Brussell, 24.2.2015

COM(2014) 720 final

2014/0342(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/706/KEE dwar l-iffissar ta’ mira tal-Komunità għal tnaqqis fil-konsum ta’ sorsi primarji ta’ enerġija fil-każ ta’ diffikultajiet fil-provvista ta’ żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 79/639/KEE li tistabblixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 77/706/KEE


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/706/KEE, il-Kummissjoni tista’ tiffissa mira ta’ 10 % għat-tnaqqis ta’ konsum fil-prodotti petroliferi f’każ ta’ tfixkil; L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex inaqqsu l-konsum tagħhom skont dan. Din id-Deċiżjoni u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 79/639/KEE tistabbilixxi regoli kumplessi biex jitnaqqas il-konsum taż-żejt f’każ ta’ interruzzjoni. Dawn qatt ma ġew użati fil-prattika. B’mod partikolari, il-Kummissjoni qatt ma stabilixxiet mira Komunitarja għat-tnaqqis tal-konsum fil-prodotti petroliferi.

Din il-leġiżlazzjoni kienet bażikament f’konformità mal-Programm Internazzjonali tal-Enerġija tal-1974, it-Trattat fundatur tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, li rrikjeda li l-pajjiżi membri tal-IEA jimplimentaw miżuri ta’ trażżin suffiċjenti tad-domanda li jnaqqsu l-konsum b' 7 jew 10 %, kull fejn il-grupp isofri minn tnaqqis ta’ provvisti ta’ żejt ta’ mill-inqas 7 jew 12 %, rispettivament.

B’mod ġenerali, l-interruzzjonijiet fil-provvista taż-żejt jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ żieda fil-provvista (rilaxx tal-ħażniet jew żieda fil-produzzjoni indiġena) jew it-tnaqqis tad-domanda (miżuri ta’ trażżin tad-domanda jew il-bdil minn fjuwil għall-ieħor). Matul is-snin, l-importanza tal-ħażniet ta’ emerġenza żdied u r-rilaxx ta’ ħażniet bħal dawn issa huwa ġeneralment meqjus — anki mill-IEA — bħala l-għodda ewlenija ta’ reazzjoni għall-emerġenzi. F’każ ta’ interruzzjoni tal-provvista taż-żejt, ir-rilaxx ta’ ħażniet taż-żejt ta’ emerġenza jista’ jissostitwixxi malajr il-volumi nieqsa mingħajr ma jfixkel l-attività ekonomika tal-UE u l-ħajja taċ-ċittadini tagħha. Barra minn hekk, il-ħażniet ta’ żejt ta’ emerġenza spiss huma ffinanzjati minn taxxa mħallsa mill-konsumaturi li leġittimament jistennew li dawk il-ħażniet jiġu rilaxxati f’każ ta’ interruzzjoni, minflok ma jiġi ristrett il-konsum.

Id-Direttiva relatata dwar il-Ħażniet taż-Żejt 1 ġiet riveduta fl-2009 u hija applikabbli mill-2013. Tipprovdi qafas imsaħħaħ għat-twaqqif u d-disponibbiltà tal-ħażniet taż-żejt ta’ emerġenza u tispeċifika l-proċeduri li skonthom jistgħu jintużaw dawn il-ħażniet . Teħtieġ ukoll li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ proċeduri “li jimponu restrizzjonijiet ġenerali jew speċifiċi fuq il-konsum f’konformità man-nuqqasijiet li jkunu stmati, fost l-oħrajn bl-allokazzjoni tal-prodotti petroliferi lil xi gruppi ta’ utenti fuq bażi prijoritarja.” (l- Artikolu 20(1)). Hija strument importanti li jikkontribwixxi għall-għan ta’ politika ġenerali tal-enerġija tas-sigurtà tal-provvista. Issa li d-Direttiva riveduta dwar il-Ħażniet taż-Żejt ġiet adottata u daħlet fis-seħħ, jidher rilevanti li jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ neċessità li jinżammu regoli li jirkbu fuq xulxin fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/706/KEE.

Il-Kummissjoni tipproponi, abbażi ta’ dan, li l-Kunsill jirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/706/KEE u, fl-istess ħin, ukoll id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 79/639/KEE.

2.IR-RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U L-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Fil-laqgħa tiegħu tat-23 ta’ Jannar 2014, il-grupp ta’ koordinazzjoni għaż-żejt u għall-prodotti petroliferi ġie kkonsultat dwar l-adegwatezza li jirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kunsill. L-Istati Membri appoġġjaw l-inizjattiva tar-revoka tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni li kienu approvati fi żmien meta l-ħażniet ta’ emerġenza kellhom rwol inqas prominenti mil-lum.

Il-valutazzjoni tal-impatt 2 għad-Direttiva riveduta dwar il-Ħażniet taż-Żejt (id-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE) eżaminat l-għodod alternattivi ta’ rispons għall-emerġenza (trażżin tad-domanda , qlib minn fjuwil għall-ieħor, u l-qabża fil-produzzjoni) u enfasizzat il-limitazzjonijiet tagħhom. B’mod partikolari, il-miżuri ta' trażżin tad-domanda jeħtieġu l-aċċettazzjoni pubblika li xi kultant tista’ tkun diffiċli biex tinkiseb u tista’ wkoll tfixkel l-attivitajiet tan-negozju u tal-industrija u l-mobilità taċ-ċittadini.

3.L-ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 122(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (eks Artikolu 100(1) KE u preċedentament l-Artikolu 103(4) KEE li fuqu bbażata d-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/706/KE).

Bħala konsegwenza tar-revoka tad-Deċiżjoni msemmija hawn fuq, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 79/639/KEE li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/706/KEE se titlef il-bażi legali u l-applikazzjoni prattika tagħha. Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 79/639/KEE għandha tiġi rrevokata wkoll. Dan jista’ jsir mill-Kunsill fuq proposta mill-Kummissjoni.

2014/0342 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/706/KEE dwar l-iffissar ta’ mira tal-Komunità għal tnaqqis fil-konsum ta’ sorsi primarji ta’ enerġija fil-każ ta’ diffikultajiet fil-provvista ta’ żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 79/639/KEE li tistabblixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 77/706/KEE

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Fis-7 ta’ Novembru 1977, il-Kunsill iddeċieda, bid-Deċiżjoni 77/706/KE 3 tiegħu, li jistabbilixxi mekkaniżmu għall-iffissar ta’ mira Komunitarja għal tnaqqis fil-konsum ta’ sorsi primarji ta’ enerġija fil-każ ta’ diffikultajiet fil-provvista ta’ żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi.

(2)Fil-15 ta’ Ġunju 1979, il-Kummissjoni, fid- Deċiżjoni 79/639/KEE tagħha 4 , stabbilixxiet regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tad- Deċiżjoni tal-Kunsill 77/706/KEE.

(3)Id-Deċiżjonijiet 77/706/KEE u 79/639/KEE jistabbilixxu proċeduri kumplessi, li jinvolvu piż amministrattiv sinifikanti sew għall-Istati Membri sew għall-Kummissjoni, inklużi diversi obbligi ta’ rappurtar. Dawn il-proċeduri għadhom ma sabu ebda applikazzjoni prattika.

(4)Fil-każ ta’ qtugħ ta’ provvista, ħażniet ta’ emerġenza jistgħu jissostitwixxu l-volumi nieqsa malajr u b’mod effiċjenti, mingħajr ma jfixklu l-attività ekonomika u jxekklu l-mobilità. Għalhekk, il-ħażniet ta’ emerġenza issa huma kkunsidrati bħala l-għodda ta’ reazzjoni ewlenija biex tiġi indirizzata interruzzjoni tal-provvista taż-żejt.

(5)Barra minn hekk, id-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE tistabbilixxi qafas imsaħħaħ għall-ħażniet ta’ emerġenza, li jiżgura d-disponibilità u l-aċċessibilità fiżika tagħhom u li jistabbilixxi l-proċeduri għall-użu tagħhom.

(6)id-Direttiva 2009/119/KE 5 teħtieġ ukoll li l-Istati Membri jkollhom fis-seħħ proċeduri li jimponu restrizzjonijiet ġenerali jew speċifiċi fuq il-konsum, skont in-nuqqasijiet stmati, fost l-oħrajn bl-allokazzjoni tal-prodotti petroliferi lil xi gruppi ta’ utenti fuq bażi prijoritarja.

(7)Il-Programm tal-Kummissjoni dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni jirrevedi sistematikament il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni sabiex jidentifika opportunitajiet għas-simplifikazzjoni u t-tnaqqis tal-piż regolatorju.

(8)Bħala konsegwenza tar-revoka tad-Deċiżjoni 77/706/KEE, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 79/639/KEE li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/706/KEE se tiġi sorpassata u għandha tiġi rrevokata wkoll,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjonijiet Nru 77/706/KE u Nru 79/639/KE huma revokati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1) Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE tal-14 ta’ Settembru 2009 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri li jżommu ħażniet minimi ta’ prodotti taż-żejt mhux maħdum u/jew prodotti petroliferi, ĠU L 265, 09.10.2009, p.9–23.
(2) SEC(2008) 2858.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/706/KEE tas-7 ta’ Novembru 1977 dwar l-iffissar ta’ mira tal-Komunità għal tnaqqis fil-konsum ta’ sorsi primarji ta’ enerġija fil-każ ta’ diffikultajiet fil-provvista ta’ żejt mhux maħdum u prodotti petroliferi (ĠU L 292, 16.11.1977, p. 9).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 79/639/KEE tal-15 ta’ Ġunju 1979 li tistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 77/706/KEE (ĠU L 183, 19.7.1979, p. 1).
(5) Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/119/KE tal-14 ta’ Settembru 2009 li timponi obbligu fuq l-Istati Membri biex iżommu livell minimu ta’ ħażniet ta’ żejt mhux maħdum u/jew ta’ prodotti petroliferi (ĠU L 265, 09/10/2009, p. 9).