prattiċi u ġuridiċi. Inkella jista' jkun hemm eżiti inkonsistenti fis-Suq Intern. Ir-rapport jiddeskrivi għadd ta’ prinċipji li jiggwidaw il-proċess superviżorju previst taħt iż-żewġ opzjonijiet sabiex jiżgura li ma jwassalx għal distorsjonijiet fis-suq intern; u

· Żmien għall-implimentazzjoni: Separazzjoni strutturali, irrispettivament minn kemm tkun ta’ benefiċċju għas-soċjetà, trendi kosti privati. Barra minn hekk, it-trasferiment ta’ assi u obbligazzjonijiet eżistenti għal entità ġuridika separata potenzjalment ġdida jeħtieġ iż-żmien. Fl-aħħar nett, l-UE adottat jew dalwaqt tadotta diversi inizjattivi f’oqsma relatati, inkluż Basel III, il-BRRD u l-MUR li mhux se jkunu applikabbli għal kollox sal-2018 jew l-2019. Ir-rapport jikkonkludi li perjodu ta’ tranżizzjoni simili għandu jkun previst għall-implimentazzjoni ta’ inizjattiva ta’ riforma strutturali futura.

6.           Impatt u tqabbil ta’ opzjonijiet għal riforma

Il-Kapitolu 5 tar-rapport jivvaluta u jqabbel f’termini kwalitattivi l-opzjonijiet differenti għal riforma identifikati hawn fuq. Ġew applikati żewġ kriterji għall-fini ta’ tqabbil tal-opzjonijiet. L-ewwel kriterju – effettività – ikejjel sa fejn qegħdin jiġu ssodisfati l-objettivi ta' riforma speċifika, pereżempju l-iffaċilitar tar-riżolvibbiltà. It-tieni – effiċjenza – tivvaluta l-kosti mġarrba mis-soċjetà meta jiġu implimentati l-opzjonijiet għal riforma rispettivi (prinċipalment telf ta' ekonomiji ta' skala u ta' firxa). It-tielet – koerenza – ikejjel sa fejn opzjoni għal riforma tkun konformi mal-objettivi ta' politika ġenerali tal-Kummissjoni inġenerali u kumplimentari għall-aġenda ta' riforma attwali. Billi l-opzjonijiet kollha huma ġeneralment koerenti ma’ dawn l-objettivi, dan il-kriterju mhux qed jintuża aktar biexjikklassifika l-opzjonijiet.

Valutazzjoni ta' opzjonijiet għal riforma bbażati fuq sussidjarizzazzjoni skont ir-regoli attwali

L-opzjonijiet A, D u G jwasslu ċertu livell ta’ separazzjoni tal-entità ta' negozjar, iżda dawn jirriskjaw li ma jkunux effettivi biex jintlaħqu l-objettivi speċifiċi li jiġu ffaċilitati r-riżolvibilità u l-monitoraġġ, jitnaqqas il-periklu morali, jitnaqqsu l-kunflitti ta’ interess, titnaqqas l-allokazzjoni ħażina tar-riżorsi u tal-kapital u r-riżorsi, u tittejjeb il-kompetizzjoni u għalhekk twarrbu. Dan huwa minħabba l-fatt li s-sempliċi sussidjarizzazzjoni ma taqtax b'mod effettiv ir-rabtiet ekonomiċi u operazzjonali bejn is- sussidjarji tan-negozjar u tat-teħid ta’ depożiti.

Valutazzjoni tal-opzjonijiet għal riforma bbażati fuq sussidjarizzazzjoni skont regoli aktar stretti

L-opzjonijiet ibbażati fuq sussidjarizzazzjoni skont regoli aktar stretti (B, E u H) huma opzjonijiet għal riforma li bejn wieħed u ieħor jikkorrispondu għar-riformi li bħalissa qegħdin jiġu segwiti mill-Istati Membri tal-UE jew irrakkomandati mill-HLEG. Dawn l-opzjonijiet jaqtgħu b'mod effettiv ir-rabtiet ekonomiċi u operazzjonali bejn is-sussidjarji ta' negozjar u ta’ teħid ta’ depożiti. Huma xorta jippermettu li l-gruppi bankarji jidħlu f’sett wiesa’ ta’ attivitajiet għalkemm xi attivitajiet ikollhom jiġu trasferiti għal entitajiet ġuridiċi separati fi ħdan grupp (ibbankjar universali strutturat). Fost it-tliet opzjonijiet, ir-rapport sab li l-opzjoni E tar-riforma ta' implimentazzjoni hija l-aħjar pass ‘il quddiem fil-kuntest tal-UE u tirrappreżenta titjib sinifikanti fuq l-alternattiva ta' ebda tibdil ta’ politika. L-opzjoni E trendi aktar benefiċċji meta mqabbla mal-opzjoni tar-riforma B minħabba l-ambitu tal-attività idjaq ta' din l-aħħar opzjoni . L-opzjoni E hija wkoll ppreferibbli għall-opzjoni tar-riforma H, x'aktarx l-attivitajiet addizzjonali ma jġibux benefiċċji ogħla b’mod sinifikanti magħhom filwaqt li jimponu kosti ulterjuri.

Valutazzjoni ta' opzjonijiet ta’ riforma bbażati fuq is-separazzjoni tas-sjieda

L-opzjonijiet C, F u I għandhom il-potenzjal li jkunu l-aktar sett ta’ opzjonijiet effettivi f’termini li jinkisbu l-opzjonijiet speċifiċi. Madankollu, huwa wkoll sett ta’ għażliet li jistgħu jiġu bl-ogħla kosti soċjali f’termini ta’ ekonomiji ta’ firxa mitlufa. Ir-rapport jikkonkludi li l-benefiċċji soċjali assoċjati mal-opzjoni C jegħlbu l-kosti soċjali, billi jindirizzaw ir-riskji, il-kumplessità u l-interkonnettività assoċjati man-negozjar proprjetarju (attività ta' negozjar li għandha riskju inerenti u li hija l-aktar soġġetta għal kunflitti ta’ interess) mingħajr ma jikkawżaw kosti soċjali sinifikanti (billi ma dan ma jikkontribwixxix għall-finanzjament tal-ekonomija). Bilanċ pożittiv sinifikanti bejn il-benefiċċji u l-kosti huwa aktar diffiċli li jintlaħaq għall-opzjonijiet F u I. F'dan l-istadju ta' tagħrif u evidenza ekonomika u minħabba l-inċertezza relattivament għolja, jinħass xieraq li tingħata attenzjoni fir-rigward tal-ambitu tal-attività għas-separazzjoni tas-sjieda tal-attivitajiet (barra mill-ambitu tan-negozjar proprjetarju). Għaldaqstant, ir-rapport sab li l-opzjoni C biss tipprovdi bilanċ nett tajjeb ta’ benefiċċji soċjali u kosti soċjali u ta' min jesplorahom aktar.

Tqabbil tal-opzjonijiet miżmuma

Għaldaqstant, ir-rapport iżomm l-opzjonijiet C u E għal aktar tqabbil f’termini ta’ benefiċċji u kosti għas-soċjetà. Fir-rigward tal-ewwel opzjoni huwa jsib li l-opzjoni C hija anqas effettiva minn E biex trendi tali benefiċċji minħabba l-ambitu ta' attività idjaq tagħha. Fl-istess waqt, l-opzjoni E tista’ trendi kosti ogħla għas-soċjetà bis-saħħa tal-ambitu ta' attività usa’ tagħha, li jkollha effett akbar fuq l-ekonomiji ta’ firxa predeterminati. Madankollu, minħabba l-ambitu ta' attività usa’ sinifikanti tiegħu, l-opzjoni E twassal benefiċċji soċjali akbar meta mqabbla mal-opzjoni C u għalhekk tista’ titqies aktar effettiva, b'kost fuq l-effiċjenza addizzjonali limitat.

Madankolu, ir-rapport isib li jista' jkun hemm modi kif tiżdied l-effettività limitata tal-opzjoni C u tersaq eqreb lejn l-opzjoni E. L-opzjoni C, pereżempju, tista' tkun ikkumplimentata minn proċedura ex post (għalkemm f'qafas) għas-separazzjoni ta' attivitajiet addizzjonali, speċjalment il-ġenerazzjoni tas-suq, id-derivattivi kumplessi u t-titolizzazzjoni kumplessa ("l-opzjoni C+"). B’mod simili, hemm modi kif jitnaqqas il-kost potenzjali fl-effiċjenza assoċjat mal-opzjoni E jekk dak il-kost jitqies eċċessiv (billi pereżempju jiġu eżentati mir-rekwiżit ta’ separazzjoni ċerti attivitajiet fejn is-swieq eżistenti jkunu partikolarment baxxi u/jew illikwidi permezz ta’ proċess superviżorju qafas, “Opzjoni E-”).

Bl-istess mod, hemm modi – dawn ta' hawn fuq mhumiex l-uniċi fosthom – kif l-opzjonijiet isiru fil-biċċa l-kbira paragunabbli. Madankollu, il-kunsiderazzjonijiet ta’ natura aktar politika, bħall-komplementarjetà ma’ objettivi oħrajn ta’ politika, l-iskedar tar-riforma, id-diffikultajiet ta’ implimentazzjoni, il-fehmiet u l-pożizzjoni mistennija tal-koleġiżlaturi eċċ., iridu jitqiesu qabel ma ssir għażla bejn dawk l-opzjonijiet aċċettabbli u ġustifikabbli. Bħala riżultat dan ir-rapport ma jiddikjarax preferenza bejn l-opzjonijiet.

Kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni

L-opzjonijiet jinvolvu sfidi operazzjonali. Għall-opzjoni C + l-isfida prinċipali għall-implimentazzjoni toħroġ mid-diffikultà li jiġi definit u sseparat in-negozjar proprjetarju mill-ġenerazzjoni tas-suq. Dan jagħmilha għalja biex tiġi rrispettata u ssorveljata l-implimentazzjoni, partikolarment għal C li teħtieġ divestiment sħiħ. Għall-opzjoni E- l-isfida ewlenija ġejja mill-governanza u l-monitoraġġ inerenti ta' rabtiet intragrupp mhux ċari ta' natura legali, ekonomika, ta' governanza u operazzjonali.

L-appoġġ tal-valutazzjoni kwalitattiva

Diversi elementi importanti tal-abbozz tal-IA kienu soġġetti għal tfassil jew analiżi kwantitattiva estensiva. L-ewwel nett, ħidma kwantitattiva tqis il-livell ta’ sussidji impliċiti. Sussidji impliċiti jinstabu li jkunu sinifikanti u li jiddependu fuq id-daqs tal-bank, il-livell tal-interkonnettività ma’ banek oħrajn, il-livell ta’ ingranaġġ tiegħu kif ukoll il-klassifikazzjoni tad-dejn sovran tal-pajjiżi fejn jinsabu l-kwartieri ġenerali tiegħu). It-tieni nett, ix-xogħol fuq il-kalkolu tal-limiti intuża biex jiġu identifikati l-gruppi bankarji Ewropej rilevanti. It-tielet nett, l-analiżi tal-inċentivi ekonomiċi relattivi ta’ investiment kontra l-attivitajiet bankarji kummerċjali turi li hemm inċentivi regolatorji għall-banek sabiex jimpenjaw ruħhom f’attivitajiet ta' negozjar minflok attivitajiet li jieħdu depożitu.

Sabiex jappoġġjaw il-valutazzjoni kwalitattiva tal-opzjonijiet ta’ riforma, is-servizzi tal-Kummissjoni ppruvaw jikkwantifikaw sa fejn ikun possibbli xi wħud mill-kosti u l-benefiċċji li jistgħu jirriżultaw minn separazzjoni strutturali. Madankollu, minħabba l-kumplessità inerenti u n-natura speċjali tal-ibbankjar u minħabba li ħafna benefiċċji u kosti huma dinamiċi fin-natura tagħhom, ma jeżisti l-ebda mudell kwantitattiv li jista’ jagħmel stima tal-benefiċċji soċjali u tal-kosti tal-proposti tar-riforma strutturali. Dan isir aktar ikkumplikat minħabba n-nuqqas ta’ dejta. Is-servizzi tal-Kummissjoni ppruvaw jivvalutaw uħud mill-kosti (il-kost tal-finanzjament privat tal-banek) u l-benefiċċji. Minkejja l-limitazzjonijiet metodoloġiċi u tad-dejta msemmija hawn fuq, ir-riżultati huma konsistenti mal-konklużjonijiet li jirriżultaw mill-analiżi kwalitattiva li s-separazzjoni tal-attivitajiet ta’ negozjar tipproduċi benefiċċji ekonomiċi, bħat-tnaqqis ta' telf totali ġġenerat mis-sistema bankarja.

Is-servizzi tal-Kummissjoni stiednu wkoll lill-banek tal-UE fil-kuntest tal-konsultazzjoni mal-partijiet interessati sabiex ifasslu u jagħmlu stima tal-impatt tax-xenarji ta’ riforma strutturali stilizzati tal-karta bilanċjali, ir-rapport tal-introjtu tal-grupp u varjabbli oħrajn magħżulin tal-banek. Wieġeb għadd limitat ħafna ta’ gruppi bankarji. Barra minn hekk, l-impatti simulati varjaw sostanzjalment bejn dawk li wieġbu u ma kinux konsistenti internament.

Il-fehmiet u l-impatti tal-partijiet interessati

Bħala parti mit-tħejjija ta’ dan ir-rapport, is-servizzi tal-Kummissjoni għamlu konsultazzjoni pubblika mal-partijiet interessati matul ir-rebbiegħa tal-2013. Is-servizzi tal-Kummissjoni rċevew aktar minn 500 tweġiba, inkluż għadd sostanzjali ta’ tweġibiet minn individwi u assoċjazzjonijiet tal-konsumatur. It-tweġibiet tal-konsultazzjoni jenfasizzaw id-differenza qawwija li hemm bejn it-tweġibiet tal-banek u tal-konsumaturi u tal-individwi. Dawn tal-ewwel huma kontra s-separazzjoni strutturali fil-parti l-kbira tagħhom. Dawn tal-aħħar huma fil-parti l-kbira tagħhom favur. Dawn id-diverġenzi huma riflessi fit-tweġibiet dwar it-tip u s-saħħa tal-miżuri strutturali u liema attivitajiet għandhom jiġu separati. Is-servizzi tal-Kummissjoni għamlu wkoll konsultazzjoni pubblika dwar ir-rapport tal-HLEG fil-ħarifa tal-2012.

7.           Monitoraġġ u Evalwazzjoni

Il-monitoraġġ se jseħħ matul il-perjodu ta’ dħul gradwali. L-evalwazzjoni ex post tal-miżuri leġiżlattivi l-ġodda kollha hija prijorità għall-Kummissjoni. L-evalwazzjonijiet huma ppjanati madwar 4 snin wara l-iskadenza għall-implimentazzjoni. Il-proposta li ġejja, ladarba tiġi adottata, se tkun soġġetta wkoll għal evalwazzjoni kompleta sabiex tivvaluta, fost l-oħrajn, kemm kienet effettiva u effiċjenti fl-ilħiq tal-għanijiet ippreżentati f'dan ir-rapport u tiddeċiedi jekk humiex meħtieġa miżuri jew emendi ġodda.

F’termini ta’ sorsi ta’ informazzjoni li jistgħu jintużaw matul il-valutazzjoni, id-dejta pprovduta mill-banek ċentrali nazzjonali, ir-regolaturi nazzjonali, il-korpi Ewropej, bħal pereżempju l-BĊE, l-ABE u l-BERS u minn organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-BĦI, l-OECD, l-FMI u l-FSB. Tista' tinġabar ukoll dejta rilevanti minn parteċipanti fis-suq rilevanti jew intermedjarji. Indikaturi rilevanti li jivvalutaw il-proposta jistgħu jinkludu, pereżempju, l-għadd u l-assi aggregati ta’ banek soġġetti għar-rekwiżiti ta' separazzjoni strutturali; miżuri ta’ negozjar u ta' attività ta’ self; u, stimi ta’ sussidji pubbliċi impliċiti u tnaqqis ta’ vantaġġi artifiċjali ta' spejjeż għall-finanzjament.

[1]               Kbar wisq biex ifallu għandha tkopri interkonnessi wisq biex ifallu (too-interconnected-to-fail - TITF), kumplessi wisq biex ifallu (too-complex-to-fail - TCTF), u sistemikament importanti wisq biex ifallu (too-systemically-important-to-fail - TSITF). Ara l-Kummissjoni Ewropea (2013), “Structural reform in the EU banking sector: Motivation, Scope and Consequences”, il-Kapitolu 3 tar-Rapport dwar l-Istabbiltà Finanzjarja u l-Integrazzjoni Ewropej 2012, 24 ta' April, SWD(2013) 156 finali.