Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-proposti għall-emendi tal-Anness III tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam /* COM/2014/0746 final - 2014/0356 (NLE) */
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI 1. IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA Taħt l-awspiċi tal-Organizzazzjoni
tal-Ikel u l-Agrikoltura (Food and Agriculture Organisation - FAO) u l-Programm
tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (United Nations Environment Programme
- UNEP), f’Marzu tal-1998 ġew konklużi negozjati għal
Konvenzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ proċedura ta’ kunsens infurmat minn
qabel (prior informed consent - PIC) għal ċerti sustanzi kimiċi
u pestiċidi perikolużi fil-kummerċ internazzjonali. Il-Konvenzjoni nfetħet
għall-iffirmar waqt il-Konferenza Diplomatika Ministerjali li saret
f’Settembru tal-1998 f’Rotterdam. Il-Komunità ffirmatha
fil-11 ta’ Settembru 1998. Il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam tfisser
pass kbir ’il quddiem fir-regolazzjoni internazzjonali ta' ċerti sustanzi
kimiċi perikolużi, inklużi l-pestiċidi. L-għan
tagħha huwa li tippromwovi r-responsabbiltà u l-isforzi kooperattivi
konġunti fost il-Partijiet involuti fil-kummerċ internazzjonali ta’
dawn il-kimiċi, sabiex jitħarsu saħħet il-bniedem u
l-ambjent minn ħsara potenzjali, u biex tikkontribwixxi lejn l-użu
ambjentali tagħhom mingħajr periklu. L-Unjoni implimentat il-Konvenzjoni permezz
tar-Regolament (KE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’
sustanzi kimiċi perikolużi[1].
Permezz tad-Deċiżjoni 2006/730/KE tiegħu
tal-25 ta’ Settembru 2006[2],
il-Kunsill iddeċieda li japprova l-Konvenzjoni f’isem il-Komunità Ewropea. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ
fl-24 ta' Frar 2004. Is-seba' laqgħa tal-Konferenza
tal-Partijiet (COP7) se ssir f’Ġinevra mill-4
sal-15 ta’ Mejju 2015. Minbarra l-Unjoni, 27 mill-Istati Membri
tagħha huma Parti f’din il-Konvenzjoni. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet
tal-Kumitat għar-Reviżjoni tal-Kimika (Chemical Review Committee -
CRC), korp sussidjarju li jaqa’ taħt l-awtorità tal-Konferenza
tal-Partijiet (Conference of the Parties - COP), waqt is-COP mistenni
jieħu deċiżjonijiet dwar l-inklużjoni ta’ aktar sustanzi
kimiċi fl-Anness III tal-Konvenzjoni, li tagħmilhom
suġġetti għall-proċedura tal-PIC. Is-sustanzi kimiċi li s-CRC irrakkomanda
li jiġu inklużi fl-Anness III tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam,
jiġifieri l-asbestos krisotilu, metammidofos, triklorfon, fentijon
(il-formolazzjonijiet b’Volum Ultra Baxx (VUB) b'640g jew aktar ta' ingredjent
attiv/L) u l-formolazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli jew
konċentrat solubbli) li fihom diklorur tal-parakkwat fil-livell ta’
276 g/L jew aktar, li jikkorrispondu għall-jon tal-parakkwat
fil-livell ta’ 200 g/L jew aktar, diġà huma suġġetti
għal restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni skont il-liġi tal-Unjoni,
li huma simili għal dawk skont il-Konvenzjoni. Għaldaqstant,
il-Kummissjoni qed tipproponi deċiżjoni lill-Kunsill li tjappoġġja,
f’isem l-Unjoni, l-emendi tal-Anness III tal-Konvenzjoni waqt is-COP7. 2014/0356 (NLE) Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li
għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward
tal-proposti għall-emendi tal-Anness III tal-Konvenzjoni ta’
Rotterdam IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidra t-Trattat dwar
il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 192(1)
u l-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu, Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni
Ewropea, Billi: (1) L-Unjoni Ewropea rratifikat
il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-proċedura tal-kunsens infurmat minn
qabel għal ċerti sustanzi kimiċi u pestiċidi
perikolużi fil-kummerċ internazzjonali ("il-Konvenzjoni ta’
Rotterdam")[3]. (2) Ir-Regolament (UE)
Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’
sustanzi kimiċi perikolużi[4]
jimplimenta l-Konvenzjoni ta’ Rotterdam fl-Unjoni. (3) Sabiex ikun żgurat li
l-pajjiżi li jimportaw ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-ħarsien offrut
mill-Konvenzjoni ta’ Rotterdam, huwa meħtieġ u xieraq li tiġi
appoġġata r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għar-Reviżjoni
tal-Kimika dwar l-inklużjoni, fl-Anness III tal-Konvenzjoni ta’
Rotterdam, tal-asbestos krisotilu, metammidofos, triklorfon, fentijon
(il-formolazzjonijiet b’Volum Ultra Baxx (VUB) b'640g jew aktar ta' ingredjent
attiv/L) il-formolazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli jew
konċentrat solubbli) li fihom diklorur tal-parakkwat fil-livell ta’
276 g/L jew aktar, li jikkorrispondu għall-jon tal-parakkwat
fil-livell ta’ 200 g/L jew aktar. Dawn is-sustanzi diġà huma
pprojbiti jew ristretti ħafna fl-Unjoni, u għaldaqstant huma
suġġetti għal rekwiżiti tal-esportazzjoni li jmorru lil
hinn minn dak li huwa meħtieġ skont il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam. (4) Waqt is-seba' laqgħa
tal-Konferenza tal-Partijiet (COP7) tal-Konvenzjoni ta’ Rotterdam huma
mistennija jittieħdu deċiżjonijiet dwar l-emendi proposti
għall-Anness III. L-Unjoni għandha tappoġġja dawn
l-emendi. ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI: Artikolu Umiku Waqt is-seba' laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni
ta’ Rotterdam, l-Unjoni għandha tappoġġja l-adozzjoni tal-emendi
li jżidu l-asbestos krisotilu, metammidofos, triklorfon, fentijon
(il-formolazzjonijiet b’Volum Ultra Baxx (VUB) b'640g jew aktar ta' ingredjent
attiv/L) il-formolazzjonijiet likwidi (konċentrat emulsjonabbli jew
konċentrat solubbli) li fihom diklorur tal-parakkwat fil-livell ta’
276 g/L jew aktar, li jikkorrispondu għall-jon tal-parakkwat fil-livell
ta’ 200 g/L jew aktar, fl-Anness III tal-Konvenzjoni ta' Rotterdam.
Tibdil minuri fl-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Konferenza tal-Partijiet
jista’ jintlaħaq qbil dwaru mir-rappreżentanti tal-Unjoni waqt
il-laqgħa mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill. Magħmul fi Brussell, Għall-Kunsill Il-President [1] ĠU L 201, 27.7.2012, p. 60. [2] ĠU L 299, 28.10.2006, p. 23. [3] ĠU L 299, 28.10.2006, p. 23. [4] ĠU L 201, 27.7.2012, p. 60.