52014PC0741

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE stabbilit permezz tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, rigward is-sostituzzjoni tal-Protokoll 4 ta’ dan il-Ftehim, dwar ir-regoli ta’ oriġini, bi Protokoll ġdid li huwa allineat mal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji /* COM/2014/0741 final - 2014/0353 (NLE) */


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.           IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[1] (minn hawn 'il quddiem "il-Konvenzjoni") tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini ta' oġġetti kkummerċjati skont il-Ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti.

L-UE ffirmat il-Konvenzjoni fil-15 ta’ Ġunju 2011 u ddepożitat l-istrument tagħha ta’ aċċettazzjoni mad-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta’ Marzu 2012. Għalhekk, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tagħha, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-UE fl-1 ta' Mejju 2012. In-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein, il-Partijiet Kontraenti l-oħra għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea[2] (minn hawn’ il quddiem “il-Ftehim ŻEE”), iffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta’ Ġunju 2011, fit-30 ta’ Ġunju 2011 u fil-15 ta’ Ġunju 2011, rispettivament u ddepożitaw l-istrument ta’ aċċettazzjoni tagħhom għand id-depożitarju ta’ din il-Konvenzjoni fid-9 ta’ Novembru 2011, fit-12 ta’ Marzu 2012 u fit-28 ta’ Novembru 2011, rispettivament. Għalhekk, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tagħha, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-rigward tan-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein fl-1 ta' Jannar 2012, fl-1 ta' Mejju 2012 u fl-1 ta' Jannar 2012, rispettivament.

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprevedi li kull Parti Kontraenti tieħu l-miżuri xierqa sabiex tiżgura li l-Konvenzjoni tiġi applikata b'mod effettiv. Għalhekk, fil-Ftehim ŻEE, il-Protokoll 4 dwar ir-regoli ta’ oriġini għandu jkun sostitwit bi Protokoll ġdid li, kemm jista’ jkun possibbli, jirreferi għall-Konvenzjoni. Fl-istess ħin, it-test tal-Protokoll 4 jiġi aġġornat u allineat, fost l-oħrajn, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Din il-proposta tissostitwixxi l-Protokoll 4 kompletament bi Protokoll ġdid sabiex dan ikun jista’ jinqara faċilment mill-operaturi ekonomiċi u mill-amministrazzjonijiet. Il-bidliet imqabbla mal-Protokoll attwali huma dawn li ġejjin:

1.           L-Artikolu 3 qed jiġi emendat sabiex tiġi estiża l-applikazzjoni tal-kumulazzjoni djagonali ta’ oriġini lil kwalunkwe pajjiż li jipparteċipa fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni tal-UE[3], li hija waħda mill-għanijiet ewlenin tal-Konvenzjoni. Ir-referenza għall-pajjiżi li qed jieħdu sehem fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni tal-UE qed tiżdied fl-Artikolu 3(1) sabiex jiġi evitat l-użu mandatorju taċ-ċertifikazzjoni EUR-MED. Għall-istess raġuni, ir-referenza għall-Gżejjer Faeroe qed tiġi trasferita mill-Artikolu 3(2) għal 3(1).

2.           Fir-referenza għall-Artikolu 32 fil-Werrej, il-kliem “Assistenza reċiproka” qed jiġi sostitwit bil-kliem “Koperazzjoni amministrattiva”.

3.           Il-kelma “Komunità” qed tiġi sostitwita b'“Unjoni Ewropea” fl-intestatura “Dikjarazzjonijiet Konġunti” fil-Werrej, fl-Artikoli 3(1), 3(5), 4(2) u 31(1), kif ukoll fid-Dikjarazzjonijiet Konġunti.

4.           Il-kliem “Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej” qed jiġi sostitwit b'“Kummissjoni Ewropea” fl-Artikoli 3(5), 31(3) u 32(1).

5.           Fl-Artikolu 5(2) il-kliem “ma jiġux użati” qed jiġu sostitwiti b'“m’għandhomx jiġu użati”.

6.           Fl-Artikolu 6(1) dawn li ġejjin huma qed jiżdiedu wara l-ittra (m):           "(n)    it-taħlit ta' zokkor ma’ kwalunkwe materjal;”           L-ittri attwali (n) sa (p) qed jiġu nnumerati mill-ġdid bħala l-ittri (o) sa (q).

7.           It-titolu tal-Artikolu 32 qed jiġi sostitwit bi:           “Koperazzjoni amministrattiva”

Il-kontenut tal-Annessi I sa IVb, qed jiġi sostitwit b’referenza għall-Konvenzjoni.

2.           IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-Istati Membri tal-UE ġew ikkonsultati dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill fit-Taqsima tal-Oriġini tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali tat-13 ta' Mejju 2013. Il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni ġew ikkonsultati waqt il-laqgħa tal-grupp ta' ħidma Pan-Ewro-Mediterranju tal-14 u l-15 ta' Mejju 2013.

Ma kienx meħtieġ li wieħed jirrikorri għal għarfien espert estern. Minbarra dan, ma kienx meħtieġ li ssir valutazzjoni tal-impatt, peress li l-emendi proposti huma ta' natura teknika u ma jolqtux is-sustanza tal-protokoll dwar ir-regoli ta' oriġini li jinsab attwalment fis-seħħ.

3.           ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

L-Artikolu 1(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ŻEE jipprovdi li l-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, jistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni dwar Deċiżjonijiet bħal dawn.

Il-bażi ġuridika għall-emenda ta' din id-dispożizzjoni huwa l-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Il-proposta taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-Unjoni. Għalhekk il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Strument propost: Id-Deċiżjoni tal-Kunsill.

Din il-proposta tissostitwixxi COM(201)133 finali tat-22 ta’ Marzu 2012, li huwa b’dan irtirat.

2014/0353 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE stabbilit permezz tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, rigward is-sostituzzjoni tal-Protokoll 4 ta’ dan il-Ftehim, dwar ir-regoli ta’ oriġini, bi Protokoll ġdid li huwa allineat mal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta' Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea[4], u b'mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)       Il-Protokoll 4 għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea[5], (“il-Ftehim”), jikkonċerna r-regoli ta’ oriġini.

(2)       Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[6], ("il-Konvenzjoni"), tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini ta' oġġetti kkummerċjati skont il-Ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti.

(3)       L-UE, in-Norveġja u l-Liechtenstein ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta’ Ġunju 2011 u l-Islanda ffirmat il-Konvenzjoni fit-30 ta’ Ġunju 2011.

(4)       L-UE, in-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein iddepożitaw l-istrument tagħhom ta' aċċettazzjoni madd-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012, fid-9 ta' Novembru 2011, fit-12 ta' Marzu 2012 u fit-28 ta' Novembru 2011, rispettivament. Għalhekk, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tagħha, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-UE u l-Islanda fl-1 ta' Mejju 2012 u fir-rigward tan-Norveġja u l-Liechtenstein fl-1 ta' Jannar 2012.

(5)       L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprevedi li kull Parti Kontraenti tieħu l-miżuri xierqa sabiex tiżgura li l-Konvenzjoni tiġi applikata b'mod effettiv. Għalhekk, fil-Ftehim, il-Protokoll 4 dwar ir-regoli ta’ oriġini għandu jiġi sostitwit bi Protokoll ġdid li huwa allineat mal-Konvenzjoni u jirreferi għaliha kemm jista’ jkun possibbli.

(6)       Għaldaqstant l-Unjoni Ewropea għandha tadotta l-pożizzjoni stabbilita fl-abbozz ta' Deċiżjoni hawn mehmuż fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE stabbilit permezz tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, rigward is-sostituzzjoni tal-Protokoll 4 ta’ dan il-Ftehim, dwar ir-regoli ta’ oriġini, bi Protokoll ġdid li huwa allineat mal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji hija stabbilita fl-abboz ta' deċiżjoni hawn mehmuż tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Bidliet żgħar fl-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Id-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell,

                                                                       Għall-Kunsill

                                                                       Il-President

[1]               ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

[2]               ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

[3]               L-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u l-Kosovo skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1244/99.

[4]               ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

[5]               ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

[6]               ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

ANNESS DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru .../2014 li tissostitwixxi l-Protokoll 4 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, dwar ir-regoli ta' oriġini, bi Protokoll ġdid li huwa allineat mal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji

IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

Billi:

(1) L-Artikolu 9 tal-Ftehim ŻEE jirreferi għall-Protokoll 4 li jistabbilixxi r-regoli ta' oriġini u jipprevedi għall-kumulazzjoni tal-oriġini bejn l-Unjoni, l-Isvizzera (inkluż il-Liechtenstein), l-Islanda, in-Norveġja, it-Turkija, il-Gżejjer Faeroe u l-parteċipanti fis-Sħubija Ewro-Mediterranja[1].

(2) Il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji[2] (“il-Konvenzjoni”) tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini ta' oġġetti kkummerċjati skont il-Ftehimiet rilevanti konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti.

(3) L-UE, in-Norveġja u l-Liechtenstein ffirmaw il-Konvenzjoni fil-15 ta’ Ġunju 2011 u l-Islanda ffirmat il-Konvenzjoni fit-30 ta’ Ġunju 2011.

(4) L-UE, in-Norveġja, l-Islanda u l-Liechtenstein iddepożitaw l-istrument tagħhom ta' aċċettazzjoni għand id-depożitarju tal-Konvenzjoni fis-26 ta' Marzu 2012, fid-9 ta' Novembru 2011, fit-12 ta' Marzu 2012 u fit-28 ta' Novembru 2011, rispettivament. B'konsegwenza ta' dan, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 10(3) tagħha, il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-UE u l-Islanda fl-1 ta' Mejju 2012 u fir-rigward tan-Norveġja u l-Liechtenstein fl-1 ta' Jannar 2012.

(5) Il-Konvenzjoni tinkludi l-parteċipanti fil-Proċess ta’ Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni fiż-żona Pan-Ewro-Mediterranja tal-kumulazzjoni tal-oriġini.

(6) Fejn it-tranżizzjoni lejn il-Konvenzjoni ma tkunx simultanja għall-Partijiet Kontraenti kollha tagħha fiż-żona ta’ kumulazzjoni pan-Ewro-Mediterranja, din m’għandhiex twassal għal sitwazzjoni li tkun inqas favorevoli minn kif kieku kienet tkun skont il-verżjoni preċedenti tal-Protokoll 4.

(7) L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni jipprevedi li kull Parti Kontraenti tieħu il-miżuri xierqa sabiex tiżgura li l-Konvenzjoni tiġi applikata b'mod effettiv. B'konsegwenza ta' dan, fil-Ftehim, il-Protokoll 4 dwar ir-regoli ta’ oriġini għandu jiġi sostitwit minn Protokoll ġdid li huwa allineat mal-Konvenzjoni.

(8) Id-Deċiżjoni Nru XX/XX tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tipprevedi għall-Kroazja regoli tranżitorji rigward l-applikazzjoni tar-regoli ta’ oriġini stabbiliti fil-Protokoll 4. Dawn ir-regoli għandhom jibqgħu applikabbli sakemm jiskadi l-perjodu tranżitorju.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1. Il-Protokoll 4 tal-Ftehim jiġi sostitwit bit-test stabbilit fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni.

2. Minkejja l-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 41 tal-Protokoll 4, kif emendat bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt ŻEE Nru XX/XX[3], jibqa' japplika sal-1 ta’ Jannar 2017.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil- […], bil-kundizzjoni li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE[4].

Tapplika mill-1 ta’ April 2014.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE u fis-Suppliment taż-ŻEE ta' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,  […].

Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

Il-President

Is-Segretarji għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

ANNESS

għad-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru […]

"Il-PROTOKOLL 4

DWAR IR-REGOLI TA' ORIĠINI

WERREJ

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1        Definizzjonijiet

TITOLU II

DEFINIZZJONI TAL-KUNĊETT TA' "PRODOTTI ORIĠINARJI"

Artikolu 2        Rekwiżiti ġenerali

Artikolu 3        Kumulazzjoni djagonali ta’ oriġini

Artikolu 4        Prodotti miksuba kompletament

Artikolu 5        Prodotti maħduma jew ipproċessati biżżejjed

Artikolu 6        Mhux maħduma jew ipproċessati biżżejjed

Artikolu 7        Unità ta’ kwalifika

Artikolu 8        Aċċessorji, parts u għodod

Artikolu 9        Settijiet

Artikolu 10      Elementi newtrali

TITOLU III

REKWIŻITI TERRITORJALI

Artikolu 11      Prinċipju ta’ territorjalità

Artikolu 12      Trasport dirett

Artikolu 13      Wirjiet

TITOLU IV

RIFUŻJONI JEW EŻENZJONI

Artikolu 14      Projbizzjoni ta' rifużjoni ta' dazji doganali jew eżenzjoni minnhom

TITOLU V

PROVA TA’ ORIĠINI

Artikolu 15      Rekwiżiti ġenerali

Artikolu 16      Proċedura għall-ħruġ ta' ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED

Artikolu 17      Ċertifikati ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED maħruġa retrospettivament

Artikolu 18      Ħruġ ta' ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED duplikat.

Artikolu 19      Ħruġ ta' ċertifikati ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED abbażi ta’ prova ta' oriġini maħruġa jew magħmula preċedentement

Artikolu 20      Segregazzjoni kontabilistika

Artikolu 21      Kundizzjonijiet għat-tfassil ta' dikjarazzjoni fuq fattura jew ta' dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED

Artikolu 22      Esportatur approvat

Artikolu 23      Validità ta' prova ta' oriġini

Artikolu 24      Preżentazzjoni ta' prova ta' oriġini

Artikolu 25      Importazzjoni gradwali

Artikolu 26      Eżenzjonijiet minn prova ta' oriġini

Artikolu 27      Dikjarazzjonijiet tal-fornitur

Artikolu 28      Dokumenti ta’ sostenn

Artikolu 29      Preservazzjoni tal-prova ta' oriġini, tad-dikjarazzjoni tal-fornitur u tad-dokumenti ta' sostenn

Artikolu 30      Diskrepanzi u żbalji formali

Artikolu 31      Ammonti espressi f’euro

TITOLU VI

ARRANĠAMENTI DWAR IL-KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

Artikolu 32      Kooperazzjoni amministrattiva

Artikolu 33      Verifika tal-provi ta' oriġini

Artikolu 34      Verifika tad-dikjarazzjonijiet tal-fornitur

Artikolu 35      Riżoluzzjoni ta' tilwim

Artikolu 36      Penali

Artikolu 37      Żoni ħielsa

TITOLU VII

CEUTA U MELILLA

Artikolu 38      Applikazzjoni tal-Protokoll

Artikolu 39      Kundizzjonijiet speċjali

TITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 40      Dispożizzjonijiet tranżitorji għal oġġetti fi tranżitu jew f’ħażna

LISTA TA' ANNESSI

Anness I:         Noti introduttorji għal-lista fl-Anness II

Anness II:       Lista ta' ħidma jew ipproċessar meħtieġa li jsiru fuq materjali mhux oriġinarji sabiex il-prodott maħdum jikseb status oriġinarju

Anness IIIa:    Eżempji ta' ċertifikat ta' moviment EUR.1 u applikazzjoni għal ċertifikat ta' moviment EUR.1

Anness IIIb:    Eżempji ta' ċertifikat ta' moviment EUR-MED u applikazzjoni għal ċertifikat ta' moviment EUR-MED

Anness IVa:    Test tad-dikjarazzjoni fuq fattura

Anness IVb:    Test tad-dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED

Anness V:       Eżempju tad-dikjarazzjoni tal-fornitur

Anness VI:      Eżempju tad-dikjarazzjoni tal-fornitur għal perjodu twil

DIKJARAZZJONIJIET KONĠUNTI

Dikjarazzjoni konġunta dwar l-aċċettazzjoni ta’ provi ta' oriġini maħruġa fil-qafas tal-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 3 tal-Protokoll 4 għal prodotti li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea, l-Islanda jew in-Norveġja

Dikjarazzjoni konġunta dwar il-Prinċipat ta' Andorra

Dikjarazzjoni konġunta dwar ir-Repubblika ta’ San Marino

Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-irtirar ta’ Parti Kontraenti mill-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji

TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan il-Protokoll:

               (a)     "manifattura" tfisser kull xorta ta’ ħidma jew ipproċessar inklużi l-assemblaġġ jew operazzjonijiet speċifiċi;

(b)     "materjal" tfisser kull ingredjent, materja prima, komponent jew parti, eċċ., użat fil-manifattura ta' prodott;

(c)     "prodott" tfisser il-prodott li jkun qed jiġi mmanifatturat, anke jekk dan ikun maħsub għal użu aktar tard f’xi operazzjoni ta’ manifattura oħra;

              (d)     "oġġetti" tfisser kemm materjali kif ukoll prodotti,

(e)     "valur doganali" tfisser il-valur kif stabbilit skont il-Ftehim tal-1994 dwar l-implementazzjoni tal-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (il-Ftehim tad-WTO dwar il-valutazzjoni doganali);

(f)      "prezz mill-fabbrika" tfisser il-prezz tal-prodott kif joħroġ mill-fabbrika mħallas lill-manifattur fiż-ŻEE li fl-intrapriża tiegħu tkun saret l-aħħar ħidma jew ipproċessar, bil-kundizzjoni li l-prezz jinkludi l-valur tal-materjal kollu użat, li minnu tkun imnaqqsa kwalunkwe taxxa interna li tiġi, jew li tista’ tiġi, imħallsa lura meta l-prodott li jinkiseb jiġi esportat;

(g)     “il-valur tal-materjali” tfisser il-valur doganali fil-waqt tal-importazzjoni tal-materjali mhux oriġinarji użati, jew, jekk dan ma jkunx magħruf u ma jistax ikun aċċertat, l-ewwel prezz aċċertat imħallas għall-materjali fiż-ŻEE;

(h)     "il-valur tal-materjali oriġinarji" tfisser il-valur ta' dan il-materjal kif definit f'(g) applikat mutatis mutandis;

(i)      “il-valur miżjud” jitqies bħala l-prezz mill-fabbrika li minnu jitnaqqas il-valur doganali ta' kull wieħed mill-materjali inkorporati li joriġinaw fil-pajjiżi l-oħra msemmija fl-Artikolu 3 li għalihom hija applikabbli l-kumulazzjoni jew, fil-każijiet fejn il-valur doganali mhuwiex magħruf jew ma jistax jiġi aċċertat, l-ewwel prezz aċċertat li huwa mħallas għall-materjali fiż-ŻEE;

(j)      “kapitoli” jew “intestaturi” jfissru l-kapitoli u l-intestaturi (kodiċi b'erba' ċifri) użati fin-nomenklatura li tifforma s-Sistema Armonizzata ta’ Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni tal-Merkanzija, imsemmija f'dan il-Protokoll bħala “is-Sistema Armonizzata” jew “SA”;

(k)     "klassifikat" tfisser il-klassifikazzjoni ta’ prodott jew materjal taħt intestatura partikolari;

(l)      "konsenja" tfisser prodotti li jew ikunu ġew mibgħuta simultanjament minn esportatur wieħed lejn destinatarju wieħed jew ikunu koperti b’dokument tat-trasport wieħed li jkopri l-konsenja tagħhom mingħand l-esportatur lejn id-destinatarju jew, fin-nuqqas ta’ tali dokument, permezz ta' fattura waħda;

              (m)    "territorji" tinkludi l-ibħra territorjali.

TITOLU II

DEFINIZZJONI TAL-KUNĊETT TA' "PRODOTTI ORIĠINARJI"

Artikolu 2

Rekwiżiti ġenerali

1.        Bil-għan li jiġi implimentat il-Ftehim, il-prodotti segwenti jiġu kkunsidrati bħala oriġinarji miż-ŻEE:

              (a)      prodotti miksuba kompletament fiż-ŻEE skont it-tifsira tal-Artikolu 4;

(b)     prodotti miksuba fiż-ŻEE li jkun fihom materjali li ma jkunux ġew miksuba kompletament minn hemm, bil-kundizzjoni li tali materjali jkunu ġew maħduma jew ipproċessati biżżejjed fiż-ŻEE skont it-tifsira tal-Artikolu 5.

Għal dan il-għan, it-territorji tal-Partijiet Kontraenti li għalihom japplika dan il-Ftehim, jiġu kkunsidrati bħala territorju wieħed.

2.        Minkejja l-paragrafu 1, it-territorju tal-Prinċipat tal-Liechtenstein jiġi eskluż minn dak taż-ŻEE, sabiex tiġi ddeterminata l-oriġini tal-prodotti msemmija fit-Tabelli I u II ta' Protokoll 3 u dawn il-prodotti jitqiesu biss li huma oriġinarji miż-ŻEE jekk ikunu ġew miksuba kompletament jew maħduma jew ipproċessati biżżejjed fit-territorji tal-Partijiet Kontraenti l-oħra.

Artikolu 3

Kumulazzjoni djagonali ta’ oriġini

1.         Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2, il-prodotti jitqiesu bħala oriġinarji miż-ŻEE jekk dawn jinkisbu minn hemmhekk, u jinkorporaw materjali li joriġinaw mill-Isvizzera (inkluż il-Liechtenstein)[5], l-Islanda, in-Norveġja, il-Gżejjer Faeroe, it-Turkija, l-Unjoni Ewropea jew fi kwalunkwe pajjiż li huwa parteċipant fil-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni tal-Unjoni Ewropea[6], sakemm il-ħidma jew l-ipproċessar imwettqa jmorru lil hinn mill-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6. Mhux meħtieġ li dawn il-materjali jkunu ġew maħduma jew ipproċessati biżżejjed.

2.         Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2, il-prodotti jitqiesu bħala oriġinarji miż-ŻEE jekk dawn jinkisbu minn hemmhekk, u jinkorporaw materjali li joriġinaw fi kwalunkwe pajjiż li huwa parteċipant fis-Sħubija Ewro-Mediterranja, ibbażata fuq id-Dikjarazzjoni ta' Barċellona adottata waqt il-Konferenza Ewro-Mediterranja li saret fis-27 u t-28 ta' Novembru 1995, minbarra t-Turkija[7], sakemm il-ħidma jew l-ipproċessar imwettqa jmorru lil hinn mill-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6. Mhux meħtieġ li dawn il-materjali jkunu ġew maħduma jew ipproċessati biżżejjed.

3.         Fil-każ fejn il-ħidma jew l-ipproċessar imwettqa fiż-ŻEE ma jmorrux lil hinn mill-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6, il-prodott miksub jitqies bħala oriġinarju miż-ŻEE biss meta l-valur miżjud hemmhekk ikun akbar mill-valur tal-materjali użati li joriġinaw fi kwalunkwe pajjiż mill-pajjiżi msemmija fil-paragrafi 1 u 2. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-prodott miksub jitqies li joriġina mill-pajjiż li jkun responsabbli għall-ogħla valur ta' materjali oriġinarji użati fil-manifattura fiż-ŻEE.

4.         Il-prodotti, li joriġinaw f'wieħed mill-pajjiżi msemmija fil-paragrafi 1 u 2, li ma jkunu għaddew minn l-ebda ħidma jew ipproċessar fiż-ŻEE jżommu l-oriġini tagħhom jekk jiġu esportati f'wieħed minn dawn il-pajjiżi.

5.         Il-kumulazzjoni prevista f'dan l-Artikolu tista' tiġi applikata biss jekk:

(a)        ikun applikabbli ftehim kummerċjali preferenzjali skont l-Artikolu XXIV tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) bejn il-pajjiżi involuti fl-akkwist tal-istatus oriġinarju u l-pajjiż destinatarju;

(b)       il-materjali u l-prodotti jkunu kisbu status oriġinarju permezz tal-applikazzjoni ta' regoli ta' oriġini identiċi bħal dawk mogħtija f'dan il-Protokoll;

kif ukoll

(c)        l-avviżi li jindikaw it-twettiq tar-rekwiżiti neċessarji għall-applikazzjoni tal-kumulazzjoni jkunu ġew ippubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje C) u fil-Partijiet Kontraenti l-oħra skont il-proċeduri tagħhom stess.

Il-kumulazzjoni prevista f'dan l-Artikolu tapplika mid-data indikata fl-avviż ippubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (Serje C).

L-Unjoni Ewropea tipprovdi lill-Partijiet Kontraenti l-oħra, permezz tal-Kummissjoni Ewropa, b'dettalji dwar il-Ftehimiet, inklużi d-dati tagħhom ta' dħul fis-seħħ, u r-regoli ta' oriġini li jikkorrispondu għalihom, li huma applikati mal-pajjiżi l-oħra msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 4

Prodotti miksuba kompletament

1. Dawn li ġejjin jitqiesu bħala miksuba kompletament fiż-ŻEE:

(a)        prodotti minerali estratti mill-ħamrija tagħhom jew minn qiegħ il-baħar tagħhom;

(b)        prodotti veġetali maħsuda hemm;

(c)        annimali ħajjin li twieldu u trabbew hemm;

(d)        prodotti minn annimali ħajjin imrobbija hemm;

(e)        prodotti miksuba mill-kaċċa jew mis-sajd li jseħħu hemm;

(f)        prodotti tas-sajd fil-baħar u prodotti oħra meħuda mill-baħar lil hinn mill-ibħra territorjali tal-Partijiet Kontraenti permezz tal-bastimenti tagħhom;

(g)        prodotti magħmula fuq il-bastimenti fabbrika minn prodotti msemmija fi (f);

(h)        oġġetti użati miġbura hemmhekk tajbin biss għall-irkupru ta’ materja prima, inklużi tajers użati adattati biss biex jinbidlilhom il-wiċċ jew użati bħala skart;

(i)         skart u ruttam li jirriżulta minn operazzjonijiet ta’ manifattura mwettqa hemm;

(j)         prodotti estratti mill-ħamrija jew mis-saff ta’ taħt il-ħamrija marittima lil hinn mill-ibħra territorjali tagħhom, sakemm ikollhom id-drittijiet sabiex jaħdmu dik il-ħamrija jew is-saff ta’ taħt il-ħamrija;

(k)        oġġetti magħmula esklussivament hemmhekk mill-prodotti speċifikati fl-(a) sa (j).

2.         It-termini “il-bastimenti tagħhom” u “l-bastimenti fabbrika tagħhom” fil-paragrafu 1(f) u (g) japplikaw biss għall-bastimenti u l-bastimenti fabbrika:

(a)        li huma rreġistrati jew elenkati fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew fi Stat tal-EFTA;

(b)        li jbaħħru bil-bandiera ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta' Stat tal-EFTA;

(c)        li mill-inqas 50 % minnhom ikunu proprjetà ta' ċittadini ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta' Stat tal-Efta, jew ta' kumpanija li jkollha l-uffiċċju prinċipali tagħha f'wieħed minn dawn l-Istati, li l-maniġer jew maniġers, il-President tal-Bord tad-Diretturi jew tal-Bord Superviżorju, u l-maġġoranza tal-membri ta' dawn il-bordijiet ikunu ċittadini ta' Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta' Stat tal-EFTA u li minnhom, barra minn dan, fil-każ ta' soċjetajiet jew kumpaniji b'responsabbiltà limitata, mill-anqas nofs il-kapital ikun proprjetà ta’ dawk l-Istati jew ta’ entitajiet pubbliċi jew ta' ċittadini tal-Istati msemmija;

(d)       li l-kaptan u l-uffiċjali tagħhom ikunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta' Stat tal-EFTA;

kif ukoll

(e)        li mill-anqas 75 % tal-ekwipaġġ tagħhom ikunu ċittadini ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea jew ta' Stat tal-EFTA.

Artikolu 5

Prodotti maħduma jew ipproċessati biżżejjed

(1) Għall-finijiet tal-Artikolu 2, prodotti li ma jkunux miksuba kompletament huma meqjusa bħala prodotti li jkunu ġew maħduma jew ipproċessati biżżejjed meta jilħqu l-kundizzjonijiet stipulati fil-lista tal-Anness II.

Il-kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq jindikaw, għall-prodotti kollha koperti b'dan il-Ftehim, il-ħidma jew l-ipproċessar li għandu jitwettaq fuq materjali li mhumiex oriġinarji użati fil-manifattura u japplikaw biss għal dawn it-tipi ta' materjali. Għaldaqstant, jekk prodott li jkun kiseb status ta' oriġini billi jkun issodisfa l-kundizzjonijiet stipulati fil-lista jintuża fil-manifattura ta’ prodott ieħor, il-kundizzjonijiet applikabbli għall-prodott li fih jiġi inkorporat ma japplikawx għalih, u l-materjali mhux oriġinarji li setgħu ntużaw fil-manifattura tiegħu ma għandhomx jiġu meqjusa.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, materjal mhux oriġinarju li, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-lista fl-Anness II, ma għandux jintuża fil-manifattura ta’ prodott, jista' madankollu jintuża, bil-kundizzjoni li:

(a)        il-valur tiegħu totali ma jaqbiżx l-10 % tal-prezz mill-fabbrika tal-prodott;

(b)        l-ebda wieħed mill-perċentwali mogħtija fil-lista għall-valur massimu ta' materjal mhux oriġinarju ma jinqabeż bis-saħħa ta’ dan il-paragrafu.

Dan il-paragrafu ma japplikax għal prodotti li jaqgħu taħt il-Kapitoli 50 sa 63 tas-Sistema Armonizzata.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 japplikaw soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6.

Artikolu 6

Mhux maħduma jew ipproċessati biżżejjed

1.   Bla ħsara għall-paragrafu 2, l-operazzjonijiet li ġejjin jitqiesu bħala ħidma jew ipproċessar li mhumiex biżżejjed sabiex jikkonferixxu l-istatus ta’ prodotti oriġinarji, irrispettivament minn jekk jiġux issodisfati r-rekwiżiti tal-Artikolu 5:

(a)        operazzjonijiet ta’ preservazzjoni sabiex ikun żgurat li l-prodotti jibqgħu f’kundizzjoni tajba waqt it-trasport u l-ħażna;

(b)        tqassim u assemblaġġ ta’ pakketti;

(c)        ħasil, tindif; tneħħija ta’ trab, ossidu, żejt, żebgħa jew kisi ieħor;

(d)        mogħdija jew ippressar tat-tessuti;

(e)        operazzjonijiet sempliċi ta’ żebgħa u lostru;

(f)        ħruġ mill-fosdqa, ibbliċjar parzjali jew totali, illustrar, u gglejżjar ta' ċereali u ross;

(g)        operazzjonijiet biex jingħata l-kulur liz-zokkor jew sabiex jiġu ffurmati blokok żgħar taz-zokkor;

(h)        tqaxxir, tneħħija tal-għadma jew fsiq ta’ frott, ġewż u ħaxix;

(i)         tisnin, tħin sempliċi jew tqattigħ sempliċi;

(j)         tgħarbil, skrinjar, issortjar, klassifikazzjoni, gradazzjoni, tqabbil; (inkluż l-immuntar f'settijiet ta’ oġġetti);

(k)        tqegħid sempliċi fi fliexken, laned, fjasketti, boroż, kontenituri, kaxxi, twaħħil fuq kartun jew twavel u l-operazzjonijiet sempliċi l-oħra kollha ta’ ppakkjar;

(l)         twaħħil jew stampar ta’ marki, tikketti, logos u sinjali oħra simili ta’ distinzjoni fuq il-prodotti jew l-imballaġġ tagħhom;

(m)       taħlit sempliċi ta' prodotti, kemm jekk ta' tipi differenti kemm jekk le;

(n)        taħlit ta' zokkor ma’ kwalunkwe materjal;

(o)        assemblar sempliċi ta’ partijiet ta’ oġġetti sabiex jagħmlu prodott sħiħ jew żarmar ta’ prodotti f’partijiet;

(p)        tagħqid ta' żewġ operazzjonijiet jew aktar speċifikati f'(a) sa (o);

(q)        tbiċċir ta’ annimali.

2.   L-operazzjonijiet kollha li jitwettqu fiż-ŻEE fuq prodott partikolari jitqiesu flimkien meta jkun qed jiġi stabbilit jekk il-ħidma jew l-ipproċessar li jkun għadda minnhom dak il-prodott għandhomx jitqiesu bħala insuffiċjenti skont it-tifsira tal-paragrafu 1.

Artikolu 7

Unità ta’ kwalifika

(1) L-unità ta' kwalifika għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoniijiet ta' dan il-Protokoll għandha tkun il-prodott partikolari li huwa meqjus bħala l-unità bażika fid-determinazzjoni tal-klassifikazzjoni bl-użu tan-nomenklatura tas-Sistema Armonizzata.

Għaldaqstant:

(a)        meta prodott li jkun magħmul minn grupp jew numru ta' oġġetti jiġi kklassifikat skont it-termini tas-Sistema Armonizzata taħt intestatura waħda, dan jifforma unità ta’kwalifikazzjoni kollu kemm hu;

(b)        meta konsenja tkun magħmula minn numru ta’ prodotti identiċi klassifikati taħt l-istess intestatura tas-Sistema Armonizzata, kull prodott irid jitqies b’mod individwali fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll.

2. Skont ir-Regola Ġenerali 5 tas-Sistema Armonizzata meta l-imballaġġ ikun inkluż mal-prodott għall-finijiet ta’ klassifikazzjoni, għandu jkun inkluż għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-oriġini.

Artikolu 8

Aċċessorji, parts u għodod

Aċċessorji, parts u għodod mibgħuta ma' biċċa tagħmir, makkinarju, apparat jew vettura, li jagħmlu parti mit-tagħmir normali u inklużi fil-prezz tiegħu jew li ma tkunx inħarġitilhom fattura separata, jitqiesu bħala ħaġa waħda mat-tagħmir, il-makkinarju, l-apparat jew il-vettura kkonċernata.

Artikolu 9

Settijiet

Settijiet, kif inhuma definiti fir-Regola Ġenerali 3 tas-Sistema Armonizzata, jitqiesu bħala oriġinarji meta l-komponenti kollha jkunu oriġinarji. Madanakollu, meta s-sett huwa magħmul mill-prodotti oriġinarji jew mhux oriġinarji, is-sett kollu kemm hu jitqies bħala oriġinarju, sakemm il-valur tal-prodotti mhux oriġinarji ma jaqbiżx il-15 % tal-prezz mill-fabbrika tas-sett.

Artikolu 10

Elementi newtrali

Sabiex ikun iddeterminat jekk prodott huwiex oriġinarju, mhux meħtieġ li tiġi ddeterminata l-oriġini ta’ dawn li ġejjin, li jistgħu jintużaw fil-manifattura tiegħu:

(a)    enerġija u fjuwil;

(b)    impjant u tagħmir;

(c)    makkinarju u għodod;

(d)    oġġetti li ma jidħlux u li mhumiex intenzjonati li jidħlu fil-kompożizzjoni finali tal-prodott.

TITOLU III

REKWIŻITI TERRITORJALI

Artikolu 11

Prinċipju ta’ territorjalità

1.   Ħlief kif previst fl-Artikolu 3 u l-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-kundizzjonijiet sabiex jinkiseb status oriġinarju stipulati fit-Titolu II iridu jiġu ssodisfati mingħajr interruzzjoni fiż-ŻEE.

2.   Ħlief kif previst fl-Artikolu 3, meta oġġetti oriġinarji esportati miż-ŻEE lejn pajjiż ieħor jiġu lura, dawn għandhom jitqiesu bħala mhux oriġinarji, sakemm ma jkunx jista’ jintwera għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet doganali li:

(a)        l-oġġetti li ġew lura ikunu l-istess bħal dawk li ġew esportati;

kif ukoll

(b)        ma jkunu għaddew minn ebda operazzjoni lil hinn minn dik meħtieġa sabiex jibqgħu preservati f'kundizzjoni tajba waqt li kienu f'dak il-pajjiż jew waqt l-esportazzjoni.

3.   Il-kisba tal-istatus oriġinarju skont il-kundizzjonijiet stipulati fit-Titolu II ma għandhiex tiġi effettwata minn ħidma jew ipproċessar li jsir lil hinn miż-ŻEE fuq materjali esportati miż-ŻEE u li wara jiġu importati hemm mill-ġdid, sakemm:

(a)        il-materjali msemmija jkunu miksuba kompletament fiż-ŻEE jew tkun saritilhom ħidma jew ipproċessar li jmur lil hinn mill-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6 qabel ma ġew esportati;

kif ukoll

(b)        jista' jintwera b'mod li jissodisfa lill-awtoritajiet doganali li:

(i)         l-oġġetti li ġew importati mill-ġdid inkisbu billi nħadmu jew ġew ipproċessati l-materjali esportati;

kif ukoll

(ii)       il-valur miżjud totali li nkiseb lil hinn miż-ŻEE bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu ma jkunx jaqbeż l-10 % tal-prezz mill-fabbrika tal-prodott finali li għalih ikun intalab l-istatus oriġinarju.

4.   Għall-finijiet tal-paragrafu 3, il-kundizzjonijiet għall-akkwist tal-istatus oriġinarju stipulati fit-Titolu II ma japplikawx għal ħidma jew ipproċessar li jkun sar lil hinn miż-ŻEE. Madankollu, fil-każ li, fil-lista tal-Anness II, tiġi applikata regola li tistipula valur massimu għall-materjali kollha li mhumiex oriġinarji inkorporati sabiex jiġi ddeterminat l-istatus oriġinarju tal-prodott finali, il-valur totali tal-materjali li mhumiex oriġinarji nkorporati fit-territorju tal-parti kkonċernata, meħud flimkien mal-valur totali akkwistat lil hinn miż-ŻEE billi jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta' dan l-Artikolu, ma jaqbżux il-perċentwali ddikjarata.

5.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 3 u 4, "valur miżjud totali" tfisser l-ispejjeż kollha li jinqalgħu lil hinn miż-ŻEE, inkluż il-valur tal-materjali inkorporati hemm.

6.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 3 u 4 ma japplikawx għal prodotti li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stipulati fil-lista fl-Anness II jew li jistgħu jitqiesu maħduma jew ipproċessati biżżejjed fil-każ biss li tiġi applikata t-tolleranza ġenerali stabbilita fl-Artikolu 5(2).

7.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 3 u 4 ma japplikawx għal prodotti tal-Kapitoli 50 sa 63 tas-Sistema Armonizzata.

8.   Kwalunkwe ħidma jew ipproċessar tat-tip kopert b'dan l-Artikolu u magħmula lil hinn miż-ŻEE jsiru skont l-arranġamenti ta’ proċessar passiv, jew arranġamenti simili.

Artikolu 12

Trasport dirett

(1) It-trattament preferenzjali previst bil-Ftehim japplika biss għal prodotti li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dan il-Protokoll, li huma trasportati direttament fiż-ŻEE jew madwar it-territorji tal-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3 li għalihom hija applikabbli l-akkumulazzjoni. Madankollu, prodotti li jikkostitwixxu konsenja waħda jistgħu jiġu trasportati minn territorji oħra billi, jekk ikun il-każ, jiġu trasbordati jew maħżuna temporanjament f’dawn it-territorji, bil-kundizzjoni li jibqgħu taħt is-sorveljanza tal-awtoritajiet doganali fil-pajjiż fejn isir it-tranżitu jew il-ħażna u ma jsirux operazzjonijiet fuqhom għajr ħatt, tagħbija jew kwalunkwe operazzjoni maħsuba sabiex dawn jibqgħu preservati f’kundizzjoni tajba.

Prodotti oriġinarji jistgħu jiġu trasportati permezz ta' pajp li jgħaddi minn territorju li mhuwiex fiż-ŻEE.

2.   Evidenza li l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 ikunu ġew issodisfati għandha tkun fornita lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur billi jiġi pprovdut:

(a)         dokument wieħed tat-trasport li jkopri l-passaġġ mill-pajjiż esportatur għall-pajjiż tat-tranżitu; jew

(b)         ċertifikat maħruġ mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż tat-tranżitu:

(i)         li jagħti deskrizzjoni eżatta tal-prodotti;

(ii)        li jiddikjara d-dati tal-ħatt u tat-tagħbija mill-ġdid tal-prodotti u, fejn applikabbli, l-ismijiet tal-bastimenti, jew tal-mezzi l-oħra tat-trasport użati;

kif ukoll

(iii)       li jiċċertifika l-kundizzjonijiet li fihom il-prodotti jkunu baqgħu fil-pajjiż tat-tranżitu; jew

(c)        fin-nuqqas ta' dawn, kwalunkwe dokument ieħor ta’ sostenn.

Artikolu 13

Wirjiet

1.   Prodotti oriġinarji, mibgħuta għall-wiri f’pajjiż ieħor għajr dawk imsemmija fl-Artikolu 3 li għalihom hija applikabbli l-kumulazzjoni u li jinbiegħu wara l-wirja sabiex jiġu importati fiż-ŻEE, fil-mument tal-importazzjoni jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim sakemm jiġi muri għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet doganali li:

(a)        esportatur ikun ikkonsenja dawn il-prodotti minn wieħed mill-Partijiet Kontraenti għall-pajjiż li fih tkun qed issir il-wirja u li jkun urihom hemm;

(b)        il-prodotti jkunu nbiegħu jew b'xi mod ieħor ikunu ngħataw mingħand dan l-esportatur lil persuna f'Parti Kontraenti oħra;

(c)        il-prodotti jkunu ġew ikkonsenjati matul il-wirja jew eżatt wara fl-istat li fih dawn ikunu ntbagħtu għall-wirja;

kif ukoll

(d)       minn meta ġew ikkonsenjati għall-wirja l-prodotti ma jkunux intużaw għal xi skop għajr dak ta’ esibizzjoni fil-wirja.

2.   Prova ta' oriġini tinħareġ jew tkun magħmula skont id-disposizzjonijiet tat-Titolu V u ppreżentata lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur b'mod normali. L-isem u l-indirizz tal-wirja jkunu indikati fuqha. Fejn meħtieġ, tista' tintalab evidenza dokumentata addizzjonali tal-kundizzjonijiet li fihom il-prodotti kienu ġew eżebiti.

3.   Il-paragrafu 1 japplika għal kwalunkwe wirja kummerċjali, industrijali, agrikola jew tal-artiġġjanat, fiera jew esibizzjoni jew wirja pubblika simili li ma tkunx organizzata għal skopijiet privati fi ħwienet jew postijiet ta’ negozju bil-għan ta’ bejgħ ta’ prodotti barranin, u li matulha l-prodotti jibqgħu taħt kontroll doganali.

TITOLU IV

RIFUŻJONI JEW EŻENZJONI

Artikolu 14

Projbizzjoni ta' rifużjoni ta' dazji doganali jew eżenzjoni minnhom

1.   Materjali li mhumiex oriġinarji użati fil-manifattura ta' prodotti li joriġinaw fiż-ŻEE jew f'wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3 li għalihom tinħareġ jew issir prova ta' oriġini skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu V ma jkunux soġġetti fi kwalunkwe Parti Kontraenti għal rifużjoni ta', jew eżenzjoni minn, dazji doganali ta' kwalunkwe tip.

2.   Il-projbizzjoni fil-paragrafu 1 tapplika għal kull arranġament għal rifużjoni, remissjoni jew nuqqas, parzjali jew sħiħ tal-ħlas tad-dazji jew imposti doganali b'effett ekwivalenti, applikabbli fi kwalunkwe Parti Kontraenti għal materjali użati fil-manifattura, fejn japplikaw tali rifużjoni, remissjoni jew nuqqas  ta' ħlas, espressament jew effettivament, meta l-prodotti miksuba mill-materjali msemmija jiġu esportati u mhux meta jinżammu hemmhekk għall-użu domestiku.

3.   L-esportatur ta' prodotti li huma koperti bi prova ta' oriġini jkun lest li jippreżentaw fi kwalunkwe mument, fuq talba tal-awtoritajiet doganali, id-dokumenti xierqa kollha li jagħtu prova li ma tkun inkisbet l-ebda rifużjoni fir-rigward ta' materjal mhux oriġinarju użat fil-manifattura tal-prodotti kkonċernati u li d-dazji jew l-imposti doganali kollha b'effett ekwivalenti applikabbli għal dawn it-tipi ta' materjali jkunu fil-fatt ġew imħallsa.

4.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 3 japplikaw ukoll fir-rigward tal-imballaġar skont l-Artikolu 7(2), aċċessorji, parts u għodod skont l-Artikolu 8 u l-prodotti f'sett skont l-Artikolu 9 meta dawn it-tipi ta' oġġetti ma jkunux oriġinarji.

5.   Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 4 japplikaw biss fir-rigward ta' materjali li huma tat-tip li għalihom japplika l-Ftehim. Barra minn hekk, ma għandhomx jipprekludu l-applikazzjoni ta' sistema ta' rifużjoni fuq l-esportazzjoni għal prodotti agrikoli, applikabbli fil-mument tal-esportazzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim.

TITOLU V

PROVA TA’ ORIĠINI

Artikolu 15

Rekwiżiti ġenerali

1.   Prodotti oriġinarji, fil-mument ta’ importazzjoni f'waħda mill-Partijiet Kontraenti, jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim hekk kif titressaq waħda minn dawn il-provi ta' oriġini li ġejjin:

(a)        ċertifikat ta' moviment EUR 1, li eżempju tiegħu jidher fl-Anness IIIa;

(b)        ċertifikat ta' moviment EUR-MED, li eżempju tiegħu jidher fl-Anness IIIb;

(c)        fil-każijiet speċifikati fl-Artikolu 21(1), dikjarazzjoni, minn hawn 'il quddiem imsejħa bħala id-"dikjarazzjoni fuq fattura" jew id-"dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED", mogħtija mingħand l-esportatur fuq fattura, nota tal-konsenja jew kwalunkwe dokument kummerċjali ieħor li jiddeskrivi l-prodotti kkonċernati f'dettal suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati; it-testi tad-dikjarazzjonijiet tal-fatturi jidhru fl-Annessi IVa u b.

2.   Minkejja l-paragrafu 1, prodotti oriġinarji skont it-tifsira ta' dan il-Protokoll, fil-każijiet speċifikati fl-Artikolu 26, jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet tal-Ftehim mingħajr il-ħtieġa li jiġi ppreżentat kwalunkwe wieħed mill-provi ta' oriġini msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 16

Proċedura għall-ħruġ ta' ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED

1.   Ċertifikat ta' moviment EUR 1 jew EUR-MED jinħareġ mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż esportatur fil-mument li l-applikazzjoni tkun saret bil-miktub mingħand l-esportatur jew, taħt ir-responsabbiltà tal-esportatur, mir-rappreżentant awtorizzat tiegħu.

2.   Għal dan l-għan, l-esportatur jew ir-rappreżentant awtorizzat tiegħu għandu jimla' kemm iċ-ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED kif ukoll il-formola tal-applikazzjoni, li eżempji tagħhom jidhru fl-Annessi IIIa u b. Dawn il-formoli jimtlew f'waħda mill-lingwi li fihom tfassal dan il-Ftehim u skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tal-pajjiż esportatur. Jekk il-formoli jkunu bil-miktub, jimtlew bil-linka b'karattri stampati. Id-deskrizzjoni tal-prodotti tingħata fil-kaxxa riżervata għal dan il-għan mingħajr ma jitħallew ebda linji vojta. Meta l-kaxxa ma tkunx mimlija għalkollox, tinqata' linja orizzontali taħt l-aħħar deskrizzjoni u l-ispazju vojt għandu jiġi ingassat.

3.   L-esportatur li japplika għall-ħruġ ta' ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED ikun lest li fi kwalunkwe waqt jippreżenta, fuq talba tal-awtoritajiet doganali tal-pajjiż esportatur li minnu jkun inħareġ iċ-ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED, id-dokumenti xierqa kollha sabiex jagħti prova tal-istatus oriġinarju tal-prodotti kkonċernati kif ukoll dwar it-twettieq tar-rekwiżiti l-oħra ta' dan il-Protokoll.

4.   Bla ħsara għall-paragrafu 5, ċertifikat ta' moviment EUR.1 jinħareġ mill-awtoritajiet doganali tal-Parti Kontraenti fil-każijiet li ġejjin:

– jekk il-prodotti kkonċernati jistgħu jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw fiż-ŻEE jew f'wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3(1) u li għalihom hija applikabbli l-kumulazzjoni, mingħajr l-applikazzjoni tal-kumulazzjoni fuq materjali li joriġinaw f'wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3(2), u jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra ta' dan il-Protokoll,

– jekk il-prodotti kkonċernati jistgħu jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw f'wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3(2) li għalihom hija applikabbli l-kumulazzjoni, mingħajr applikazzjoni tal-kumulazzjoni fuq materjali li joriġinaw f'wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3, u jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra ta' dan il-Protokoll, bil-kundizzjoni li ċ-ċertifikat EUR-MED jew id-dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED ikunu nħarġu fil-pajjiż tal-oriġini.

5.   Ċertifikat ta' moviment EUR-MED jinħareġ mill-awtoritajiet doganali ta' Parti Kontraenti, jekk il-prodotti kkonċernati jistgħu jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw fiż-ŻEE jew f'wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3 li għalihom hija applikabbli l-kumulazzjoni, u jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra ta' dan il-Protokoll u:

– il-kumulazzjoni tkun ġiet applikata għall-materjali li joriġinaw f'wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3(2), jew

– il-prodotti jistgħu jintużaw bħala materjali fil-kuntest tal-kumulazzjoni għall-manifattura ta' prodotti għall-esportazzjoni lejn wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3(2), jew

– il-prodotti jistgħu jiġu esportati mill-ġdid mill-pajjiż destinatarju lejn wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3(2).

6.    Ċertifikat ta' moviment EUR-MED ikollu fih waħda mid-dikjarazzjonijiet li ġejjin bl-Ingliż fil-kaxxa 7:

– jekk l-oriġini tkun inkisbet permezz tal-applikazzjoni tal-kumulazzjoni fir-rigward ta' materjali li joriġinaw f'wieħed jew aktar mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3:

“CUMULATION APPLIED WITH ………” (isem tal-pajjiż/pajjiżi)

– jekk l-oriġini tkun inkisbet mingħajr l-applikazzjoni tal-kumulazzjoni fir-rigward ta' materjali li joriġinaw f'wieħed jew aktar mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3:

“NO CUMULATION APPLIED”

7.   L-awtoritajiet doganali li joħorġu ċ-ċertifikati ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED jieħdu l-passi kollha  meħtieġa sabiex jivverifikaw l-istatus oriġinarju tal-prodotti u li jiġu ssodisfati r-rekwiżiti l-oħra ta' dan il-Protokoll. Għal dan il-għan, huma għandhom id-dritt li jsejħu kwalunkwe evidenza u jwettqu kwalunkwe spezzjoni tal-kontijiet tal-esportatur jew kwalunkwe kontroll ieħor meqjus xieraq. Huma jiżguraw ukoll li l-formoli msemmija fil-paragrafu 2 jimtlew kif suppost. B’mod partikolari, huma jikkontrollaw jekk l-ispazju riżervat għad-deskrizzjoni tal-prodotti jkunx imtela b’tali mod li tiġi eskluża kull possibilità ta’ żidiet qarrieqa.

8.   Id-data ta' ħruġ taċ-ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED tkun indikata fil-Kaxxa 11 taċ-ċertifikat.

9.   Ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED jinħareġ mill-awtoritajiet doganali u jkun disponibbli għall-esportatur hekk kif l-esportazzjoni nnifisha tkun seħħet jew tiġi żgurata.

Artikolu 17

Ċertifikati ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED maħruġa retrospettivament

1.   Minkejja l-Artikolu 16(9), ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED jista' jinħareġ b'mod eċċezzjonali wara l-esportazzjoni tal-prodotti relatati miegħu jekk:

(a)        ma kienx maħruġ fil-ħin tal-esportazzjoni minħabba żbalji jew ommissjonijiet involontarji jew ċirkustanzi speċjali;

jew

(b)        jintwera għas-sodisfazzjoni tal-awtoritajiet doganali li kien inħareġ ċertifikat ta’ moviment EUR.1 jew EUR-MED iżda li ma kienx ġie aċċettat fil-mument tal-importazzjoni minħabba raġunijiet tekniċi.

2.   Minkejja dak li hemm fl-Artikolu 16(9), ċertifikat ta' moviment EUR-MED jista' jinħareġ wara l-esportazzjoni tal-prodotti relatati miegħu u li għalihom inħareġ ċertifikat ta' moviment EUR.1 fil-mument tal-esportazzjoni, bil-kundizzjoni li jintwera għas-sodisfazzjoni tal-awtoritajiet doganali li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 16(5) ikunu ġew issodisfati.

3.   Għall-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, l-esportatur irid jindika fl-applikazzjoni tiegħu l-post u d-data tal-esportazzjoni tal-prodotti relatati maċ-ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED, u jiddikjara r-raġunijiet għat-talba tiegħu.

4.   L-awtoritajiet doganali jistgħu joħorġu ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED retrospettivament biss wara li jkunu vverifikaw li l-informazzjoni mogħtija fl-applikazzjoni tal-esportatur taqbel ma' dik tal-fajl korrispondenti.

5.   Ċertifikati ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED maħruġa retrospettivament jiġu approvati b'din il-frażi bl-Ingliż:

"ISSUED RETROSPECTIVELY'

Ċertifikati ta' moviment EUR-MED maħruġa retrospettivament bl-applikazzjoni tal-paragrafu 2 jiġu approvati b'din il-frażi bl-Ingliż:

ISSUED RETROSPECTIVELY (Original EUR.1 No …......[data u post tal-ħruġ]

6.   L-approvazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 tiddaħħal fil-kaxxa 7 taċ-ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED.

Artikolu 18

Ħruġ ta' ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED duplikat.

1.   F'każ ta’ serq, telf jew qerda ta’ ċertifikat ta’ moviment EUR.1, l-esportatur jista’ japplika mal-awtoritajiet doganali li jkunu ħarġu ċ-ċertifikat għal kopja magħmula fuq il-bażi tad-dokumenti ta’ esportazzjoni fil-pussess tagħhom.

2.   Il-kopja maħruġa b'dan il-mod tiġi approvata b'din il-kelma bl-Ingliż li ġejja:

“DUPLICATE”

3.   L-approvazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 tiddaħħal fil-kaxxa 7 tal-kopja taċ-ċertifikat tal-moviment EUR.1 jew EUR-MED.

4.   Il-kopja, li jrid ikollha d-data ta' ħruġ taċ-ċertifikat oriġinali ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED, tidħol fis-seħħ minn dik id-data.

Artikolu 19

Ħruġ ta' ċertifikati ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED abbażi ta’ prova ta' oriġini maħruġa jew magħmula preċedentement

Meta prodotti oriġinarji jitqiegħdu taħt il-kontroll ta’ uffiċċju doganali fil-Partijiet Kontraenti, jkun possibbli li l-prova ta' oriġini oriġinali tiġi sostitwita b'ċertifikat wieħed jew aktar ta’ moviment EUR.1 jew EUR-MED bil-għan li dawn il-prodotti kollha jew uħud minnhom jintbagħtu x’imkien ieħor fiż-ŻEE. Iċ-ċertifikat(i) sostitwit(i) ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED jinħareġ/jinħarġu mill-uffiċċju doganali li taħt il-kontroll tiegħu jkunu tqiegħdu l-prodotti.

Artikolu 20

Segregazzjoni kontabilistika

1.   Meta jinqalgħu spejjeż jew diffikultajiet materjali konsiderevoli fiż-żamma ta’ stokks separati ta’ materjali oriġinarji u mhux oriġinarji li huma identiċi u li jistgħu jieħdu post xulxin, l-awtoritajiet doganali jistgħu, fuq talba bil-miktub mingħand dawk ikkonċernati, jawtorizzaw l-użu tal-metodu hekk-imsejjaħ "segregazzjoni kontabilistika" (minn issa 'l quddiem il-"metodu") fil-ġestjoni ta’ dawn l-istokks.

2.   Il-metodu jrid ikun kapaċi jiżgura li, għal perjodu ta' referenza speċifiku, in-numru ta' prodotti miksuba li jistgħu jitqiesu bħala “oriġinarji” huwa  l-istess bħal dak li kien jinkiseb li kieku kien hemm segregazzjoni fiżika tal-istokks

3.   L-awtoritajiet doganali jistgħu jagħtu l-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, skont kwalunkwe kundizzjoni li titqies xierqa.

4.   Il-metodu jiġi applikat u fuq l-applikazzjoni tiegħu tiġi rreġistrata, abbażi tal-prinċipji ġenerali tal-kontabilità applikabbli fil-pajjiż, fejn il-prodott ikun ġie mmanifatturat.

5.   Il-benefiċjarju tal-metodu jista' jagħmel il-provi ta' oriġini jew japplika għalihom, skont il-każ, għall-kwantità ta' prodotti li jistgħu jitqiesu oriġinarji. Fuq it-talba tal-awtoritajiet doganali, il-benefiċjarju jipprovdi dikjarazzjoni dwar il-ġestjoni tal-kwantitajiet.

6.   L-awtoritajiet doganali jissorveljaw l-użu li sar mill-awtorizzazzjoni u jistgħu jirtirawha meta l-benefiċjarju jagħmel użu li mhuwiex xieraq mill-awtorizzazzjoni fi kwalunkwe mod possibbli jew jonqos milli jissodisfa kwalunkwe kundizzjoni oħra stipulata f'dan il-Protokoll.

Artikolu 21

Kundizzjonijiet għat-tfassil ta' dikjarazzjoni fuq fattura jew ta' dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED

1.   Dikjarazzjoni fuq fattura jew dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED kif imsemmija fl-Artikolu 15(1)(c) tista' titfassal:

(a)        minn esportatur approvat skont l-Artikolu 22;

jew

(b)        minn kull esportatur għal kwalunkwe konsenja li tikkonsisti f’pakkett wieħed jew aktar li jkun fihom prodotti oriġinarji li l-valur totali tagħhom ma jaqbiżx is-EUR 6000.

2.   Bla ħsara għall-paragrafu 3, dikjarazzjoni fuq fattura tista' titfassal fil-każijiet li ġejjin:

– jekk il-prodotti kkonċernati jistgħu jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw fiż-ŻEE jew f'wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3(1) li għalihom hija applikabbli l-kumulazzjoni, mingħajr l-applikazzjoni tal-kumulazzjoni fuq materjali li joriġinaw f'wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3(2), u jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra ta' dan il-Protokoll;

– jekk il-prodotti kkonċernati jistgħu jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw f'wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3(2) li għalihom hija applikabbli l-kumulazzjoni, mingħajr l-applikazzjoni tal-kumulazzjoni fuq materjali li joriġinaw f'wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3 u jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra ta' dan il-Protokoll, bil-kundizzjoni li ċ-ċertifikat EUR-MED jew id-dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED ikunu nħarġu fil-pajjiż tal-oriġini.

3.   Dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED tista' ssir jekk il-prodotti kkonċernati jistgħu jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw fiż-ŻEE jew f'wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3 li għalihom hija applikabbli l-kumulazzjoni, u li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dan il-Protokoll u:

– il-kumulazzjoni tkun ġiet applikata għall-materjali li joriġinaw f'wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3(2), jew

– il-prodotti jistgħu jintużaw bħala materjali fil-kuntest tal-kumulazzjoni għall-manifattura ta' prodotti li huma għall-esportazzjoni lejn wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3(2),

jew

– il-prodotti jistgħu jiġu esportati mill-ġdid mill-pajjiż destinatarju lejn wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3(2).

4.   Dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED jkun fiha waħda minn dawn id-dikjarazzjonijiet bl-Ingliż li ġejjin:

– jekk l-oriġini tkun inkisbet permezz tal-applikazzjoni tal-kumulazzjoni fir-rigward ta' materjali li joriġinaw f'wieħed jew aktar mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3:

“CUMULATION APPLIED WITH ………” (isem tal-pajjiż/pajjiżi)

– jekk l-oriġini tkun inkisbet permezz tal-applikazzjoni tal-kumulazzjoni għall-materjali li joriġinaw f'wieħed jew aktar mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3:

“NO CUMULATION APPLIED”.

5.   L-esportatur li jimla dikjarazzjoni fuq fattura jew dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED jkun lest li jippreżenta fi kwalunkwe waqt, fuq talba tal-awtoritajiet doganali tal-pajjiż esportatur, id-dokumenti kollha xierqa li jagħtu prova tal-istatus oriġinarju tal-prodotti kkonċernati kif ukoll li qegħdin jiġu ssodisfati r-rekwiżiti l-oħra ta' dan il-Protokoll.

6.   Dikjarazzjoni fuq fattura jew dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED issir mill-esportatur billi jittajpja, jistampa jew jittimbra fuq il-fattura, in-nota tal-konsenja jew kwalunkwe dokument kummerċjali ieħor, id-dikjarazzjoni, li t-testi tagħhom jidhru fl-Annessi IVa u b, bl-użu ta' waħda mill-verżjonijiet lingwistċi stipulati f'dawn l-Annessi u skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tal-pajjiż esportatur. Jekk id-dikjarazzjoni tkun bil-miktub, tinkiteb bil-linka b’karattri stampati.

7.   Id-dikjarazzjonijiet fuq fattura jew id-dikjarazzjonijiet fuq fattura EUR-MED ikollhom il-firma oriġinali magħmula bil-miktub mill-esportatur. Madankollu, esportatur approvat skont l-Artikolu 22 mhuwiex meħtieġ li jiffirma dawn it-tipi ta’ dikjarazzjonijiet sakemm ikun ipprovda lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż esportatur b'impenn bil-miktub li fih huwa jaċċetta li jieħu r-responsabbiltà kollha għal kwalunkwe dikjarazzjoni fuq fattura li tidentifikah bħala li kienet iffirmata minnu bil-miktub.

8.   Dikjarazzjoni fuq fattura jew dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED tista' ssir mill-esportatur fil-mument tal-esportazzjoni tal-prodotti relatati magħha, jew wara l-esportazzjoni bil-kundizzjoni li din tiġi ppreżentata fil-pajjiż importatur sa mhux aktar tard minn sentejn wara l-importazzjoni tal-prodotti relatati magħha.

Artikolu 22

Esportatur approvat

1.   L-awtoritajiet doganali tal-pajjiż esportatur jistgħu jawtorizzaw lil kwalunkwe esportatur (minn issa 'l quddiem “l-esportatur approvat”), li jagħmel konsenji spissi ta' prodotti li jaqgħu taħt il-Ftehim li jimla dikjarazzjonijiet fuq fattura jew dikjarazzjonijiet fuq fattura EUR-MED irrispettivament mill-valur tal-prodotti kkonċernati. Esportatur li jkun irid din it-tip ta’ awtorizzazzjoni joffri, għas-sodisfazzjoni tal-awtoritajiet doganali, il-garanziji kollha meħtieġa sabiex dawn jivverifikaw l-istatus oriġinarju tal-prodotti kif ukoll li qegħdin jiġu ssodisfati r-rekwiżiti l-oħra ta' dan il-Protokoll.

2.    L-awtortajiet doganali jistgħu jagħtu l-istatus ta’ esportatur approvat skont kwalunkwe kundizzjoni li huma jqisu xierqa.

3.    L-awtoritajiet doganali jagħtu lill-esportatur approvat numru ta' awtorizzazzjoni doganali li jkun jidher fuq id-dikjarazzjoni tal-fattura jew fid-dikjarazzjoni tal-fattura EUR-MED.

4.    L-awtoritajiet doganali jissorveljaw l-użu tal-awtorizzazzjoni mill-esportatur approvat.

5.    L-awtoritajiet doganali jistgħu jirtiraw l-awtorizzazzjoni fi kwalunkwe waqt. Huma jagħmlu dan meta l-esportatur approvat ma joffrix iżjed il-garanziji msemmija fil-paragrafu 1, ma jissodisfax aktar il-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2 jew inkella jkun qed jagħmel użu skorrett mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 23

Validità tal-prova ta' oriġini

1.     Prova ta' oriġini tibqa' valida għal erba' xhur mid-data tal-ħruġ fil-pajjiż esportatur u tkun ippreżentata matul il-perjodu msemmi lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur.

2.    Provi ta’ oriġini li jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur wara d-data finali għall-preżentazzjoni speċifikata fil-paragrafu 1 jistgħu jiġu aċċettati bil-għan li jiġi applikat trattament preferenzjali, f'każi fejn in-nuqqas ta’ preżentazzjoni ta’ dawn id-dokumenti sad-data finali stabbilita jkun dovut għal ċirkostanzi eċċezzjonali.

3.    F’każijiet oħrajn ta’ preżentazzjoni li tkun saret tard, l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż tal-importazzjoni jistgħu jaċċettaw il-provi ta' oriġini meta l-oġġetti jkunu ġew ippreżentati lilhom qabel id-data finali msemmija.

Artikolu 24

Preżentazzjoni ta' prova ta' oriġini

Il-provi ta' oriġini jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż tal-importazzjoni skont il-proċeduri applikabbli f’dak il-pajjiż. L-awtoritajiet imsemmija jistgħu jitolbu traduzzjoni tal-prova ta' oriġini u jistgħu jitolbu wkoll li d-dikjarazzjoni ta' importazzjoni tkun akkumpanjata b'dikjarazzjoni mingħand l-importatur li fiha jiddikjara li l-prodotti jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa għall-implementazzjoni tal-Ftehim.

Artikolu 25

Importazzjoni gradwali

Meta, fuq talba tal-importatur u skont il-kundizzjonijiet stipulati mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur, prodotti żarmati jew mhux armati skont ir-Regola Ġenerali 2(a) tas-Sistema Armonizzata li jaqgħu taħt it-Taqsimiet XVI u XVII jew l-intestaturi 7308 u 9406 tas-Sistema Armonizzata jiġu importati gradwalment, prova waħda ta' oriġini għal dawn il-prodotti tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet doganali hekk kif issir l-importazzjoni tal-ewwel konsenja.

Artikolu 26

Eżenzjonijiet minn prova ta' oriġini

1.    Il-prodotti mibgħuta bħala pakketti żgħar minn persuni privati lil persuni privati jew li jagħmlu parti mill-bagalji personali ta' vjaġġaturi jkunu ammessi bħala prodotti oriġinarji mingħajr il-ħtieġa tal-preżentazzjoni ta' prova ta' oriġini, sakemm dawn il-prodotti ma jkunux importati bi ħsieb ta' kummerċ u jkunu ġew iddikjarati li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta' dan il-Protokoll u meta ma jkun hemm l-ebda dubju dwar il-verità ta' din id-dikjarazzjoni. Fil-każ ta' prodotti mibgħuta bil-posta, din id-dikjarazzjoni tista' ssir fuq id-dikjarazzjoni doganali NM22/NM23 jew fuq karta mehmuża ma' dan id-dokument.

2.   Importazzjonijiet li ma jkunux regolari u li jikkonsistu biss minn prodotti li huma għall-użu personali tad-destinatarji jew tal-vjaġġaturi jew tal-familji tagħhom ma jitqiesux bħala importazzjonijiet bi skop kummerċjali jekk ikun evidenti min-natura u l-kwantità tal-prodotti li ma hemm ebda skop kummerċjali.

3.   Barra minn hekk, il-valur totali ta' dawn il-prodotti m'għandux jaqbeż il-EUR 500 fil-każ ta' pakketti żgħar jew Eur 1200 fil-każ ta' prodotti li jagħmlu parti mill-bagalji personali ta' vjaġġaturi.

Artikolu 27

Dikjarazzjoni ta' fornitur

1.   Meta jinħareġ ċertifikat ta' moviment EUR.1, jew issir dikjarazzjoni fuq fattura, f'waħda mill-Partijiet Kontraenti għal prodotti oriġinarji, li fil-manifattura tagħhom ikunu ntużaw oġġetti li jkunu ġejjin minn Partijiet Kontraenti oħra li tkun saritilhom ħidma jew ipproċessar fiż-ŻEE mingħajr ma jkunu kisbu status oriġinarju preferenzjali, tiġi meqjusa d-dikjarazzjoni tal-fornitur mogħtija fir-rigward ta' dawn il-prodotti skont dan l-Artikolu.

2.   Id-dikjarazzjoni tal-fornitur imsemmija fil-paragrafu 1 isservi bħala evidenza tal-ħidma jew l-ipproċessar li jkunu saru fiż-ŻEE fuq l-oġġetti kkonċernati bil-għan li jiġi determinat jekk il-prodotti li fil-manifattura tagħhom ikunu ntużaw dawn l-oġġetti jkunux jistgħu jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw fiż-ŻEE u jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti l-oħra ta' dan il-Protokoll.

3.   Ħlief f'każijiet previsti fil-paragrafu 4, dikjarazzjoni separata tal-fornitur tiġi mfassla mill-fornitur għal kull konsenja ta' oġġetti fil-forma preskritta fl-Anness V fuq karta mehmuża mal-fattura, man-nota tal-konsenja jew ma' kwalunkwe dokument kummerċjali ieħor li jiddeskrivi l-oġġetti kkonċernati b'dettall suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati.

4.   Fil-każijiet fejn fornitur li jipprovdi regolarment lill-klijent partikolari b’oġġetti li l-ħidma jew ipproċessar li jkun saritilhom fiż-ŻEE huma mistennija li jibqgħu kostanti għal perjodi konsiderevoli ta’ żmien, dan jista’ jipprovdi dikjarazzjoni waħda tal-fornitur sabiex tkopri konsenji sussegwenti ta’ dawk l-oġġetti, minn issa ’l quddiem imsejħa bħala “dikjarazzjoni ta' fornitur għal perjodu twil”.

Dikjarazzjoni ta' fornitur għal perjodu twil normalment tista' tkun valida għal perjodu ta' mhux aktar minn sena mid-data tat-tfassil tad-dikjarazzjoni. L-awtoritajiet doganali tal-pajjiż fejn titfassal id-dikjarazzjoni jistipulaw il-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jintużaw perjodi itwal.

Id-dikjarazzjoni ta' fornitur għal perjodu twil timtela mill-fornitur fil-forma preskritta fl-Anness VI u għandha tiddeskrivi l-oġġetti kkonċernati f'dettal suffiċjenti sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati. Din tiġi pprovduta lill-klijent ikkonċernat qabel ma jiġi fornit bl-ewwel konsenja ta' oġġetti koperti b'din id-dikjarazzjoni jew flimkien mal-ewwel konsenja tiegħu.

Il-fornitur jinforma lill-klijent tiegħu immedjatament jekk id-dikjarazzjoni tal-fornitur għal perjodu twil ma tkunx aktar applikabbli għall-oġġetti li jiġu fornuti.

5.   Id-dikjarazzjoni ta' fornitur imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 tiġi ttajpjata jew stampata f'waħda mil-lingwi li fihom tfassal dan il-Ftehim, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali tal-pajjiż fejn titfassal, u jkollha fuqha l-firma oriġinali magħmula bil-miktub mill-fornitur. Id-dikjarazzjoni tista' ssir ukoll bil-miktub; f'dan il-każ, tinkiteb bil-linka f'karattri stampati.

6.   Il-fornitur li jfassal id-dikjarazzjoni irid ikun lest li jippreżenta fi kwalunkwe waqt, fuq it-talba tal-awtoritajiet doganali tal-pajjiż fejn issir id-dikjarazzjoni, id-dokumenti kollha xierqa li jagħtu prova li l-informazzjoni mogħtija f'din id-dikjarazzjoni tkun korretta.

Artikolu 28

Dokumenti ta’ sostenn

Id-dokumenti msemmija fl-Artikoli 16(3), 21(5) u 27(6) użati bħala prova li l-prodotti koperti b'ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED, jew b'dikjarazzjoni fuq fattura jew b'dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED jistgħu jitqiesu bħala prodotti li joriġinaw miż-ŻEE jew minn wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3 u li jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra ta' dan il-Protokoll u li l-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjoni ta' fornitur hija korretta, jistgħu jikkonsistu, fost l-oħrajn, minn dawn li ġejjin:

(a)    evidenza diretta tal-proċessi mwettqa mill-esportatur jew mill-fornitur sabiex jinkisbu l-oġġetti kkonċernati, li pereżempju jkunu jinsabu fil-kontijiet jew fiż-żamma tal-kotba interni tiegħu;

(b)    dokumenti li jagħtu prova tal-istatus oriġinarju tal-materjali użati, maħruġa jew magħmula fil-Parti Kontraenti fejn jintużaw dawn id-dokumenti skont il-liġi nazzjonali;

(c)    dokumenti li jagħtu prova tal-ħidma jew l-ipproċessar tal-materjali fiż-ŻEE, maħruġa jew magħmula fil-Parti Kontraenti fejn jintużaw dawn id-dokumenti skont il-liġi nazzjonali;

(d)    ċertifikati ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED jew dikjarazzjonijiet fuq fattura jew dikjarazzjonijiet fuq fattura EUR-MED li jagħtu prova tal-istatus oriġinarju tal-materjali użati, maħruġa jew magħmula fil-Partijiet Kontraenti skont dan il-Protokoll, jew f'wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3, skont ir-regoli ta' oriġini li huma identiċi mar-regoli f'dan il-Protokoll.

(e)    dikjarazzjonijiet ta' fornitur li jagħtu prova li l-ħidma jew l-ipproċessar li saru fiż-ŻEE skont il-materjali użati, magħmula fil-Partijiet Kontraenti skont dan il-Protokoll;

(f)    evidenza xierqa dwar il-ħidma jew l-ipproċessar li twettqu lil hinn miż-ŻEE permezz tal-applikazzjoni tal-Artikolu 11, li tagħti prova li r-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu ġew issodisfati.

Artikolu 29

Preservazzjoni tal-prova ta' oriġini, tad-dikjarazzjoni tal-fornitur u tad-dokumenti ta' sostenn

1.   L-esportatur li japplika għall-ħruġ ta' ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED iżomm id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 16(3) għal mill-anqas tliet snin.

2.   L-esportatur li jimla dikjarazzjoni fuq fattura jew dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED iżomm kopja ta' din id-dikjarazzjoni fuq fattura kif ukoll id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 21(5) għal mill-anqas tliet snin.

3.   Il-fornitur li jfassal dikjarazzjoni ta’ fornitur iżomm għal mill-inqas tliet snin kopji tad-dikjarazzjoni u tal-fattura, noti tal-konsenja jew dokumenti kummerċjali oħra li magħhom tkun mehmuża din id-dikjarazzjoni kif ukoll id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 27(6).

Il-fornitur li jfassal dikjarazzjoni ta' fornitur għal perjodu twil iżomm għal mill-anqas tliet snin kopji tad-dikjarazzjoni u ta' kull fattura, nota tal-konsenja jew dokumenti kummerċjali oħra li jikkonċernaw l-oġġetti koperti b'din id-dikjarazzjoni mibgħuta lill-klijent ikkonċernat, kif ukoll id-dokumenti msemmija fl-Artikolu 27(6). Il-perjodu jibda mid-data meta tintemm il-validità tad-dikjarazzjoni ta' fornitur għal perjodu twil.

4.   L-awtoritajiet doganali tal-pajjiż esportatur li joħorġu ċ-ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED iżommu d-dokumenti msemmija fl-Artikolu 16(2) għal mill-anqas tliet snin.

5.   L-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur iżommu għal mill-anqas tliet snin iċ-ċertifikati ta' moviment EUR.1 u EUR-MED kif ukoll id-dikjarazzjonijiet fuq fattura u d-dikjarazzjonijiet fuq fattura EUR-MED li ġew ippreżentati lilhom.

Artikolu 30

Diskrepanzi u żbalji formali

1.   Is-sejba ta’ diskrepanzi żgħar bejn id-dikjarazzjonijiet magħmula fil-prova ta' oriġini u dawk magħmula fid-dokumenti ppreżentati lill-uffiċċju doganali bil-għan li jitwettqu l-formalitajiet għall-importazzjoni tal-prodotti, ma tagħmilx ipso facto l-prova ta' oriġini nulla u bla effett jekk ikun stabbilit kif xieraq li dan id-dokument fil-fatt jikkorrispondi għall-prodotti sottomessi.

2.   Żbalji formali li huma ovvji bħalma huma żbalji tal-ittajpjar fuq prova ta' oriġini ma għandhomx iwasslu biex dan id-dokument jiġi rifjutat jekk dawn l-iżbalji ma jkunux tali li joħolqu dubji dwar il-korrettezza tad-dikjarazzjonijiet magħmula f’dan id-dokument.

Artikolu 31

Ammonti espressi f’euro

1.   Għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(1)(b) u tal-Artikolu 26(3) f'każijiet fejn il-prodotti huma ffatturati f'munita li mhijiex l-euro, l-ammonti fil-muniti nazzjonali tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u tal-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3 li huma ekwivalenti għall-ammonti espressi f'euro jiġu ffissati darba fis-sena mill-pajjiżi kkonċernati.

2.   Konsenja tibbenefika mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(1)(b) jew l-Artikolu 26(3) b’referenza għall-munita li fiha titfassal il-fattura, skont l-ammont stabbilit mill-pajjiż ikkonċernat.

3.   L-ammonti li għandhom jintużaw fi kwalunkwe munita nazzjonali jkunu ekwivalenti f'dik il-munita għall-ammonti espressi f'euro fl-ewwel ġurnata tax-xogħol f'Ottubru ta' kull sena. L-ammonti jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni Ewropea sal-15 ta’ Ottubru u japplikaw mill-1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara. Il-Kummissjoni Ewropea tinnotifika lill-pajjiżi kollha kkonċernati bl-ammonti rilevanti.

4.   Pajjiż jista' jnaqqas jew iżid l-ammont li jirriżulta mill-iskambju għall-munita nazzjonali tiegħu ta' ammont espress f'euro. L-ammont mogħti għad-dritt jista' ma jkunx differenti mill-ammont li jirriżulta mill-konverżjoni b’aktar minn 5 %. Pajjiż jista’jżomm bla ma tinbidel l-ekwivalenti tal-munita nazzjonali għal ammont espress f’euro jekk, fiż-żmien tal-aġġustament annwali previst fil-paragrafu 3, il-konverżjoni ta’ dak l-ammont, qabel ma nqata' għad-dritt, tirriżulta f’żieda ta’ anqas minn 15 % fl-ekwivalenti tal-munita nazzjonali. L-ekwivalenti tal-munita nazzjonali tista' tinżamm bla ma tinbidel jekk il-konverżjoni tirriżulta fi tnaqqis ta' dak il-valur ekwivalenti.

5.   L-ammonti espressi f’ewro jiġu rriveduti mill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE fuq talba tal-Partijiet Kontraenti. Meta jwettaq din ir-reviżjoni, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jqis is-siwi li l-effetti ta’ dawn il-limiti jiġu ppreservati f'termini reali. Għal dan il-għan, jista’ jiddeċiedi li jimmodifika l-ammonti espressi f’euro.

TITOLU VI

ARRANĠAMENTI GĦALL-KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

Artikolu 32

Kooperazzjoni amministrattiva

1.   L-awtoritajiet doganali tal-Partijiet Kontraenti jipprovdu lil xulxin, permezz tal-Kummissjoni Ewropea, b'kopji eżemplari tat-timbri użati fl-uffiċċji doganali tagħhom għall-ħruġ taċ-ċertifikati ta' moviment EUR.1 u EUR-MED, flimkien mal-indirizzi tal-awtoritajiet doganali responsabbli li jivverifikaw dawn iċ-ċertifikati, id-dikjarazzjonijiet fuq fattura, u d-dikjarazzjonijiet fuq fattura EUR-MED jew id-dikjarazzjonijiet tal-fornituri.

2.    Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni xierqa ta' dan il-Protokoll, il-Partijiet Kontraenti jgħinu lil xulxin, permezz tal-amministrazzjonijiet doganali kompetenti, fil-kontroll tal-awtentiċità taċ-ċertifikati ta' moviment EUR.1 u EUR-MED, tad-dikjarazzjonijiet ta' fatturi u tad-dikjarazzjonijiet ta' fatturi EUR-MED jew tad-dikjarazzjonijiet tal-fornituri u l-korrettezza tal-informazzjoni mogħtija f'dawn id-dokumenti.

Artikolu 33

Verifika tal-provi ta' oriġini

1.    Verifiki sussegwenti tal-provi ta' oriġini għandhom jitwettqu għall-għarrieda jew meta l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur ikollom dubju raġonevoli fir-rigward tal-awtentiċità ta' dawn id-dokumenti, l-istatus oriġinarju tal-prodotti kkonċernati jew tat-twettiq tar-rekwiżiti l-oħra ta' dan il-Protokoll.

2.    Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur jibagħtu lura ċ-ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED u l-fattura, jekk din tkun ġiet ippreżentata, id-dikjarazzjoni fuq fattura jew id-dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED, jew kopja ta’ dawn id-dokumenti, lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż esportatur filwaqt li jagħtu, fejn xieraq, ir-raġunijiet għat-talba tal-verifika. Kwalunkwe dokument u informazzjoni miksuba li jissuġġerixxu li l-informazzjoni mogħtija fil-prova ta' oriġini hija żbaljata jintbagħatu sabiex isostnu t-talba għall-verifika.

3.   Il-verifika għandha titwettaq mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż esportatur. Għal dan il-għan, huma jkollhom id-dritt li jsejħu kwalunkwe evidenza u jwettqu kwalunkwe spezzjoni tal-kontijiet tal-esportatur jew kwalunkwe kontroll ieħor meqjus xieraq.

4.   Jekk l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur jiddeċiedu li jissospendu l-għoti tat-trattament preferenzjali lill-prodotti kkonċernati waqt li jkunu qed jistennew ir-riżultati tal-verifika, lill-importatur jiġi offrut ir-rilaxx tal-prodotti soġġetti għal kull miżura ta' prekwazzjoni li huma jidhrilhom meħtieġa.

5.   L-awtoritajiet doganali li jitolbu l-verifika jkunu informati bir-riżultati ta' din il-verifika malajr kemm jista' jkun. Dawn ir-riżultati jindikaw b’mod ċar jekk id-dokumenti humiex awtentiċi u jekk il-prodotti kkonċernati jistgħux jiġu kkunsidrati bħala prodotti li joriġinaw fiż-ŻEE jew f’wieħed mill-pajjiżi msemmija fl-Artikolu 3 u jekk jissodisfawx ir-rekwiżiti l-oħra ta’ dan il-Protokoll.

6. Jekk f’każijiet ta’ dubju raġonevoli ma jkun hemm l-ebda risposta fi żmien 10 xhur mid-data tat-talba għall-verifika jew jekk ir-risposta ma jkunx fiha informazzjoni biżżejjed biex tiġi determinata l-awtentiċità tad-dokument inkwistjoni jew l-oriġini vera tal-prodotti, l-awtoritajiet doganali li jagħmlu t-talba għandhom, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jirrifjutaw id-dritt għall-preferenza.

Artikolu 34

Verifika tad-dikjarazzjonijiet ta' fornitur

1.   Il-verifiki sussegwenti ta' dikjarazzjonijiet ta' fornitur jew ta' dikjarazzjonijiet ta' fornitur għal perjodu twil jistgħu jitwettqu għall-għarrieda jew kull meta l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż, fejn dawn id-dikjarazzjonijiet ġew meqjusa sabiex jinħareġ ċertifikat ta' moviment EUR 1 jew EUR-MED jew sabiex titfassal dikjarazzjoni fuq fattura jew dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED, ikollhom dubji raġonevoli fuq l-awtentiċità tad-dokument jew dwar il-korrettezza tal-informazzjoni mogħtija f'dan id-dokument.

2.   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż imsemmi fil-paragrafu 1 jirritornaw id-dikjarazzjoni u l-fattura(i) tal-fornitur, in-nota(i) ta' konsenja jew dokumenti kummerċjali oħra li jikkonċernaw oġġetti koperti b'din id-dikjarazzjoni, lill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż fejn tkun saret din id-dikjarazzjoni, filwaqt li jagħtu, fejn xieraq, ir-raġunijiet ta' sustanza jew ta' forma għat-talba għall-verifika.

Bħala sostenn tat-talba għall-verifika sussegwenti, huma jibagħtu kwalunkwe dokumenti u informazzjoni miksuba li jissuġġerixxu li l-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjoni tal-fornitur mhijiex korretta.

3.   Il-verifika titwettaq mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż fejn tkun saret id-dikjarazzjoni tal-fornitur. Għal dan il-għan, huma jkollhom id-dritt li jsejħu għal kwalunkwe evidenza u jwettqu kwalunkwe spezzjoni tal-kontijiet tal-fornitur jew kwalunkwe kontroll ieħor meqjus xieraq.

4.   L-awtoritajiet doganali li jitolbu l-verifika jkunu informati bir-riżultati ta' din il-verifika malajr kemm jista' jkun. Dawn ir-riżultati jindikaw b'mod ċar jekk l-informazzjoni mogħtija fid-dikjarazzjoni tal-fornitur hijiex korretta u jekk tippermettilhomx jiddeterminaw jekk tistax tiġi meqjusa d-dikjarazzjoni tal-fornitur sabiex jinħareġ ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED jew sabiex titfassal dikjarazzjoni fuq fattura jew dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED, u sa liema punt dan jista' jsir.

Artikolu 35

Riżoluzzjoni ta' tilwim

Meta jinqalgħu kwistjonijiet b'rabta mal-proċeduri ta’ verifika tal-Artikoli 33 u 34 li ma jkunux jistgħu jiġu solvuti bejn l-awtoritajiet doganali li jitolbu verifika u l-awtoritajiet doganali responsabbli għat-twettiq ta’ din il-verifika jew meta titqajjem kwistjoni dwar l-interpretazzjoni ta’ dan il-Protokoll, dawn jiġu sottomessi lill-Kumitat Konġunt taż-ŻEE.

Fil-każijiet kollha r-riżoluzzjonijiet tat-tilwim bejn l-importatur u l-awtoritajiet doganali tal-pajjiż importatur jsiru skont il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż imsemmi.

Artikolu 36

Penali

Il-penali jiġu imposti fuq kwalunkwe persuna li tfassal, jew tikkawża t-tfassil, ta' dokument li jkun fih informazzjoni li mhijiex korretta bil-għan li jinkiseb trattament preferenzjali għall-prodotti.

Artikolu 37

Żoni ħielsa

1.    Il-Partijiet Kontraenti jieħdu l-passi kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li l-prodotti kkumerċjati li jkunu koperti bi prova ta' oriġini u li waqt it-trasport jużaw żona ħielsa li tkun tinsab fit-territorju tagħhom, ma jiġux sostitwiti ma' oġġetti oħra u li ma jsirilhom xejn għajr xogħlijiet normali maħsuba sabiex jiġi evitat id-deterjorament tagħhom.

2.    Permezz ta' deroga mill-paragrafu 1, meta prodotti li joriġinaw fiż-ŻEE jiġu importati f'żona ħielsa koperti bi prova ta' oriġini u jgħaddu minn trattament jew ipproċessar, l-awtoritajiet ikkonċernati joħorġu ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED ġdid fuq it-talba tal-esportatur, jekk it-trattament jew l-ipproċessar li għaddew minnu huwa skont id-dispożizzjonijiet ta' dan il-Protokoll.

TITOLU VII

CEUTA U MELILLA

Artikolu 38

Applikazzjoni tal-Protokoll

1.   It-terminu "ŻEE" użat f'dan il-Protokoll ma jkoprix lil Ceuta u Melilla. It-terminu "prodotti li joriġinaw fiż-ŻEE" ma jkoprix prodotti li joriġinaw f'Ceuta u Melilla.

2.   Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Protokoll 49 fir-rigward ta' prodotti li joriġinaw minn Ceuta u Melilla, dan il-Protokoll japplika, mutatis mutandis, soġġett għall-kundizzjonijiet speċjali stipulati fl-Artikolu 39.

Artikolu 39

Kundizzjonijiet speċjali

1.   Bil-kundizzjoni li jkunu ġew trasportati direttament skont l-Artikolu 12, dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala:

(1)      prodotti li joriġinaw f'Ceuta jew f'Melilla:

(a)     prodotti miksuba kompletament f'Ceuta jew f'Melilla:

(b)     prodotti miksuba f'Ceuta jew f'Mellilla li fil-manifattura tagħhom, jintużaw dawk il-prodotti li mhumiex imsemmija fl-(a), sakemm:

(i)           il-prodotti msemmija ikunu ġew maħduma jew proċessati biżżejjed skont l-Artikolu 5;

jew li

(ii)          dawn il-prodotti joriġinaw fiż-ŻEE, bil-kundizzjoni li jkunu ġew sottomessi għal ħidma jew ipproċessar li jmur lil hinn mill-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6.

(2)        prodotti li joriġinaw fiż-ŻEE:

(a)     prodotti miksuba kompletament fiż-ŻEE;

(b)     prodotti miksuba fiż-ŻEE u li fil-manifattura tagħhom jintużaw dawk il-prodotti li mhumiex imsemmija f’(a), sakemm:

(i)           il-prodotti msemmija ikunu ġew maħduma jew proċessati biżżejjed skont l-Artikolu 5;

jew li

(ii)          dawk il-prodotti li joriġinaw f'Ceuta u f'Melilla jew fiż-ŻEE, bil-kundizzjoni li jkunu ġew sottomessi għal ħidma jew ipproċessar li jmur lil hinn mill-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 6.

2.   Ceuta u Melilla jitqiesu bħala territorju wieħed.

3.   L-esportatur jew ir-rappreżentant awtorizzat jagħmel “ŻEE” jew “Ceuta u Melilla” fil-kaxxa 2 taċ-ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED jew fid-dikjarazzjoni fuq fattura jew fid-dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED. Barra minn hekk, fil-każ ta' prodotti li joriġinaw f'Ceuta u f'Melilla, dan jiġi indikat fil-kaxxa 4 taċ-ċertifikat ta' moviment EUR.1 jew EUR-MED jew fid-dikjarazzjoni fuq fattura jew fid-dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED.

4.   L-awtoritajiet doganali Spanjoli jkunu responsabbli għall-applikazzjoni ta' dan il-Protokoll f'Ceuta u f'Melilla.

TITOLU VIII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 40

Miżuri tranżitorji

Minkejja l-Artikolu 3 ta’ dan il-Protokoll, ir-regoli dwar il-kumulazzjoni previsti fl-Artikolu 3 tal-Protokoll 4 ta' dan il-Ftehim, kif sostitwit bid-Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE Nru 136/2005,[8] ikomplu japplikaw bejn il-Partijiet Kontraenti sakemm il-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji hija applikabbli għall-pajjiżi kollha elenkati fl-Artikolu 3 tal-Protokoll 4 ta' dan il-Ftehim.

___________________

Anness I

Noti introduttorji għal-lista fl-Anness II

Ara l-Anness I tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji

Kwalunkwe referenza għal “dan l-Appendiċi” f’Nota 1 u 3.1. tal-Anness I tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji għandhom jinqraw bħala referenzi għal “dan il-Protokoll”

Anness II:

Lista ta' ħidma jew ipproċessar meħtieġa li jsiru fuq materjali mhux oriġinarji sabiex il-prodott maħdum jikseb status oriġinarju

Ara l-Anness II tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji

Anness IIIa

Eżempji ta' ċertifikat ta' moviment EUR.1 u applikazzjoni għal ċertifikat ta' moviment EUR.1

Ara l-Anness IIIa tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji

Anness IIIb

Eżempji ta' ċertifikat ta' moviment EUR-MED u applikazzjoni għal ċertifikat ta' moviment EUR-MED

Ara l-Anness IIIb tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji

Anness IVa

Test tad-dikjarazzjoni fuq fattura

Ara l-Anness IVa tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji

Anness IVb

Test tad-dikjarazzjoni fuq fattura EUR-MED

Ara l-Anness IVb tal-Appendiċi I tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji

Anness V

Dikjarazzjoni ta' fornitur

Id-dikjarazzjoni ta' fornitur, li t-test tagħha qed jingħata hawn taħt, trid issir skont in-noti f’qiegħ il-pagna. Madankollu, in-noti f'qiegħ il-paġna ma għandhomx jiġu riprodotti.

Anness VI

Dikjarazzjoni ta' fornitur għal perjodu twil

Id-dikjarazzjoni ta' fornitur għal perjodu twil, li t-test tagħha qed jingħata hawn taħt, trid issir skont in-noti f'qiegħ il-paġna. Madankollu, in-noti f'qiegħ il-paġna ma għandhomx jiġu riprodotti.

(1)            L-isem u l-indirizz tal-klijent.

(2)            Meta l-fattura, n-nota tal-konsenja jew dokument kummerċjali ieħor li magħhom tkun mehmuża d-dikjarazzjoni jirreferu għal tipi differenti ta’ oġġetti, jew għal oġġetti li ma jinkorporawx daqstant materjali mhux oriġinarji, il-fornitur għandu jagħmel distinzjoni ċara bejniethom.

Eżempju:

Id-dokument jirriferi għal mudelli differenti ta’ mutur elettriku tal-intestatura 8501 sabiex jintużaw fil-manifattura ta’ magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ tal-intestura 8450. In-natura u l-valur tal-materjali mhux oriġinarji użati fil-manifattura ta’ dawn il-muturi jvarjaw minn mudell għal ieħor. Għalhekk, trid issir distinzjoni bejn il-mudelli fl-ewwel kolonna u l-indikazzjonijiet fil-kolonni l-oħra għandhom jiġu pprovduti separatament għal kull wieħed mill-mudelli sabiex ikun possibbli li l-manifattur tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ jagħmel valutazzjoni korretta tal-istatus oriġinarju tal-prodotti tiegħu skont il-mudell ta’ mutur elettriku li juża.

(3)            L-indikazzjonijiet mitluba f’dawn il-kolonni għandhom jingħataw biss jekk ikun hemm bżonn.

Eżempji:

Ir-regola għall-ilbies tal-ex Kapitolu 62 tgħid li jista' jintuża ħajt mhux oriġinarju. Jekk manifattur ta’ lbies bħal dan fi Franza juża drapp li huwa importat min-Norveġja li jkun inkiseb hemm minn insiġ ta’ ħajt mhux oriġinarju, ikun biżżejjed għall-fornitur tal-Unjoni Ewropea li fid-dikjarazzjoni tiegħu jiddeskrivi l-materjal mhux oriġinarju użat bħala ħajt, mingħajr il-ħtieġa li jindika l-intestatura u l-valur ta’ dan il-ħajt.

Produttur ta' ħadid tal-intestatura 7217 li jkun ipproduċieh minn vireg tal-ħadid mhux oriġinarji għandu jindika fit-tieni kolonna “vireg tal-ħadid”. Fejn dawn il-vireg se jintużaw fil-produzzjoni ta’ magna, li għaliha r-regola tinkludi limitazzjoni għall-materjal kollu mhux oriġinarju użat sa ċertu valur perċentwali, il-valur tal-vireg mhux oriġinarji jeħtieġ li jiġi indikat fit-tielet kolonna.

(4)         “Il-valur tal-materjali” tfisser il-valur doganali fil-waqt tal-importazzjoni tal-materjali mhux oriġinarji użati, jew, jekk dan ma jkunx magħruf u ma jistax ikun aċċertat, l-ewwel prezz aċċertat imħallas għall-materjali fiż-ŻEE; Il-valur eżatt għal kull materjal mhux oriġinarju użat irid jingħata għal kull unità tal-oġġetti speċifikati fl-ewwel kolonna.

(5)            “Il-valur miżjud totali” tfisser l-ispejjeż kollha akkumulati lil hinn miż-ŻEE, inkluż il-valur tal-materjali kollha miżjuda hemmhekk. Il-valur miżjud totali preċiż miksub lil hinn miż-ŻEE jrid jingħata għal kull unità tal-oġġetti speċifikati fl-ewwel kolonna.

(6)         Daħħal id-dati. Il-perjodu ta’ validità tad-dikjarazzjoni ta’ fornitur għal perjodu twil m’għandux normalment jaqbeż it-12-il xahar, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati mill-awtoritajiet doganali tal-pajjiż fejn titfassal id-dikjarazzjoni ta’ fornitur għal perjodu twil.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

dwar l-aċċettazzjoni ta’ provi ta' oriġini maħruġa fil-qafas tal-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 3 tal-Protokoll 4 għal prodotti li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea, l-Islanda jew in-Norveġja

1.     Il-provi ta’ oriġini maħruġa fil-qafas tal-ftehimiet imsemmija fl-Artikolu 3 tal-Protokoll 4 għall-prodotti li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea, fl-Islanda jew fin-Norveġja jkunu aċċettati bil-għan li jingħata trattament tariffarju preferenzjali stipulat bil-Ftehim ŻEE.

2.     Dawn il-prodotti jitqiesu bħala materjali li joriġinaw fiż-ŻEE meta dawn jiġu inkorporati fi prodott miskub hemmhekk. Mhux meħtieġ li dawn il-materjali jkunu ġew maħduma jew ipproċessati biżżejjed.

3.     Barra minn hekk, sakemm dawn il-prodotti jkunu koperti mill-Ftehim ŻEE dawn jitqiesu bħala li oriġinaw fiż-ZEE meta jiġu esportati mill-ġdid lejn Parti Kontraenti oħra taż-ŻEE.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

dwar il-Prinċipat ta' Andorra

1.     Il-prodotti li joriġinaw mill-Prinċipat ta’ Andorra li jaqgħu taħt il-Kapitoli 25 sa 97 tas-Sistema Armonizzata jkunu aċċettati mill-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja bħala li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea skont it-tifsira ta’ dan il-Ftehim.

2.     Il-Protokoll 4 japplika mutatis mutandis, bil-għan li jiġi definit l-istatus oriġinarju tal-prodotti msemmija hawn fuq.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

dwar ir-Repubblika ta' San Marino

1.     Prodotti li joriġinaw mir-Repubblika ta' San Marino jiġu aċċettati mill-Islanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja bħala li joriġinaw fl-Unjoni Ewropea skont it-tifsira ta’ dan il-Ftehim.

2.     Il-Protokoll 4 japplika mutatis mutandis, bil-għan li jiġi definit l-istatus oriġinarju tal-prodotti msemmija hawn fuq.

DIKJARAZZJONI KONĠUNTA

dwar l-irtirar ta’ Parti Kontraenti mill-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji

1.     Jekk Parti Kontraenti għaż-ŻEE jagħtu avviż bil-miktub lid-depożitarju tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji dwar l-intenzjoni tagħhom li jirtiraw mill-Konvenzjoni skont l-Artikolu 9 tagħha, il-Parti Kontraenti li tirtira tidħol minnufih f’negozjati dwar ir-regoli ta' oriġini mal-Partijiet Kontraenti taż-ŻEE l-oħra bil-għan li jiġi implimentat dan il-Ftehim.

2.     Sad-dħul fis-seħħ ta’ dawn ir-regoli ta’ oriġini appena nnegozjati, ir-regoli ta' oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ Appendiċi II tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli ta’ oriġini pan-Ewro-Mediterranji, applikabbli fil-mument tal-irtirar, japplikaw mutatis mutandis bejn il-Parti Kontraenti li tirtira u l-Partijiet Kontraenti taż-ŻEE l-oħra. Madankollu, mill-mument tal-irtirar, ir-regoli ta' oriġini li jinsabu fl-Appendiċi I u, fejn xieraq, id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ Appendiċi II tal-Konvenzjoni jiġu interpretati fis-sens li jippermettu kumulazzjoni bilaterali bejn il-Parti Kontraenti li tirtira u l-Partijiet Kontraenti taż-ŻEE l-oħra.

_______________________

[1]               L-Alġerija, l-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Lebanon, il-Marokk, il-Palestina, Is-Sirja u t-Tuneżija.

[2]               ĠU L 54, 26.2.2013, p. 4.

[3]               ĠU L XX, x.x.xxxx, p. X. u s-Suppliment taż-ŻEE Nru X, x.x.xxxx p. X)

[4]               [L-ebda rekwiżit kostitutzzjonali ma huwa indikat.] [Ir-rekwiżiti kostitutzzjonali huma indikati.]

[5]               Il-Prinċipat tal-Leichtenstein għandu unjoni doganali mal-Isvizzera, u huwa Parti Kontraenti għall-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea.

[6]               L-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u l-Kosovo skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1244/99.

[7]               L-Eġittu, l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu, il-Marokk, is-Sirja, it-Tuneżija, il-Palestina (*Dan l-isem ma għandux jitqies bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u huwa bla ħsara għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri dwar din il-kwistjoni).

[8]               ĠU L 321, 8.12.2005, p. 1 u s-Suppliment taż-ŻEE Nru 63, 8.12.2005, p. 1.